RAPPORT dwar il-proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-lista ta' dokumenti tal-ivjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b'viża u dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-istabbiliment ta' din il-lista

17.6.2011 - (COM(2010)0662 – C7‑0365/2010 – 2010/00325(COD)) - ***I

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Relatur: Tanja Fajon


Proċedura : 2010/0325(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0237/2011
Testi mressqa :
A7-0237/2011
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-lista ta' dokumenti tal-ivjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b'viża u dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-istabbiliment ta' din il-lista

(COM(2010)0662 – C7‑0365/2010 – 2010/00325(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0662),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0365/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0237/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

POŻIZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW[1]*

FL-EWWEL QARI

---------------------------------------------------------

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-lista ta' dokumenti tal-ivjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b'viża u dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-istabbiliment ta' din il-lista

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)      Fuq il-bażi tal-Artikolu 17(3) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985[2], id-Deċiżjonijiet SCH/Com-ex (98)56[3] u SCH/Com-ex (99)14[4] stabbilixxew il-Manwal ta' dokumenti tal-ivjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b'viża. Dawn id-Deċiżjonijiet għandhom ikunu adattati għall-qafas istituzzjonali u legali tal-Unjoni Ewropea.

(2)      Il-listi ta' dokumenti tal-ivjaġġar maħruġa minn pajjiżi terzi għandhom ikunu kkontrollati b'mod sistematiku biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet fl-Istati Membri li jaħdmu fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viżi u l-kontroll tal-fruntieri jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni preċiża dwar id-dokumenti tal-ivjaġġar ippreżentati minn ċittadini ta' pajjiżi terzi. L-iskambji tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar id-dokumenti tal-ivjaġġar maħruġa u dwar ir-rikonoxximent tal-Istati Membri ta' dawn id-dokumenti tal-ivjaġġar u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-elenku sħiħ għall-pubbliku għandhom jiġu modernizzati u jsiru iktar effiċjenti.

(2a)    L-iskop tal-lista ta' dokumenti tal-ivjaġġar huwa doppju: minn naħa waħda, li din tippermetti lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri jivverifikaw jekk dokument tal-ivjaġġar partikolari huwiex rikonoxxut għall-fini tal-qsim tal-fruntieri esterni kif stipulat fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)[5]; min-naħa l-oħra, din tippermetti li l-persunal konsulari jivverifika jekk l-Istati Membri jirrikonoxxux dokument tal-ivjaġġar partikolari għall-fini tat-twaħħil ta' sticker tal-viża.

(3)      Skont l-Artikolu 48(1)(c) tar-Regolament (KE) 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Kommunitarju dwar il-Viżi[6], lista eżawrjenti ta' dokumenti tal-ivjaġġar maħruġa mill-pajjiż ospitanti għandha titħejja fi ħdan il-kooperazzjoni lokali ta' Schengen.

(4)      Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jiżgura li l-lista ta' dokumenti tal-ivjaġġar hija dejjem aġġornata ▌.

(4a)    Meta wieħed iqis ir-relevanza tas-sigurtà tad-dokument tal-ivjaġġar fir-rigward tar-rikonoxximent possibbli tagħhom, fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni, megħjuna minn esperti tal-Istati Membri, għandha tipprovdi valutazzjoni teknika.

(5)      L-Istati Membri huma u għandhom jibqgħu kompetenti għar-rikonoxximent ta' dokumenti tal-ivjaġġar għall-iskop li jippermettu lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u għat-twaħħil ta' viża.

(6)      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tad-dokumenti tal-ivjaġġar kollha u jagħmlu ħilithom biex jarmonizzaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar it-tipi differenti ta' dokumenti tal-ivjaġġar. Minħabba li n-nuqqas min-naħa ta’ Stat Membru li jinnotifika l-pożizzjoni tiegħu rigward dokument tal-ivjaġġar jista’ joħloq problemi għad-detenturi ta’ dan id-dokument tal-ivjaġġar, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jobbliga lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwar ir-rikonoxximent u n-nuqqas ta' rikonoxximent ta’ dawn id-dokumenti. Dan il-mekkaniżmu ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jinnotifikaw bidla fil-pożizzjoni tagħhom fi kwalunkwe waqt.

(6a)    Għandha tkun stabbilita bażi tad-dejta onlajn li tinkludi kampjun tad-dokumenti kollha tal-ivjaġġar fuq tul ta’ żmien biex ikun faċilitat l-eżami ta’ dokument tal-ivjaġġar mill-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri u l-persunal konsulari. Dik il-bażi tad-dejta għandha tinżamm aġġornata skont kull bidla kif previst fl-Artikolu 4(3) ta’ din id-Direttiva.

