RAPPORT dwar il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment
6.6.2011 - (2010/2304(INI))
Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Niki Tzavela
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2010 dwar aċċess regolat għan-Netwerks ta’ Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA)[1],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-20 ta' Settembru 2010 bit-titolu 'Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment’ (COM(2010)0472),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju[2],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 bit-titolu: “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Il-Broadband Ewropew: Investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment’ (TEN/434-435 - CESE 362/2011),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2009 bit-titolu ‘Linji gwida Komunitarji għall-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mat-tusigħ rapidu tan-netwerks tal-faxx wiesa’[3],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Awissu 2009 bit-tiolu ‘Rapport dwar il-Kompetittività Diġitali tal-Ewropa: Kisbiet ewlenin tal-istrateġija i2010 mill-2005 sal-2009” (COM(2009)0390)
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2009 bit-titlu ‘L-Internet tal-Oġġetti: Pjan ta' azzjoni għall-Ewropa' (COM(2009)0278),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2009 bit-titolu "Ninvestu illum għall-Ewropa ta' għada" (COM(2009)0036),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-20 ta' Marzu 2006 bit-titolu ‘Bridging the Broadband Gap’ (Innaqqsu d-Distakk fir-rigward tal-Broadband) (COM(2006)0129),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-20 ta' Settembru 2010 bl-isem 'i2010 eGovernment Action Plan: Accelerating eGovernment in Europe for the Benefit of All’ (COM(2006)0173),‑{}‑
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2004 bit-titolu ‘e-Health - making healthcare better for European citizens: An action plan for a European e-Health Area’ (COM(2004)0356),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu[5],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-internet[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Settembru 2008 dwar ‘Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew’: Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2007 dwar it-tfassil ta’ politika Ewropea dwar il-Broadband[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-14 ta' Frar 2007 ntitolata ‘Lejn politika Ewropea għall-ispettru radju-elettriku’[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2006 dwar soċjetà ta' l-informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2005 dwar is-soċjetà tal-informazzjoni[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ottubru 1998 dwar il-globalizzazzjoni u s-soċjetà tal-informazzjoni: il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni internazzjonali msaħħa[12],
– wara li kkunsidra l-qafas tal-UE għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif emendat, b’mod partikolari d-Direttivi 2002/21/KE (Direttiva Qafas), 2002/20/KE (Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni), 2002/19/KE (Direttiva ta’ Aċċess), 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizzi Universali), 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) u r-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (Regolament BEREC),
– wara li kkunsidra l-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku COM(2008) 800 final,
– wara li kkunsidra l-Anness III għar-Regolament emendatorju tal-Kunsill (KE) Nru 473/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 189 tat-Trattat ta’ Lisbona,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0221/2011),
A. billi l-provvediment fl-UE kollha ta’ netwerks tal-broadband ta’ veloċità għolja huwa ta’ importanza vitali jekk għandhom jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija UE 2020, f’dawk li huma l-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku territorjalment koeżiv li jkun intelligenti, sostenibbli, u inklussiv, it-titjib tas-sitwazzjoni tal-impjiegi, it-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa, l-iffaċilitar tar-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni u b’hekk ir-reġjuni, l-ibliet, il-muniċipalitajiet u s-setturi tas-soċjetà kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ambjent diġitali u tingħatalhom l-opportunità li jesplojtjaw teknoloġiji diġitali ġodda għas-servizzi pubbliċi,
B. billi l-aċċess għall-broadband iseħħ minn ħafna pjattaformi(ram, kejbil, fibra, bla fili fiss u mobbli, satellita, eċċ.), attira utenti ta' kull tip (bħalma huma konsumaturi, negozji, gvern, istituzzjonijiet pubbliċi u mingħajr qligħ, inklużi skejjel, libreriji, sptarijiet u aġenziji tas-sukurezza pubblika), li jużaw il-broadband għal għadd kbir ta’ servizzi (kummerċ elettroniku, twassil tal-kura tas-saħħa, komunikazzjoni bil-vuċi u bil-vidjo, divertiment, immaniġġjar ta’ flotot, servizzi governattivi, edukazzjoni, taħriġ għall-impjiegi, u ħafna aktar), u qed jippermetti l-applikazzjonijiet tat-tip minn magna għal magna (miters elettriċi intelliġenti u grilji intelliġenti, moniters tal-qalb bla fili, servizzi ta’ emerġenza, sistemi tal-allarm, telemetrija tal-vetturi, intraċċar tal-inventarju, u aktar),
C. billi r-rikonoxximent u t-tħaddin ta’ diversi pjattaformi, utenti u servizzi bħala parti mill-ekosistema tal-broadband se jgħinu biex jiġi żgurat il-100% tal-aċċess għall-broadband u se jwasslu l-ħafna benefiċċji tas-soċjetà li hemm assoċjati miegħu, li mbagħad, min-naħa tagħhom, jippromwovu l-adozzjoni tal-broadband 100%, billi l-objettivi tal-UE għandhom jinkludu li r-reġjuni u s-setturi kollha tas-soċjetà jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ambjent diġitali,
D. billi l-aċċess sostenibbli tal-infrastruttura u l-kompetizzjoni tas-servizzi, flimkien ma’ ffissar ta’ miri realistiċi, vijabbli, ‘minn fuq għal isfel’ , se jagħmlu l-konnettività tal-ġenerazzjoni li jmiss disponibbli b’mod effiċjenti u konformi mad-domanda,
E. billi l-politika tal-UE tal-broadband għandha tħejji t-triq għal żvilupp fejn l-UE tista’ tkun ta’ quddiem nett rigward l-aċċess għall-broadband, il-veloċitajiet, il-mobilità, il-kopertura u l-kapaċità tal-broadband; billi t-tmexxija globali fis-settur tal-ICT hija kruċjali għall-prosperità u l-kompetittività tal-UE; billi s-suq Ewropew bi kważi 500 miljun persuna konnessi mal-broadband ta’ veloċità għolja għandu jixpruna l-iżvilupp tas-suq intern, filwaqt li joħloq massa kritika globalment unika ta’ utenti, jesponi r-reġjuni kollha għal opportunitajiet ġodda u jagħti lill-utenti valur akbar u lill-UE l-kapaċità li tkun ekonomija bbażata fuq l-għarfien fuq quddiem nett fid-dinja; billi l-installazzjoni rapida tal-broadband hija essenzjali biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lill-produttività, u biex jiġu stimolati l-SMEs ġodda u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE,
F. billi huwa essenzjali li jingħalaq id-distakk diġitali u jinkiseb broadband għal kulħadd fl-UE kollha għal valur miżjud Ewropew, speċjalment fir-rigward taż-żoni remoti u rurali, sabiex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali,
G. billi l-broadband huwa importanti għall-implimentazzjoni tal-infrastrutturi teknoloġiċi l-ġodda, li huma meħtieġa għat-tmexxija xjentifika, teknoloġika u industrijali tal-UE, bħall-cloud computing, is-superkompjuters, l-internett tal-Oġġetti u l-ambjenti intelliġenti tal-kompjuters; ifakkar li l-aċċess xieraq għall-broadband u l-veloċità xierqa tal-broadband huma essenzjali għall-iżvilupp u l-użu effiċjenti ta’ tali teknoloġiji innovattivi tal-ICT; barra dan jinnota li dawn it-teknoloġiji u s-servizzi li jipprovdu huma maħsuba għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji, inklużi l-SMEs,
H. billi l-atturi pubbliċi jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-varar tal-broadband għal kulħadd u tal-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA) f’żoni li mhumiex servuti jew li mhumiex servuti biżżejjed; billi l-investiment pubbliku għandu jopera b’tali mod li jikkumplementa l-investiment privat u jsaħħaħ il-kompetizzjoni; billi l-investituri fl-NGA jridu jżommu f’idejhom inċentivi xierqa biex ikomplu jinvestu fil-broadband,
I. billi s-settur privat investa mijiet ta’ biljuni ta’ euro f’faċilitajiet, servizzi, applikazzjonijiet u kontenut tal-broadband matul l-aħħar għaxar snin, iżda xorta mhux iċ-ċittadini kollha Ewropej esperjenzaw il-benefiċċji tal-broadband; billi l-promozzjoni tal-investiment privat u pubbliku għandha tkompli tkun il-mutur primarju tat-tkabbir tal-broadband fl-UE,
J. fir-rigward tad-deċiżjoni meħuda mill-Konferenza Ministerjali għall-Unjoni għall-Mediterran tal-4 ta’ Novembru 2008 f’Marsilja biex jitnaqqas id-distakk diġitali bjen iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, li rriżultat fil-proposta tal-BB-Med (il-broadband għall-Mediterran),
1. Il-Broadband għal kulħadd
