RAPPORT dwar il-Progress rigward il-ġlieda kontra l-mini

8.6.2011 - (2011/2007(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Geoffrey Van Orden

Proċedura : 2011/2007(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0211/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Progress rigward il-ġlieda kontra l-mini

(2011/2007(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ottawa dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Ħżin, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini kontra l-Persuni u dwar id-Distruzzjoni tagħhom (minn hawn 'il quddiem it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini) tat-3 ta' Diċembru 1997, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1999,

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1980 dwar Ċerti Armamenti Konvenzjonali (CCW) u l-protokolli tagħha, speċjalment il-Protokoll II Emendat dwar Mini, Bombi Moħbija u Tagħmir Ieħor u l-Protokoll V dwar Fdalijiet ta’ Splussivi tal-Gwerra,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet l-aktar reċenti tiegħu tat-22 ta' April 2004 dwar il-mini kontra l-persuni[1], tas-7 ta' Lulju 2005 dwar dinja mingħajr mini[2], tad-19 ta' Jannar 2006 dwar id-diżabilità u l-iżvilupp[3], tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar l-għaxar anniversarju tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini[4], u tas-6 ta’ Settembru 2001 dwar miżuri biex jippromwovu l-impenn ta’ atturi mhux statali dwar il-projbizzjoni totali tal-mini kontra l-persuni[5],

–    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1724/2001 tat-23 ta' Lulju 2001 rigward azzjoni kontra l-isplussivi tal-art anti-persunal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1725/2001 tat-23 ta' Lulju 2001 rigward azzjoni kontra l-isplussivi tal-art anti-persunal fil-pajjiżi terzi għajr dawk fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw[6],

–    wara li kkunsidra l-‘Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena 2010-2014: Tmiem tat-Tbatija kkawżata minn Mini kontra l-persuni adottata mit-Tieni Konferenza ta' Reviżjoni dwar il-Konvenzjoni ta' Ottawa tal-1997, li saret f'Kartaġena, il-Kolombja mit-30 ta’ Novembru sal-4 ta’ Dicembru 2009,

–    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Azzjoni tal-Komunità Ewropea rigward il-Mini 2008-2013,

–    »wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet numerużi dwar munizzjon tat-tip “cluster”, l-aktar reċenti tat-8 ta’ Lulju 2010[7], u dwar il-Konvenzjoni ta’ Oslo dwar il-Munizzjon tat-Tip “Cluster” iffirmata minn 94 stat li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2010,

–    wara li kkunsidra r-Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Servizz ta' Azzjoni rigward il-Mini tal-2009,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7–0211/2011),

A.  billi l-UE ilha impenjata attivament f'azzjonijiet rigward il-mini, speċjalment mill-Azzjoni Konġunta tal-1995 'il hawn, u hija impenjata favur il-projbizzjoni totali u l-eliminazzjoni ta’ mini kontra l-persuni (APL) mad-dinja kollha; billi l-UE hija minn ta’ quddiem fl-appoġġ u l-kontribut tagħha għal azzjoni rigward il-mini, li hija fost il-prijoritajiet tagħha favur id-drittijiet tal-bniedem, u l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp,

B.   billi l-‘azzjoni rigward il-mini’ tinkludi l-istħarriġ, il-kxif, l-immarkar u t-tneħħija tal-mini kontra l-persuni (APL) u l-fdalijiet tal-isplussivi tal-gwerra (ERW) – li jinkludu t-tagħmir abbandunat (AO), it-tagħmir mhux splodut (UXO), il-fdalijiet ta’ munizzjoni tat-tip "cluster" u t-tagħmir splussiv improvizzat (IEDs); kif ukoll it-tagħlim dwar ir-riskji tal-mini u l-ERW u l-programmi ta’ taħriġ speċjalment għat-tfal, l-għajnuna lill-vittmi, id-distruzzjoni tal-ħażniet u ħidma favur il-promozzjoni tal-universalizzazzjoni ta’ konvenzjonijiet u trattati internazzjonali relevanti sabiex jintemmu l-produzzjoni, il-kummerċ u l-użu tal-APL,

