RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Adrian Severin

21.6.2011 - (2011/2070(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Francesco Enrico Speroni

Proċedura : 2011/2070(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0242/2011
Testi mressqa :
A7-0242/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Adrian Severin

(2011/2070(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Adrian Severin, imressqa fil-5 ta' April 2011 mid-Direttorat Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Għolja ta' Kassazzjoni u Ġustizzja tar-Rumanija) u kkomunikata fis-seduta plenarja fis-6 ta' April 2011,

–   wara li sema' lil Adrian Severin fil-23 ta' Mejju 2011, bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, tat-8 ta' April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008 u tad-19 ta' Marzu 2010[1],

–   wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72(2) tal-Kostituzzjoni Rumena,

–   wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tal-Kodiċi Kriminali Rumen, skont liema d-dritt kriminali Rumen japplika għar-reati kommessi barra mill-konfini tar-Rumanija minn ċittadin Rumen jekk l-att inkwestjoni huwa reat anki skont id-dritt kriminali tal-pajjiżi li fih l-att kien kommess,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0242/2011),

A. billi d-Direttorat Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni tar-Rumanija talab it-tneħħija tal-immunità ta' Adrian Severin, Membru tal-Parlament, għall-fini li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Rumen ikun jista' jagħmel l-indaġnijiet tal-każ u jipproċedi fil-konfront ta' Adrian Severin, jirrikjedi l-perkwiżizzjoni tal-abitazzjoni u tal-uffiċċji tal-persuna kkonċernata kif ukoll l-iżvolġiment ta' verifiki informatiċi jew ta' kwalunkwe tiftixa elettronika oħra li tirriżulta neċessarja, jibda proċediment penali kontra l-persuna msemmija b'akkużi ta' korruzzjoni passiva u/jew użu illeċitu tal-influwenza jew kwalunkwe kwalifika ġuridika oħra li tkun tista' tiġi attribwita lill-allegat reat/allegati reati quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji penali kompetenti,

B.  billi t-tneħħija tal-immunità ta' Adrian Severin tikkonċerna allegati reati ta' korruzzjoni kontemplati mill-Artikolu 6 tal-liġi Rumena nru 78/2000, flimkien mal-Artikolu 254 (korruzzjoni) u l-Artikolu 257 (użu illeċitu tal-influwenza) tal-Kodiċi Kriminali, kif ukoll l-Artikolu 81(b) tal-liġi nru 78/2000,

C. billi l-Parlament Ewropew la huwa responsabbli li jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew le tal-Membru tal-PE u lanqas dwar l-opportunità jew le li jkunu persegwiti kriminalment l-atti li ġew lilu attribwiti,

D. billi huwa xieraq għaldaqstant li jiġi rakkomandat li l-immunità parlamentari titneħħa fil-każ inispeċje,

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Adrian Severin, bl-esklużjoni tar-restrizzjonijiet tal-libertà personali;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tar-Rumanija u lil Adrian Severin.

  • [1]  Kawża 101/63, Wagner/Fohrmann u Krier, Ġabra 1964, p. 195; kawża 149/85, Wybot/Faure u oħrajn, Ġabra 1986, p. 2391; kawża T-345/05, Mote/il-Parlament, Ġabra 2008, p. II-2849; kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07, Marra/De Gregorio u Clemente, Ġabra 2008, p. I-7929; kawża T-42/06, Gollnisch/il-Parlament.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Introduzzjoni

Fis-seduta tas-6 ta' April 2011 il-President għarraf, skont it-termini tal-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, li rċieva ittra mibgħuta mid-Direttorat Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fi ħdan il-Qorti Għolja ta' Kassazzjoni u Ġustizzja tar-Rumanija) fil-5 ta' April 2011 li kien fiha t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Adrian Severin.

Il-President għadda t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(2).

