RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

2.5.2011 - (COM(2010)0524 – C7‑0298/2010 – 2010/0278(COD)) - ***I

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur għal opinjoni: Sylvie Goulard


ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

(COM(2010)0524 – C7‑0298/2010 – 2010/0278(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2010)0524),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikoli 121 u 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0298/2010),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-16 ta' Frar 2011[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0180/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif tinstab hawnhekk;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

POŻIZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

FL-EWWEL QARI[2]*

---------------------------------------------------------

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 136, flimkien mal-Artikolu 121(6), l-Artikolu 122(2) u l-Artikolu 3(1)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)      L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom interess u responsabilità partikolari biex ikollhom politiki ekonomiċi li jippromwovu t-tħaddim proprju tal-unjoni ekonomika u monetarja u biex jiġu evitati politiki li jipperikolawha.

(2)      It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi fiż-żona tal-euro li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Istati Membri kollha, sabiex jiġi żgurat it-tħaddim sew tal-unjoni ekonomika u monetarja.

(2a)    L-esperjenza miksuba u l-iżbalji li saru matul l-ewwel deċennju tal-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja juru l-ħtieġa ta' governanza ekonomika mtejba fl-Unjoni, li għandha tinbena fuq il-bażi ta' sjieda nazzjonali aktar b'saħħitha ta' regoli u politiki li jkun sar qbil dwarhom b'mod komuni u fuq il-bażi ta' qafas ta' sorveljanza aktar robust tal-politiki ekonomiki nazzjonali fil-livell tal-Unjoni.

(2b)    Il-qafas imtejjeb ta’ governanza ekonomika għandu jsejjes ruħu fuq diversi politiki interkonnessi għal tkabbir u impjiegi sostenibbli, li jeħtieġ li jkunu koerenti ma’ xulxin, b’mod partikolari strateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi, b’attenzjoni partikolari ffukata fuq l-iżvilupp u t-tisħiħ tas-suq intern, li jrawwem kummerċ internazzjonali u kompetittività, qafas effikaċi biex jiġu evitati u koreġuti l-pożizzjonijet baġitarji eċċessivi (il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir), qafas robust biex jiġu evitati u koreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi, rekwiżiti minimi għall-oqfsa baġitarji nazzjonali, regolamentazzjoni u superviżjoni msaħħa tas-suq finanzjarju, inkluża s-superviżjoni makroprudenzjali mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, u mekkaniżmu permanenti kredibbli ta' riżoluzzjoni tal-kriżijiet.

(2c)     Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-qafas komplut tal-governanza ekonomika għandhom jikkumplementaw u jkunu kompatibbli ma' strateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.

(2d)    It-tisħiħ tal-governanza ekonomika għandu jimxi id f’id mat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-governanza ekonomika fl-Unjoni, li għandha tintlaħaq permezz ta’ involviment eqreb u aktar f’waqtu tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali matul il-proċeduri tal-koordinament tal-politika ekonomika.

(2e)     Ir-rakkomandazzjonijiet annwali dwar il-politika magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu diskussi fil-Parlament Ewropew qabel ma jinbdew id-diskussjonijiet fil-Kunsill.

(2f)     Il-kisba u s-sostenn ta’ Suq Uniku dinamiku għandhom jiġu kkunsidrati bħala element tal- funzjonament xieraq u mingħajr intoppi tal-unjoni ekonomika u monetarja.

(2g)               It-TFUE jipprevedi wkoll li fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tqis ir-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata u mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

(2h)    Il-Kunsill Ewropew, f’laqgħa tas-17 ta’ Ġunju 2010 adotta strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, l-Istrateġija Ewropa 2020, sabiex tippermetti li l-UE toħroġ iktar b'saħħitha mill-kriżi, u biex iddawwar l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, flimkien ma' livell għoli ta' impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali. Il-Kunsill Ewropew iddeċieda wkoll li fl-1 ta' Jannar 2011 iniedi s-Semestru Ewropew għall-koordinament tal-politika sabiex jippermetti li-Istati Membri jibbenefikaw mill-koordinament bikri fil-livell tal-Unjoni u –jippermetti sorvelljanza msaħħa u l-evalwazzjoni simultanja, kemm ta’ miżuri baġitarji, kif ukoll riformi strutturali, għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi.

(2i)     Il-semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (Semestru) għandu jwettaq rwol vitali fl-implimentazzjoni tar-rekwiżit skont l-Artikolu 121(1) tat-TFUE li l-Istati Membri jqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom bħala kwestjoni ta’ interess komuni u li jikkoordinawhom f’dan is-sens. It-trasparenza, il-kontabilità u s-superviżjoni indipendenti huma parti integrali mill-governanza ekonomika msaħħa. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu pubbliku u jistipulaw ir-raġunijiet għall-pożizzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom fl-istadji xierqa tal-proċeduri tal-koordinament tal-politika ekonomika.

(2j)     Jeħtieġ li tinstab soluzzjoni komprensiva u integrata għall-kriżi tad-dejn fiż-żona tal-euro minħabba li l-approċċ gradwali s’issa ma ħadimx.

(2k)    L-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro mhumiex obbligati jimplimentaw dan ir-Regolament.

(2l)     Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar b’saħħtu fil-proċedura tas-sorveljanza msaħħa l-aktar fir-rigward tal-valutazzjonijiet, il-monitoraġġ, il-missjonijiet in situ, ir-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet bikrija li huma speċifiċi għal kull Stat Membru.

(2m)   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont it-TFUE, l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro għandu jkollhom id-dritt li japplikaw il-leġiżlazzjoni ta’ governanza ekonomika.

(2n)    Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar b’saħħtu u aktar indipendenti fil-proċedura mtejba ta’ sorveljanza fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li huma speċifiċi għal kull Stat Membru, il-monitoraġġ, il-missjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet. B’mod partikolari, ir-rwol tal-Kunsill għandu jiġi limitat fil-passi li jwasslu għal sanzjonijiet potenzjali u l-votazzjoni permezz tal-maġġoranza kwalifikata bil-maqlub fil-Kunsill għandha tintuża kull fejn ikun possibbli skont it-TFUE.

(2o)    It-trasparenza kif ukoll l-effikaċja tal-appoġġ tal-pari u tal-pressjoni tal-pari huma parti integrali tal-governanza ekonomika mtejba fl-Unjoni fl-Ispirtu tal-“ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenzqa” approvati uffiċċjalment mill-Kunsill fis-7 ta’ Settembru 2010.

(2p)    Jista’ jiġi stabbilit djalogu ekonomiku mal-Parlament Ewropew, liema djalogu jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel l-analiżijiet tagħha pubbliċi u sabiex il-ministru tal-ekonomija u l-finanzi ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ diversi Stati Membri kkonċernati jagħti r-reazzjoni tiegħu. Dibattitu pubbliku bħal dan, li jseħħ lil hemm mill-fruntieri nazzjonali, jista’ jagħti l-kapaċità lill-Istati Membri li jqisu l-effetti kollaterali tad-deċiżjoni nazzjonali u li jippermettu pressjoni pubblika tal-pari.

(2q)    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun wara l-adozzjoni. Il-Kummissjoni madankollu għandha tqis, meta tagħmel proposti għal miżuri biex jiġi implimentat dan ir-Regolament, is-sitwazzjoni ekonomika attwali tal-Istati Membri kkonċernati u l-fatturi rilevanti l-oħra kollha.

(2r)     Biex tiġi msaħħa l-fiduċja fl-Istatistika Ewropea u tiġi żgurata l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, l-Istati Membri għandhom jibqgħu impenjati għalkollox għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 223.2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-istatistika Ewropea[4], b’mod partikolari l-prinċipji statistiċi kif spjegati fil-Kodiċi tal-Prattika Ewropew tal-istatistika, approvat mill-Kummissjoni fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tal-25 ta’ Mejju 2005 dwar l-indipendenza, l-integrità u l-obbligu tal-għoti ta' rendikont tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u Komunitarji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali jingħataw l-awtonomija meħtieġa fuq l-allokazzjonijiet baġitarji, il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni statistika u proċedura trasparenti biex jaħtru jew ikeċċu l-maniġment superjuri. Barra minn hekk, il-qrati tal-awdituri nazzjonali għandhom ukoll igawdu l-istess livell ta' indipendenza professjonali, bil-għan li tiġi żgurata fiduċja totali fir-rappurtar fil-livell Ewropew.

(3)      Hemm bżonn ta’ inċentivi u sanzjonijiet addizzjonali biex l-infurzar tas-sorveljanza baġitarja jsir iktar effettiv fiż-żona tal-euro. Dawk is-sanzjonijiet għandhom isaħħu l-kredibilità tal-qafas ta' sorveljanza fiskali tal-Unjoni u l-inċentivi għandhom isaħħu l-konformità.

(3a)    Il-qafas ta’ sorveljanza baġitarja għandu, fi kwalunkwe każ, jappoġġja l-objettivi tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. Jeħtieġ li, speċjalment matul żminijiet meta jseħħ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, dan il-qafas ikun magħqud ma’ sforzi effettivi biex jistimulaw it-tkabbir sostenibbli, il-protezzjoni tal-koeżjoni soċjali u l-ħolqien ta’ impjiegi, filwaqt li jiġu rrispettati l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi għall-Istati Membri.

(4)      Ir-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament għandhom jiżguraw mekkaniżmi ġusti, tempestivi, gradwati u effettivi għall-konformità mal-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, b'mod partikolari ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[5] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv[6].

(4a)    Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar kif jittejbu l-governanza ekonomika u l-qafas ta’ stabbiltà tal-Unjoni, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro1, jitlob li jiġi stabbilit “mekkaniżmu sod u kredibbli għall-prevenzjoni u s-soluzzjoni tad-dejn eċċessiv għaż-żona tal-euro” u jitlob, f’dak il-kuntest, li qabel tmiem is-sena ta’ wara, issir valutazzjoni tal-impatt u studju tal-fattibilità bil-ħsieb li jiġi stabbilit mekkaniżmu jew korp permanenti (Fond Monetarju Ewropew) biex jiġi evitat ir-riskju morali u jaġixxi biex tiġi salvagwardjata l-istabilità taż-żona tal-euro fit-totalità kollha tagħha u tal-Istati Membri tagħha li l-munita tagħhom hija l-euro.