1. Jinnota li l-Komunikazzjoni tifforma parti waħda biss minn pakkett usa’, li jinkludi wkoll l-Aġenda Diġitali, l-Unjoni tal-Innovazzjoni, il-Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju u l-programmi ta’ finanzjament tal-UE u nazzjonali, bil-għan li tinħoloq sistema ta’ appoġġ reċiproku għal aktar żvilupp effiċjenti tan-netwerks u għall-aċċess għalihom u l-użu tagħhom, kemm jekk terrestri fissi u mobbli jew permezz tas-satellita;
2. Jinnota li l-kunċett tal-broadband qiegħed jevolvi kostantament peress li l-għadd ta' pjattaformi kiber u l-bażi ta’ konsumaturi u l-firxa ta’ utenti mmultiplikaw b’mod esponenzjali: il-broadband issa mhux biss jirrigwarda l-aċċess għall-internet, l-anqas ma huwa limitat għall-interazzjoni diretta tal-bnedmin hekk kif il-konnessjonijiet u l-applikazzjonijiet bejn makna u oħra qed jipproliferaw rapidament;
3. Jinnota li t-traffiku tad-data kemm fiss u kemm mobbli qed jikber esponenzjalment u li għadd ta’ azzjonijiet, bħalma huma aktar allokazzjonijiet armonizzati għall-ispettru għall-broadband bla fili, żieda fl-effiċjenza tal-ispettru u l-varar rapidu tan-netwerks tal-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA), se jkunu kruċjali għall-ġestjoni ta’ din iż-żieda;
4. Iqis għalhekk li l-objettiv irid ikun li tiġi stabbilita tmexxija globali min-naħa tal-UE fl-infrastruttura tal-ICT; bil-għan li jintlaħaq dan l-objettiv, 100% tal-kopertura bażika bil-broadband għandu jitwassal lill-Ewropej kollha sas-sena 2013, fejn jingħataw servizz ta’ mill-anqas 2 Mbps lill-utenti kollha fiż-żoni rurali u veloċitajiet ħafna aktar għolja lill-utenti f’żoni oħra; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn il-fatt li, bil-għan li jiġi oppost u pprevenut distakk diġitali, il-kopertura bażika fiż-żoni rurali se jkollha bżonn tqis ir-rekwiżiti li qed dejjem jiżdiedu ta' trasmissjoni għal servizzi tal-internet innovattivi bħalma huma l-gvern elettroniku, is-saħħa elettronika jew it-tagħlim elettroniku; hu tal-fehma li, meta jkun qed jitqies kif għandhom jiġu ffinanzjati dawn il-miri, għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa l-kompetizzjoni bil-għan li jiġi evitat it-tgħawwiġ tas-suq u sabiex is-suq ikun jista’ jipprovdi soluzzjonijiet mill-bidu nett;
5. Jinnota li, biex inkunu fit-triq it-tajba għall-mira ta’ 100Mbps, sal-2015 madwar 15% tal-unitajiet domestiċi tal-UE għandhom ikollhom abbonamenti b’tal-anqas dik il-veloċità;
6. Ifakkar kemm hu importanti li jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda Diġitali, jiġifieri li jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess għal veloċitajiet tal-broadband ta’ mhux inqas minn 30 Mbps sal-2020 u li jsir possibbli għall-UE li jkollha l-ogħla veloċitajiet u kapaċità tal-broadband possibbli; jenfasizza li, biex jintlaħqu l-miri tal-broadband tal-UE 2020, l-Aġenda Diġitali trid tistabbilixxi punti ta’ riferiment għas-snin intermedjarji 2013, 2015, u 2018, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir l-aħjar użu tat-teknoloġiji disponibbli kollha, inklużi dawk mobbli u dawk tas-satellita, biex tinkiseb il-kopertura bil-broadband fiż-żoni rurali, fir-reġjuni muntanjużi u fil-gżejjer bl-aktar mod kosteffettiv, mingħajr piżijiet żejda fuq il-konsumaturi, ir-reġjuni tal-Istati Membri jew l-industrija;
8. Jinnota li l-allokazzjoni fil-ġejjieni tal-ispettru tar-radju għandha twitti t-triq għat-tmexxija Ewropea fl-applikazzjonijiet bla fili u fis-servizzi l-ġodda; jirrimarka li l-aċċess għall-faxex ta’ frekwenza baxxa tar-radju, bil-karatteristiċi ta’ propagazzjoni tagħhom li jappoġġaw kopertura fuq żoni vasti, huwa kruċjali għall-iffaċilitar tal-kopertura bil-broadband bla fili fiż-żoni rurali, fir-reġjuni muntanjużi u l-gżejjer, u b’hekk jinfetaħ l-aċċess għas-servizzi prevedibbli kollha tal-internet; jenfasizza li l-Ewropa għandha tibqa’ fuq quddiem nett tar-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tas-servizzi bla fili; jinnota li huwa essenzjali li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-infrastrutturi tal-broadband, inkluż it-tagħmir tal-utenti fuq il-post, sabiex jiġu assistiti l-aċċettazzjoni u x-xiri tas-servizzi tal-internet tal-broadband bis-satellita fuq bażi finanzjarjament aċċessibbli fiż-żoni rurali, fir-reġjuni muntanjużi u tal-gżejjer, u li l-utenti jiġu mgħejjuna biex ikollhom aċċess għas-servizzi tal-internet previsti kollha;
9. Jirrakkomanda l-iffaċilitar tal-isfruttar fil-pront tad-‘Dividend Diġitali’ għas-servizzi ġodda tal-broadband mobbli permezz ta’ approċċ pan-Ewropew li jkun armonizzat u teknoloġikament newtrali, li jagħti ekonomiji ta’ skala u jevita l-kwistjonijiet detrimentali tal-interferenza transkonfinali, filwaqt li ma jinterferix mar-riċeviment tat-TV/HDTV Diġitali fuq il-bażi tal-istandards internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tappoġġa l-proġetti u l-esperimenti bl-‘ibliet bla fili’;
10. Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-istituti tat-tagħlim u tar-riċerka jkollhom aċċess għall-infrastrutturi tal-broadband bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera tal-għarfien għall-finijiet tat-tħejjija tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar u biex l-UE ssir kompetittiva; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw programmi Ewropej u nazzjonali biex jiffaċilitaw u jipprovdu l-iffinanzjar għall-aċċess għall-infrastruttura tal-broadband għall-istituzzjonijiet kollha tat-tagħlim u r-riċerka sal-2015; jikkunsidra li sal-2015 l-istituzzjonijiet kollha Ewropej tar-riċerka u akkademiċi għandhom ikunu konnessi b’netwerks b’Gbps ultraveloċi, u b’hekk jinħoloq l-intranet għaż-żona tar-riċerka unika Ewropea;
11. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jestendu l-konnettività ta’ aċċess miftuħ ta’ veloċità għolja għall-infrastrutturi pubbliċi importanti (skejjel, sptarijiet u istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn) li jinsabu f’żoni remoti, bħala mezz biex itejbu s-servizz pubbliku u jankraw il-konnettività b’veloċità għolja fir-reġjuni remoti, biex b’hekk inaqqsu l-ispejjeż tal-investiment għad-distribuzzjoni lokali privata;
12. Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jimplimentaw politiki pubbliċi biex jappoġġaw l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda u li tkun promossa l-introduzzjoni ta' metodi ta' tagħlim diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u mal-pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-UE;
13. Ifakkar li t-teknoloġiji l-ġodda u l-aċċess għall-konnessjonijiet ta’ veloċità għolja għandhom impatt pożittiv fuq l-edukazzjoni taċ-ċittadini, inkluż billi joħolqu opportunitajiet tajba għat-tagħlim mill-bogħod b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi, għall-informazzjoni, għall-komunikazzjonijiet u għar-rikreazzjoni;
14. Jenfasizza l-ħtieġa għal investiment sostnut fir-riċerka fi ħdan l-UE għat-teknoloġiji futuri tal-komunikazzjoni kemm fit-telefonija fissa u f’dik tal-mowbajl; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa inizjattivi konġunti ta’ teknoloġija f’dawn l-oqsma, billi tinvolvi l-universitajiet, l-istituti ta’ riċerka, il-manifatturi tat-tagħmir u l-fornituri tas-servizz u tal-kontenut; iqis li dawn il-pjattaformi jipprovdu l-aħjar mezzi biex tiġi żviluppata u sfruttata t-teknoloġija ġdida u jipprovdu vantaġġ kompetittiv sinifikanti għall-UE;
15. Jinnota li, ix-xandara għandhom ikunu kapaċi joffru kontenut awdjoviżiv pluralistiku ta' standard għoli, billi jużaw pjattaformi ta’ xandir eżistenti, inklużi pjattaformi terrestri kif ukoll netwerks tal-broadband, b'mod partikolari għal servizzi fuq talba, sakemm dawn in-netwerks tal-broadband jissodisfaw l-istess rekwiżiti f'termini tal-kwalitià tas-servizz u jimmassimizzaw l-effiċjenza tal-ispettru u l-kopertura tagħhom;
16. Jitlob lill-Kummissjoni biex, bil-għan li tinħoloq struttura koerenti, konsistenti u effettiva tal-UE li tiġbor flimkien ir-riżorsi kollha biex ikunu jistgħu jintużaw b’mod effiċjenti, tippreżenti b’mod urġenti proposta xierqa għal pjan strateġiku li jkun fih qafas uniku għall-aspetti kollha tas-sigurtà ċibernetika tal-UE, tiżgura l-ħarsien sħiħ u l-abilita ta’ rkupru tal-infrastrutturi tan-netwerks u tal-informazzjoni kritika, inklużi standards minimi ta’ sikurezza u ċertifikazzjonijiet, terminoloġija komuni, ġestjoni tal-inċidenti ċibernetiċi u pjan direzzjonali dwar is-sigurtà ċibernetika; hu tal-fehma li tali pjan għandu jiddefinixxi l-kontribuzzjonijiet rekwiżiti minn kull attur, inkluża l-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-ENISA, il-Europol, il-Eurojust, l-UE u t-timijiet nazzjonali bil-kompjuter għar-reazzjoni għall-emerġenzi u korpi u awtoritajiet oħra relevanti tal-UE u nazzjonali, kif ukoll is-settur privat, u wkoll jindirizza r-rwol u r-rappreżentanza tal-UE internazzjonalment;
17. Iqis li l-obbligi universali tas-servizz jistgħu eventwalment isiru inċentiv addizzjonali mal-iżvilupp tal-broadband u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex malajr teżamina mill-ġdid l-ambitu tas-servizz universali f’dan ir-rigward;
