RAPPORT dwar Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali

31.5.2011 - (2011/2051(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Albert Deß


Proċedura : 2011/2051(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0202/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali

(2011/2051(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ‘Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali’ (COM(2010)0672),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni[1],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nr. 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)[2],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Nru 2006/144/KE[3] u Nru 2009/61/KE dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali[4],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli[5],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar l-UE 2020[8],

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill tas-17 ta’ Marzu 2011 dwar ‘il-PAK fid-dawl tas-sena 2020’,

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Marzu 2010 dwar ‘ ir-riforma tal-politika agrikola komuni fl-2013’,

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, ‘Il-PAK sal-2020 – l-ikel, ir-riżorsi naturali u ż-żoni rurali – l-isfidi futuri’,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall- Iżvilupp Reġjonali (A7-0202/2011),

A. billi settur agrikolu Ewropew sostenibbli, produttiv u kompetittiv jagħmel kontribut vitali biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti mit-Trattati għall-PAK u l-objettivi tal-Istrateġija UE 2020, billi jista’ jgħin ukoll biex jiġu affrontati l-isfidi politiċi ġodda bħalma huma s-sigurtà tal-provvista tal-ikel, l-enerġija u l-materja prima industrijali, it-tibdil fil-klima, l-ambjent u l-bijodiversità, is-saħħa u l-bidla demografika, u billi r-riforma tal-PAK li se sseħħ dalwaqt se tkun l-ewwel waħda li fiha l-Parlament Ewropew se jikkoleġiżla flimkien mal-Kunsill, skont it-Trattat ta’ Lisbona,

B.  billi s-sigurtà tal-ikel tibqa’ l-isfida ċentrali għall-agrikoltura mhux biss fl-UE imma globalment, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, minħabba li l-popolazzjoni tad-dinja mistennija tikber minn 7 għal aktar minn 9 biljun ruħ sal-2050, li tkun tirrikjedi żieda ta’ 70% fil-produzzjoni agrikola globali skont il-FAO; billi se jkun hemm bżonn li jiġi prodott aktar ikel fuq sfond ta’ spejjeż ogħla ta’ produzzjoni, volatilità severa fis-swieq agrikoli u pressjoni li qiegħda tiżdied fuq ir-riżorsi naturali, li jfisser li l-bdiewa se jkollhom jipproduċu aktar filwaqt li jużaw anqas art, anqas ilma u konsum imnaqqas ta’ enerġija,

C. billi l-ikel għandu importanza strateġika u billi l-mod l-aktar favorevoli li bih tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel hu billi jiġi sostnut settur agrikolu stabbli u kompetittiv; billi PAK b’saħħitha hija ċentrali għal dan u għall-preservazzjoni, is-sostenibilità ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku taż-żoni rurali tal-UE quddiem it-theddida tal-abbandun tal-art, l-ispopolament rurali u t-tnaqqis ekonomiku,

D. billi r-riforma tal-PAK fl-2003 u l-Kontroll tas-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni fl-2008 fittxew li jikkontribwixxu għal arkitettura ġdida għall-PAK li hija waħda aktar effettiva u trasparenti, karatterizzata minn orjentament akbar lejn is-suq; billi dan il-proċess għandu jitkompla u l-amministrazzjoni tal-istrumenti u l-proċeduri tal-PAK trid tiġi ssimplifikata b’mod sinifikanti fil-prattika sabiex jonqos il-piż minn fuq il-bdiewa u l-amministrazzjonijiet,

E.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2010 dwar il-futur tal-PAK wara l-2013 il-Parlament Ewropew qiegħed il-pedament għal politika tal-agrikoltura sostenibbli li tkun tippermetti lill-produtturi Ewropej jkunu kompetittivi fis-suq lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, u billi appoġġja l-kunċett ta’ agrikoltura multifunzjanali, b’bażi wiesgħa mifruxa mal-Ewropa kollha, b’mod partikolari f’żoni li għandhom żvantaġġi naturali u f’żoni estremament periferali, u qies id-diffikultajiet iffaċċjati mill-azjendi tal-biedja ż-żgħar,

F.  billi l-PAK trid tkun mgħammra bl-istrumenti meħtieġa biex tlaħħaq ma kriżijiet serji tas-suq u tal-provvista u ma’ volatilità estrema tal-prezzijiet fis-settur agrikolu; billi għandu jiġi żgurat li dawn l-istrumenti mhux biss ikunu aġġornati u effettivi imma wkoll flessibbli, ħalli jkunu jistgħu jiġu implimentati malajr jekk ikun meħtieġ,

G. billi l-inkorporazzjoni ta’ objettivi mġedda u ambizzjużi fil-PAK, partikolarment relatati mal-ħarsien tal-konsumatur, il-ħarsien ambjentali, il-benesseri tal-annimali u l-koeżjoni reġjonali, għandha tintlaqa’ b’sodisfazzjon u dawn l-istandards għolja għandhom jiġu difiżi fil-livell internazzjonali ħalli jiġu żgurati l-vijabilità u l-kompetittività tal-bdiewa Ewropej, li jiffaċċjaw spejjeż ogħla ta’ produzzjoni; billi l-produttività u s-sigurtà tal-ikel fuq żmien twil, speċjalment minħabba t-tħarbit klimatiku, jiddependu minn kura kif għandha tkun tar-riżorsi naturali, b’mod partikolari l-ħamrija, l-użu tal-ilma u l-bijodiversità,

H. billi s-settur agrikolu għandu rwol kruċjali xi jwettaq fil-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima, b’mod partikolari billi jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tiegħu stess, billi jiżviluppa s-sekwestru tal-karbonju u permezz tal-produzzjoni tal-bijomassa u tal-enerġija sostenibbli, biex b'hekk tinħoloq nixxiegħa ta’ introjtu addizzjonali għad-dħul tal-bdiewa,

I.   billi l-PAK għandha tappoġġja wkoll l-immaniġġjar speċifiku tal-art tal-biedja li hija għanja fil-bijodiversità (bħalma hi l-art tal-biedja b'valur ta' natura għoli) u ekosistemi agrikoli fi ħdan iż-żoni tan-Natura 2000 u, f’dan il-kuntest, tranżizzjoni għal mudelli b'fatturi produttivi baxxi (inkluża l-biedja organika), mergħat li permanentement ma jinħartux jew artijiet mistagħdra agrikoli,

J.   billi fi żmien ta’ taqlib rapidu fis-swieq agrikoli u għadd kbir ta’ sfidi politiki ġodda (eż. UE 2020), il-bdiewa urġentement jeħtieġu s-sigurtà ġuridika, b’mod partikolari fir-rigward tal-qafas finanzjarju, u billi l-Parlament Ewropew għadu qed jinsisti li l-approprjazzjonijiet annwali allokati għall-agrikoltura matul il-perjodu ta’ ppjanar finanzjarju li jmiss għandhom jinżammu tal-anqas fil-livell ippjanat għall-2013 u għandhom, barra minn hekk, jiġu ffissati fil-livell meħtieġ biex ikomplu jiggarantixxu PAK b’saħħitha u soda li tkun kapaċi twieġeb għall-isfidi preżenti u futuri,

K. billi s-sehem tan-nefqa tal-PAK fil-baġit tal-UE naqas minn kważi 75 % fl-1985 għal 39.3 % li huwa pproġettat għall-2013; billi l-PAK bħala waħda mill-eqdem politiki tal-UE u waħda minn dawk ikkomunitarizzati tirrappreżenta inqas minn 0.5 % tal-PDG tal-UE filwaqt li l-infiq pubbliku jammonta għal madwar 50 % tal-PDG, u billi, wara t-tkabbiriet suċċessivi tal-Unjoni Ewropea, l-erja tal-art agrikola żdiedet b'40% u hemm bdiewa d-doppju tal-għadd li kien hemm fl-2004,

L.  billi skond l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni tal-Eurobarometru, 90% taċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa jikkonsidraw l-agrikoltura u ż-żoni rurali li huma importanti għall-futur tal-Ewropa, 83% taċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa huma favur l-appoġġ finanzjarju lill-bdiewa u, bejn wieħed u ieħor, huma jemmnu li l-politika agrikola għandha tkompli tiġi mwettqa fuq livell Ewropew,

M. billi l-Parlament Ewropew diġà f’ħafna okkażjonijiet esprima ruħu kontra r-rinazzjonalizzazzjoni tal-PAK u kontra estensjoni tal-kofinanzjament, li tista’ taffettwa l-kompetizzjoni ġusta fi ħdan is-suq intern tal-UE, u għaldaqstant, filwaqt li jħares ‘’il quddiem lejn ir-riforma li dalwaqt issir, għal darba oħra jwarrab kull tentattiv li l-PAK tiġi nazzjonalizzata mill-ġdid permezz tal-kofinanzjament tal-pagamenti diretti jew trasferiment ta’ fondi lejn it-tieni pilastru,

N. billi PAK b’żewġ pilastri għandha tinżamm kif inhi, filwaqt li l-istruttura u l-objettivi ta' kull pilastru jiġu definiti b’mod ċar u ddisinjati b’tali mod li jkun jippermetti li kull wieħed jikkumplementa lill-ieħor,

O. billi l-bdiewa ż-żgħar fl-UE jagħmlu kontribut vitali għall-objettivi tal-PAK u billi l-ostakoli li jiffaċċjaw iridu jitqiesu kif dovut fil-proċess ta' riforma,

P.  billi, fl-Istati Membri l-ġodda li qegħdin japplikaw għal skema ta' pagament uniku skont l-erja, porporzjon kbir tal-bdiewa, speċjalment fis-settur tat-trobbija tal-annimali, mhumiex intitolati għal pagamenti diretti minħabba li mhumiex proprjetarji ta' art agrikola;

Q. billi l-bdiewa qed jirċievu sehem li qed jonqos kostantament tal-valur miżjud iġġenerat mill-katina tal-provvista tal-ikel u billi katina tal-provvista tal-ikel li tiffunzjona kif suppost u miżuri għat-titjib tal-pożizzjoni ta' negozjar tal-produtturi huma prerekwiżiti meħtieġa biex jiġi żgurat li l-bdiewa jottjenu ritorn ġust għall-prodott tagħhom,

R. billi d-dħul reali per capita tal-bdiewa naqas drammatikament f’dawn l-aħħar sentejn u billi, bħala riżultat tat-tnaqqis kostanti, issa niżel 'l isfel mil-livell li kien laħaq kważi 15-il sena ilu, billi l-introjti agrikoli huma notevolment aktar baxxi (b'40% kif inhu stmat għal kull unità tax-xogħol) milli fil-bqija tal-ekonomija, u d-dħul għal kull abitant fiż-żoni rurali huwa konsiderevolment aktar baxx (b’madwar 50%) milli fiż-żoni urbani u billi d-data tal-Eruostat turi li l-impjiegi fis-settur agrikolu naqsu b’25% bejn is-sena 2000 u s-sena 2009,

S.  billi l-ekonomija tad-dinja kulma jmur qed issir aktar integrate u s-sistemi tal-kummerċ qed ikunu liberalizzati aktar permezz ta’ negozjati multilaterali u bilaterali u billi l-ftehimiet fil-livell multilaterali u bilaterali jridu jiżguraw li l-metodi ta' produzzjoni tal-pajjiżi terzi għall-esportazzjoni lejn l-UE jipprovdu lill-konsumaturi Ewropej l-istess garanzija f'dawk li huma saħħa, sikurezza tal-ikel, benesseri tal-annimali, sostenibilità u standards soċjali minimi bħal dawk ipprovduti mill-metodi tal-UE,

T.  billi l-iżvilupp rurali, quddiem id-disparitajiet dejjem akbar, it-telf tal-kapital soċjali u tal-koeżjoni, l-iżbilanċi demografiċi u l-migrazzjoni 'l barra, huwa component vital ital-PAK u billi l-politiki futuri tal-iżvilupp rurali jeħtieġ li jaħdmu lejn bilanċ territorjali aħjar u joffru governanza anqas burokratika u aktar parteċipattiva tal-programmi ta’ żvilupp rurali, li għandhom jinkludu miżuri biex tiżdied il-kompetittività tas-settur tal-biedja u jingħata appoġġ effikaċi lit-tisħiħ u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali, jitħares l-ambjent jiġu promossi l-edukazzjoni u l-innovazzjoni, tingħata spinta lill-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali, speċjalment fiż-żoni anqas vantaġġjati, u l-abbandun tal-biedja min-naħa taż-żgħażagħ jiġi kontrobattut,

U. billi, fuq naħa waħda, huma biss 6% tal-bdiewa Ewropej li għandhom anqas minn 35 sena, u, fuq in-naħa l-oħra, 4.5 miljun bidwi se jirtira fl-10 snin li ġejjin; billi r-rinnovament ġenerazzjonali għandu għalhekk jitqies bħala waħda mill-isfidi prijoritarji għall-PAK il-futura,

V. billi l-PAK trid tqis il-ħtieġa li jiġu mitigati l-limitazzjonijiet speċifiċi u l-problemi strutturali li qed jiffaċċjaw is-settur agrikolu u dak tal-forestrija fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE bħala riżultat tal-insularità u l-bogħod tagħhom u l-fatt li l-ekonomija rurali tiddependi ħafna minn għadd żgħir ta’ prodotti agrikoli,

W. billi l-politika dwar il-kwalità hija parti integrali tal-PAK futura, li jfisser li l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ din il-politika, b’mod partikolari fil-każ tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, se jkunu deċiżivi għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli tal-agrikoltura Ewropea,

1.  Jilqa’ bil-kbir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali’; jagħraf il-ħtieġa li l-PAK tkompli tiġi riformata f’konformità man-natura li qiegħda tinbidel tal-industrija tal-biedja fl-UE27 u l-kuntest internazzjonali l-ġdid tal-globalizzazzjoni; jitlob li tkompli sseħħ PAK b’saħħitha u sostenibbli b’baġit proporzjonat sew mal-objettivi ambizzjużi li għandhom jiġu segwiti fi sforz biex jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda; iwarrab b’mod determinat kull ċaqliqa lejn nazzjonalizzazzjoni mill-ġdida tal-PAK;

2.  Jitlob li l-PAK tibqa’ strutturata madwar żewġ pilastri; jirrimarka li l-ewwel pilastru għandu jibqa’ ffinanzjat għalkollox mill-baġit tal-UE u fuq bażi annwali, filwaqt li l-ipprogrammar multiannwali, approċċ kuntrattwali u l-kofinanzjament għandhom ikomplu japplikaw taħt it-tieni pilastru; jinsisti li l-istruttura ta’ żewġ pilastri għandha sservi l-għan taċ-ċarezza, fejn kull wieħed mill-pilastri jikkumplementa lill-ieħor mingħajr ma jsir irduppjar; l-ewwel pilastru għandu jirrealizza objettivi li jirrikjedu azzjoni ġenerali filwaqt li t-tieni pilastru għandu jkun orjentat lejn l-eżiti u flessibbli biżżejjed biex faċilment jakkomoda speċifiċitajiet nazzjonali, reġjonali u/jew lokali; iqis, għalhekk, li, filwaqt li l-arkitettura attwali b’żewġ pilastri għandha tinżamm, it-tibdil fiha huwa essenzjali sabiex il-miżuri kollha meħtieġa fil-qafas taż-żewġ pilastri u l-arranġamenti finanzjarji rispettivi tagħhom ikunu fil-mira b’mod aktar effettiv;

3.  Jindika li s-sigurtà tal-ikel tibqa’ r-raġuni għall-eżistenza tal-agrikoltura, mhux biss fl-UE iżda wkoll madwar id-dinja, u b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li d-dinja għandha quddiemha l-isfida li titma’ 9 biljun ruħ sal-2050 filwaqt li tnaqqas l-użu tar-riżorsi skarsi, b’mod partikolari l-ilma, l-enerġija u l-art; jitlob għal politika agrikola Ewropea sostenibbli, produttiva u kompetittiva li tkun tagħmel kontribut sinifikanti biex jintlaħqu l-objetivi stabbiliti mit-Trattati għall-prijoritajiet tal-PAK u tal-Istrateġija UE 2020 ta’ tkabbir intelliġenti, inklussiv u sostenibbli; jemmen li l-agrikoltura tinsab fil-pożizzjoni t-tajba biex tagħmel kontribut maġġuri biex jiġi indirizzat b’mod determinat it-tibdil tal-klima, filwaqt li toħloq impjiegi ġodda permezz ta’ tkabbir ekoloġiku u tforni enerġija rinnovabbli filwaqt li fl-istess ħin tkompli tipprovdi prodotti tal-ikel sikuri u ta’ kwalità għolja u sigurtà tal-ikel għall-konsumaturi Ewropej;

4.  Iqis li hu essenzjali li jiġi stabbilit sett ċar ta’ regoli għall-perjodu t-twil ħalli l-bdiewa Ewropej ikunu jistgħu jippjanaw l-investiment meħtieġ biex jimmodernizzaw il-prattiki agrikoli u jiżviluppaw metodi innovattivi li se jwasslu għal aktar sistemi agrikoli li huma agronomikament b’saħħithom u sostenibbli, proċess vitali biex tiġi ggarantita l-kompetittività tagħhom fis-suq lokali, reġjonali u internazzjonali;

5.  Jemmen li, fl-interessi tas-simplifikazzjoni, iċ-ċarezza u l-approċċ komuni, l-iffinanzjar ta’ kull pilastru tal-PAK għandu jiġi miftiehem mill-bidu tar-riforma;