(4b)    L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jiġbru flimkien sa [...] fil-mija tad-dejn sovran taħt obbligazzjonijiet in solidum (Eurotitoli). L-Eurotitoli għandhom jieħdu prijorità fuq id-dejn dovut mill-gvernijiet nazzjonali u jistgħu jgħinu biex l-euro tiġi promossa bħala munita ta' riserva. Bil-għan li jsaħħu d-dixxiplina fiskali, dawk il-pajjiżi li għandhom politiki ekonomiċi u fiskali kredibbli għandu jkollhom id-dritt li jissellfu sal-ammont sħiħ ta’ {...} fil-mija tal-prodott domestiku gross (PDG) tagħhom, filwaqt li l-pajjiżi b’pożizzjoni ekonomika jew fiskali inqas b’saħħitha jkollhom iħallsu rata tal-imgħax primjum/ miżjuda jew jingħataw id-dritt li jissellfu biss proporzjon iktar baxx tal-PDG f’Eurotitoli. Jekk pajjiż parteċipanti kellu jsegwi b’mod konsistenti politiki ekonomiċi jew fiskali mhux sostenibbli l-parteċipazzjoni tiegħu fil-ħruġ ta’ eurotitoli għandha tiġi sospiża.

(4c)     Għandu jiġi stabbilit Fond Monetarju Ewropew għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro u li jassumi r-responsabilità attwali tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u kwalunkwe struttura futura li tieħu f'idejha r-responsabilitajiet tagħhom.

(4d)    Dħul minn approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mhux użati fl-Unjoni għandhom jiġu użati biex jiġu ffinanzjati l-prijoritajiet tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.

(4e)     Il-volatilità tas-swieq u l-livelli tal-firxiet tal-bonds tal-gvern ta’ ċerti Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro qed jitolbu azzjoni reżoluta biex tiġi difiża l-istabbiltà tal-euro.

(4f)     Żieda fil-likwidità f’suq globali ġdid tal-eurobonds tista’ tnaqqas l-ispejjeż finanzjarji għall-Istati Membri u trawwem l-euro bħala kenn sikur.

(5)      Sanzjonijiet għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huma intiżi biex jipprovdu inċentivi għal tfassil sostenibbli tal-politika fiskali. Tfassil politiku ta' dan it-tip għandu jiżgura li l-infiq u r-redditu pubbliku huma bbilanċjati mingħajr ħsara għall-ġenerazzjonijiet futuri.

(5a)    Ir-regoli stipulati f’dan ir-regolament għandhom jinkludu miżuri bħall-inċentivi għall-konformità f’sitwazzjonijiet ta’ prosperità. Or. en Emenda 134 Philippe Lamberts

(5b)               Għandha tiġi imposta multa ta' darba jekk Stat Membru jbagħbas data finanzjarja, jiffalsifika statistika jew deliberatament jipprovdi informazzjoni qarrieqa bħala konsegwenza ta' kondotta ħażina. Stat Membru ma għandux jiġi mwaħħal multa darbtejn għall-istess vjolazzjoni ddeliberata.

(6)      Tfassil sostenibbli tal-politika fiskali għandu effettivament jilħaq u jżomm l-objettiv baġitarju għall-medda medja ta’ żmien. Aderenza mal-objettiv għall-medda medja ta’ żmien għall-pożizzjonijiet baġitarji għandha tippermetti lill-Istati Membri ║jittrattaw fluttwazzjonijiet ċikliċi normali filwaqt li d-defiċit tal-gvern jinżamm taħt il-valur ta’ referenza tat-3% ▌tal-PDG u jiġi żgurat progress rapidu lejn is-sostenibilità fiskali. Filwaqt li jiġi kkunsidrat dan, l-objettiv baġitarju għall-medda medja ta’ żmien għandu jippermetti spazju għal immanuvrar baġitarju, b’mod partikolari ▌għal investiment pubbliku li jwassal għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni fir-rigward tal-impjiegi u tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

(7)      Fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-inċentiv għal tfassil tal-politika fiskali sostenibbli għandu jikkonsisti f'obbligu li jsir depożitu li jħalli l-interessi impost temporanjament fuq Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro u li ma jkunx qed jagħmel biżżejjed progress fil-konsolidazzjoni baġitarja. Dan għandu jkun il-każ meta, wara twissija inizjali mill-Kummissjoni, Stat Membru jippersisti f’imġiba li, filwaqt li ma tammontax għal vjolazzjoni tal-projbizzjoni fuq id-defiċits eċċessivi, tkun imprudenti u potenzjalment detrimentali għat-tħaddim sew tal-unjoni ekonomika u monetarja, u l-Kunsill għalhekk joħroġ rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 121(4) TFUE.

(8)      Id-depożitu li jħalli l-interessi impost għandu jiġi rilaxxat lill-Istat Membru kkonċernat flimkien mal-interessi li jkunu nġemgħu minnu ladarba l-Kunsill ikun sodisfatt li s-sitwazzjoni li twassal għall-obbligu biex isir id-depożitu tkun għaddiet.

(9)      Fil-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, is-sanzjonijiet għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-forma ta’ obbligu li jħallu depożitu li ma jħallix interessi marbut ma’ deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv u l-obbligu li titħallas multa fil-każ ta’ nonkonformità ma’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jitranġa defiċit eċċessiv tal-gvern. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu imposti irrispettivament minn jekk kienx diġà ġie impost preċedentement depożitu li jħalli l-interessi fuq l-Istat Membru kkonċernat.

(10)    Id-daqs tad-depożitu li jħalli l-interessi, tad-depożitu li ma jħallix interessi u tal-multa stipulati f’dan ir-Regolament għandu jkun stabbilit b’tali mod li tiġi żgurata l-gradwazzjoni ġusta tas-sanzjonijiet fil-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir filwaqt li tiġi evitata l-proċiklikalità u biex jingħataw inċentivi biżżejjed lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro biex jikkonformaw mal-qafas fiskali tal-Unjoni. Il-multa marbuta mal-Artikolu 126(11) tat-TFUE kif speċifikat fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 hija komposta minn komponent fiss li huwa ta' 0,2% tal-PDG u komponent varjabbli. B’hekk, il-gradwazzjoni u t-trattament ugwali bejn l-Istati Membri jkunu żgurati jekk id-depożitu li jħalli l-interessi, id-depożitu li ma jħallix interessi u l-multa speċifikata f'dan ir-Regolament ikunu ta' 0,2% tal-PDG, bid-daqs tal-komponent fiss tal-multa marbut mal-Artikolu 126(11) tat-TFUE.

(11)    Għandu jkun hemm il-possibilità għall-Kunsill li jnaqqas jew iħassar is-sanzjonijiet imposti fuq l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat. Fil-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni għandha wkoll tkun tista’ tipproponi li jitnaqqas id-daqs ta’ sanzjoni jew li titħassar għal kollox fuq il-bażi ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali.

(11a) B’deroga mill-ammont tal-multa li tirriżulta mill-kalkolu standard, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tipproponi li tnaqqas jew tħassar il-multa bil-għan li jitqies kwalunkwe effett kumulattiv ta’ kwalunkwe sanzjoni imposta skont ir-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ ... [dwar il-miżuri ta’ infurzar biex jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro] u r-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parliament Ewropew u tal- Kunsill ta’ ... [dwar it-tħaffif u l-iċċarar tal-implimentazzjoni tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv].

(12)    Id-depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi rilaxxat wara korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv filwaqt li l-interessi fuq dawn id-depożiti u l-multi miġbura għandhom jiġu allokati lill-mekkaniżmu permanenti ta’ stabbiltà. Sakemm iseħħ l-istabbiliment ta’ dan il-mekkaniżmu l-interessi u l-multi għandhom jiġu allokati bħala provvediment għall-istrumenti finanzjarji tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-proġetti relevanti għall-UE ffinanzjati mill-Bank Ewropew tal-Investiment f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (nru 5) dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment anness mat-Trattati.

(13)    Is-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet individwali li jimplimentaw is-sanzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kunsill. Bħala parti mill-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li saru fi ħdan il-Kunsill kif speċifikat mill-Artikolu 121(1) tat-TFUE, dawn id-deċiżjonijiet individwali huma segwitu integrali għall-miżuri adottati mill-Kunsill skont l-Artikoli 121▌, 126 u 148 tat-TFUE u r-Regolamenti (KE) Nru 1466/97 u (KE) Nru 1467/97.

(13a) Bil-għan li jitrawmu r-responsabilità u s-sjieda nazzjonali, il-Kunsill għandu jiltaqa’ u jiddelibera pubblikament meta jkun qed jiddiskuti u jadotta konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar dawn il-kwestjonijiet importanti li jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha.

(14)    Peress li dan ir-Regolament fih regoli ġenerali għall-infurzar effettiv tar-Regolamenti (KE) Nru 1466/97 u (KE) Nru 1467/97, huwa għandu jiġi adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja msemmija fl-Artikolu 121(6).

(15)    Peress li l-għan li jinħoloq mekkaniżmu ta' sanzjoni uniformi ma jistax jintlaħaq suffiċjentement fil-livell tal-Istati Membri, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(15a) Bil-għan li tiżgura djalogu permanenti mal-Istati Membri li qed jimmiraw li jilħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tagħmel żjajjar ta' djalogu u żjajjar ta’ sorveljanza.

(15b) Il-Kummissjoni għandha tidħol għall-kompitu li f’intervalli regolari tagħmel evalwazzjoni wiesgħa tas-sistema tal-governanza ekonomika u b’mod partikolari tal-effikaċja u l-adegwatezza tal-inċentivi u s-sanzjonijiet tagħha. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jiġu kkumplementati minn proposti relevanti jekk ikun meħtieġ.

(15c) Meta jkunu qed jiġu imposti sanzjonijiet, il-miżuri meħuda b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri fil-qafas tas-‘Semestru Ewropew’ għandhom jitqiesu b’mod speċifiku.