2. Il-fatti

Fil-21 ta' Marzu 2011 id-Direttorat Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni Rumen beda proċediment fil-konfront ta' Adrian Severin, Membru tal-Parlament Ewropew, fuq il-bażi tal-informazzjoni skont liema, fil-perjodu bejn Diċembru 2010 u Marzu 2011, l-Onor. Severin, huwa u jisfrutta l-pożizzjoni tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, kien aċċetta l-offerta ta' ħlas ta' EUR 100 000 mingħand rappreżentanti minn kumpanija li ssejjaħ lilha nnifisha ta' konsulenza taħt l-isem ta' "Taylor Jones Public Affairs" inkambju għall-appoġġ tiegħu fil-Parlament Ewropew favur abbozz ta' emenda tad-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta' garanzija għal depożiti dwar it-terminu għar-rimborż tad-depożitanti f'każ ta' falliment bankarju.

Skont l-awtoritajiet Rumeni, mill-verifiki preliminari li saru (rigward partikolarment id-dikjarazzjoni ta' Membru ieħor tal-Parlament Ewropew, il-kopja tal-fattura u l-audio recording fornuti mill-midja) joħroġ is-suspett gravi li, wara li kien ikkonkluda ftehim mar-rappreżentanti tal-kumpanija li ssejjaħ lilha nnifisha ta' konsulenza, l-Onor. Severin kien ikkuntattja, kemm personalment kif ukoll permezz tas-segretarjat tiegħu, mill-inqas Membru ieħor tal-Parlament Ewropew bl-iskop li jinforma ruħu jekk kinitx tressqet, biex tiġi diskussa fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, emenda dwar it-terminu għar-rimborż tad-depożitanti f'każ ta' falliment bankarju. Wara li assigura lir-"rappreżentanti tal-kumpanija ta' konsulenza" li l-emenda tagħhom kienet tressqet, biex tkun diskussa fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, minn Membru Rumen ieħor tal-Parlament Ewropew, Sebastian Bodu, l-Onor. Severin wegħidhom li kien se jappoġġa tali emenda u talab il-ħlas tal-ewwel rata ta' EUR 12 000 għas-servizzi mogħtija – somma li għaliha nħarġet fattura. Skont l-Onor.

Severin, Taylor Jones Public Affairs, kumpanija fittizja maħluqa mill-gazzetta Ingliża "Sunday Times", wegħditu rwol imħallas bħala membru tal-International Advisory Board tagħha. Dan ir-rwol, kif deskritt ukoll fil-kuntratt preliminari, kien jistabbilixxi l-fatt li huwa ma kienx se jiġi involut fl-abbozzar tal-emendi jew fil-promozzjoni jew il-bdil tal-leġiżlazzjoni.

Skont l-Onor. Severin, huwa ġie żgurat li tali kuntratt kien legalment sewwa u ma kien joħloq l-ebda kunflitt ta' interess ma' dmirijietu bħala parlamentari. Barra minn hekk, il-fattura li ngħata kienet għas-servizzi ta' konsulenza. Emenda analoga għal dik mitluba mill-allegata kumpanija tressqet mill-Onor. Bodu u ma kellha x'taqsam xejn miegħu.

L-Onor. Severin isostni li kellu kuntatti ma' kumpanija fittizja u li ġie ingannat. Huwa jsostni wkoll li dan ma jwassalx għal konsegwenzi legali u li, f'kull każ, qatt ma qeda dmirijietu bħala parlamentari għal flus. Fil-qosor, il-kumpanija u l-kuntratt kienu fittizji. L-Onor. Severin ma impenja ruħu f'ebda lobbying, la kien hemm dannu u lanqas skambju ta' flus u l-leġiżlazzjoni ma nbidlitx.

Ta' min jinnota li l-awtoritajiet Rumeni bbażaw it-talba tagħhom fuq id-dikjarazzjonijiet mogħtija u fuq l-audio recording fornuti mill-kumpanija maħluqa mis-Sunday Times. Tali dokumentazzjoni hija r-riżultat ta' manipolazzjoni kommessa mill-ġurnalisti tas-Sunday Times, li daħlu fil-Parlament taħt identità falza u bl-intenzjoni li jiffrodaw.

