RAPPORT dwar in-nisa u t-tmexxija tal-intrapriżi
9.6.2011 - (2010/2115(INI))
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Rodi Kratsa-Tsagaropoulou
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar in-nisa u t-tmexxija tal-intrapriżi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Pekin f'Settembru 1995, id-dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottati f'Pekin u d-dokumenti li rriżultaw minnhom adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin +5, Pekin +10 u Pekin + 15 dwar aktar azzjonijiet u inizjattivi biex jimplimentaw id-dikjarazzjoni u l-programm ta' azzjoni ta' Pekin, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005 u fit-12 ta' Marzu 2010 rispettivament,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5, 21 u 23 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jenfasizza valuri komuni għall-Istati Membri bħall-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jsemmi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Progress fir-rigward tal-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2011,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 intitolata ‘Lejn Att dwar is-Suq Uniku għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna: 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin' (COM(2010)0608),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bl-isem 'Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015' (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-6 ta' Ġunju 2010 dwar it-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni (COM(2010)0284),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 bl-isem Impenn imsaħħaħ għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f'Isem il-mara' (COM(2010)0078),
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 20061, u l-Patt Ewropew il-ġdid għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill Ewropew fis-7 ta’ Marzu 2011,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 1996/694/KE tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u tal-irġiel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet,
– wara li kkunsidra l-laqgħa annwali tal-Forum Ekonomiku Dinji, li saret bejn is-26 u d-29 ta' Jannar 2011 f'Davos, u l-programm bl-isem 'Il-Mexxejja Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri',
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar it-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-8 ta' Marzu 2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea - 2010[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Ġunju 1995 dwar ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f'Pekin: 'Il-Ġlieda favur l-Ugwaljanza, l-Iżvilupp u l-Paċi'[3], tal-10 ta' Marzu 2005 dwar is-segwitu tal-Pjattaforma ta' Azzjoni tar-raba' konferenza dinjija dwar in-nisa (Pekin + 10)[4] u tal-25 ta' Frar 2010 dwar il-Pjattaforma ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Pekin + 15)[5],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0210/2011),
A. billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, imħaddan fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u wieħed mill-objettivi u l-kompiti tagħha, u billi l-Unjoni stipulat għaliha nnifisha l-kompitu speċifiku li tintegra l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha,
B. billi wieħed mill-objettivi prijoritarji tal-Unjoni Ewropea għandu jkun li tagħmilha possibbli għan-nisa kompetenti u kwalifikati li jilħqu karigi li llum huma diffiċli li jintlaħqu, billi jitneħħew l-ostakoli persistenti u l-inugwalzi bejn il-ġeneri li jżommu lin-nisa milli javvanzaw fil-karrieri tagħhom,
C. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-qasam tax-xogħol għandha tippromwovi mingħajr distinzjoni lill-irġiel u lin-nisa fi ħdan is-suq tax-xogħol u fil-karigi ta' tmexxija fil-livelli kollha, fl-interess tal-ġustizzja soċjali biex isir użu sħiħ tal-ħiliet tan-nisa għat-tisħiħ tal-ekonomija fl-istess waqt, u għandha tiggarantixxi l-iżvilupp tan-nisa bl-istess mod bħal dak tal-irġiel,
D. billi fl-2008 59.5% tal-kwalifiki universitarji mogħtija fl-UE ngħataw lin-nisa, billi l-għadd ta’ nisa fil-fakultajiet tal-negozju, tal-ġestjoni u tal-liġi huwa akbar mill-għadd ta’ rġiel, billi madankollu l-proporzjon ta’ nisa fl-ogħla korpi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-akbar intrarpiżi kkwotati fil-borża kien biss l-10.9% fl-2009,
E. billi fatturi oħra possibbli li jimpedixxu r-rappreżentanza tan-nisa jistgħu wkoll jiġu attribwiti għal taħlita ta' diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess, imġiba sterjotipata li għandha tendenza li tippersisti fi ħdan l-intrapriżi u li tillimita l-eżistenza ta' ggwidar professjonali għall-mexxejja nisa potenzjali,