(15d) L-Istati Membri kollha għandhom jikkoperaw mill-qrib biex jiġu ssodisfati l-objettivi tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-effetti kollaterali tal-politiki nazzjonali u l-effetti kollaterali fuqhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġu vvalutati s-sanzjonijiet deskritti f’dan il-Kapitolu.

(15e) Is-selfiet mill-Fond Monetarju Ewropew għandhom jiċċarġjaw interessi abbażi tal-kost imma jista' jiżdied primjum xieraq tar-riskju. Inċentiv ta’ ħlas minn qabel iggradat jista’ jiġi inkluż fit-termini u l-kundizzjonijiet sabiex jingħata inċentiv lill-ħlas lura kmieni tas-selfiet u biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn tal-persuna li ħadet is-self għas-swieq tal-kapital.

(15f) Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom meta jkunu qed japplikaw dan ir-Regolament iqisu l-fatturi relevanti kollha u s-sitwazzjoni ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri kkonċernati, b’mod partikolari jekk humiex soġġetti għal programm ta’ aġġustament tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali. Barra minn hekk għandu jiddaħħal perjodu ta' tranżizzjoni bil-għan li l-Istati Membri jadattaw il-politiki tagħhom għal xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu IIs-suġġett

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament jiddeskrivi sistema ta’ inċentivi u sanzjonijiet għat-tisħiħ tal-infurzar tal-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir u t-tisħiħ tal-koordinament u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja kif ukoll l-ippreservar tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro.

1a. Bil-għan li jittejjeb id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u l-parlamenti nazzjonali, il-gvernijiet u korpi rilevanti oħra tal-Istati Membri, u biex jiġu żgurati trasparenza u responsabilità akbar, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jorganizza, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ Stat Membru, smigħ u dibattiti pubbliċi dwar is-sorveljanza makroekonomika u baġitarja li ssir mill-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw kif dovut l-eżitu ta’ tali smigħ.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2a. Dan ir-Regolament japplika wkoll għal Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro u li jkun innotifika lill-Kummissjoni dwar ir-rieda tiegħu li japplika dan ir-Regolament. Tali notifika għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament japplika għal dak l-Istat Membru mill-jum wara li tkun saret tali pubblikazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

(1) ‘il-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir’ tfisser is-sistema ta' sorveljanza multilaterali kif organizzata mir-Regolament (KE) Nru 1466/97;

(2) ‘il-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir’ tfisser il-proċedura għall-kontroll tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri kif regolata mill-Artikolu 126 tat-TFUE u r-Regolament (KE) Nru 1467/97;

(3) 'ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali' tfisser ċirkostanzi fejn eċċess ta' defiċit tal-gvern 'il fuq mill-valur referenzjali huwa meqjus eċċezzjonali fl-ambitu tat-tifsira tat-tieni inċiż tal-Artikolu 126(2)(a) tat-Trattat u kif speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1467/97.

KAPITOLU Ia

Inċentivi

Artikolu 2aDħul minn approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mhux użati

Id-dħul li jiġi minn approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mhux użati fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jista’ jiġi ttrasferit għall-baġit tal-Unjoni tas-sena ta’ wara u allokat għal programmi li jwasslu għall-istrateġija tat-tkabbir tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha u għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi.

Kapitolu IIIs-sanzjonijiet fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir

Artikolu 3

Depożitu li jħalli l-interessi

1. Jekk il-Kunsill jindirizza rakkomandazzjoni lil Stat Membru skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE biex jittieħdu l-miżuri ta’ aġġustament neċessarji fil-każ ta’ devjazzjonijiet persistenti jew partikolarment serji u sinifikanti mill-objettiv baġitarju fuq medda medja ta’ żmien, jew mit-triq tal-aġġustament adegwat li twassal għat-tfassil tal-politika fiskali kif stipulat fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, it-tqegħid ta’ depożitu li jħalli l-interessi għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b’maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista' jemenda l-proposta skont l-Artikolu 293(1) tat-TFUE.

1a. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Parlament Ewropew jorganizza smigħ jew dibattiti pubbliċi fil-kumitat kompetenti tiegħu. Dak is-smigħ jew dawk id-dibattiti pubbliċi għandhom jippermettu lill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat iressaq l-argumenti tal-każ tiegħu fil-preżenza tal-Kummissjoni u l-President tal-Grupp tal-Euro. Meta tali smigħ jew dibattitu pubbliku jiġi organizzat l-iskadenza ta’ 10 ijiem imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi estiża għal skadenza ta’ 20 jum. Rappreżentanti, f’livell xieraq, tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom ikunu mistiedna. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw kif dovut l-eżitu ta’ tali smigħ.

2. Id-depożitu li jħalli interessi li jrid jiġi propost mill-Kummissjoni għandu jammonta għal 0,2% ▌tal-PDG tal-Istat Membru kkonċernat billi jintużaw l-aħħar ċifri disponibbli miġbura mill-Eurostat għas-sena preċedenti.

3. Id-depożitu għandu jkollu r-rata ta’ interessi li tirrifletti r-riskju ta’ kreditu tal-Kummissjoni u l-perjodu ta’ investiment rilevanti.

4. B’deroga mill-paragrafu 2, il-Kummissjoni, ▌fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1, tista’ tipproponi li l-ammont tad-depożitu li jħalli interessi jitnaqqas jew jitħassar:

(a) għal raġunijiet ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali;

(b) bil-għan li jittieħed kont ta’ kull effett kumulattiv ta’ kwalunkwe sanzjoni imposta fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru .../2011 [dwar il-miżuri ta' infurzar biex jiġu kkoreġuti żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro] u r-Regolament (UE) Nru .../2011 [dwar it-tħaffif u l-iċċarar tal-implimentazzjoni tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv].

5. Jekk is-sitwazzjoni li twassal għal rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tibqax teżisti, il-Kunsill, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi li d-depożitu u l-interessi li nġemgħu minnu jingħataw lura lill-Istat Membru kkonċernat. Il-Kunsill jista' jemenda l-proposta tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 293(1) tat-TFUE.

5a. Jekk il-Kunsill jirrifjuta li jikkunsidra li s-sitwazzjoni ma tkunx għadha teżisti, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-kumitat kompetenti fil-Parlament Ewropew jorganizza smigħ pubbliku. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw kif dovut l-eżitu tas-smigħ.

Kapitolu IIIIs-sanzjonijiet fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

Artikolu 4Depożitu li ma jħallix interessi

1. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(6) tat-TFUE li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, it-tqegħid ta' depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b’maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista' jemenda l-proposta skont l-Artikolu 293(1) tat-TFUE.

1a. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Parlament Ewropew jorganizza smigħ jew dibattiti pubbliċi fil-kumitat kompetenti tiegħu. Dak is-smigħ jew dawk id-dibattiti pubbliċi għandhom jippermettu lill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat iressaq l-argumenti tal-każ tiegħu fil-preżenza tal-Kummissjoni u l-President tal-Grupp tal-Euro. Meta tali smigħ jew dibattitu pubbliku jiġi organizzat l-iskadenza ta’ 10 ijiem imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi estiża għal skadenza ta’ 20 jum. Rappreżentanti, f’livell xieraq, tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom ikunu mistiedna. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw kif dovut l-eżitu ta’ tali smigħ.

2. Id-depożitu li ma jħallix interessi li jrid jiġi propost mill-Kummissjoni għandu jammonta għal 0,2% tal-PGD tal-Istat Membru kkonċernat billi jintużaw l-aħħar ċifri disponibbli miġbura mill-Eurostat għas-sena preċedenti.

3. Jekk l-Istat Membru għandu depożitu li jħalli l-interessi mal-Kummissjoni skont l-Artikolu 3, id-depożitu li jħalli l-interessi għandu jiġi kkonvertit f'depożitu li ma jħallix interessi.

Jekk id-daqs tad-depożitu li jħalli l-interessi li sar preċedentement u tal-interessi li nġemgħu jeċċedu d-daqs tad-depożitu meħtieġ li ma jħallix interessi, l-ammont li jibqa’ jiġi rritornat lill-Istat Membru.

Jekk id-daqs tad-depożitu li ma jħallix interessi jeċċedi d-daqs tad-depożitu li jħalli l-interessi li jkun sar preċedentement u l-interessi li nġemgħu minnu, l-Istat Membru għandu jħallas l-ammont li jifdal meta jagħmel id-depożitu li ma jħallix interessi.

4. B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, ▌fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(6) tat-TFUE, tista' tipproponi li jitnaqqas l-ammont tad-depożitu li ma jħallix interessi jew li jitħassar:

(a) għal raġunijiet ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali;

(b) bil-għan li jittieħed kont ta’ kull effett kumulattiv ta’ kwalunkwe sanzjoni imposta fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru .../2011 [dwar il-miżuri ta' infurzar biex jiġu kkoreġuti żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro] u r-Regolament (UE) Nru .../2011 [dwar it-tħaffif u l-iċċarar tal-implimentazzjoni tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv].

Artikolu 5Multa

1. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE li l-Istat Membru ma ħax azzjoni effettiva b'reazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill fil-perjodu stipulat, il-Kunsill, huwa u jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi li l-Istat Membru għandu jħallas multa. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b’maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista' jemenda l-proposta skont l-Artikolu 293(1) tat-TFUE.

1a. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Parlament Ewropew jorganizza smigħ jew dibattiti pubbliċi fil-kumitat kompetenti tiegħu. Dak is-smigħ jew dawk id-dibattiti pubbliċi għandhom jippermettu lill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat iressaq l-argumenti tal-każ tiegħu fil-preżenza tal-Kummissjoni u l-President tal-Grupp tal-Euro. Meta tali smigħ jew dibattitu pubbliku jiġi organizzat l-iskadenza ta’ 10 ijiem imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi estiża għal skadenza ta’ 20 jum. Rappreżentanti, f’livell xieraq, tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom ikunu mistiedna. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw kif dovut l-eżitu ta’ tali smigħ.