(7)      Għal skopijiet ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji lista mhux eżawrjenti ta’ passaporti ta’ fantasija u passaporti ta’ kamuflaġġ magħrufa li jkunu infurmawha dwarhom l-Istati Membri. Il-passaporti ta’ fantastija u l-passaporti ta’ kamuflaġġ li huma fuq il-lista mhumiex suġġetti għal rikonoxximent jew nuqqas ta' rikonoxximent. Huma ma jintitolawx lid-detentur tagħhom li jaqsam il-fruntieri esterni u ma jistgħux jingħataw viża.

(7a)    Sabiex ikunu żgurati l-istess kundizzjonijiet għall-kompilazzjoni u l-aġġornament tal-lista ta’ dokumenti tal-ivjaġġar, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[7].

(7b)    Il-proċedura ta’ konsultazzjoni għandha tintuża għat-tfassil u għall-aġġornament tal-lista tad-dokumenti tal-ivjaġġar, billi dawk huma atti li jikkostitwixxu sempliċiment il-kompilazzjoni tad-dokumenti tal-ivjaġġar maħruġa.

(8)      Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp tal-acquis ta' Schengen [8], li jaqa' fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punti (A), (B) u (C) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim[9].

(9)      Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[10], li jaqa' fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti (A), (B) u (C) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE[11].

(10)    Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’ fl-ambitu tal-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti (A), (B) u (C) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE[12].

(11)    Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għalhekk la hija marbuta biha u lanqas ma hija suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Deċiżjoni jekk hux se timplimenta din id-Deċiżjoni fil-liġijiet nazzjonali tagħha.

(12)    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[13]; ir-Renju Unit għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(13)    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tieħux sehem skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda sabiex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[14], għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhijiex marbuta magħha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(14)    Fir-rigward ta' Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li hu b'xi mod ieħor relatat miegħu fit-tifisra tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(15)    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att ibbażat fuq l-acquis ta' Schengen jew li hu b'xi mod ieħor relatat miegħu fit-tifsira ta' Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2005,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u Ambitu

1.        Din id-Deċiżjoni tistabilixxi l-lista ta' Dokumenti tal-Ivjaġġar li jintitolaw lid-detentur tagħhom jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati minn viża (minn hawn 'il quddiem imsemmija "il-lista ta' dokumenti tal-ivjaġġar") u mekkaniżmu għall-kompilazzjoni ta' din il-lista.

2.        Din id-Deċiżjoni tapplika għad-dokumenti tal-ivjaġġar bħal passaport nazzjonali, (ordinarju, diplomatiku jew ta' serviżż/ uffiċjali jew passaport speċjali), dokument tal-ivjaġġar tal-emerġenza, dokument tal-ivjaġġar ta' refuġjat jew persuna bla stat, dokument tal-ivjaġġar maħruġ minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew laissez-passer.

2a.      Din id-Deċiżjoni ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jirrikonoxxu d-dokumenti tal-ivjaġġar.

Artikolu 2

Kompilazzjoni tal-lista ta' dokumenti tal-ivjaġġar

1.        Il-Kummissjoni għandha tħejji l-lista ta' dokumenti tal-ivjaġġar bl-għajnuna tal-Istati Membri u abbażi tal-informazzjoni miġbura fi ħdan il-kooperazzjoni Schengen lokali, kif imsemmi fl-Artikolu 48(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi.

2.        Il-lista ta' dawn id-dokumenti tal-ivjaġġar għandha titħejja skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2).

Artikolu 3

Struttura tal-lista

1.        Il-lista għandha tkun maqsuma fi tliet partijiet.

2.        L-ewwel parti għandha tikkonsisti f'dokumenti tal-ivjaġġar maħruġa minn pajjiżi terzi u entitajiet territorjali kif elenkat fl-Annessi I u II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa[15].

3.        It-tieni parti għandha tikkonsisti fid-dokumenti li ġejjin, maħruġa minn Stati Membri inklużi dawk maħruġa mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropew li mhux qed jieħdu sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni preżenti u mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li għadhom mhux qed japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ:

(a)       dokumenti tal-ivjaġġar maħruġa lil ċittadini ta' pajjiżi terzi,

(b)       dokumenti tal-ivjaġġar maħruġa lil refuġjati skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Rigward l-Istatus ta' Refuġjati tat-28 ta' Lulju 1951,

(c)       dokumenti tal-ivjaġġar maħruġa lil persuni bla stat skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Rigward l-Istatus ta' Rifuġjati tat-28 ta' Settembru 1954,

(ca)     dokumenti tal-ivjaġġar maħruġa lil persuni li ma jkollhomx nazzjonalità ta’ xi pajjiż, u li jirrisjedu fi Stat Membru,

(d)       dokumenti tal-ivjaġġar maħruġa mir-Renju Unit għal ċittadini Brittanniċi li mhumiex ċittadini tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għall-iskopijiet tal-liġi tal-Unjoni.