C.  billi l-persistenza tal-APL u l-ERW, inklużi l-IED u fdalijiet ta’ munizzjon tat-tip ‘cluster’, minbarra li tikkawża t-telf tal-ħajjiet umani, speċjalment fost il-popolazzjonijiet ċivili, tirrappreżenta ostaklu serju għar-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt fil-pajjiżi affettwati, u tista' sservi bħala materja prima għall-IED,

D.  billi, sal-1 ta' Diċembru 2010, 156 Stat kienu formalment qablu li jintrabtu bit-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini,

E.   billi fl-1999 kien hemm madwar 18,000 vittma mill-APL u ERW oħrajn u sal-2009 dawn naqsu għal madwar 4,000, skont is-Sorveljanza tal-Mini u Munizzjon tat-tip “Cluster”; billi 70% minn dawn il-vittmi x’aktarx huma ċivili, b’terz minnhom tfal, u billi bosta nies globalment għadhom jiġu affettwati mill-APL u l-ERW,

F.   billi żewġ gvernijiet biss – f’Burma/Myanmar u fil-Libja – dan l-aħħar firxu APL, l-ebda esportazzjoni jew trasferiment statali tal-APL ma ġew irreġistrati, u tliet stati biss huma kkunsidrati li komplew il-manufattura tagħhom, iżda gruppi ta’ ribelli bħall-FARC qed ikomplu jipproduċu t-tagħmir tagħhom huma stess,

G.  billi l-parti l-kbira tal-forzi armati waqfu jużaw l-APL, iżda diversi atturi armati mhux statali baqgħu jużaw l-APL, kif ukoll IED attivati mill-vittmi u munizzjon tat-tip “cluster”,

H.  billi iktar minn 90 pajjiż għadhom affettwati mill-APL u sa ċertu punt minn ERW oħra iżda dawk l-aktar affettwati reċentement huma l-Afganistan, il-Kolombja, il-Pakistan, il-Myammar, il-Kambodja u l-Laos,

I.    billi, l-ewwel nett, hi r-responsabilità tal-istati affettwati li jindirizzaw il-problemi tal-APL u l-ERW fit-territorju tagħhom, qabel, waqt u meta jkun spiċċa l-kunflitt,

J.    billi ftit mill-qawwa tal-militar ġiet kommessa għat-tneħħija tal-mini fil-pajjiżi affettwati fejn il-konflitt spiċċa iżda fejn għad hemm forzi armati lokali kbar,

K.  billi l-bżonn tal-għajnuna għall-vittmi ser jibqa' ħafna wara li t-theddida tal-APL tkun tneħħiet,

L.   billi l-komunità internazzjonali rrispondiet b'mod eċċellenti għall-isfida tat-traġedja tal-APL, b'kontribuzzjoni ta' madwar USD 3.9 biljun bejn l-1999 u l-2009 għall-ġlieda kontra l-mini, u billi l-kontributuri l-kbar kienu l-Istati Uniti (USD 902.4 miljun), il-K.E (USD 521.9 miljun), il-Ġappun (USD 336.9 miljun), in-Norveġja (USD 342.7 miljun), il-Kanada (USD 259.8 miljun), ir-Renju Unit (USD 220.6 miljun), il-Ġermanja (USD 206.9 miljun) u l-Pajjiżi l-Baxxi (USD 201.9 miljun),

M.  billi l-perċezzjoni tat-theddida mill-mini hi ġeneralment ikbar mir-realtà u ġie kkalkulat li 2% biss mill-art li hija suġġetta għall-proċess li jiswa ħafna flus għat-‘tindif’ fiżiku, hi verament ikkontaminata bl-APL jew ERW oħrajn; billi hemm indikazzjonijiet ċari dwar użu ineffiċjenti ta’ fondi allokati għal azzjoni rigward il-mini; jinnota wkoll li metodoloġiji ta’ stħarriġ u fehim aħjar tar-riżultati tal-istħarriġ jistgħu jnaqqsu drammatikament, kif għamlu fis-snin reċenti, il-bżonn ta’ tindif komplet ta’ żoni suspettati perikolużi,