1b. Fil-każ li Stat Membru jbagħbas id-data finanzjarja, jiffalsifika statistika jew deliberatament jipprovdi informazzjoni qarrieqa, b’mod partikolari li jirriżultaw fi vjolazzjoni tar-regoli Ewropej tal-istatistika, li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet li hemm fir-Regolamenti (UE) Nru […/…], il-Kunsill, fil-waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jadotta deċiżjoni li tirrikjedi li l-Istat Membru jħallas multa. Tali multa għandha tkun ħlas ta’ darba ta’ 0,5% tal-PGD tal-Istat Membru kkonċernat fis-sena ta’ qabel. Id-deċiżjoni għandha titqies bħala adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix, b'maġġoranza kwalifikata, li jiċħad il-proposta sa 10 ijiem minn meta l-Kummissjoni tadottaha. Il-Kunsill jista' jemenda l-proposta tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 293(1) tat-Trattat.

L-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Parlament Ewropew jorganizza smigħ jew dibattiti pubbliċi fil-kumitat kompetenti tiegħu. Dak is-smigħ jew dawk id-dibattiti pubbliċi għandhom jippermettu lill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat iressaq l-argumenti tal-każ tiegħu fil-preżenza tal-Kummissjoni u l-President tal-Grupp tal-Euro. Meta tali smigħ jew dibattitu pubbliku jiġi organizzat l-iskadenza ta’ 10 ijiem imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi estiża għal skadenza ta’ 20 jum. Għandhom ikunu mistiedna rappreżentanti, f’livell xieraq, tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw kif dovut l-eżitu ta’ tali smigħ.

2. Il-multa li trid tiġi proposta mill-Kummissjoni għandha tammonta għal 0,2% tal-PDG tal-Istat Membru kkonċernat billi jintużaw l-aħħar ċifri disponibbli miġbura mill-Eurostat għas-sena preċedenti.

3. Jekk l-Istat Membru għandu depożitu li ma jħallix interessi mal-Kummissjoni skont l-Artikolu 4, id-depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi kkonvertit fil-multa.

Jekk id-daqs tad-depożitu li ma jħallix interessi li sar preċedentement jeċċedi d-daqs tal-multa meħtieġa, l-ammont li jibqa’ jiġi rritornat lill-Istat Membru.

Jekk id-daqs tal-multa meħtieġa jeċċedi d-daqs tad-depożitu li ma jħallix interessi li jkun sar preċedentement jew jekk ma sar l-ebda depożitu li ma jaħħlix interessi, l-Istat Membru għandu jħallas l-ammont li jifdal meta jħallas il-multa.

4. B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, ▌fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE, tista' tipproponi li jitħassar jew jitnaqqas l-ammont tal-multa:

(a) għal raġunijiet ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali;

(b) bil-għan li jittieħed kont ta’ kull effett kumulattiv ta’ kwalunkwe sanzjoni imposta fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru .../2011 [dwar il-miżuri ta' infurzar biex jiġu kkoreġuti żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro] u r-Regolament (UE) Nru .../2011 [dwar it-tħaffif u l-iċċarar tal-implimentazzjoni tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv].

L-ammont annwali totali tal-multi kumulattivi imposti fuq Stat Membru, bl-esklużjoni tal-multa msemmija fil-paragrafu 1b, ma għandux jaqbeż iż-0,5% tal-PDG tiegħu.

Artikolu 6Ħlas lura tad-depożitu li ma jħallix interessi

Jekk il-Kunsill jiddeċiedi, skont l-Artikolu 126(12) tat-TFUE, iħassar deċiżjoni waħda jew id-deċiżjonijiet kollha tiegħu, kwalunkwe depożitu li ma jħallix interessi li jkun sar mill-Istat Membru mal-Kummissjoni għandu jitħallas lura lill-Istat Membru kkonċernat.

Article 7Distribution of the interest and fines

L-interessi li taqla’ l-Kummissjoni fuq id-depożiti li jkunu tħallsu skont l-Artikolu 4 u l-multi miġbura skont l-Artikolu 5 għandhom ▌jiġu allokati lill-mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri ▌li l-munita tagħhom hija l-euro. Sakemm iseħħ l-istabbiliment ta’ dan il-mekkaniżmu l-interessi u l-multi għandhom jiġu allokati bħala provvediment għall-istrumenti finanzjarji tal-kondiviżjoni tar-riskji għall-proġetti relevanti għall-UE ffinanzjati mill-Bank Ewropew tal-Investiment f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (nru 5) dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment anness mat-Trattati.

Kapitolu IVDispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu -8Żjajjar ta’ djalogu u żjajjar ta’ sorveljanza

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura djalogu permanenti mal-awtoritajiet tal-Istati Membri skont l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni għandha twettaq, fl-Istati Membri kollha, żjajjar għall-fini ta’ djalogu regolari, u fejn ikun xieraq, żjajjar ta’ sorveljanza.

Il-Kummissjoni tista’ tistieden rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew, jekk jidhrilha li dan ikun xieraq, jew istituzzjonijiet oħra relevanti biex jipparteċipaw fiż-żjajjar ta' djalogu u ta’ sorveljanza.

2. Meta torganizza żjajjar ta’ djalogu jew ta’ sorveljanza, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tgħaddi s-sejbiet provviżjori tagħha lill-Istati Membri kkonċernati biex jikkummentaw dwarhom.

3. Il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest taż-żjajjar ta’ djalogu, tirrevedi s-sitwazzjoni ekonomika attwali fl-Istat Membru u tidentifika kwalunkwe riskju jew diffikultà fil-konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

4. Il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest taż-żjajjar ta’ sorveljanza, tissorvelja l-proċessi u tivverifika li jkunu ttieħdu miżuri f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni u f’konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Iż-żjajjar ta’ sorveljanza għandhom isiru biss f’każijiet eċċezzjonali u fejn hemm riskji jew diffikultajiet sinifikanti biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

5. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju dwar ir-raġunijiet għaż-żjajjar ta’ sorveljanza.

6. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw iż-żjajjar ta’ djalogu u ta’ sorveljanza. L-Istati Membri għandhom jagħtu, fuq talba tal-Kummissjoni u fuq bażi volontarja, l-għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha fit-tħejjija u t-twettiq taż-żjajjar ta’ djalogu u ta’ sorveljanza.

Artikolu -8aTrasparenza

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jgħarrfu pubblikament u jispjegaw ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom kollha kemm-il darba mhemmx previst mod ieħor fit-TFUE.

Artikolu -8bIntervent ta’ emerġenza

Fil-każ li l-proċeduri xierqa [tal-Artikolu 126 TFEU] ġew varati mingħajr riżultat u d-defiċit eċċessiv jew il-livell tad-dejn jew kwalunkwe żbilanċ ieħor ta’ Stat Membru jkun għadu qed iqiegħed l-istabbiltà tal-euro f’riskju, il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 136 u l-Artikolu 3(1) TFUE u wara konsultazzjoni mal-BĊE, għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex issalvagwardja l-euro.

Wara li l-Kummissjoni tkun għamlet id-deċiżjoni magħrufa pubblikament, għandu jiġi organizzat dibattitu fil-Parlament Ewropew mingħajr dewmien żejjed, fil-preżenza tal-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Eurogroup, kif ukoll rappreżentanti tal-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati, bil-għan li jiġu diskussi l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni. Għandhom ikunu mistiedna rappreżentanti, f’livell xieraq, tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw kif dovut l-eżitu ta’ dan id-dibattitu.

Il-Kunsill jista’ jirrevoka l-miżuri tal-Kummissjoni permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi infurmat dwar dawn id-deċiżjonijiet.

Artikolu 8Votazzjoni fil-Kunsill

Għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5, huma biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li għandhom jivvutaw u l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta lill-Istat Membru kkonċernat.

Maġġoranza kkwalifikata tal-membri tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu ta' qabel għandha tiġi definita skont l-Artikolu 238(3)(a) tat-TFUE.

Sabiex jiżdiedu l-iskrutinju pubbliku, ir-responsabilità u s-sjieda nazzjonali, meta jiġu diskussi u adottati d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4, 5 u 6, id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill se jkunu miftuħa għall-pubbliku skont l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/683/KE, Euratom tal-15 ta’ Settembru 2006 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill.

Artikolu 8aRieżami

1. Sa ... * u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jevalwa, inter alia:

(a) jekk is-sistema ta’ inċentivi u sanzjonijiet hijiex effettiva, xierqa u proporzjonata u tiżgurax konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

(b) jekk l-estensjoni tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata bil-maqlub fil-Kunsill għall-passi kollha tal-proċedura hijiex legalment possibbli.

2. Qabel tmiem l-2011 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport, inklużi valutazzjoni tal-impatt u studju tal-fattibilità, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn ikun xieraq, minn proposti leġiżlattivi biex jiġi stabbilit, skont ir-regoli Komunitarji, Fond Monetarju Ewropew bil-għan li tittejjeb il-governanza ekonomika u l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE, filwaqt li tiġi ppriservata l-istabbiltà finanzjarja tal-euro fit-totalità tagħha u tiġi msaħħa d-dixxiplina baġitarja fost l-Istati Membri.

3. Il-Fond Monetarju Ewropew għandu jiġi mmaniġġjat skont ir-regoli tal-Unjoni u jservi żewġ għanijiet:

(a) li jaġixxi ta' mekkaniżmu permanenti għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet li jassumi r-responsabilità attwali tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u kwalunkwe struttura futura li tkun tieħu r-responsabilitajiet tagħhom;

(b) li joħroġ l-eurotitoli, kemm jekk taħt responsabilità proporzjonata u kemm jekk taħt responsabilità komuni.

4. Il-Fond Monetarju Ewropew għandu jiġi kkreditat bl-interessi li taqla’ l-Kummissjoni fuq id-depożiti li jkunu tħallsu u l-multi miġbura skont l-[Artikoli 3, 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru .../2011 dwar il-miżuri ta’ infurzar biex jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro].

Il-Fond Monetarju Ewropew jista’ jkollu riżorsi finanzjarji addizzjonali permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri skont il-konformità tagħhom mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

Il-proposti leġiżlattivi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitressqu meta jkun il-waqt bil-għan li jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2013.