18. Jistieden lill-Istati Membri biex, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha, jistabbilixxu pjanijiet tal-broadband nazzjonali u jadottaw pjanijiet operazzjonali b’miżuri konkreti biex jimplimentaw il-miri tal-2013 u l-2020 stipulati fl-Aġenda Diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tistudja dawn il-pjanijiet, tipproponi soluzzjonijiet ottimi u tikkoordina l-implimentazzjoni tagħhom mal-Istati Membri;
2. Il-Broadband għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-kompetittività globali
19. Iqis li huma meħtieġa netwerks u servizzi ġodda ta’ veloċità għolja biex tiġi inkoraġġita l-kompetittività internazzjonali tal-UE u biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja;
20. Jemmen li l-kombinazzjoni tal-kompetizzjoni u l-miri magħżula bl-attenzjoni, kemm fl-infrastruttura kif ukoll fis-servizzi, tipprovdi l-aħjar bażi għall-investiment sostenibbli, l-innovazzjoni u l-aċċettazzjoni u x-xiri; madankollu jenfasizza li f’xi każijiet aktar kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati tista’ trawwem ukoll l-investimenti;
21. Iqis li n-netwerks tal-broadband ta’ kapaċità għolja u l-fibra fin-netwerks ta’ aċċess (FTTH jew ‘il-fibra ottika sad-dar tal-utent’) huma essenzjali mill-perspettiva kemm tal-utenti finali u l-ħtiġijiet tagħhom fil-ġejjieni u kemm tal-iżvilupp ekonomiku, meta wieħed iqis l-użu dejjem aktar estensiv tal-applikazzjonijiet tal-broadband;
22. Jirrakkomanda li jiġi promoss suq kompetittiv għall-investiment f’infrastruttura tal-broadband fissa kif ukoll mingħajr fili, u għall-użu tagħha; jinnota li suq kompetittiv huwa katalist għall-investiment addizzjonali u għall-innovazzjoni min-naħa tal-fornituri tal-komunikazzjonijiet, tal-applikazzjonijiet u tal-kontenut, kif ukoll pjattaforma vitali għall-ekonomija diġitali; jirrikonoxxi l-fatt li pjattaforma tal-broadband robusta se tgħaqqad il-gvern, l-utenti individwali u dawk kummerċjali f’postijiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, u li għalhekk l-UE u l-Istati Uniti b’mod partikolari għandhom isegwu aġendi kuraġġjużi biex jippromwovu l-broadband;
23. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Kommunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u lill-fornituri tas-servizzi jaħdmu biex sal-2013 isibu approċċ komuni lejn it-tisħiħ tas-suq uniku għan-negozju u l-komunikazzjonijiet madwar l-UE kollha;
24. Jenfasizza, bil-ħsieb li jiġu rrealizzati swieq mobbli kompetittivi, l-importanza tal-allokazzjoni kompetittiva u f’waqtha ta’ spettru għall-broadband bla fili permezz tal-Programm ta’ Politika dwar l-Ispettru tar-Radju, u jistieden lill-Istati Membri biex sal-2013 jagħmlu disponibbli l-faxxa tat-800MHz, filwaqt li jirrispettaw is-servizzi eżistenti;
25. Ifakkar li d-dinja diġitali u l-ICT huma muturi tal-innovazzjoni u li l-aċċess għal broadband ta’ veloċità kbira għaldaqstant huwa prekundizzjoni essenzjali fis-Sħubiji Ewropej għall-Innovazzjoni (EIPs) kollha, peress li ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni miċ-ċittadini;
26. Jenfasizza l-importanza tal-akkwist pubbliku prekummerċjali ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-R&D għas-setturi msemmija bħala mezz biex jiġi stimulat ċiklu virtuż ta’ żvilupp teknoloġiku u domanda għal servizzi tal-broadband ta’ veloċità għolja;
27. Huwa tal-fehma li l-finanzjament pubbliku allokat għas-servizzi tal-broadband jista’ jipprovdi l-ispinta effettiva għall-kompetittività tar-reġjuni tal-UE jekk jiġi dirett għal ġol-iżvilupp ta’ infrastruttura aġġornata ta’ ġenerazzjoni ġdida b’kapaċità għolja ta’ trażmissjoni f’żoni fejn hemm nuqqas mill-akbar ta’ konnessjoni tal-broadband; jemmen li żoni bħal dawn, b’mod partikolari dawk b’bażi industrijali kbira u li għandhom densità għolja ta’ popolazzjoni, jistgħu jibbenefikaw malajr ħafna mill-potenzjal innovattiv u kreattiv tas-servizzi l-ġodda disponibbli għall-individwi u għan-negozji;
28. Iqis li l-estensjoni tan-netwerks tal-broadband, prinċipalment fiż-żoni rurali, se tiffaċilita titjib fil-komunikazzjonijiet, partikolarment għal persuni b’mobilità mnaqqsa jew li jgħixu f’kundizzjonijiet iżolati, kif ukoll se ttejjeb l-aċċess għal servizzi u tħeġġeġ l-iżvilupp tas-SMEs f’żoni rurali, u b’hekk tgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda u jiġu żviluppati servizzi ġodda f’dawn il-postijiet;
29. Jiddispjaċih li l-EUR 1 biljun ta’ finanzjament imħabbar fl-2008 fil-pjan għall-irkupru ekonomiku Ewropew b’referenza għal koperutura ta’ 100% bil-broadband sa tmiem l-2010 ma ġiex allokat u li dan l-objettiv ma ntlaħaqx; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw l-ammonti meħtieġa biex tintlaħaq il-mira li sal-2013 tiġi żgurata kopertura ta’ 100% bil-broadband meta l-qafas finanzjarju multiannwali attwali jiġi rieżaminat;
30. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi stabbilit suq uniku diġitali kompetittiv li jaħdem bħala xprun biex is-suq intern jinfetaħ għaċ-ċittadini kollha tal-UE; jitlob għall-istabbiliment ta’ 'punt uniku ta’ riferiment' fir-rigward tal-VAT f’kull Stat Membru sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ elettroniku transkonfinali għall-SMEs u l-imprendituri;
31. Isostni li d-domanda għolja għall-konnettività, li simultanjament tkabbar il-profil tal-ekonomija onlajn tal-UE, tikkontribwixxi biex l-UE tkun lesta għan-netwerks u twieġeb għat-tibdil fis-soċjetà li qed iseħħ fis-suq uniku, għandha tiġi appoġġjata mill-fondi xierqa u minn infrastruttura solida ta’ kompetizzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-proġett tal-Broadband Ewropew;
32. Jenfasizza li s-servizzi tal-broadband huma essenzjali għall-kompetittività tal-industrija tal-UE u jikkontribwixxu bil-kbir għat-tkabbir ekonomiku tal-UE, għall-koeżjoni soċjali u għall-impjiegi ta’ kwalità, kif ukoll għall-parteċipazzjoni tar-reġjuni u l-gruppi soċjali kollha fil-ħajja diġitali fl-UE; jemmen li l-implimentazzjoni b’suċċess tal-‘Pakkett tal-Broadband’ hija kritika biex jiġi ttrattat b’mod determinat il-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, permezz tal-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv fl-Ewropa kif previst mill-istrateġija Ewropa 2020;
33. Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ssejjaħ Assemblea Diġitali f’Ġunju tal-2011;
3. L-inċentivizzar tal-investiment u l-kompetizzjoni
34. Jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri min-naħa tal-Istati Membri u s-settur tal-industrija li jkunu mmirati biex jipprovdu l-broadband għal kulħadd, jiġu ffukati fuq in-naħa tad-domanda u jevitaw li jgħawġu s-suq jew li joħolqu piż bla bżonn fuq is-settur;
35. Jinnota li r-riskji potenzjali involuti fil-bini ta’ infrastruttura tal-broadband tal-ġenerazzjoni li jmiss li tkun tiswa ħafna huma qawwija, b’perjodi twal ta’ ħlas lura; jistqarr li r-regolamentazzjoni m’għandhiex tiskoraġġixxi l-investimenti f’din l-infrastruttura u għandha tiżgura li l-parteċipanti kollha tas-suq ikollhom inċentivi suffiċjenti biex jinvestu;
36. Jisħaq li l-ispiża tal-investimenti tal-infrastruttura teħtieġ li tiġi ffinanzjata mis-suq; jinnota, madankollu, li, fejn x’aktarx li ma tiġix installata infrastruttura miftuħa permezz ta’ forzi tas-suq f'perjodu ta’ żmien raġonevoli, il-qafas tal-għajnuna tal-istat għall-broadband u l-użu speċifikat tal-fondi Komunitarji, inkluż permezz tal-BEI, il-fondi strutturali u l-FAEŻR, jistgħu jkunu l-aktar mezz kumplementari progressiv biex jiġi aċċellerat il-varar tal-broadband; jistieden lill-Kummissjoni ħalli fir-rieżami tagħha tal-linji gwida tal-għajnuna tal-istat fir-rigward tal-broadband tipprovdi qafas stabbli u konsistenti li jkun jappoġġja l-kompetizzjoni u l-investiment effiċjenti fin-netwerks miftuħa u tippermetti l-allokazzjoni flessibbli ta’ fondi tal-UE fiż-żmien tal-perjodi ta’ programmar rispettivi;
37. Jappoġġa l-miżuri kollha li se jgħinu biex jonqsu l-ispejjeż tal-inġinerija ċivili u jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm servizzi innovattivi biex jiġu stimulati l-aċċettazzjoni u x-xiri; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi ħiliet u kompentenzi ġodda biex jiġu pprovduti servizzi innovattivi u biex inkunu nistgħu nadattaw ruħna għall-bidla teknoloġika, u jqis li l-investiment f’netwerks ġodda, miftuħa u kompetittivi għandu jiġi sostnut minn miżuri meħuda mill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali ħalli jitnaqqsu l-ispejjeż; jitlob li jiġu allokati fondi pubbliċi (nazzjonali u tal-UE) għall-iżvilupp ta' infrastrutturi tal-komunikazzjonijiet bil-broadband fiż-żoni iżolati, li għandhom popolazzjoni baxxa u mifruxa jew li huma ultraperiferiċi li mhumiex attraenti biżżejjed għall-fornituri f’dak li jirrigwarda l-kost imqabbel mal-benefiċċji;
38. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ gwida aħjar dwar l-investiment fil-broadband għall-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-għan li jiġi inkoraġġit l-assorbiment sħiħ tal-fondi tal-UE, peress li l-figuri tal-infiq għall-Fondi Strutturali jissuġġerixxu li r-reġjuni jsibuha diffiċli biex jassorbu l-fondi disponibbli u biex jimmirawhom għal proġetti tal-broadband; jikkunsidra li l-għajnuna statali għall-investiment tal-broadband għandha tintuża f’sinerġija mal-fondi strutturali biex tistimula l-intraprenditorija lokali u l-ekonomija lokali, jinħolqu impjiegi lokali u tiġi promossa l-kompetizzjoni fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet; jemmen li biex isir użu massimu mill-fond pubbliku limitat, kemm jekk direttament mill-Istati Membri jew inkella permezz tal-UE, tali fondi jeħtieġ li jkollhom fowkus ċar fuq dawk il-proġetti fejn jista’ jkun mistenni li jkollhom l-effett massimu f’investiment privat bil-għan li jkomplu jiżdiedu l-kopertura u l-kapaċità; jenfasizza l-ħtieġa għal fondi pubbliċi jew self preferenzjali, f’konformità mal-gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna statali, li għandha tiġi mmirata lejn evidenza futura, fit-tul u infrastrutturi miftuħa li jappoġġjaw il-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur;
39. Jenfasizza li azzjonijiet f’dan il-qasam jitwettqu predominantement fuq livell lokali, u jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa u ttejjeb mekkaniżmi li se jippermettu li l-protagonisti lokali jiksbu l-informazzjoni rilevanti sabiex inaqqsu l-ispejjeż tal-investimenti; iqis li, sabiex il-pjanijiet tal-broadband isiru operattivi għalkollox, mhux biss il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jikkooperaw, iżda l-awtoritajiet reġjonali u lokali ukoll għandhom jiġu involuti fit-tfassil tal-pjanijiet;
40. Jagħraf il-fatt li ċ-ċertezza regolatorja hija meħtieġa biex jiġi promoss l-investiment u biex jiġu indirizzati l-barrieri fin-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN) jsegwu politiki prokompetittivi li jiżguraw it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni fis-suq tal-bejgħ tal-telekomunikazzjonijiet bl-ingrossa, ħaġa li tħalli lill-kompetituri kollha jkollhom aċċess ġust għall-infrastruttura; jistieden lill-Istati Membri.jikkonformaw mar-regoli tal-UE rigward it-telekomunikazzjonijiet u jistieden lill-ARN jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-NGA; jistieden lill-Kummissjoni tapplika aktar elementi li jinċentivizzaw l-investiment fil-qafas regolatorju u tipprovdi stimolu biex jintużaw sinerġiji mill-proġetti tal-infrastruttura;
41. Jenfasizza l-importanza tas-swieq kompetittivi fil-kisba ta’ broadband li jkun għall-but ta’ kulħadd, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat malajr mill-Istati Membri u l-ARN il-qafas rivedut tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE u r-Rakkomandazzjoni dwar l-Aċċess tal-Ġenerazzjoni Li Jmiss;
42. Jinnota l-ħtieġa għal linji gwida ċari għall-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-fondi jiġu diretti f’waqthom lejn objettivi tal-broadband ewlenin filwaqt li jiġu rispettati l-effiċjenza u l-proporzjonalità tal-ispiża tal-miżuri;
43. Jitlob li jiġi stabbilit qafas li jkun jirrispetta l-investimenti għall-NGA u għall-aċċess ta’ veloċità għolja bla fili (mobbli u bis-satellita) li, inter alia, jiżgura ċ-ċertezza legali u jippromwovi l-investiment, il-kompetizzjoni u n-newtralità tat-teknoloġija, filwaqt li jħalli l-għazliet tat-teknoloġija f’idejn is-suq;
44. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess nondiskriminatorju għax-xogħlijiet ċivili u jiffaċilitaw l-aċċess għat-tubi, u b’hekk jitbaxxa sostanzjalment il-livell ta’ limitu għall-investimenti;
45. Jistieden lill-Kummissjoni, b’appoġġ mill-Istati Membri, tagħmel mappa li turi ż-żoni li mhumiex servuti u ż-żoni li mhumiex servuti biżżejjed;
46. Jinnota li bil-għan li jiġu massimizzati d-disponibilità u l-adozzjon tal-broadband, il-politika tal-UE trid tinkoraġġixxi l-installazzjoni ta’ netwerks, applikazzjonijiet, tagħmir ta’ aċċess, servizzi u kontenut li jkunu effiċjenti u finanzjarment aċċessibbli; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżviluppaw servizzi elettroniċi tal-gvern, tad-demokrazija, tat-tagħlim u tas-saħħa, li se jagħtu spinta lid-domanda għall-broadband;
47. Jenfasizza li fejn il-forzi tas-swieq huma kapaċi jwasslu l-aċċess kompetittiv għall-broadband, il-politika tal-gvern għandha tippromwovi l-investiment u l-innovazzjoni min-naħa tas-settur privat billi tneħħi l-ostakoli għall-installar;
48. Jappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jittejjeb l-iffinanzjar ta' netwerks veloċi u ultraveloċi, u jenfasizza l-ħtieġa li tali finanzjar ikun dirett lejn proġetti ta’ infrastruttura miftuħa li jappoġġaw diversità ta’ servizzi;
49. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu esplorati sorsi ġodda ta’ finanzjament u strumenti tal-iffinanzjar innovattivi; għal dak il-għan jappoġġa l-ħolqien ta’ sistema ta’ bonds għall-proġetti tal-UE li, f’kollaborazzjoni mal-BEI u ggarantita mill-baġit tal-UE, se tirrispondi għal-lakuna fil-finanzjament attwali kkaġunata mir-riluttanza min-naħa tal-investituri privati u l-limitazzjonijiet serji li hemm fuq il-baġits nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex mill-aktar fis possibbli tressaq proposti leġiżlattivi konkreti għall-implimentazzjoni ta’ dan is-sors alternattiv ta’ finanzjament għal proġetti maġġuri ta’ infrastruttura li għandhom valur miżjud Ewropew;
50. Ikompli jinkoraġġixxi l-investiment xieraq tas-settur pubbliku u mudelli organizzattivi, b’mod partikolari bl-involviment tal-awtoritajiet lokali, is-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat u skemi ta’ inċentivi tat-taxxa għall-varar ta’ netwerks veloċi u ultraveloċi; jenfasizza kemm hu importanti li l-politiki tal-gvern jiġu kkoordinati fil-livelli kollha;
51. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiftiehmu dwar Patt tal-UE għall-Installar tal-Broadband bil-għan li l-programmi ta’ finanzjament nazzjonali u Ewropej u l-investiment privat jiġu koordinati b’mod aktar effettiv, skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna tal-Istat, filwaqt li jiġu speċifikati bħala mira ż-żoni rurali b’mod partikolari, u tiġi żgurata l-koordinazzjoni meħtieġa b’indikaturi konsistenti tal-output fuq skala tal-UE kollha;
52. Jitlob li jiġi stabbilit task force tal-UE ta’ livell għoli waħdanija b’rappreżentanza tal-partijiet interessati relevanti kollha, inklużi l-utenti u l-fornituri ta’ netwerks u servizzi elettroniċi, l-ARN u l-BEREC, biex jgħinu fl-iżvilupp ta’ strateġija futura tal-infrastruttura tal-ICT;
53. Jistieden lill-Kummissjoni ssalvagwardja l-prinċipji tan-newtralità u tal-ftuħ tal-internet u tippromwovi l-abilità tal-utenti aħħarija li jidħlu għall-informazzjoni u jiddistribwuha u li joperaw applikazzjonijiet u servizzi li jagħżlu huma; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk l-implimentazzjoni tal-qafas rivedut tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE għadhiex il-ħtieġa ta’ regoli ta’ gwida speċifiċi;
54. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu liema miżuri jistgħu jittieħdu biex jiġi faċilitat il-penetrazzjoni tas-swieq min-naħa ta’ operaturi ġodda bil-għan li jitħeġġeġ ambjent kompetittiv;
55. Jenfasizza li l-miżuri regolatorji meħuda mill-Istati Membri fir-rigward tal-impożizzjoni tas-separazzjoni funzjonali, għandhom jittieħdu biss bħala miżura eċċezzjonali wara analiżi tal-impatt mistenni dwar l-awtorità regolatorja, l-impriża, b’mod partikolari l-ħaddiema tagħha u l-inċentivi tagħha biex tinvesti fin-netwerk tagħha; din l-evalwazzjoni tal-impatt għandha tiġi diskussa mal-partijiet interessati kollha, inklużi r-rappreżentanti tal-ħaddiema;
4. Il-benefiċċji għall-konsumatur
56. Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproduċi gwida dwar l-ikkostjar u n-nondiskriminazzjoni, prinċipji ewlenin fil-qafas tal-UE, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-kompetizzjoni fin-netwerks veloċi u ultraveloċi u tippermetti lill-operaturi kollha aċċessaw ekwu għall-infrastruttura, bil-għan li tiġi żgurata għażla wiesgħa ta’ servizzi, rati ta’ aċċess ekwi għan-netwerks u prezzijiet għall-but tal-konsumaturi, u tagħti inċentivi għall-investiment effiċjenti u għall-qlib rapidu għan-netwerks veloċi u ultraveloċi;
57. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-esklużjoni diġitali soċjali u impedimenti oħra li s’issa żammew xi popolazzjonijiet barra mis-sistema tal-internet, b'mod partikolari l-komunitajiet bi dħul baxx u l-persuni b'diżabilità, u jistedinhom jirrikjedu li l-partijiet interessati kollha jipprovdu: it-taħriġ u l-aċċess pubbliku għas-servizzi tal-broadband, l-assistenza ekonomika għall-akkwist tas-servizzi u t-tagħmir tal-broadband, u inċentivi għall-iżvilupp tat-teknoloġija u l-kontenut immirati lejn il-ħtiġijiet speċifiċi tal-utenti;
58. Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li naslu fi stat fejn ikollna servizzi interattivi fattibbli u jkun jista’ jsir il-monitoraġġ tal-miri tal-broadband, tispeċifika aktar karatteristiċi kwalitattivi tal-aċċess għall-broadband, inklużi l-veloċitajiet biex tniżżel u ttella’, il-ħinijiet ta’ stennija jew dewmien, il-veloċitajiet esperjenzati mill-utenti u l-karatteristiċi metieġa għall-prestazzjoni effiċjenti ta’ tali servizzi; jilqa’ x-xogħol tal-Kummissjoni fuq l-iżviluppar ta’ metodoloġija biex jitkejlu l-aspetti relevanti tal-esperjenza attwali tal-utenti;
59. Jisħaq id-differenza bejn il-veloċitajiet teoretiċi tan-netwerk u l-esperjenza tal-utent attwali peress li l-esperjenza tal-utent hija marbuta wkoll mal-kapaċità u l-konġestjoni tal-websajt eċċ; jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-BEREC, tirfina l-qisien tagħha tal-veloċitajiet tal-broadband li jitwasslu u taġġusta l-miri tagħha skont dawn il-qisien, u jistieden lill-BEREC jiżviluppa linji gwida tal-UE biex jiżgura li l-veloċitajiet tal-broadband reklamati jirriflettu b’mod xieraq il-veloċitajiet medji għat-tligħ u t-tniżżil li l-utenti jistgħu fil-fatt jistennew u biex jiżgura informazzjoni komprensiva għall-konsumatur dwar is-servizzi offruti, bil-għan li tiġi żgurata t-trasparenza fuq il-benefiċċji tat-teknoloġija ġdida, tiġi promossa l-komparabilità u tittejjeb il-kompetizzjoni; jitlob lill-GRET jiżgura li, fl-interess tat-trasparenza, jkunu rreklamati b'mod ġust il-veloċitajiet tipiċi tal-broadband li jesperjenzaw il-konsumaturi u l-benefiċċji tat-teknoloġija l-ġdida għall-applowdjar u għad-dawnlowdjar mill-internet; jistieden lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jieħdu miżuri kontra l-fornituri li ma jikkonformawx mar-rakkomandazzjonijiet tal-GRET;
60. Itenni l-importanza ta’ servizzi futuri b’veloċità għolja li jagħtu l-effiċjenza tal-enerġija tal-UE, l-objettivi ta’ sigurtà u kapaċitajiet oħra ta’ komunikazzjoni (pereżempju sistemi tat-trasport effiċjenti u intelliġenti, sistemi ta’ komunikazzjoni persuna għall-persuna, persuna għall-magna u magna għall-magna);
61. Josserva li, meta mqabbla mat-teknoloġija tal-lum, in-netwerks ġodda tal-fibra ottika joffru lill-konsumaturi aċċess ta’ kwalità għolja b'veloċitajiet konsistentement ogħla; iqis li jagħmel sens li l-broadband abbażi tal-fibra ottika jingħata prijorita f'dawk iż-żoni fejn fit-tul jirrappreżenta l-aktar soluzzjoni ekonomika u sostenibbli;
62. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport kull sena lill-Parlament dwar dak li hemm offrut u l-għażliet fir-rigward tal-broadband effettivament disponibbli għall-utenti fl-UE kif ukoll dwar il-progress li jsir lejn l-implimentazzjoni tal-qafas għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u r-rakkomandazzjoni tal-NGA;
63. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fil-qasam tan-netwerks WiFi b’veloċità għolja fit-trasport pubbliku li jkunu aċċessibbli u bla ħlas;
64. Jenfasizza li l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, flimkien mal-internet broadband, huwa opportunità kbira biex ikomplu jittejbu l-komunikazzjoni u d-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;
65. Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ b’valutazzjonijiet aktar dettaljati rigward l-impatt li ċertu teknoloġiji relatati mal-broadband, b’mod partikolari s-sistemi tal-komunikazzjoni persuna lil persuna, persuna lil magna u magna lil magna, jista’ jkollhom fuq is-saħħa; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE biex tikkontrolla u tevalwa kostantement ir-riskji tas-saħħa tal-internet bla fili ħalli ċ-ċittadini ma jiġux esposti għal radjazzjoni ta’ ħsara għas-saħħa;
5. Inizjattivi Elettroniċi: il-promozzjoni tad-domanda
66. Jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat li l-SMEs ikunu jistgħu jgawdu għalkollox il-potenzjal tal-broadband fl-oqsma tal-kummerċ elettroniku u tal-akkwist elettroniku; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel skambju tal-aħjar prattiki u tikkunsidra programm speċifiku għall-SMEs u għall-konnettività bil-broadband bħala parti mill-Aġenda Diġitali;
67. Jenfasizza li, sabiex jiġu ottimizzati l-impatt u l-benefiċċji tiegħu għas-soċjetà, id-dħul tal-broadband għandu jsir flimkien ma' programmi ta' informazzjoni dwar l-għarfien fuq id-domanda u programmi edukattivi;
68. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi biex jindirizzaw l-iskarsezza tal-ħiliet fil-qasam elettroniku fil-livelli edukattivi kollha u permezz tal-edukazzjoni tul il-ħajja kollha għaċ-ċittadini kollha, b’fowkus speċjali fuq dawk b’ħiliet baxxi fl-IT; jindika li l-investiment fil-broadband fl-UE jista’ jkun ta’ suċċess biss jekk l-investiment tekniku jimxi id f’id mal-investiment fil-ħiliet tal-IT taċ-ċittadini; jenfasizza r-rwol li għandhom it-teknoloġiji l-ġodda fl-edukazzjoni u jinnota li l-litteriżmu teknoloġiku minn issa 'l quddiem mhux biss huwa objettiv imma wkoll għodda essenzjali biex iseħħu t-tagħlim tul il-ħajja u l-koeżjoni soċjali;
69. Jistieden lill-Istati Membri u l-industrija biex jagħtu s-setgħa lill-persuni biex jiżviluppaw ħiliet ġodda permezz ta’ programmi komprensivi ta’ tagħlim ta’ ħiliet mill-ġdid u taħriġ u biex jakkumpanjaw il-bidla teknoloġika minn politiki tas-suq tax-xogħol attivi;
70. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu widen lir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pjan ta’ azzjoni tagħha dwar il-gvern elettroniku billi jużaw l-akkwist elettroniku, jadottaw strateġija miftuħa għall-aċċess għad-data tas-settur pubbliku, jippromwovu l-identità elettronika u jiżguraw l-interoperabilità tal-firem pan-Ewropea u dinjija; ifakkar li l-azzjonijiet kollha għandhom jiġu diretti lejn is-semplifikar tal-interazzjoni burokratika mal-amministrazzjonijiet pubbliċi;
71. Jistieden lill-Kummissjoni taċċellera l-operazzjonijiet tal-akkwist pubbliku bl-użu ta’ riżorsi fuq l-internet u fatturazzjoni elettronika (inizjattiva tal-fattura elettronika);
72. Jappoġġja inizjattivi bħalma huma s-saħħa elettronika u infrastruttura tal-informazzjoni tas-saħħa pan-Ewropea biex itejbu l-awtonomija tal-pazjenti u l-kwalità tal-ħajja tagħhom; jiddikjara li, minħabba li l-popolazzjoni tal-UE qiegħda tixjieħ, dawn is-servizzi għandhom ikunu aċċessibbli kullimkien, f’kull ħin, inkluż minn fuq apparat mobbli u fuq kollox għandhom ikunu affordabbli; jemmen li sabiex tiġi implimentata l-infrastruttura tal-informazzjoni tas-saħħa pan-Ewropea ta’ sistema tas-saħħa ċċentrata fuq il-pazjent, għandhom jiġu realizzati l-azzjonijiet li ġejjin:
§ l-implimentazzjoni ta’ ftehim fl-UE kollha bejn l-Awtoritajiet tas-Saħħa tal-UE dwar standards li jippermettu aċċess integrat għal informazzjoni relevanti fl-infrastruttura tal-informazzjoni tas-saħħa Ewropea; jeħtieġ li jiġu involuti l-awtoritajiet li hemm fil-livelli kollha – lokali, nazzjonali u tal-UE,
§ l-implimentazzjoni tal-Infrastruttura tal-Informazzjoni tas-Saħħa Ewropea; din se tinkludi sforz ta’ żvilupp fuq skala kbira biex tiġi faċilitata l-integrazzjoni tal-informazzjoni miżmuma f’diversi postijiet, kif ukoll l-implimentazzjoni tas-servizzi ewlenin iċċentrati fuq il-pazjenti għall-appoġġ tal-pazjenti, billi jipprovdu awtorizzazzjoni u pagament tat-trattament, ikun fejn ikun u jkun xħin ikun;
73. Jappoġġa servizzi tal-broadband innovattivi diretti lejn is-settur marittimu, u jilqa’ d-diskussjoni mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fuq inizjattiva marittima elettronika ġdida li qed tinbena fuq il-proġett SafeSeaNet, li, huwa previst, se tindirizza wkoll informazzjoni relatata mal-loġistika, id-dwana, il-kontroll tal-fruntieri, l-ambjent, l-operazzjonijiet tas-sajd, il-komunikazzjonijiet kif ukoll il-kwistjonijiet tas-sigurtà u s-sikurezza;
74. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-użu tal-aħħar ġenerazzjoni ta’ satelliti bħala użu innovattiv tal-komunikazzjonijiet tal-broadband fi proġetti ta’ valur miżjud Ewropew, inkluż l-iżvilupp tal-użu tas-sistema tal-Perikolu u s-Sigurtà Marittima Globali, u l-ġenerazzjoni l-ġdida tan-Netwerk taż-Żona Globali tal-Broadband u servizzi marittimi tal-FleetBroadband;
75. Ifakkar fil-ħtieġa li l-Aġenda Diġitali tiġi konnessa mad-dispożizzjonijiet ta’ servizzi ġodda li jiġġeneraw it-tkabbir bħall-kummerċ elettroniku, is-saħħa elettronika, it-tagħlim elettroniku u s-servizzi bankarji elettroniċi;
76. Jenfasizza kemm hu importanti li jkun hemm qafas robust tal-privatezza għall-UE u jilqa' r-rieżami li għadu għaddej tad-Direttiva dwar il-Privatezza;
77. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 251, 25.9.2010, p. 35.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2011)0220.
- [3] ĠU C 235, 30.9.2009, p. 7.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2010)0207.
- [5] Testi adottati, P7_TA(2010)0133.
- [6] ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 206.
- [7] ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 60.
- [8] ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 87.
- [9] ĠU C 287E, 29.11.2007, p. 364.
- [10] ĠU C 291E, 30.11.2006, p. 133.
- [11] ĠU C 133E, 8.6.2006, p. 140.
- [12] ĠU C 104, 14.4.1999, p. 128.
