RAPPORT dwar is-27 Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2009)

27.6.2011 - (2011/2027(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur għal opinjoni: Eva Lichtenberger

Proċedura : 2011/2027(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0249/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-27 Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2009)

(2011/2027(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet[1],

–   wara li kkunsidra is-27 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2009) (COM(2010)0538),

–   wara li kkunsidra d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni (SEC(2010)1143) u SEC(2010)1144),

–   wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat 'Rapport ta' Evalwazzjoni tal-proġett “EU Pilot”' (COM(2010)0070),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE (SEC(2010)1371),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Settembru 2007 intitolat 'Ewropa Li Tikseb ir-Riżultati – L-applikazzjoni tad-Dritt Komunitarju' (COM(2007)0502),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward il-ksur tad-dritt Komunitarja (COM(2002)0141),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar is-26 Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-dritt Komunitarja (2008)[2],

–   wara li kkunsidra r-risposta tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar is-26 Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-Dritt Komunitarju (2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0249/2011),

A. billi t-Trattat ta’ Lisbon daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009 u daħħal għadd ta’ bażijiet legali ġodda bil-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE,

B.  billi, skont l-Artikolu 298 TFUE, fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti,

1.  Huwa tal-fehma li l-Artikolu 17 TUE jiddefinixxi r-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala ‘għassiesa tat-Trattati’; f’dan il-kuntest, il-poter u d-dover tal-Kummissjoni li tmexxi proċedimenti ta’ ksur kontra Stat Membru li ma jkunx wettaq obbligu skont it-Trattati inklużi obbligi fir-rigward tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, huwa ġebla tax-xewka tal-ordni ġuridiku tal-UE u hu konsistenti mal-kunċett ta’ Unjoni msejsa fuq l-istat ta’ dritt;

2.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-istat tad-dritt bħala kundizzjoni mhux biss għal-leġittimità ta' kwalunkwe forma ta' governanza u amministrazzjoni u għal demokrazija ġenwina fejn l-azzjonijiet speċifiċi jkunu konformi man-normi ġenerali stabbiliti, iżda wkoll għall-prevedibilità u għall-validità oġġettiva tad-deċiżjonijiet, u bħala garanzija li ċ-ċittadini jistgħu jgawdu drittijiethom bis-sħiħ u b'mod effikaċi kif stipulat mil-liġi;

3.  Jenfasizza li s-27 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE juri li, minkejja li l-Kummissjoni fetħet inqas każijiet ta' ksur, fl-aħħar tas-sena 2009 xorta kienet għadha qed taħdem fuq madwar 2900 ilment u fajl dwar ksur, u li f’aktar minn nofs il-każijiet, l-Istati Membri kienu waqgħu lura fit-traspożizzjoni tagħhom tad-direttivi, sitwazzjoni li ċertament mhix sodisfaċenti u li l-parti l-kbira tar-responsabilità għaliha hija tal-awtoritajiet tal-Istati Membri;

4.  Jinnota li l-proċedura ta’ ksur tikkonsisti f’żewġ fażijiet: l-istadju amministrattiv (ta’ investigazzjoni) u l-istadju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; iqis li r-rwol taċ-ċittadin bħala kwerelant huwa vitali fil-fażi amministrattiva għal garanzija ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni in situ, li huwa rikonoxxut għal darba oħra mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta' Marzu 2002 msemmija aktar ’il fuq; iqis li għalhekk huwa importantissmu li jkunu ggarantiti t-trasparenza, il-ġustizzja u l-affidabilità tal-proċeduri li jippermettu liċ-ċittadin jintebaħ bi ksur tad-Dritt tal-Unjoni u jressaq l-istess ksur għall-attenzjoni tal-Kummissjoni;

5.  Jinnota li permezz tal-Proġett EU Pilot, il-Kummissjoni għandha l-għan li tkattar ‘l-impenn, il-kooperazzjoni u s-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri’[3] u qed tikkunsidra kif, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-amministrazzjonijiet nazzjonali, tittratta l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE; iqis li din l-inizjattiva twieġeb parzjalment għall-bżonn ġdid ta' kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggarantixxi li ċ-ċittadini jkunu dejjem inklużi fir-rigward tal-osservanza mad-dritt tal-UE;