Għalkemm tali azzjoni tista' titqies ta' stmerrija mil-lat etiku u tqajjem tħassib fir-rigward tar-relazzjonijiet korretti bejn l-istampa u l-parlamentari, saħansitra tkun tidher bħala att minn aġenti provokaturi, li, fl-istat attwali tal-affarijiet, huwa stramb li ma kienu oġġett tal-ebda proċediment ġudizzjarju, ma jirriżulta l-ebda indizju li jista' jippreżumi l-eżistenza, min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja Rumena, ta' fumus persecutionis, jiġifieri ta' suspett suffiċjentement gravi u preċiż li l-kawża saret bl-iskop li tikkawża dannu politiku lill-Membru.

3. Id-dritt

Dritt kriminali Rumen:

Skont il-leġiżlazzjoni Rumena, l-atti hawn fuq deskritti huma kontemplati mill-Artikolu 6 tal-liġi nru 78/2000 intiża li tipprevjeni, taċċerta u tissanzjona r-reati ta' korruzzjoni, flimkien mal-Artikolu 254 (korruzzjoni) u l-Artikolu 257 (użu illeċitu tal-influwenza) tal-Kodiċi Kriminali, kif ukoll l-Artikolu 81(b) tal-liġi nru 78/2000 intiża li tipprevjeni, taċċerta u tissanzjona r-reati ta' korruzzjoni.

Id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija huma s-segwenti:

L-Artikolu 6 tal-liġi nru 78/2000 intiża li tipprevjeni, taċċerta u tissanzjona r-reati ta' korruzzjoni: "Ir-reati ta' korruzzjoni passiva (teħid ta' tixħim), imsemmija fl-Artikolu 254 tal-Kodiċi Kriminali, ta' korruzzjoni attiva (għoti ta' tixħim), imsemmija l-Artikolu 255 tal-Kodiċi Kriminali, ta' aċċettazzjoni ta' benefiċċji indebiti, imsemmija l-Artikolu 256 tal-Kodiċi Kriminali, u ta' użu illeċitu tal-influwenza, imsemmi l-Artikolu 257 tal-Kodiċi Kriminali, huma suġġetti għal pieni konformement mad-dispożizzjonijiet relattivi tal-liġi."

Artikolu 254 tal-Kodiċi Penali:

"(1) L-att tal-impjegat pubbliku li, direttament jew indirettament, jitlob jew jirċievi flus jew gwadann ieħor li mhux dovuti, jew inkella ma jirrifjutahomx, biex iwettaq, jonqos milli jwettaq jew idewwem it-twettiq ta' att tal-kariga tiegħu, jew inkella biex iwettaq att kuntrarju għad-dmirijiet tal-kariga tiegħu, huwa punit bir-reklużjoni minn 3 sa 12-il sena u t-telf ta' ċerti jeddijiet. (2) L-att imsemmi fil-paragrafu 1, jekk ikun kommess minn impjegat pubbliku b'funzjonijiet ta' kontroll, jiġi punit bir-reklużjoni minn 3 sa 15-il sena u t-telf ta' ċerti jeddijiet."

Artikolu 257 tal-Kodiċi Penali:

"(1) L-aċċettazzjoni jew it-talba ta' beni jew gwadann ieħor, jiġifieri l-aċċettazzjoni ta' wegħdiet, rigali, direttament jew indirettament, għall-vantaġġ tiegħu nnifsu jew ta' terz, mingħand persuna li għandha jew tagħti x'tifhem li għandha influwenza biżżejjed fuq impjegat pubbliku li twasslu jwettaq jew jonqos li jwettaq att li jaqa' taħt id-dmirijiet tal-kariga tiegħu, hija punita bir-reklużjoni minn sentejn sa 10 snin."

L-Artikolu 81(b) tal-liġi nru 78/2000 intiża li tipprevjeni, taċċerta u tissanzjona r-reati ta' korruzzjoni: "Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 254-257 tal-Kodiċi Penali u tal-Artikoli 61 u 82 ta' din il-liġi japplikaw ukoll għall-kategoriji segwenti:

b) il-membri tal-assemblej parlamentari tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li tagħhom ir-Rumanija hija parti;".