6.  Jitlob li l-baġit agrikolu tal-UE għall-perjodu baġitarju li jmiss iżomm mill-inqas il-livell tal-baġit agrikolu għall-2013; jagħraf li se jkunu meħtieġa riżorsi finanzjarji adegwati bil-għan li jiġu affrontati l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel, il-ħarsien ambjentali, it-tibdil tal-klima u l-bilanċ territorjali f'UE mkabbra, kif ukoll bil-għan li l-PAK tkun tista' tikkontribwixxi għas-suċċess tal-Istrateġija UE 2020;

7.  Jinsab konvint li din il-politika agrikola l-ġdida, immirata lejn sistemi ta’ produzzjoni sostenibbli tal-ikel u l-ħarsien tal-ambjent, għandha primarjament tkun ibbażata fuq kumplementarjetà ġenerali ikbar bejn l-ewwel pilastru, li jkopri l-pagamenti diretti, u t-tieni pilastru, li jitratta l-miżuri li jappoġġjaw l-iżvilupp rurali; hu tal-fehma li taħt il-PAK il-ġdida l-fondi pubbliċi jridu jiġu rikonoxxuti bħala sura leġittima ta’ ħlas għall-beni pubbliċi pprovduti lis-soċjetà li l-ispejjeż tagħha mhumiex kumpensati minn prezzijiet tas-suq u li l-flejjes pubbliċi għandhom jintużaw biex il-bdiewa jingħataw inċentiv biex iwasslu servizzi extra ambjentali fl-Ewropa kollha; jemmen li dan l-approċċ immirat se jirrealizza objettivi fl-UE kollha filwaqt li joffri l-flessibilità meħtieġa biex jakkomoda d-diversità agrikola tal-UE; jemmen li din is-sistema twassal biex kull element tal-pagamenti jipprovdi benefiċċji pubbliċi ċari b’mod trasparenti għal min iħallas it-taxxi, il-bdiewa u s-soċjetà inġenerali;

8.  Jitlob li s-sostenibilità, il-kompetittività u l-ekwità ikunu l-prinċipji ta' gwida li jkunu l-bażi ta' PAK li tippriżerva l-karattru speċjali tas-setturi individwali u tal-postijiet ta’ produzzjoni individwali, bil-kompitu li tforni lill-popolazzjoni kwantitajiet suffiċjenti ta’ ikel sikur u san bi prezzijiet xierqa, u tipprovdi materja prima għal industrija Ewropea b’saħħitha tal-ipproċessar u tal-prodotti tal-ikel agrikoli, kif ukoll għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-istandards tal-UE f’dawk li huma s-sikurezza tal-ikel, il-ħarsien ambjentali, il-benesseri tal-annimali u r-rispett għal standards soċjali minimi huma l-ogħla fid-dinja; jitlob għal PAK li tiggarantixxi l-istandards għolja tal-agrikoltura Ewropea fil-kompetizzjoni internazzjonali (ħarsien tal-kwalità esterna);

9.  Jirrikonoxxi li ħafna minn dawn l-isfidi l-ġodda huma inkorporati f’impenji u trattati internazzjonali li huma legalment vinkolanti li l-UE qablet dwarhom u ffirmat, bħalma huma l-Protokoll ta’ Kjoto/il-Ftehimiet ta’ Cancun u l-Konvenzjonijiet ta’ Ramsar u Nagoya;

10. Jenfasizza li s-semplifikazzjoni hija fundamentali u għandha tkun objettiv li jixpruna l-PAK futura, bi tnaqqis tal-ispejjeż għall-amministrazzjoni tal-politika fil-livell tal-Istati Membri, u li jinħtieġu bażijiet legali komuni ċari, li għandhom jiġu nnotifikati fil-pront u jkunu jistgħu jintużaw għal interpretazzjoni uniformi;

11. Jenfasizza li l-iżvilupp ta’ politika dwar il-kwalità tal-ikel, inkluż f'termini ta’ indikazzjoni ġeografika (PDO/IĠP/STG) għandu jkun aspett ta’ prijorità tal-PAK u għandu jiġi approfondit u msaħħaħ sabiex l-UE tkun tista’ żżom il-pożizzjoni ta’ tmexxija tagħha f’dan il-qasam; huwa tal-fehma li, fil-każ ta’ dawn il-prodotti ta’ kwalità għolja, għandu jkun permess l-użu ta’ strumenti oriġinali ta’ ġestjoni, protezzjoni u promozzjoni, sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw b’mod armonjuż u jkomplu jagħmlu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli tal-agrikoltura Ewropea;

12. Jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp għall-iskop ta' innovazzjoni u promozzjoni; iħeġġeġ għalhekk li r-riċerka tal-UE u l-programmi ta' żvilupp tal-futur jiddedikaw attenzjoni kostanti għar-riċerka dwar in-nutrizzjoni u dik agrikola;

Pagamenti diretti

13. Jinnota li l-pagamenti diretti diżakkoppjati, li jiddependu mir-rekwiżiti tal-kundizzjonalità, jistgħu jgħinu biex jiġu appoggiati u stabilizzati l-introjti tal-azjendi tal-biedja, sitwazzjoni li tippermetti lill-bdiewa jfornu, minbarra l-produzzjoni tal-ikel, beni pubbliċi ta' importanza vitali għas-soċjetà kollha kemm hi, bħalma huma s-servizzi tal-ekosistemi, impjiegi, immaniġġjar tal-pajsaġġ u l-vitalità tal-ekonomija rurali fl-Ewropa kollha; iqis li l-pagamenti diretti għandhom jippremjaw lill-bdiewa talli jipprovdu dawn il-beni pubbliċi, peress li s-suq ma jfornix beni pubbliċi biss u għadu ma jirrikumpensax lill-bdiewa talli jipprovduhom, fi żmien meta l-bdiewa spiss jiffaċċjaw spejjeż għolja tal-produzzjoni bil-għan li jipproduċu ikel ta' kwalità għolja u jieħdu prezzijiet baxxi għall-prodott tagħhom meta jitlaq mill-azjenda tal-biedja tagħhom;

14. Jitlob li l-ewwel pilastru jkun wieħed b’saħħtu u ffinanzjat tajjeb biex jibqa’ jeżisti u jkun kapaċi jilqa’ għall-isfidi l-ġodda fl-agrikoltura Ewropea;

15. Jitlob tqassim ġust tal-finanzjament tal-PAK għall-ewwel u t-tieni pilastru kemm fost l-Istati Membri u kemm fost il-bdiewa fi ħdan l-Istati Membri, li fihom approċċ prammatiku għandu jkun il-prinċipju fundamentali għall-kriterji oġġettivi; iqis inaċċettabbli inkonsistenzi gravi fit-tqassim ta’ dawn ir-riżorsi lill-Istati Membri; iqis li dan jinvolvi s-sostituzzjoni gradwali, wara perjodu tranżizzjonali, tas-sistema bbażata fuq valuri ta’ referenza storiċi mhux aġġornati, bil-pagamenti tal-appoġġ li jkunu ġusti u għalhekk allokati b’mod aktar effettiv fost il-pajjiżi, fost is-setturi agrikoli differenti u l-bdiewa; jinnota li dan jitlob ukoll għal pagamenti ta’ appoġġ aktar effettivi li huma mmirati aħjar u joffru inċentivi akbar biex jgħinu l-agrikoltura tagħmel il-bidla lejn sistemi tal-biedja aktar sostenibbli; f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Komunità, jirrifjuta l-pagament dirett uniformi b’rata waħda għall-UE kollha li ma jkunx qed jirrifletti d-diversità Ewropea; jikkunsidra li l-priżervazzjoni tad-diversità tal-agrikoltura u tal-postijiet tal-produzzjoni fl-UE hija għan ċentrali u għalhekk jappoġġja li kemm jista’ jkun jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-produzzjoni fl-Istati Membri permezz ta’ sistema ta’ pagamenti diretti aktar immirata;

16. Jesprimi ruħu favur skema ta’ pagament uniku li, fl-aħjar interess ta’ tqassim ekwu mal-UE kollha tar-riżorsi tal-pagamenti diretti, twassal għal ċertu ammont ta’ ridistribuzzjoni; jipproponi li kull Stat Membru għandu jirċievi persentaġġ minimu tal-pagamenti diretti medji tal-UE u li għandu jiġi ffissat limitu; jappoġġja pubblikament l-implimentazzjoni l-aktar bikrija possibbli b’perjodu tranżizzjonali limitat;

17. Fir-rigward tal-pagamenti diretti lill-azjendi individwali jesprimi ruħu favur l-idea li jitħallew barra l-valuri ta’ referenza storiċi u individwali użati għat-tqassim fost l-Istati Membri u jitlob li ssir tranżizzjoni lejn primjum tal-pagamenti diżakkoppjati skont l-erja, reġjonali jew nazzjonali matul il-perjodu finanzjarju li jmiss; f’dan il-kuntest jirrikonoxxi, però, li s-sitwazzjoni tvarja ħafna bejn l-Istati Membri individwali u li dan il-fatt jitlob miżuri speċjali skont ir-reġjun;

18. Iqis li l-Istati Membri li bħalissa qed japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja (SAPS) għandhom, wara perjodu ta' tranżizzjoni limitat, jaqilbu għal skema ta’ pagament uniku bi drittijiet għal ħlas; jitlob li jingħata appoġġ, inkluż l-appoġġ finanzjarju u tekniku fit-twettiq tat-tranżizzjoni;

19. Jilqa' r-rikonoxximent tar-rwol tal-bdiewa żgħar fl-agrikoltura Ewropea u fl-iżvilupp rurali; jesprimi ruħu favur li tiġi stabbilita skema ta’ għajnuna speċifika u ssemplifikata għall-bdiewa ż-żgħar, li jgħinu biex l-iżvilupp rurali jiġi stabbilizzat; jistieden lill-Kummissjoni, fl-interessi tat-trasparenza u ċ-ċertezza ġuridika, tistabbilixxi kriterji flessibbli u oġġettivi għall-istatus tal-bdiewa żgħar li għandu jiġi definit f'kull Stat Membru; jitlob li l-Istati Membri jiddeċiedu, skont is-sussidjarjetà, liema bdiewa jikkwalifikaw għal din l-iskema;

20. Jitlob għal aktar semplifikazzjoni tas-sistema tal-pagamenti diretti, speċjalment għal regoli ta’ trasferiment semplifikati għad-drittijiet għall-pagamenti fil-każ ta’ non-attivazzjoni, għar-regoli li jirregolaw ir-riserva nazzjonali, skont it-tranżizzjoni għall-iskema reġjonali/nazzjonali ta’ pagament uniku skond l-erja , għat-tgħaqqid tad-drittijiet għall-pagamenti minimi u għal sistema ta’ monitoraġġ effikaċi u mhux burokratika għaż-żewġ pilastri; iqis li s-sistemi amministrattivi ppruvati li jaħdmu tajjeb għandhom jiġu kkunsidrati b’mod pożittiv fir-rigward tal-ambitu ta’ kontroll obbligatorju;

21. Jinnota l-ħtieġa tal-miżuri immirati għat-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikoli, peress li 6% biss tal-bdiewa Ewropej għandhom anqas minn 35 sena u, fl-istess ħin 4.5 miljun bidwi kellu jirtira fl-għaxar snin li jmiss; jirrikonoxxi li bdiewa żgħażagħ jiffaċċjaw ostakoli biex ivaraw azjenda, bħalma huma spejjeż ta' investiment għolja u nuqqas ta’ aċċess għall-art u l-kreditu; jenfasizza l-fatt li l-miżuri għall-bdiewa żgħażagħ li jinsabu fit-tieni pilastru ħarġu insuffiċjenti biex iwaqqfu t-tixjiħ rapidu tas-settur agrikolu u jitlob li jitressqu proposti biex din ix-xejra insostenibbli tinqaleb, u li għandhom jinkludu bidliet għar-regoli li jirregolaw ir-riserva nazzjonali biex jiġu mmirat aktar għall-bdiewa żgħażagħ;

22. Jisħaq fuq il-fatt li l-PAK m'għandhiex tiddiskrimina bejn is-sessi u li ż-żewġ konjuġi għandhom jiġu assenjati l-istess drittijiet meta jkunu qed jaħdmu fl-attività kummerċjali; jenfasizza l-fatt li madwar 42% tas-26.7 miljun persuna li jaħdmu regolarment fl-agrikoltura fl-Unjoni Ewropea huma nisa, imma li attività kummerċjali waħda biss minn kull ħamsa (madwar 29%) hi mmanniġġjata minn mara;

23. Iqis li d-diżakkoppjament essenzjalment wera s-siwi tiegħu, peress li jippermetta awtonomija akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet min-naħa tal-bdiewa, jiżgura li l-bdiewa jwieġbu għas-sinjali tas-suq u jqiegħed il-parti l-kbira tal-PAK fil-kaxxa l-ħadra tad-WTP; jappoġġja s-suġġeriment tal-Kummissjoni li fil-futur ukoll, il-primjums akkoppjati għandhom jibqgħu jitħallsu f'ċerti żoni fejn ma teżisti l-ebda alternattiva għall-forom ta' produzzjoni u prodotti stabbiliti u kost-effettiv; għaldaqstant jirrikonoxxi li l-primjums ibbażati fuq il-produzzjoni jistgħu jkunu difensibbli f’qafas deskritt b’mod dejjaq ħafna anki wara l-2013;

24. Jitlob għalhekk li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jippermettu li parti mill-pagamenti diretti jibqgħu jew kollha jew parzjalment akkoppjati fil-limiti tad-WTO bil-għan li jiġu ffinanzjati miżuri biex jiġi mitigat l-impatt tad-diżakkoppjament f’żoni u setturi speċifiċi li huma ekonomikament, ambjentalment u soċjalment sensittivi; jemmen barra minn hekk li dawn il-pagamenti jistgħu jippromwovu miżuri ambjentali bbażati fuq iż-żoni u koeżjoni territorjali u jippromwovu, jappoġġjaw u jagħtu spinta lis-setturi ewlenin, inklużi t-titjib tal-kwalità, il-produzzjoni tal-materja prima agrikola, ċerti tipi speċifiċi ta’ produzzjoni u ċerti tipi ta’ biedja;

25. Jinnota li għal raġunijiet storiċi, l-azjendi tal-biedja fl-Unjoni Ewropea jvarjaw ħafna fl-istrutturi f’dawk li huma d-daqs, l-arranġamenti tax-xogħol, il-produttività tax-xogħol u l-forma ġuridika; jinsab konxju li l-pagamenti diretti qed jiġu allokati b'tali mod li l-leġittimità tagħhom ġiet indubjata; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi introdott l-ogħla limitu għall-pagamenti diretti u jilqa' dan it-tentattiv li tiġi indirizzata l-kwestjoni tal-leġittimità tal-PAK u l-aċċettazzjoni pubblika; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi simili li jikkontribwixxu għal dawn, bħalma hi sistema ta’ digressività tal-pagamenti diretti fid-dawl tad-daqs tal-impriżi agrikoli li tkun tqis il-kriterju oġġettiv tal-impjiegi u l-prattiki sostenibbli;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti prattiċi sabiex jgħinu s-settur tat-trobbija tal-annimali għall-perjodu ta’ żmien medju u fit-tul biex ilaħħqu mal-prezzijiet tal-mezzi tal- produzzjoni li qed jogħlew; iqis li din il-ħaġa tista' tinvolvi inċentivi għall-użu ta' sistemi tal-bur u għelejjel tal-proteina f'tinwib ta’ art li tinħadem, li jkunu jġibu vantaġġi ekonomiċi akbar għall-bdiewa, ikunu jwieġbu għall-isfidi l-ġodda u jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-għelejjel tal-proteina u jistgħu jkollhom impatt favorevoli fuq l-ispiża tal-għalf tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi element ta’ flessibilità għall-Istati Membri fuq il-linji tal-Artikolu 68 attwali, biex jiġi evitat li l-azjendi tal-biedja li jrabbu l-bhejjem li huma ffukati fuq il-kwalità u s-sostenibilità jiġu esklużi mis-sistema l-ġdida ta’ appoġġ u biex jitqies il-karattru speċifiku tagħhom;

27. Iqis li l-pagamenti diretti għandhom jiġu riżervati biss għal bdiewa attivi;huwa konxju tal-fatt li fil-qafas tas-sistema ta’ pagamenti diżakkoppjati għandu jingħata pagamenti diretti kull bidwi li juża għall-produzzjoni jew iżomm l-artijiet agrikoli bil-għan li jżommhom fi stat agrikolu u ekoloġiku tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni għalhekk biex toħloq definizzjoni ta’ ‘bidwi attiv’ li tista’ tiġi amministrata mill-Istati Membri mingħajr sforz jew spejjeż amministrattivi addizzjonali, filwaqt li għandu jiġi żgurat li l-attivitajiet agrikoli tradizzjonali (full-time u diversi gradi ta’ part-time), hu x’inhu l-istatus tagħhom, jiġu kklassifikati bħala biedja attiva u li jitqiesu l-varjetà tad-drittijiet tas-sjieda tal-art u diversi suriet ta’ arranġamenti għall-ġestjoni tal-art kif ukoll l-arranġamenti tal-art komuni; iqis li hu meħtieġ li jiġi speċifikat li d-definizzjoni ta’ bidwi attiv għandha teskludi każijiet li fihom l-ispejjeż amministrattivi biex isir pagament huma ogħla mill-ammont attwali tal-pagament innifsu;

28. Jesprimi ruħu favur l-ibbilanċjar ta’ żvantaġġi naturali fil-qafas tat-tieni pilastru u kontra pagament komplementari fil-qafas tal-ewwel pilastru minħabba l-piż amministrattiv addizzjonali;