F. billi studji tal-Kummissjoni Ewropea u tas-settur privat urew korrelazzjoni bejn ir-riżultati ekonomiċi u finazjarji mtejba tal-intrapriżi u l-preżenza tan-nisa fi ħdan il-korpi ta' teħid ta' deċiżjoni tagħhom; billi joħroġ ċar minn dan li rappreżentanza sinifikanti tan-nisa fil-karigi ta' tmexxija tikkostitwixxi għodda ta' veru għar-rendiment u għall-kompetittività ekonomika,
G. billi għaldaqstant huwa essenzjali li jiddaħħlu metodi bħall-istudji ta' każi individwali u l-iskambju tal-prattiki tajbin f'dan il-qasam kif ukoll azzjonijiet affirmattivi sabiex jitlaħaq użu ottimu tar-riżorsi umani tan-nisa fil-livelli kollha tal-ħajja tal-intrapriżi,
H. billi, madankollu, għalkemm b'differenzi minn pajjiż għal ieħor u bjen setturi professjonali differenti, illum in-nisa jirrappreżentaw biss 10% mill-membri tal-bord ta' tmexxija tal-ikbar intrapriżi elenkati fl-Unjoni Ewropea, u 3% biss mill-presidenti ta' dawn il-bordijiet, filwaqt li d-differenza fis-salarji skont is-sessi għadha ta’ 17.5% fl-UE kollha kemm hi, u dan japplika wkoll għal karigi tat-tmexxija,
I. billi l-għadd ta’ nisa fil-bordijiet tal-intrapriżi bħalissa qed jiżdied b’nofs perċentwal fis-sena; billi b’din ir-ratta bil-mod se jgħaddu 50 sena qabel il-bordijiet tal-intrapriżi se jkollhom mill-inqas 40% minn kull sess,
J. billi l-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-sindikati u lil dawk li jimpjegaw jinsabu 'l bogħod milli jilħqu rappreżentanza bilanċjati bejn in-nisa u l-irġiel, ħaġa li tirrifletti r-rappreżentanza dgħajfa tan-nisa fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi; billi, madankollu il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-għaqdiet tal-ħaddiema u u lil min iħaddem jistgħu jagħtu kontribut lit-tixrid u l-iskambju tal-aħjar prattiki f’dan ir-rigward,
K. billi hu l-kompitu ta’ dawk li jfasslu l-politiki, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, u tal-intrapriżi li jeliminaw l-ostakli għad-dħul tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fil-korpi ta' tmexxija b'mod partikolari, u li joffru opportunitajiet indaqs lin-nisa sabiex dawn ikun jista' jkollhom aċċess għall-karigi ta' responsabilità sabiex ikun garantit l-użu effikaċi tar-riżorsi eżistenti kollha, jiġi ottimizzat il-fluss tal-kompetenzi u tal-kwalitajiet femminili u sabiex ikun sfruttat kemm jista' jkun il-potenzjal uman li l-Unjoni Ewropea tibbenefika minnu, u li jitħarsu l-valuri ewlenin tal-UE, minħabba li l-ugwaljanza hi prinċipju fundamentali,
L. billi l-inizjattivi u l-miżuri proattiva li ttieħdu mis-settur privat, bl-ambizzjoni li joħolqu rappreżentanza miżjuda tan-nisa, bħal dawk bil-ħsieb ta' valorizzazzjoni tar-riżorsi umani fi ħdan l-intrapriżi fid-dawl ta' segwitu aħjar tal-karriera tan-nisa, jew tal-ħolqien ta' riżorsi barra l-intrapriżi li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni u l-promozzjoni tan-nisa u l-iskambju regolari tal-prattiki tajba, irriżultaw li huma siewja u għandhom ikunu nkoraġġuti, anke jekk għadhom mhumiex biżżejjed biex tinqaleb il-folja fi ħdan l-intrapriżi, u li n-nisa għadhom sottorappreżentati fit-tmexxija tagħhom,
M. billi l-Kummissjoni ħabbret li se tippreżenta miżuri leġiżlattivi sabiex tiżgura li intrapriżi kkwotati fil-borża jieħdu miżuri effettivi sabiex jiksbu rappreżentanza indaqs ta’ nisa u rġiel fil-bordijiet tagħhom, f’każ li l-awtoregolamentazzjoni tonqos milli tagħmel dan fi żmien it-12-il xahar li ġejjin,
1. Jilqa’ l-miżuri mħabbra mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Marzu 2011, u b’mod partikolari l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni Ewropea fl-2012 jekk l-intrapriżi ma jirnexxilhomx jiksbu permezz ta' miżuri volontarji l-miri ta' 30% ta' nisa fil-bordijiet tal-intrapriżi sal-2015 u ta' 40% sal-2020,
2. Iħeġġe lill-intrapriżi jilħqu l-limitu minimu kritiku ta' 30% nisa fost il-membri tal-korpi ta' tmexxija sal-2015 u ta' 40% sal-2020,
3. Jinnota il-progress ċar fir-rappreżentanza tan-nisa fin-Norveġja mill-adozzjoni fl-2003 ta' leġiżlazzjoni li timponi limitu minimu ta' 40% ta’ rappreżentanza ta’ kemm nisa kif ukoll irġiel fi ħdan il-bordijiet ta' tmexxija tal-intrapriżi elenkati li jkollhom iktar minn 500 impjegat u li tiddisponi għal sanzjonijiet effettivi f'każ ta' nuqqas ta' osservanza;
4. Jenfasizza li l-intrapriżi jeħtieġ jiżguraw trattament indaqs u opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fid-dinja tax-xogħol u, b'kunsiderazzjoni ta' dan l-għan, għandhom ikunu adottati miżuri li jevitaw kull xorta ta' diskriminazzjoni;
5. Jilqa' l-inizjattivi tal-Istati Membri bħal Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja li ffissaw limitu minimu ta' rappreżentanza tan-nisa fi ħdan il-korpi ta' tmexxija li għandu jiġi osservat mill-intrapriżi, u jsegwi d-dibattiti dwar ir-rappreżentanza tan-nisa fi Stati Membri oħra bħall-Belġju, il-Ġermanja u l-Italja; jinnota li l-espressjoni tal-volontà politika hija l-uniku mod biex jitħaffef il-proċess tal-adozzjoni ta' miżuri kontraenti maħsuba biex jikkontribwixxu għal rappreżentanza indaqs tal-irġiel u tan-nisa fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi;