5. Qabel tmiem l-2011 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport, inklużi valutazzjoni tal-impatt u studju tal-fattibilità, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn ikun xieraq, minn proposti leġiżlattivi u, jekk ikun meħtieġ, bidla fit-Trattat biex tiġi stabbilita sistema ta’ ħruġ komuni ta’ bonds sovrani Ewropej (eurotitoli) taħt obbligazzjonijiet in solidum.

Din is-sistema għandha timmira li ssaħħaħ id-dixxiplina fiskali u ġġib stabbiltà liż-żona tal-euro perpezz tas-swieq imma wkoll, filwaqt li tieħu vantaġġ miż-żieda fil-likwidità, li tiżgura li l-Istati Membri li huma kklassifikati l-aħjar ma jsofrux minn rati ogħla ta' interessi li jirriżultaw mill-introduzzjoni tal-eurotitoli.

Dawn il-proposti leġiżlattivi għandhom jitressqu meta jkun il-waqt bil-għan li jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2013.

Il-ħruġ ta’ eurotitoli għandu jsir mingħajr ħsara għall-kompiti tal-Bank Ewropew tal-Investiment u għall-bonds tal-proġetti proposti mill-Kummissjoni li għandhom il-għan li jiffinanzjaw investimenti għal perjodi fit-tul u investimenti orjentati lejn il-ġejjieni.

Artikolu 9Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fi [xx] jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 3 ma għandux ikun applikabbli waqt perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin mill-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri, skont it-Trattati.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew                              Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

  • [1]           Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
  • [2] * Emendi: test ġdid jew emendat huwa indikat b’tipa korsiva grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
  • [3]           ĠU C , , p. .
  • [4]           ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.
  • [5]           ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
  • [6]           ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI

Mrs Sharon Bowles

President

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

BRUSSELL

Suġġett:           Opinjoni dwar il-bażi legali tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (COM(2010)0524 – C7‑0298/2010 – 2010/0278(COD))

Għażiża Sa Bowles,

Bl-ittra tal-4 ta' Marzu 2011, inti kkonsultajt lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, skont l-Artikolu 37(2) tar-Regoli ta' Proċedura, biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-bażi legali xierqa ta' diversi proposti għal leġiżlazzjoni, li fuqhom tressqu emendi biex tinbidel il-bażi legali fil-kumitat tiegħek bħala l-kumitat responsbbli u/jew il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

Il-kumitat eżamina l-kwistjoni msemmija hawn fil-laqgħa tiegħu tat-12 ta' April 2011.

Il-pakkett dwar il-governanza ekonomika huwa intiż sabiex jissodisfa l-bżonn ta' aktar koordinament u sorveljanza mill-qrib tal-politiki ekonomiċi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Il-pakkett jikkonsisti f’sitt proposti għal leġiżlazzjoni.

Il-proposti huma analizzati separatament fl-anness. Għal raġunijiet ta' konvenjenza, il-konklużjonijiet tal-kumitat dwar il-bażi legali xierqa f'kull każ jinstabu hawn taħt:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi ((COM (2010) 527, 2010/0281 (COD))

L-uniku għan tal-proposta għal Regolament huwa li titwessa' l-proċedura ta' sorveljanza ekonomika, kif permess mill-Artikolu 121(6) TFUE. Din il-bażi legali b'hekk tidher li hija dik xierqa.

- Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (COM (2010) 523 finali, 2010/ 0277 (NLE))

L-għan prinċipali ta' din il-proposta huwa li tiġi inkuraġġuta r-responsabbiltà fiskali billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-oqfsa fiskali nazzjonali u tiġi żgurata l-effikaċja tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv. Għalhekk, il-bażi legali proposta mill-Kummissjoni, jiġifieri t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 126(14) TFUE, tidher xierqa.

-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika ((COM (2010) 526, 2010/0280 (COD))

Din il-proposta hija intiża li tiżgura t-tisħiħ tal-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri. Għaldaqstant jidher li l-Artikolu 121(6) TFUE hu bażi legali xierqa għal din il-proposta.

- Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (COM (2010) 522 finali, 2010/ 0276 (CNS))

Fid-dawl tal-fatt li l-objettiv prinċipali ta' din il-proposta huwa li jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati li għandhom jiġu osservati meta tkun qed tiġi applikata l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, l-unika bażi legali xierqa hija l-Artikolu 126(4) TFUE.

- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (COM (2010)0524, 2010/0278(COD))

Huwa meqjus li l-Artikolu 121(6) flimkien mal-Artikolu 136 TFUE jikkostitwixxu l-bażi legali xierqa.

- Proposta għal Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro ((COM (2010) 525, 2010/0279 (COD))

Fid-dawl tal-għan tal-proposta, li hija intiża sabiex tirrinforza l-korrezzjoni effikaċi ta' żbilanċi makroekonomiċi fiż-żona tal-euro, l-Artikolu 121(6) flimkien mal-Artikolu 136 TFUE jikkostitwixxu l-bażi legali xierqa.

Waqt il-laqgħa tiegħu tat-12 ta' April 2011, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda fuq ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq, unanimament[1].

Dejjem tiegħek,

Klaus-Heiner Lehne

Anness

Suġġett: Bażi legali għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (COM (2010)0524, 2010/0278(COD))

Il-pakkett dwar il-governanza ekonomika jikkonsisti f’sitt proposti li għandhom l-għan li jsaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politiki ekonomiċi fl-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) fil-Kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 u s-semestru Ewropew, sistema ġdida ta’ sorveljanza li se tlaqqa’flimkien proċessi fl-ambitu tal-PST (Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir[2]) u l-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika.

Dawn il-proposti saru b’rispons għan-nuqqasijiet fis-sistema attwali kif deher ċar fil-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija. Kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tagħha, "Hemm qbil komuni li l-qafas għall-UEM għandu jissaħħaħ b’mod urġenti sabiex tkun ankrata kemm l-istabbiltà makroekonomika kif ukoll is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, li huma prekundizzjonijiet għal riżultati li jdumu fiż-żmien u għal żieda fl-impjiegi"[3].

Il-proposti jsegwu żewġ komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u ftehim tal-Kunsill Ewropew minn Ġunju 2010 dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ il-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri. Il-pakkett dwar il-governanza ekonomika ġie sottomess fid-29 ta’ Settembru 2010.

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (minn issa ‘l quddiem "il-proposta") bħala qed tiġi studjata mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, fejn ir-rapporteur hi Sylvie Goulard. Il-Kumitat għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali se jagħti opinjoni (rapporteur: David Casa). Il-proċedura leġiżlattiva waslet fl-ewwel qari quddiem il-Kumitat ECON, bħala l-kumitat responsabbli.

Permezz ta’ ittra fil-15 ta’ Frar 2011, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarjitalab il-parir tas-Servizz Legali dwar il-bażijiet legali proposti mill-Kummissjoni. Wara li studja d-dispożizzjonijiet prinċipali tal-proposta, is-Servizz Legali wasal għall-konklużjoni li fil-prinċipju, l-Artikolu 121(6) flimkien mal-Artikolu 136 jista' jipprovdi bażi legali xierqa[4][5]. Jenfasizza, madankollu, li l-introduzzjoni ta’ Eurobonds “tmur lil hinn mill-bażijiet legali tal-proposta”; strument tali jeħtieġ jiġi definit aktar sabiex jiġi ddeterminat jekk hix bażi legali xierqa.

L-emendi mressqa fil-kumitat responsabbli (ECON) għandhom l-għan li jbiddlu l-bażi legali mill-bażi doppja tal-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(6) għal bażi multipla tal-Artikolu 136, flimkien mal-Artikoli 121(6), 122(2) u 3(1)(c) jew għall-bażi waħda biss, jiġifieri l-Artikolu 136 TFUE.

Il-Kuntest

Skont il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, is-sett ġdid ta’ proposti mressaq mill-Kummissjoni għandu l-għan li jsaħħaħ il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) billi jtejjeb id-dispożizzjonijiet tiegħu, billi jgħammruha bi strumenti ta’ nfurzar effettivi u finalment billi jikkumplimentawh b’dispożizzjonijiet dwar l-oqsfa nazzjonali.

Ir-Regolament dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro fi żmien jappoġġa r-Regolament (KE) Nru 1466/97 u r-Regolament (KE) Nru 1467/97, magħrufa bħala l-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir, billi jintroduċu strument ta’ nfurzar addizzjonali (Premessi 3 sa 5).

Il-miżuri prinċipali jikkonċernaw:

- l-obbligu li jsir depożitu li jħalli l-interessi impost temporanjament fuq Stat Membru li ma jkunx qed jagħmel biżżejjed progress fil-konsolidazzjoni baġitarja. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b’maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien għaxart ijiem mill-proposta tal-Kummissjoni. Dan id-depożitu għandu jammonta għal 0,2% tal-prodott gross domestiku (PGD) tal-Istat Membru kkonċernat fis-sena preċedenti (Artikolu 3 tal-proposta).

- l-obbligu li jsir depożitu li ma jħallix interessi impost fuq Stat Membru li jkun għaddej minn proċedura ta’ defiċit skont l-Artikolu 126 (l-Artikolu 4 tal-proposta).

L-Artikolu 5 jispeċifika li d-depożitu msemmi hawn fuq irid jinbidel f’multa jekk l-Istat Membru ma jsegwix ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jikkoreġi d-dedfiċit tiegħu. Jekk id-daqs tal-multa jeċċedi d-daqs tad-depożitu li ma jħallix interessi li jkun sar jew jekk ma sar l-ebda depożitu li ma jħallix interessi, l-Istat Membru għandu jħallas l-ammont meta jħallas il-multa.

L-Artikolu 7 jistabbilixxi l-proċedura għad-distribuzzjoni tal-interessi u tal-multi: dawn “(...) għandhom jikkostitwixxu dħul ieħor kif imsemmi fl-Artikolu 311 tat-Trattat, u għandhom jitqassmu, b'mod proporzjonali ma' sehemhom mid-dħul gross nazzjonali tal-Istati Membri eliġibbli, fost l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li ma għandhomx defiċit eċċessiv kif iddeterminat skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat".

