RAPPORT dwar strateġija komprensiva dwar il-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni Ewropea
22.6.2011 - (2011/2025(INI))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Axel Voss
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
- OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
- RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar strateġija komprensiva dwar il-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari tal-Artikolu 16 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha, u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), b'mod partikolari l-Artikolu 8 dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u pubblika u l-Artikolu 13 dwar rimedju effikaċi,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data[1],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data[3],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)[4],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 108 tat-28 ta' Jannar 1981 għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali żviluppat mid-Direttiva 95/46/KE u l-protokoll addizzjonali ta' miegħu tat-8 ta' Novembru 2011 rigward l-awtoritajiet ta' sorveljanza u ħruġ transkonfinali ta' data, u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri, b'mod partikolari r-Rakkomandazzjoni Nru R(87) 15 li tirregola l-użu ta' informazzjoni personali fis-settur tal-pulizija u r-Rakkomandazzjoni CM/Rec. (2010) 13 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku tad-data personali fil-kuntest tal-profiling,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida għar-regolamentazzjoni ta' fajls kompjuterizzati ta' data personali maħruġa mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1990,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem "Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea" (COM(2010)0609),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill rigward il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea"[5],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) tal-14 ta' Jannar 2011 bl-isem "Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea",
– wara li kkunsidra l-kontribut konġunt tal-Artikolu 29 Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-qafas legali għad-dritt fundamentali tal-protezzjoni ta’ data personali bl-isem "Il-Futur tal-Privatezza"[6],
– wara li kkunsidra l-Opinjoni 8/10 tal-Artikolu 29 Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data rigward il-liġi applikabbli[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-protezzjoni tad-data u ir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stokkolma[8],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0244/2011),
A. billi d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data 95/46/KE u d-Direttiva dwar il-Pakkett tat-Telekomunikazzjoni tal-UE 2009/140/KE jagħmlu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-data personali fi ħdan is-suq intern possibbli,
B. billi l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data fl-UE, fl-Istati Membri u lil hinn minnhom żviluppat tradizzjoni ġuridika li jeħtieġ li tinżamm u tiġi elaborata aktar,
C. billi l-prinċipju ewlieni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data 1995/46/KE għadu validu, iżda ġew osservati approċċi differenti fl-implimentazzjoni u l-infurzar tagħha fl-Istati Membri; billi l-UE għandha tgħammar lilha nnifisha – wara valutazzjoni tal-impatt dettaljata – b'qafas komprensiv, koerenti, modern u ta' livell għoli li jkun kapaċi jipproteġi b'mod effikaċi d-drittijiet individwali fundamentali, b'mod partikolari l-privatezza, rigward ta' kull tip ta' proċessar ta' data personali ta' individwi fi ħdan u lil hinn mill-UE f'kull ċirkostanza, sabiex tiffaċċa sfidi numerużi għall-protezzjoni tad-data, bħal dawk kaġun tal-globalizzazzjoni, l-iżvilupp teknoloġiku, attività onlajn imsaħħa, użu relatat ma' aktar u aktar attivitajiet, u tħassib dwar sigurtà (pereżempju l-ġlieda kontra t-terroriżmu); billi qafas għall-protezzjoni tad-data bħal dan jista' jżid iċ-ċertezza legali, iżomm il-piż amministrattiv f'livell minimu, jipprovdi ambjent ekwu għall-operaturi ekonomiċi, jistimola s-suq diġitali uniku u l-fiduċja fl-imġiba tal-kontrolluri tad-data u tal-awtoritajiet ta' infurzar,
D. billi l-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data jista' jwassal għal riskji serji għad-drittijiet fundamentali tal-individwi u l-valuri tal-Istati Membri, sabiex l-Unjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu miżuri effettivi kontra dan it-tip ta' ksur; billi dan il-ksur jista' jwassal għal nuqqas ta' fiduċja min-naħa tal-individwi li jdgħajjef l-użu espedjenti ta' teknoloġiji ġodda, u billi l-użu ħażin u l-abbuż ta' data personali għandhom għalhekk jiġu kkastigati kif xieraq permezz ta' sanzjonijiet adegwati, ħorox u dissważivi, inklużi sanzjonijiet kriminali,
E. billi drittijiet fundamentali oħra rilevanti li jinsabu fil-Karta, u objettivi oħra fit-Trattati tal-UE, bħad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-prinċipju tat-trasparenza, għandhom jitqiesu b'mod sħiħ, filwaqt li jiġi żgurat id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali,
F. billi l-bażi legali l-ġdida stipulata fl-Artikolu 16 TFUE u r-rikonoxximent fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u l-Artikolu 7 tagħha dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja bħala dritt awtonomu, jeħtieġu l-appoġġ sħiħ ta' approċċ komprensiv għall-protezzjoni tad-data fl-oqsma kollha fejn tiġi pproċessata d-data personali, inkluż fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) bla ħsara għar-regoli speċifiċi stipulati fl-Artikolu 39 Trattat UE, u fl-oqsma tal-ipproċessar tad-data mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE,
G. billi hu assolutament importanti li jitqiesu numru ta' elementi ewlenin fil-kunsiderazzjoni ta' soluzzjonijiet leġiżlattivi, b'mod partikolari l-protezzjoni ġenwinament effettiva, mogħtija f'kull ċirkostanza u li tkun indipendenti mill-preferenzi politiċi f'limitu ta' żmien partikolari; billi l-qafas għandu jkun stabbli fuq perjodu twil u l-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt, fejn u jekk meħtieġ, għandhom ikunu eċċezzjonali, bi qbil mal-liġi, strettament neċessarji, proporzjonali u ġustifikati b’mod adegwat u m’għandhom qatt jaffettwaw l-elementi essenzjali tad-dritt innifsu[9],
H. billi l-ġbir, l-analiżi, l-iskambju u l-użu ħażin ta' data u r-riskju ta' simulazzjoni ta' profiling permezz ta' żviluppi tekniċi, laħqu dimensjonijiet bla preċedent u konsegwentement jeħtieġu regoli b'saħħithom għall-protezzjoni tad-data, bħal-liġi applikabbli u d-definizzjoni tar-responsabilitajiet tal-partijiet interessati kollha f'termini ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE għall-protezzjoni tad-data; billi l-kards ta’ fedeltà (kards ta’ klabb, kards ta’ frankar jew kards ta’ vantaġġ eċċ) qed jintużaw aktar u aktar ta’ spiss mill-kumpaniji u fin-negozju, u huma, jew jistgħu jkunu, użati għall-profiling tal-konsumturi,
I. billi ċ-ċittadini ma jixtrux onlajn bl-istess sigurtà kif jagħmlu offlajn, minħabba l-biża’ ta' serq tal-identità tagħhom u nuqqas ta' trasparenza fir-rigward ta' kif l-informazzjoni personali tagħhom se tiġi proċessata u użata,
J. billi t-teknoloġija kulma jmur qiegħda tagħmel possibbli l-ħolqien, il-bgħit u l-ipproċessar u l-ħzin tad-data personali, f'kull ħin u f'kull post f'ħafna forom differenti, u billi, f'dan il-kuntest, hu ta' importanza kruċjali li s-soġġetti tad-data jkollhom kontroll effettiv fuq id-data personali tagħhom,
K. billi d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza jinkludi l-protezzjoni tal-persuni mill-possibilità ta' sorveljanza u abbuż tad-data tagħhom mill-istat stess, kif ukoll minn entitajiet privati,
L. billi l-privatezza u s-sigurtà huma possibbli u t-tnejn li huma, huma ta' importanza ċentrali għaċ-ċittadini, u dan ifisser li ma hemmx il-bżonn li ssir għażla bejn li tkun ħieles u li tkun sikur,
M. billi t-tfal jistħoqqilhom protezzjoni speċifika, minħabba li jistgħu jkunu inqas konxji tar-riskji, tal-konsegwenzi, tas-salvagwardji u tad-drittijiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali; billi ż-żgħażagħ jiżvelaw data personali fuq siti ta' netwerks soċjali li qegħdin jinfirxu fuq l-internet b'pass mgħaġġel,
N. billi l-kontroll effettiv mis-soġġett tad-data u mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data jitlob imġiba trasparenti min-naħa tal-kontrolluri tad-data,
O. billi mhux il-kontrolluri kollha tad-data huma negozji onlajn, u għalhekk ir-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-data għandhom ikopru kemm is-settur onlajn kif ukoll dak offlajn filwaqt li jqisu d-differenzi possibbli bejniethom,
P. billi l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data huma soġġetti għal regoli li jvarjaw ħafna fis-27 Stat Membru, b'mod partikolari fir-rigward tal-istatus, ir-riżorsi u s-setgħat tagħhom,
Q. billi reġim għall-protezzjoni tad-data Ewropew u internazzjonali b'saħħtu jifforma l-bażi meħtieġa għall-fluss ta' data personali bejn il-fruntieri, u billi d-differenzi attwali fil-leġiżlazzjoni u fl-infurzar tal-protezzjoni tad-data jaffettwaw l-ekonomija globali, is-suq uniku Ewropew u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet tal-individwu, is-sigurtà legali u ċ-ċarezza f'relazzjonijiet kuntrattwali, l-iżvilupp tal-kummerċ u n-negozjar ekonomiku, il-fiduċja tal-konsumatur fis-sistema, it-transazzjonijiet transkonfinali, l-ekonomija globali u s-suq uniku Ewropew; billi f'dan il-kuntest, l-iskambju tad-data huwa importanti biex ikun possibbli li jkun hemm sigurtà pubblika u biex din tiġi żgurata, fil-livell nazzjonali u internazzjonali; billi l-adegwatezza, il-proporzjonalità, il-limitazzjoni tal-iskop, is-sorveljanza u l-adegwatezza huma prekundizzjonijiet għall-iskambju,
R. billi r-regoli u l-kundizzjonijiet attwali li jiggvernaw it-trasferiment ta' data personali mill-UE lejn pajjiżi terzi wasslu għal approċċi u prattiki differenti fi Stati Membri differenti; billi hu essenzjali li d-drittijiet tas-soġġett tad-data jiġu nfurzati bis-sħiħ f'pajjiżi terzi fejn id-data personali tiġi trasferita u pproċessata,
Parteċipazzjoni sħiħa b'approċċ komprensiv
1. Jilqa' u jappoġġa bil-qawwa l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta' "Strateġija komprensiva dwar il-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni Ewropea" u l-mira tagħha għat-tisħiħ tal-arranġamenti eżistenti, bit-tressiq ta’ prinċipji u mekkaniżmi ġodda, bl-iżgurar ta’ koerenza u bi standards għoljin għall-protezzjoni tad-data fl-ambjent ġdid wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (Artikolu 16 TFUE) u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li issa hi vinkolanti, b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha;