Il-komponent tal-ħarsien tar-riżorsi u l-politika ambjentali

29. Iqis li l-ħarsien u l-ġestjoni mtejba tar-riżorsi naturali huma element importanti fil-biedja sostenibbli, li jiġġustifika, fil-qafas tal-isfidi u l-objettivi l-ġodda tal-Istrateġija UE 2020, inċentivi addizzjonali biex il-bdiewa jiġu inkoraġġiti jadottaw prattiki ambjentalment sodi li jmorru lilhinn mir-rekwiżiti ta’ bażi tal-Kondizzjonalità u jkunu jikkumplementaw il-programmi agrikoli ambjentali li diġà jeżistu;

30. Jemmen li l-ħarsien tar-riżorsi naturali għandhom ikunu konnessi aktar mill-qrib mal-għoti tal-pagamenti diretti u jitlob, għalhekk, li tiddaħħa, permezz ta' komponent ta' ekoloġizzar, skema ta' inċentivizzazzjoni fl-UE kollha bl-objettiv li jiġu żgurati s-sostenibilità tal-biedja u s-sigurtà tal-ikel għat-tul permezz tal-ġestjoni effikaċi tar-riżorsi skarsi (l-ilma, l-enerġija, il-ħamrija) filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni fuq perjodu twil billi jitnaqqas l-użu tal-mezzi tal-produzzjoni; jemmen li din l-iskema għandha tipprovdi appoġġ massimu għall-bdiewa li huma involuti jew li jixtiequ jkunu involuti aktar, pass pass, fi prattiki agrikoli maħsuba biex jaslu għal sistemi ta’ produzzjoni aktar sostenibbli;

31. Jenfasizza li din l-iskema għandha tmur id f’id ma' semplifikazzjoni tas-sistema ta’ Kundizzjonalità għar-riċevituri tal-pagamenti diretti, għandha tiġi applikata permezz ta’ miżuri sempliċi, għandha tibbilanċja l-prestazzjoni ambjentali u ekonomika, għandha tkun relevanti mil-lat agronomiku u ma għandhiex tkun diskriminatorja lejn il-bdiewa li diġà qed jipparteċipaw ħafna fi programmi agrikoli ambjentali;

32. Iwarrab l-implimentazzjoni ta' sistema ta' pagamenti addizzjonali ġdida li twassal għal kontroll żejjed u sistemi ta’ sanzjonijiet għall-ekoloġizzar; jinsisti li l-ostakoli prattiċi għall-bdiewa u l-kumplessità amministrativa għall-awtoritajiet għandhom jiġu evitati; jinsisti, barra minn hekk, li, sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi assoċjati ma’ dawk il-miżuri, il-kontrolli agrikoli kollha għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu operati b’mod konkomitanti;

33. Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tressaq mill-aktar fis possibbli valutazzjoni tal-impatt tal-prattiċitajiet involuti fl-implimentazzjoni ta’ komponent ta’ ekoloġizzar; jenfasizza li miżuri ambjentali għandhom il-potenzjal li jagħtu spinat lill-effiċjenza tal-produzzjoni tal-bdiewa u jinsisti li kull spiża jew dħul predeterminati, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ tali miżuri, għandhom jiġu koperti;

34. Hu tal-fehma li l-ekoloġizzazzjoni għandha tiġi segwita fl-Istati Membri kollha permezz ta’ katalgu prijoritarju ta’ miżuri bbażati fuq iż-żoni u/jew fil-livell tal-azjendi agrikoli li huma ffinanzjati 100% mill-UE; iqis li kull min jirċievi dawn il-pagamenti partikolari għandu jimplimenta ċertu għadd ta’ miżuri ta’ ekoloġizzar, li għandhom jibnu fuq strutturi eżistenti, magħżula minn lista reġjonali jew nazzjonali stabbilita mill-Istat Membru fuq il-bażi ta’ lista usa’ tal-UE, li hija applikabbli għat-tipi kollha ta’ biedja; iqis li eżempji ta’ tali miżuri jistgħu jinkludu:

- appoġġ għal emissjonijiet baxxi tal-karbonju u miżuri biex jiġu limitati jew maqbuda l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra

- appoġġ għal konsum baxx ta’ enerġija u effiċjenza enerġetika

- faxex ta’ ħarsien, marġini tal-għelieqi, il-preżenza ta’ għeluq b’ringieli ta’ sġajriet, eċċ.

- mergħat permanenti

- tekniki tal-biedja ta’ preċiżjoni

- tinwib tal-għelejjel u diversità tal-għelejjel

- pjanijiet għall-effiċjenza tal-għalf;

35. Jemmen li l-UE għandha rwol xi twettaq biex jintlaħqu l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel u tas-sigurtà tal-enerġija, u għalhekk jeħtieġ jiżgura li l-agrikoltura twettaq rwol sħiħ fit-trattament ta' dawn iż-żewġ sfidi; jemmen għalhekk, li mhuwiex xieraq li jiddaħħal twarrib obbligatorju fil-lista ta' miżuri ta' sostenibilità kif propost mill-Kummissjoni;

36. Jitlob li l-PAK tinkludi miri għall-użu tal-enerġija sostenibbli; jemmen li s-settur agrikolu jista’ juża 40% fjuwils rinnovabbli sal-2020 u jkun ħieles mill-fjuwils fossili sal-2030;

37. Jinnota li l-bijoteknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss hi lesta issa u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa politika transsettorjali dwar il-bijomassa għall-bijoteknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss, inklużi kriterji dwar is-sostenibilità għall-bijomassa bħala parti mir-riforma tal-PAK sabiex tippermetti l-iżvilupp ta' suq sostenibbli għall-bijomassa mill-agrikoltura, l-impriżi agroindustrijali u l-forestrija billi tinċentivizza l-ġbir tar-residwi disponibbli għall-produzzjoni tal-bijoenerġija, waqt li tipprevjeni żieda fl-emissjonijiet u telf tal-bijodiversità;

38. Jisħaq fuq il-fatt li l-politiki Ewropej razzjonali bħal diesel orħos għall-użu agrikolu u eżenzjonijiet mit-taxxa tas-sisa għall-enerġija u l-fjuwil prodotti għal skopijiet agrikoli, b'mod partikulari għall-pompi għat-tisqija li jaħdmu bl-elettriku, jistgħu jgħinu lill-bdiewa Ewropej jipproduċu aktar u jfornu s-swieq domestiċi kif ukoll dawk ta' esportazzjoni fil-prodotti agrikoli; jisħaq ukoll fuq l-importanza ta' sistemi innovattivi għat-tisqija sabiex tiġi żgurata s-sostenibilità tal-agrikoltura Ewropea, minħabba l-effetti devastanti tat-tibdil fil-klima bħan-nixfa, l-imwieġ ta' sħana u d-deżertifikazzjoni tal-art agrikola intenzjonata biex tipprovdi l-ikel lill-poplolazzjoni;

39. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati sistemi effiċjenti għat-tisqija sabiex jiġu żgurati metodi agrikoli effiċjenti fl-Istati Membri li jkunu kapaċi jkopru d-domanda domestika għall-ikel u jfornu lis-suq tal-esportazzjoni fil-prodotti agrikoli, waqt li jitqies li fil-ġejjieni se jkun hemm nuqqas ta' ilma, u b'mod partikulari, ta' ilma għax-xorb;

40. Jiddeplora l-fatt li l-miri ta’ bijodiversità tal-UE għadhom ma ntlaħqux u jistenna li l-PAK tikkontribwixxi għall-isforzi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u l-miri ta’ Nagoya għall-bijodiversità;

41. Jitlob li l-PAK il-ġdida tippromwovi l-konservazzjoni tad-diversità ġenetika, tikkonforma mad-Direttiva 98/58/KE dwar il-Benesseri tal-Annimali u tastjeni milli tiffinanzja l-produzzjoni tal-ikel minn annimali kklownjati u l-frieħ tagħhom jew id-dixxendenti tagħhom;

42. Jenfasizza l-importanza li jiġu eżaminati l-opportunitajiet kollha possibbli għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, bl-involviment tal-partijiet interessati kollha, sabiex tiġi protetta l-ħamrija;

Kondizzjonalità u semplifikazzjoni

43. Jirrimarka li s-sistema kondizzjonalità tesiġi li l-għoti ta’ pagamenti diretti jkun suġġett għall-konformità mar-rekwiżiti statutorji u ż-żamma tal-art agrikola f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, u għadha wieħed mill-mezzi l-aktar xierqa biex jiġi ottimizzat il-provdiment ta’ servizzi bażiċi ta’ ekosistema mill-bdiewa u biex jiġu ffaċċjati sfidi ambjentali ġodda billi tiġi ggarantita l-provvista ta’ prodotti pubbliċi bażiċi; jinnota, madankollu, li l-implimentazzjoni tal-Kundizzjonalità ltaqgħet ma’ firxa ta’ problemi li għandhom x’jaqsmu mal-amministrazzjoni u l-aċċettazzjoni mill-bdiewa;

44. Iqis li l-pagamenti diretti mhumiex iġġustifikati mingħajr kundizzjonijiet u għalhekk li sistema ta’ Kundizzjonalità li, bħala riżultat tal-ekoloġizzar tal-PAK, hija semplifikata u effiċjenti fil-prattika u fil-livell amministrattiv f’dawk li huma kontrolli għandha tapplika l-istess għar-riċevituri kollha tal-pagamenti diretti; jenfasizza li l-Kundizzjonalità għandha tkun ibbażata fuq ir-riskji u proporzjonali u għandha tiġi rrispettata u infurzata b’mod suffiċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej kompetenti;

45. Iqis li ħarsien u mmaniġġjar aħjar tar-riżorsi għandhom ukoll ikunu element bażiku fil-biedja fl-ambitu tal-Kundizzjonalità, li bħala riżultat tiegħu jistgħu jinkisbu benefiċċji ambjentali akbar; jitlob li l-kontrolli tal-Kundizzjonalità jiġu ssemplifikati, jsiru effikaċi u effiċjenti u li jkun hemm approċċ b’mira speċifika għall-ambitu tal-Kundizzjonalità; jitlob li jsir l-iskambju u l-integrat tas-sistemi tal-aħjar prattiki bejn l-aġenziji li jħallsu u l-korpi ta’ monitoraġġ, bħalma huma l-interoperabilità tal-bażijiet tad-data u l-aħjar użu tat-teknoloġija xierqa, bil-għan li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż burokratiku għall-bdiewa u l-amministrazzjoni; iqis li l-Kundizzjonalità għandha tkun ristretta għal standards relatati mal-biedja, li jistgħu jiġu mmonitorjati b’mod sistemiku u ċar u huma bbażati fuq obbligu li jinkisbu r-riżultati, u li r-regoli għandhom jiġu armonizzati; jenfasizza l-importanza tal-livelli ta’ tolleranza u l-applikazzjoni tal-proporzjonalità fi ħdan kwalunkwe sistema ġdida ta’ pieni;

46. Iqis li l-monitoraġġ tal-kundizzjonalità għandu jkun konness aktar mal-kriterji tal-prestazzjoni u mal-inkoraġġiment tal-bdiewa li jiksbu r-riżultati; jemmen barra minn hekk li l-bdiewa nfushom għandhom ikunu aktar involuti f’dan il-monitoraġġ, minħabba l-ħila esperta u l-esperjenza prattika tagħhom, u jqis li dan ikollu l-effett li jagħti eżempju u jkun ta’ motivazzjoni b’mod partikolari għall-bdiewa li huma anqas effiċjenti;

47. Jirrifjuta l-introduzzjoni, fis-sistema ta’ kundizzjonalità, ta’ rekwiżiti ta’ piż u mhux ċari, li joriġinaw mid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma, sakemm ma jikunx ġie ċċarat l-istat attwali tal-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha;

48. Jagħraf l-isforzi konsiderevoli li diġà saru fis-settur tat-trobbija tal-bhejjem, li bħalissa jinsab f’diffikultà, biex il-bini u t-tagħmir jiġi mtejjeb biex jilħaq l-istandards tal-iġjene u s-saħħa; mingħajr ħsara għall-prinċipji tas-sikurezza tal-ikel u tat-traċċabilità tal-ikel, jitlob għal rieżami kritiku ta’ ċerti standards tal-iġjena, tas-saħħa tal-annimali tal-immarkar tal-annimali bil-ħsieb li jintemmu l-piżijiet sproporzjonati imposti fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs); jistieden b’mod partikolari lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-istandards tal-iġjene, partikolarment l-ikkummerċjar lokali jew dirett u kemm idunu tajbin il-prodotti fil-ħwienet, bil-għan li tagħmilhom proporzjonati mar-riskji u tevita li tqiegħed piż sproporzjonat fuq kanali ta’ produzzjoni żgħar bħalma huma r-relazzjonijiet direttiv bejn il-produttur u l-konsumatur u ktajjen qosra tal-provvista tal-ikel;

Strumenti tas-suq, xibka ta' sikurezza u mmaniġġjar tar-riskji

49. Iqis li huwa importanti li wieħed ikun jista’ jieħu azzjoni biex jopponi l-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet u jirreaġixxi kmieni biżżejjed għall-kriżijiet ikkawżati mill-instabilità tas-swieq fil-kuntest tal-PAK u fis-swieq dinjija; jirrikonoxxi r-rwol fundamentali li kellhom il-miżuri ta' appoġġ għas-suq fir-reazzjoni għall-kriżijiet fis-settur agrikolu fil-passat, b'mod partikolari r-rwol tal-interventi u tal-ħżin privat; jenfasizza li l-miżuri ta’ appoġġ għas-suq għandhom ikunu effettivi u attivati fil-pront meta jkun meħtieġ biex jiġu evitati problemi serji għall-produtturi, il-proċessuri u l-konsumaturi u biex il-PAK tkun tista’ tilħaq l-objettiv strateġiku primarju tagħha: is-sigurtà tal-ikel;

50. Jenfasizza li l-PAK għandha tinkorpora ċertu għadd ta’ strumenti flessibbli u effettivi tas-suq li jaġixxu ta’ xibka ta' sikurezza, iffissati fil-livelli xierqa u disponibbli fil-każ ta' tħarbit serju tas-suq; jemmen li dawn l-istrumenti ma għandhomx jiġu attivati fuq bażi permanenti u ma għandhomx iservu ta’ żbokk kontinwu u bla limitu għall-produzzjoni; jirrimarka li wħud minn dawn l-istrumenti diġà jeżistu, iżda jistgħu jiġu adattati, filwaqt li oħrajn jistgħu jinħolqu skont il-ħtieġa; iqis li, minħabba l-kundizzjonijiet li huma differenti ħafna minn xulxin fis-setturi individwali, soluzzjonijiet settorjali ddivrenzjati huma aktar adattati minn approċċi ġenerali; jiġbed l-attenzjoni lejn id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-bdiewa meta jippruvaw jippjanaw bil-quddiem fi żminijiet ta' volatilità estrema; iqis li, minħabba l-volatilità akbar tas-swieq, l-istrumenti tas-suq jeħtieġ li jiġu eżaminati mill-ġdid biex tissaħħaħ l-effiċjenza u l-flessibilità tagħhom, jiġu żgurati l-użu aktar rapidu, l-estensjoni għal setturi oħra jekk ikun hemm bżonn u l-aġġustament għall-prezzijiet tas-suq attwali u tiġi pprovduta xibka ta’ sikurezza effikaċi mingħajr ma jinħoloq it-tgħawwiġ;

51. Huwa tal-fehma li dawn l-istrumenti għandhom jinkludu strumenti speċifiċi ta' ġestjoni tal-provvista li, jekk jintużaw b'mod ġust u fuq bażi li ma tkunx diskriminatorja, jistgħu jipprovdu ġestjoni effikaċi tas-suq u jipprevjenu l-kriżijiet relatati mal-produzzjoni żejda, mingħajr ebda spiża għall-baġit tal-Unjoni;

52. Jitlob għal xibka ta’ sikurezza b’ħafna livelli estiża biex tkopri s-setturi kollha, li tkun tinkludi kumbinazzjoni ta’ għodod bħalma huma l-ħżin pubbliku u privat, l-intervent pubbliku, strumenti li jirrigwardaw it-tħarbit tas-suq u klawżola ta’ emerġenza; jitlob li f’każijiet ta’ tfixkil temporanju tas-suq għandhom ikunu permessi għal setturi speċifiċi l-ħżin privat u l-interventi pubbliċi; jitlob barra minn hekk li jiġu stabbiliti, b’mod komuni għas-setturi kollha, strument kontra t-tfixkil tas-suq u klawżola ta’ emerġenza, li jippermettu lill-Kummissjoni li, f’ċerti ċirkostanzi, f’każijiet ta’ kriżi, taġixxi fuq perjodu li jkun limitat għal mhux aktar minn sena, li għandu jkun aktar effiċjenti milli kien il-każ sa issa; iqis, għalhekk, li għandha ssir disponibbli linja baġitarja speċjali ta' riżerva li tkun tista' tiġi attivata malajr f'baġits futuri tal-UE biex tiġi provduta għodda ta' reazzjoni rapida f'każ ta' kriżijiet serji fis-swieq agrikoli;

53. Iqis li l-użu tal-istrumenti ta’ intervent jaqa’ fi ħdan l-ambitu tal-kompetenzi eżekuttivi tal-Kummissjoni; jenfasizza madankollu li l-Parlament Ewropew trid tiġi mgħarrfa minnufih bl-azzjonijiet ikkontemplati; jenfasizza f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni għandha tqis kif dovut il-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament;