6. Jilqa’ l-Kodiċi ta’ Governanza tal-Korporazzjonijiet tal-Finlandja, skont liema l-korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-intrapriżi jrid ikollhom kemm rappreżentanti rġiel kif ukoll nisa u jrid ikun hemm żvelar pubbliku ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità; jinnota li, minħabba l-kodiċi, il-proporzjon ta’ nisa fil-korpi tat-teħid ta' deċiżjoni tal-intrapriżi Finlandiżi issa hu ta’ 25% u li, minn meta tħabbret l-introduzzjoni tal-kodiċi, il-proporzjon ta’ intrapriżi kkwotati fil-borża b’nisa fil-bordijiet superviżorji jew ta' tmexxija tagħhom tela’ minn 51% għal madwar 70%;
7. Jinsisti li r-reklutaġġ f'karigi fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi għandu jkun ibbażat fuq il-kompetenzi mitluba fil-forma ta' ħiliet, kwalifiki u esperjenza u li l-prinċipji ta' trasparenza, oġġettività, inklusività, effettività, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom jiġu osservati fil-politiki korporattivi ta' reklutaġġ;
8. Hu tal-fehma li għandha titqies l-introduzzjoni ta’ regoli effettivi li jwaqqfu lill-persuna milli jkollhom karigi multipli fil-bordijiet tad-diretturi, kemm biex xi postijiet jinżammu liberi għan-nisa, kif ukoll biex jgħinu biex ikunu żgurati l-effettività u l-indipendenza tal-membri tal-bordijiet f'intrapriżi ta' daqs medju u kbir;
9. Jenfasizza li l-intrapriżi pubbliċi kkwotati fil-borża għandhom jagħtu l-eżempju billi jimplimentaw rappreżentanza bbilanċjata ta’ nisa u rġiel fil-bordijiet tagħhom u fil-karigi tat-tmexxija tagħhom fil-livelli kollha;
10. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw politiki ġodda li jagħmluha possibbli li iktar nisa jinvolu ruħhom fit-tmexxija tal-intrapriżi, b'mod partikolari billi:
a. jibdew djalogu, mhux limitat għall-kwistjoni tal-kwoti, mal-bordijiet tal-intrapriżi kbar u mas-sħab soċjali dwar modi kif tiżdied ir-rappreżtanza tan-nisa, li jista' jsir ta' kull sena;
b. jappoġġaw inizjattivi maħsuba biex jevalwaw u jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-kumitati ta' reklutaġġ u f'oqsma oħra, eżempju fir-rigward tad-differenzi fis-salarji, il-klassifikazzjoni tal-impjiegi, it-taħriġ u l-evoluzzjoni tal-karriera;
c. jippromwovu responsabilità korporattiva soċjali għall-intrapriżi Ewropej, b’impenn sabiex jiżguraw responsabilità maniġerjali għal servizzi li jqisu lin-nisa u lill-familji;
d. jappoġġaw miżuri kulturali li jorjentaw lin-nisa żgħażagħ iktar lejn studji xjentifiċi u teknoloġiċi, kif jitlob il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonaijiet Uniti;
e. jintroduċu miżuri u arranġamenti speċifiċi għad-dispożizzjoni ta' servizzi ta' kwalità għolja u li wieħed jiflaħ iħallas għalihom, pereżempju ta' kura tat-tfal u tal-anzjani u persuni dipendenti oħra, inċentivi fiskali għall-intrapriżi jew kumpens ieħor li jgħinu lin-nisa u lill-irġiel impjegati f'negozji jibbilanċjaw l-impenji tal-familja u dawk tax-xogħol tagħhom;
f. jiżviluppaw kapaċitajiet individwali tan-nisa fl-intrapriżi fejn jaħdmu, permezz ta' korsijiet speċifiċi ta' taħriġ ulterjuri u forom oħra ta' appoġġ professjonali, bħal akkumpanjament professjonali dedikat u netwerking sabiex jippreparawhom b'mod effettiv għall-kompiti ta' tmexxija fil-livelli kollha;
g. jiżviluppaw taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni;
h. jippromwovu impenji preċiżi u li jistgħu jitkejlu min-naħa tal-intrapriżi;
i. jinkoraġġixxu 'l-partijiet interessati kollha joħolqu inizjattivi li jbiddlu l-mod kif wieħed iħares lejn in-nisa fil-qasam tax-xogħol u kif in-nisa stess iħarsu lejhom infushom, biex ikun possibbli għal iktar nisa li jieħdu responsabilitajiet tat-tmexxija fil-lat operattiv tan-negozju, u mhux biss fil-lat funzjonali; hu tal-fehma li tali inizjattivi għandhom jimmiraw biex iħeġġu l-bniet u n-nisa żgħażagħ iqisu spektrum usa' ta’ karrieri bl-appoġġ tal-għalliema, il-membri tal-familja u diversi mudelli ta' rwoli, u jippreżentaw b’mod pożittiv it-tmexxija femminili fil-midja Ewropea;
j. jidentifikaw modi biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa minn gruppi partikolarment sottorappreżentati, bħan-nisa immigranti jew nisa minn minoranzi etniċi;
11. Jenfasizza l-problema tad-differenzi fis-salarji fi ħdan il-intrapriżi, u b’mod partikolari, differenzi bejn is-salarji ta’ nisa f'karigi ta’ tmexxija u s-salarji tal-kontropartijiet maskili tagħhom; Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri biex jitrattaw l-inugwaljanza fis-salarji li għadha teżisti teżisti li hi konnessa mal-isterjotipi tradizzjonali li jeffettwaw l-iżvilupp tal-karrieri u li huma parzjalment responsabbli għas-sottorappreżentanza tan-nisa fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi;