2. Jenfasizza li l-istandards u l-prinċipji stipulati fid-Direttiva 95/46/KE huma l-punt tat-tluq ideali u għalhekk dawn għandhom jiġu elaborati, estiżi u infurzati aktar bħala parti minn liġi modera għall-protezzjoni tad-data;
3. Jenfasizza l-importanza tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46/KE li jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu eżenzjonijiet mir-regoli tal-protezzjoni tad-data meta d-data personali tintuża biss għal skopijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop tal-espressjoni artistika jew letterarja; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-tkomplija ta' dawn l-eżenzjonijiet u li jsir kull sforz possibbli biex tiġi valutata l-ħtieġa għall-iżvilupp ulterjuri ta' dawn l-eċċezzjonijiet fid-dawl ta' kull dispożizzjoni ġdida għall-protezzjoni tal-libertà ta' espressjoni tal-istampa;
4. Jenfasizza li l-approċċ teknoloġikament newtrali tad-Direttiva 95/46/KE għandu jinżamm bħala prinċipju ta' qafas ġdid;
5. Jirrikonoxxi li l-iżviluppi teknoloġiċi minn naħa, ħolqu theddid ġdid għall-protezzjoni tad-data personali u min-naħa l-oħra wasslu għal żieda qawwija fl-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni għal skopijiet ta' kuljum u li normalment ma jagħmlux ħsara, u li dawn l-iżviluppi jirrikjedu valutazzjoni dettaljata tar-regoli attwali tal-protezzjoni tad-data biex jiġi żgurat li (i) ir-regoli jkunu għadhom jipprovdu livell għoli ta' protezzjoni, (ii) ir-regoli jkunu għadhom isibu bilanċ ġust bejn id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għal-libertà tal-kelma u tal-informazzjoni, u (iii) ir-regoli ma jfixklux mingħajr bżonn l-ipproċessar ta' kuljum tad-data personali li tipikament ma jikkawża l-ebda ħsara;
6. Iqis essenzjali l-estensjoni tal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali għall-protezzjoni tad-data fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, inkluż fil-kuntest tal-ipproċessar tad-data fil-livell domestiku, filwaqt li titqies b'mod speċjali x-xejra dubjuża li terġa' tintuża fuq bażi sistematika d-data personali tas-settur privat għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi, filwaqt li jiġu permessi wkoll limitazzjonijiet imfassla b'mod ristrett u armonizzati dwar ċerti drittijiet għall-protezzjoni tad-data tal-individwu, bħala eċċezzjoni u fejn strettament meħtieġ u proporzjonat f'soċjetà demokratika;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea, li huwa rregolat bir-Regolament (KE) Nru 45/2001, jiġi inkluż fl-ambitu tal-qafas il-ġdid;
8. Jirrikonoxxi li jistgħu jenħtieġu miżuri addizzjonali u msaħħa sabiex jiġi speċifikat kif il-prinċipji ġenerali mfassla permezz ta' qafas komprensiv japplikaw għal attivitajiet ta' setturi speċifiċi u ta' ipproċessar ta' data, kif diġà seħħ fil-każ tad-Direttiva dwar il-Privatezza elettronika, iżda jinsisti li dawn it-tip ta' regoli speċifiċi għas-settur m'għandhom fl-ebda ċirkostanza jbaxxu l-livell ta' protezzjoni pprovdut mill-qafas leġiżlattiv, iżda għandhom jiddeffinixxu b'mod strett id-derogi eċċezzjonali, meħtieġa, leġittimi, u mfassla b'mod ristrett għall-prinċipji ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-reviżjoni attwali tal-leġiżlazzjoni tal-UE għall-protezzjoni tad-data, tipprevedi:
– l-armonizzazzjoni sħiħa fl-ogħla livell li twassal għal ċertezza legali u ħarsien uniformi u ta’ livell għoli tal-individwi f'kull ċirkostanza,
– il-kjarifika ulterjuri tar-regoli dwar il-liġi applikabbli bil-għan li jingħata l-istess grad ta' protezzjoni lill-individwi, irrispettivament mil-lokalità ġeografika tal-kontrollur tad-data, inkluż fir-rigward tar-regoli għall-infurzar tal-protezzjoni tad-data mill-awtoritajiet jew fil-qrati;
10. Hu tal-fehma li reġim rivedut ta’ protezzjoni tad-data, filwaqt li japplika bis-sħiħ id-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, għandu jżomm il-piżijiet burokratiċi u finanzjarji f’livell minimu u jipprovdi strumenti li jippermettu l-konglomerati meqjusa bħala entitajiet uniċi jaġixxu bħala tali minflok bħala numru ta' entitajiet separati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt u tevalwa bir-reqqa l-ispejjeż tal-miżuri l-ġodda;
Tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tinforza mill-ġdid l-prinċipji u l-elementi eżistenti bħat-trasparenza, l-imminimizzar tad-data u l-limitazzjoni tal-iskop, kunsens informat, minn qabel u espliċitu, notifika ta' ksur ta' data u tad-drittijiet tas-soġġetti tad-data, kif stipulat fid-Direttiva 95/46/KE, biex b'hekk titjieb l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri, b'mod partikolari rigward "l-ambjent globali onlajn";
12. Jenfasizza l-fatt l-kunsens għandu jitqies validu biss meta ma jkunx ambigwu, meta jkun informat, mogħti b'mod liberu, speċifiku u espliċitu u għandhom jiġu implimentati miżuri adegwati li jirreġistraw l-kunsens jew ir-revoka tal-kunsens tal-utenti;
13. Jindika l-fatt li l-kunsens volontarju ma jistax jiġi preżunt fil-qasam tal-kuntratti tax-xogħol;
14. Huwa mħasseb dwar l-abbużi li qed joħorġu minn azzjonijiet pubbliċitarji onlajn u jfakkar li, skont id-direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika, jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens espliċitu tagħha minn qabel biex jintwerew il-cookies u biex isir monitoraġġ ulterjuri tan-navigazzjoni tagħha fuq l-internet bil-għan li jintbagħtu reklami personalizzati;
15. Jappoġġa b'mod sħiħ l-introduzzjoni ta' prinċipju ġenerali tat-trasparenza, kif ukoll l-użu ta' teknoloġiji li jsaħħu t-trasparenza u l-iżvilupp ta' avviżi standard dwar il-privatezza, li jagħmluha possibbli għall-individwi li jeżerċitaw kontroll fuq id-data tagħhom stess; jenfasizza li l-informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data għandha tingħata b'lingwaġġ ċar, u komuni u b'mod li jinftiehem u li jkun aċċessibbli faċilment;
16. Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tat-titjib tal-mezzi ta' eżerċitar tad-drittijiet ta' aċċess, rettifika, tħassir u mblukkar ta' data u wkoll kjarifika dettaljata u kkodifikar tad-"dritt li jintesew"[10] (right to be forgotten) u li jippermetti l-portabilità tad-data[11], filwaqt li jiġi żgurat li tiġi żviluppata u tibda titħaddem fattibilità teknika u organizzattiva sħiħa biex l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet ikun possibbli; jenfasizza li l-individwi jeħtieġu kontroll suffiċenti fuq id-data onlajn tagħhom sabiex ikunu jistgħu jużaw l-internet b'mod responsabbli;
17. Jenfasizza li ċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-data tagħhom, mingħajr ħlas; jistieden lill-kumpaniji biex jevitaw kull tentattiv li jżid ostakli bla bżonn li jxekklu d-dritt ta' aċċess, ta' emenda jew tħassir ta' data personali; jenfasizza li s-soġġetti tad-data għandhom jitqiegħdu f'pożizzjoni li jkunu jafu fi kwalunkwe ħin liema data inħażnet minn min, meta, għal liema skop, għal liema perjodu ta' żmien u kif qed tiġi proċessata; jenfasizza li s-soġġetti tad-data għandu jkunu jistgħu jħassru, jikkoreġu jew jimblukkaw id-data b'mod mhux burokratiku u li dawn għandhom jiġu informati dwar kull użu ħażin ta' data jew ksur ta' data; jitlob ukoll li din id-data trid tiġi żvelata fuq talba tal-persuna kkonċernata u anke titħassar sa mhux aktar tard minn meta dak li jkun jitlob dan; jenfasizza l-bżonn li s-soġġetti tad-data jkunu mgħarrfa b’mod ċar dwar il-livell tal-protezzjoni tad-data f’pajjiżi terzi; jenfasizza li d-dritt ta' aċċess jinkludi mhux biss aċċess sħiħ għad-data proċessata tal-persuna kkonċernata, inkluż is-sors u d-destinatarju tagħha, iżda wkoll informazzjoni li tinftiehem dwar il-loġika involuta fi kwalunkwe proċessar awtomatiku; jenfasizza li din tal-aħħar se ssir saħansitra aktar importanti bil-"profiling" u bl-estrazzjoni tad-data;
18. Jindika li l-istudju tal-profili huwa xejra ewlenija fid-dinja diġitali, minħabba li qed tikber l-importanza tan-netwerks soċjali u tal-mudelli kummerċjali integrati tal-internet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-profiling, filwaqt li tiddefinixxi b’mod ċar it-termini 'profile' u 'profiling';
19. Itenni l-ħtieġa li jissaħħu l-obbligi tal-kontrolluri tad-data dwar il-provviżjoni ta' informazzjoni tas-soġġetti tad-data u jilqa' l-attenzjoni mogħtija mill-Komunikazzjoni għal attivitajiet ta' tqajjim ta' kuxjenza diretti għall-pubbliku b'mod ġenerali u anke għaż-żgħażagħ b'mod aktar speċifiku; jenfasizza l-ħtieġa ta' proċeduri speċifiċi għal persuni vulnerabbli, b'mod partikolari t-tfal u l-anzjani; jinkoraġġixxi l-atturi differenti jwettqu kampanji ta' żieda tal-għarfien, u jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni għal kofinanzjament ta' miżuri ta' żieda tal-għarfien dwar il-protezzjoni tad-data permezz tal-baġit tal-Unjoni; jitlob li f'kull Stat Membru jkun hemm tqassim effiċenti tal-informazzjoni rigward id-drittijiet u l-obbligi ta' persuni naturali u legali rigward il-ġbir, l-ipproċessar, il-ħażna u l-għoti ta' data personali;
20. Ifakkar fil-bżonn li jiġu protetti b'mod speċifiku l-persuni vulnerabbli, u b'mod partikolari t-tfal, partikolarment bl-impożizzjoni ta' livell għoli ta' protezzjoni tad-data bħala parametru fin-nuqqas ta' dan u l-implimentazzjoni ta' miżuri xierqa u speċifiċi li jipproteġu d-data personali tagħhom;
21. Jenfasizza l-importanza ta' leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data li tirrikonoxxi l-ħtieġa li tipproteġi b'mod speċifiku lit-tfal u l-minuri – fid-dawl ta', inter alia, iż-żieda ta' aċċess għat-tfal għall-internet u l-kontenut diġitali – u jenfasizza li l-litteriżmu tal-midja għandha ssir parti mill-edukazzjoni formali bil-għan li t-tfal u l-minuri jiġu mgħallma kif għandhom jaġixxu b'mod responsabbli fl-ambjent onlajn; Għal dan il-għan, għandha tingħata attenzjoni partikolari lid-dispożizzjonijiet dwar il-ġbir u l-ipproċessar ulterjuri tad-data tat-tfal, it-tisħiħ tal-prinċipju ta' limitazzjoni ta' skop fir-rigward tad-data tat-tfal u ta' kif jingħata l-kunsens tat-tfal, u dwar il-protezzjoni kontra reklamar ibbażat fuq l-imġiba[12];
22. Jappoġġa l-kjarifika u t-tisħiħ ulterjuri tal-garanziji għall-ipproċessar ta' data sensittiva u jitlob li ssir riflessjoni dwar in-neċessità li jiġu trattati kategoriji ġodda, bħad-data ġenetika, b'mod speċjali fil-kuntest tal-iżviluppi teknoloġiċi (pereżempju il-“cloud computing”) u fis-soċjetà;
23. Jenfasizza li data personali dwar is-sitwazzjoni professjonali tal-utent ma għandhiex tiġi ppubblikata jew mgħoddija lil partijiet terzi mingħajr il-permess minn qabel tal-persuna kkonċernata;
Tisħiħ ulterjuri tad-dimensjoni tas-suq intern u l-iżgurar ta' infurzar aħjar ta' regoli għall-protezzjoni tad-data
24. Jinnota li l-protezzjoni tad-data għandu jkollha rwol dejjem akbar fis-suq intern, u jenfasizza li l-protezzjoni effettiva tad-dritt għall-privatezza hi essenzjali biex tinkiseb il-fiduċja tal-individwi, li hu meħtieġ sabiex jinħeles il-potenzjal ta' tkabbir sħiħ tas-suq uniku diġitali; ifakkar lill-Kummissjoni li prinċipji u regoli komuni kemm għall-prodotti kif ukoll għas-servizzi huma prerekwiżit għal suq uniku diġitali, billi s-servizzi huma parti importanti tas-suq diġitali;
25. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tikkjarifika r-regoli rigward il-liġi applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali;
26. Iqis essenzjali li jissaħħu l-obbligi tal-kontrolluri tad-data biex jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data billi jħaddmu, inter alia, mekkaniżmi u proċeduri proattivi, u jilqa' d-direzzjonijiet l-oħra ssuġġeriti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni;
27. Ifakkar li f'dan il-kuntest għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kontrolluri tad-data li huma soġġetti għal obbligi ta' segretezza professjonali u li għal dawn għandu jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta' strutturi speċjali għas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data;
28. Jilqa' u jappoġġa l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li ddaħħal prinċipju ta' għoti ta' rendikont peress li huwa ta' importanza fundamentali li jiġi żgurat li l-kontrolluri tad-data jaġixxu skont ir-responsabilità tagħhom; jistieden fl-istess ħin lill-Kummissjoni teżamina sew kif prinċipju bħal dan jista' jiġi implimentat fil-prattika u tivvaluta l-konsegwenzi tiegħu;
29. Jilqa' l-possibilità li l-ħatra ta' uffiċjali għall-protezzjoni tad-data f'organizzazzjonijiet issir obbligatorja, peress li l-esperjenza tal-Istati Membri tal-UE li diġà għandhom uffiċjali għall-protezzjoni tad-data turi li dan il-kunċett kien ta' suċċess; jinnota, madankollu, li dan l-aspett għandu jiġi vvalutat bir-reqqa fir-rigward tal-intrapriżi żgħar u mikro u għandu jevita li jwassal għal spejjeż jew piżijiet eċċessivi fuqhom;
30. Jilqa ukoll, f’dan il-kuntest, l-isforzi magħmula għas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tas-sistema ta’ notifika attwali;
31. Iqis bħala essenzjali l-possibilità li l-Valutazzjonijiet tal-Impatt fuq il-Privatezza jsiru obbligatorji biex jiġu identifikati r-riskji għall-privatezza, jiġu previsti l-problemi u jitressqu soluzzjonijiet proattivi;
32. Iqis li huwa ta' importanza kbira ħafna li d-drittijiet tas-soġġetti tad-data jkunu infurzabbli; jinnota li jistgħu jiġu introdotti azzjonijiet legali kollettivi bħala għodda sabiex l-individwi jiddefendu b’mod kollettiv id-drittijiet tagħhom dwar id-data u jfittxu rimborż għad-danni li jkunu rriżultaw minħabba ksur tad-data; jinnota, madankollu, li kwalunkwe introduzzjoni bħal din għandha tkun soġġetta għal limiti sabiex jiġu evitati abbużi; jitlob lill-Kummissjoni tiċċara r-rabta bejn din il-komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-konsultazzjoni pubblika attwali dwar ir-rimedju kollettiv; jitlob, għalhekk, li jkun hemm mekkaniżmu ta' rimedju kollettiv għall-ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data biex is-soġġetti tad-data jkunu jistgħu jieħdu kumpens għad-danni li jsofru;
33. Jenfasizza l-ħtieġa ta' infurzar xieraq u armonizzat madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, fil-proposta leġiżlattiva tagħha, sanzjonijiet iebsin u dissważivi, inklużi sanzjonijiet kriminali, għall-użu ħażin u għall-abbuż tad-data personali;
34. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tintroduċi sistema ġenerali ta' notifiki obbligatorji ta' ksur ta' data personali billi testendiha għal setturi oħra minbarra s-settur tat-telekomunikazzjoni filwaqt li tiżgura li (a) ma ssirx sinjalazzjoni ta' rutina għal kull xorta ta' ksur iżda primarjament għal dawk li jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-individwu u (b) li l-ksur kollu, mingħajr eċċezzjoni, jiġi rreġistrat u jkun għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jew awtoritajiet oħra għal spezzjoni u valutazzjoni, biex b'hekk jiġi żgurat ambjent ekwu u protezzjoni ugwali għal kull individwu;
35. Jara, fil-kunċetti ta’ “privatezza fid-disinn” u ta’ “privacy by default” it-tisħiħ tal-protezzjoni tad-data u jappoġġa l-kunsiderazzjoni tal-possibilitajiet għall-applikazzjoni reali u għall-iżvilupp ulterjuri tagħhom, kif ukoll jirrikonoxxi l-bżonn li jiġi promoss l-użu ta' Teknoloġiji li Jtejbu l-Privatezza; jenfasizza l-ħtieġa li kwalunkwe implimentazzjoni tal-"privatezza fid-disinn" tkun ibbażata fuq kriterji u definizzjonijiet tajbin u konkreti sabiex jiġu żgurati d-dritt għall-privatezza tal-utenti u l-protezzjoni tad-data, iċ-ċertezza legali, it-trasparenza, kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u moviment ħieles; huwa tal-fehma li l-"privatezza fid-disinn" għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, jiġifieri li l-prodotti kollha, is-servizzi u s-sistemi għandhom jinbnew b’tali mod li jiġbru, jużaw u jittrażmettu biss id-data personali li hija assolutament meħtieġa biex jiffunzjonaw;
36. Jinnota li l-iżvilupp u l-użu aktar estensiv tal-cloud computing joħloq sfidi ġodda f’termini ta’ privatezza u protezzjoni tad-data personali; jitlob, għalhekk, kjarifika tal-kapaċitajiet tal-kontrolluri tad-data, il-proċessuri tad-data u l-hosts sabiex ikun hemm allokazzjoni aħjar tar-responsabilitajiet legali korrispondenti u sabiex is-soġġetti tad-data jkunu jafu fejn tkun maħżuna d-data tagħhom, min ikollu aċċess għaliha, min jiddeċiedi għal xiex se tintuża d-data personali, u x’tip ta’ proċessi ta’ riżerva u ta’ rkupru jinsabu fis-seħħ;
37. Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tqis kif dovut il-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data relatati mal-cloud computing waqt li tkun qed tirrevedi d-Direttiva 95/46/KE u tiżgura li r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data japplikaw għall-partijiet kollha interessati, inklużi l-operaturi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet u dawk li mhumiex;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-operaturi kollha tal-internet jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom rigward il-protezzjoni tad-data, u jħeġġeġ lill-aġenziji tar-reklamar u l-pubblikaturi jinformaw b'mod ċar lill-utenti tal-internet minn qabel dwar il-ħżin ta' kwalunkwe data li tirrigwardahom;
39. Jilqa’ l-ftehim iffirmat reċentement dwar Qafas ta’ Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-Privatezza u l-Protezzjoni tad-Data għal applikazzjonijiet għall-Identifikazzjoni bil-Frekwenza tar-Radju (RFID), li għandu l-għan li jiżgura l-privatezza tal-konsumaturi qabel ma jiġu introdotti f'suq partikolari t-tikketti RFID;
40. Jappoġġa l-isforzi għall-promozzjoni ulterjuri ta' inizjattivi awtoregolatorji – bħal kodiċi ta' kondotta – u r-riflessjoni dwar it-twaqqif ta' skemi ta' ċertifikazzjoni tal-UE, bħala passi komplementari għal miżuri leġiżlattivi, filwaqt li jsostni li l-mudell tal-protezzjoni tad-data tal-UE huwa bbażat fuq leġiżlazzjoni li tistabbilixxi garanziji ta' livell għoli; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-inizjattivi awtoregolatorji bħala għodda għal infurzar aħjar tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;
41. Jemmen li kull tip ta' ċertifikazzjoni jew approvazzjoni għandha tkun ta' integrità garantita u affidabbli, teknoloġikament newtrali, rikonoxxuta globalment u għall-but ta' kulħadd, sabiex ma jinħolqux ostakoli għad-dħul;
42. Hu favur il-kjarifika, it-tisħiħ u l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-istatus u s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data, u huwa favur mezzi li jesploraw l-iżgurar ta’ applikazzjoni aktar konsistenti tar-regoli għall-protezzjoni tad-data tal-UE fis-suq intern kollu; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li tkun żgurata l-koerenza fost il-kompetenzi tal-KEPD, l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data u l-Grupp ta' Ħidma 29;
43. Jenfasizza li f'dan il-kuntest ir-rwol u s-setgħat tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 għandhom jissaħħu biex jittejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Data tal-Istati Membri, speċjalment fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-protezzjoni tad-data;
44. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkjarifika fil-qafas legali l-ġdid, il-kunċett ewlieni ta' indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data, fis-sens ta' nuqqas ta' kull tip ta' influwenza esterna[13]; jenfasizza li l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data għandhom jingħataw ir-riżorsi meħtieġa u s-setgħat investigattivi u ta' sanzjonar armonizzati;
Tisħiħ tad-dimensjoni globali tal-ħarsien tad-data
45. Jistieden lill-Kummissjoni tallinja u ssaħħaħ il-proċeduri attwali għat-trasferimenti internazzjonali tad-data – ftehimiet legali vinkolanti u regoli korporattivi vinkolanti – u biex tiddeffinixxi, abbażi tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data personali msemmija aktar 'il fuq, aspetti ewlenin ambizzjużi ta' protezzjoni tad-data tal-UE li għandhom jintużaw għat-tipi kollha ta’ ftehim internazzjonali; jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet għall-protezzjoni tad-data personali li l-UE tagħmel ma' pajjiżi terzi għandhom jagħtu liċ-ċittadini Ewropej l-istess livell ta' protezzjoni tad-data personali bħal dak provdut fl-Unjoni Ewropea;
46. Hu tal-fehma li l-proċedura ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni tista’ tibbenefika minn kjarifika ulterjuri, u implimentazzjoni, infurzar u sorveljanza aktar stretti, u li l-kriterji u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-data f’pajjiż terz jew f’organizzazzjoni internazzjonali għandha tkun speċifikata aħjar filwaqt li jitqies it-theddid ġdid għall-privatezza u għad-data personali;
47. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'attenzjoni l-effettività u l-applikazzjoni korretta tal-Prinċipji taż-Żona ta' Sigurtà;
48. Jilqa’ l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reċiproċità fil-livelli ta’ protezzjoni dwar is-soġġetti tad-data li d-data tagħhom tiġi esportata lejn, jew miżmuma, f’pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi deċiżivi lejn kooperazzjoni regolatorja msaħħa ma’ pajjiżi terzi bil-ħsieb li tiċċara r-regoli applikabbli kif ukoll il-konverġenza tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-pajjiżi terzi dwar il-protezzjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lil dan il-punt fuq l-aġenda tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku wara li jkun tnieda mill-ġdid;
49. Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi n-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OKŻE, kif ukoll mal-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istndardizzazzjoni (ISO), il-Konsorzju għall-World Wide Web (W3C) u l-Internet Engineering Task Force (IETF); iħeġġeġ l-iżvilupp ta' standards internazzjonali, filwaqt li tiġi żgurata l-koerenza fost l-inizjattivi għal standards internazzjonali u għal reviżjonijiet kurrenti fl-UE, l-OKŻE u l-Kunsill tal-Ewropa;
50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
- [2] ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.
