RAPPORT dwar il-politika tal-awditjar: lezzjonijiet mill-kriżi
30.5.2011 - (2011/2037(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Antonio Masip Hidalgo
Rapporteur għal opinjoni: (*):
Kay Swinburne, Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-politika tal-awditjar: lezzjonijiet mill-kriżi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ktiba Ħadra tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ottubru 2010, dwar il-politika tal-awditjar: lezzjonijiet mill-kriżi (COM(2010)0561)),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar il-governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati[2],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0200/2011),
A. billi l-kriżi finanzjarja reċenti tefgħat dubji fuq ix-xogħol tal-awdituri,
B. billi, wara l-kriżi, it-teħid ta' riskji eċċessiv min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji kien assoċjat b'mod sinifikanti ma' mekkaniżmi ta' kontroll u ta' ġestjoni tar-riskju flessibli, skarsi u mhux effettivi, partikolament f'istituzzjonijiet finanzjarji ta' importanza sistemika (SIFIs),
C. billi l-awdituri kienu identifikati bħala dawk li jistgħu jiżvolġu rwol fundamentali fit-tisħiħ tas-sorveljanza tal-ġestjoni tar-riskju b'mod partikolari ta' istituzzjonijiet finanzjarji,
D. billi r-rwol tal-kumitati tal-awditjar fi ħdan l-istituzzjonijiet finanzjarji, b'mod partikolari, ma kienx sfruttat totalment,
E. billi l-awditjar ta’ kwalità huwa fundamentali għall-istabilità ekonomika u l-fiduċja tas-suq, ladarba jipprovdi garanziji rigward is-saħħa finanzjarja ġenwina tal-kumpaniji,
F. billi l-indipendenza tal-awditur għandha sehem fundamentali fil-kwalità tal-awditjar,
G. billi x'aktarx jeżisti kunflitt ta' interess meta impriżi tal-awditjar joffru servizzi differenti lill-istess impriża,
H. billi l-konċentrazzjoni għolja tas-suq tal-erbgħa ditti l-kbar tal-awditjar tista' toħloq konċentrazzjoni eċċessiva tar-riskju, u billi l-impriżi iżgħar huma differenti u t-tkabbir u l-għarfien espert tagħhom għandhom ikunu inkoraġġiti permezz ta' żieda fl-opportunitajiet biex jikkompetu,
I. billi, konsegwentement, jeħtieġ li jitnieda mill-ġdid dibattitu fil-fond dwar il-funzjoni tal-awditur u l-istruttura tas-suq tal-awditjar,
Kwistjonijiet ġenerali
1. Jilqa’ l-Ktiba Ħadra tal-Kummissjoni u jfaħħar l-approċċ globali tagħha,
2. Jilqa’ l-kwistjoni fundamentali li tqajmet fil-Ktiba Ħadra, jiġifieri kif l-awditjar jista’ jittejjeb, għalkemm fil-passat ma kien hemm l-ebda prova serja li tindika li l-awditjar ma sarx skont ir-regoli u r-rekwiżiti rilevanti;
3. Huwa tal-fehma li d-dibattitu dwar il-funzjoni tal-awditur irid ikun akkumpanjat mit-tisħiħ tal-funzjoni tal-kumitat tal-awditjar – li llum bilkemm hu effikaċi – kif ukoll mir-rapporti dwar il-finanzi u r-riskji li l-impriżi jridu jipprovdu,
4. Għadu s'issa mhu jara l-ebda bażi suffiċjenti għal evalwazzjoni finali, u għalhekk ifakkar lill-Kummissjoni li hu meħtieġ iktar użu mir-regolamenti u mit-tip ta' evalwazzjoni tal-impatt li tkopri ħafna oqsma u fil-fond, li tqis diversi alternattivi politiċi, tiffoka fuq kwestjonijiet prattiċi skont il-prinċipji tat-tfassil aħjar tal-liġijiet, tindirizza l-importanza tal-kontabilità fil-provvediment ta' informazzjoni preċiża dwar l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tal-kumpaniji, inkluża analiżi tal-gruppi ta' interess, sabiex tiċċara s-segmentazzjoni tal-istudju ta' evalwazzjoni tal-impatt għall-gruppi varji, bħall-SMEs, is-SIFIs u kumpaniji oħra kwotati u mhumiex; huwa tal-fehma li għandha ssir evalwazzjoni tal-impatt fuq l-utenti tar-rapporti tal-awditjar, bħall-investituri u r-regolaturi tas-SIFI; jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-valur miżjud iġġenerat kemm mir-regolament propost u kemm mill-armonizzazzjoni progressiva tal-istandards tal-awditjar u l-prattiki fus-suq uniku Ewropew;
5. Jilqa’ r-rikonoxximent tal-proporzjonalità fil-Ktiba Ħadra;
Il-funzjoni tal-awditur
6. Huwa tal-fehma li l-awditjar statutorju għandu funzjoni soċjali u li dan hu fl-interess pubbliku, ladarba dan hu komponent assolutament fundamentali tas-sistema demokratika ekonomika u politika, u għalhekk jilqa' l-għan tal-Ktiba Ħadra li żżid it-trasparenza u ttejjeb il-kwalità tar-rapporti tal-awditjar sabiex jingħata kontribut għall-istabilità tas-suq finanzjarju u jitjieb l-aċċess għall-finanzjament; huwa favur kull miżura bbażata fuq l-evidenza li l-ispejjeż u l-piżijiet għall-istituzzjonijiet finanzjarji, b'mod partikulari, ikollhom piż inqas jekk tiżdied il-kwalità tagħhom b'mod sinifikanti, kif ukoll jekk issir evalwazzjoni esterna regolari u jkun hemm sorveljanza regolatorja adegwata; jenfasizza l-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni speċifika;
