RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ágnes Hankiss

26.5.2011 - (2010/2213(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Diana Wallis

Proċedura : 2010/2213(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0196/2011
Testi mressqa :
A7-0196/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ágnes Hankiss

(2010/2213(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Ágnes Hankiss, imressqa mill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda fis-6 ta’ Lulju 2010, u mħabbra fis-seduta plenarja tas-6 ta’ Settembru 2010,

–   wara li sema' lil Ágnes Hankiss fil-11 ta' April 2011, bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta’ April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta’ Settembru 1976,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008 u tad-19 ta' Marzu 2010[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0196/2011),

A. billi l-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda, Budapest, talbet it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ágnes Hankiss, Membru tal-Parlament, sabiex jitmexxa proċediment kriminali ġdid kontra Ágnes Hankiss kif ordnat mis-sentenza tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Ungerija,

B.  billi t-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ágnes Hankiss tirrigwarda allegat reat ta' malafama skont is-Sezzjoni 181 tal-Kodiċi Kriminali tal-Ungerija wara dikjarazzjoni magħmula tul il-programm "Péntek 8 mondatvadász" fit-23 ta' Jannar 2004,

C. billi Ágnes Hankiss kienet akkużata mill-kwerelant privat f'denunċja tat-18 ta' Frar 2004 u li ġiet ippreżentata lill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda fit-23 ta' Frar 2004; billi l-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda ħarġet is-sentenza tagħha fit-28 ta' Ġunju 2005, li ġiet appellata fil-Qorti Muniċipali ta' Budapest u annullata mill-istess Qorti fit-3 ta' Frar, 2006,

D. billi, minħabba f'hekk il-każ ġie riferut lura lill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda, li fis-6 ta' Frar 2009, ħelset lill-Ágnes Hankiss mill-akkużi; billi l-kwerelant ressaq appell kontra din is-sentenza fil-Qorti Muniċipali ta' Budapest, li, fil-25 ta' Marzu 2009, iddeċiedet li tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Distrettwali fuq ir-raġunijiet kollha,

E.  billi fit-12 ta' Novembru 2009 l-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Ungerija annullat iż-żewġ sentenzi minħabba ksur tal-liġi sostantiva u tat istruzzjonijiet lill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda biex tmexxi proċediment ġdid,

F.  billi Ágnes Hankiss ilha Membru tal-Parlament sa mill-15 ta' Lulju 2009,

G. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Membri tiegħu għandhom igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta' pajjiżhom; u billi dan ma jwaqqafx lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed mill-Membri tiegħu,

H.  billi s-Sezzjoni 552(1) tal-Att dwar il-Proċedimenti Kriminali tal-Ungerija jirrikjedi li jiġu sospiżi l-proċedimenti kriminali kontra persuna li tgawdi l-immunità u li tintalab it-tneħħija tal-immunità, u billi s-Sezzjoni 551(1) ta' dak l-Att jistipula li proċedimenti kriminali jistgħu jitnedew biss kontra, inter alia, Membru tal-Parlament Ewropew wara s-sospensjoni tal-immunità,

I.    billi s-Sezzjoni 12(1) tal-Att LVII jistipula li t-talba għat-tneħħija tal-immunità f'każijiet soġġetti għal azzjoni privata, għandhom isiru mill-Qorti lill-President tal-Parlament,

J.   billi fil-proċedimenti l-ġodda ta' wara l-annullament, Ágnes Hankiss iddikjarat li hi kienet Membru tal-Parlament u għalhekk il-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda, abbażi tas-Sezzjoni 552(1) tal-Att Ungeriż dwar il-Proċedimenti Kriminali u s-Sezzjoni 12 tal-Att LVII, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u talbet għat-tneħħija tal-immunità,

K. billi, għalhekk jixraq li jirrakkomanda t-tneħħija tal-immunità parlamentari f'dan il-każ,

1.  Iddeċieda li jneħħi l-immunità parlamentari ta' Ágnes Hankiss;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Ungerija u lil Ágnes Hankiss.

  • [1]  Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure et [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament [2008] ECR II-2849, Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] ECR I-7929, u Kawża T-42/06 Gollnisch vs Il-Parlament.