- [3] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
- [4] ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
- [5] It-307 laqgħatal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, fi Brussell, bejn l-24 u l-25 ta' Frar 2011, disponibbli fuq: http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/jha/119461.pdf.
- [6] 02356/09/EN WP 168.
- [7] 0836/10/EN WP 179.
- [8] Pereżempju: Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Settembru 2008 dwar l-abbozz għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (ĠU C 8E , 14.1.2010, p. 138); Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2009 lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-Internet (ĠU C 117E , 6.5.2010, p. 206); Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar iż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini - Il-Programm ta' Stokkolma (ĠU C 285E , 21.10.2010, p. 12).
- [9] Ara l-opinjoni tal-EDPS (Nru 7) [30].
- [10] Għandu jkun hemm identifikazzjoni ċara u preċiża tal-elementi rilevanti kollha li fuqu jissejjes dan id-dritt.
- [11] Il-portabilità tad-data personali għandha tiffaċilita l-funzjonament bla xkiel kemm tas-suq uniku kif ukoll tal-internet, u l-ftuħ u l-interkonnettività karatteristiċi tiegħu;
- [12] Għandhom jitqiesu l-limitu ta' żmien għat-tfal taħt liema jkun meħtieġ il-kunsens tal-ġenituri u mekkaniżmi ta' verifika tal-età;
- [13] Bi qbil mal-Artikolu 16 TFUE u mal-Artikolu 8 tal-Karta.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (11.5.2011)
għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
dwar strateġija komprensiva dwar il-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni Ewropea
(2011/2025(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Giles Chichester
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li huwa essenzjali li jkun hemm ħarsien effettiv tad-dritt għall-privatezza sabiex tkun żgurata l-fiduċja tal-konsumatur, li hija meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tat-tkabbir sħiħ tas-suq uniku diġitali;
2. Jemmen li s-suq uniku diġitali jeħtieġ arranġamenti tal-ħarsien komuni tal-privatezza koordinati fil-livell Ewropew, sabiex jiġi inkoraġġit il-kummerċ transkonfinali u sabiex jiġi evitat it-tagħwiġ tas-suq; jenfasizza li livell għoli ta’ protezzjoni għal data ekonomika sensittiva (eż. numri tal-karti ta’ kreditu, indirizzi) huwa essenzjali f'termini ta' kredibilità u ta' konsum diġitali;
3. Ifakkar lill-Kummissjoni li prinċipji u regoli komuni kemm għall-prodotti kif ukoll għas-servizzi huma prerekwiżit għal suq uniku diġitali, billi s-servizzi huma parti importanti tas-suq diġitali;
4. Jisħaq li l-Kummissjoni jeħtiġilha tikkunsidra l-aspetti kollha, inklużi l-bżonn verifikat, iċ-ċertezza legali, it-tnaqqas tal-piżijiet amministrattivi, iż-żamma ta' kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi, il-fattibilità, il-kost u l-valur probabbli rigward il-protezzjoni tad-data, f'konnessjoni ma' kwalunkwe proposta;
5. Jirrikonoxxi li d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data (95/46/KE) wasslet għal qafas legali frammentat minħabba approċċi differenti fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Istati Membri u li l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda wasslu għal sfidi ġodda f’termini ta’ protezzjoni tad-data; jaqbel għalhekk mal-idea li ġie kkonfermat il-bżonn li jkun hemm qafas legali ġdid;
6. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-effetti tal-estensjoni tal-kategoriji ta’ data sensittiva għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa; jibqa' tal-fehma li l-kriterji aktar stretti fir-rigward tat-trattament ta' data sensittiva m'għandhomx jirrikjedu diversi awtorizzazzjonijiet legali ġodda sabiex jinżammu l-applikazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data meħtieġa u mixtieqa u li l-lista ta' data sensittiva għandha tiġi estiża biss sal-punt biex tinkludi d-data sensittiva kollha fi (kważi) kull sitwazzjoni possibbli ta’ pproċessar tad-data, bħal, ngħidu aħna, id-data ġenetika;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex mhux biss temenda d-Direttiva 95/46/KE sabiex ikunu inklużi kategoriji addizzjonali ta’ data (bħalma hija d-data ġenetika) iżda biex tqis ukoll l-iżvilupp ta’ 'data ġdida' fil-futur, u twettaq reviżjoni dettaljata tad-Direttiva f’dan il-qasam;
8. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-kontrolluri tad-data mhumiex kollha negozji tal-internet; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-data jistgħu jiġu applikati kemm f’ambjenti onlajn u kemm f’dawk offlajn;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tirregola ulterjorment il-ġbir, il-bejgħ u x-xiri tad-data personali billi dan l-aspett jiġi inkluż fl-ambitu ta’ kwalunkwe regola ġdida dwar il-protezzjoni tad-data; isostni li t-tali data ma tintużax biss għal skopijiet relatati mal-internet iżda anke għall-kummerċjalizzazzjoni postali diretta;
10. Jistieden lill-Kummissjoni, waqt li żżomm livell għoli ta' protezzjoni tad-data, biex tqis sew l-impatt fuq l-SMEs, sabiex tiżgura li ma jkunux żvantaġġati, kemm minħabba piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa jew minħabba rekwiżiti multipli ta' notifika li jimpedixxu l-attivitajiet tagħhom transkonfinali jew burokrazija oħra; jemmen ukoll li l-volum u n-natura tad-data pproċessata għandhom jitqiesu irrispettivament mid-daqs tal-kontrollur;
11. Huwa tal-fehma li r-reviżjoni tal-qafas legali għandha tiżgura l-flessibilità meħtieġa għall-qafas il-ġdid biex ikun jista' jissodisfa l-bżonnijiet futuri hekk kif tiżviluppa t-teknoloġija; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kwalunkwe previżjoni skont il-prinċipju tal-proporzjonalità u biex tiżgura li huma ma joħolqux ostakli għall-kummerċ, imorru kontra d-dritt ta' proċess ġust jew ixattru l-kompetizzjoni; jisħaq li kwalunkwe prinċipju ġdid għandu jitfassal biex jipproteġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data, ikun neċessarju għall-ilħuq ta' dak il-għan u jkun biżżejjed ċar biex jiżgura ċ-ċertezza legali u jippermetti kompetizzjoni ġusta;
12. Jindika li l-istudju tal-profili huwa xejra ewlenija fid-dinja diġitali, minħabba li qed tikber l-importanza tan-netwerks soċjali u tal-mudelli kummerċjali integrati tal-internet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-istudju tal-profili, filwaqt li tiddefinixxi b’mod ċar it-termini 'profil' u 'studju tal-profili';
13. Ifakkar lill-Kummissjoni li hemm bżonn ta' definizzjoni preċiża tat-terminu 'id-dritt tat-tinsija' li jidentifika b’mod ċar ir-rekwiżiti relevanti u jispeċifika kontra min dan id-dritt jista' jiġi infurzat;
14. Jisħaq li ċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet dwar id-data tagħhom mingħajr ħlas u mingħajr spejjeż postali jew spejjeż oħra; jistieden lill-kumpaniji biex jevitaw kull tentattiv li jżid ostakli bla bżonn li jxekklu d-dritt li wieħed jara, jemenda jew iħassar data personali;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-utenti tas-siti tan-netwerks soċjali jistgħu jiksbu stampa sħiħa tad-data miġbura dwarhom mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa għal spejjeż jew sforzi mhux raġonevoli;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita portabilità tad-data akbar fuq l-internet filwaqt li żżomm f'moħħha l-mudelli kummerċjali tal-fornituri tas-servizz, is-servizzi tekniċi eżistenti u l-interessi leġittimi tal-partijiet interessati; jisħaq li l-utenti jeħtieġu kontroll xieraq tad-data tagħhom onlajn sabiex ikunu jistgħu jużaw l-internet b’mod sovran u responsabbli;
17. Jemmen li kwalunkwe skema ta’ ċertifikazzjoni jew ta' approvazzjoni tista’ tiġi bbażata fuq mudell bħalma hi l-EMAS u għandha fi kwalunkwe każ tkun garantita l-integrità u l-affidabilità tagħha; jitlob li kull tali skema tkun tinkludi kodiċi serjali individwali fuq iċ-ċertifikati li l-pubbliku jkun jista’ jara u jiċċekkja f’bażi tad-data pubblika ċentrali;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-inizjattivi tal-awtoregolazzjoni, ir-responsabbiltà personali u d-dritt li individwu jikkontrolla d-data tiegħu stess, partikolarment fir-rigward tal-internet;
19. Jilqa’ l-ftehim iffirmat reċentement dwar Qafas ta’ Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-Privatezza u l-Protezzjoni tad-Data għal applikazzjonijiet RFID, li għandu l-għan li jiżgura l-privatezza tal-konsumaturi qabel ma jiġu introdotti f'suq partikolari t-tikketti RFID;
20. Jinkoraġġixxi lill-entitajiet kollha involuti biex jaħdmu għal standard komuni biex ikun determinat meta individwi setgħu taw il-kunsens tagħhom, u lejn 'età tal-kunsens' komuni għall-użu u t-trasferiment tad-data;
21. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed tikkunsidra 'l-privatezza fid-disinn' u jirrakkomanda li kull implimentazzjoni konkreta tagħha tkun ibbażata fuq il-mudell eżistenti tal-UE tal-Approċċ Ġdid u tal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid għal dak li għandu x'jaqsam ma' oġġetti, biex tiżgura l-moviment ħieles ta' prodotti u servizzi konformi mal-privatezza armonizzata u mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data; jenfasizza l-ħtieġa li kwalunkwe implimentazzjoni tagħha tkun ibbażata fuq kriterji u definizzjonijiet tajbin u konkreti sabiex jiġu żgurati d-dritt għall-privatezza tal-utenti u l-protezzjoni tad-data, iċ-ċertezza legali, it-trasparenza, kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u moviment ħieles; huwa tal-fehma li 'l-privatezza fid-disinn' għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, jiġifieri li l-prodotti kollha, is-servizzi u s-sistemi għandhom jinbnew b’tali mod li jiġbru, jużaw u jittrażmettu biss id-data personali li hija assolutament meħtieġa biex jiffunzjonaw;