12. Iqis b’mod partikolari li l-intrarpiżi li huma mitluba jippreżentaw kontijiet dettaljati tad-dħul u tal-ħruġ għandhom jiġu mitluba jiksbu rappreżentanza bbilanċjata ta’ nisa u rġiel fil-bordijiet tagħhom f’tul ta’ żmien raġonevoli;
13. Iħeġġeġ lill-intrapriżi jadottaw u jimplimentaw kodiċijiet tal-governanza korporattiva bħala mod kif jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-intrapriżi, billi jutilizzaw il-pressjoni tal-pari biex jinfluwenzaw l-organizzazzjonijiet minn ġewwa u jimplimentaw ir-regola ta’ ‘konformità jew spjegazzjoni’ li tobbliga lill-intrapriżi jikkjarifikaw għalfejn ma jkun hemm mill-inqas mara waħda fuq il-bord;
14. Hu tal-fehma li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu inizjattivi mfassla biex jindirizzaw il-qsim aktar ġust tal-kura u tar-responsabilitajiet tal-familja mhux biss fi ħdan il-familja, iżda wkoll bejn il-familja u s-soċjetà, u jnaqqsu d-differenzi fis-salarji bejn in-nisa u l-irġiel għall-istess xogħol; iqis li għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi biex:
a. jiġu indirizzati problemi fl-aċċess għal faċilitajiet ta’ kura tat-tfal, li għandu jkun bi prezz li jintlaħaq, li jittieħed kont tiegħu u lokali,
b. jiddaħħlu prattiki flessibbli ta' xogħol biex titjieb il-kapaċità organizzattiva u jiġi massimizzat il-kontribut tan-nisa; tali prattiki jeħtieġ li jgawdu l-appoġġ u l-kooperazzjoni tal-forza tal-ħidma kollha kemm hi; it-tmexxija tajba, għalhekk, hija meħtieġa sabiex jiġu sfidati attitudnijiet kulturali u prinċipji tradizzjonali tan-negozju tajjeb, u sabiex jintroduċu modi ta’ ħsieb ġodda dwar ir-rwol tan-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, ippjanar tal-forza tal-ħidma sostenibbli, il-kapital soċjali u r-responsabilità lejn il-komunità;
15. Iħeġġeġ lill-maniġers f’livelli għolja fil-korporazzjonijiet biex iqajmu l-kuxjenza tal-persunal fuq ix-xejriet tal-karrieri tal-irġiel u n-nisa u sabiex jinvolvu rwieħhom personalment fil-monitoraġġ tal-karrieri u fi programmi ta’ appoġġ għan-nisa f’karigi għolja fil-intrapriżi tagħhom;
16. Jistieden lill-Kummissjoni:
a. tippreżenta, malajr kemm jista’ jkun, data attwali komprensiva dwar ir-rappreżentanza tan-nisa fit-tipi kollha ta’ intrapriżi tal-UE u dwar il-miżuri obbligatorji u mhux obbligatorji meħuda mis-settur tan-negozju kif ukoll dawk il-miżuri adottati riċentement mill-Istati Membri sabiex ikabbru din ir-rappreżentanza,
b. wara dan l-eżerċizzju, u jekk jinstab li l-passi meħuda mill-intrapriżi u mill-Istati Membri jkunu inadegwati, tipprevedi leġiżlazzjoni, li tkun tinkludi kwoti, sal-2012 biex tkabbar ir-rappreżentanza tan-nisa fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi sa 30% sal-2015 u sa 40% sal-2020, filwaqt li tqis ir-responsabilitajiet tal-Istati Membri kif ukoll il-partikolaritajiet ekonomiċi, strutturali (id-daqs tal-intrapriżi), ġuridiċi u reġjonali tagħhom;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali li jistabbilixxi miri speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u li jistgħu jintlaħqu biex tinkiseb rappreżentanza bbilanċjata fl-intrapriżi tad-daqsijiet kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tħejji gwida speċifika għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi websajt iddedikata għall-prattika tajba f’dan il-qasam, għat-tixrid u l-iskambju tal-aħjar prattiki; jenfasizza l-importanza li tiġi stabbilita strateġija ta' komunikazzjoni sabiex il-pubbliku u s-sħab soċjali jkunu infurmati b'mod effettiv dwar is-sinifikat ta' tali miżuri; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex inedu kampnaji ta' informazzjoni mmirati;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2011)0223.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2011)0085
- [3] ĠU C 166, 3.7.1995, p. 92.
- [4] ĠU C 320E, 15.12.2005, p. 247.
- [5] ĠU C 348E, 21.12.2010, p. 11.
NOTA SPJEGATTIVA
Is-suġġett tan-"Nisa u t-Tmexxija tal-Intrapriżi" huwa rikorrenti u jirrifletti l-kwistjonijiet u l-isfidi tas-soċjetà moderna tagħna. Minn naħa, dan is-suġġett wiesa' jiġbor fih il-problemi kollha marbuta kemm mal-mara kif ukoll mad-dinja tax-xogħol bħall-aċċess fis-suq tax-xogħol, l-ugwaljanza u l-ekwità, il-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali mal-ħajja tal-familja, l-ambizzjonijiet personali, l-isterjotipi kulturali, u min-naħa l-oħra jqajjem problema iktar ġenerali, jiġifieri dik tal-kontribut tar-riżorsi umani għat-tkabbir ekonomiku u għall-kompetittività. Dan is-suġġett jirrifletti b'mod eċċellenti l-istat il-ġdid tan-nisa kontemporanji fid-dinja moderna.
L-objettiv li jimmotivana huwa dak li jkun possibbli għal nisa kompetenti u kwalifikati li jkollha aċċess għal karigi li bħalissa huwa diffiċli għalihom li jilħqu.