OPINJONI TAL-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (13.4.2011)
għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment
(2010/2304(INI))
Rapporteur: Malcolm Harbour
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinnota li l-Istati Membri kollha għandhom strateġija nazzjonali dwar il-broadband, iżda ftit biss huma dawk li għandhom pjanijiet operazzjonali kompletament żviluppati li jinkludu l-objettivi definiti meħtieġa biex titwettaq bis-sħiħ l-inizjattiva emblematika għal Aġenda Diġitali għall-Ewropa, kif stipulat fl-istrateġija Ewropa 2020;
2. Jistieden lill-Istati Membri jifħtu kompletament il-kompetizzjoni bejn in-netwerks, skont ir-regoli ta’ qafas ġodda tat-telekomunikazzjonijiet; jistieden lir-regolatori nazzjonali jużaw il-poteri tagħhom biex jevitaw kemm li jinħarġu s-sussidji li jfixklu s-suq kif ukoll li jitfaċċaw pożizzjonijiet dominanti fis-suq u jsir abbuż tagħhom, u fejn jinħass il-bżonn, biex isegwu r-regoli tal-akkwist pubbliku għall-iżgurar ta' kompetizzjoni ġusta;
3. Jenfasizza l-importanza ta' swieq kompetittivi biex jinkiseb broadband bi prezzijiet raġonevoli, u jenfasizza l-ħtieġa ta' implimentazzjoni immedjata u infurzar sħiħ mill-Istati Membri u mill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (ARN) tal-qafas revedut tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE u tar-Rakkomandazzjoni dwar in-netwerks tal-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA);
4. Jenfasizza li s-servizzi tal-broadband huma essenzjali għall-kompetittività tal-ekonomija u huma prerekwiżit biex ir-reġjuni u l-gruppi soċjali jieħdu sehem fil-ħajja diġitali tal-UE;
5. Iqis li r-riskji ta' investiment involuti fil-varar ta' netwerks ġodda jistgħu jonqsu permezz ta’ miżuri li jixprunaw id-domanda, partikolarment fl-oqsma tal-akkwist elettroniku, tal-kummerċ elettroniku, tal-governanza elettronika, tas-servizzi elettroniċi fil-qasam tas-saħħa, tal-edukazzjoni elettronika interattiva, u ta' strumenti interattivi b'livell baxx ta' karbonju li jiffrankaw l-enerġija;
6. Jenfasizza l-importanza tal-akkwist pubbliku prekummerċjali ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-R&D għas-setturi msemmija bħala mezz biex jiġi stimulat ċiklu virtuż ta’ żvilupp teknoloġiku u domanda għal servizzi tal-broadband ta’ veloċità għolja;
7. Jinnota li s-simplifikazzjoni u t-titjib tal-proċedura tas-sussidju jistgħu jgħinu jaċċelleraw l-introduzzjoni tat-teknoloġija tal-broadband; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli ta' għajnuna mill-Istat u tiżgura li l-għajnuna tal-Istat hija mmirata lejn miżuri li jistimolaw jew li jikkonsolidaw id-domanda;
8. Jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat li l-SMEs ikunu jistgħu jgawdu għalkollox il-potenzjal tal-broadband fl-oqsma tal-kummerċ elettroniku u tal-akkwist elettroniku; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel skambju tal-aħjar prattiki u tikkunsidra programm speċifiku għall-SMEs u għall-kollegament bil-broadband bħala parti mill-inizjattiva emblematika tagħha dwar l-Aġenda Diġitali;
9. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jestendu l-konnettività ta’ aċċess miftuħ ta’ veloċità għolja għall-infrastrutturi pubbliċi importanti (skejjel, sptarijiet u istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn) li jinsabu f’żoni remoti, bħala mezz biex itejbu s-servizz pubbliku u jankraw il-konnettività b’veloċità għolja fir-reġjuni remoti, biex b’hekk inaqqsu l-ispejjeż tal-investiment għad-distribuzzjoni lokali privata;
10. Jenfasizza li, sabiex jiġu ottimizzati l-impatt u l-benefiċċji tiegħu għas-soċjetà, id-dħul tal-broadband għandu jsir flimkien ma' programmi ta' informazzjoni dwar l-għarfien fuq id-domanda u programmi edukattivi;
11. Jinnota d-diffikultà biex jintlaħqu l-objettivi ta' Ewropa 2020 rigward il-broadband, fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji tal-konsumaturi, tal-impriżi u tas-settur pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-użu ta' infrastruttura minn partijiet terzi, jiżguraw in-nondiskriminazzjoni, jippromwovu teknoloġiji disponibbli u jimpedixxu miżuri li jpoġġu piżijiet inġusti fuq il-konsumaturi u n-negozju, partikolarment rigward obbligi universali; iqis li s-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat u l-investiment pubbliku, inkluż dak mill-fondi strutturali, għandhom jintużaw fejn ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-broadband u biex jitjieb l-aċċess għall-internet b'veloċità għolja;
12. Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (GRET), f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi relevanti, jaġevolaw is-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat u jużaw strumenti Ewropej oħrajn ta' finanzjament, fosthom il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-fondi tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ); jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni li mal-lista tal-istrumenti tas-sussidju tinkludi s-self b'rati baxxi tal-imgħax mill-Bank Ewropew tal-Investiment;
13. Isostni li d-domanda għolja għall-konnettività, li simultanjament tkabbar il-profil tal-ekonomija onlajn tal-UE, tikkontribwixxi biex l-UE tkun lesta għan-netwerks u twieġeb għat-tibdil fis-soċjetà li qed iseħħ fis-suq uniku, għandha tiġi appoġġjata mill-fondi xierqa u minn infrastruttura solida ta’ kompetizzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-proġett tal-Broadband Ewropew;
14. Jirrikonoxxi l-assorbiment bil-mod ta' sussidji mill-fondi strutturali għall-investiment tal-infrastruttura tal-broadband, u l-ħtieġa ta’ gwida dwar l-użu ta’ dawn l-istrumenti ta' finanzjament; jitlob analiżi dettaljata ta' strumenti simili sabiex ikunu identifikati u jitneħħew l-ostakoli li qed jimpedixxu l-użu tagħhom mill-Istati Membti u r-reġjuni;
15. Jemmen li l-estensjoni tal-aċċess għall-broadband lejn żoni rurali u remoti, fejn l-inċentivi tas-suq huma anqas, għandha rwol importanti fil-koeżjoni ġeografika u soċjali, filwaqt li tagħmel dawn it-territorji aktar attraenti u l-kumpaniji aktar kompetittivi; iqis li l-appoġġ tas-settur pubbliku għandu jipprijoritizza l-varar ta’ infrastruttura tal-broadband f’dawn iż-żoni;
16. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-GRET kull sena jiġbru u jqabblu l-ispeċifikazzjonijiet tad-dejta fuq il-broadband (veloċità u kwalità) u l-alternattivi disponibbli għall-konsumaturi u għan-negozji fl-Istati Membri differenti, kif ukoll il-progress lejn l-implimentazzjoni tal-qafas tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE u tar-Rakkomandazzjoni dwar l-NGA;
17. Josserva li, meta mqabbla mat-teknoloġija tal-lum, in-netwerks ġodda tal-fibra ottika joffru lill-konsumaturi aċċess ta’ kwalità għolja b'veloċitajiet konsistentement ogħla; iqis li jagħmel sens li l-broadband abbażi tal-fibra ottika jingħata prijorita f'dawk iż-żoni fejn fit-tul jirrappreżenta l-aktar soluzzjoni ekonomika u sostenibbli; jitlob lill-GRET jiżgura li, fl-interess tat-trasparenza, jkunu rreklamati b'mod ġust il-veloċitajiet tipiċi tal-broadband li jesperjenzaw il-konsumaturi u l-benefiċċji tat-teknoloġija l-ġdida għall-applowdjar u għad-dawnlowdjar mill-internet; jistieden lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jieħdu miżuri kontra l-fornituri li ma jikkonformawx mar-rakkomandazzjonijiet tal-GRET;
18. Jinnota l-importanza ta' programm ambizzjuż, orjentat lejn il-ġejjieni u multiannwali dwar il-politika dwar l-ispettru tar-radju li joħloq aċċess għall-broadband b’veloċità għolja madwar l-Ewropa, biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Ewropa 2020 u biex jiġi żgurat li l-Ewropa tkun il-mexxejja dinjija fl-innovazzjoni u fl-iżvilupp tal-industrija tat-teknoloġija avvanzata;
19. Jitlob li jkun hemm metodu teknoloġikament newtrali li jgħaqqad flimkien teknoloġiji fissi, mingħajr fili, tas-satellita u tal-ispettru; jitlob għal traspożizzjoni effikaċi tal-qafas tat-telekomunikazzjonijiet, inklużi d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar newtralità tan-netwerk, sabiex jiġi żgurat li l-varar tal-broadband ma jillimitax l-innovazzjoni;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fil-qasam tan-netwerks WiFi b’veloċità għolja fit-trasport pubbliku li jkunu aċċessibbli u bla ħlas;
21. Josserva li l-ġenerazzjoni li jmiss tat-teknoloġija tat-telefonija bil-mowbajl jista’ jkollha rwol sinifikanti fil-ftuħ tas-servizzi tal-broadband, partikolarment fi nħawi ġeografiċi remoti; iqis li, fl-allokazzjoni li se ssir tal-ispettru l-ġdid, il-gvernijiet u r-regolaturi tat-telekomunikazzjoni jistgħu jorbtu l-ftuħ tal-ispettru ma’ obbligi msaħħa dwar kopertura mill-operaturi tat-telefonija bil-mowbajl;
22. Jenfasizza l-ħtieġa għal investiment sostnut fir-riċerka fi ħdan l-UE għat-teknoloġiji futuri tal-komunikazzjoni kemm fit-telefonija fissa u f’dik tal-mowbajl; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa inizjattivi konġunti ta’ teknoloġija f’dawn l-oqsma, billi tinvolvi l-universitajiet, l-istituti ta’ riċerka, il-manifatturi tat-tagħmir u l-fornituri tas-servizz u tal-kontenut; iqis li dawn il-pjattaformi jipprovdu l-aħjar mezzi biex tiġi żviluppata u sfruttata t-teknoloġija ġdida u jipprovdu vantaġġ kompetittiv sinifikanti għall-UE.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
13.4.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
37 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Eija-Riitta Korhola, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Toine Manders, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Matteo Salvini, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Eva-Britt Svensson, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Kyriacos Triantaphyllides, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ashley Fox, María Irigoyen Pérez, Constance Le Grip, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Olle Schmidt, Marc Tarabella |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (13.4.2011)
għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment
(2010/2304(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Sabine Verheyen