7. Jinnota li sistema ta' awditjar ta' kwalità għolja hija parti integrali minn qafas b'saħħtu ta' governanza korporattiva; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha dwar il-governanza u l-awditjar tal-korporazzjonijiet lill-Parlament u lill-Kunsill b'mod konsistenti;
8. Jenfasizza l-importanza tar-rapport tal-awditjar għall-azzjonisti u għall-pubbliku; jagħraf il-prinċipju li "verifika hija verifika" u jwissi dwar ir-riskju għoli li l-applikazzjoni ta' standards differenti twassal għall-inċertezza legali; għalhekk huwa favur l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha,
9. Jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-prinċipju li l-konklużjonijiet ta' rapport tal-awditjar għandhom jiffukaw fuq is-sustanza iktar milli fuq il-forma;
10. Jitlob lill-Kummissjoni tistudja kif ir-rwol tal-awditur jista' jitwessa' biex jinkludi l-awditjar tar-rapporti dwar ir-riskju mressqa mill-entità li qed issirilha l-verifika, flimkien mal-verifika tal-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji prinċipali; jirrakkomanda li l-awdituri għandhom ikunu informati dwar id-drabi kollha fejn il-kumitat dwar ir-riskju kien injorat;
11. Huwa tal-fehma li r-rapporti tal-awditjar għandhom ikunu qosra, b'konklużjonijiet ċari u konċiżi, u għandhom jindirizzaw l-aspetti kollha tal-mandat statutorju tal-awdituri; iqis li l-awditur għandu jipprovdi spjegazzjonijiet addizzjonali lill-kumitat tal-awditjar u lill-assemblea ġenerali dwar kwestjonijiet ġenerali bħall-metodoloġija li ntużat fit-fassil tal-karta tal-bilanċ, u dwar kwestjonijiet speċifiċi, bħall-indikaturi fundamentali, iċ-ċifri rilevanti, l-evalwazzjoni tar-riskju involut fl-istimi tal-kontabilità pertinenti jew l-opinjonijiet sinifikanti li ngħataw, dwar kwalunkwe problema partikulari li l-awditur iltaqa' magħha waqt it-twettiq tal-verifika;
12. Jitlob li r-rapporti ta' awditjar ta' istituzzjonijiet finanzjarji jinkludu rekwiżiti ta' żvelar imtejba li jirrigwardaw il-valutazzjoni ta' assi inqas likwidi sabiex jippermettu t-tqabbil ta' valutazzjonijiet ta' strument finanzjarju bejn l-istituzzjonijiet;
13. Jenfasizza li l-awdituri għandhom jiġbdu l-attenzjoni tas-superviżuri jew l-awtoritajiet rilevanti meta jindunaw bi problemi li jistgħu jipperikolaw il-futur tal-entità li qed issirilha l-verifika; jirrakkomanda li jsiru laqgħat bilaterali bejn l-awdituri u s-superviżuri ta’ istituzzjonijiet finanzjarji kbar;
14. Jinnota li jista’ jkun hemm responsabilità potenzjali marbuta mal-provvediment ta' informazzjoni addizzjonali barra dik meħtieġa mir-regolament; jemmen, madankollu, li s-soċjetà titlob li l-awdituri jkollhom responsabiltà b’viżjoni kemm għall-futur u kemm għas-soċjetà inġenerali, speċjalment fir-rigward ta’ korporazzjonijiet kbar u sistemikament rilevanti; huwa tal-fehma li l-informazzjoni disponibbli għall-awdituri li hija fl-interess pubbliku u għandha x'taqsam mar-riskju, ma' operazzjonijiet li mhumiex fuq il-karta tal-bilanċ jew riskji potenzjali futuri għandha dejjem tkun żvelata lir-regolaturi u fil-parti l-kbira taċ-ċirkustanzi għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;
15. Jappella għat-tisħiħ tar-rwol tal-kumitati tal-awditjar tal-istituzzjonijiet finanzjarji kollha billi dawn jintalbu japprovaw mudell ta' evalwazzjoni tar-riskju li jinkludi paraguni speċifiċi għall-impriżi skont indikaturi, inkluż ir-rappurtar dwar il-ħtiġijiet finanzjarji futuri, konvenji bankarji, flussi futuri tal-kontanti, ġestjoni tar-riskju, stimi ta' ġestjoni u aderenza għall-prinċipji tal-kontabilità ewlenin u kwalunkwe riskju prevedibbli rigward il-mudell kummerċjali tal-kumpanija; jitlob li din l-evalwazzjoni tkun ippreżentata kull sena lill-bordijiet superviżorji u eżekuttivi tal-istituzzjonijiet finanzjarji, flimkien mar-rapport ta' awditjar sħiħ, għall-eżami u l-approvazzjoni;
16. Iqis li x-xettiċiżmu professjonali huwa vitali fl-awditjar u jkollu impatt fuq kull fażi ta' verifika; jafferma li dan ix-xettiċiżmu jirriżulta mill-oġġettività u l-indipendenza tal-awditur, flimkien mal-ġudizzju professjonali żviluppat mill-esperjenza li ma jistax ikun issotitwit minn proċeduri fejn wieħed jimmarka kaxxa;
17. Jemmen li s-sistema tal-kwalifiki fir-rapporti tal-awditjar m'għandhiex tkun rieżaminata, għaliex din għandha funzjoni dissważiva u tikkontribwixxi għall-kwalità tal-informazzjoni finanzjarja;