Is-smigħ pubbliku dwar dan is-suġġett, li sar fis-27 ta' Ottubru 2010 fil-Parlament Ewropew, kien f'ħafna modi produttiv, billi qajjem u ġab elementi bħala reazzjoni għal diversi minn dawn il-problemi, filwaqt li għamel possibbli b'mod partikolari dibattitu bejn in-nisa kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mid-dinja politika, jew anke li jappartjenu għal netwerks differenti ta' nisa li jokkupaw karigi fi ħdan korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi.
Il-messaġġ ċar li ħareġ minn dan is-smigħ pubbliku, u fuq liema se jiffoka r-rapport tagħna, hu li minn issa 'l quddiem huwa imperattiv li jiġi lliberat il-potenzjal tan-nisa, l-enerġija kreatriċi tagħhom, u li jintużaw b'vantaġġ it-talenti tagħhom ta' ġestjoni, tal-ispirtu ta' intrapriża, ta' sens ta' komunikazzjoni u ta' kompromess kif ukoll ta' evalwazzjoni tajba tar-riskji.
Iċ-ċifri llum jitkellmu waħedhom. Minkejja ċerti varjetajiet skont l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-element li wieħed jinnota huwa identiku: ir-rappreżentanza tan-nisa fil-karigi ta' tmexxija fl-intrapriżi, kemm fit-tmexxija tal-intrapriżi fis-sens strett tal-kelma kif ukoll fl-assemblej differenti ta' tmexxija, hija dgħajfa. Sfortunatament, iċ-ċifri huma wkoll ftit li xejn konklusivi f'oqsma oħra tad-dinja tal-intrapriżi fejn in-nisa huma wkoll sottorappreżentati (pereżempju fl-organizzazzjonijiet sindikalisti jew ta' min jimpjega), imma f'dan ir-rapport wieħed se jiffoka biss fuq ir-rappreżentanza tan-nisa fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi ta' daqs medju u kbir, u jidher għaqli li wieħed jinnota, bla ebda dewmien, li din il-kwistjoni timxi id f'id ma' dik tad-differenza fis-salarji skont il-ġeneru.
Ġestjoni tajba tar-riżorsi umani għandha tirrispetta l-loġika ekonomika minn naħa, u etika soċjali, min-naħa l-oħra, bħala reazzjoni għall-kuntest soċjali u għall-iżvilupp personali, filwaqt li tfaħħar in-nuqqas ta' ħela tar-riżorsi. Peress li hemm numru kbir ta' nisa li għamlu studji superjuri, għalhekk jenħtieġ li dan ikun rifless permezz ta' livell għoli ta' nisa li jokkupaw karigi ta' tmexxija fl-intrapriżi.
Għall-kuntrarju jidher li iktar ma wieħed jitla' fil-ġerarkija tal-intrapriża, iktar huma rari n-nisa, ħaġa li a priori hija kontradizzjoni, peress li hemm tant nisa f'karigi tad-dħul jew tal-ġestjoni tan-nofs (middle management).
Konsegwentement, jirriżulta urġenti li wieħed jirreaġixxi sabiex ikun evitat telf ta' talenti u kompetenzi tal-potenzjal uman fl-Unjoni Ewropea.
L-istudji[1] wrew li l-preżenza u l-integrazzjoni tan-nisa fl-intrapriżi u fil-quċċata tagħhom jiffavorixxu r-rendiment, jikkontribwixxu għall-effikaċità tal-intrapriża u jġibu riżultati ekonomiċi aħjar u benefiċċji.
Bħalissa 10% tal-membri tal-bordijiet ta' tmexxija tal-ikbar intrapriżi elenkati fl-Unjoni Ewropea huma nisa u dawn jikkostitwixxu biss 3% mill-presidenti ta' dawn il-bordijiet[2]. Is-sitwazzjoni attwali mhix qed tevolwi, jew inkella qed tevolvi bil-mod wisq.
Għalhekk, aħna xtaqna neżaminaw id-data attwali, nipprovaw nifhmu kemm jista' jkun ir-raġunijiet li jispjegaw dawn iċ-ċifri, nipprovaw nidentifikaw kemm l-ostakli għall-promozzjoni tan-nisa fil-karigi tal-quċċata tal-ġerakija tal-intrapriżi kif ukoll il-prattiki tajba, il-mudelli li għandhom jiġu segwiti, u fl-aħħar mill-aħħar nipproponu ċerti ideat sabiex nirrimedjaw din is-sitwazzjoni tas-sottorappreżentanza tan-nisa fil-karigi ta' responsabilità. Fil-fatt, diġà tnedu xi inizjattivi minn xi intrapriżi jew netwerks professjonali imma ħafna minnhom illum jirriżulta li ma jistgħux jintużaw iktar jew huma insuffiċenti.
B'hekk, l-għan hu li jinstabu mezzi kif naġixxu.
Is-suġġett tqajjem riċentement b'mod paralleli mal-Forum ta' Davos[3] tal-2011, fi studju li twettaq dwar l-ikbar intrapriżi tad-dinja f'20 pajjiż u 16-il settur, li fihom ġew eżaminati l-prattiki u l-politiki implimentati mill-intrapriżi sabiex inaqqsu l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel. Sabiex isir dan, ġew analizzati diversi fatturi prinċipali: l-identifikazzjoni tal-ostakli eżistenti, il-konċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja mal-ħajja professjonali, il-miżuri meħuda bħall-iffissar ta' objettivi li għandhom jintlaħqu jew l-iffissar ta' miri, it-taħriġ tal-ġestjonarji femminili fit-tmexxija u, fl-aħħar nett, l-effetti tal-kriżi. L-għan tar-riċerka kien li jiġu evalwati l-livelli attwali ta' parteċipazzjoni u tal-adozzjoni mill-intrapriżi tal-politiki fil-qasam tal-ugwaljanza.