NOTA SPJEGATTIVA

1.        L-isfond

Fis-seduta tal-6 ta' Settembru 2010, il-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li fis-6 ta' Lulju 2010 kien irċieva ittra mill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Budapest li titlob it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ágnes Hankiss.

Il-President irrefera t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(2).

Il-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda, Budapest, qed titlob lill-Unjoni Ewropea li titneħħa l-immunità tal-Membru tagħha, Ágnes Hankiss, b'rabta mal-proċedimenti kriminali ordnati mis-sentenza tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Ungerija mogħtija fit-12 ta' Novembru 2009. Ágnes Hankiss tinsab akkużata minn kwerelant privat b'allegazzjoni ta' reat ta' malafama tal-unur imwettaq fil-pubbliku (Sezzjoni 179 tal-Kodiċi Kriminali tal-Ungerija) u, b'mod partikolari l-malafama tal-memorja ta' persuna mejta, missier il-kwerelant, skont is-Sezzjoni 181 tal-Kodiċi Kriminali tal-Ungerija, minħabba dikjarazzjoni magħmula waqt il-programm "Péntek 8 mondatvadász" fit-23 ta' Jannar 2004. L-akkuża, datata t-18 ta' frar 2004, tresssqet quddiem il-Qorti tad-Distrett Ċentrali ta' Buda fit-23 ta' Frar 2004. Fit-28 ta' Ġunju 2005, il-Qorti tat is-sentenza tagħha, li mbgħad ġiet appellata fil-Qorti Muniċipali ta' Budpest u annullata mill-istess Qorti fit-3 ta' Frar 2006. Billi, minħabba f'hekk il-każ ġie riferut lura lill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda, li ħelset lill-Ágnes Hankiss mill-akkużi fis-6 ta' Frar 2009; Il-kwerelant appella din is-sentenza fil-Qorti Muniċipali ta' Budapest, li, fil-25 ta' Marzu 2009, iddeċieda li jikkonferma s-sentenza tal-Qorti Distrettwali fuq ir-raġunijiet kollha.

Sussegwentement il-kwerelant ippreżenta applikazzjoni lill-Qorti Suprema tal-Ungerija għal rieżami tas-sentenza tal-Qorti tal-Appell b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-ħelsien seħħ fuq ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-liġi kriminali. Fit-12 ta' Novembru 2009, il-Qorti Suprema kkunsidrat li effettivament kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-liġi kriminali u ordnat proċedura mġedda li kellha titwettaq mill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda. Il-Qorti għandha twettaq din il-proċedura mġedda fid-dawl tal-kunsiderazzjonjiet dikjarati fis-sentenza tal-Qorti Suprema.

Il-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda fetħet proċedimenti mġedda fil-31 ta' Marzu 2010. Fl-istess ġurnata, kienu sospiżi l-proċedimenti minħabba l-fatt li Ágnes Hankiss tgawdi minn immunità parlamentari bħala Membru tal-Parlament. It-talba rilevanti għat-tneħħija ta' dik l-immunità saret mill-Qorti fis-6 ta' Lulju 2010.

2.        Il-liġi u l-proċedura tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965 jgħidu li:

Artikolu 8:

Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhomx ikunu soġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 9:

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a.        fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b.        fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità għandha tapplika bl-istess mod għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fit-twettiq ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

Sezzjoni 12 tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus Legali tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ewropew ("Att LVII") li jgħid li ġej: "(1) "(1) Il-Parlament Ewropew għandu d-dritt ta' deċiżjoni f'rabta mas-sospensjoni tal-immunità ta' MPE.

(2) null

(3) null

(4) L-awtoritajiet li jippreżentaw talba għas-sospensjoni tal-immunità għandhom jgħaddu lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat tiegħu li jittratta l-każijiet kollha ta' immunità, kull informazzjoni li dan il-Kumitat jikkunsidra bħala neċessarja biex isawwar l-opinjoni tiegħu rigward is-sospensjoni tal-immunità.

(5) Jekk l-immunità tkun sospiża, il-Qorti jew l-awtorità li toħroġ kull deċiżjoni kaġun tas-sospensjoni tal-immunità għandha tinforma lill-President tal-Unjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni rigward l-immunità.