N.  billi t-tekniki u t-teknoloġija tal-kxif tal-isplussivi ma żviluppawx ħafna, minkejja daqstant investiment, u hemm imperattiv ġdid minħabba l-użu dejjem akbar tal-IEDs,

O.  billi edukazzjoni għat-tnaqqis tar-riskju hija element kruċjali biex tgħin lin-nies, speċjalment it-tfal, f’reġjuni affettwati mill-mini, jgħixu aktar fis-sikurezza u biex jitgħallmu l-perikli tal-APL u tal-ERW;

Sforzi Globali dwar il-ġlieda kontra l-mini

1.   Ifaħħar il-progress li sar fil-ġlieda kontra l-mini fl-aħħar deċennju iżda jenfasizza li l-isforzi jridu jiffukaw mill-ġdid u jiġu intensifikati jekk irridu neliminaw it-theddida tal-APL f'perjodu definit;

2.   Jilqa' b'sodisfazzjoni l-fatt li 156 pajjiż iffirmaw u rratifikaw it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini, inklużi l-25 Stat Membru tal-UE, iżda jiddispjaċih li xi 37 pajjiż għadhom ma ffirmawx; iħeġġeġ lill-istati kollha li mhumiex partijiet sabiex jissieħbu fit-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini u l-Konvenzjoni dwar Munizzjon tat-tip “Cluster”; iħeġġeġ, partikolarment, lil dawk l-Istati Membri tal-UE li għad iridu jissieħbu fit-Trattat biex jagħmlu dan u jinkuraġġixxi sinerġija ikbar bejn id-diversi strumenti internazzjonali;

3.   Jilqa’ b’sodisfazzjoni il-fatt li 56 pajjiż issieħbu fit-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Munizzjon tat-tip “Cluster”, inklużi 15-il Stat Membru tal-UE, jilqa’, ukoll, l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Vientiane tal-2010 u l-pjan ta’ azzjoni tagħha; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jippromwovu l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni kemm tal-MBT kif ukoll tas-CCM;

4.   Jappoġġa bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena, li jipprevedi għal pjan ta’ impenji fuq ħames snin fl-oqsma kollha tal-azzjoni rigward il-mini u, jistieden lill-Kunsill sabiex jadotta kemm jista’ jkun malajr deċiżjoni ta’ appoġġ għal dan il-Pjan;

5.   Jenfasizza l-bżonn li tinstab sinerġija bejn id-diversi dimensjonijiet ta’ azzjoni rigward il-mini, b’attenzjoni speċjali għall-aspetti umanitarji u ta’ żvilupp, kif ukoll billi tiżdied is-sjieda lokali ta’ proġetti relatati u l-parteċipazzjoni fihom, sabiex jiġu sodisfatti aħjar il-bżonnijiet tal-persuni affettwati direttament;

6.   Jirrikonoxxi l-kontribut kbir tad-donaturi internazzjonali, l-aġenziji internazzjonali u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) fil-ġlieda kontra l-problema tal-APL u d-dedikazzjoni u s-sagrifiċċju tal-persunal kemm internazzjonali kif ukoll lokali;

7.   Jilqa' l-fatt li seba' pajjiżi ulterjuri ħabbru li lestew l-attivitajiet ta' tindif fl-2009 u fl-2010, biex b’hekk l-għadd totali tal-pajjiżi li għamlu dan huwa 16;

8.   Jirrikonoxxi li l-Istati Uniti kienet l-isponsor globali prinċipali fil-ġlieda kontra l-mini, li tappoġġja bil-qawwa l-programmi internazzjonali għat-tindif taż-żoni bil-mini u biex jiġu mgħejuna l-vittmi, u diġà applikat il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet prinċipali tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini u għaldaqstant jinkuraġġixxi lill-Istati Uniti biex tissieħeb fit-Trattat;

9.   Iħeġġeġ lir-Russja biex tissieħeb fit-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini, filwaqt li jinnota li r-Russja, li qabel kienet sors prinċipali tal-APL u għal żmien twil ġiet irreġistrata li tuża l-mini, tneħħiet mil-lista tal-2010 wara li ddikjarat li waqqfet l-użu;