Minn dan l-istudju jirriżulta li l-maġġoranza tal-intrapriżi inklużi fl-istudju (64%), kemm dawk li jibbenefikaw minn rappreżentanza tajba ta' nisa fil-korpi ta' tmexxija, kif ukoll dawk li jbatu minn sottorappreżentanza, ma bdew ebda inizjattiva proattiva biex itejbuha.
Kif tispjega ruħha din ir-rappreżentanza dgħajfa tan-nisa fil-quċċata tal-ġerarkija tal-intrapriżi l-kbar? L-elementi ta' tweġiba huma ħafna.
Jeżistu fatturi inerenti għall-kundizzjonijiet ta' impjieg b'mod ġenerali li jikkostitwixxu ostakli għall-evoluzzjoni tan-nisa fl-intrapriżi. Fost dawn il-fatturi nistgħu b'mod partikolari nsemmu l-liv tal-maternità, il-problema tal-konċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u dik professjonali, il-pawżi fil-karriera, il-kwistjoni tal-flessibilità tal-ħinijiet tax-xogħol, u n-nuqqas ta' faċilitajiet għad-dispożizzjoni tal-ġenituri (faċilitajiet għaż-żamma tat-tfal, eċċ.). Ma' dawn il-fatturi jiżdiedu d-diffikultà għan-nisa li jkollhom aċċess għall-iggwidar professjonali (mentoring) u għall-akkumpanjament professjonali imma wkoll il-kriżi ekonomika li, f'ċerti pajjiżi, laqtet iktar lin-nisa. B'mod paralleli, ninnotaw il-persistenza tal-isterjotipi kulturali sessisti tradizzjonali u nuqqas ta' motivazzjoni min-naħa tan-nisa biex jaffaċċaw l-isfidi differenti li jippreżentaw ruħhom quddiemhom sabiex jippromwovu l-karriera tagħhom.
Sabiex jingħtelbu dawn l-ostakli, jenħtieġ b'mod partikolari, esternament mill-intrapriża, li jiġu żviluppati n-netwerks eżistenti ta' nisa ġestjonarji ta' intrapriżi, u li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom fihom. Dawn in-netwerks fil-fatt jagħmluha possibbli għall-ġestjonarji femminili tal-intrapriżi li jipproċedu bi skambji ta' perspettivi u ta' esperjenzi mal-persuni li kellhom andament professjonali simili għal tagħhom, ħaġa li spiss tirriżulta ta' benefiċċju, li jitqajmu problemi komuni u li jiġu proposti soluzzjonijiet għall-problemi marbuta mal-ġestjoni tal-karriera tagħhom. Dan għandu bħala konsegwenza t-tisħiħ tal-fiduċja tagħhom fihom infushom u li jwassalhom biex jieħdu riskji fl-intrapriżi sabiex jippromwovu l-karriera tagħhom. Fl-intrapriża nnifisha, minn issa 'l quddiem jenħtieġ jiġu rdoppjati l-isforzi tal-possibilitajiet ta' taħriġ kontinwu u speċjalizzat, ta' programmi "fast-track", ta' ggwidar professjonali jew ta' segwitu personalizzat tal-karrieri offruti lin-nisa. B'mod paralleli, jidher għaqli li politika maħsuba biex tikseb rappreżentanza bilanċata tan-nisa u tal-irġiel fl-intrapriżi tikkostitwixxi prijorità għalihom: din il-politika tista' partikolarment tiġi tradotta fir-reklutaġġ tan-nisa f'karigi ta' deċiżjoni jew inkella l-inkoraġġiment tal-kandidaturi tan-nisa għal karigi b'iktar responsabilità.
Jenħtieġ ukoll li jitqiesu r-raġunijiet marbuta mal-għażla tal-membri tal-bordijiet ta' tmexxija. Fil-fatt, tradizzjonalment, f'maġġoranza tal-pajjiżi, dan isir permezz ta' koopzjoni. Ukoll, jenħtieġ li wieħed jinnota li f'ċerti setturi ekonomiċi u professjonali, in-nisa huma f'minoranza f'paragun mal-irġiel: għalhekk isir diffiċli ħafna li tiġi garantita r-rappreżentanza tagħhom.
Fl-aħħar mill-aħħar, hawn ukoll, minħabba l-kriżi ekonomika, ir-riforma tal-għażla tal-membri tal-bordijiet ta' tmexxija ma kenitx prijorità.
Ma' dan ovvjament jentieġ li jiżdiedu l-istandards, il-prattiki ġenerali tal-pajjiżi kkonċernati, il-kulturi differenti ta' intrapriża li jeżistu fl-Unjoni Ewropea, id-differenzi fl-istrutturi tal-korpi ta' tmexxija fihom (bordijiet amministrattivi u/jew ta' sorveljanza), in-nuqqas ta' segwitu regolari tal-politiki tal-persunal u l-iskambju ta' prattiki tajbin bejn l-intrapriżi Ewropej.
L-analiżi kollha jwasslu għas-sejba li l-promozzjoni ta' rappreżentanza ikbar tan-nisa minn issa 'l quddiem għandha tikkostitwixxi imperattiv għall-intrapriżi. Infatti, dawn għandhom japplikaw dispożizzjonijiet li jinkoraġġixu lin-nisa li jaspiraw għal karigi ta' tmexxija, b'mod partikolari permezz ta' żieda ta' opportunitajiet tal-karriera, ta' perspettivi fl-intrapriża.