54. Jitlob li l-effikaċja tas-sistema ta’ intervent tittejjeb permezz ta’ valutazzjoni annwali, imwettqa b’mod prammatiku u fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-swieq;

55. Iqis li, minħabba l-isfidi ambjentali, klimatiċi u epidemjoloġiċi antiċipati u minħabba l-fluttwazzjonijiet konsiderevoli tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli, miżuri addizzjonali aktar effettivi ta’ prevenzjoni tar-riskji, li jkunu aċċessibbli għall-bdiewa kollha fid-diversi Stati Membri, huma ta’ importanza vitali, fil-livell ta’ Unjoni, Stat Membru u azjendi tal-biedja individwali, biex jiġu mħarsa l-introjti;

56. Ifakkar li l-produzzjoni orjentata lejn is-suq, il-pagamenti diretti u l-kompetittività jinsabu fil-qalba ta’ kwalunkwe kopertura tar-riskju, u li hija wkoll ir-responsabilità tal-bdiewa li jikkunsidraw u jantiċipaw ir-riskju; jappoġġja lill-Istati Membri, f’dan il-kuntest, biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-bdiewa strumenti nazzjonali ta’ kopertura tar-riskju mingħajr ir-rinazzjonalizzazzjoni u t-tgħawwiġ tas-swieq; hu tal-fehma, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa regoli komuni dwar il-promozzjoni mhux obbligatorja ta’ sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju mill-Istati Membri – jekk xieraq, billi jinħolqu regoli Komunitarji konformi mar-regoli tal-WTO fi ħdan l-Organizzazzjoni Unika tas-Suq Komuni – bil-għan li jeliminaw kwalunkwe effett li jgħawweġ l-kompetizzjoni fis-suq intern; jitlob ukoll li l-Kummissjoni jkollha tinnotifika l-miżuri kollha għall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni tar-riskju kif ukoll tippreżenta valutazzjoni tal-impatt rilevanti flimkien mal-proposti leġiżlattivi;

57. Iqis li l-iskemi ta’ assikurazzjoni tas-settur privat, kif ukoll l-iskemi ta' assikurazzjoni għar-riskji multipli (bħalma huma l-assikurazzjoni kontra l-klima, l-assikurazzjoni kontra t-telf ta' dħul), il-kuntratti tal-futuri u l-fondi mutwi, parzjalment iffinanzjati minn fondi pubbliċi, jistgħu jiġu żviluppati u promossi bħala għażliet fl-Istati Membri minħabba li r-riskji qed jiżdiedu; japprova b'mod partikulari f'dan ir-rigward azzjoni konġunta mill-bdiewa biex jiffurmaw konsorzji u kooperattivi; jilqa' l-iżvilupp tal-għodod innovattivi ġodda; jenfasizza, madankollu, li għandhom ikunu konformi mad-WTO u ma jgħawġux il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni intra-UE u l-kummerċ; jitlob. għalhekk, li jiġi pprovdut qafas għal dawk l-Istati Membri li jimplimentaw dawn il-miżuri, li għandu jiġi mnaqqax fl-organizzazzjoni komuni tas-suq unika;

58. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina sa liema punt jista' jiġi estiż ir-rwol tal-gruppi tal-produtturi jew tal-assoċjazzjonijiet settorjali fil-prevenzjoni tar-riskji u fil-promozzjoni tal-ugwaljanza għall-oqsma kollha tal-produzzjoni; jitlob li l-miżuri ta' dan it-tip jikkunsidraw il-prodotti koperti mill-iskemi tat-tabella ta' kwalità;

59. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi, bħala parti mir-riforma tal-PAK, miżuri speċifiċi biex tinkuraġġixxi t-twaqqif ta' programmi operattivi ġodda, sabiex il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tissaħħaħ;

60. Jesprimi ruħu favur li s-sistema tas-suq taz-zokkor tal-2006 tiġi estiża tal-anqas tal-2020 fis-sura eżistenti tagħha u jitlob għal miżuri xierqa biex tiġi salvagwardjata l-produzzjoni taz-zokkor fl-Ewropa u biex is-settur taz-zokkor tal-UE jkun jista' jittejjeb fil-kompetittività tiegħu fi ħdan qafas sostenibbli;

61. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tipproponi li d-drittijiet tat-tħawwil fis-settur tal-inbid jinżammu sa wara l-2015 u li dan għandha tqisu fir-rapport ta' valutazzjoni tagħha li għandu jitressaq fl-2012, dwar ir-riforma tal-OKS tal-inbid tal-2008;

62. Iqis li s-sistemi ta’ ġestjoni għandhom jiġu msaħħa fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex (iċ-ċitru u l-prodotti kollha kkonċernati), l-inbid u ż-żejt taż-żebbuġa, u li jinħtieġu fond għall-kriżijiet aktar effiċjenti fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex, ġestjoni aħjar tal-kriżijiet fis-settur tal-inbid u sistema ta’ ħżin privata aġġornata għaż-żejt taż-żebbuġa;

Il-Kummerċ internazzjonali

63. Jistieden lill-UE tiżgura li jkun hemm konsistenza bejn il-PAK u l-politiki tagħha tal-iżvilupp u tal-kummerċ; b’mod partikulari jħeġġeġ lill-UE toqgħod attenta għas-sitwazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u ma tipperikolax il-kapaċità tal-produzzjoni tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel fit-tul f’dawk il-pajjiżi u l-abilità tal-popolazzjonijiet tagħhom li jitimgħu lilhom infushom, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD); iqis, għalhekk, li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE dwar l-agrikoltura ma għandhomx itellfu s-swieq fil-pajjiżi l-anqas żviluppati;

64. Ifakkar fl-impenn mogħti mill-membri tad-WTO waqt il-Konferenza Ministerjali ta’ Ħong Kong li jaslu għall-eliminazzjoni ta’ kull sura ta’ sussidji tal-esportazzjoni f’paralleliżmu sħiħ mal-impożizzjoni tad-dixxiplina fuq il-miżuri kollha tal-esportazzjoni b’effett ekwivalenti, notevolment il-krediti tal-esportazzjoni, intrapriżi kummerċjali agrikoli tal-istat u l-regolazzjoni tal-għajnuna f’sura ta’ ikel;

65. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tal-impatt dettaljat tan-negozjati kummerċjali kollha li għaddejjin bħalissa, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur, li ma għandux jaffetta b'mod ħażin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u jxekkel l-effikaċja tal-PAK lejn 2020;

66. Jinnota li l-ikel mhuwiex biss merkanzija imma li l-aċċess għall-ikel huwa fundamentali għall-eżistenza tal-bniedem; jistieden lill-UE tuża l-politiki kummerċjali u ta' żvilupp tagħha biex tippromwovi prattiki tal- biedja sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi l-anqas żviluppati u fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fil-kuntest tal-fatt li d-domanda u l-prezzijiet tal-ikel qegħdinjiżdiedu;

67. Jitlob lill-Kummissjoni teżamina xi rwol kellha l-konċentrazzjoni tal-kummerċ internazzjonali taċ-ċereali fil-varjazzjonijiet fil-prezzijiet;

Il-katina tal-provvista tal-ikel

68. Jitlob li jiġu fformulati soluzzjonijiet fuq livell globali biex jindirizzaw l-ispekulazzjoni tal-prodotti bażiċi agrikoli u l-volatilità tal-prezzijiet peress li potenzjalment ipoġġu s-sikurezza tal-ikel f'riskju; jirrikonoxxi, madankollu, l-importanza ta' suq tal-futuri tal-prodotti bażiċi agrikoli li jiffunzjona kif suppost; hu tal-opinjoni li azzjoni internazzjonali kkordinata hi l-unika mezz effettiv biex titrażżan l-ispekulazzjoni eċċessiva; jappoġġa, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-President Franċiż tal-G20 li l-grupp għandu jaqbel dwar miżuri biex tiġi miġġielda l-volatilità li qed tiżdied fil-prezzijiet ta' prodotti bażiċi agrikoli; jesprimi ruħu favur sistema dinjija ta’ rrapportar u ta' azzjoni kkordinata għall-istokkijiet agrikoli maħsuba biex tipprovdi is-sikurezza tal-ikel; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk,li għandu jiġi kkunsidrat il-ħżin ta’ stokkijiet ta’ prodotti bażiċi agrikola importanti; jenfasizzi li jekk dawn l-oġġettivi għandhom jintlaħqu, il-kapaċitajiet ta' ħażna jridu jiżdiedu u l-monitoraġġ tas-suq u l-istrumenti ta' sorveljanza jridu jiġu żviluppati; jenfasizza b’mod partikolari l-effetti allarmanti li l-volatilità globali tal-prezzijiet għandha fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

69. Jenfasizza l-fatt li – għall-kuntrarju tas-setturi ’l fuq u ’l isfel fil-katina tal-produzzjoni agrikola primarja – id-dħul medju tal-bdiewa u tal-unitajiet domestiċi rurali baqgħu jonqsu kontinwament f’dawn l-aħħar deċenni meta mqabbla mal-bqija tal-ekonomija, fejn laħaq biss nofs id-dħul tal-unitajiet domestiċi urbani, filwaqt li l-kummerċjanti u l-bejjiegħa bl-imnut għandhom saħħa tas-suq u marġini li żdiedu sostanzjalment fil-katina tal-ikel;

70. Jitlob li jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-ġestjoni u s-saħħa tal-ikkurdar tal-produtturi primarji u tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi vis-à-vis operaturi ekonomiċi oħra fil-katina tal-ikel (primarjament il-bejjiegħa bl-imnut, il-produtturi u il-kumpaniji tal-mezzi tal-produzzjoni), filwaqt li jiġi rrispettat il-funzjonament xieraq tas-suq intern; hu tal-opinjoni li l-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel trid tiġi mtejba b’mod urġenti permezz ta' inizjattivi leġiżlattivi biex tinkiseb aktar trasparenza fil-prezzijiet tal-ikel u azzjoni biex jiġu indirizzati prattiki kummerċjali inġusti, u b'hekk il-bdiewa jkunu jistgħu jottjenu l-valur miżjud li jistħoqqilhom; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa u tippromwovi l-kompetizzjoni ġusta; jemmen li l-ħatra ta’ ombudsmen għandu jiġi kkunsidrat bil-ħsieb li jissolvew tilwimiet bejn l-operaturi tul il-katina tal-provvista tal-ikel;

71. Iqis, barra minn hekk, li bil-ħsieb li l-bdiewa jingħataw pożizzjoni aktar b’saħħitha fil-katina tal-ikel, għandhom jiġu żviluppati strumenti li se jgħinu lill-bdiewa joperaw ktajjen ta’ produzzjoni qosra li jkunu trasparenti u effiċjenti, li jkollhom impatt ambjentali limitat, li jippromwovu l-kwalità u jipprovdu tagħrif lill-konsumatur, jinvolvu inqas intermedjarji u jippromwovu l-formazzjoni ġusta u trasparenti tal-prezzijiet;

72. Jitlob iż-żamma tal-iskema sabiex tipprovdi appoġġ għall-aktar membri foqra tas-soċjetà

L-Iżvilupp rurali

73. Jagħraf l-importanza tal-politiki tal-iżvilupp rurali kif iddefiniti u ffinanzjati fit-tieni pilastru, minħabba l-kontribut tagħhom għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali, il-modernizzazzjoni, l-innovazzjoni, l-infrastruttura u l-kompetittività u l-ħtieġa ta’ aktar żvilupp fl-ekonomija rurali, is-settur tal-ikel agrikolu u s-settur mhux tal-ikel u kwalità tal-ħajja aħjar fiż-żoni rurali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jintlaħqu l-objettivi politiċi, inklużi l-objettivi tal-Istrateġija UE 2020 ta' takbbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, li għandhom ukoll ikun ta' benefiċċju prinċipalment għall-bdiewa u għall-komunitajiet rurali;

74. Iqis li l-miżuri ta’ żvilupp rurali għandhom iwieġbu għall-isfidi fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tibdil tal-klima, it-telf tal-bijodiversità, it-tnaqqis tal-ilma u l-fertilità tal-ħamrija, u għandhom isaħħu l-koeżjoni territorjali bbilanċjata u l-impjiegi; iqis li dawn il-miżuri għandhom ukoll jinkoraġġixxu l-awtosuffiċjenza fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq il-post fl-azjendi tal-biedja stess, b’mod partikolari mill-prodotti ta’ skart agrikolu; jafferma li l-miżuri ta’ żvilupp rurali għandhom jgħinu biex valur miżjud akbar jibqa’ jinżamm fiż-żoni rurali, filwaqt li jiġi promoss it-tisħiħ tal-infrastruttura rurali u l-provvediment ta’ servizzi għall-but ta’ kulħadd għall-popolazzjonijiet u n-negozji lokali;

75. Iqis li, f’dan il-kuntest, għandha tiġi ddedikata attenzjoni partikolari għall-appoġġ lill-bdiewa żgħażagħ; jemmen li, minħabba l-fatt li l-popolazzjoni rurali fl-Ewropa qiegħda tixjieħ rapidament, huwa essenzjali li jsiru miżuri attraenti biex jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta' bdiewa żgħażagħ u nies oħra li jidħlu ġodda fil-qasam tal-biedja u li s-skemi ta' appoġġ fit-tieni pilastru għandhom jiġu estiżi, pereżempju aċċess għal art, għotjiet u selfiet favorevoli, partikolarment fl-oqsma tal-innovazzjoni, tal-modernizzazzjoni u tal-iżvilupp tal-investiment eċċ, u jistenna li l-implimentazzjoni ta’ tali mekkaniżmi se tkun disponibbli fl-Istati Membri kollha;

76. Jipproponi li persentaġġ sostanzjali tal-art agrikola għandha tiġi koperta minn skemi agrikoli ambjentali, li għandhom jipprovdu inċentivi finanzjarji u tekniċi ħalli l-bdiewa jaqilbu għal mudelli tal-biedja li jkunu aktar sostenibbli, aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, u li jitolbu anqas mezzi tal-produzzjoni;

77. Jenfasizza li l-politika tal-iżvilupp rurali għandha tippermetti li l-potenzjal naturali u uman kollu taż-żoni rurali jiġi mmexxi u wżat ukoll permezz ta’ produzzjoni agrikola ta’ kwalità, pereżempju permezz tal-bejgħ dirett, il-promozzjoni tal-prodotti, il-forniment tas-swieq lokali u d-diversifikazzjoni kif ukoll punti fejn tinbiegħ il-bijomassa, l-effiċjenza enerġetika, eċċ.;

78. Jenfasizza li tinħtieġ infrastruttura xierqa għall-iżvilupp u t-tixrid tal-għarfien agrikolu u sistemi ta' innovazzjoni agrikola, inklużi opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ, servizzi ta' pariri għall-azjendi tal-biedja u l-iskambju tal-aħjar prattiki, ħalli l-agrikoltura tiġi mmodernizzata, il-bdiewa innovattivi jkunu jistgħu jgħaddu l-esperjenza tagħhom lill-oħrajn u jittejbu l-ktajjen ta' valur miżjud fiż-żoni rurali; jemmen li tali programmi għandhom ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha;

79. Jappoġġa, għaldaqstant, l-introduzzjoni ta’ miżuri b’miri speċifiċi, li għandhom jiġu deċiżi mill-Istati Membri fi ħdan it-tieni pilastru, ħalli jintlaħqu objettivi komuni ta’ żvilupp rurali tal-UE (Strateġija 2020); jenfasizza l-importanza ta' qafas ġenerali Ewropew b’miri speċifiċi u orjentat biex ikun hemm eżitu, filwaqt li jagħraf li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeċiedu dwar il-programmi li, lokalment, jistgħu jagħtu l-ikbar kontribut lill-miri Ewropej; jitlob, għalhekk, li jiġu applikati s-sussidjarjetà u l-flessibilità meta jkunu qed jiġu ddisinjati programmi ta' żvilupp rurali u li jkun hemm approċċ b'saħħtu ta' sħubija lokali u sottoreġjonali parteċipattiva, filwaqt li jiġi applikat il-metodu LEADER fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' żvilupp rurali Ewropej u nazzjonali futuri; iqis li kontribuzzjoni nazzjonali mnaqqsa applikabbli għall-miżuri li għandhom miri aktar speċifiċi għandha tiġi determinata fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet tal-impatt u simulazzjonijiet dettaljati;

80. Hu favur, fil-kuntest tal-iżvilupp rurali, il-fatt li l-miżuri mmirati jiġu provduti wkoll għall-protezzjoni tal-foresti tal-muntanji;

81. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi għodod ta' finanzjament ġodda li jappoġġaw speċjalment lill-bdiewa li jidħlu fis-settur agrikolu biex jiksbu aċċess għal self favorevoli, jew sistema ġdida, pereżempju msejħa JERICHO (‘Joint Rural Investment CHOice’), għall-Fond għall-Iżvilupp Rurali, ibbażata fuq l-esperjenza mill-inizjattiva JEREMIE taħt il-Fondi Strutturali;

82. Jenfasizza li ż-Żoni Żvantaġġati (ŻŻ) ta’ sikwit ikunu ta’ valur kbir f’dak li għandu x’jaqsam mal-pajsaġġ ikkultivat, maż-żamma tal-bijodiversità u mal-provvediment ta’ benefiċċji ambjentali kif ukoll għad-dinamiżmu taż-żoni rurali; jappoġġja pubblikament f’dan il-kuntest il-fatt li l-allowance kompensatorja għaż-żoni żvantaġġjati fit-tieni pilastru jibqgħu jinżammu kif inhuma u jitlob li l-effikaċja tagħha tiżdied; jemmen li n-natura ta’ mira speċifika tal-appoġġ għall-bdiewa li joperaw fiż-ŻŻ huwa tal-akbar importanza għall-kontinwazzjoni tal-attivitajiet agrikoli f’dawn iż-żoni, u b’hekk titnaqqas it-theddida tal-abbandun tal-art; jenfasizza li l-irqaqat tal-kriterji għandhom jitħallew f'idejn l-Istati Membri, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, fi ħdan il-qafas tal-UE;