10.  Ifakkar lill-istati fit-Trattat bl-obbligu tagħhom li jeqirdu l-ħażniet ta’ APL; hu mħasseb dwar il-fatt li ċ-Ċina u r-Russja għandhom l-ikbar ħażniet tal-APL, madwar 100 miljun u 24.5 miljun rispettivament; »iħeġġeġ lill-UE sabiex tinkludi fin-negozjati mar-Russja u ċ-Ċina l-kwistjoni tal-qerda tal-ħażniet tagħhom u adeżjoni rapida fit-Trattat tal-Projbizzjoni tal-Mini, u jistieden barra minn hekk lill-UE sabiex tkompli tippromwovi l-universalizzazzjoni tat-Trattat tal-Projbizzjoni tal-Mini u konvenzjonijiet oħra relevanti billi tinkludi wkoll il-kwistjoni ta’ azzjoni rigward il-mini fid-djalogu politiku tagħha u ftehimiet iffirmati ma’ pajjiżi terzi;

11.  Jiddeplora l-użu li qed ikompli jsir minn APL minn gruppi ribelli u terroristi u atturi oħrajn mhux statali; f‘dan ir-rigward jindika s-sitwazzjoni fil-Kambodja, fejn il-FARC huwa meqjus bħala l-grupp li l-aktar juża l-APL fost il-gruppi ribelli l-oħrajn kollha fid-dinja;

Studju ta' Każ – L-Afganistan

12. Jinnota li l-użu mifrux u indiskriminat tal-APL, matul iktar minn tliet deċennji ta' kunflitt, wassal biex l-Afganistan ikun l-aktar pajjiż ikkontaminat fid-dinja, u affettwat iktar bl-użu tal-IED mit-Taliban;

13. Jiddeplora l-fatt li minkejja li għadda aktar minn deċennju ta’ tindif bl-akbar u l-aktar programm umanitarju ffinanzjat għat-tneħħija ta’ mini fid-dinja, l-Afganistan għad għandu waħda mill-ogħla rati ta’ vittmi fid-dinja, u jesprimi tħassib serju dwar il-508 vittma minħabba l-APL u vittmi oħra tal-ERW bejn l-1 ta' Marzu 2009 u 1 ta' Marzu 2010, li iktar minn nofshom kienu tfal;

14. Jirrikonoxxi li l-kunflitt li għaddej f'ħafna żoni jagħmel it-tneħħija tal-mini perikoluża b'mod eċċezzjonali u li t-Taliban għandu fil-mira l-uffiċċji tan-NU u l-persunal kemm lokali kif ukoll internazzjonali;

15. Jinnota li ngħataw xi USD 80 miljun mill-komunità internazzjonali għall-ġlieda kontra l-mini fl-Afganistan fl-2009 u li l-għajnuna finanzjarja u teknika tal-UE mill-2002 ’il hawn, li tammonta għal EUR 89 miljun, għenet tnaddaf madwar 240km² ta’ APL fil-pajjiż biex hekk għamlet l-art ekonomikament aċċessibbli u ppermettiet il-bini mill-ġdid ta’ proprjetà u lill-familji biex imorru lura fi djarhom; jissottolinja l-bżonn ta’ aktar enfasi fuq l-għanjuna għall-vittmi u t-tagħlim dwar ir-riskji tal-mini;

16. Jilqa’ l-fatt li l-operazzjonijiet jiddependu esklussivament fuq xi 10,000 persunal lokali b'appoġġ internazzjonali, li jsaħħaħ il-komponent tas-sjieda tal-proċess;

17. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li jidher li l-Gvern Afgan ma jridx jassumi r-responsabbiltà, fil-livelli ċentrali u provinċali, dwar il-ġlieda kontra l-mini;

Studju ta' Każ – L-Angola

18. Xi 30 sena ta' kunflitti wasslu biex l-Angola, bħall-Afganistan, hi waħda mill-iktar pajjiżi affetwati mill-APL;

19. Jinnota li s-CNIDAH hi stabbilita bħala l-awtorità nazzjonali għall-ġlieda kontra l-mini, iżda l-pajjiżi donaturi għandhom ftit influwenza u l-gvern għandu aċċess għar-riżorsi finanzjarji sostanzjali tiegħu stess, b'mod partikolari mid-dħul miż-żejt;