Il-bażijiet legali proposti

L-Artikolu 136 TFUE

1. Sabiex ikun assigurat il-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u b'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, il-Kunsill għandu, b'konformità mal-proċedura rilevanti minn fost dawk previsti fl-Artikoli 121 u 126, bl-eċċezzjoni tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 126(14), jadotta miżuri speċifiċi għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro sabiex:

(a) tissaħħaħ il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom;

(b) jiġu stabbiliti l-linji gwida ta' politika ekonomika għalihom, waqt li jkun assigurat li dawn ikunu kompatibbli ma' dawk adottati għall-Unjoni kollha u li jinżammu taħt sorveljanza.

2. Għal dawk il-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1, għandhom jieħdu sehem fil-votazzjoni biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Il-maġġoranza kwalifikata ta' dawn il-membri tal-Kunsill għandha tiġi definita b'konformità mal-Artikolu 238(3)(a).

Artikolu 121(6)

3. Sabiex jiżgura koordinazzjoni aktar stretta tal-linji ta' politika ekonomika u l-konverġenża kontinwa fl-attività ekonomika tal-Istati Membri, il-Kunsill għandu, fuq il-bażi ta' rapporti preżentati mill-Kummissjoni, jissorvelja l-iżviluppi ekonomiċi f'kull Stat Membru u fl-Unjoni, kif ukoll il-konformità ta' kull politika ekonomika mal-linji direttivi ġenerali msemmija fil-paragrafu 2, kif ukoll jagħmel stima komplessiva regolarment. Għall-finijiet ta' din is-sorveljanza multilaterali, l-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri importanti li jkunu ttieħdu minnhom fil-qasam tal-politika ekonomika tagħhom kif ukoll kull informazzjoni oħra li jqisu li tista' tkun meħtieġa.

4. Meta jiġi stabbilit, taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 3, li l-politika ekonomika ta' Stat Membru mhijiex konformi mal-linji direttivi ġenerali previsti fil-paragrafu 2 jew li hemm ir-riskju li tipperikola l-funzjonament xieraq ta' l-Unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni tista' tindirizza twissija lill-Istat Membru konċernat. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista' jindirizza r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Istat Membru konċernat. Il-Kunsill jista', fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jiddeċiedi li jippubblika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Fl-ambitu ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jieħu in kunsiderazzjoni l-vot tal-membru tal-Kunsill li jkun qed jirrappreżenta lill-Istat Membru kkonċernat.

Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri l-oħra tal-Kunsill għandha tiġi ddefinita skond l-Artikolu 238(3)(a).

6. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw ir-regoli dettaljati sabiex jirregolaw il-proċedura tas-sorveljanza multilaterali msemmija fil-paragrafi 3 u 4.

Artikolu 122(2)

2. Meta Stat Membru jsib ruħu f’diffikultajiet jew ikun mhedded b’diffikultajiet serji kkawżati min diżastri naturali jew ċirkostanzi eċċezzjonali li fuqhom ma jkollux kontroll, il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’, b’ċerti kundizzjonijiet, jagħti għajnuna finanzjarja lill-Istat Membru konċernat. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma l-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjoni li tkun ittieħdet.

Artikolu 3(1)(c)

1. L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fl-oqsma li ġejjin:

...

(c) politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li fil-prinċipju, miżura għandha tkun ibbażata fuq bażi legali waħda biss. Jekk l-eżami tal-għan u tal-kontenut ta' miżura tal-Unjoni juri li għandha żewġ għanijiet jew li għandha żewġ komponenti, li huma inklużi fl-ambitu ta' bażijiet differenti, u jekk wieħed minn dawn huwa identifikabbli bħala l-għan jew il-komponent prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor mhuwiex għajr inċidentali, il-miżura trid tkun ibbażata fuq bażi waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti[6].

Huwa biss jekk, b'mod eċċezzjonali, jiġi stabbilit li l-miżura, b'mod simultanju, ikollha numru ta' objettivi jew ikollha diversi komponenti li jkunu marbuta b'mod li ma jistgħux jiġu diżassoċċjati minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett fir-rigward tal-ieħor, li dik il-miżura tkun trid tiġi bbażata fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti[7].

Analiżi tal-bażijiet legali proposti

Skont il-Premessa 4, il-proposta tipprevedi "mekkaniżmi ġusti, tempestivi, gradwati u effettivi għall-konformità mal-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir".

Għaldaqstant donnu li wieħed mill-objettivi tal-proposta hu li tappoġġa r-Regolament Nru 1466/97 (dik li tissejjaħ il-parti preventiva tal-PST) ma mekkaniżmu ta' nfurzar effettiv u depożitu li jħalli interessi f’każ ta' nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Konsegwentement, il-proposta tistipula fl-Artikolu 3 l-miżuri u l-proċedura li jeħtieġ jiġu segwiti fil-każ ta' devjazzjonijiet persistenti minn politika fiskali prudenti kif imsemmi fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1466/97.

L-għan l-ieħor rikonoxxut tal-proposta hu li jissaħħu d-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv stipulata permezz tar-Regolament Nru 1467/97 (magħruf bħala l-parti korrettiva tal-PST). Għal dan l-għan, l-Artikoli 4, 5 u 7 jistipulaw dispożizzjonijiet dettaljati dwar depożiti mingħajr imgħax u s-sistema ta’ multi.

Il-proposta għal regolament dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro hi bbażata fuq l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(6) TFUE.

L-Artikolu 121(6) TFUE jagħti lok lill-Parlament u l-Kunsill jadottaw, permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, regolamenti b’regoli ddettaljati għall-proċedura ta’ sorveljanza multilaterali prevista fil-paragrafi 3 u 4. Sabiex ikun żgurat koordinament aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u konverġenza tal-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimmonitorjaw l-iżviluppi ekonomiċi u joħorġu twissijiet u rakkomandazzjonijiet

Minħabba li l-għan tal-proposta studjata hu li jiġu provduti regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' sorveljanza ekonomika sabiex tkun żgurata konformità effettiva mal-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, donnu li l-Artikolu 121(6) jikkostitwixxi bażi legali adegwata.

L-Artikolu 136 TFUE jagħmel parti minn Titolu VIII, Kapitolu 4, Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kunsill jadotta skont il-proċeduri stipulati fl-Artikoli 121 u 126, miżuri għat-tisħiħ tas-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tal-Istati Membri. Madankollu, tajjeb li wieħed jinnota li din id-dispożizzjoni teskludi b’mod espliċitu l-Artikolu 126(14) mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

L-Artikolu 136 donnu li hu bażi legali xierqa għall-proposta biex jinforza parzjalment il-parti preventiva tal-PST. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura żbilanċ eċċessiv (l-Artikoli 4, 5 u 7) ma jistgħux jiġu bbażati fuq l-Artikolu 136 TFUE. F’kull każ, għad irridu naraw jekk l-infurzar tal-proċedura żbilanċ eċċessiv tistax ikun bbażat biss fuq l-Artikolu 121(6).

L-Artikolu 3(1)(c) TFUE jipprevedi kompetenza esklussiva tal-Unjoni rigward il-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Dan l-artikolu ma jikkostitwixxix bażi legali għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni.

L-Artikolu 122 (2) TFUE jippermetti lill-Kunsill jagħti assistenza finanzjarja tal-Unjoni għal Stat Membri li jiffaċċjaw diffikultajiet severi kkawżati minn diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tagħhom.

Konklużjoni u rakkomandazzjoni

Fid-dawl ta’ dan, l-Artikoli 121(6) u 136 huma l-bażi legali relevanti għal Kapitolu II tar-regolament propost (sanzjonijiet fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir), l-Artikolu 121(6) hu l-unika bażi legali relevanti għall-Kapitolu III (Sanzjonijiet fil-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir).

Għaldaqstant, il-bażi legali xierqa hi l-Artikolu 121(6) flimkien mal-Artikolu 136 TFUE.

  • [1]  Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Klaus-Heiner Lehne (il-President), Evelyn Regner (il-Viċi President), Piotr Borys, Sergio Gaetano Cofferati, Christian Engström, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, Antonio López-Istúriz White, Arlene McCarthy, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Angelika Niebler, Bernhard Rapkay, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka.
  • [2]  Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jikkonsisti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
  • [3]  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, Memorandum ta’ Spjegazzjoni.
  • [4]  Ittra tal-4 ta’ Marzu 2011, Parir legali dwar il-bażi legali għall-konferiment lill-Kummissjoni ta’ poteri ta’ interventi ta’ emerġenza, għall-ħolqien ta’ Fond Monetarju Ewropea u l-ħolqien ta’ Eurobonds fil-kuntest tal-proposta għal regolament dwar dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro.
  • [5]  Ittra tal-21 ta’ Marzu 2011, Bażi legali għas-sitt atti leġiżlattivi proposti fil-Pakkett dwar il-Governanza Ekonomika.
  • [6]  Kawża - 91/05 Il-Kummissjoni v. l-Kunsill [2008] ECR I- 3651.
  • [7]  Kawża C-338/01 Il-Kummissjoni v. l-Kunsill [2004] ECR I- 4829.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (21.3.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro
(COM(2010)0524 – C7‑0298/2010 – 2010/0278(COD))

Rapporteur għal opinjoni: David Casa

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-Kuntest

Fid-29 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett leġiżlattiv bl-għan li tissaħħaħ il-governanza ekonomika fl-UE u fiż-żona tal-euro. Il-pakkett huma magħmul minn sitt proposti: erbgħa minnhom jittrattaw kwistjonijiet fiskali, inkluża riforma tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP), filwaqt li żewġ regolamenti ġodda għandhom l-għan li jidentifikaw u jindirizzaw żbilanċi makroekonomiċi emerġenti fi ħdan l-UE u fiż-żona tal-euro.