22. Jenfasizza l-ħtieġa ta' infurzar xieraq u armonizzat madwar l-UE; jirrakkomanda li l-Kummissjoni terġa' teżamina t-tipi ta' sanzjonijiet disponibbli mal-awtoritajiet tal-infurzar f'każ ta' ksur ipprovat, filwaqt li għandha titqies il-possibbiltà ta' introduzzjoni ta' sanzjonijiet ta' mġiba xierqa mmirati biex jevitaw ksur ulterjuri;
23. Jinnota li jistgħu jiġu introdotti azzjonijiet legali kollettivi bħala għodda sabiex l-individwi jiddefendu b’mod kollettiv id-drittijiet tagħhom dwar id-data u jfittxu rimborż għad-danni li jkunu rriżultaw minħabba vjolazzjoni tad-data; jinnota, madankollu, li kwalunkwe introduzzjoni bħal din għandha tkun soġġetta għal limiti sabiex jiġu evitati abbużi; jitlob lill-Kummissjoni tiċċara r-rabta bejn din il-komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-konsultazzjoni pubblika attwali dwar ir-rimedju kollettiv;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jagħtu setgħat akbar lill-awtoritajiet nazzjonali ġudizzjarji u lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data biex jissanzjonaw kumpaniji li jiksru l-protezzjoni tad-data jew li ma japplikawx il-liġijiet tal-protezzjoni tad-data;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara u tiġġustifika r-regoli eżistenti rigward ir-relevanza, il-ħtieġa, l-effiċjenza, iċ-ċarezza u l-infurzar, kif ukoll is-setgħat, il-kompetenza u l-attivitajiet ta' infurzar tal-awtoritajiet, sabiex ikun żgurat li jkun hemm qafas komprensiv wieħed tal-protezzjoni tad-data fl-UE li jipprovdi livell għoli u ekwivalenti ta' protezzjoni minkejja t-tip ta' pproċessar tad-data mħaddem; jitlob li r-reviżjoni leġiżlattiva tkun applikabbli u infurzata madwar l-UE u internazzjonalment, sabiex, ladarba din tkun koperta mil-liġi tal-UE, id-data personali tibqa' koperta mil-liġi tal-UE, minkejja kull trasferiment ta' dik id-data jew tal-post tal-kontrollur tad-data jew tal-proċessur, bir-riżultat li jkun iffaċilitat in-negozju transkonfinali mingħajr ma tiġi kompromessa l-protezzjoni tad-data personali tal-individwi;
26. Huwa tal-fehma li t-trasferimenti tad-data personali kollha għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' traċċabilità (għal dak li għandu x'jaqsam mal-oriġini u d-destinazzjoni) u li din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-individwu kkonċernat; jenfasizza li jekk individwu jkun jixtieq jimmodifika d-data personali miżmuma minn kontrollur, l-individwu għandu, bħala sid id-data, jingħata l-għażla li din it-talba tintbagħat kemm lis-sors oriġinali tad-data u kemm lil kull kontrollur ieħor li din id-data tkun inqasmet miegħu;
27. Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara r-responsabbiltà legali tal-kontrolluri tad-data personali; jenfasizza li għandu jiġi ċċarat jekk hux responsabbli l-ewwel kontrollur tad-data jew inkella l-aħħar kontrollur magħruf jew jekk humiex soġġetti t-tnejn għal responsabbiltà konġunta;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-istandards tal-UE tal-protezzjoni tad-data fil-fora u fil-ftehimiet relevanti kollha internazzjonalment; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta li testendi l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma II dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali biex tinkludi l-vjolazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza, u lill-Kunsill biex jawtorizza negozjati bil-għan li jintemm ftehim internazzjonali li jippermetti lill-individwi fl-UE li jiksbu rimedju effikaċi f'każ ta' vjolazzjonijiet tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza skont il-liġi tal-UE;
29. Jenfasizza li r-regoli dwar is-sigurtà u n-notifika dwar il-vjolazzjoni tad-data personali stipulati fil-qafas emendat tat-telekomunikazzjonijiet għandhom jiġu riflessi fi kwalunkwe strument ġenerali ġdid sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u protezzjoni uniformi għaċ-ċittadini kollha.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
9.5.2011 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
32 0 4 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Lena Ek, Ioan Enciu, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Romana Jordan Cizelj, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Jaroslav Paška, Herbert Reul, Amalia Sartori, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Niki Tzavela, Marita Ulvskog, Kathleen Van Brempt, Henri Weber |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Matthias Groote, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Oriol Junqueras Vies, Silvana Koch-Mehrin, Vladko Todorov Panayotov, Markus Pieper, Algirdas Saudargas |
|||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexandra Thein |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (14.4.2011)
għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
dwar strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-data personali fl-Unjoni Ewropea
(2011/2025(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Matteo Salvini
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data 95/46/KE u d-Direttiva dwar il-Pakkett tat-Telekomunikazzjoni tal-UE 2009/140/KE jagħmlu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-data personali fi ħdan is-suq intern possibbli;
B. billi s-siti tan-netwerking soċjali ta’ kull tip qed jinfirxu malajr fuq l-internet, u ż-żgħażagħ b’mod partikolari jiżvelaw id-data personali fuqhom,
C. billi, għalkemm il-prinċipji ewlenin tal-Direttiva 1995/46/KE jibqgħu validi, il-globalizzazzjoni u l-iżviluppi rapidi fit-teknoloġija kkawżaw sfidi ġodda f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tad-data, bħala riżultat ta' aktar dipendenza fuq għodda kumplessa tat-teknoloġija tal-informazzjoni, kif ukoll ta' attività aktar qawwija fuq l-internet, inklużi l-kummerċ elettroniku, is-servizzi elettroniċi fil-qasam tas-saħħa, il-governanza elettronika, iż-żieda fl-użu ta’ netwerks soċjali, l-iżvilupp ta’ riklamar komportamentali fuq l-internet, jew il-cloud computing,
D. billi ż-żieda fl-iskambju ta’ data personali tal-individwi flimkien ma’ żviluppi teknoloġiċi ġodda wasslu għal żieda fil-ġbir, fil-ħażna u fl-użu tad-data personali, u tqajjem il-kwistjoni tal-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli u tad-definizzjoni tar-responsabilitajiet tal-partijiet interessati kollha f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (eż. kumpanija li jkollha x'taqsam ma' data personali taċ-ċittadini tal-UE, li s-sede tagħha tkun tinsab barra mit-territorju tal-UE, u li tkun qed tagħti sottokuntratti lil kumpaniji li wkoll jinsabu barra mit-territorju tal-UE),
E. billi r-reviżjoni tal-Direttiva 95/46/KE dwar il-Protezzjoni tad-Data għandha tinkludi riforma ġeneralizzata tal-qafas tal-UE għal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, waqt li tistabbilixxi regoli aktar stretti fir-rigward tal-ġbir tad-data, primarjament billi tinforma lill-individwi għaliex, min u għal kemm żmien id-data tiegħu jew tagħha se tinġabar u tintuża, u dan kemm fl-ambjent onlajn kif ukoll f'dak offlajn,
F. billi ċ-ċittadini ma jixtrux onlajn bl-istess sigurtà kif jagħmlu offlajn, minħabba l-biża’ ta' serq tal-identità tagħhom u nuqqas ta' trasparenza fir-rigward ta' kif l-informazzjoni personali tagħhom se tiġi proċessata u użata,
G. billi l-kards ta’ fedeltà (eż.kards ta' sħubija fi klabb, kards li joffru skonti jew kards li joffru vantaġġi) qed jintużaw aktar u aktar ta’ spiss mill-kumpaniji u fil-kummerċ, u qed jintużaw, jew jistgħu jintużaw, għall-klassifikazzjoni tal-klijenti skont profili prestabbiliti,
H. billi d-data miġbura permezz ta' dawn il-kards ta’ fedeltà qed tintuża għall-klassifikazzjoni tal-klijenti skont profili prestabbiliti; billi nħoloq suq għall-kummerċ ta' data ta' dan it-tip,
1. Jitlob biex id-dimensjoni tal-protezzjoni tad-data tas-suq intern tissaħħaħ, kemm fuq l-internet u kemm mhux, permezz tal-armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, wara li tkun saret valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa u, b'analoġija għar-regoli qafas dwar it-telekomunikazzjonijiet li jagħtu livell għoli ħafna biex tiżdied iċ-ċertezza legali, biex jiġu żgurati livelli konsistenti ta' privatezza, jitnaqqsu l-piż u l-ispejjeż amministrattivi, jiġi evitat ir-riskju li dak li jkun ifittex il-ġurisdizzjoni l-aktar vantaġġuża ("forum shopping") bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali aktar jew anqas stretti tal-Istati Membri, u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tas-suq ugwali għall-operaturi ekonomiċi u l-kontrolluri tad-data kollha; jikkunsidra li dan se jagħti spinta lis-suq uniku diġitali u jnaqqas l-ispejjeż mhux xierqa għan-negozji, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;
2. Jemmen li l-implimentazzjoni fl-UE tar-regoli tagħha dwar il-protezzjoni tad-data għadha irregolari u frammentata, u konsegwentement tħalli effett negattiv fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza, is-sigurtà legali u ċ-ċarezza fir-relazzjonijiet kuntrattwali, l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku u tan-negozju elettroniku, il-fiduċja tal-konsumatur fis-sistema, it-tranżazzjonijiet transkonfinali u t-twettiq ta’ ambjent fejn il-kundizzjonijiet għan-negozji u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fis-Suq Uniku ikunu tassew ugwali;
3. Jinnota li l-protezzjoni tad-data għandu jkollu rwol dejjem ikbar fis-suq intern;
4. Jitlob reviżjoni ta' malajr tal-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, speċjalment minħabba t-theddida dejjem tiżdied għad-data personali rrappreżentata minn forom ġodda ta’ proċessar tad-data, bħall-klassifikazzjoni skont profili prestabbiliti jew it-trasferiment mhux mixtieq ta' data;
5. Jitlob b’mod partikolari biex ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data jiġu allinjati mal-prinċipji bażiċi tad-Direttiva dwar il-privatezza elettronika fl-oqsma kollha tal-protezzjoni tad-data sabiex ikun evitat approċċ frammentat;