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-provvediment fl-UE kollha ta’ netwerks tal-broadband ta’ veloċità għolja huwa ta’ importanza vitali jekk għandhom jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija UE 2020, f’dawk li huma l-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku territorjalment koeżiv li jkun intelligenti, sostenibbli, u inklussiv, it-titjib tas-sitwazzjoni tal-impjiegi, it-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa, l-iffaċilitar tar-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni u b’hekk ir-reġjuni, l-ibliet, il-muniċipalitajiet u s-setturi tas-soċjetà kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ambjent diġitali u tingħatalhom l-opportunità li jesplojtjaw teknoloġiji diġitali ġodda għas-servizzi pubbliċi,
B. billi l-objettivi tal-UE għandhom jinkludu li r-reġjuni u s-setturi kollha tas-soċjetà jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ambjent diġitali,
1. Jenfasizza li kopertura sħiħa tal-broadband li tkun imfassla apposta bi prezzijiet għall-but ta’ kulħadd għandha ssir servizz universali, peress li hija essenzjali biex ikunu jistgħu jinħolqu kundizzjonijiet tal-ħajja u opportunitajiet ugwali fl-Ewropa kollha, filwaqt li tistimula l-attività ekonomika fiż-żoni rurali; u b'hekk tkun qed tikkontribwixxi għall-azzjoni biex jiġi miġġieled id-distakk diġitali fl-Ewropa bejn iż-żoni urbani u dawk rurali u bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri u għalhekk issaħħaħ il-koeżjoni fir-reġjuni kollha tal-UE;
2. Jenfasizza l-importanza tal-broadband fl-Ewropa bħala element ta’ koeżjoni territorjali u jilqa’ l-konċentrazzjoni u l-ġbir fi gruppi tal-attivitajiet f’ċerti reġjuni, soġġetti għall-interkonnessjoni u l-kollaborazzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni u l-iżvilupp Ewropej;
3. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir l-aħjar użu mit-teknoloġiji kumplementari bħalma hu l-broadband bis-satellita jew in-netwerks ta’ appoġġ tal-Wi-Fi biol-għan li naslu għal kopertura tal-broadband li tkun ekonomikament sostenibbli fiż-żoni rurali aktar iżolati mingħajr piżijiet żejda fuq il-konsumaturi jew fuq l-industrija;
4. It-teknoloġiji diġitali huma essenzjali għall-koeżjoni territorjali, billi jagħtu lir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE rwol iktar importanti; għalhekk, għandhom jittieħdu passi biex jingħelbu d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom ċerti reġjuni fil-qasam tat-teknoloġija u s-servizzi, f’dawk li huma disponibilità, kwalità u ffissar ta’ prezzijiet, u b’hekk biex dawn jinġiebu eqreb lejn il-medja tal-UE;
5. Jirrimarka li, minbarra l-miżuri mmirati biex jappoġġaw il-provvediment ta’ netwerks tal-broadband u teknoloġiji oħra ta’ netwerks, huwa partikolarment importanti li jiġi żgurat li l-investimenti jiġu diretti wkoll lejn l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet u ta’ programmi għall-użu tal-infrastruttura tal-IT, li se ttejjeb ħajjet iċ-ċittadini, tappoġġa l-provvediment ta’ servizzi pubbliċi bl-Internet u ttejjeb il-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika;
6. Jinnota li l-għajnuna Statali għall-broadband, jiġifieri, l-użu tal-fondi tal-UE li jkunu intenzjonati espressament għal dan l-iskop, hija għażla xierqa meta ma jkunx jista’ jintwera li l-iżvilupp tal-broadband ikun jaqbel ekonomikament; meta jitqies li l-ispiża f’dawk li huma amministrazzjoni u ppjanar tal-implimentazzjoni ta’ programmi nazzjonali u Ewropej ta’ appoġġ għall-broadband hija waħda kunsiderevoli; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali, skont l-inizjattivi tas-'soċjetà tal-informazzjoni', jiżguraw li l-kundizzjonijiet għall-appoġġ u l-proċeduri jkunu ssimplifikati kemm jista’ jkun, bil-għan li jiżdied l-użu tal-finanzjament Ewropew allokat għad-diversifikazzjoni tas-servizzi tal-ICT; u bħala riżultat ikun jista’ jiġi aċċellerat il-varar tal-broadband billi l-protagonisti kollha tas-suq jiġu pprovduti inċentivi suffiċjenti biex jinvestu u jiżguraw li r-reġjuni, l-ibliet u l-muniċipalitajiet ikunu jistgħu jieħdu appoġġ finanzjarju massimu malajr kemm jista’ jkun biex jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ekonomiku taż-żoni kkonċernati;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tapplika iktar elementi inċentivizzati mill-investiment fil-qafas regolatorju u tipprovdi stimolu biex jintużaw is-sinerġiji mill-proġetti tal-infrastruttura;
8. Jinnota li l-liġi Ewropea dwar l-għajnuna, kif inhi attwalment, f’xi aspetti hija riġida u fil-prattika spiss twassal għall-inċertezza legali, u dan jostakola l-investiment ippjanat; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni teżamina sa liema punt ir-regoli jistgħu jiġu ssimplifikati bil-għan li jiġi stabbilit qafas li jkun aktar favorevoli għall-investiment sabiex jiġu promossi l-investiment u l-innovazzjoni u jitneħħew l-ostakli għall-varar tal-broadband b’mod partikolari f’dawk l-oqsma fejn altrimenti ma kienu jġibu l-ebda profitt; iqis li l-Linji Gwida Komunitarji għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna Statali fir-rigward tal-installar rapidu tan-netwerks tal-broadband għandhom, barra minn hekk, iservu biex iċaraw l-istabbiliment ta’ kumpaniji tal-broadband pubbliċi u l- kooperazzjoni bejn il-muniċipalitajiet u l-mudelli tas-sħubiji pubbliċi privati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) biex, f'konsulatazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi, jiffaċilitaw sħubiji pubbliċi-privati u jużaw sorsi Ewropej oħra ta’ finanzjament, mhux l-anqas il-fondi tal-FEŻR, il-BEI u l-ERDB;
9. Jistieden lill-awtoritajiet u negozji reġjonali u lokali biex jużaw il-fondi tal-FEŻR biex itejbu l-kopertura tal-broadband, b’mod partikolri fiż-żoni rurali;
10. Jappoġġa l-espansjoni rapida tal-infrastruttura tal-broadband u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw mingħajr dewmien ir-rakkomandazzjoni tal-NGA bil-għan li jittejbu ċ-ċertezza legali, l-investiment u l-kompetizzjoni; iqis li r-regolaturi għandhom jiżguraw li l-protagonisti kollha fis-suq ikollhom f’kull waqt biżżejjed inċentivi biex jidħlu fil-kompetizzjoni u jinvestu;
11. Jirrimarka l-fatt li l-karatteristiċi ġeografiċi u naturali ta’ ċerti reġjuni, b’mod partikolari t-terreni diffiċli u mimlija tlajjiet tagħhom, jagħmlu l-aċċess għall-Internet bil-linja tat-telefown imprattikabbli, u li servizzi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni l-ġdida huma mezz alternattiv għall-kisba tal-mira ta' kopertura tal-broadband f’dawn ir-reġjuni;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti importanza partikolari lis-sħubiji pubbliċi-privati u tiffaċilita l-użu ta’ strumenti strutturali f’dan il-kuntest;
13. Jirrimarka li d-definizzjoni tal-provvediment bażiku se jkollha tiġi aġġustata fil-ġejjieni skont it-tibdil tal-ħtiġijiet li jirriżulta mill-għadd dejjem akbar tar-rati ta’ trażmissjonijiet li qed jiġu rreġistrati minn servizzi innovattivi tal-Internet bħalma huma l-gvern elettroniku, is-saħħa elettronika, jew it-tagħlim elettroniku;
jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-probabilità li s-suq mhux se jkun kapaċi jipprovdi liż-żoni rurali, insulari u muntanjużi netwerks tal-NGA tal-broadband, tinkorpora mudelli organizzazzjonali ġodda, filwaqt li tipprovdi b’mod partikolari għall-involviment tal-awtoritajiet lokali, bħalma huma n-netwerks taċ-ċittadini u netwerks li huma mmexxija pubblikament jew dawk akkwistati bl-użu ta’ fondi pubbliċi, għall-provvediment u l-finanzjament ta’ netwerks ta’ veloċità għolja u veloċità ultra għolja bħala għażla fil-Linji Gwida Komunitarji għall-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna Statali f'relazzjoni mal-installar rapidu tan-netwerks tal-broadband bil-għan li l-funzjonijiet tal-broadband isiru aċċessibbli għall-Ewropej kollha u jiġi żgurat li ż-żoni urbani u rurali se jiġu trattati b’mod ekwu u l-kopertura tkun tista’ testendi għal żoni li mhumiex popolati wisq u jiġu ggarantiti l-istess standards fir-rigward tal-kwalità, aċċess u ffissar ta’ prezzijiet;
14. Jindika l-għan li jitwaqqaf ambjent regolatorju prevedibbli għall-investiment u l-kompetizzjoni biex jiġi promoss l-investiment f’netwerks b’veloċità għolja u opportunitajiet ta’ aċċess u kooperazzjoni mhux diskriminatorji li jkunu sodi kemm teknikament kif ukoll ekonomikament;
15. Huwa tal-fehma li, anki fil-livell attwali ta’ provvediment bażiku, l-użu tal-frekwenzi tad-‘dividend diġitali’ ibbażati fuq it-teknoloġija tal-LTE mhux se jsolvi l-problema tal-lakuni fin-netwerks tal-NGA fiż-żoni rurali fuq perjodu ta’ żmien twil, speċjalment meta jitqies il-fatt li l-komunikazzjonijiet bir-radju jista’ jkollhom effetti fit-tul fuq is-saħħa; jemmen, għalhekk, li jkun xieraq li jkunu kapaċi jiġu mobilizzati l-fondi kollha tal-UE, nazzjonali u reġjonali disponibbli għat-tubi għan-netwerks tal-NGA; filwaqt li tingħata prijorità lill-iżvilupp tal-broadband ibbażat fuq il-fibrottika, fejn dan ikun is-soluzzjoni l-aktar ekonomika u sostenibbli għall-ġejjieni fit-tul; Huwa tal-fehma li l-finanzjament pubbliku allokat għas-servizzi tal-broadband jista’ jipprovdi l-ispinta effettiva għall-kompetittività tar-reġjuni tal-UE jekk jiġi dirett għal ġol-iżvilupp ta’ infrastruttura aġġornata ta’ ġenerazzjoni ġdida b’kapaċità għolja ta’ trażmissjoni f’żoni fejn hemm nuqqas mill-akbar ta’ konnessjoni tal-broadband; jemmen li żoni bħal dawn, b’mod partikolari dawk b’bażi industrijali kbira u li huma popolati ħafna, jistgħu jibbenefikaw malajr mill-potenzjal innovattiv u kreattiv tas-servizzi ġodda disponibbli għall-individwi u n-negozji;
17. Jemmen li għandhom jittieħdu passi biex jiġu promossi proġetti ta’ investiment, inkluż fil-forma ta’ sħubiji pubbliċi-privati, għall-bini ta’ netwerks miftuħa li jippermettu li l-kompetizzjoni tkun imtejba ġenwinament għall-benefiċċju tal-innovazzjoni teknoloġika u l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni tal-UE;