83. Jenfasizza li l-istrutturi rurali jiddifferixxu ħafna fl-Istati Membri u għalhekk jirrikjedu miżuri differenti; għaldaqstant jitlob li jkun hemm flessibilità akbar sabiex l-Istati Membri u r-reġjuni jkunu jistgħu jadottaw miżuri volontarji, li għandhom jiġu kofinanzjati mill-UE bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jkunu ġew notifikati lill-Kummissjoni u approvati; jirrimarka li r-rata ta’ kofinanzjament għandha tkompli tqis iċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet speċifiċi tar-reġjuni ta’ konverġenza fil-perjodu ta’ wara l-2013;

84. Jesprimi ruħu favur l-idea li għal miżuri li jaqgħu taħt it-tieni pilastru u li jkunu ta’ importanza partikolari għal xi Stati Membri, ir-rati ta’ kofinanzjament attwali għandhom ikomplu japplikaw wara l-2013; Jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe kofinanzjament nazzjonali addizzjonali ma għandux iwassal għal rinazzjonalizzazzjoni tat-tieni pilastru jew iżidu d-disparità fil-kapaċità tal-Istati Membri li jikkofinanzjaw il-prijoritajiet tagħhom;

85. Jenfasizza li l-modulazzjoni, fil-varjetajiet kollha tagħha, kemm obbligatorja kif ukoll volontarja, bħala mezz għall-iffinanzjar tal-miżuri tal-iżvilupp rurali tiskadi fl-2012;

86. Jitlob li fir-rigward tat-tqassim tar-riżorsi tat-tieni pilastru jiġu evitati tibdiliet f’daqqa peress li l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u l-azjendi agrikoli jeħtieġu sikurezza u kontinwità sabiex ikunu jistgħu jippjanaw; jenfasizza li d-diskussjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ dan il-finanzjament għandhom ikunu parti waħda mad-diskussjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-finanzjament taħt l-ewwel pilastru; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ prammatiku, bħala l-prinċipju fundamentali għar-ridistribuzzjoni tal-fondi tat-tieni pilastru; jagħraf il-ħtieġa ta’ distribuzzjoni ġusta tal-fondi tat-tieni pilastru bejn l-Istati Membri skont il-kriterji objettivi li għandhom jirriflettu d-diversità tal-bżonnijiet fiż-żoni Ewropej; jappoġġja pubblikament li dawn il-bidliet jinkisbu wara perjodu ta’ tranżizzjoni limitat b’mod parallet mal-bidliet magħmula fid-distribuzzjoni tal-fondi tal-ewwel pilastru;

87. Jesprimi ruħu favur regoli dwar il-kofinanzjament fl-iżvilupp rurali li jippermetti, fil-livell reġjonali u lokali, li jkun hemm kumplementarjetajiet bejn il-fondi pubbliċi u privati tas-sehem kofinanzjat nazzjonalment, u b’hekk jiġu msaħħa l-mezzi disponibbli biex jiġu segwiti l-objettivi ddefiniti mill-politika pubblika għaż-żoni rurali;

88. Jitlob għal semplifikazzjoni fil-livelli kollha tal-ippjanar u l-immaniġġjar tal-programmi fit-tieni pilastru bil-għan li tingħata spinta lill-effiċjenza; jitlob barra minn hekk għal sistemi semplifikati, effettivi u effiċjenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar tal-miżuri tal-kundizzjonalità; jemmen li l-kontrolli u l-immonitorjar għall-ewwel u t-tieni pilastru għandhom jiġu armonizzati u magħmula aktar koerenti, b’regoli u proċeduri simili, biex jitnaqqas il-piż ġenerali tal-kontrolli minn fuq il-bdiewa; jitlob għal operazzjoni aktar flessibbli tal-perjodu ta’ impenn ta’ ħames snin għall-miżuri agrikoli ambjentali;

89. Jitlob li l-kooperattivi jkunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/61/KE rigward in-noneleġibilità ta’ intrapriżi li jaqbżu l-limiti stabbiliti tal-SMEs għall-aċċess għall-finanzjament għall-iżvilupp rurali u, b’mod ġenerali, ħlasijiet ta' għajnuna ‘l fuq minn ċertu limitu;

90. Huwa tal-fehma li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom ikomplu jibbenefikaw minn trattament speċifiku taħt politika għall-iżvilupp rurali fil-ġejjieni, minħabba li d-diffikultajiet ġeografiċi li jaffaċċaw u l-għadd żgħir ta’ prodotti agrikoli li fuqhom tiddependi l-ekonomija rurali f’dawn iż-żoni jiġġustifika ż-żamma ta’ rata ta’ kofinanzjament Komunitarju sa 85% sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom;

91. Jilqa’ l-pass lejn livell ogħla ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE bejn il-programmi ta’ żvilupp rurali u l-politika ta’ koeżjoni b’mod partikolari, bl-għan li jiġu evitati duplikazzjoni, objettivi kontradittorji u sovrapposizzjonijiet; ifakkar, madankollu, li l-iskala tal-proġetti taħt il-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-programmi ta’ żvilupp rurali hija differenti u għalhekk huwa favur li l-fondi jibqgħu distinti u li l-programmi ta’ żvilupp rurali jżommu l-attenzjoni tagħhom fuq il-komunitajiet rurali u jiġu ppriservati bħala strumenti li huma politikament awtonomi;

92. Huwa tal-fehma li politika ta’ koeżjoni flimkien mal-PAK ġdid u b'saħħtu joħorġu l-potenzjal ekonomiku taż-żoni agrikoli u jiġġeneraw impjiegi sikuri, u dan jiggarantixxi l-iżvilupp sostenibbli ta' dawn iż-żoni;

93. Jenfasizza l-importanza tal-politiki intiżi li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi sabiex jiġu adottati prattiki li jipproteġu l-ambjent u jiżguraw is-sotenibbiltà tar-riżorsi naturali f’każijiet fejn l-attivitajiet tal-biedja, b’mod partikolari l-użu tal-ilma, għandhom implikazzjonijiet transkonfinali;

94. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (13.4.2011)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali".
(2011/2051(INI))

Rapporteur għal opinjoni: <Depute>Kriton Arsenis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

Premessa A. Billi 40% tal-gassijiet b'effett ta’ serra dinjin joħorġu mis-settur agrikolu; billi l-agrikoltura hija s-sors ewlieni tal-metan u l-ossidu nitruż, u dawn iż-żewġ gassijiet b'effett serra għandhom potenzjal ta' effett serra ħafna akbar mid-diossidu tal-karbonju; u billi t-tibdil fil-klima jaffettwa speċjalment in-nies fqar f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u jnaqqas l-opportunitajiet tal-biedja;

Premessa B. Billi r-residenti rurali f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jirrapreżentaw bejn 70% u 80% ta' dawk neqsin sew mill-ikel; u billi l-eliminazzjoni ta' faqar u ġuħ estremi tiddependi fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-bdiewa u l-ħaddiema agrikoli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; A d (ġdida).

Premessa C. Billi r-rapport tar-rapporteur speċjali tan-NUdwar id-dritt għall-ikel "Agroecolgy and the Right to Food" (L-approċċ ekoloġiku għall-agrikoltura u d-dritt għall-ikel) juri li l-approċċ ekoloġiku għall-agrikoltura jista' jirdoppja l-produzzjoni tal-ikel f'reġjuni sħaħ fi żmien għaxar snin filwaqt li jnaqqas it-tibdil fil-klima u jtaffi l-faqar rurali; jirrikonoxxi li l-produttività fit-tul u s-sikurezza tal-ikel, b'mod partikolari r-reżiljenza tas-sistemi agrikoli għat-taqlib fil-klima, jiddependu fuq l-attenzjoni xierqa għar-riżorsi naturali, b'mod partikolari l-ħamrija, l-użu tal-ilma u l-bijodiversità;

1. Jieħu nota tal-progress miksub fir-riforma tal-PAK, li jnaqqas l-impatti negattivi tagħha fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni u lill-FAO jvaraw evalwazzjoni dettaljata tal-PAK u l-impatt li għandha fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li l-PAK il-ġdida tinkludi l-prinċipju ta’ “tagħmel l-ebda ħsara” għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala objettiv ċentrali, skont l-objettiv tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp, kif hemm preskritt fl-Artikolu 208 tat-Trattat ta’ Lisbona, u toħloq mekkaniżmi xierqa li jiżguraw li l-prinċipju jkun sostnut; jinnota l-Artikolu 3 (5) tat-TUE li jistipola li l-UE għandha tikkontribwixxi għal kummerċ ħieles u ġust u għall-eradikazzjoni tal-faqar u jitlob li jkun hemm konsistenza bejn il-PAK u l-politiki tal-UE li jirrigwardaw il-kummerċ u l-iżvilupp;

2. Jistieden lill-UE tiżgura li jkun hemm konsistenza bejn il-PAK u l-politiki tagħha tal-iżvilupp u tal-kummerċ; b'mod partikolari jenfasizza l-bżonn għall-klawżoli ta' salvagwardja fil-ftehimiet kummerċjali u d-dritt għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jipproteġu s-swieq agrikoli tagħhom;

3. Ifakkar fl-impenn tal-UE, u tal-partijiet terzi membri tal-OECD - fil-qafas tan-negozjati tar-Rawnd ta’ Doha li jeliminaw kull sussidju għall-esportazzjoni; u li jiddiżakkoppjaw il-ħlasijiet diretti mill-produzzjoni ħalli tinħoloq sitwazzjoni b’kundizzjonijiet indaqs għal kulhadd bejn l-UE u l-prodotti agrikoli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jistimulaw il-kummerċ ġust u t-tkabbir sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta dawn l-isfidi, filwaqt li tiffinanzja skemi transizzjonali adegwati, bil-għan li jiġu evitati impatti negattivi fiż-żoni rurali Ewropej, u tippromwovi prattiki ta’ biedja organika u sostenibbli, li jkollhom livell baxx ta’ addittivi kimiċi (livell baxx ta’ mezzi ta’ produzzjoni esterni) u li l-prattiki ta’ kultivazzjoni tagħhom iqisu l-kundizzjonijiet naturali lokali; jistieden lill-UE tappoġġa t-talbiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u tipproteġi l-popolazzjoni tagħhom mill-effetti potenzjalment distruttivi tal-importazzjonijiet irħas; jitlob ukoll li jsiru investimenti fir-riċerka għall-metodi tal-biedja agroekoloġiċi u għall-provvediment ta' servizzi pubbliċi ħalli l-bdiewa ż-żgħar ikunu jistgħu jaqilbu għal produzzjoni organika sostenibbli,

4. jenfasizza li hemm bżonn aktar koerenza bejn il-PAK, il-politika tal-kummerċ u dik tal-iżvilupp, bil-għan li tiżgura l-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jirrimarka barra minn hekk li l-UE jeħtiġilha tikkoordina b’mod aktar effikaċi mal-organizzazzjonijiet mhux statali, inkluża l-FAO, man-Nazzjonijiet Uniti u ma' korpi internazzjonali oħra;

5. Iqis li l-PAK twettaq rwol importanti fir-rigward tal-politika tal-iżvilupp, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel; jinnota li l-PAK għandha kontribut x’tagħti biex iż-żieda fid-domanda dinjija għall-ikel tiġi ssodisfata;

6. Jinnota li fatturi bħalma huma l-faqar, is-saħħa, l-istabilità politika, l-infrastruttura u d-diżastri naturali jaffettwaw is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

     7. Jinnota li l-ikel mhuwiex biss merkanzija, u li l-aċċess għall-ikel huwa fundamentali għall-eżistenza tal-bniedem; jistieden lill-UE tuża l-politiki kummerċjali u ta' żvilupp tagħha biex tippromwovi prattiki tal- biedja sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi l-anqas żviluppati u fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fil-kuntest tal-fatt li d-domanda u l-prezzijiet tal-ikel qegħdinjiżdiedu;

8. Jinnota li l-ikel mhuwiex sempliċement merkanzija u li l-aċċess għall-ikel hu dritt universali tal-bniedem; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li sabiex tiggarantixxi s-sigurtà dinjija tal-ikel, l-Ewropa għandha, pjuttost milli żżid l-esportazzjonijiet agrikoli tagħha lejn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw billi tippermettilhom li jżidu u jiddivdersifikaw il-produzzjoni tagħhom stess sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-ikel tagħhom u sabiex tiġi ssodisfata d-domanda tas-swieq lokali tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex il-ftehimiet ekonomiċi, ta’ kummerċ ħieles, u ta' investiment konklużi mill-UE ma' pajjiżi terzi tgħaddihom minn valutazzjoni tal-impatt f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem, biex ma jiġrix li jkun hemm kontradizzjoni bejn l-valuri li l-Unjoni tiddefendi u l-politika barranija tagħha;

9. Jinnota bi tħassib li d-dipendenza tal-UE fuq l-għalf importat, b'mod partikolari s-sojja, ikkontribwixxiet għad-domanda li dejjem qed tiżdied għall-art f'pajjiżi barranin, li wassal għad-deforestazzjoni, għall-ispustament ta' komunitajiet u għal espansjoni tas-sojja ġenetikament modifikata fl-Amerika t'Isfel; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel it-tnaqqis tad-dipendenza mill-għalf importat, jiġifieri permezz tal-iżvilupp u l-espansjoni fl-UE tal-kultivazzjoni sostenibbli ta' għelejjel li fihom il-proteini, bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha;

     10. Hu tal-fehma li fil-kuntest tal-azzjoni biex tiġi ffaċjata l-ispekulazzjoni internazzjonali fil-prezzijiet tal-merkanzija agrikola, il-PAK il-ġdida għandha tistabbilixxi mekkaniżmi u regoli adegwati fil-qasam tad-derivattivi tal-merkanzija agrikola u ssaħħaħ it-trasparenza; jemmen li l-UE għandha tagħti eżempju billi fi ħdan it-territorju tagħha tistabbilixxi swieq lokali tal-irkant ta' prodotti agrikoli u sistemi ta' distribuzzjoni lokali, li jkabbru s-setgħa ta' negozjar tal-bdiewa b’azjendi żgħar fil-katina ta' provvista tal-ikel;

11. Jirrikonoxxi l-bżonn urġenti li tiġi żgurata s-sigurtà dinjija tal-ikel billi jiżdied l-investiment fl-agrikoltura fir-reġjuni fid-dinja fejn ma hemmx sigurtà tal-ikel; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp agrikolu għandu jkun ibbażat fuq id-dritt għall-ikel u d-dritt li l-bniedem jipproduċi l-ikel u li l-UE għandha tirrikonoxxi u tiddefendi n-neċessità li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jilħqu stat ta’ sigurtà tal-ikel;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tal-impatt dettaljat dwar in-negozjati kummerċjali kollha li għaddejjin bħalissa, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur, li ma għandux jaffetta b'mod ħażin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u jxekkel l-effikaċja tal-PAK lejn 2020.