(6) null

(7) Deċiżjoni li tikkonċerna s-sospensjoni tal-immunità ta' kandidati għall-Parlament Ewropew għandha tittieħed mill-Bord Elettorali Nazzjonali. Talba f'dan ir-rigward għandha titressaq lill-President tal-Bord Elettorali Nazzjonali."

Sezzjoni 10 tal-Att LVII li jgħid li ġej:

„(1) Il-Membri tal-Parlament Ewropew huma intitolati għall-privileġġi u l-immunitajiet li huma minquxa fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, li hu mehmuż mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej (8 ta' April 1965).

(2) Il-Membri tal-Parlament Ewropew huma intitolati għall-istess immunità li jgawdu l-Membri tal-Parlament nazzjonali.

(3) null

Is-Sezzjoni 552(1) tal-Att Ungeroż dwar il-Proċedimenti Kriminali jirrikjedi li jiġu sospiżi l-proċedimenti kriminali kontra persuna li tgawdi l-immunità u li tintalab it-tneħħija tal-immunità, u billi s-Sezzjoni 551(1) ta' dak l-Att jistipula li proċedimenti kriminali jistgħu jitnedew biss kontra, inter alia, Membru tal-Parlament Ewropew wara s-sospensjoni tal-immunità,

Il-proċedura fi ħdan il-Parlament Ewropew hi governata fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawn:

Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità:

1.        Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġislattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.

2.        Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta' xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli. (...)

Artikolu 7 - Proċedura dwar l-immunità:

1.        Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skond l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija ta' l-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien ta' l-immunità u tal-privileġġi.

2.        Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni li sempliċement tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

3.        Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar jekk l-immunità għandhiex tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor. (...)

6.        F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

3.        Ġustifikazzjoni għall-proposta ta' deċiżjoni

Inkwantu l-Artikolu 9, ġaladarba li l-akkużi miġjuba kontra s-Sur Lisek jirreferu għal atti li saru fl-Ungerija, li Ágnes Hankiss kienet ċittadina tagħha fiż-żmien inkwistjoni, l-unika parti applikabbli minnu hija dik li tgħid li "waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu: a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom". Il-liġi Ungeriża applikabbli hi s-Sezzjoni 10 u s-Sezzjoni 12 tal-Att LVII.

Sabiex jiġi deċiż jekk tiddefendix jew le l-immunità parlamentari, il-Parlament japplika l-prinċipji konsistenti tiegħu.

F'dan il-każ partikolari, ir-rapporteur isib li l-każ ma jaqax fl-ambitu tal-attivitajiet politiċi ta' Ágnes Hankiss bħala Membru tal-Parlament. Jikkonċerna minflok id-dikjarazzjoni magħmula fl-2004, ħafna qabel ma kienet eletta bħala Membru tal-Parlament. Ir-rapporteur ukoll ma sab l-ebda evidenza ta' funnus persecutionis jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-każ tressaq bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru.

Madankollu għandu jiġi nnotat li s-sentenza tal-Qorti Suprema tat-12 ta' Novembru 2009 li ordnat it-twettiq ta' proċedimenti ġodda fi żmien meta Ágnes Hankiss kienet Membru tal-Parlament u kienet tgawdi l-immunità parlamentari, bit-tneħħija tal-immunità ma tintalabx f'dak il-mument. Dan jista' jitqies bħala żball proċedurali. Madankollu, ir-revoka tal-immunità intalbet b'mod korret wara li tnedew il-proċedimenti mġedda fl-ewwel istanza fil-31 ta' Marzu 2010 mill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda, li taġixxi abbażi tas-Sezzjoni 552(1) tal-Att Ungeriż dwar il-proċedimenti Kriminali u s-Sezzjoni 12 tal-Att LVII, li jissospendi l-proċedura u jitlob għat-tneħħija tal-immunità.

Għalhekk hu tajjeb li jiġi rrakkomandat li titneħħa l-immunità parlamentari f'dan il-każ.

4.        Konklużjoni

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra t-tneħħija tal-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari ta' Ágnes Hankiss.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.5.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

9

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sebastian Valentin Bodu, Christian Engström, Klaus-Heiner Lehne, Jiří Maštálka, Bernhard Rapkay, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Diana Wallis, Tadeusz Zwiefka