18. Iqis li djalogu fluwidu u regolari bejn l-awditur estern, l-awditur intern u l-kumitat tal-awditjar huwa essenzjali biex isir awditjar effikaċi, għaliex huwa neċessarju li l-azzjonisti jinżammu infurmati – pereżempju, bir-raġunijiet tal-għażla, l-għażla mill-ġdid jew ir-revoka tal-inkarigu, tal-awditur – permezz ta’ spjegazzjonijiet speċifiċi għar-rapport tal-kumitat tal-awditjar;
19. Huwa tal-fehma li l-awdituri għandu jkollhom id-dritt li jinstemgħu fil-laqgħat ġenerali tal-kumpanija fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-rwol tagħhom bħala awdituri;
20. Jemmen li hemm bżonn li ż-żewġ aspetti tal-awditjar – intern u estern – ikunu ċirkoskritti b’mod ċar fil-liġi;
Standards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs)
21. Jissuġerixxi li l-Kummissjoni tadotta b'mod urġenti l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs), iċċarati permezz ta' regolament, li jippermettu l-armonizzazzjoni tal-awditjar fil-livell Ewropew u jiffaċilitaw il-kompitu tal-korpi ta’ sorveljanza; huwa tal-fehma li l-awditjar huwa proċedura unika, irrispettivament mid-daqs tal-kumpanija li qed issirilha l-verifika, iżda li l-applikazzjoni tiegħu jeħtieġ li tkun adattata għall-karatteristiċi ta’ intrapriżi żgħar u medji (SMEs); iffakkar lill-Kummissjoni li apparti minn dawk il-kumpanniji li għalihom għandhom japplikaw l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar, hemm ukoll kumpaniji oħra li, minkejja li huma eżentati minn dawk l-istandards, għandhom madankollu jaraw li s-sitwazzjonijiet finanzjarji tagħhom ikunu verifikati minn kumpanniji tal-awditjar awtorizzati;
Il-governanza u l-independenza tad-ditti tal-awditjar
22. Jaqbel li jeżisti kunflitt ta’ interess inevitabbli minħabba l-fatt li awditur jitqabbad u jitħallas mill-intrapriża li qed issirilha l-verifika; ma jarax, madankollu, li bħalissa hemm ġustifikazzjoni biex dan l-inkarigu jingħata minn parti terza; jitlob, waqt li jżomm dan f'moħħu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 37 (2) tad-Direttiva 2006/43/KE, biex ir-rwol tal-kumitat tal-awditjar jissaħħaħ;
23. Huwa tal-fehma li l-awditur, fejn dak ir-rwol huwa wieħed statutorju, għandu jinħatar mill-kumitat tal-awditjar u mhux mill-bord maniġerjali tal-kumpannija li qed issirilha l-verifika, u f’dan ir-rigward jaħseb li l-membri tal-kumitat tal-awditjar għandu jkollhom l-esperjenza rilevanti, b'nofshom, tal-anqas, b'esperjenza fil-kontabilità u l-awditjar; iqis li l-kumitat tal-awditjar għandu jieħu passi biex jiżgura li l-awditur ikun indipendenti, b'mod partikolari rigward kwalunkwe servizzi ta’ konsulenza li l-awditur jipprovdi jew joffri li jipprovdi;
24. Huwa tal-fehma li għandu jsir rieżami dettaljat tar-regoli li jiggarantixxu l-indipendenza tal-awdituri u l-kwalità tal-verifika minn korp ta’ sorveljanza pubbliku indipendenti għal kollox mill-professjoni;
25. Jappoġġa l-ħolqien ta’ kodiċi internazzjonali ta’ governanza tajba għal ditti tal-awditjar li jagħmlu l-verifiki ta' entitajiet ta’ interess pubbliku;
26. Jaqbel li l-indipendenza tal-awditur hija ta' importanza kbira u li għandhom jittieħdu passi biex ma jkunx hemm familjarità żejda; jisuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni tal-impatt li tkopri firxa ta' alternattivi, b'mod partikolari r-rotazzjoni esterna u l-impatt tal-verifiki konġunti volontarji; iqis ir-rotazzjoni esterna bħala mezz għat-tisħiħ tal-indipendenza tal-awdituri, iżda jtenni l-fehma tiegħu li mhix ir-rotazzjoni esterna iżda pjuttost it-tibdil regolari fl-awdituri interni li jirrappreżenta l-aħjar soluzzjoni regolatorja, kif ikkonfermat bid-Direttiva 2006/43/KE, u li l-arranġamenti eżistenti tar-rotazzjoni tas-sieħba jipprovdu l-indipendenza meħtieġa biex il-verifiki jkunu effettivi;
27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-prattiċi tal-kumpaniji jgħinu biex jippreservaw il-mezzi ta' protezzjoni pprovduti, inkluża l-protezzjoni tar-rotazzjoni obbligatorja tas-sieħba ewlenin tal-awditjar anke fejn dawk is-sieħba jibdlu l-kumpaniji;
28. Jissuġġerixxi li għandhom jitqiesu għażliet oħra barra minn, jew flimkien ma', ċiklu ta’ rotazzjoni fiss – pereżempju, jekk jintagħżlu l-verifiki konġunti ċ-ċiklu ta’ rotazzjoni jista’ jkun id-doppju ta’ dak fejn jintuża awditur wieħed peress li d-dinamika ta’ “tlieta f’kamra” hija differenti minn dik ta’ “tnejn f’kamra”, u r-rotazzjoni tal-awditjar konġunt tista’ anke tkun irranġata b’tali mod li ma taħbatx flimkien;