Fil-fatt, jidher essenzjali li l-intrapriżi japplikaw l-iffissar ta' miri fid-dawl ta' parteċipazzjoni femminili miżjuda b'mod paralleli ma' reklutaġġ tan-nisa fil-quċċata tal-ġerakija tal-intrapriżi, sabiex jippromwovu l-ugwaljanza u d-diversità u japprofittaw mill-intelliġenza umana.
Diversi Stati Membri provaw isibu soluzzjonijiet sabiex jirremedjaw għal din il-parteċipazzjoni dgħajfa tan-nisa fil-karigi ta' tmexxija tal-intrapriżi.
Wara l-liġi Franċiża li imponiet kwoti fil-kunsilli amministrattivi tal-intrapriżi, li riċentement ġiet adottata u li tipprevedi limitu minimu ta' 40% minn issa sal-2015 fil-kunsilli amministrattivi tal-intrapriżi elenkati li jimpjegaw iktar minn 500 impjegat u li għandhom ċifri ta' negozju annwali ta' iktar minn 50 miljun Euro, l-Italja proponiet liġi dwar il-kwoti fil-kunsilli amministrattivi. Fi Spanja, il-liġi dwar il-kwoti ilha mill-2007 u tipprevedi 40% minn issa sal-2015.
Pajjiżi oħra nedew id-dibattiti dwar din il-kwistjoni xewkija: fir-Renju Unit, il-gvern qabbad deputat biex jagħmel studju dwar il-problema tad-differenzi fis-salarji skont il-ġeneru u dwar ir-risposti li jistgħu jingħataw għalihom. F'dan il-qafas, tqajmet il-problema tar-rappreżentanza dgħajfa tan-nisa fil-karigi ta' tmexxija, u b'hekk beda d-dibattitu dwar il-kwistjoni. Il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju wkoll bdew janalizzaw din il-problema u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet. Fil-Ġermanja, is-Sra Kristina Schröder, il-Ministru federali għall-Familja u l-Affarijiet tal-Familja, esprimiet ix-xewqa tagħha li minn issa sal-2015 tara 20% nisa fil-kunsilli amministrattivi. Minn issa sa dak iż-żmien, jekk din iċ-ċifra ma tintlaħaqx, hi favur l-adozzjoni ta' test kontraenti li jinkludi kwota. Il-Ministru tal-Bavajra għall-Ġustizzja, is-Sra Beate Merk, ukoll esprimiet ruħha favur l-applikazzjoni ta' kwota, li għandha tiġi stabbiliti bi kworum, li tmur minn 15 għal 20% biex fl-aħħar tilħaq l-40%.
Il-mudell Norveġiż
In-Norveġja tikkonstitwixxi referenza peress li kienet l-ewwel pajjiż li adotta leġiżlazzjoni li ffissat kwoti bl-objettiv li tiżdied b'mod sinifikanti r-rappreżentanza tan-nisa fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi.
Il-leġiżlazzjoni applikata fl-2003 fil-bidu kellha tħabbat wiċċha ma' ħafna reżistenza.
Skont l-inizjattiva, mhux tal-Ministru għall-Ugwaljanza imma tal-Ministru għall-Kummerċ u l-Industrija, il-liġi torbot lill-intrapriżi biex jikkonformaw mal-objettiv ta' mill-inqas 40% nisa fil-kunsilli amministrattivi tal-intrapriżi elenkati bir-riskju li jekk dan ma jsirx ikun hemm multi jew anke xoljiment. Din il-leġiżlazzjoni kellha riżultati tanġibbli.
Leġiżlazzjoni simili wkoll ġiet adottata fil-Quebec.
L-effikaċità tal-miżuri eżistenti - f'liema direzzjoni għandna nikkonċentraw l-isforzi tagħna?
Id-Deutsche Telekom tikkostitwixxi eżempju uniku tal-inizjattivi tal-intrapriżi l-kbar biex jiżdied in-numru ta' nisa fil-kunsilli amministrattivi fil-Ġermanja: l-intrapriża, b'mod volontarju, iffissat l-objettiv li tilħaq il-kwota ta' 30% minn issa sal-2015. Dan it-tentattiv innovattiv kellu riżultati evidenzjati u nxtered b'mod iktar wiesa' fis-settur ekonomiku.
Il-kodiċi ta' kondotta tal-intrapriżi
Studji riċenti wrew li diversi pajjiżi żiedu b'mod sinifikanti l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-korpi ta' tmexxija billi daħħlu kodiċi ta' kondotta tal-intrapriżi[4] (eż. il-Portugal, l-Italja, il-Greċja, il-Belġju, Spanja u Franza).
X'miżuri għad fadal li jiġu previsti?
Fir-rigward tar-riżultati ftit sodisfaċenti dwar l-isforzi li saru f'dan is-sens fil-passat u mill-pass bil-mod tal-evoluzzjonijiet f'dan il-qasam, joħroġ element inċitanti. Hemm bżonn li jsiru diskussjonijiet iktar vasti mas-settur ekonomiku kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew u li s-sitwazzjoni attwali tiġi sblukkata.
Il-gvernijiet għandhom jagħmlu li jistgħu biex itejbu l-parteċipazzjoni tan-nisa u biex joħolqu qafas propizju. Għalhekk, hemm bżonn li l-intrapriżi jingħataw gwida prattika biex jinkoraġġixxxu l-parteċipazzjoni tan-nisa, jippreparaw pjan direzzjonali, jiffissaw objettivi kwantitattivi li għandhom jintlaħqu bi skadenzi realistiċi.