20.  Hu mħasseb ħafna bil-bosta problemi strutturali enfasizzati mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009, pereżempju l-ineffiċjenzi tan-nefqa ta' EUR 2.7 miljun fuq 22 persunal tas-CNIDAH; iħeġġeġ lill-UE sabiex tissorvelja, tikkontrolla u tivvaluta l-użu effikaċi tal-flus u tiżgura li l-baġit allokat jintuża b’mod effiċjenti u mmirat sabiex jinkiseb ir-riżultat meħtieġ ta’ art imnaddfa;

21. Jiddispjaċih mill-fatt li minkejja li tlestew studju nazzjonali fl-2007 u programm kbir dwar il-ġlieda kontra l-mini, il-limitu tat-theddida mill-APL/ERW għadha mhix magħrufa b'ċertezza, u li bir-rati kurrenti tal-progress, hemm bżonn ta' 100 sena sabiex jitnaddaf il-pajjiż; jissottolinja l-bżonn urġenti li tiġi stabbilita relazzjoni differenti bejn il-gvern u d-donaturi internazzjonali, biex jiġu ddedikati aktar riżorsi nazzjonali għall-problema, bl-introduzzjoni ta' tekniki mtejba għat-tnaqqis taż-żoni u ż-żieda fil-kapaċità nazzjonali għat-tneħħija tal-mini sabiex l-art tkun tista' tinħeles iktar malajr għal użu produttiv;

Studju ta' Każ – Il-Bosnja

22. Jiddispjaċih li, 16-il sena wara t-tmiem tal-kunflitt fil-Bosnja-Ħerzegovina (BiH), għad hemm livell għoli ta' kontaminazzjoni mill-APL/ERW, b’madwar 11,000 meded imminati u madwar 220,000 APL u ERW li għadhom attivi fil-pajjiż kollu, li jirrappreżentaw sfida serja għas-sikurezza u ostaklu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

23. Jinnota t-titjib fil-ġestjoni tal-ġlieda kontra l-mini permezz tal-istabbiliment taċ-Ċentru għall-Ġlieda kontra l-Mini fil-BiH, iżda jiddispjaċih li l-BiH waqa’ lura ħafna fil-miri ta’ finanzjament u tindif stipulati fit-talba ta’ estensjoni tiegħu skont it-Trattat tal-Projbizzjoni tal-Mini;

24.  Jirrikonoxxi li l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi toħloq sfidi kbar għall-gvern u li l-Istrateġija dwar il-Ġlieda kontra l-Mini tal-2009–2019 għad trid tidħol fis-seħħ; jiddispjaċih li l-korp prinċipali tal-gvern responsabbli għall-azzjoni rigward il-mini, il-Kummissjoni għat-Tneħħija tal-Mini ilha xi snin ma' tiltaqa' mar-rappreżentanti tad-donaturi bbażati f'Sarajevo u li l-membri tagħha ma attendewx il-laqgħat internazzjonali tat-Trattat tal-Projbizzjoni tal-Mini mindu it-Tieni Konferenza ta' Reviżjoni tat-trattat fl-2009; iħeġġeġ lill-gvern sabiex jassumi s-sjieda sħiħa tal-azzjoni rigward il-mini sabiex jiżgura l-ippjanar u l-ġestjoni strateġika tagħha;

25. Jifraħ lill-Fond Fiduċjarju Internazzjonali għat-Tneħħija tal-Mini u l-Assistenza għall-Vittmi ta' Mini (ITFD) ibbażat fis-Slovenja dwar il-kontribuzzjoni tiegħu fil-ġlieda kontra l-mini fil-BiH, u jenfasizza l-bżonn li jibqa' kkonċentrat fuq il-BiH sakemm il-problema tingħeleb kompletament;

26. Jinnota li 33 organizzazzjoni akkreditata għat-tneħħija tal-mini joperaw fil-BiH iżda jista' jsir użu ikbar mill-qawwa tal-militar;

27. Ifaħħar lill EUFOR ALTHEA u l-Għalliema ta’ Edukazzjoni dwar ir-Riskji tal-Mini għat-taħriġ li taw lil bosta eluf ta’ nies u jħeġġiġhom biex ikomplu bl-isforzi tagħhom;