29. Huwa tal-fehma li għandu jkun hemm demarkazzjoni ċara bejn l-għoti ta’ servizzi tal-awditjar u servizzi oħra, mhux tal-awditjar, li ditta tal-awditjar tipprovdi lill-klijent, bl-għan li jkunu evitati kunflitti ta’ interess kif imsemmija fl-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2006/43/KE u skont il-kodiċi tal-prattika tal-awditjar; b’hekk jista’ jkun limitat il-"lowballing", fejn ikunu offerti prezzijiet artifiċjalment baxxi għall-awditjar bit-tama li l-prezz iktar baxx ikun ikkumpensat mill-ħlas għal servizzi addizjonali; huwa tal-fehma, għalhekk, li d-demarkazzjoni għandha tkun applikata għad-ditti kollha u għall-klijenti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, b'referenza għar-Rakkomandazzjonijiet tal-2002 dwar l-Indipendenza Statutorja tal-Awdituri, biex tfassal lista ta' kundizzjonijiet skont liema tali servizzi jkunu meqjusa bħala inkompatibbli mas-servizzi tal-awditjar; jirrikonoxxi li l-provvista ta’ servizzi barra l-awditjar, fejn ma tkunx inkompatibbli mal-indipendenza tal-awditur, jista’ jkollha rwol essenzjali biex tkabbar il-bażi tal-ħiliet ta' ditti żgħar u ta' daqs medju, iżda huwa tal-fehma li servizzi ta' awditjar interni u esterni m'għandhomx ikunu pprovduti simultanjament;
30. Iqis li l-manteniment tal-indipendenza tal-awditur huwa essenzjali; huwa tal-fehma li l-awdituri esterni għandhom ikunu pprojbiti milli jipprovdu servizzi lill-kumpanija li qed issirilha l-verifika li jistgħu jagħtu lok għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli rigward l-indipendenza, jew ma’ rekwiżiti etiċi oħra; jirrikonoxxi li, sabiex tingħata spinta lit-tkabbir fl-ekonomija Ewropea, huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-impriżi kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom, u inklużi l-SMEs, jistgħu jikkuntrattaw awdituri indipendenti u ditti tal-awditjar li jkollhom firxa wiesgħa ta’ ħiliet;
31. Jinnota b'mod partikulari li s-servizzi tal-awditjar li huma meqjusa li jagħtu lok għal kunflitt ta' interess ma għandhomx isiru mill-istess kumpanija, inklużi ċerti servizzi ta' konsulenza u evalwazzjonijiet ta' prodotti strutturati kumplessi, u jsostni li għandu jkun hemm sorveljanza mill-awtoritajiet superviżorji kompetenti;
32. Jemmen li l-kumitati tal-awditjar għandhom rwol superviżorju importanti biex ikun żgurat li l-awditur jibqa’ indipendenti u jitlob lill-Kummissjoni tagħti pariri biex jgħinu lill-kumitati tal-awditjar f’dan ir-rigward;
33. Jirrakkomanda li l-kumitat tal-awditjar, bħala entità tal-bord superviżorju, mhux il-bord eżekuttiv, għandu jiddeċiedi jekk għandux jippermetti l-provvista ta' servizzi mhux tal-awditjar lill-impriża finanzjarja determinata u għandu jinnegozja l-offerta u d-dettalji tal-mandat; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni tal-impatt rigward il-vijabilità u l-effetti ta' limitu massimu fuq is-servizzi mhux tal-awditjar f'rabta mad-dħul;
34. Huwa tal-fehma li l-ħlas li ditta tal-awditjar jew netwerk ta’ ditti tal-awditjar jistgħu jirċievu minn klijent wieħed għandu jkun ippublikat meta jaqbżu limitu massimu determinat u s-superviżuri għandhom ikunu jistgħu jintervjenu b’kontrolli, limiti jew rekwiżiti oħra tal-ippjanar meta jaqbżu ċertu perċentwal tad-dħul totali tagħhom sabiex tkun evitata sitwazzjoni fejn id-ditta tal-awditjar titlef l-indipendenza ekonomika tagħha; jirrimarka, madankollu, li għal ditti iżgħar intervent bħal dan m'għandux jirrestrinġi t-tkabbir u wkoll li l-kisba ta' klijent kbir u sinifikanti li jipprovdi persentaġġ għoli tax-xogħol tad-ditta tal-awditjar fl-istadji bikrija hija parti essenzjali mill-proċess tat-tkabbir tagħha;
35. Iqis li d-ditti tal-awditjar li jivverifikaw il-kontijiet ta' entitajiet ta’ interess pubbliku għandhom jippublikaw il-kontijiet tagħhom u li dawn il-kontijiet, kif ukoll il-metodi li ntużaw, għandhom ikunu kkontrollati sabiex ikun żgurat li l-affarijiet saru kif suppost;
36. Iqis li, fejn ikun hemm prova ta’ abbuż tal-kariga ta’ direttur ta’ impriża jew ta’ entità ta’ interess pubbliku u/jew tad-ditta ta’ awditjar, għandha tkun possibbli l-prosekuzzjoni ta’ dawk kollha kkonċernati;
37. Jemmen li l-mudell ta’ sħubija huwa l-mudell xieraq għad-ditti tal-awditjar, għaliex dan jipproteġi l-indipendenza tagħhom;
38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-awditjar ta' entitajiet pubbliċi jkun eżemplari u biex jevitaw kwalunkwe kunflitt ta' interess li jirriżulta minn konnessjonijiet bejn l-awditur u min jieħu d-deċiżjonijiet fi ħdan l-entità pubblika li tkun qed issirilha l-verifika;
Awditi ta’ gruppi
39. Jappoġġa l-proposti tal-Ktiba Ħadra dwar l-awditi ta’ gruppi;
40. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-kwestjoni tat-trasmissjoni ta' data matul l-awditi ta' gruppi fil-kuntest tar-reviżjoni futura tal-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;