13. Jirrikonoxxi li r-riformi tal-PAK naqqsu b'mod sinifikanti l-impatt tal-produzzjoni agrikola tal-UE fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw billi ġew eliminati kważi għalkollox ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni; jitlob li l-UE tirrikonoxxi kemm hu importanti li jiġu appoġġati s-setturi agrikoli tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, jiġifieri billi jiġi żgurat li l-agrikoltura tingħata prijorità fil-pajjiż li qegħdin jiżviluppaw u fil-baġit ta' għajnuna estera tal-UE għall-iżvilupp;

14. Jistieden lill-Unjoni Ewropea tiżgura l-konsistenza bejn il-PAK u l-politiki tagħha dwar l-iżvilupp u l-kummerċ, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet u t-tħassib tal-bdiewa fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.4.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Corina Creţu, Véronique De Keyser, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, András Gyürk, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Cristian Dan Preda, Judith Sargentini, Bart Staes, Patrizia Toia

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

James Nicholson, Edward Scicluna, Catherine Trautmann

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (13.4.2011)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar il-PAK fid-dawl tas-sena 2020 - Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali
(2011/2051(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Karin Kadenbach

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrimarka li r-riformi preċedenti tal-PAK (ir-riforma McSharry tal-1992, ir-riforma tal-"Aġenda 2000", ir-riforma tal-2003 u u l-"Kontroll tas-Saħħa" tal-2008) kienu kollha intiżi sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa Ewropej jilħqu l-ogħla standards fid-dinja fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali u l-benesseri tal-annimali u t-traċċabbiltà tal-prodotti tal-ikel; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-bdiewa mhumiex ikkompensati mis-suq għall-ispejjeż li jinvolvi l-ilħuq ta' dawn l-istandards;

2.  Jitlob sabiex il-PAK wara l-2013 jiżgura l-iffinanzjar relevanti, jipprovdi inċentivi u jfittex l-objettiv tas-sigurtà tal-ikel fuq tul ta’ żmien twil imfassla biex iħeġġu l-produzzjoni u l-konsum agrikoli sostenibbli, jiffrankaw l-enerġija, iħeġġu l-użu tal-input effiċjenti bħal ma huma t-tnaqqis tal-użu ta’ kimiċi li jagħmlu l-ħsara, aktar rispett tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali u l-użu tal-potenzjal tal-ekosistemi b'mod aktar effikaċi; jinnota li għandha tkun kapaċi tirrispondi għall-isfidi ambjentali, ta' saħħa u soċjali bħalma huwa t-tibdil fil-klima, l-eżawriment tar-riżorsi, it-tniġġis tal-ilma u l-erożjoni tal-ħamrijau u t-telf tal-bijodiversità (inkluża l-"bijodiversità agrikola"), mingħajr ma tiġi ssagrifikata l-vijabilità tal-irziezet;

3.  Jitlob li l-baġit agrikolu tal-UE għall-perjodu baġitarju li jmiss jiġi mmodernizzat b'konformità mal-miri tal-EU2020;

4.  Jilqa' l-aspett ċentrali tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni fuq it-twettiq ta' prodotti pubbliċi ambjentali permezz ta' PAK aktar ħadra u l-intenzjoni tagħha li tintegra mill-ġdid id-diversità fis-settur tal-biedja li tkun opportunità kruċjali sabiex il-PAK tkun aktar ħadra u aktar sostenibbli;

5.  Iqis neċessarju li jkun hemm bilanċ adegwat bejn il-bżonn għal aktar produttività li teħtieġ metodi ta' produzzjoni intensivi u l-bżonn ta' konservazzjoni u użu sostenibbli ta' riżorsi, li jqisu b'mod xieraq l-ambjent, is-saħħa pubblika u l-benesseri tal-annimali;

6.  Jemmen li l-metodi attwali ta' produzzjoni tal-annimali li huma intensivi ħafna mhumiex ħafna drabi sostenibbli u għandhom impatti negattivi fuq is-saħħa u l-benesseri tal-annimali li jistgħu wkoll jaffettwaw ħażin is-saħħa pubblika u s-sikurezza tal-ikel; għaldaqstant jitlob li l-PAK tippromwovi metodi ta' trobbija tal-bhejjem li jirrispettaw l-ambjent, kif ukoll is-saħħa tal-annimali u l-benesseri tal-annimali;

7.  Jirrimarka li peress li l-PAK għandha tkun kapaċi tindirizza għadd kbir ta' sfidi relatati mal-popolazzjoni, l-iżvilupp, il-bijodiversità, l-ambjent u l-iskarsezza tal-art, trid tinħoloq inizjattiva ta' politika ġdida, li tiffoka fuq il-ħolqien ta' politika tal-ikel Ewropea komuni;

8.  Jinnota li l-PAK għandha rwol kruċjali kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-pubbliku b’mod ġenerali - li huma kemm konsumaturi kif ukoll dawk li jħallsu t-taxxa - u kulħadd jibbenefika minn ikel sikur, sustanzjuż u bi prezz li jintlaħaq, ambjent b'saħħtu, stat ta’ saħħa tajjeb u prospetti ta' xogħol tajba, id-domanda għal prodotti ta' kwalità tajba qed tiżdied u l-prattiki li jiffavorixxu l-ambjent qed isiru aktar komuni;

9.  Jitlob sabiex l-iffinanzjar tal-PAK jiġi bbażat fuq mudell li jpatti għall-konformità bi standards li f’ħafna żoni huma fost l-ogħla fid-dinja u l-provvista ta' prodotti pubbliċi li ma jingħatawx mis-suq; Dan il-mudell għandu jinkludi ħlasijiet marbuta ma’ nuqqasijiet naturali, ħlasijiet ta’ postijiet ħodor, pagamenti għar-reġjuni vulnerabbli, inklużi reġjuni insulari u muntanjużi, bażi ta’ kundizzjonalità solida u simplifikata għal sistemi tal-biedja speċifiċi bħal ma huma l-biedja organika, il-biedja ta’ Valur Naturali Għoli, għal mergħat ġestiti b’mod estensiv, u għall-bdiewa b’rekwiżiti tal-immaniġġjar speċifiċi f’żoni ta’ Natura 2000;

10. Huwa favur approċċ territorjali fil-mekkaniżmu ta' distribuzzjoni tal-finanzjament li jieħu kont tal-firxa estensiva ta' postijiet sabiex tiġi promossa s-sostenibbiltà tal-azjendi agrikoli u taż-żoni kkonċernati;

11. Jitlob li meta jiġi allokat il-finanazjament tal-PAK, jintużaw indikaturi oħra, flimkien maż-żona kkoltivata, bħall-kwalità tal-produzzjoni, l-użu ta' tekniċi agrikoli ekoloġiċi, azjendi agrikoli li jinsabu f'żoni żvantaġġati u l-preżenza ta' żgħażagħ;

12. Jitlob għat-tisħiħ tal-kunċett ta’ ffinanzjar għaż-żewġ pilastri suġġett għat-twettiq ta’ numru ta’ kriterji ambjentali u ta’ bijodiversità, effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u objettivi relatati mas-saħħa pubblika, sabiex jiġi prodott ikel ta’ kwalità għolja permezz ta' prattiki sostenibbli; jinnota li l-unika garanzija ta’ suċċess tal-miżuri agri-ambjentali mmirati ġooda u eżistenti hi huma l-fondi suffiċjenti; jinnota li sabiex jitħaffef il-pass lejn il-biedja organika fuq skala kbira, iridu jinħolqu mekkaniżmi ta' finanzjament ġodda u jitlob għal miżuri sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi u tal-bdiewa f'katina tal-ikel li taħdem aħjar;

13. Iqis li l-finanzjament tal-PAK ma għandux jitnaqqas iżda, pjuttost jiġi aġġustat ħalli tiġi miżjuda l-produttività attwali taż-żoni kkultivati u ħalli jinkisbu l-objettivi tal-protezzjoni tal-ekosistema, il-bijodiversità, is-saħħa tal-konsumaturi u l-bdiewa u l-ksib ta' prodotti agrikoli ta' kwalità;

14. Jirrikonoxxi li l-ħlasijiet ta' sussidji li jippromwovu prattiki mhux sostenibbli jikkontradixxu l-objettivi ddikjarati tal-politika ambjentali tal-UE, u jitlob li s-sistema ta' ħlasijiet tiġi aġġustata sabiex jiġu evitati kontradizzjonijiet bħal dawn u jiġu promossi l-prattiki t-tajba;

15. Huwa favur li tingħata prijorità lill-appoġġ ta' metodi agrikoli li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew li jikkontribwixxu għall-assorbiment tal-karbonju fil-ħamrija;

16. Jenfasizza s-servizzi li l-bdiewa Ewropej jipprovdu lis-soċjetà Ewropea, b'mod partikolari billi jżommu pajsaġġ ikkoltivat varjat u billi jagħtu kontribut importanti għall-protezzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali u għall-protezzjoni tal-klima;

17. Jenfasizza li t-"tħaddir" tal-politika agrikola tal-UE ma huwa, fir-realtà, xejn ġdid għall-bdiewa, peress li kull riforma suċċessiva kienet intiża sabiex issaħħaħ dan l-aspett tal-PAK;

18. Jenfasizza li t-tħaddir addizzjonali li jirrispetta l-ekosistemi u d-diversifikazzjoni tal-prodott, il-ġestjoni tajba tal-ilma, l-użu mnaqqas ta’ fertilizzanti artifiċjali, prattiki tajba sabiex jiġu miġġielda l-erożjoni u d-degradazzjoni tal-ħamrija u sabiex tiżdied il-fertilità tal-ħamrija u miżuri għat-tisħiħ tal-bijodiversità se jkompli jkun ta’ benefiċċju għall-ambjent, filwaqt li jiġi żgurat futur sostenibbli għall-biedja tal-UE;

19. Jenfasizza li t-tħaddir addizzjonali għandu jkun ibbażat fuq approċċ favorevoli għal kulħadd li jġib miegħu benefiċċji kemm għall-ambjent kif ukoll għall-bdiewa u s-soċjetà fir-rigward tal-effiċjenza tar-riżorsi u taż-żieda fil-produttività; jenfasizza wkoll li huwa neċessarju li ssir enfasi fuq ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija l-ġdida;

20. Jirrimarka li l-prezzijiet tal-ikel imħallsa miċ-ċittadini Ewropej jistgħu jikkostitwixxu aktar minn 50% tad-dħul u bejn wieħed u ieħor 43 miljun ruħ fl-UE huma fil-periklu ta' faqar f’termini ta' ikel u n-nutrizzjoni ħażina hija waħda mill-fatturi l-aktar dannużi għas-saħħa flimkien mal-istatus soċjoekonomiku aktar baxx, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

21. Jilqa’ l-għażla strateġika tal-Kummissjoni, li se tindirizza l-isfidi ekonomiċi, amjentali u soċjali tal-UE u ssaħħaħ il-kontribut taż-żoni agrikoli u rurali għall-objettiv Ewropew 2020 ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

22. Jemmen li l-PAK għandha tappoġġa l-passaġġ minn produzzjoni intensiva a' trobbija tal-bhejjem għal prattiki tat-trobbija tal-bhejjem aktar sostenibbli; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-premjums għall-bdiewa li jrabbu l-bhejjem li jużaw sistemi ta' rigħi estensivi u li jipproduċu l-ikel tagħhom stess;

23. Jirrimarka li s-settur agrikolu huwa biss wieħed mis-setturi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku taż-żoni rurali; jitlob, għalhekk, li l-fondi agrikoli jintużaw b’mod usa’ sabiex jiġi miġġieled il-faqar taż-żoni rurali; jirrimarka li n-natura tista’ wkoll tagħti spinta lill-iżvilupp ekonomiku, pereżempju billi tattira t-turiżmu;

24. Jitlob li l-finanzjament għall-iżvilupp rurali jiffoka fuq sfidi ġodda, innovazzjoni agro-ekoloġika, żvilupp soċjali u ekonomiku inkluż titjib fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura f'reġjuni rurali, speċjalment f'żoni aktar dgħajfa jew f'żoni żvantaġġati (LFA); dan għandu jinkludi appoġġ għal sistemi ta' ikel reġjonali jew lokali bħala strateġija għal tkabbir inklużiv u għajnuna għall-komunitajiet li jipprattikaw biedja ta' sussistenza, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-kontribut tagħha għall-komunitajiet lokali;

25. Iqis li l-miżuri ta’ żvilupp rurali għandhom jikkumplementaw il-prattiki agrikoli t-tajba appoġġati taħt l-ewwel pilastru u jippromwovu prattiki li jikkontribwixxu b’mod kostanti għall-objettivi tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ġestjoni t-tajba tar-riżorsi naturali, bħall-protezzjoni tal-bijodiversità, l-ilma u l-ħamrija;

26. Jenfasizza l-importanza tat-tieni pilastru, fid-dawl tar-riżultati ta’ titjib fil-qasam tal-ambjent, il-moderizzazzjoni u l-istruttura; jitlob sabiex il-miżuri tat-tieni pilastru jkunu aktar adattati għall-objettivi tagħhom, sabiex l-effikaċja ta’ miżuri ta’ tkabbir, impjiegi u klima u miżuri għall-benefiċċju ta’ żoni rurali tista’ tiżdied;

27. Jiddeplora l-fatt li l-miri ta’ bijodiversità tal-UE għadhom ma ntlaħqux u jistenna li l-PAK tikkontribwixxi għall-isforzi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u l-miri ta’ Nagoya għall-bijodiversità;

28. Jitlob li l-PAK il-ġdida tippromwovi l-konservazzjoni tad-diversità ġenetika, tikkonforma mad-Direttiva 98/58/KE dwar il-Benesseri tal-Annimali, u żżomm lura milli tiffinanzja l-produzzjoni tal-ikel minn annimali kklownjati, il-frieħ tagħhom jew id-dixxendenti tagħhom;

29. Jenfasizza l-importanza li jiġu eżaminati l-opportunitajiet kollha possibbli għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, bl-involviment tal-partijiet interessati kollha, sabiex tiġi protetta l-ħamrija;

30. Jenfasizza li hemm bżonn kbir ta’ innovazzjoni u li l-investiment irid ikun dirett lejn it-tkabbir tal-prestazzjoni ekonomika u ambjentali; jitlob għal aktar proġetti ffinanzjati u kkoordinati mill-UE li permezz tagħhom il-bdiewa u r-riċerkaturi jistgħu jaħdmu flimkien biex isibu metodi innovattivi fil-katina sħiħa tal-ikel li jiżguraw settur agrikolu kompetittiv u, fl-istess waqt, sostenibbli;

31. Jenfasizza l-importanza tal-politiki intiżi li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi sabiex jiġu adottati prattiki li jipproteġu l-ambjent u jiżguraw is-sotenibbiltà tar-riżorsi naturali f’każijiet fejn l-attivitajiet tal-biedja, b’mod partikolari l-użu tal-ilma, għandhom implikazzjonijiet transkonfinali;

32. Iqis possibbli li jittaffa l-impatt klimatiku tal-agrikoltura permezz ta’ titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-bdiewa sabiex jagħmlu użu aħjar mill-innovazzjonijiet li joħorġu mir-riċerka u l-iżvilupp; iħeġġeġ li l-bdiewa jkunu preparati sew li jiffaċċjaw l-isfidi tal-enerġiji permezz tal-iżvilupp ta’ enerġiji ħodor bħall-bijomassa, il-bijoskart, il-bijogass u l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġija tar-riħ, solari u idroelettrika fuq skala żgħira, u b’hekk jinħolqu impiegi ġodda;

33. Jenfasizza l-importanza ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll sabiex jiġi żgurat li l-prodotti mhumiex ta’ periklu għas-saħħa tan-nies, li jippermettu li jiġu vverifikati t-traċċabbiltà u s-sikurezza u li jippermettu li jiġi vverifikat li l-prodotti projbiti fl-UE mhumiex użati, u dawn l-istess rekwiżiti japplikaw kemm għall-prodotti Komunitarji kif ukoll għall-prodotti importati minn pajjiżi terzi;

34. Iqis li skema ta’ appoġġ sempliċi u speċifika għall-azjendi agrikoli ż-żgħar għandha tissostitwixxi s-sistema attwali sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tagħhom u jiġi rikonoxxut il-kontribut tagħhom għall-vitalità taż-żoni rurali, u għall-protezzjoni tal-ambjent;

35. Jixtieq jenfasizza r-rwol speċjali tal-biedja organika, li l-istudji wrew li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-protezzjoni tal-klima meta mqabbla ma’ metodi ta’ biedja konvenzjonali, u jitlob li l-biedja organika tokkupa post ċentrali fil-PAK fl-2020;

36. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi kunsiderazzjonijiet ta’ effiċjenza ta’ riżorsi fil-PAK permezz ta’ appoġġ għall-ipproċessar mill-ġdid ta’ skart agrikolu organiku għall-fertilizzazzjoni tal-ħamrija, kif ukoll għall-prevenzjoni tat-tixrid ta’ skart agrikolu tal-plastik;

37. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ aktar is-sistema ta’ konsultazzjoni attwali sabiex tgħin lill-bdiewa bl-implimentazzjoni tal-miżuri tat-tħaddir u bit-taħriġ ta’ prattiki agro-ekoloġiċi;

38. Jenfasizza l-importanza ta’ programmi li jipprovdu taħriġ għall-bdiewa biex jużaw metodi ta’ biedja aktar sostenibbli mill-aspett ambjentali, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiżgura li programmi bħal dawn ikunu ffinanzjati mit-tieni pilastru tal-PAK il-ġdida;

39. Jasserixxi li l-introduzzjoni tal-kundizzjonalità fil-PAK fir-riformi preċedenti hija għodda utli sabiex tinkiseb is-sostenibbiltà, u li l-ħlasijiet tal-PAK ma jistgħux ikunu ġġustifikati mingħajrha, minħabba d-domanda tas-soċjetà għal ikel, biedja u ambjent li huma ta’ ġid għas-saħħa, iżda jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-effikaċja ekoloġika tal-kundizzjonalità, sabiex din issir bażi għas-sostenibbiltà;

40. Jinsab konvint li r-riforma tal-PAK għandha tiżgura regolamentazzjoni aktar effikaċi tal-iskarigi ta’ nutrijenti fil-korpi tal-ilmijiet u tippermetti r-rijabilitazzjoni tal-ekosistemi marittimi u kostali. iqis, għalhekk, li tnaqqis fit-tniġġis tal-ilma minn sorsi agrikoli għandu jkun wieħed mill-objettivi tal-PAK, sabiex ix-xmajjar, il-lagi, l-ibħra u l-ilma ta’ taħt l-art fl-Ewropa jinżammu ndaf;

41. Iqis li l-PAK għandha tgħaddi minn valutazzjoni ambjentali ġenerali, li permezz tagħha jistgħu jkunu determinati l-kwistjonijiet prinċipali li għandhom jinbidlu sabiex jiġu protetti l-ilmijiet, inkluż ir-rwol tal-fosforu eċċessiv li jirriżulta fl-ewtrofikazzjoni u jżid is-suxxettibbiltà miżjuda għall-ewtrofikazzjoni fl-ekosistemi akwatiċi bħall-Baltiku;

42. Huwa favur l-implimentazzjoni effikaċi tal-pjanijiet ta’ azzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD), sabiex ikun hemm ġestjoni effikaċi tal-ilma u protezzjoni tal-baċini fejn jinġabar l-ilma fil-livelli lokali, territorjali u reġjonali; iqis li jkun siewi li d-WFD tiġi integrata fil-kundizzjonalità, u jinnota li dan huwa konsistenti mal-approċċ territorjali għall-iżvilupp rurali promoss fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.4.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

59

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Paolo Bartolozzi, Sergio Berlato, Milan Cabrnoch, Martin Callanan, Nessa Childers, Chris Davies, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Holger Krahmer, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Daciana Octavia Sârbu, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Tadeusz Cymański, Matthias Groote, Riikka Manner, Miroslav Mikolášik, Bart Staes, Marianne Thyssen, Michail Tremopoulos, Anna Záborská