6. Jenfasizza t-talba għal Suq Uniku funzjonanti fir-rigward ta' infurzar koerenti, komprensiv u effikaċi tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, waqt li jitqiesu l-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda fuq id-drittijiet tal-individwi, it-trasparenza tal-proċeduri u l-interessi leġittimi ta' min hu kkonċernat; waqt li tiġi żgurata l-portabilità tad-data personali għall-faċilitazzjoni tal-funzjonament bla intoppi kemm tas-Suq Intern kif ukoll tal-internet, u l-ftuħ u l-interkonnettività karatteristiċi tiegħu;
7. Hu tal-fehma li kull data u tagħrif personali ċċirkolati fost il-Punti ta’ Kuntatt Uniku differenti u fis-Sistema ta’ Tagħrif tas-Suq Intern jiġu pproċessati, jintużaw u jinġabru biss għal skopijiet leġittimi u li jiġu implimentati s-salvagwardji meħtieġa kontra l-abbuż;
8. Jenfasizza l-importanza li d-Direttiva tiġi aġġornata f’konformità mal-iżviluppi teknoloġiċi globali;
9. Iqis li l-klassifikazzjoni skont profili prestabbiliti, fil-prinċipju, għandha tiġi permessa biss meta jkun hemm bażi legali soda, jew jekk il-persuni kkonċernati liberament jagħtu l-kunsens infurmat tagħhom li jkun jista' jiġi rrevokat fi kwalunkwe ħin;
10. Jinnota li l-iżvilupp u l-użu aktar estensiv tal-cloud computing joħloq sfidi ġodda f’termini ta’ privatezza u protezzjoni tad-data personali; jitlob, għalhekk, kjarifika tal-kapaċitajiet tal-kontrolluri tad-data, il-proċessuri tad-data u l-hosts sabiex ikun hemm allokazzjoni aħjar tar-responsabilitajiet legali korrispondenti u sabiex is-soġġetti tad-data jkunu jafu fejn tkun maħżuna d-data tagħhom, min ikollu aċċess għaliha, min jiddeċiedi għal xiex se tintuża d-data personali, u x’tip ta’ proċessi ta’ riżerva u ta’ rkupru jinsabu fis-seħħ;
11. Jisħaq fuq il-ħtieġa għal attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u attivitajiet edukattivi u għal strateġiji ta' komunikazzjoni mmirata dwar il-protezzjoni tad-data għal dawk li jipprovdu servizzi, imma anke għaċ-ċittadin u l-konsumatur; jindika l-ħtieġa li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu informati tajjeb dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-użu tad-data personali tagħhom, il-konsegwenzi fuq żmien qasir u fuq żmien twil li jipprovdu ċerti tipi ta' data, il-modalitajiet differenti ta' kunsens, il-portabilità tad-data, il-protezzjoni tal-privatezza tagħhom u l-għodda għad-dispożizzjoni tagħhom għall-prevenzjoni ta' sitwazzjonijiet li jdgħajfu l-privatezza tagħhom, bħad-dritt li dak li jkun jintesa (jiġifieri, id-dritt ta' individwi li jwaqqfu l-ġbir, l-analiżi, l-ipproċessar u l-użu bi kwalunkwe mod tad-data personali tagħhom, u li din id-data titħassar meta ma tibqax meħtieġa għal finijiet previsti legalment), speċjalment fl-ambjent tal-internet;
12. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ, tiċċara u tarmonizza r-regoli dwar il-kunsens liberu u infurmat, u tiċċara t-termini kuntrattwali; jitlob li ġeneralment kullħadd għandu jagħti l-kunsens tiegħu minn qabel, qabel mad-data tagħhom tkun tista' tinġabar, tiġi analizzata, tiġi pproċessata għall-klassifikazzjoni skont profili, jew tingħadda lil ħadd ieħor; jitlob ukoll li din id-data trid tiġi żvelata fuq talba tal-persuna kkonċernata u anke titħassar sa mhux aktar tard minn meta dak li jkun jitlob dan; jenfasizza l-bżonn li s-soġġetti tad-data jkunu mgħarrfa b’mod ċar dwar il-livell ta’ adegwatezza tal-protezzjoni tad-data f’pajjiżi terzi;
13. Jenfasizza li l-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data ma jaffetwawx biss lill-konsumaturi u lill-kumpaniji, imma anke lill-impjegati; jitlob, għaldaqstant, li jiġu inklużi standards ta' livell għoli fir-rigward tal-protezzjoni tad-data għall-impjegati sabiex titnaqqas is-sorveljanza mhux xierqa tad-data personali tagħhom;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli marbuta mal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, peress li sar dejjem iktar diffiċli li wieħed jistabbilixxi r-responsabilitajiet tal-partijiet interessati meta titqies il-globalizzazzjoni tal-iskambji; jenfasizza li hemm bżonn li tkun żgurata ċ-ċertezza legali għall-kontrolluri tad-data u jiġu evitati lakuni fil-protezzjoni tad-data personali kif prevista fid-Direttiva 95/46/KE;
15. Jenfasizza li m'għandhom qatt jitwettqu attivitajiet ekonomiċi mingħajr il-parteċipazzjoni ta' dawk ikkonċernati; dawn tal-aħħar għandhom ukoll dejjem jingħataw biżżejjed tagħrif biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiddeċiedu għalihom infushom;
16. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għan-natura altament strateġika tal-postijiet fejn jinsabu ċ-ċentri tad-data, u għall-impatt potenzjali jekk jiġu lokalizzati barra mit-territorju tal-UE;
17. Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għal sistema ta' notifika dwar ksur tad-data fid-direttiva dwar il-privatezza elettronika, li, barra minn hekk, għandha tiġi applikata b'mod konsistenti fl-oqsma kollha fejn tkun meħtieġa l-protezzjoni tad-data; Jitlob li s-sistema ta' notifika dwar proċessar tad-data personali tiġi riveduta u ssemplifikata lil hinn mis-settur tat-telekomunikazzjonijiet biex tinkludi ksur serju tad-data, bl-intenzjoni li jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-ipproċessar tad-data ma jqiegħdux piżijiet eċċessivi fuq il-kontrolluri tad-data u biex ir-rekwiżiti nazzjonali differenti f'dan il-qasam jinġiebu fi tmiemhom; jitlob li s-sistema ta' notifika dwar ksur tad-data personali tiġi estiża lil hinn mis-settur tat-telekomunikazzjonijiet biex tinkludi ksur serju tad-data, waqt li jenfasizza l-importanza ta' sistema uniformi għan-notifika dwar vjolazzjonijiet;
18. Jisħaq fuq il-fatt li d-dritt li persuni jiddeċiedu għalihom infushom għandu jingħata importanza u li kull individwu jkollu d-dritt li jkun infurmat mingħajr ħlas dwar id-data miġbura dwaru/dwarha, kif ukoll id-dritt li jitlob li din id-data titħassar, speċjalment għal profili kkompilati għal skopijiet kummerċjali;
19. Jenfasizza l-importanza, għad-detenturi ta' data personali, li jinħatar kontrollur wieħed għall-protezzjoni tad-data bi rwol identifikat b'mod ċar; jikkunsidra li l-organizzazzjonijiet li joperaw fis-Suq Intern għandhom ikunu jistgħu jaħtru kontrollur għall-protezzjoni tad-data għall-attivitajiet tagħhom fl-UE;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif dovut il-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data relatati mal-cloud computing waqt li tkun qed tirrevedi d-Direttiva 95/46/KE, u tiżgura li r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data japplikaw għall-partijiet kollha interessati, inklużi l-operaturi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet u dawk li mhumiex, filwaqt li tiżgura l-iżvilupp tal-cloud computing;
21. Jenfasizza li l-proċeduri dwar kif jinkiseb aċċess għad-data personali għandhom ikunu disponibbli b’mod ċar u immedjat għaċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha, bl-appoġġ ta' netwerk ta’ punti ta’ kuntatt, kif ukoll isiru disponibbli fuq l-internet; jitlob b’mod partikolari biex jiġu ssemplifikati d-dispożizzjonijiet ta’ infurzar;
22. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-modalitajiet għall-aċċess, retifika u tħassir tad-data, kif ukoll biex dak li jkun jirrikorri għal Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim fis-suq intern; speċjalment fl-ambjent ta' fuq l-internet; u, jisħaq fuq il-bżonn għal politika xierqa dwar il-ksur;
23. Jitlob għal żieda fil-kapaċità ta’ infurzar għall-awtoritajiet nazzjonali, anke fir-rigward tal-kumpaniji mhux tal-UE li l-attivitajiet tagħhom ikunu mmirati lejn il-konsumaturi tal-UE;
24. Jinsisti fuq il-bżonn għall-promozzjoni tal-użu ta’ Teknoloġiji għat-Tisħiħ tal-Privatezza u għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' Privatezza intrinsika mill-mument tat-Tfassil biex ikun żgurat li l-kwistjonijiet marbuta mal-privatezza jkunu inklużi fl-iżviluppi teknoloġiċi futuri; Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-fornituri tat-teknoloġija jintegraw prinċipji tal-privatezza fundamentali, inklużi l-minimizzazzjoni tad-data, it-trasparenza jew il-kontroll min-naħa tal-utent, fl-iżvilupp jew t-tnedija tat-teknoloġiji sabiex jiġi ggarantit livell ta' protezzjoni għoli fir-rigward tad-data personali fis-Suq Uniku;
25. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, il-possibilità li jiġu żviluppati standards ta' servizz għall-ġestjoni tad-data personali u għall-iżvilupp ta' għodda relatata għall-ġestjoni tal-informazzjoni, filwaqt li jitqies kif xieraq il-prinċipju tal-privatezza intrinsika mill-mument tat-tfassil; jikkunsidra li tali standards ta' tfassil jippromwovu l-aħjar prassi fl-iżvilupp ta' sistemi għall-ġestjoni tad-data u jtejbu, b'mod partikolari, il-karatteristiki ta' sigurtà tal-ġestjoni tal-bażijiet ta' data u tal-applikazzjonijiet għal warehousing; jenfasizza madankollu li kwalunkwe proposta għandha tkun teknoloġikament newtrali u tiffavurixxi l-innovazzjoni;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi, flimkien mal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, l-istandards Ewropej għall-ħżin fuq ħardwer filwaqt li jitqies kif xieraq il-prinċipju tal-privatezza intrinsika mill-mument tat-tfassil, u tinkuraġġixxi l-iżvilupp ta' standards tal-manifattura li jippermettu t-tħassir definittiv ta' data maħżuna fuq ħardwer li ma jkunx għadu jintuża għall-ħżin ta' data personali jew li jkun twarrab; jikkunsidra barra minn hekk li standards ta’ tfassil ta' dan it-tip jippromwovu l-aħjar prassi fl-immanifatturar; jenfasizza madankollu li kwalunkwe proposta għandha tkun teknoloġikament newtrali u tiffavurixxi l-innovazzjoni;