Studju ta' Każ – L-Eġittu

28. Jinnota li fl-2000 missjoni tan-NU ntbagħtet fl-Eġittu biex tistudja l-problema kkawżata mill-preżenza fir-reġjun tal-Kosta tal-Majjistral tal-pajjiż ta’ għadd konsiderevoli ta’ fdalijiet ta’ splussivi, inkluż l-APL tat-Tieni Gwerra Dinjija;

Għajnuna għall-vittmi

29. Jirrikonoxxi li l-ħajjiet u l-għajxien tal-vittmi tal-APL u ERW oħra jiġu affettwati għal għomorhom, prinċipalment huma ċivili, spiss ġejjin mill-ifqar popli tal-ifqar pajjiżi u jeħtieġu appoġġ mediku u soċjali speċjalizzat u għajnuna matul is-snin, anke meta ma jkunx hemm aktar vittmi;

30. Jilqa' l-fatt li, permezz tal-ġlieda kontra l-mini, ir-rata tal-vittmi tnaqqset drastikament, iżda jiddispjaċih mill-fatt li ċ-ċivili għamlu 70% mill-vittmi kollha fl-2009 u jiddeplora speċjalment li l-parti l-kbira tal-vittmi huma tfal;

31. Jiddispjaċih li s-superstiti mill-mini jew l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom ħadu sehem fl-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-vittmi f'inqas min-nofs il-pajjiżi affettwati, u jaqbel li l-fehmiet u d-drittijiet tas-superstiti għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali u lill-UE biex iżidu b’mod sinifikanti l-proporzjon tal-finanzjament tagħhom disponibbli għall-għajnuna għall-vittmi izda mhux askapitu tat-tindif tal-mini;

Progress fis-sejba tal-mini u t-tekniki tas-Sorveljanza

32. Jirrikonoxxi li n-nies lokali fiż-żoni affettwati mill-mini huma l-aħjar indikaturi inizjali fejn hemm theddida minn mina;

33.  Jinnota li - ukoll jekk saru żviluppi fit-teknoloġija għall-kxif tal-mini, it-taħriġ u t-tekniki - is-soluzzjonijiet rapidi, affidabbli u kosteffettivi għadhom ma nstabux u li tekniki li jużaw sondi manwali, inevitabbilment għadhom jintużaw b'mod mifrux; jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni importanti tal-Istandards Internazzjonali għal Azzjoni rigward il-Mini tan-NU (IMAS) biex ittejjeb is-sikurezza u l-effiċjenza tal-azzjoni rigward il-mini billi tistipula standards u tipprovdi gwida, kif ukoll ir-rwol tas-Servizz ta’ Azzjoni rigward il-Mini tan-NU fil-koordinazzjoni tal-isforzi ta’ azzjoni rigward il-mini;

34.  Jinnota li l-iktar prospetti produttivi għall-avvanzi tekniċi rigward il-kxif qegħdin f’metodi mfassla apposta bbażati fuq il-kombinazzjoni ta' numru ta' teknoloġiji, sabiex jiġu evitati vittmi u t-tneħħija ta’ mini ssir b’impatt ambjentali minimu;

35.  Jirrikonoxxi li stħarriġ magħmul sew jiswa' biss daqs l-eżattezza u l-effiċjenza tar-rappurtar sussegwenti u li d-donaturi jridu jiżguraw li l-finanzjament tagħhom ta' tali attività jintefaq sew;

36. Jistieden lill-Kummissjoni talloka fondi ulterjuri għar-riċerka dwar it-teknoloġiji u t-tekniki għall-istħarriġ u l-kxif tal-mini, b'kooperazzjoni internazzjonali mill-qrib ma’ dawk li jispeċjalizzaw f’dan il-qasam, u tuża fondi disponibbli fil-kuntest tas-7 Programm Qafas u s-settur tar-Riċerka dwar is-Sigurtà;