Il-Kummissjoni tipproponi li tissaħħaħ il-konformità tal-Istati Membri mal-SGP u li tiżdied il-koordinament bejn il-politiki fiskali. Taħt l-hekk imsejħa fergħa preventiva tal-SGP, ir-Regolament eżistenti Nru (KE) 1466/97 dwar “it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinament ta' politika ekonomika” huwa emendat sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimxu ma’ politiki fiskali ‘prudenti’ fi żminijiet tajbin biex jinbena mezz biex jilqa' għal żminijiet ħżiena. Barra minn hekk, taħt l-hekk imsejħa fergħa korrettiva, qed jiġu proposti emendi għar-Regolament Nru (KE)1467/97 dwar l-"implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv" sabiex jiġi żgurat li l-iżviluppi li jirrigwardaw djun jiġu segwiti iktar mill-qrib u jitqiesu bl-istess mod daqs l-iżviluppi li jirrigwardaw defiċits.

Minbarra dan, qed tiġi proposta Direttiva li tintroduċi rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri biex tiġi mħeġġa r-responsabilità fiskali billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-oqfsa fiskali nazzjonali u billi jiġi żgurat li dawn ikunu konformi mal-obbligi skond it-Trattat. Biex tappoġġja dawn it-tibdiliet fil-fergħat preventivi u korrettivi tal-SGP, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll it-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ infurzar għall-Istati Membri li jagħmlu parti miż-żona tal-euro.

Osservazzjonijiet

Dan l-abbożż ta' opinjoni jirrigwarda l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro. Ir-rapporteur lest jappoġġja għadd ta' elementi li pproniet il-Kummissjoni iżda jixtieq jintroduċi dawn il-modifiki prinċipali:

- L-infurzar tas-sorveljanza baġitarja dejjem għandu jkun soġġett għall-objettivi ġenerali tal-UE, u b'mod partikolari għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9 tat-TFUE li jirrigwarda l-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Importanti wkoll li l-qafas ta' sorveljanza jkun stabbilit fil-kuntest tas-Semestru Europew għall-koordinament tal-politika.

- Barra minn hekk, sabiex tisseddaq is-sorveljanza baġitarja, sistema ta' nfurzar għandha tkun magħmula mhux biss minn multi (sanzjonijiet) iżda wkoll minn inċentivi.

- Multi miġbura minn dawk l-Istati Membri li ma jikkonformawx mar-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom għandhom jintużaw bħala appoġġ għall-objettivi fuq medda twila ta’ żmien tal-UE li jirrigwardaw l-investiment u l-impjiegi u m’għandhomx jiġu biss maqsuma bejn l-Istati Membri li ma jkunux soġġetti għal ebda proċedura ta’ defiċit eċċessiv, kif qed tipproponi l-Kummissjoni.

- Ir-rwol tal- Parlament Ewropew, kif ukoll dak tal-Parlamenti Nazzjonali, għandu jissaħħaħ fil-proċess kollu ta' sorveljanza.

EMENDI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fir-rapport tiegħu:

Emenda  1

Proposta għal regolament

Premessa 2 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2a) It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi wkoll li fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha l-Unjoni għandha tqis ir-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

Emenda  2

Proposta għal regolament

Premessa 2b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2b) Il-Kunsill Ewropew, f’laqgħa tas-17 ta’ Ġunju 2010 adotta strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, l-Istrateġija Ewropa 2020, sabiex tippermetti li l-UE toħroġ iktar b'saħħitha mill-kriżi, u biex iddawwar l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, flimkien ma' livell għoli ta' impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali. Il-Kunsill Ewropew iddeċieda wkoll li fl-1 ta' Jannar 2011 iniedi s-Semestru Ewropew għall-koordinament tal-politika sabiex jippermetti li-Istati Membri jibbenefikaw mill-koordinament bikri fil-livell tal-Unjoni u –jippermetti sorvelljanza msaħħa u l-evalwazzjoni simultanja, kemm ta’ miżuri baġitarji, kif ukoll riformi strutturali, għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi.

Emenda  3

Proposta għal regolament

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Hemm bżonn ta’ sanzjonijiet addizzjonali dwar l-infurzar iktar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro. Dawk is-sanzjonijiet għandhom isaħħu l-kredibbiltà tal-qafas ta' sorveljanza fiskali tal-Unjoni.

(3) Hemm bżonn ta' inċentivi u sanzjonijiet addizzjonali dwar l-infurzar iktar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro. Dawk l-inċentivi u sanzjonijiet għandhom isaħħu l-kredibilità tal-qafas ta’ sorveljanza fiskali tal-Unjoni u jappoġġjaw is-solidarjetà politika tal-Unjoni.

Emenda          4

Proposta għal regolament

Premessa 3 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a) Il-qafas ta’ sorveljanza baġitarja m’għandux madankollu jkun ta’ ħsara għall-objettivi tal-Unjoni tat-tkabbir u l-impjiegi, u speċjalment matul riċessjonijiet ekonomiċi jew soċjali, il-qafas għandu jippermetti sforzi biex jistimulaw tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni soċjali, filwaqt li jirrispetta l-prijoritajiet u l-bżonnijiet speċifiċi tal-Istati Membri.

Emenda  5

Proposta għal regolament

Premessa 3b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3b) Id-dispożizzjonijiet adottati b’dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti għalkollox mad-dispożizzjonijiet orizzontali tat-TFUE, jiġifieri l-Artikoli 7, 8, 9, 10 u 11 tat-TFUE, mal-Artikolu 153(5) u mal-Protokoll (Nru 26) rigward servizzi ta’ interess ġenerali annessi mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mat-TFUE.

Emenda  6

Proposta għal regolament

Premessa 3c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3c) It-tisħiħ tal-governanza ekonomika għandu jimxi id f'id mat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-governanza fl-Unjoni, li għandhom jinkisbu permezz ta’ involviment iktar mill-qrib u iktar f’waqtu tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali tul il-proċeduri ta’ koordinament tal-politiki ekonomiċi, b’użu sħiħ tal-għodda prevista fit-TFUE, b’mod partikolari l-linji gwida wesgħin għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni u l-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri.

Emenda  7

Proposta għal regolament

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) Sanzjonijiet għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għandhom jipprovdu inċentivi għal tfassil politiku fiskali prudenti. Tfassil politiku ta’ dan it-tip għandu jiżgura li r-rata ta’ tkabbir tal-infiq mill-gvern normalment ma teċċedix rata ta’ tkabbir prudenti tal-prodott gross domestiku (PGD), sakemm l-eċċess ma jitpaċiex b’żidiet fid-dħul tal-gvern jew tnaqqis diskrezzjonarju fid-dħul jiġi kkumpensat minn tnaqqis fl-infiq.

(5) Inċentivi u sanzjonijiet għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għandhom jiżguraw tfassil politiku fiskali effiċjenti u sostenibbli. Tfassil politiku ta' dan it-tip għandu jiżgura li r-rata ta' tkabbir tal-infiq mill-gvern normalment ma teċċedix rata ta' tkabbir effiċjenti u sostenibbli tal-prodott gross domestiku (PGD), sakemm l-eċċess ma jitpaċiex b'żiediet fid-dħul tal-gvern jew tnaqqis diskrezzjonarju fid-dħul jiġi kkumpensat minn tnaqqis fl-infiq.

Emenda

               8

Proposta għal regolament

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Tfassil prudenti tal-politika fiskali għandu effettivament jilħaq u jżomm l-għan baġitarju għall-medda medja taż-żmien. Aderenza mal-għan għall-medda medja taż-żmien għall-pożizzjonijiet baġitarji għandha tippermetti lill-Istati Membri li jkollhom marġini ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur ta’ referenza tat-3% tal-PGD għad-defiċit tal-gvern, biex jiġi żgurat progress rapidu lejn is-sostenibilità, u fl-istess waqt ikollhom spazju għal immanuvrar baġitarju, b’mod partikolari meta jitqiesu l-bżonnijiet ta’ investiment pubbliku.

(6) Tfassil effiċjenti u sostenibbli tal-politika fiskali għandu effettivament jilħaq u jżomm l-għan baġitarju għall-medda medja taż-żmien. Aderenza mal-għan għall-medda medja taż-żmien għall-pożizzjonijiet baġitarji għandha tippermetti lill-Istati Membri li jkollhom marġini ta' sikurezza fir-rigward tal-valuri ta' referenza ta’ 3% tal-PGD għad-defiċit tal-gvern u ta’ 60% tal-PGD għad-dejn tal-gvern, biex jiġi żgurat progress rapidu lejn is-sostenibilità, u fl-istess waqt ikollhom spazju għal immanuvrar baġitarju, b'mod partikolari meta jitqiesu l-bżonnijiet ta' investiment pubbliku.

Emenda  9

Proposta għal regolament

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) Fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, l-inċentiv għal tfassil politiku fiskali prudenti għandu jikkonsisti f’obbligu li jsir depożitu li jħalli l-interessi impost temporanjament fuq Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro u li ma jkunx qed jagħmel biżżejjed progress fil-konsolidazzjoni baġitarja. Dan għandu jkun il-każ meta, wara twissija inizjali mill-Kummissjoni, Stat Membru jippersisti fi mġiba li, filwaqt li ma tammontax għal vjolazzjoni tal-projbizzjoni fuq id-defiċits eċċessivi, tkun imprudenti u potenzjalment detrimentali għat-tħaddim sew tal-unjoni ekonomika u monetarja, u l-Kunsill għalhekk joħroġ rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 121(4) tat-Trattat.

(7) Fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-inċentiv għal tfassil politiku fiskali effiċjenti u sostenibbli għandu jikkonsisti f'obbligu li jsir depożitu li jħalli l-interessi impost temporanjament fuq Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro u li ma jkunx qed jagħmel biżżejjed progress fil-konsolidazzjoni baġitarja. Dan għandu jkun il-każ meta, wara twissija inizjali mill-Kummissjoni, Stat Membru jippersisti f'imġiba li, filwaqt li ma tammontax għal vjolazzjoni tal-projbizzjoni fuq id-defiċits eċċessivi jew dejn tal-gvern eċċessiv, tkun imprudenti u potenzjalment detrimentali għat-tħaddim sew tal-unjoni ekonomika u monetarja, u l-Kunsill għalhekk joħroġ rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE.