27. Jitlob għal rwol imsaħħaħ għall-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 biex jifformalizza r-rwol tiegħu fl-implimentazzjoni ta' regoli standard dwar il-protezzjoni tad-data u biex jasserixxi l-indipendenza tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea;
28. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-inizjattivi awtoregolatorji bħala għodda għal infurzar aħjar tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;
29. Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' skema ta' ċertifikazzjoni tal-UE fil-qasam tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data; din għandha tkun strutturata b’tali mod li tevita li titfa' piż mhux xieraq fuq il-kumpaniji – u b'mod partikolari fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju – b'obbligi għaljin u burokratiċi li jistgħu jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni; l-iskema għandha tkun teknoloġikament newtrali, kapaċi li tiġi rikonoxxuta globalment u ekonomikament aċċessibbli sabiex ma jinħolqux ostakli għad-dħul;
30. Jappoġġa l-ħolqien ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni tal-UE għall-websajts li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, imfassla fuq il-“European Privacy Seal” jew l-EuroPriSe (tikketta trans-Ewropea volontarja li tiċċertifika l-konformità tal-prodotti jew tas-servizzi informatiċi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data) li tkun applikabbli fl-UE kollha u tieħu post id-diversità tal-iskemi u t-tikketti ta’ ċertifikazzjoni privati eżistenti li spiss huma rikonoxxuti lokalment biss; iqis li din għandha tinkludi valutazzjoni tal-impatt dettaljata qabel tiġi adottata;
31. Jikkunsidra li l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-inizjattivi awtoregolatorji jistgħu jtejbu l-qafas attwali għall-protezzjoni tad-data, għalkemm ma jistgħux jieħdu post il-miżuri leġiżlattivi, speċjalment f'termini ta' infurzar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu tali inizjatti u jiżviluppaw u jappoġġaw strumenti li jagħmluha aktar attraenti għan-negozji biex jabqlu dwar l-awtoregolamentazzjoni;
32. Jistieden lill-Kummissjoni ma tipproponix livell ta’ armonizzazzjoni wisq estensiv li jostakola s-sistemi ta’ protezzjoni tad-data ppruvati u ttestjati bħall-kontrolli interni tal-protezzjoni tad-data mwettqa mill-kontrolluri tad-data tal-kumpanija nnifisha bl-appoġġ ta' kontrollil esterni mill-awtoritajiet ta' sorveljanza Statali għall-protezzjoni tad-data;
33. Jappoġġa l-ħolqien ta’ kriterji komuni u ċari fil-livell tal-UE biex jitwettqu verifiki fil-qasam tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data;
34. Jilqa’ l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reċiproċità fil-livelli ta’ protezzjoni dwar is-soġġetti tad-data li d-data tagħhom tiġi esportata lejn, jew miżmuma, f’pajjiżi terzi; jistieden madankollu lill-Kummissjoni tieħu passi deċiżivi lejn kooperazzjoni regolatorja msaħħa ma’ pajjiżi terzi bil-ħsieb li tiċċara r-regoli applikabbli kif ukoll il-konverġenza tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-pajjiżi terzi dwar il-protezzjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lil dan il-punt fuq l-aġenda tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku wara li jkun tnieda mill-ġdid;
35. Jitlob li jiġu żviluppati metodi aktar faċli u aktar effiċjenti li jippermettu t-trasferimenti internazzjonali ta’ data personali, filwaqt li jiżguraw livelli adegwati ta’ protezzjoni tad-data u privatezza tal-individwi;
36. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-eżenzjonijiet u d-derogi attwali previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46/KE minn ċerti regoli dwar il-protezzjoni tad-data minħabba raġunijiet ġurnalistiċi biex tkun issalvagwardjata l-libertà u l-indipendenza tal-midja fl-UE, u għall-espressjoni artistika jew letterarja bħala appoġġ għall-kreattività;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
13.4.2011 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
36 0 0 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Eija-Riitta Korhola, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Toine Manders, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Matteo Salvini, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Eva-Britt Svensson, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Kyriacos Triantaphyllides, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ashley Fox, María Irigoyen Pérez, Pier Antonio Panzeri, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Olle Schmidt |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (14.4.2011)
għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
dwar a comprehensive approach on personal data protection in the European Union
(2011/2025(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Seán Kelly
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza l-bżonn li jkun hemm definizzjoni aħjar u usa' tad-data personali f'teknoloġiji onlajn u diġitali, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam ma' forom ġodda ta' identifikazzjoni individwali u rintraċċar, speċjalment f’termini ta’ HTTP cookies u d-Direttiva 2002/58/KE[1], ħalli tkun garantita ċ-ċertezza legali fis-suq uniku diġitali, sabiex tkun iffaċilitata protezzjoni tad-data aktar effikaċi;
It-trasparenza
2. Jisħaq fuq l-importanza li l-utenti jiġu mgħarrfa dwar l-awtorità kompetenti tal-protezzjoni tad-data u dwar il-modi faċli biex jaċċessaw, biex jirranġaw u biex iħassru d-data personali tagħhom;
3. Jenfasizza li mekkaniżmi xierqa li jirreġistraw il-kunsens jew ir-revoka tal-kunsens tal-utenti – li jrid ikun espliċitu u mhux preżunt – iridu jiġu implimentati;
4. Ifakkar li l-utenti tal-internet għandu jkollhom id-dritt li jiġu minsija fil-kuntest tan-netwerks soċjali u tas-sistema tal-cloud computing; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-utenti għandu jkollhom id-dritt li jeżerċitaw kontroll fuq l-aspetti tad-data personali tagħhom li huma aċċessibbli għall-pubbliku;
5. Jenfasizza li data personali kkomunikata lil min iħaddem u li tirrigwarda s-sitwazzjoni professjonali tal-utent m'għandhiex tiġi ppubblikata jew mgħoddija lil partijiet terzi mingħajr il-permess minn qabel tal-persuna kkonċernata;
6. Jenfasizza li d-dikjarazzjonijiet ta’ privatezza, b'mod ġenerali, huma diffiċli ħafna biex jinqraw u jinftiehmu mill-utenti u għalhekk jinkoraġġixxi l-introduzzjoni ta’ sistema informattiva, li permezz tagħha s-suġġett tad-data jista' jifhem kif id-data personali tiegħu se tkun pproċessata ladarba jingħata l-kunsens;
Il-protezzjoni tad-data għat-tfal u l-minuri
7. Jisħaq fuq il-bżonn ta' miżuri ta' protezzjoni tad-data onlajn speċifiċi biex ikunu protetti t-tfal u l-minuri; itenni li l-litteriżmu medjatiku u tat-teknoloġija tal-informatika u tal-komunikazzjoni għandu jkun parti essenzjali tal-edukazzjoni formali sabiex it-tfal u l-minuri jitgħallmu kif għandhom jaġixxu b'mod responsabbli u sikur fl-ambjent onlajn;
8. Jenfasizza l-fatt li l-fornituri ta’ netwerking soċjali għandhom jippubblikaw il-politiki ta' sigurtà tagħhom b’lingwaġġ ċar u sempliċi u jqiegħdu din l-informazzjoni f'post prominenti sabiex jippermettu li l-utenti taħt l-età jqisu l-perikli involuti; jenfasizza, b'mod partikulari, li l-utenti taħt l-età għandhom jingħataw direzzjoni xierqa; u għandu jsir sforz biex l-anonimità tagħhom tkun imħarsa jekk jużaw psewdonimu onlajn; jenfasizza li dawn għandhom ukoll jitħeġġu jdaħħlu l-anqas ammont possibbli ta’ informazzjoni fuq netwerks soċjali u li għandhom jiġu informati bil-perikli li tinvolvi l-komunikazzjoni ta' data personali bħal ritratti, numri tat-telefown jew indirizzi tad-dar;
9. Jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex jinkludu instruzzjonijiet fl-użu tal-midja bħala parti integrali mill-kurrikulu fl-iskejjel u fi stabbilimenti edukattivi oħra, inklużi skejjel tat-tfal żgħar, u li l-għalliema u l-edukaturi jingħataw opportunitajiet xierqa ta’ taħriġ u ta’ taħriġ addizzjonali;
10. Jitlob biex il-kontrolluri tad-data jkunu obbligati jaddottaw mekkaniżmi li jivverfikaw l-età, sakemm dan il-proċess ma jheddidx il-privatezza jew iwaqqaf konsumaturi leġittimi milli jkollhom aċċess għal servizzi onlajn;
11. Jitlob li jiġu stabbiliti obbligi speċifiċi u rekwiżiti meta tkun qed tiġi pproċessata d-data relatata ma' minuri, u partikolarment mat-tfal, inkluża l-projbizzjoni tal-ġbir ta' data sensittiva li għandha x'taqsam mat-tfal; jissuġġerixxi li l-ġbir ta' informazzjoni personali minn minuri ma għandux jitħalla sakemm ma jkunx għal finijiet legali;
12. Huwa tal-opinjoni li, meta tinġabar u tiġi pproċessata data dwar studenti tal-iskola jew ta’ dawk li jattendu stabbilimenti edukattivi oħra, għandha tingħata attenzjoni partikolari, u d-data għandha titqassam biss wara li jkun ingħata kunsens, filwaqt li jiġu rispettati l-interessi fundamentali tat-tfal ikkonċernati;
13. Jissuġġerixxi sistema li biha l-livell ta’ protezzjoni tad-data offrut ikun immedjatament ċar għas-suġġett tad-data qabel jingħata l-kunsens, possibilment fil-forma ta' sistema ta' gradazzjoni, li tkun issorveljata minn awtorità indipendenti;
Is-sensibilizzazzjoni
14. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn il-minuri, u partikolarment lejn it-tfal, b'enfasi fuq il-perikli għall-privatezza tagħhom fl-ambjent onlajn, il-passi li jistgħu jieħdu biex jipproteġu lilhom infushom u l-bżonn li jassumu r-responsabilità tagħhom; jenfasizza li tagħrif bħal dan għandu jkun provdut b’mod ċar u komprensibbli; dan ir-rekwiżit għandu jappika b’mod partikolari għall-formulazzjoni ta’ testi li jipprovdu l-bażi għal kunsens speċifiku għall-użu ta’ data;
15. Jirrakkomanda wkoll kampanji ta' taħriġ u sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-kontrolluri u l-proċessuri tad-data, biex ikunu informati fuq l-obbligi u r-responsabilitajiet tagħhom.