41. Iqis li l-awdituri ta’ grupp għandu jkollhom stampa ċara tal-grupp u, fil-każ ta’ istituzzjonijiet finanzjarji ssorveljati fuq bażi ta’ grupp, għandu jkollhom djalogu mas-superviżur tal-grupp;
Is-sorveljanza
42. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta biex ittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-awdituri ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u l-awtoritajiet regolatorji;
43. Jemmen li għandhom ikunu stabbiliti protokolli dwar il-komunikazzjoni u l-kunfidenzjalità u li d-djalogu għandu jkun ġenwinament reċiproku;
44. Jistieden komunikazzjoni mtejba fiż-żewġ direzzjonijiet bejn l-awdituri u s-superviżuri finanzjarji ta' istituzzjonijiet finanzjarji, speċjalment fir-rigward ta' oqsma li fejn hemm tħassib speċifiku, inkluża l-interazzjoni bejn prodotti finanzjarji differenti; jitlob li tkun stabbilita l-istess komunikazzjoni għall-entitajiet transkonfinali mill-awdituri u l-awtoritajiet superviżorji Ewropej;
45. Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn tal-armonizzazzjoni tal-prattiki superviżorji tal-awditjar u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-integrazzjoni tal-Grupp Ewropew ta’ Entitajiet ta’ Sorveljanza tal-Awdituri fis-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji, possibiliment permezz tal-AETS;
46. Jistieden lill-awdituri esterni ta' istituzzjonijiet finanzjarji biex jirrapurtaw perjodikament, fuq bażi settorjali lill-BERS, sabiex jiġu identifikati xejriet settorjali u sorsi potenzjali ta' riskju sistemiku u ta' fallimenti potenzjali, u josserva li dan għandu jsir b'mod proporzjonali;
47. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw konformità mar-riżultati ppublikati minn uffiċċji nazzjonali tal-awditjar fil-kompitu tal-awditjar tagħhom;
Il-konċentrazzjoni u l-istruttura tas-suq
48. Jemmen li meta wieħed iqis il-konfigurazzjoni attwali tas-suq, il-falliment ta’ waħda mill-erba’ ditti l-kbar idgħajjef il-kredibilità tal-professjoni tal-awditur kollha kemm hi;
49. Huwa tal-fehma li, anki jekk il-falliment ta' ditta tal-awditjar jista' ma jkollux effett domino dirett fuq il-bqija tal-ekonomija, id-ditti li huma meqjusa 'kbar wisq biex ifallu' jistgħu joħlqu riskju ta' periklu morali u li l-pjanijiet ta' kontinġenza relatati mad-ditti tal-awditjar il-kbar għandhom jissaħħu; jemmen, barra minn hekk, li l-objettivi ta’ dawn il-pjanijiet għandhom ikunu mfassla biex jimminimizzaw il-possibilità li ditta tal-awditjar tabbanduna s-suq mingħajr raġuni valida u biex inaqqsu l-inċertezza u t-tfixkil li dan kieku jikkawża;
50. Huwa tal-fehma li l-pjanijiet ta' kontinġenza huma mezz importanti ta' prevenzjoni tax-xoljiment diżordinat ta' ditta u li l-pjanijiet għandhom jinkludu mekkaniżmu li permezz tiegħu r-regolatur ikun infurmat bi kwalunkwe problema li thedded ditta ta’ awditjar fil-livell nazzjonali jew internazzjonali, sabiex ir-regolaturi jkunu jistgħu jagħmlu l-parti tagħhom u jimmaniġġjaw dawn is-sitwazzjonijiet bl-attenzjoni dovuta;
51. Jappoġġa l-introduzzjoni ta' testmenti waqt il-ħajja (living wills) għall-erbgħa ditti l-kbar tal-awditjar u għal dawk l-awdituri li jipprovdu servizzi sinifikanti ta' awditjar lis-settur finanzjarju, kif ukoll l-istabbiliment ta' pjanijiet ta' kontinġenza transkonfinali għat-trasferiment ordnat ta' kuntratti tal-klijenti, jekk attur importanti jirtira mis-suq;
52. Jenfasizza li wieħed mill-għanijiet ta’ kull azzjoni meħuda fil-qasam tal-awditjar għandu jkun l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fost id-ditti varji li jaħdmu fis-settur, waqt li jinżammu l-kwalità, il-preċiżjoni u r-reqqa tal-verifiki;
53. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet kompetittivi indaqs għad-ditti kollha li joperaw fis-suq tal-awditjar u tissimplifika r-regoli li jirregolaw l-awditjar fil-livell Ewropew; huwa tal-fehma li aċċess aktar faċli għas-suq u t-tneħħija tal-ostakoli għad-ditti li jixtiequ jidħlu fis-suq huma vitali jekk għandu jkun attirat numru akbar ta’ parteċipanti għas-suq tal-awditjar; iqis li l-kumitati tal-awditjar u mhux il-bordijiet tal-kumpaniji huma l-iktar indikati biex jagħżlu it-tip ta' verifika li jissodisfa bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tal-entità li qed issirilha l-verifika u biex jimmonitorjaw l-effikaċja u l-kwalità ta' dik il-verifika, u li għandha ssir enfasi partikolari fuq l-indipendenza tal-awditur; jemmen li l-Kummissjoni għandha tesplora modi li jippermettu lill-entitajiet ta’ interess pubbliku, is-settur pubbliku u l-istituzzjonijiet Ewropej jiġġudikaw aħjar il-kwalità tas-servizzi tal-awditjar ipprovduti mid-ditti tal-awditjar, irrispettivament mid-daqs tagħhom;
54. Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni ta' verifiki konġunti jista' jkollha effetti pożittivi fuq id-diversifikazzjoni tas-suq tal-awditjar; ifakkar li Stati Membri differenti għandhom sitwazzjonijiet tas-suq differenti u esperjenzi differenti ta' verifiki konġunti; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-benefiċċji potenzjali u l-ispejjeż tal-introduzzjoni obbligatorja kemm għall-impriżi tal-awditjar, b'mod partikolari l-impriżi ta' awditjar żgħar, u kemm għall-kumpaniji li ssirilhom il-verifika – b'mod partikolari l-istituzzjonijiet finanzjarji – u kif din tista' taffettwa l-konċentrazzjoni tas-suq tal-awditjar u l-istabilità finanzjarja;
55. Iqis li x-xiri tal-akbar għadd ta' ishma f'ditti oħra mill-erba' ditti l-kbar irid jitqies fid-dawl tal-impatt tiegħu fuq it-tkabbir ta' ditti jew networks oħra;
56. Jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-użu ta' ftehimiet restrittivi minn banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra dwar krediti u prodotti finanzjarji oħra għall-kumpaniji, li jista' jkun li qed jillimitaw l-għażla tal-awdituri;
57. Iqis vitali l-introduzzjoni ta' projbizzjoni tal-inklużjoni ta' klawżoli restrittivi fil-kuntratti li jiffavorixxu l-erba’ ditti l-kbar;
58. Jitlob li jkun mħeġġa l-amalgamazzjonijiet bejn ditti tal-awditjar medji u żgħar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibilità tal-ħolqien ta’ ċertifikat u reġistru ta’ kwalità għad-ditti tal-awditjar, sabiex id-ditti tal-awditjar żgħar u medji jkunu jistgħu juru li xogħolhom huwa ta' standard sodisfaċenti; iqis li s-settur tal-akkwist pubbliku għandu jimmira li juża ditti oħra barra l-erba’ ditti l-kbar u li l-korpi pubbliċi għandhom jistabbilixxu persentaġġ ta’ referenza għall-użu ta' tali ditti;
59. Jitlob lill-Kummissjoni, f’rabta mas-sejħiet għall-offerti mill-entitajiet ta' interess pubbliku, biex tistipula li għandu jingħata aċċess ġust għall-proċess tas-sejħiet għall-offerti lil tal-anqas żewġ ditti li mhumiex mill-erba' l-kbar, flimkien mal-erba' ditti l-kbar; huwa tal-fehma li l-kumitati tal-awditjar għandhom jingħataw rwol ewlieni f’dan il-proċess, li fih għandhom jipparteċipaw ukoll l-azzjonisti; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-prattiki tal-kumitati tal-awditjar fir-rigward tal-proċessi tas-sejħa għall-offerti, b’rigward partikolari għall-piżijiet amministrattivi assoċjati ma’ proċess formali ta’ sejħa għall-offerti u bl-għan li tiżgura li d-deċiżjoni finali tal-azzjonisti dwar il-ħatra tal-awdituri tkun ibbażata fuq proposta mill-kumitat tal-awditjar; huwa tal-fehma li din il-proposta għandha tinkludi deskrizzjoni tal-proċedura segwita, il-kriterji użati u r-raġunijiet sottostanti għar-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar;
60. Jitlob lill-Kummissjoni (DĠ COMP) twettaq investigazzjoni dettaljata tas-suq tal-awditjar;
Il-ħolqien ta’ suq Ewropew
61. Huwa tal-fehma li l-awditjar huwa kruċjali għall-proċess ta’ rivitalizzazzjoni tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni teżamina sa liema punt miżuri għall-faċilitazzjoni tal-forniment transkonfinali ta’ servizzi ta’ verifika jistgħu jservu biex jeliminaw ostakli għall-aċċess għas-suq u l-ħniq tal-kapaċità; jistieden lill-Kummissjoni teżamina sa liema punt suq Ewropew għas-servizzi ta’ verifika jista’ jservi biex jitnaqqsu l-kumplessità u l-ispejjeż proċedurali għall-parteċipanti kollha tas-suq, b'mod partikolari għad-ditti tal-awditjar żgħar u ta’ daqs medju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha xierqa biex tinkorpora fil-liġi tal-UE u tinforza standards internazzjonali tal-awditjar li jistgħu jgħinu biex ikunu stabbiliti kundizzjonijiet kompetittivi li jkunu ġenwinament indaqs għad-ditti tal-awditjar; ifakkar lill-Kummissjoni fir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar ir-responsabilità tal-awditur; jistieden lill-Kummissjoni, biex f'dan l-isfond, tressaq proposti għat-titjib tal-armonizzazzjoni bl-għan li jkun stabbilit passaport Ewropew għall-awdituri, b'enfasi partikolari fuq dak kollu li jiggarantixxi l-indipendenza tal-awditur;
62. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa reġim ta' responsabilità pan-Ewropew għall-professjoni tal-awditjar;
Il-kooperazzjoni internazzjonali
63. Jitlob lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha favur iktar konverġenza;
o
o o
64. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2011)0223.
- [2] ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 23.