Lejn tmiem it-theddida mill-APL

37. Hu mħasseb li xi pajjiżi li jsofru mill-effett tal-APL qed jiddependu żżejjed fuq l-għajnuna finanzjarja internazzjonali għall-ġlieda kontra l-mini u mhux qed jużaw biżżejjed mir-riżorsi tagħhom ta’ ħaddiema jew mid-dħul; jistieden lill-UE sabiex tiżgura involviment akbar mill-pajjiżi affettwati u sabiex tfakkar lil dawn il-pajjiżi fir-responsabbilitajiet tagħhom u jitlob li b’mod partikolari s-sitwazzjoni fl-Angola tiġi studjata sabiex tiġi mobilizzata kontribuzzjoni nazzjonali akbar;

38. Hu mħasseb bid-devjazzjoni tar-riżorsi għat-'tneħħija tal-mini' f'żoni fejn hemm ftit li xejn theddid għall-iżvilupp f’termini umanitarji jew ekonomiċi, jew fejn it-theddid hu perċepit iżda mhux realtà, b'detriment tal-mira fuq żoni b'theddida għolja għall-ħajja; isejjaħ għal aktar enfasi fuq l-ippjanar u l-ġestjoni aħjar tal-operazzjonijiet u bi stħarriġ inizjali preċiż u rappurtar taż-żoni suspettużi;

39.  Jesprimi tħassib dwar is-sigurtà u l-kontroll dgħajjef ta’ ħażniet militari fejn jinżammu armi u tagħmir splussiv, inklużi mini, partikolarment f’pajjiżi fejn hemm ribelljoni u diżordni;

40. Jemmen li l-komunità internazzjonali għandha tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq dawk il-pajjiżi li l-inqas jistgħu jgħinu lilhom infushom, u dwar it-tneħħija tal-mini u l-għajnuna lill-vittmi, u li l-mira għandha tkun li nimxu b'aktar ħeffa lejn sitwazzjoni fejn il-pajjiżi jistgħu jiġu ddikjarati ħielsa mit-theddida tal-mini għall-ħajja u l-iżvilupp ekonomiku;

41. Iħeġġeġ lid-donaturi biex jipprovdu finanzjament b'miri aktar effikaċi, b’monitoraġġ u b'valutazzjoni;

42. Jemmen li l-isforzi għandhom jiġu kkonċentrati fuq il-ġenerazzjoni u l-iżvilupp ta' kapaċità lokali akbar, u li din tista' tinkludi persunal lokali mħarreġ b'mod speċjalizzat fuq bażi strutturata u professjonali jew aktar użu tal-unitajiet militari fis-sitwazzjonijiet ta' wara l-kunflitt, imħarrġa speċifikament għat-tneħħija tal-mini bi skop umanitarju;

43. Jitlob li jsir titjib fl-ippjanar nazzjonali, li jibni fuq l-aħjar prattiki, u għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-mini li talloka r-riżorsi, b'aktar effikaċja liż-żoni ta' prijorità, filwaqt li jkollha strutturi bl-inqas burokrazija possibbli;

44.  Jiddispjaċih li m'hemm l-ebda ċensiment affidabbli bin-numru kurrenti tal-vittmi tal-APL/ERW/IED u jħeġġeġ li ssir analiżi xierqa bħala gwida biex ir-riżorsi jkunu allokati b'aktar effikaċja, b'aktar konsiderazzjoni mogħtija lill-bżonnijiet tal-vittmi u l-familji tagħhom;

45.  Jiddispjaċih li mit-tneħħija, fl-2007, tal-linja baġitarja allokata mill-UE, l-UE m'għandhiex strument li fin-natura tiegħu hu flessibbli u għal ħafna pajjiżi, li jirrispondi b'mod koerenti għall-prijoritajiet tal-ġlieda kontra l-mini u li hemm, f’termini kwantitattivi, tnaqqis fil-finanzjament tal-UE għall-ġlieda kontra l-mini; għaldaqstant jitlob għar-restawr ta' approċċ aktar dedikat, b'linja baġitarja waħda taħt direttorat mexxej wieħed li jissinjala s-saħħa tal-impenn kontinwu tal-UE għall-ġlieda kontra l-mini, li teħtieġ tikkunsidra l-bżonnijiet speċifiċi ta’ pajjiżi individwali kif stipulat fil-Karti Strateġiċi tal-Pajjiżi u fl-istess waqt il-fatt li f’xi pajjiżi l-eżistenza tal-mini saret kwistjoni strutturali u għaldaqstant kwistjoni għall-politika tal-iżvilupp tal-UE;