6.  Jinnota li minn naħa ċ-ċittadini huma ppreżentati bħala dawk li għandhom rwol essenzjali fl-iżgurar tal-osservanza mad-dritt tal-UE in situ[4], filwaqt li min-naħa l-oħra – fl-EU Pilot – huma jistgħu jiġu esklużi ulterjorment minn kwalunkwe proċedura sussegwenti; iqis li dan għandu jkun evitat billi l-EU Pilot jiġi ttrattat bħala alternattiva simili għal 'medjazzjoni' fejn iċ-ċittadini huma involuti b’mod sħiħ u integrati bħala l-kwerelanti inizjali; hu tal-fehma li dan ikun jirrifletti aħjar l-għanijiet tat-Trattat li 'd-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin' (Artikolu 1 TUE), li 'l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ... għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ' (Artikolu 15 TFUE) u li 'fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet' (Artikolu 9 TUE);

7.  Jinnota l-għadd ta' petizzjonijiet li ma tistax tinstab soluzzjoni għalihom skont il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE jew skont normi tat-trattati applikati direttament, imma li minkejja kollox jindikaw ksur tal-prinċipji meħtieġa għad-dħul fl-Unjoni li jikkorrispondu mal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, filwaqt li l-Artikolu 7 TUE li jirregola l-proċeduri għat-tħaddin ta' dawn il-valuri;

8.  Jinnota li l-poter diskrezzjonali kkonferit lill-Kummissjoni permezz tat-Trattati għat-trattament tal-proċess ta’ ksur għandu jirrispetta l-istat ta’ dritt, ir-rekwiżit tat-trasparenza u l-ftuħ u l-prinċipju tal-proporzjonalità, u ma għandu qatt jipperikola l-ewwel għan ewlieni ta’ dak il-poter, jiġifieri li jiggarantixxi l-applikazzjoni f’waqtha u korretta tad-Dritt tal-Unjoni; itenni li ‘d-diskrezzjoni assoluta flimkien man-nuqqas assolut ta’ trasparenza huwa fundamentalment kuntrarju għall-istat ta’ dritt’[5];

9.  Jitlob lill-Kummissjoni ddaħħal aktar trasparenza fil-proċedimenti ta’ ksur u tinforma liċ-ċittadini kemm jista' jkun malajr, u b'mod xieraq, dwar l-azzjoni meħuda fuq it-talbiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi paramentru referenzjarju għall-osservanza tal-Istati Membri mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja;

10. Jinnota li biex l-EU Pilot jiġi operattiv, il-Kummissjoni ħolqot bażi tad-data elettronika kunfidenzjali għall-komunikazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri; itenni li hemm nuqqas ta’ trasparenza vis-à-vis l-kwerelanti fl-EU Pilot u jtenni wkoll it-talba tal-Parlament li jingħata aċċess għall-bażi tad-data fejn jinġabru l-ilmenti kollha biex ikun jista’ jwettaq ir-rwol tiegħu ta’ skrutinju fuq ir-rwol tal-Kummissjoni bħala għassiesa tat-Trattati;

11. Jilqa' l-impenji tal-Kummissjoni, imma jqis li jinħtieġu aktar sforzi mill-partijiet kollha kkonċernati – l-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament – sabiex l-Unjoni u s-suq intern tagħha jsiru realtà tanġibbli għaċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tagħhom u l-impriżi tagħhom;

12. Hu tal-fehma li l-inizjattiva ‘EU Pilot’ tista’ tagħti kontribut biex jissolvew il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-individwi u n-negozji fis-suq uniku u jistieden lill-Kummissjoni testendi l-kopertura tal-inizjattiva minn 24 għal 27 Stat Membru;

13. Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-ħtieġa li titjieb il-prevenzjoni tal-ksur billi jintużaw l-istrumenti kollha eżistenti u billi jkun żgurat li jkun hemm biżżejjed mezzi disponibbli;

14. Jenfasizza li ż-żamma tal-konsistenza fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri u l-iżgurar tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dan ir-rigward jirrikjedu li l-Kummissjoni tinvestiga bir-reqqa u, jekk ikun meħtieġ, tibda proċedimenti ta' ksur meta petizzjoni jew ilment huma diretti kontra rifjut minn qorti nazzjonali li titlob sentenza preliminari meta din hija obbligata tagħmel dan skont it-trattati u l-acquis;

15. Jilqa' l-fatt li ż-żmien meħtieġ għall-investigazzjoni ta' ksur allegat qsar bis-saħħa tal-metodu tal-proġett pilota, iżda jqis li l-Kummissjoni għandha tagħti kjarifika u informazzjoni ulterjuri biex il-Parlament ikun jista' jiġġudika s-suċċess ta' dan il-metodu mil-lenti tal-osservanza reali tal-Istati Membri;