4.        It-tielet parti għandha tikkonsisti f'dokumenti tal-ivjaġġar maħruġa minn organizzazzjonoijiet internazzjonali.

5.        Bħala regola ġenerali, l-elenkar ta' dokument tal-ivjaġġar partikolari japplika għas-serje kollha ta' dak id-dokument tal-ivjaġġar li għadhom validi.

6.        Jekk pajjiż terzi ma joħroġx tip partikolari ta' dokument tal-ivjaġġar, dan għandu jkun indikat billi jiddaħħal "mhux maħruġ" fil-lista.

Artikolu 4

Notifikazzjoni tar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta' rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivjaġġar elenkati

1.        Fi żmien tliet xhur wara l-komunikazzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 2(1), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-pożizzjoni tagħhom dwar ir-rikonoxximent jew in-nuqqas ta' rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivjaġġar.

1a.      Jekk Stat Membru jonqos milli jinnotifika l-pożizzjoni tiegħu sal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1, id-dokument tal-ivjaġġar ikkonċernat għandu jitqies bħala rikonoxxut sal-waqt meta l-Istat Membru jinnotifika nuqqas ta' rikonoxximent.

2.        Fil-qafas tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(1), l-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta' rikonoxximent ta' dokumenti tal-ivjaġġar speċifiċi bil-għan li tintlaħaq pożizzjoni armonizzata.

3.        L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha għar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta' rikonoxximent indikat qabel ta' dokument tal-ivjaġġar partikolari.

Artikolu 5

Dokumenti tal-ivjaġġar ġodda maħruġa

1.        L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dokumenti tal-ivjaġġar ġodda msemmija fil-punti (a) sa (ca) tal-Artikolu 3(3).

2.        L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dokumenti tal-ivjaġġar ġodda maħruġa minn pajjiżi terzi, Stati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 3(2), fl-Artikolu 3(3)(d) u l-Artikolu 3(4). Il-Kummissjoni għandha, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tagħmel sforzi biex tiġbor il-mudelli ta' dokumenti tal-ivjaġġar ġodda sabiex biex tqassamhom.

3.        Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-lista skont in-notifiki u l-informazzjoni li tirċievi u għandha titlob lill-Istati Membri biex jinnotifikaw il-pożizzjoni tagħhom dwar ir-rikonoxximent jew in-nuqqas ta' rikonoxximent skont l-Artikolu 4.

4.        Il-lista ta' dawn id-dokumenti tal-ivjaġġar għandha titħejja skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2).

Artikolu 5a

Informazzjoni dwar passaporti ta’ fantasija u passaporti ta’ kamuflaġġ magħrufa

Il-Kummissjoni għandha wkoll tfassal u taġġorna lista mhux eżawrjenti ta’ passaporti ta’ fantasija u passaporti ta’ kamuflaġġ magħrufa fuq il-bażi tal-informazzjoni li tirċievi mingħand l-Istati Membri.

Artikolu 6

Valutazzjoni ▌tad-dokumenti tal-ivjaġġar

1.        Sabiex l-Istati Membri jiġu assistiti fil-valutazzjoni tekniċi tagħhom ▌tad-dokumenti tal-ivjaġġar, il-Kummissjoni, megħjuna minn esperti tal-Istati Membri, tista', ▌tipprovdi għal analiżi teknika ta' dan it-tip ta' dokumenti tal-ivjaġġar filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet relevanti tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

1a.      Fejn ikun relevanti, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta' dokumenti tal-ivjaġġar jistgħu ukoll jiġu analizzati f'dan il-kuntest.

2.        Ir-riżultati ▌tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafi (1) u (2) għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri.

Artikolu 7

Proċedura tal-kumitat

1.        Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (Il-Kumitat għad-Dokumenti tal-Ivjaġġar). Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.        Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

Pubblikazzjoni tal-lista

Il-Kummissjoni għandha tqiegħed il-lista msemmija fl-Artikolu 3, inkluż in-notifiki skont l-Artikolu 4, u l-lista msemmija fl-Artikolu 5a, għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u tal-pubbliku permezz ta' pubblikazzjoni elettronika li tkun aġġornata b'mod kostanti.