Emenda  10

Proposta għal regolament

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9) Fil-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, is-sanzjonijiet għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-forma ta’ obbligu li jħallu depożitu li ma jħallix interessi marbut ma’ deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv u l-obbligu li titħallas multa fil-każ ta’ nonkonformità ma’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jitranġa defiċit eċċessiv tal-gvern. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu imposti irrispettivament minn jekk kienx diġà ġie impost preċedentement depożitu li jħalli l-interessi fuq l-Istat Membru kkonċernat.

(9) Fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, is-sanzjonijiet għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-forma ta' obbligu li jħallu depożitu li ma jħallix interessi marbut ma' deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv jew dejn tal-gvern eċċessiv, u l-obbligu li titħallas multa fil-każ ta' nonkonformità ma' rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jitranġa defiċit eċċessiv tal-gvern jew dejn tal-gvern eċċessiv. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu imposti irrispettivament minn jekk kienx diġà ġie impost preċedentement depożitu li jħalli l-interessi fuq l-Istat Membru kkonċernat.

Emenda  11

Proposta għal regolament

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11) Għandu jkun hemm il-possibilità għall-Kunsill li jnaqqas jew iħassar is-sanzjonijiet imposti fuq l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat. Fil-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni għandha wkoll tkun tista’ tipproponi li jitnaqqas id-daqs ta’ sanzjoni jew li titħassar għal kollox fuq il-bażi ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali.

(11) Għandu jkun hemm il-possibilità għall-Kunsill li jnaqqas jew iħassar is-sanzjonijiet imposti fuq l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat. Il-Parlment Ewropew għandu jinżamm involut. Fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni għandha wkoll tkun tista' tipproponi li jitnaqqas id-daqs ta' sanzjoni jew li titħassar għal kollox fuq il-bażi ta' ċirkostanzi ekonomiċi u/jew soċjali eċċezzjonali.

Emenda  12

Proposta għal regolament

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12) Id-depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi rilaxxat wara korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv filwaqt li l-interessi fuq dawn id-depożiti u l-multi miġbura għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li ma għandhomx defiċit eċċessiv u li lanqas mhuma suġġetti għal proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv.

(12) Id-depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi rilaxxat wara korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv jew id-dejn eċċessiv tal-gvern filwaqt li l-interessi fuq dawn id-depożiti u l-multi miġbura għandhom jiġu allokati għall-mekkaniżmu tal-Unjoni għall-istabbilità finanzjarja bħala appoġġ sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ tkabbir sostenibbli tal-Unjoni.

Emenda  13

Proposta għal regolament

Premessa 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(13) Is-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet individwali li jimplimentaw is-sanzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kunsill. Bħala parti mill-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li saru fi ħdan il-Kunsill kif speċifikat mill-Artikolu 121(1) tat-Trattat, dawn id-deċiżjonijiet individwali huma segwitu integrali għall-miżuri adottati mill-Kunsill skont l-Artikoli 121 u 126 tat-Trattat u r-Regolamenti (KE) Nru 1466/97 u (KE) Nru 1467/97.

(13) Is-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet individwali li jimplimentaw is-sanzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kunsill. Bħala parti mill-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li saru fi ħdan il-Kunsill kif speċifikat mill-Artikolu 121(1) tat-Trattat, dawn id-deċiżjonijiet individwali huma segwitu integrali għall-miżuri adottati mill-Kunsill skont l-Artikoli 121, 126 u 148 tat-TFUE u r-Regolamenti (KE) Nru 1466/97 u (KE) Nru 1467/97.

Emenda  14

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta' sanzjonijiet għat-tisħiħ tal-infurzar tal-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fiż-żona tal-euro.

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta' inċentivi u sanzjonijiet għat-tisħiħ tal-infurzar tal-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir fiż-żona tal-euro.

Emenda  15

Proposta għal regolament

Kapitolu II - titolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Is-sanzjonijiet fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir

Inċentivi u sanzjonijiet fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir

Emenda  16

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Jekk il-Kunsill jindirizza rakkomandazzjoni lil Stat Membru skont l-Artikolu 121(4) tat-Trattat biex jittieħdu l-miżuri ta’ aġġustament neċessarji fil-każ ta’ devjazzjonijiet sinifikanti persistenti u partikolarment serji minn tfassil politiku fiskali prudenti kif stipulat fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, it-tqegħid ta’ depożitu li jħalli l-interessi għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b'maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista’ jemenda l-proposta skont l-Artikolu 293(1) tat-Trattat.

1. Jekk il-Kunsill jindirizza rakkomandazzjoni lil Stat Membru skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE biex jittieħdu l-miżuri ta' aġġustament neċessarji fil-każ ta' devjazzjonijiet sinifikanti persistenti u partikolarment serji minn tfassil politiku fiskali effiċjenti u sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, it-tqegħid ta' depożitu li jħalli l-interessi għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b'maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista' jemenda l-proposta skont l-Artikolu 293(1) tat-TFUE.

Emenda  17

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, it-tqegħid ta’ depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b'maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista’ jemenda l-proposta skont l-Artikolu 293(1) tat-Trattat.

1. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(6) tat-TFUE li jeżisti defiċit eċċessiv jew dejn eċċessiv tal-gvern fi Stat Membru, it-tqegħid ta' depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b'maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista' jemenda l-proposta skont l-Artikolu 293(1) tat-TFUE.

Emenda

               18

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali jew wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat indirizzata lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat, tista’ tipproponi li jitnaqqas l-ammont tad-depożitu li ma jħallix interessi jew li tħassru.

4. B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' ċirkostanzi ekonomiċi jew soċjali eċċezzjonali jew wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat indirizzata lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(6) tat-TFUE, tista' tipproponi li jitnaqqas l-ammont tad-depożitu li ma jħallix interessi jew li tħassru.

Emenda  19

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat li l-Istat Membru ma ħax azzjoni effettiva b’reazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill fil-perjodu stipulat, il-Kunsill, huwa u jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi li l-Istat Membru għandu jħallas multa. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b'maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista’ jemenda l-proposta skont l-Artikolu 293(1) tat-Trattat.

1. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE li l-Istat Membru ma ħax azzjoni effettiva b'reazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill fil-perjodu stipulat, il-Kunsill, huwa u jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, filwaqt li jitqies kif dovut l-Artikolu 9 tat-TFUE, b'mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u tal-objettivi tal-Unjoni rigward tkabbir u impjiegi, għandu jiddeċiedi li l-Istat Membru għandu jħallas multa. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b'maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista' jemenda l-proposta skont l-Artikolu 293(1) tat-TFUE.

Emenda  20

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali jew wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat indirizzata lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat, tista’ tipproponi li jitħassar jew jitnaqqas l-ammont tal-multa.

4. B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' ċirkostanzi ekonomiċi jew soċjali eċċezzjonali jew wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat indirizzata lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE, tista' tipproponi li jitħassar jew jitnaqqas l-ammont tal-multa. Il-Parlment Ewropew għandu jinżamm involut.

Emenda  21

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – titolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Tqassim tal-interessi u l-multi

Użu tal-interessi u l-multi

Emenda  22

Proposta għal regolament

Artikolu 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-interessi li taqla’ l-Kummissjoni fuq id-depożiti li jkunu tħallsu skont l-Artikolu 4 u l-multi miġbura skont l-Artikolu 5 għandhom jikkostitwixxu dħul ieħor kif imsemmi fl-Artikolu 311 tat-Trattat, u għandhom jitqassmu, b’mod proporzjonali ma’ sehemhom mid-dħul gross nazzjonali tal-Istati Membri eliġibbli, fost l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li ma għandhomx defiċit eċċessiv kif iddeterminat skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat u li mhumiex is-suġġett ta’ proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv fl-ambitu tat-tifsira tar-Regolament (UE) Nru […/…].

L-interessi li taqla' l-Kummissjoni fuq id-depożiti li jkunu tħallsu skont l-Artikolu 4 u l-multi miġbura skont l-Artikolu 5 għandhom jikkostitwixxu dħul ieħor kif imsemmi fl-Artikolu 311 tat-TFUE u għandhom jiġu allokati għall-mekkaniżmu għall-istabbilità finanzjarja tal-Unjoni bħala appoġġ sabiex jinkisbu l-objettivi tat-tkabbir sostenibbli tal-Unjoni.

IL-PROĊEDURA

Titolu

L-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

References

COM(2010)0524 – C7-0298/2010 – 2010/0278(COD)

Kumitat responsabbli

ECON

Opinjoni(jiet) mogħtija minn

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

EMPL

21.10.2010

 

 

 

Rapporteur għal opinjoni:

Data tal-ħatra

David Casa

21.10.2010

 

 

Eżami fil-kumitat

1.12.2010

25.1.2011

 

 

Data tal-adozzjoni

16.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

4

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Jean-Luc Bennahmias, Pervenche Berès, Mara Bizzotto, Philippe Boulland, David Casa, Alejandro Cercas, Marije Cornelissen, Frédéric Daerden, Karima Delli, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Thomas Händel, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Liisa Jaakonsaari, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Patrick Le Hyaric, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Rovana Plumb, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Raffaele Baldassarre, Sven Giegold, Antigoni Papadopoulou, Evelyn Regner

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Liam Aylward, Fiona Hall

IL-PROĊEDURA

Titolu

L-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

References

COM(2010)0524 – C7-0298/2010 – 2010/0278(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

29.9.2010

Kumitat responsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

21.10.2010

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG

21.10.2010

EMPL

21.10.2010

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

Data tad-deċiżjoni

BUDG

20.10.2010

 

 

 

Rapporteur(s)

Data tal-ħatra

Sylvie Goulard

21.9.2010

 

 

Bażi legali kkontestata

Data tal-opinjoni tal-JURI

JURI

12.4.2011

 

 

 

Eżami fil-kumitat

26.10.2010

24.1.2011

22.3.2011

 

Data tal-adozzjoni

19.4.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

14

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Arlene McCarthy, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Carl Haglund, Krišjānis Kariņš, Barry Madlener, Claudio Morganti, Andreas Schwab

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Karima Delli, Monika Hohlmeier, Ria Oomen-Ruijten, Marc Tarabella, Wim van de Camp, Axel Voss

Data tat-tressiq

2.5.2011