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ashley Fox

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (14.4.2011)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali
(2011/2051(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jens Rohde

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.     Jikkunsidra ż-żieda globali fid-domanda għall-ikel u l-pressjoni fuq il-prezzijiet, il-varjazzjonijiet u l-volatilità fis-swieq ta' bħalissa u jsaqsi għal miżuri antiċikliċi xierqa bħala reazzjoni għall-varjazzjonijiet qawwijin fis-swieq; għaldaqstant jinnota li l-Ewropa teħtieġ settur agrikolu aktar b'saħħtu, aktar ekoloġiku u aktar kompetittiv sabiex tiżgura l-provvista fit-tul ta' ikel bla periklu u ta' kwalità għolja bi prezzijiet aċċessibbli għall-konsumaturi Ewropej kollha u sabiex jiġu sodisfatti l-isfidi tal-ġejjieni biex jinħolqu impjiegi u tkabbir ekonomiku sostenibbli u jiġu żgurati l-ambjent u l-klima waqt li tiġi sodisfatta d-domanda dinjija akbar għall-ikel;

2.     Jenfasizza li s-settur tal-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd jikkontribwixxi 355 biljun euro għall-ekonomija u jirrappreżenta 8.6 fil-mija tal-impjiegi totali tal-UE peress li s-settur ma jipprovdix biss ikel, imma jiżvolġi wkoll rwol importanti bħala sors ta' materja prima mhux minerali meħtieġa għall-funzjonament ta' ħafna industriji; jinnota li din hi l-ewwel riforma tal-PAK f'UE b'27 Stati Membri u li hu importanti, sabiex titħeġġeġ it-tkomplija tal-agrikoltura fid-diversi pajjiżi u territorji Ewropej, waqt li jiġi evitat kull tentattiv li terġa' tiġi nnazzjonalizzata dik li hi politika komuni; jisħaq fuq il-fatt li l-PAK il-ġdida trid toħloq distribuzzjoni ġusta u bbilanċjata fost l-Istati Membri;

3.     Jitlob PAK li tkun koerenti u tappoġġa l-għanijiet ta’ politiki oħra tal-UE, speċjalment dawk dwar il-forestrija u l-agrikoltura, iżda anke politiki dwar l-enerġija rinnovabbli u ħadra, il-bijodiversità, l-industrija, ir-riċerka u l-istrateġija Ewropa 2020; jemmen li l-miri għall-użu tal-enerġija sostenibbli għandhom jiġu inklużi fil-PAK;

4.     Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi stabbilit livell xieraq ta' ffinanzjar proporzjonat mal-objettivi l-ġodda tal-PAK, jew li tal-inqas jinżammu l-approprjazzjonijiet baġitarji attwali għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

5.     Jirrikonoxxi r-rwol li jiżvolġi s-settur agrikolu biex jipprovdi beni pubbliċi ambjentali; barra minn hekk, jemmen li l-agrikoltura għandha potenzjal sinifikattiv u mhux sfruttat fis-setturi tal-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza tal-enerġija, kif ukoll biex tipprovdi enerġija li tiġġedded; għalhekk, jinnota li r-riforma tal-PAK għandha tkun iddirezzjonata biex tiżblokka l-potenzjal sħiħ tal-agrikoltura biex tipprovdi beni pubbliċi ambjentali u enerġija li tiġġedded; jisħaq fuq il-fatt li r-rwol tas-settur agrikolu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-CO2 permezz tal-produzzjoni ta' bijofjuwils tal-ġenerazzjoni li jmiss li ma jikkompetux mal-produzzjoni tal-ikel u permezz tal-assorbiment tad-CO2 mill-uċuħ/il-pjanti jew direttament mill-ħamrija;

6.     Jinnota f'dan ir-rigward li l-bijoteknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss hi lesta issa u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa politika transsettorjali dwar il-bijomassa għall-bijoteknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss, inklużi kriterji dwar is-sostenibilità għall-bijomassa, bħala parti mir-riforma tal-PAK sabiex tippermetti l-iżvilupp ta' suq sostenibbli għall-bijomassa mill-agrikoltura, l-impriżi agroindustrijali u l-forestrija billi tinċentivizza l-ġbir tar-residwi disponibbli għall-produzzjoni tal-bijoenerġija, waqt li tipprevjeni żieda fl-emissjonijiet u telf tal-bijodiversità;

7.     Jemmen li kemm l-ewwel u kemm it-tieni pilastru għandhom jikkontribwixxu biex jinkisbu modi ta' produzzjoni aktar ekoloġiċi peress li għandhom ambitu u objettiv differenti; għalhekk, taħt it-tieni pilastru, hemm bżonn li jinħolqu mekkaniżmi li jqanqlu t-tkabbir tal-effiċjenza tal-enerġija (pereżempju, il-modernizzazzjoni termali tal-bini, is-sostituzzjoni ta' tagħmir b'ieħor li jagħmel użu anqas intensiv mill-enerġija, l-irkupru tas-sħana jew l-użu tal-enerġija solari), kif ukoll l-isforzi li ma jistgħux jitwettqu mill-bidwi individwali u li jippermettu li l-bdiewa jinvolvu ruħhom fi produzzjoni tal-enerġija aktar effikaċi u aktar ekoloġika u metodi ta' produzzjoni aktar sostenibbli u jissodisfaw l-isfidi ta' għada: kompetittività, adattament għas-swieq, ħolqien tal-valur, preżervazzjoni tar-riżorsi naturali, adattament għat-tibdil fil-klima, eċċ.; jistieden lill-Kummissjoni tħejji pjattaforma għar-riċerka industrijali fi ħdan it-tmien programm qafas u tippermetti aktar parteċipazzjoni mill-industrija agrikola fil-programmi qafas dwar ir-riċerka li tkun tinkludi r-riċerka u l-innovazzjoni ta' tekniki u metodi ġodda, bħall-iżvilupp ta' wċuħ tar-raba' intelliġenti u produttivi ħafna, metodi ta' tnaqqigħ sostenibbli u separazzjoni effiċjenti tad-demel;

8.     Jisħaq fuq il-fatt li taħt it-tieni pilastru, il-politika dwar l-iżvilupp rurali għandha ssaħħaħ il-miżuri għall-bdiewa żgħażagħ, il-modernizzazzjoni u r-ristrutturazzjoni tal-farms, il-bdiewa fi nħawi b'limiti naturali speċjali u żvantaġġi ġeografiċi u l-bdiewa li jagħżlu agrikoltura aktar sostenibbli u biedja organika sabiex jinħolqu distretti rurali u distretti ta' produzzjoni agroalimentari ta' kwalità;

9.     Jisħaq fuq il-fatt li l-politiki Ewropej razzjonali bħal diesel orħos għall-użu agrikolu, eżenzjonijiet mit-taxxa tas-sisa għall-enerġija u l-fjuwil prodotti għal skopijiet agrikoli, b'mod partikulari għall-pompi għat-tisqija li jaħdmu bl-elettriku, jistgħu jgħinu lill-bdiewa Ewropej jipproduċu aktar u jfornu s-swieq domestiċi kif ukoll dawk ta' esportazzjoni fil-prodotti agrikoli;

10.   Jissuġġerixxi l-komponent ekoloġiku għandu jitfassal b'mod li l-bdiewa jkunu intitolati għal appoġġ addizzjonali jekk jipprovdu beni pubbliċi ambjentali li jikkostitwixxu valur miżjud għall-UE u li jkunu rilevanti fl-Istati Membri kollha imma li għalihom mhumiex ippremjati mis-suq bħal kopertura veġetali, ir-rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba' u l-istabbiliment ta' żoni fejn ma' jintużax bexx; jenfasizza l-ħtieġa tal-komponent ekoloġiku biex jipprovdi l-flessibilità u l-għażla għall-bidwi biex jiġi żgurat l-iskop tiegħu bħala opportunità kummerċjali u għodda ta' inċentiv;

11.   Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-komponent ekoloġiku għandha tkun mandatorja għall-Istati Membri; jekk il-komponent ekoloġiku jsir parti mill-ewwel pilastru, u għaldaqstant parti mill-pagamenti diretti li jikkostitwixxu 25% sa 30% tiegħu, ikun skema ta' inċentivizzazzjoni għall-UE kollha, immarata lejn it-tisħiħ tas-sostenibilità billi tipprovdi lill-bdiewa b'inċentiv ekonomiku ta' vera għal metodi ta' produzzjoni aktar ekoloġiċi u tikkumpensahom għall-ispejjeż ta' produzzjoni ogħla relatait ma' dan;

12.   Jisħaq fuq il-fatt, barra minn hekk, li r-riforma tal-PAK u, f'dan ir-rigward, il-komponent ekoloġiku ma jridux iwasslu għal aktar burokrazija għall-bdiewa Ewropej; hemm bżonn ta' sistema sempliċi u loġika, u għalhekk il-kontroll tal-ilħuq tal-komponent ekoloġiku għandu jiġi inkluż fil-mekkaniżmi eżistenti għall-kontroll tal-kundizzjonalità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkorpora s-semplifikazzjoni mill-bidu nett, meta tippreżenta l-proposti leġiżlattivi;

13.   Jisħaq fuq il-fatt li l-komponent ekoloġiku irid iqis il-ħtiġijiet, l-isfidi u l-punti ta' tluq differenti tal-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-bdiewa kollha jkollhom l-istess opportunitajiet li jirċievu l-komponent ekoloġiku; għalhekk għandu jkun permess li jitqiesu l-elementi ekoloġiċi diġà mibdija;

14.   Jenfasizza li l-inizjattivi ambjentali fl-ewwel pilastru għandhom ikunu ta' natura Ewropea, u jikkumplementaw il-miżuri ambjentali fit-tieni pilastru, li jiffokaw fuq il-prijoritajiet u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; jemmen li l-komponent ekoloġiku jrid ikun parti mill-pagamenti diretti fl-ewwel pilastru biex il-forniment ta' beni pubbliċi ambjentali jintrabat mal-pagamenti diretti b'mod sempliċi u trasparenti li jiġi implimentat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha u biex jiġi żgurat li jinċentivizza l-impenji ambjentali tal-bdiewa sabiex is-settur agrikolu jikkonforma mal-istandards għoljin tal-UE fl-oqsma tal-ambjent u tal-enerġija; jisħaq fuq il-fatt li l-element ekoloġiku fl-ewwel pilastru m'għandux irażżan il-funzjonament tal-istrumenti agrikoli-ambjentali eżistenti fit-tieni pilastru;

15.   Jisħaq fuq l-importanza ta' sistemi innovattivi għat-tisqija sabiex tiġi żgurata s-sostenibilità tal-agrikoltura Ewropea, minħabba l-effetti devastanti tat-tibdil fil-klima bħan-nixfa, l-imwieġ ta' sħana u d-deżertifikazzjoni tal-art agrikola intenzjonata biex tipprovdi l-ikel lill-popolazzjoni;

16.   Jisħaq fuq il-fatt li l-PAK m'għandhiex tiddiskrimina bejn is-sessi u li ż-żewġ konjuġi għandhom jingħataw l-istess drittijiet meta jkunu qed jaħdmu fl-attività kummerċjali; jenfasizza l-fatt li madwar 42% tas-26.7 miljun persuna li jaħdmu regolarment fl-agrikoltura fl-Unjoni Ewropea huma nisa, imma li attività kummerċjali waħda biss minn kull ħamsa (madwar 29%) hi mmanniġġjata minn mara;

17.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati sistemi effiċjenti għat-tisqija sabiex jiġu żgurati metodi agrikoli effiċjenti fl-Istati Membri li jkunu kapaċi jkopru d-domanda domestika għall-ikel u jfornu lis-suq tal-esportazzjoni fil-prodotti agrikoli, waqt li jitqies li fil-ġejjieni se jkun hemm nuqqas ta' ilma, u b'mod partikulari, ta' ilma għax-xorb;

18.   Jixtieq li jiġi introdott limitu massimu għall-għajnuna, skont l-erja użata għall-attività kummerċjali, fl-interessi tal-effiċjenza soċjali u sabiex jiġu evitati skemi ta' kontroazzjoni li jgħinu fit-teħid tal-kontroll tal-farms u l-bidu ta' attivitajiet ġodda minn bdiewa ġodda;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.4.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Ioan Enciu, Adam Gierek, Robert Goebbels, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan Cizelj, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Niki Tzavela, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian, António Fernando Correia De Campos, Francesco De Angelis, Ilda Figueiredo, Matthias Groote, Andrzej Grzyb, Satu Hassi, Yannick Jadot, Silvana Koch-Mehrin, Bernd Lange, Werner Langen, Mario Pirillo, Algirdas Saudargas, Catherine Trautmann

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (13.4.2011)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali
(2011/2051(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Czesław Adam Siekierski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Huwa tal-fehma li bħala riżultat tat-tħassib dejjem jikber dwar is-sikurezza tal-ikel fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja, il-globalizzazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, l-Ewropa u r-reġjuni tagħha jeħtieġu PAK ġdid u b'saħħtu li jagħti spinta lill-iżvilupp ibbilanċjat u sostenibbli u jtejjeb il-kompetittività fis-suq internazzjonali, ikun iktar orjentat lejn is-suq iżda jipproteġi wkoll il-biedja u l-klima fir-reġjuni kollha tal-UE u jipprovdi lill-bdiewa bi dħul deċenti u jiżgura wkoll prodotti ta’ kwalità u prezzijiet ġusti għall-konsumaturi madwar l-Unjoni Ewropea; iqis li l-politika għandha tikkunsidra l-beni pubbliċi, il-bijodiversità, il-konservazzjoni tal-ħamrija, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u tal-ilma b’użu effiċjenti tar-riżorsi, u l-iżvilupp sostenibbli, ibbażati fuq l-edukazzjoni, l-għarfien u l-innovazzjoni; huwa favur PAK aktar sostenibbli, ibbilanċjata, sempliċi u effiċjenti li tkun iżjed kapaċi tissodisfa l-ħtiġijiet u tilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE u li tiżgura koordinazzjoni u koerenza akbar bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-politika agrikola komuni, b’mod partikolari permezz ta' qafas strateġiku komuni għall-fondi tal-Unjoni Ewropea;

2.   Jinnota li s-simplifikazzjoni għandha tkun element ewlieni tar-riforma tal-PAK, iżda dan m'għandux jikkomprometti l-effettività tal-azzjoni; jemmen li dan jagħmilha aktar faċli biex il-bdiewa u l-pubbliku ġenerali jifhmu l-PAK; huwa tal-fehma li r-rwol taż-żewġ pilastri għandu jiġi kkjarifikat;

3.   Iqis li huwa importanti li jiġi ddikjarat li miżuri dwar l-iżvilupp rurali għandhom jinftiehmu b’mod komprensiv aktar milli mill-aspett settorali tagħhom, billi jkopru titjib ekonomiku, soċjali u infrastrutturali taż-żoni agrikoli;

4.   Huwa tal-fehma li l-appoġġ mill-PAK u l-applikazzjoni tal-politika għar-reġjuni żvantaġġjati għandhom ikomplu jiġu bbilanċjati għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawk it-territorji, kif rikonoxxut mit-Trattati u stabbilit fermament fir-regolamenti attwali tal-Komunità;

5.   Huwa tal-fehma li politika ta’ koeżjoni flimkien mal-PAK ġdid u b'saħħtu joħorġu l-potenzjal ekonomiku taż-żoni agrikoli u jiġġeneraw impjiegi sikuri, u dan jiggarantixxi l-iżvilupp sostenibbli ta' dawn iż-żoni;

6.   Jenfasizza li, fid-dawl tal-isfidi l-ġodda li jiffaċċja l-PAK u n-neċessità li jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u jiġu implimentati l-arranġamenti miftiehma fin-negozjati għall-adeżjoni mal-Istati Membri l-ġodda, fil-qafas finanzjarju multiannwali, il-baġit tal-UE għall-PAK għandu jinżamm f’livell li jiżgura li dawn il-kompiti jiġu rispettati;

7.   Huwa tal-fehma li l-għoti ta’ fondi għall-iżvilupp taż-żoni agrikoli għandu jiġi kkoordinat aħjar mal-politika reġjonali; jitlob għal strateġija integrata għas-servizzi, is-swieq u l-possibilitajiet ta' impjieg lokali; jitlob, f'dan il-kuntest, l-involviment ta’ atturi lokali, biex is-sħubiji jkunu segwiti b’aktar intensità u biex il-governanza f'diversi livelli tiġi msaħħa; huwa konvint li dan iservi wkoll biex jissimplifika u jnaqqas il-piż amministrattiv;

8.   Iqis li huwa essenzjali, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-produzzjoni, tas-setturi tal-produzzjoni u tat-territorji l-iktar milquta minn żvantaġġi strutturali u/jew mill-iżvilupp tas-suq u tal-politiki, li jitħalla ċertu grad ta’ flessibiltà fl-applikazzjoni ta' ħlasijiet diretti mill-Istati Membri;

9.   Huwa tal-fehma li anki wara l-2013 il-politika agrikola komuni u l-politika ta’ koeżjoni għandhom jibqgħu politiki ewlenin tal-UE, inkluż f’termini baġitarji;