18. Jitlob biex id-diversi strumenti finanzjarji li se jintużaw ikunu jqisu kif jixraq il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni, partikolarment dawk b’elementi ekonomiċi, ġeografiċi u demografiċi speċjali f’dawk li huma iżolament, diffikultajiet inerenti fir-rigward tas-swieq kompetittivi jew nuqqas ta’ ekonomiji ta’ skala;
19. Jenfasizza li azzjonijiet f’dan il-qasam jitwettqu predominantement fuq livell lokali, u jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa u ttejjeb mekkaniżmi li se jippermettu li l-protagonisti lokali jiksbu l-informazzjoni rilevanti sabiex inaqqsu l-ispejjeż tal-investimenti; iqis li, sabiex il-pjanijiet tal-broadband isiru operattivi għalkollox, mhux biss il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jikkooperaw, iżda l-awtoritajiet reġjonali u lokali ukoll għandhom jiġu involuti fit-tfassil tal-pjanijiet;
20. Iqis li l-estensjoni tan-netwerks tal-broadband, primarjament fiż-żoni rurali, se tiffaċilita titjib fil-komunikazzjonijiet, partikolarment għall-persuni b’mobilità mnaqqsa jew li jgħixu f’kundizzjonijiet iżolati, kif ukoll se ttejjeb l-aċċess għas-servizzi u se tħeġġeġ l-iżvilupp tal-SMEs fiż-żoni rurali, u b’hekk tgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda u jiġu żviluppati servizzi ġodda f’dawn il-lokalitajiet;
21. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu liema miżuri jistgħu jittieħdu biex jiġi faċilitat il-penetrazzjoni tas-swieq min-naħa ta’ operaturi ġodda bil-għan li jitħeġġeġ ambjent kompetittiv;
22. Jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u jitlob biex jittieħdu miżuri għat-titjib tas-sikurezza onlajn.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
12.4.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
38 1 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, Alain Cadec, Tamás Deutsch, Danuta Maria Hübner, Juozas Imbrasas, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Jacek Olgierd Kurski, Petru Constantin Luhan, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Lambert van Nistelrooij, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Karima Delli, Richard Falbr, Marek Henryk Migalski, Elisabeth Schroedter, Patrice Tirolien, Derek Vaughan, Sabine Verheyen |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (22.3.2011)
għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment
(2010/2304(INI))
Rapporteur: Malika Benarab-Attou
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jieħu nota tal-objettiv tal-Kummissjoni li tiġġieled kontra d-distakk diġitali u li tipprovdi l-konnessjoni bil-broadband għal kulħadd, peress li dan huwa servizz essenzjali għall-iżvilupp taż-żoni ġeografikament remoti, inklużi żoni b'popolazzjoni baxxa, il-gżejjer u ż-żoni muntanjużi, u għat-titjib tal-kompetenza u l-ħiliet diġitali;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda Diġitali u ladarba tkun inkisbet firxa wiesgħa tal-kopertura broadband fl-Ewropa, jipprovdu netwerks adegwati rapidi u rapidi ħafna għaż-żoni rurali wkoll; fid-dawl ta' dan, jikkunsidra li l-varar tal-FTTB u l-FTTH għandu jiġi intensifikat biex ikun evitat il-ħolqien ta' soluzzjonijiet tranżizzjonali ekonomikament ineffiċjenti;
3. Ifakkar li t-tekonoloġiji l-ġodda u l-aċċess għal konnessjonijiet ta’ veloċità għolja għandhom impatt pożittiv fuq l-edukazzjoni, l-informazzjoni, il-komunikazzjonijiet u r-rikreazzjoni taċ-ċittadini;
4. Jikkunsidra li huwa essenzjali li jiġu indirizzati l-ostakoli li qegħdin iżommu parti mill-popolazzjoni offlajn u li jiġu impenjati kemm jista' jkun partijiet interessati biex jipprovdu: (1) taħriġ u aċċess pubbliku għal servizzi broadband, (2) assistenza ekonomika għall-akkwist ta' servizzi broadband u tagħmir, u (3) inċentivi għall-iżvilupp tat-teknoloġija u l-kontenut immirati lejn il-bżonnijiet speċifiċi tal-utent;
5. Huwa tal-opinjoni li, filwaqt li l-varar tal-infrastruttura diġitali għandha inizjalment tkun mmirata għas-suq u tkun newtrali mill-aspett teknoloġiku, jista' jkun hemm bżonn li jintużaw mezzi Ewropej, nazzjonali u reġjonali għall-ksib ta' sostenn finanzjarju pubbliku sabiex ikunu garantiti standards fir-rigward tal-kwalità, id-diversità tal-kontenut u d-demokratizzazzjoni tal-aċċess għall-broadband, b'enfasi speċjali fuq żoni fejn l-investiment kummerċjali ftit li xejn huwa probabbli;
6. Jinnota, madanakollu, li l-ispiża, f'termini amministrattivi u ta' ppjanar, tal-implimentazzjoni tal-programmi ta' sussidju tal-UE, b'mod partikolari għall-SMEs u għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, hija waħda konsiderevoli, u li, fil-prattika, teżisti inċertezza legali li ħafna drabi tostakola l-investimenti ppjanati; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni teżamina sa liema punt ir-regoli ta' sussidju jistgħu jiġu ssimplifikati u jsiru aktar attraenti għall-investituri, u kif tista' tinkiseb koordinazzjoni aħjar bejn il-programmi Ewropej u dawk nazzjonali;
7. Jafferma mill-ġdid il-prinċipju ta' newtralità tan-netwerks u huwa tal-fehma li aċċess miftuħ u ugwali għall-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet u għall-informatika huwa vitali biex jiġi żgurat progress soċjali, ekonomiku u kulturali;
8. Jenfasizza li l-element prinċipali fl-iżvilupp tan-netwerks tal-broadband għandu jkun fuq offerti ta' kwalità għolja, li għandhom jikkontribwixxu għall-aċċess għall-prodotti u s-servizzi kulturali, għall-parteċipazzjoni fihom u għat-tixrid tagħhom, għall-iżvilupp tal-kreatività u tal-espressjoni u għall-iskambju bejn min jaħdem b'mod kreattiv;
9. Jinnota li, ix-xandara għandhom ikunu kapaċi joffru kontenut awdjoviżiv pluratistiku ta' kwalità għolja billi jużaw pjattaformi ta’ xandir eżistenti, inklużi pjattaformi fuq l-art, kif ukoll netwerks tal-broadband, b'mod partikolari għal servizzi fuq talba, sakemm dawn in-netwerks tal-broadband jissodisfaw l-istess rekwiżiti f'termini tal-kwalitià tas-servizz u jimmassimizzaw l-effiċjenza tal-ispettru u l-kopertura tagħhom;
10. Jenfasizza, fir-rigward tal-interrelazzjoni bejn l-istabbiliment u l-iżvilupp ulterjuri tal-politiki tan-netwerks tal-broadband portabbli u l-frekwenza, li l-politiki ta' frekwenza Ewropej għandhom bla dubju ta' xejn iqisu l-valuri ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-frekwenzi tar-radju;
11. Jenfasizza bil-qawwa l-bżonn ta' użu effikaċi tal-frekwenzi disponibbli u jsaqsi għan-newtralità mill-aspett teknoloġiku;
12. Jenfasizza għalhekk li l-użu ta' frekwenzi tar-radju minn utenti diġà eżistenti, bħar-radju u l-PMSE, li huma ta' importanza kbira għall-ħolqien u t-tixrid tal-kontenut kulturali, kif ukoll għad-diversità lingwistika u kulturali u għall-appoġġ għat-tixrid tal-opinjonijiet u l-pluraliżmu tal-midja, ma għandux jiġi interott minħabba l-istabbiliment u l-iżvilupp ulterjuri tan-netwerks tal-broadband portabbli u għandu jingħata lok għal żvilupp ulterjuri tagħhom;
13. Jinnota li, sabiex ikunu jistgħu joffru kontenut awdjoviżiv pluratistiku ta' kwalità għolja bi prezz li jista' jitħallas mill-konsumatur, ix-xandara għandha tingħatalhom l-opportunità li jagħżlu bejn pjattaformi ta' xandir differenti billi jikkunsidraw l-effiċjenza teknika u l-kosteffiċjenza: broadband għal servizzi fuq talba, u televixin fuq l-art għat-trażmissjoni ta' kontenut lineari lill-udjenzi kbar;
14. Jirrakkomanda lill-Istati Membri jiffavorixxu politika ta' aċċess ugwali għall-kontenut, fejn il-prijorità għandha tkun li jiġu konnessi l-istabbilimenti pubbliċi, b'mod partikolari skejjel, il-libreriji u universitajiet, man-netwerks tal-broadband sabiex jiġu inkuraġġuti il-qsim tal-konoxxenzi, kif ukoll il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u t-tisħiħ tal-wirt kulturali tal-Ewropa; jinnota, barra minn hekk, li l-edukazzjoni u l-kultura mhumiex fatturi separati mill-ekonomija fit-totalità tagħha, u jenfasizza l-valur miżjud konsiderevoli li nħoloq minn dan is-settur;
15. Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jimplimentaw politiki pubbliċi biex jappoġġaw l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda u li tkun promossa l-introduzzjoni ta' metodi ta' tagħlim diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi skambju tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-UE;
16. Jenfasizza li l-varar tal-infrastruttura diġitali joħloq opportunitajiet tajbin għal tagħlim mill-bogħod, b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida fuq l-investiment fin-netwerks tal-broadband, inklużi fuq is-sħubiji pubbliċi-privati, għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġi promoss l-użu bis-sħiħ tar-riżorsi tal-UE;
18. Jenfasizza li l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, flimkien mal-Internet broadband, huwa opportunità kbira biex ikomplu jittejbu l-komunikazzjoni u d-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
17.3.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria Badia i Cutchet, Zoltán Bagó, Malika Benarab-Attou, Lothar Bisky, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Mary Honeyball, Cătălin Sorin Ivan, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Doris Pack, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marietje Schaake, Emil Stoyanov, Hannu Takkula, Helga Trüpel, Marie-Christine Vergiat, Sabine Verheyen, Milan Zver |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Nessa Childers, Ramona Nicole Mănescu, Iosif Matula, Francisco José Millán Mon, Monika Smolková |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Christian Engström, Miguel Angel Martínez Martínez |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
26.5.2011 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
36 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Jorgo Chatzimarkakis, Adam Gierek, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan Cizelj, Lena Kolarska-Bobińska, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Judith A. Merkies, Jaroslav Paška, Anni Podimata, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Francisco Sosa Wagner, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Niki Tzavela, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Antonio Cancian, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Ivailo Kalfin, Vladko Todorov Panayotov, Algirdas Saudargas, Silvia-Adriana Ţicău, Catherine Trautmann |
||||