Il-ġurisdizzjoni tad-Direttorat Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni fil-fattispeċje hija kkonfermata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tal-Ordni ta' Emerġenza tal-gvern nru 43/2002 dwar id-Direttorat Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni: "(1) Ir-reati msemmijin fil-liġi nru 78/2000 intiża li tipprevjeni, taċċerta u tissanzjona r-reati ta' korruzzjoni, flimkien mal-emendi u maż-żidiet sussegwenti, jidħlu fil-kompetenzi tad-Direttorat Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni meta jsiru f'waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a) jekk, indipendentement mill-kwalità tal-persuni li kkommettewhom, tali reati jkunu provokaw danni materjali ta' ammont ogħla mill-ekwivalenti f'lei Rumeni ta' EUR 200 000, inkella kkawżaw tfixkil partikolarment gravi tal-attività ta' awtorità pubblika, ta' istituzzjoni pubblika jew ta' kwalunkwe persuna ġuridika oħra, jew jekk il-valur tal-ammont jew tal-beni li jirrappreżenta l-oġġett tar-reat ta' korruzzjoni jkun ogħla mill-ekwivalenti f'lei Rumeni ta' EUR 10 000;

b) jekk, indipendentement mill-valur tad-danni materjali jew mill-gravità tat-tfixkil ikkawżat lil awtorità pubblika, lil istituzzjoni pubblika jew lil kwalunkwe persuna ġuridika oħra, jew mill-valur tal-ammont jew tal-beni li jirrappreżenta l-oġġett tar-reat ta' korruzzjoni, tali reati jkunu ġew kommessi [...] mill-persuni msemmijin fl-Artikolu 81 tal-liġi nru 78/2000, flimkien mal-emendi u ż-żidiet sussegwenti [...]."

Artikolu 11 tal-Kodiċi Penali: "Id-dritt penali japplika għar-reati kommessi barra mill-konfini tar-Rumanija minn ċittadin Rumen jew minn apolidi li jkun jirrisjedi fir-Rumanija jekk l-att huwa meqjus bħala reat anki mil-liġi penali tal-pajjiż tal-perpetrazzjoni."

Dritt tal-Unjoni Ewropea

Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattati:

"Artikolu 9

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b) fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità għandha tapplika bl-istess mod għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta' xi wieħed mill-membri tiegħu."

Dispożizzonijiet tal-Kostituzzjoni Rumena dwar l-immunità tad-deputati fil-Parlament Rumen – Artikolu 72, paragrafu 2:

"Id-deputati u s-senaturi jistgħu jkunu oġġett ta' proċedimenti ġudizzjarji penali u jitressqu quddiem il-qorti għal atti li mhumiex marbuta ma' opinjonijiet politiċi jew ma' voti mitfugħa fil-qadi tal-mandat tagħhom, iżda ma jistgħux ikunu perkwiżiti, miżmuma jew arrestati mingħajr il-kunsens tal-Kamra li tagħha jkunu membri, wara li jkunu nstemgħu kif xieraq. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Għolja ta' Kassazzjoni u Ġustizzja biss jista' jibda l-proċediment ġudizzjarju penali relattiv u jipproċedi bit-tressiq quddiem il-qorti. Il-ġurisdizzjoni għandha tispetta lill-Qorti Għolja ta' Kassazzjoni u Ġustizzja."

4. Konklużjoni

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq u skont it-termini tal-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li eżamina r-raġunijiet favur u kontra t-tneħħija tal-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew ineħħi l-immunità parlamentari ta' Adrian Severin,

billi wara li kkunsidra li, sakemm ma jkun hemm sentenza li tkun għaddiet f'ġudikat kontra l-Membru, ma tista' tittieħed l-ebda miżura ta' arrest jew ta' limitazzjoni tal-libertà tiegħu jew miżura oħra li timpedixxi lilu milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu tal-mandat tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

12

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sebastian Valentin Bodu, Christian Engström, Marielle Gallo, Klaus-Heiner Lehne, Bernhard Rapkay, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Diana Wallis, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Eva Lichtenberger, József Szájer