10. Jinnota li l-awtoritajiet muniċipali b’poteri reali fil-livell lokali jew ’il fuq mil-livell lokali jipprovdu garanzija ta’ parteċipazzjoni b'suċċess tas-soċjetà ċivili lokali, b’konformità mal-approċċ Leader; jinnota li, fl-Istati Membri kollha tal-UE, l-awtoritajiet lokali huwa l-ewwel livell statali li ċ-ċittadini jiġu f’kuntatt miegħu u b'hekk jitlob miżuri fil-qafas tal-iżvilupp rurali li jipprovdu għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-muniċipalitajiet urbani u rurali, u sabiex l-entitajiet reġjonali relevanti jsawru attivament l-iżvilupp fil-livell lokali u ’l fuq minnu;

11. Iqis li l-iskema ta’ ħlasijiet diretti għandha tinżamm sabiex tkompli tiżgura, fil-kuntest tal-volatilità tal-prezzijiet, il-kompetittività reġjonali u, fir-rigward ta’ żoni li jsofru minn żvantaġġi serji u permanenti, partikolarment il-vijabilità ta' żoni agrikoli b'popolazzjoni skarsa, l-istabilità ekonomika, l-appoġġ għall-impjiegi, id-dħul deċenti u ekwu għall-farms u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tal-farms tal-UE, kif ukoll is-sikurezza tal-ikel u tal-ambjent fl-UE, u kif ukoll il-kapaċità ta’ reazzjoni għall-isfidi tat-tibdil fil-klima, u b’hekk jiġi żgurat li politiki u strateġiji oħra, inkluża l-istrateġija Ewropa 2020, ikunu jistgħu jiġu implimentati b’mod xieraq; iqis, f'dan il-kuntest, li għandhom jitfasslu kriterji oġġettivi, trasparenti u simplifikati, biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-Istati Membri u l-bdiewa fir-rigward ta’ livell xieraq, armonizzat u bbilanċjat ta’ appoġġ dirett fil-qafas ta' skema ta’ ħlasijiet diretti madwar l-UE, filwaqt li nersqu 'l bogħod mill-benchmarks storiċi u li ġew użati sal-lum għall-allokazzjoni ta' fondi u fl-istess ħin tkun adattata b’mod raġonevoli għall-ħtiġijiet tal-bdiewa; jiffavorixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwità u flessibilità fl-istrumenti ta’ implimentazzjoni, u anki fir-rigward tat-tipi differenti ta' farms u l-karatteristiċi taż-żoni f’kull Stat Membru jew f'kull reġjun fejn jinsabu l-farms;

12. Jemmen li huwa estremament importanti li distorzjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq uniku kkawżati mill-ħlasijiet diretti jinżammu baxxi kemm jista' jkun, mhux sempliċement permezz ta' diżakkoppjament tal-ħlasijiet diretti mill-volumi ta’ produzzjoni kemm, jista’ jkun, iżda wkoll permezz ta' approssimazzjoni tar-rati tal-ħlas bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri individwali tal-UE, u speċjalment bejn oqsma b’tipi ta’ produzzjoni simili jew identiċi;

13. Huwa tal-fehma li l-PAK, biex jissodisfa l-karattru speċjali inkonnessjoni mas-sodisfazzjon tal-bżonnijiet bażiċi, għandu jikkunsidra miżuri li jirregolaw is-suq u mekkaniżmu biex jaffronta r-riskji u l-kriżijiet, inkluża l-assigurazzjoni, sabiex jiġi ffurmat netwerk ta' sikurezza għall-produtturi agrikoli u għall-konsumaturi; iqis, barra minn hekk, li għandha tiġi żgurata wkoll ekwità ikbar fid-distribuzzjoni tal-valur matul il-katina tal-ikel, kif ukoll trattament ugwali qalb il-produtturi Ewropej u dawk mhux Ewropej fir-rigward tar-rekwiżiti imposti fuq prodotti agrikoli li huma intiżi għall-konsum fl-UE;

14. Jikkunsidra li hu neċessarju, minħabba l-proporzjon dejjem jiżdied ta' nisa fl-agrikoltura – bi stima li 2 minn kull 10 farms jitmexxew minn nisa – u minħabba l-fatt li l-farms inevitabbilment għandhom diversi skopijiet (l-għan prinċipali tagħhom huwa l-produzzjoni tal-ikel iżda huma involuti wkoll fil-konservazzjoni tal-art, il-provvista ta' servizzi u taħriġ), li jiġu indirizzati l-faċilitajiet ta’ self, supplimenti għad-dħul u benesseri fir-rigward tal-farms (care frams, farm crèches);

15. Jilqa’ l-livell ta’ attenzjoni li ngħata lil reġjuni u oqsma speċifiċi, fejn il-bilanċ soċjali u ambjentali huwa minsuġ sewwa mal-kultivazzjoni; jemmen li huwa neċessarju, għalhekk, li jinżammu u jissaħħu l-istrumenti maħsuba għal dawn ir-reġjuni;

16. Iqis li l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibiltà li jnaqqsu l-ħlasijiet diretti b’konformità mad-daqs tal-azjendi agrikoli jew il-livell ta’ ħlasijiet li tirċievi azjenda agrikola partikolari, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-benefiċċji li jirriżultaw mill-iskala tal-produzzjoni;

17. Jenfasizza l-ħtieġa li ssir evalwazzjoni ġdida tad-deċiżjoni sabiex titneħħa s-sistema tal-kwoti tal-ħalib f'Marzu 2015, meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni konkreta tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib;

18. Jenfasizza li, speċjalment fil-każ tal-ikel, prodotti li huma suġġetti għan-negozju bejn l-UE u terzi pajjiżi, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti u l-istandards tal-kwalità Ewropea; jinnota li n-natura speċifika tal-agrikoltura, jiġifieri li l-produzzjoni tiddependi mill-kundizzjonijiet klimatiċi, iżda wkoll avvenimenti reċenti fis-swieq finanzjarji, juru b'mod ċar in-neċessità li s-swieq agrarji għandhom jiġu sorveljati aħjar, fejn, sabiex tiġi żgurata l-istabilità tagħhom, għandu jkun hemm il-possibilità ta' intervent fi snin ta’ produzzjoni żejda, partikolarment fis-suq taċ-ċereali, li fost l-oħrajn jinfluwenza s-swieq tal-laħam tal-majjal u tat-tjur;

19. Iqis li l-PAK għandu jieħu kont akbar tal-potenzjal, tal-problemi u tal-bżonnijiet ta' azjendi agrikoli żgħar ġestiti minn familji kif ukoll ta' azjendi agrikoli b’karatteristiċi u kostrizzjonijiet partikolari, speċjalment dawk fl-ibgħad reġjuni; huwa tal-fehma li għandha tinħoloq skema simplifikata speċjali għall-bdiewa żgħar u jenfasizza l-ħtieġa li d-dħul ta' tali azjendi jiġi ddiversifikat u li jiġu żviluppati ħiliet imprenditorjali u li jinħolqu impjiegi ġodda fiż-żoni rurali; dan biex tiġi kkontrollata d-depopolazzjoni taż-żoni rurali u jogħla l-livell ta’ għajxien f’dawn iż-żoni;

20. Jinnota l-isfidi demografiċi li huma partikolarment akuti fiż-żoni rurali; f'dan il-kuntest jikkunsidra li huwa importanti li t-tibdil demografiku jiġi mmaniġġjat u li ż-żoni rurali jkunu magħmula aktar attraenti għaż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi u infrastrutturi innovattivi, sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali effettiva, u jħeġġeġ sabiex iż-żoni rurali jiġu kkunsidrati bħala komponent integrali tar-relazzjonijiet bejn il-bliet u ż-żoni rurali, sabiex b'hekk jiġi żgurat żvilupp bilanċjat;

21. Huwa tal-fehma li l-iżvilupp rurali, bħala element orizzjonali huwa parti inevitabbli tal-PAK u li l-programmi l-ġodda għandhom jiġu immirati iktar bil-qawwa lejn l-objettivi ta’ prijorità tal-iżvilupp rurali (l-impjiegi, l-ambjent agrikolu, l-ilma, it-tibdil tal-klima, l-innovazzjoni inklużi l-modernizzazzjoni u r-ristrutturazzjoni tal-agrikoltura u l-edukazzjoni);

22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu s-servizzi ta’ appoġġ u ta’ konsulenza għall-bdiewa lokali u reġjonali, sabiex dawn ikunu jistgħu jidentifikaw il-prijoritajiet tagħhom u jevalwaw aħjar il-prestazzjoni tal-azjendi agrikoli tagħhom;

23. Jitlob li t-tieni pliastru tal-Politika Agrikola Komuni jkun b’saħħtu u mgħammar tajjeb, sabiex jirrefletti l-ħtiġijiet attwali tal-iżvilupp rurali; jenfasizza r-rwol orizzontali tat-tieni pilastru, bil-ħsieb tal-kisbiet tiegħu fil-qasam tal-ambjent, il-modernizzazzjoni u titjib strutturali għall-agrikoltura, l-iżvilupp territorjali bbilanċjat u l-ilħuq ta’ objettivi politiċi għall-popolazzjoni li tgħix f’żoni rurali u kif ukoll għall-bdiewa; jitlob, għalhekk, li l-miżuri tat-tieni pilastru jkunu adattati aħjar għall-objettivi tagħhom, sabiex l-effettività tat-tkabbir, l-impjiegi u l-miżuri dwar il-klima, kif ukoll miżuri għall-benefiċċju taż-żoni rurali, ikunu jistgħu jiżdiedu; iqis, f’dan il-kuntest, li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-appoġġ ta' bdiewa żgħażagħ;

24. Jilqa’ l-kontribuzzjoni tat-tieni pilastru għar-realizzazjoni tal-prinċipju tas-sħubija u jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lil dan il-prinċipju u l-applikazzjoni usa’ tiegħu meta jintroduċu miżuri mmirati fil-qafas tat-tieni pilastru;

25. Jenfasizza l-importanza li l-piż amministrattiv jitnaqqas u li r-regolamenti amministrattivi u implimentattivi għall-fondi kollha tal-UE jiġu simplifikati (pereżempju rigward it-taxxa fuq il-valur miżjud); jitlob għas-simplifikazzjoni u r-reviżjoni tar-regoli ta' kundizzjonalità għat-tieni kolonna, jikkunsidra li hu neċessarju li s-sistema attwali ta' indikaturi tiġi ssimplifikata u jikkunsidra b'mod kritiku l-introduzzjoni ta' miri kwantitattivi;

26. Jinnota li l-potenzjal tar-reġjuni u ż-żoni rurali mhuwiex limitat għar-riżorsi naturali li jagħtuhom rwol soċjali u ekonomiku, peress li tali żoni huma qabel kollox post fejn jiġi prodott l-ikel meħtieġ sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ikel u peress li jipprovdu materja prima ewlenija għall-industrija u l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq bażi sostenibbli, u kif ukoll jikkostitwixxu sors ta’ beni ambjentali, ekoloġiċi, pajsaġġistiċi u turistiċi u beni mhux materjali, li jinkludu t-tradizzjonijiet u l-karatteristiċi kulturali bħall-wirt kulinarju fil-forma ta' prodotti reġjonali; jitlob żvilupp territorjali bbilanċjat taż-żoni rurali fir-reġjuni kollha tal-UE sabiex jingħata poter liċ-ċittadini lokali u jingħata kontribut lit-titjib tal-kundizzjonijiet lokali u tal-konnessjonijiet bejn żoni rurali u urbani; jinnota li l-ġestjoni ta’ azjendi agrikoli tifforma l-bażi tal-ekonomija rurali u li l-bdiewa għandhom rwol importanti biex jiżguraw id-dinamiżmu ta' din l-ekonomija kif ukoll għall-iżvilupp taż-żoni rurali; iqis li l-promozzjoni ta' tikketti reġjonali permezz tal-PAK, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi, toffri vantaġġi ekonomiċi fil-livell lokali u reġjonali;

27. Jappoġġa approċċ iktar wiesa' għaż-żoni rurali, li bħala fornituri ta’ prodotti u servizzi pubbliċi, dawn huma jew jistgħu jsiru post tajjeb fejn jgħixu u jaħdmu bosta ċittadini tal-UE, u jemmen li, konsegwentement, għandu jiġi ggarantit iffinanzjar xieraq għall-iżvilupp tagħhom; jinnota li dan japplika wkoll għal żoni żvantaġġati u żoni fil-muntanji;

28. Iqis li l-miżuri għall-iżvilupp rurali għandhom ikunu konsistenti mal-miżuri ta’ appoġġ u kumplimentari għalihom fil-qafas tal-ewwel pilastru sabiex fiż-żona kollha tal-Unjoni Ewropea tiġi promossa agrikoltura diversifikata, kompetittiva u sostenibbli; huwa tal-fehma li l-politika għall-iżvilupp rurali għandha tappoġġa l-modernizzar u t-titjib tal-istrutturi kif ukoll l-innovazzjoni fis-settur agrikolu, anki biex jintlaqgħu l-isfidi marbuta mas-sikurezza tal-ikel, l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-impjiegi;

29. Jinnota l-ħtieġa fundamentali li jiġu attirati żewġ gruppi li huma speċjalment importanti – in-nisa u ż-żgħażagħ – lejn attivitajiet rurali u li jiġu offruti attivitajiet ekonomiċi ġodda, sabiex titwaqqaf id-depopolazzjoni taż-żoni rurali u sabiex tiġi ggarantita popolazzjoni rurali sostenibbli;

30. Huwa tal-fehma li l-iżvilupp rurali għandu jippromwovi l-innovazzjoni fl-agrikoltura, id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet soċjoekonomiċi, il-ħolqien tal-impjiegi, u sabiex il-popolazzjoni fiż-żoni rurali tkun iktar żagħżugħa;

31. Jinnota li xi pajjiżi għadhom jeħtieġu appoġġ sabiex ilaħħqu mal-livell attwali u li konsegwentement it-tieni pilastru tal-PAK għandu jinżamm b'saħħtu biżżejjed billi jinżammu l-kriterji attwali tal-allokazzjoni tal-fondi, li jikkunsidraw id-differenzi fl-iżvilupp bejn il-pajjiżi u jgħinu biex tissaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea; jinnota wkoll li espansjoni ulterjuri tat-tieni pilastru biex jiġu inklużi sfidi ġodda, inklużi l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, se jkunu jeħtieġu l-forniment ta’ appoġġ xieraq fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni, u koordinazzjoni u distribuzzjoni xierqa tal-kompiti bejn il-PAK u l-politika reġjonali;

32. Jinnota li tibdiliet drastiċi fl-allokazzjoni finanzjarja fil-qafas tat-tieni pilastru għandhom jiġu evitati, peress li l-Istati Membri jistennew kontinwità fl-ippjanar tal-finanzi u affidabilità; jappoġġa, għaldaqstant, approċċ prammatiku taż-żamma tal-kriterji attwali għad-distribuzzjoni fil-qafas tat-tieni pilastru; jinnota wkoll li l-kunċett ta’ “greening” għandu jitwettaq bi proporzjon mal-iżvilupp tal-ispazji rurali;

33. Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb is-sinerġiji u l-koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet għall-iżvilupp rurali fil-qafas tal-FAEŻR u l-azzjonijiet ta’ koeżjoni fil-qafas tal-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FSE; huwa tal-opinjoni li approċċ komprensiv għall-iżvilupp tal-komunitajiet rurali, b’konformità mal-objettiv ta’ koeżjoni territorjali, jista’ jkun iggarantit permezz ta’ sinerġiji aktar ċari f’dawn il-fondi;

34. Jikkunsidra li huwa neċessarju li tiġi adottata strateġija li ġġib korrelazzjoni diretta bejn ir-riżorsi naturali, l-ambjent rurali u l-politika dwar l-ikel, li timxi id f’id mal-politika ta’ koeżjoni teritorjali, li tieħu kont tat-tkabbir tal-popolazzjoni u d-diżastri naturali frekwenti li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, li iktar ikomplu jiggravaw il-kriżi tal-ikel;

35. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw mekkaniżmi li huma mmirati biex jiffaċilitaw aċċess għall-proċeduri agrikoli għal sistemi ta’ kreditu u ta’ assigurazzjoni;

36. Jenfasizza li huwa neċessarju li jittejbu l-koordinazzjoni bejn il-PAK u l-politika ta' koeżjoni, inkluż, fir-rigward tal-istrateġija, permezz ta’ linji gwida bażiċi komuni dwar il-prinċipji (fuq il-linji tas-soluzzjonijiet adottati għall-politika ta’ koeżjoni) u trattament uniformi tal-benefiċjarji fil-qafas tal-fondi varji, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni;

37. Iqis li għandhom isiru sforzi biex jittejbu l-koordinazzjoni bejn il-PAK u l-politika finanzjarja, il-politika kummerċjali, il-politika tal-klima u tal-enerġija tal-UE, sabiex jiġi żgurat li l-PAK ikun kapaċi jilħaq l-objettivi tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.4.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, Alain Cadec, Tamás Deutsch, Elie Hoarau, Danuta Maria Hübner, Juozas Imbrasas, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Jacek Olgierd Kurski, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Karima Delli, Richard Falbr, Marek Henryk Migalski, Elisabeth Schroedter, Czesław Adam Siekierski, Patrice Tirolien, Derek Vaughan, Sabine Verheyen

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

25.5.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Liam Aylward, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Hynek Fajmon, Lorenzo Fontana, Iratxe García Pérez, Béla Glattfelder, Sergio Gutiérrez Prieto, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, Krisztina Morvai, Mariya Nedelcheva, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Alyn Smith, Csaba Sándor Tabajdi, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Salvatore Caronna, Spyros Danellis, Jill Evans, Karin Kadenbach, Sandra Kalniete, Giovanni La Via, Véronique Mathieu, Maria do Céu Patrão Neves, Robert Sturdy, Artur Zasada