Artikolu 9

Tħassir

Id-Deċiżjonijiet SCH/Com-ex (98) 56 u SCH/Com-ex (99) 14 huma mħassra.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

1.        Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.        Id-dispożizzjonijiet kollha ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ ħlief għall-Artikolu 9 li jibda japplika fid-data tal-ewwel pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 8.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi […],

Għall-Parlament Ewropew                                                   Għall-Kunsill    

Il-President                                                                        Il-President

___________

  • [1] * Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
  • [2]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9 .
  • [3]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 2, p. 173.
  • [4]  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 298.
  • [5]  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.
  • [6]  ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.
  • [7]  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13
  • [8]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 32, p. 4
  • [9]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 32, p. 4
  • [10]  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52
  • [11]  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1
  • [12]  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3
  • [13]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 1, p. 178
  • [14]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 211
  • [15]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65.

NOTA SPJEGATTIVA

Bi qbil mal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985, id-Deċiżjonijiet SCH/Com-ex (98)56 u SCH/Com-ex (99)14 irrigwardaw it-tfassil ta' manwal ta' dokumenti tal-ivjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b'viża. Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet imorru lura għaż-żmien tal-kooperazzjoni intergovernattiva dwar Schengen, u jeħtiġilhom jiġu adattati għall-qafas istituzzjonali u legali kurrenti tal-UE.

L-għan tal-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar huwa doppju: minn naħa waħda, iħalli lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri jivverifikaw jekk dokument tal-ivvjaġġar partikolari huwiex rikonoxxut għall-fini tal-qsim tal-fruniteri esterni kif stipulat fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen); min-naħa l-oħra, jippermetti li l-persunal konsulari jivverifika jekk l-Istati Membri jirrikonoxxux dokument tal-ivvjaġġar partikolari għall-fini tat-twaħħil ta' viża.

F'dan il-kuntest u biex ikun żgurat li l-Istati Membri jkollhom informazzjoni kemm jista' jkun sħiħa dwar is-suġġett, tidher neċessarja miżura li tiggarantixxi aġġornament kontinwu tal-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar. L-Istati Membri jkollhom l-obbligu jinnotifikaw il-pożizzjoni tagħhom rigward ir-rikonoxximent jew in-nuqqas ta' rikonoxximent ta' dawn id-dokumenti għall-finijiet tas-semplifikazzjoni u tal-effiċjenza.

Ir-Rapporteur huwa tal-opinjoni li l-proposta, ibbażata fuq l-Artikolu 77(2) tat-TFUE (kwestjonijiet tal-fruntieri), bħala tali għandha tippreżenta valur miżjud bħala biċċa leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b'mod partikolari billi tipprovdi s-sigurtà lill-gwardji tal-frunitera li huma intitolati jikkontrollaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar fil-fruntiera esterni. Li ma kienx hekk, l-għan tal-abbozz ta' proposta jisfa mdgħajjef għalkollox. Għaldaqstant, il-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar għandha tkun vinkolanti. Barra minn hekk, ir-rapporteur huwa tal-fehma li d-diċitura proposta tirrispetta l-kompetenza tal-Istati Membri li jirrikonoxxu d-dokumenti tal-ivvjaġġar, imma fl-istess ħin, tiżgura ċ-ċertezza legali wara perjodu determinat, li tablħaqq jista' jkun itwal minn dak propost mill-Kummissjoni.

L-għan ta' din id-deċiżjoni huwa li toħloq ċertezza legali rigward il-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, u għalhekk ir-rapporteur jipproponi li jikkjarifika l-konsegwenzi ta' nuqqas ta' notifikazzjoni tal-pożizzjoni ta' Stat Membru fil-perjodu determinat. Din id-dispożizzjoni hija konsistenti mal-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri għar-rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar minħabba li dejjem ikollhom id-dritt jinnotifikaw li ma jirrikonoxxux id-dokument tal-ivvjaġġar ikkonċernat.

PROĊEDURA

Titolu

Il-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b’viża u dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-istabbiliment ta’ din il-lista

Referenzi

COM(2010)0662 – C7-0365/2010 – 2010/0325(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

12.11.2010

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

23.11.2010

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Tanja Fajon

9.12.2010

 

 

 

Eżami fil-kumitat

15.6.2011

 

 

 

Data tal-adozzjoni

15.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Rita Borsellino, Simon Busuttil, Carlos Coelho, Rosario Crocetta, Cornelis de Jong, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Kinga Gál, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Claude Moraes, Jan Mulder, Georgios Papanikolaou, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Rui Tavares, Wim van de Camp, Axel Voss, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Michael Cashman, Anna Maria Corazza Bildt, Ioan Enciu, Heidi Hautala, Mariya Nedelcheva, Zuzana Roithová, Michèle Striffler, Cecilia Wikström

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marita Ulvskog

Data tat-tressiq

20.6.2011