- [3] ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (*) (11.5.2011)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
dwar il-politika tal-awditjar: lezzjonijiet mill-kriżi
(2011/2037(INI))
Rapporteur għal opinjoni: (*): Kay Swinburne
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-konċentrazzjoni għolja tas-suq tal-impriżi ta' awditjar tal-"erbgħa l-kbar" tista' tikkawża tkabbir eċċessiv tar-riskju, u billi l-impriżi żgħar huma differenti u t-tkabbir u l-kompetenza tagħhom għandhom jiġu inkoraġġiti permezz ta' żieda fl-opportunitajiet biex jikkompetu,
B. billi l-kollass ta' impriża ta' awditjar dominanti, tista' ddgħajjef b'mod serju l-kredibilità tal-professjoni tal-awditjar b'mod ġenerali u tista' toħloq inċertezza kbira dwar il-kwalità ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji li jsiru għall-kumpaniji elenkati,
C. billi, wara l-kriżi finanzjarja, l-awdituri ġew identifikati bħal dawk li jistgħu jiżvolġu rwol fundamentali fit-tisħiħ tal-sorveljanza tal-ġestjoni tar-riskju ta' istituzzjonijiet finanzjarji, b'mod partikolari,
D. billi r-rwol tal-kumitati tal-awditjar fi ħdan l-istituzzjonijiet finanzjarji, b'mod partikolari. ma ntużax totalment,
E. billi x'aktarx jeżisti kunflitt tal-interess meta impriżi tal-awditjar joffru servizzi differenti lill-istess impriża,
F. jenfasizza l-importanza tar-rapport tal-awditjar għal azzjonisti u għall-pubbliku; jagħraf il-prinċipju "awditjar mhijiex ħlief awditjar" u jwissi dwar ir-riskju għoli li l-applikazzjoni ta' standards differenti twassal għal inċertezza legali; b'hekk jiffavorixxi l-estensjoni tal-ambitu tal-istituzzjonijiet finanzjarji kollha,
G. billi, minħabba l-kriżi, teħid eċċessiv ta' riskji min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji ġie konness b'mod sinifikanti ma' kontroll li huwa flessibli, rari u ineffettiv u ma' mekkaniżmi ta' ġestjoni ta' riskju, partikolament f'Istituzzjonijiet Finanzjarji ta' Importanza Sistemika (SIFIs),
1. Jappella għall-għoti ta' iżjed opportunitajiet għall-impriżi iżgħar billi jiġi evitat li s-servizzi ta' awditjar intern u estern jitwettqu mill-istess kumpanija peress li dan ikun jista' joħloq riskju għall-indipendenza tal-awditur; jjjojosserva, b'mod partikolari, li l-oqsma tas-servizzi tal-awditjar li jitqiesu li jidħlu f'kunflitt ta' interess għandhom jitwettqu minn kumpaniji differenti, inklużi ċerti servizzi ta' konsulenza u l-evalwazzjonijiet ta' prodotti strutturati kumplessi; dan għandu jiġi mmonitorat mill-awtoritajiet superviżorji kompetenti;
2. Jirrakomanda li kumitat tal-awditjar, bħala entità tal-bord superviżorju, mhux il-bord eżekuttiv, għandu jiddeċiedi jekk għandux jippermetti l-provvista ta' servizzi mhux tal-awditjar lill-impriża finanzjarja rispettiva u għandu jinnegozja l-offerta u d-dettalji tal-mandat; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel valutazzjoni tal-impatt tal-viabbiltà u l-effetti ta' determinazzjoni ta’ limitu massimu fuq is-servizzi mhux tal-awditjar li huma marbuta mad-dħul;
3. Jirrikonoxxi l-funzjoni soċjali tal-awditjar statutorju u li dan hu fl-interess pubbliku u għalhekk jilqa' l-għan tal-Green Paper sabiex tiżdied it-trasparenza u jtejjeb il-kwalità tar-rapporti tal-awditjar sabiex jikkontribwixxu għall-istabilità tas-swieq finanzjarji u jtejbu l-aċċess għall-finanzjament; jiffavorixxi kull miżura bbażata fuq l-evidenza li tiswa u xxekkel l-istituzzjonijiet finanzjarji, b'mod partikolari, jingħelbu bit-titjib sinifikanti tal-kwalità tagħhom, kif ukoll permezz ta' evawazzjoni esterna regolari u permezz ta' sorveljanza regolatorja xierqa; jenfasizza l-ħtieġa għal leġiżlazzjoni speċifika;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-prattiki tal-kumitat tal-awditjar fir-rigward tal-proċessi tas-sejħa għall-offerti b’rigward partikolari għall-aspetti tat-trasparenza u tal-piżijiet amministrattivi assoċjati ma’ proċess formali ta’ sejħa għall-offerti, filwaqt li tiżgura li ma tiġix affettwata l-kwalità tas-servizzi tal-awditjar. iqis, li sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-awditjar, il-kumpaniji għandhom iqisu proċess miftuħ ta' sejħa għall-offerta għal appuntamenti statutorji ta' awdituri esterni kull tmien snin, fuq bażi rinnovabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi r-riżultati ta’ diskussjoni annwali tal-għażla tal-awditur f'rapport tal-kumitat tal-awditjar lill-assemblea tal-azzjonisti;
5. Jappella li l-kumitati tal-awditjar għandhom jintalbu jippubblikaw fir-rapport tagħhom l-okkorrenza ta' diskussjonijiet regolari mal-parteċipanti interessati prinċipali u l-kwistjonijiet ta' rappurtaġġ finanzjarju sinifikati mqajma tul l-awditjar u biex jispjegaw il-bażi tad-deċiżjoni dwar is-sejħa għall-offerti tal-awditjar u appuntament tal-awditjar għal kull xogħol relatat mal-awditjar, iżda speċjalment għall-kuntratti ta' awditjar estern;
6. Isostni li rigward iż-żamma ta' standard għoli ta' kwalità tal-awditjar, għandha tiġi preferuta r-rotazzjoni interna tal-awdituri, kif ġiet konfermata fid-Direttiva 2006/43/KE, milli r-rotazzjoni esterna;
7. Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni ta' awditjar konġunt jista' jkollu effetti pożittivi fuq id-diversifikazzjoni tas-suq tal-awditjar; ifakkar is-sitwazzjoni differenti tas-swieq u l-esperjenzi differenti ta' awdijar konġunt fost l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-benefiċċji potenzjali u l-ispejjeż tal-introduzzjoni obbligatorja kemm għall-impriżi talawditjar, b'mod partikolari l-impriżi ta' awditjar żgħar, u għal kumpaniji awditjati u b'mod partikolari, l-istituzzjonijiet finanzjarji, u kif dawn jistgħu jaffettwaw il-konċentrazzjoni tas-swieq tal-awditjar u l-istabilità finanzjarja;