16. Jenfasizza l-importanza li tinżamm, u, fejn xieraq, tissaħħaħ id-deroga għal skopijiet ġurnalistiċi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46/KE[2] li hi prerekwiżit meħtieġ għall-eżerċitar ta’ attivitajiet ġurnalistiċi f’ambjent medjatiku teknoloġiku dejjem iżjed kumpless, kif ukoll għat-twettiq tar-rwol tal-midja f’soċjetajiet demokratiċi.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
12.4.2011 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 0 0 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdi Cristiano Allam, Maria Badia i Cutchet, Zoltán Bagó, Malika Benarab-Attou, Lothar Bisky, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Mary Honeyball, Petra Kammerevert, Emma McClarkin, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marietje Schaake, Marco Scurria, Joanna Senyszyn, Hannu Takkula, László Tőkés, Helga Trüpel, Gianni Vattimo, Marie-Christine Vergiat, Sabine Verheyen, Milan Zver |
||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Nadja Hirsch, Seán Kelly |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (25.5.2011)
għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
dwar strateġija komprensiva dwar il-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni Ewropea
(2011/2025(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Françoise Castex
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jisħaq li l-pass rapidu fl-iżvilupp teknoloġiku fis-soċjetà tal-informazzjoni dinjija jitlob regoli komprensivi u koerenti dwar il-protezzjoni tad-data; jinnota li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u wara li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali saret legalment vinkolanti, Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jista' jagħti bażi legali speċifika għall-adozzjoni ta' strument legali wieħed dwar il-protezzjoni tad-data personali, jekk ikun ibbażat fuq l-ogħla livell ta' protezzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni tal-UE, u li dan jipprovdi ċertezza legali akbar; billi jeħtieġ li l-Artikolu 8 tal-Karta jitħares bis-sħiħ f'dan ir-rigward;
2. Iqis li din il-kumplessità li qed tikber ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tad-data u n-nuqqas attwali ta' armonizzazzjoni bejn il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri jitolbu li ssir adozzjoni ta' strument legali wieħed u komprensiv fuq livell Ewropew; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' notifika ta' vjolazzjoni tad-data personali fuq l-istess binarji ta' dik introdotta mid-Direttiva tal-Privatezza Elettronika rigward is-settur tat-telekomunikazzjonijiet;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-opportunità tikkonsolida u tirrinforza livell għoli ta' protezzjoni tad-data ta' dawk interessati, sabiex ittejjeb il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data;
4. Jenfasizza li d-dritt għall-aċċess ikopri mhux biss aċċess sħiħ għall-proċessi tad-data li jolqtu lil dawk interessati, inklużi s-sors u r-riċevituri tagħhom, imma wkoll informazzjoni intelliġibbli dwar il-loġika involuta fi kwalunkwe pproċessar awtomatiku; jenfasizza li dan tal-aħħar se jsir saħansitra aktar importanti bil-tfassil ta’ profili (profiling) u bl-estrazzjoni awtomatika tad-data (data mining);
5. Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi sinerġiji bejn id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-konsumatur;
6. Ifakkar fil-bżonn li jiġu pprovduti forom speċifiċi ta' protezzjoni għal persuni vulnerabbli, speċjalment it-tfal, pereżempju billi jiġi impost livell għoli ta' protezzjoni tad-data pprogrammat minn qabel u billi jittieħdu miżuri xierqa u speċifiċi li jipproteġu d-data personali tagħhom; jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data għandhom imexxu kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jolqtu partikolarment il-minorenni;
7. Jappella lill-Kummissjoni tqis ir-riskju tat-tiftix opportunist għat-tribunali l-aktar vantaġġużi fil-proposti tagħha dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli;
8. Isostni li t-trasparenza għandha tkun stabbilita bħala l-prinċipju ġenerali determinanti għall-ipproċessar tad-data personali, minħabba li tħalli lil dawk interessati li jiċċekkjaw id-data tagħhom aktar faċilment;
9. Jappoġġa bil-qawwa l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kunsens informat bħala prinċipju bażiku u jitlobha tiċċara u ssaħħaħ ir-regoli relevanti;
10. Huwa mħasseb dwar l-abbużi li qed joħorġu minn azzjonijiet pubbliċitarji onlajn u jfakkar li, skont id-direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika, jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens espliċitu tagħha minn qabel biex jintwerew il-cookies u biex isir monitoraġġ ulterjuri tan-navigazzjoni tagħha fuq l-internet bil-għan li jintbagħtu reklami personalizzati;
11. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis kif ir-rekwiżit ta' notifika ta' vjolazzjoni tad-data personali jista' jkun stabbilit fuq bażi ġenerali, filwaqt li żżomm f'moħħha li attwalment rekwiżit simili japplika għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet biss;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri speċifiċi għat-tfal, li mhux dejjem huma konxji mir-riskji marbuta mal-użu tal-internet;
13. Jindika li jeħtieġ li r-reviżjoni tar-regoli Ewropej ma tinvolvix spejjeż eċċessivi għal ditti kummerċjali Ewropej, minħabba li dan jolqot ħażin il-kompetittività tagħhom fir-rigward ta' kompetituri ta' pajjiżi terzi;
14. Iqis li għandha titħeġġeġ l-awtoregolazzjoni, permezz ta’ kodiċi tal-kondotta, fost l-oħrajn;
15. Jindika li l-protezzjoni tad-data personali tapplika għal kulħadd, imma l-infurzar ta' dan id-dritt m'għandux iwassal biex ikunu protetti l-attivitajiet kriminali jew it-trasgressuri; jinnota li l-Artikolu 47 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi d-dritt għal rikors effettiv f'każ ta' ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet garantiti mil-liġi tal-UE;
16. Jappoġġa sforzi ulterjuri maħsubin għall-avvanz ta’ inizjattivi awtoregolatorji infurzabbli u vinkolanti bbażati fuq il-qafas legali fi ħdan ir-reviżjoni dwar il-qafas tal-protezzjoni tad-data, kif issuġġerit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u hu favur ta' appoġġ ulterjuri għal skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-UE; jindika li s-settur tal-akkwist pubbliku għandu jkollu rwol importanti billi jkun hu li jmexxi f'dan ir-rigward;
17. Jappoġġa bil-qawwa l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data jingħataw poteri xierqa u riżorsi għalihom li bis-saħħa tagħhom ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom sew fuq livell nazzjonali u li jiggarantulhom l-indipendenza tagħhom;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli d-djalogu mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE sabiex ikun stabbilit qafas legali internazzjonali koerenti, ladarba l-cloud computing u żviluppi teknoloġiċi oħra jippermettu lill-kontrolluri joperaw f'aktar minn pajjiż wieħed; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ukoll il-kunċett ta' 'regoli korporattivi vinkolanti' fil-qasam tat-trasferiment internazzjonali tad-data;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri sabiex tirriafferma u ssaħħaħ il-post u r-rwol tal-Artikolu 29 Grupp ta' Ħidma, sabiex tiżgura l-imparzjalità tiegħu u t-trasparenza tal-attivitajiet tiegħu, biex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u tissaħħaħ l-armonizzazzjoni rigward l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali; fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas legali li jiżgura l-koerenza fl-eżerċitar tal-poteri u r-responsabbiltajiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tal-awtoritajiet nazzjonali tad-data, u tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-direttiva tipprovdi definizzjonijiet ċari u armonizzati;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi livell għoli ta' trasparenza fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas legali;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konformità mal-prinċipji tal-minimizzazzjoni tad-data u tal-limitazzjoni tal-iskop;
23. Jenfasizza l-importanza tad-drittijiet ta' aċċess, rettifika u tħassir;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi sistema restrittiva speċjali għal 'data sensittiva', li tkun tirrikjedi definizzjoni ċara ta' din il-kategorija ta' data;
25. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-eċċezzjonijiet mogħtija għal finijiet ġurnalistiċi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva attwali dwar il-Protezzjoni tad-Data jinżammu u li jsir kull sforz biex jiġi vvalutat il-bżonn li dawk l-eċċezzjonijiet jiġu żviluppati ulterjorment fid-dawl ta' kwalunkwe dispożizzjoni ġdida għall-protezzjoni tal-libertà tal-istampa;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-operaturi kollha tal-internet jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom rigward il-protezzjoni tad-data, u jħeġġeġ lill-aġenziji tar-reklamar u l-pubblikaturi jinformaw b'mod ċar lill-utenti tal-internet minn qabel dwar il-ħżin ta' kwalunkwe data li tirrigwardahom.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
24.5.2011 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 0 2 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Syed Kamall, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Jiří Maštálka, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Zbigniew Ziobro, Tadeusz Zwiefka |
||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Piotr Borys, Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, József Szájer |
||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Arias Echeverría |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
15.6.2011 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
49 1 0 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Philipp Albrecht, Rita Borsellino, Simon Busuttil, Carlos Coelho, Rosario Crocetta, Cornelis de Jong, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Kinga Gál, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Clemente Mastella, Véronique Mathieu, Claude Moraes, Jan Mulder, Georgios Papanikolaou, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Rui Tavares, Wim van de Camp, Daniël van der Stoep, Axel Voss, Renate Weber, Tatjana Ždanoka |
||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Michael Cashman, Anna Maria Corazza Bildt, Luis de Grandes Pascual, Ioan Enciu, Heidi Hautala, Stavros Lambrinidis, Mariya Nedelcheva, Norica Nicolai, Zuzana Roithová, Michèle Striffler, Cecilia Wikström |
||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marita Ulvskog, Silvia-Adriana Ţicău |
||||