Il-kwoti eventwalment jistgħu jiġu previsti, peress li dawn diġà ġew provati: fil-fatt, l-adozzjoni, f'pajjiżi differenti, tal-leġiżlazzjonijiet li jimponu kwoti, jew inkella, f'ċerti każi, l-inizjattivi politiċi li jirriżultaw mill-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni, ikkontribwixxew għal żieda netta fir-rappreżentanza tan-nisa fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi. Bħala eżempju, hawnhekk nistgħu nsemmu l-każ ta' Franza fejn fl-2008 kien hemm 7.6% biss nisa fil-karigi ta' tmexxija u fl-2010, filwaqt li l-leġiżlazzjoni kienet għadha qed titħejja, kien hemm 11.9%. Il-leġiżlazzjoni hawnhekk kellha effett persważiv li wassal biex l-intrapriżi jieħdu miżuri volontrji b'mod proattiv sabiex jilħqu l-objettivi ffissati mil-liġi. L-istess fenomenu jista' jiġi nnotat fl-Italja fejn il-leġiżlazzjoni dwar il-kwoti qed tiġi diskussa bħalissa: 2.1% nisa okkupaw karigi ta' tmexxija fl-2008 filwaqt li fl-2010 l-livell ta' nisa fil-korpi ta' tmexxija laħaq it-3.9%. Fi Spanja, ir-rappreżentanza tan-nisa kienet 6.6% fl-2008 u telgħet għal 11% fl-2010[5]. Il-kwistjoni għadha sospiża u l-abbozz ta' rapport għandu l-għan li jiftaħ id-dibattitu dwar l-opportunità ta' tali miżura, kif ukoll dwar miżuri oħra relevanti.
Madankollu, jenħtieġ li jiġi sottolinjat li leġiżlazzjoni dwar il-kwoti għandha imperattivament tissodisfa ċerti kundizzjonijiet preliminari essenzjali bħal:[6]
- strateġija ċara ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontraenti,
- il-previżjoni tar-riżorsi baġitarji li għandhom jiġu rilaxxati għal dan il-għan,
- il-politiki ta' konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik tal-familja,
- il-volontà politika ċara,
- id-dati ta' skadenza li għandhom jiġu ffissati,
- l-applikazzjoni ta' bażi ta' data ta' nisa li jagħmlu l-karriera tagħha fl-intrapriża bi profili personalizzati,
- it-taħriġ tan-nisa professjonali fid-dawl tal-promozzjoni tagħhom għal karigi ta' tmexxija kif ukoll politiki oħra ta' inkoraġġiment.
Il-kwoti, għalhekk, se jagħmlu possibbli li jkun hemm rappreżentanza aħjar tan-nisa fil-karigi ta' tmexxija tal-intrapriżi l-kbar. Imma l-isforzi tagħha se jikkonċentraw fuq l-intrapriża fit-totalità tagħha, peress li l-preżenza tan-nisa fiha fl-iskali kollha hija essenzjali sabiex tkun garantita rappreżentanza bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fil-korpi ta' tmexxija.
Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea wriet ruħha favur il-promozzjoni tal-preżenza tan-nisa fil-kunsilli amministrattivi bil-għan li jinkiseb it-30% nisa fil-kunsilli amministrattivi fl-2015 u 40% fl-2020 permezz ta' miżuri volontarji u fuq awtoregolamentazzjoni. Jekk dan ma tantx jirriżulta konklużiv, huwa previst rikors għal inizjattivi mmirati fil-livell tal-Unjoni. Riċentement il-Kummissjoni Ewropea mmultiplikat l-inizjattivi f'dan is-sens: għalhekk, qed nistennew il-laqgħa tal-1 ta' Marzu man-nisa mexxejja ta' intrapriżi kif ukoll id-dokument 'staff working document' li se jiġi ppubblikat matul ix-xahar ta' Marzu dwar is-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri.
Għalhekk, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea nistennew proposti konkreti fil-qasam li jwieġbu għall-bżonnijiet tan-nisa ġestjonarji ta' intrapriżi sabiex jiġi offruti lilhom perspettivi aħjar tal-karriera, imma li jwieġbu wkoll għall-bżonnijiet tal-ekonomija Ewropea. Sabiex isir dan, hu indispensabbli li titqies id-diversità eżistenti f'dan il-qasam fl-Unjoni Eworpea kemm fil-livell tal-istrutturi tal-intrapriżi kif ukoll fil-livell tar-rappreżentanza tan-nisa.
- [1] Women Matter 2010 Mc Kinsey.
- [2] Kummissjoni Ewropea, DĠ għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi - Iktar nisa fil-karigi għolja. Is-soluzzjoni għall-istabilità ekonomika u t-tkabbir, Jannar 2010.
- [3] Ir-Rapport "Corporate Gender Gap" tal-2010.
- [4] European Boardwomen monitor 2010
- [5] European Boardwomen monitor 2010
- [6] Ir-Rapport tas-CWDI tal-2010 - Corporate Women Directors International - 'Accelerating Board Diversity Globally'
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
25.5.2011 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 0 6 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Edit Bauer, Emine Bozkurt, Marije Cornelissen, Silvia Costa, Edite Estrela, Iratxe García Pérez, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Nicole Kiil-Nielsen, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Elisabeth Morin-Chartier, Angelika Niebler, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Raül Romeva i Rueda, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Eva-Britt Svensson, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Anne Delvaux, Mojca Kleva, Kartika Tamara Liotard, Gesine Meissner, Norica Nicolai, Antigoni Papadopoulou |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Roger Helmer, Jacek Włosowicz |
||||