8. Jitlob lid-DĠ Kompetizzjoni (DĠ Comp) twettaq investigazzjoni dettaljata dwar is-suq tal-awditjar;
9. Jappella għal aktar komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet bejn l-awdituri u s-superviżuri finanzjarji ta' istituzzjonijiet finanzjarji, speċjalment fir-rigward ta' oqsma speċifiċi ta' tħassib, inkluża l-interazzjoni bejn prodotti finanzjarji differenti; jitlob li jkun hemm l-istess komunikazzjoni għal entitajiet transkonfinali mill-awdituri u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej;
10. Jinnota l-bżonn ta' armonizzazzjoni tal-prattiki superviżorji tal-awditjar u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-integrazzjoni tal-Grupp Ewropew ta’ Entitajiet ta’ Sorveljanza ta’ l-Awdituri fis-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji, possibiliment permezz tal-AETS;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa reġim ta' responsabilità pan-Ewropew għall-professjoni tal-awditjar;
12. Jistieden lill-awdituri esterni ta' istituzzjonijiet finanzjarji biex jirrapurtaw perjodikament, fuq bażi settorjali, lill-BERS, sabiex jiġu identifikati xejriet settorjali u sorsi potenzjali ta' riskju sistemiku u ta' fallimenti potenzjali, u josserva li dan għandu jsir b'mod proporzjonali;
13. Jappella għat-tisħiħ tar-rwol tal-kumitati tal-awditjar tal-istituzzjonijiet finanzjarji kollha billi dawn jintalbu japprovaw mudell ta' valutazzjoni tar-riskju li jinkludi paraguni speċifiċi għall-impriżi għal indikaturi, inkluż ir-rappurtaġġ dwar il-ħtiġiejiet finanzjarji futuri, konvenji bankarji, flussi futuri tal-kontanti , il-ġestjoni tar-riskju, l-istimi ta' ġestjoni u l-aderenza għal prinċipji ta' kontabilità ewlenin u kwalunkwe riskju prevedibbli rigward il-mudell kummerċjali tal-kumpanija; jitlob li din il-valutazzjoni tkun preżentata lill-bordijiet superviżorji u eżekuttivi tal-istituzzjonijiet finanzjarji, flimkien mar-rapport ta' awditjar sħiħ, kull sena għall-eżami u l-approvazzjoni.
14. Jinnota li sistema ta' awditjar ta' kwalità għolja hija parti integrali ta' qafas b'saħħtu ta' governanza korporattiva; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha dwar il-governanza u l-awditjar tal-kumpaniji lill-Parlament u lill-Kunsill, b'mod konsistenti;
15. Jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-użu ta' ftehim restrittiv minn banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra dwar krediti u prodotti finanzjarji oħra lil kumpaniji, fejn dan jista' jillimita l-għażla tal-awdituri;
16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tħares lejn ostakli legali li jeżistu kemm fi ħdan l-UE u wkoll bejn pajjiżi membri tal-UE u pajjiżi mhux membri tal-UE in konnessjoni mat-trażmissjoni ta' data waqt awditjar ta' gruppi;
17. Jappoġġa l-introduzzjoni ta' testmenti bijoloġiċi (“living wills”) għall-"erbgħa impriżi ta' awdituri l-kbar" u għal dawk l-awdituri li jipprovdu servizzi sinifikanti ta' awditjar għas-settur finanzjarju, inkluż l-istabbiliment ta' pjanijiet transkonfinali ta' kontinġenza għat-trasferiment kif suppost ta' kuntratti tal-klijenti, jekk attur importanti jirtira mis-suq;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li awditjar ta' korpi pubbliċi jkunu eżemplari u biex jevitaw kwalunkwe kunflitt tal-interess li jirriżulta minn konnessjonijiet bejn l-awditur u min jieħu deċiżjonijiet fi ħdan il-korp pubbliku li jkun qed jiġi verifikat;
19. Jitlob biex rapporti ta' awditjar ta' istituzzjonijiet finanzjarji jinkludu rekwiżiti ta' żvelar imtejba li jirrigwardaw il-valutazzjoni ta' assi inqas likwidi sabiex jiffaċilitaw it-tqabbil ta' valutazzjonijiet ta' strument finanzjarju bejn l-istituzzjonijiet.
20. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw konformità mar-riżultati ppublikati minn uffiċċji nazzjonali tal-awditjar fil-kompitu tal-awditjar tagħhom;
21. Jirrakkomanda li l-awdituri jkunu informati dwar id-drabi kollha fejn l-istruzzjonijiet tal-kumitat dwar ir-riskju ma ġewx segwiti;
22. L-awdituri ta’ grupp għandu jkollhom stampa ċara tal-grupp u fil-każ ta’ istituzzjonijiet finanzjarji ssorveljati fuq bażi ta’ grupp għandu jkollhom djalogu mas-superviżur tal-grupp;
23. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħares lejn modi kif trendi l-operazzjonijiet ta' kumpaniji tal-awditjar iktar trasparenti; josserva li l-introduzzjoni ta' obbligu ta' pubblikazzjoni ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali verifikati mill-awtoritajiet pubbliċi relevanti jgħinu biex dan jinkiseb;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
9.5.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 0 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Othmar Karas, Wolf Klinz, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Hans-Peter Martin, Íñigo Méndez de Vigo, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Elena Băsescu, Pervenche Berès, Sari Essayah, Robert Goebbels, Syed Kamall, Krišjānis Kariņš, Olle Ludvigsson, Siiri Oviir |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
24.5.2011 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
24 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Syed Kamall, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Zbigniew Ziobro, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Piotr Borys, Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, József Szájer |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Arias Echeverría, Iosif Matula |
||||