46. Jiddispjaċih li sa issa la l-għajnuna eċċezzjonali (Artikolu 3) u lanqas il-komponent fit-tul (Artikolu 4) tal-Istrument għall-Istabbilità ma ntużaw għall-finanzjament ta’ programmi ta’ azzjoni rigward il-mini;

47. Jisħaq il-kapaċità li l-ġlieda kontra l-mini tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għad-diżarm wara l-ġlied, id-demobilizzazzjoni u r-riabilitazzjoni, u mhux wisq inqas billi tipprovdi taħriġ u xogħol ta' rispett għoli lill-ex kombattenti;

48.  Jistieden lid-donaturi biex jistandardizzaw il-metodi tagħhom ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni tal-kosteffettività tal-azzjonijiet mill-mini, sabiex ikunu iktar miftuħa għat-tqabbil u l-iskrutinju abbażi ta' pajjiż b'pajjiż, u permezz tal-aġenzija tal-MASG, jidentifikaw u jipproponu l-aħjar prattika;

49. Jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna l-“Linji Gwida dwar l-Azzjoni tal-Komunità Ewropea kontra l-Mini 2008-2013” tagħha, biex jirriflettu l-bidliet proposti fl-arkitettura tal-istituzzjoni u fil-finanzjament, biex tiżgura li t-tifrix tal-fondi jsir b’mod aktar rapidu u flessibbli, biex tipprovdi istruzzjonijiet ċari dwar l-aċċess għall-finanzjament, fejn il-mira tkun fuq l-iktar prijoritajiet urġenti u l-aħjar prattika, biex tipprevedi ‘pakketti’ tal-għajnuna li jippermettu lill-iktar pajjiżi li għandhom l-aktar bżonn jimxu mal-obbligi tagħhom skont it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini u tissorvelja u tevalwa b'mod tajjeb l-effikaċja tal-finanzjament;

50.  Jenfasizza li azzjoni rigward il-mini għandha tkun element obbligatorju tal-istrateġiji għall-pajjiżi fejn huwa magħruf li hemm mini u/jew fejn huma maħżuna;

51.  Hu konvint li permezz ta' koordinazzjoni u prijoritizzazzjoni internazzjonali aħjar, ġestjoni mtejba, prattiki tal-osservazzjoni u t-tneħħija tal-mini, monitoraġġ u rappurtar aħjar u użu aktar intelliġenti u aħjar tal-fondi, dinja mingħajr t-theddia tal-APL għall-ħajja, l-għajxien u l-iżvilupp ekonomiku, hi possibiltà reali f'perjodu definit;

52. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-gvernijiet tal-pajjiżi l-aktar affettwati mill-mini, u lill-NGOs internazzjonali.

  • [1]  ĠU C 104, 30.4.2004, p.1075.
  • [2]  ĠU C 157E, 6.7.2006, p.473.
  • [3]  ĠU C 287E, 24.11.2006, p.336.
  • [4]  ĠU C 323E, 18.12.2008, p.485.
  • [5]  ĠU C 72E, 21.3.2002, p.352.
  • [6]  ĠU L 234, 1.9.2001, p.6.
  • [7]  Testi adottati, P7_TA-PROV(2010)0285.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.5.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

57

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sir Robert Atkins, Dominique Baudis, Frieda Brepoels, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Heidi Hautala, Anna Ibrisagic, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Eduard Kukan, Alexander Graf Lambsdorff, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Barry Madlener, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Kristiina Ojuland, Ria Oomen-Ruijten, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Marek Siwiec, Charles Tannock, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Kristian Vigenin, Graham Watson, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Reinhard Bütikofer, Tanja Fajon, Elisabeth Jeggle, Baroness Sarah Ludford, Norbert Neuser, Doris Pack, Vittorio Prodi, Dominique Vlasto, Luis Yáñez-Barnuevo García

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Joachim Zeller