16. Jinnota li fit-tweġiba tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010, sar riferiment għall-kawżi tal-Qorti biss[6], u dan jikkonferma l-ħtieġa tal-Kummissjoni li tiżgura l-kunfidenzjalità tad-dokumenti marbuta mal-proċedimenti ta' ksur u l-investigazzjonijiet ta' qabel ma jinbdew il-proċedimenti ta' ksur; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma caħdet, f’dawk il-każijiet, li jeżisti interess pubbliku li jissoprasjedi kull interess ieħor li għandu mnejn jiġġustifika l-aċċess għad-dokumenti; jinnota wkoll li l-Ombudsman wera approċċ pożittiv għar-rilaxx ta’ dokumenti marbutin mal-proċedimenti ta’ ksur[7];

17. Iqis li jista' jingħata iktar aċċess għall-informazzjoni dwar il-fajls ta' ksur mingħajr ma jkun ipperikolat l-għan tal-investigazzjoni u li interess pubbliku li jissoprasjedi għandu mnejn jiġġustifika l-aċċess għal dawn il-fajls, partikolarment f'każijiet li jinvolvu riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem jew ħsara irriversibbli għall-ambjent; jixtieq ukoll li jkun faċilitat l-aċċess għal informazzjoni li diġà tkun disponibbli għall-pubbliku fuq il-fajls ta' ksur;

18. Għaldaqstant jistieden għal darb’ oħra lill-Kummissjoni tipproponi liġi proċedurali fil-forma ta' regolament skont il-bażi ġuridika ġdida tal-Artikolu 298 TFUE, li tistipula l-aspetti varji tal-proċediment ta' ksur, inklużi n-notifiki, il-limiti taż-żmien vinkolanti, id-dritt għas-smigħ, l-obbligu tal-għoti ta' raġunijiet u d-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha, sabiex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini u tkun żgurata t-trasparenza;

19. Jinnota li ħafna petizzjonijiet jirreferu għal kunflitti ta' interess bejn dawk li jieħu d-deċiżjonijiet u jappoġġja bil-qawwa l-adozzjoni ta' regolament dwar il-proċeduri amministrattivi tal-UE li għandu jinkludi wkoll il-prinċipji ġenerali dwar il-proċedimenti ta' ksur;

20. Jinnota f’dan il-kuntest ir-risposta tal-Kummissjoni għat-talba tal-Parlament għal liġi proċedurali fejn fissret id-dubji tagħha dwar il-possibilità tal-adozzjoni ta’ kwalunkwe regolament futur imsejjes fuq l-Artikolu 298 TFUE minħabba l-poter diskrezzjonali konferit fuq il-Kummissjoni mit-Trattati sabiex din ‘torganizza l-mod kif tiġġestixxi l-proċedimenti ta’ ksur u x-xogħol marbut mal-istess ħalli tiżgura l-applikazzjoni korretta tad-Dritt tal-UE’; huwa konvint li tali liġi proċedurali m’għandha bl-ebda mod tillimita l-poter diskrezzjonali tal-Kummissjoni imma sservi biss ta’ garanzija li fl-eżerċizzju tal-poter tagħha, hija tirrispetta l-prinċipji ta’ ‘amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti’ kif jingħad fl-Artikolu 298 TFUE u fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

21. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali li jinkludi l-Petizzjoni 1028/2009 b'talba għal normi vinkolanti dwar il-proċedimenti ta’ ksur fil-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma li ħoloq għall-Artikolu 298 TFUE;

22. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq tal-20 ta’ Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet mal-kwerelant fir-rigward tal-ksur tad-dritt tal-UE tinkludi fiha passi proċedurali li l-Kummissjoni tqis li huma aċċettabbli f’dak li għandu x’jaqsam mar-regolamentazzjoni tad-diskrezzjoni tagħha u li għalhekk ma joħolqu ebda xkiel biex regolament jiġi msejjes fuq dan l-istrument; jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi dik il-komunikazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tużux is-soft law meta tkun qed tittratta proċedimenti ta’ ksur imma li tipproponi regolament ħalli l-Parlament jiġi nvolut b’mod sħiħ bħala koleġiżlatur f’element daqstant essenzjali tal-ordni ġuridiku tal-UE;

23. Jinnota b’mod partikolari li l-Kummissjoni qed tippjana li tirrevedi l-politika ġenerali tagħha dwar ir-reġistrazzjoni tal-ilmenti u r-relazzjonijiet mal-kwerelanti fid-dawl tal-esperjenza miksuba tal-metodi ġodda li qed jiġu ttestjati issa; huwa mħasseb dwar ir-rinunzja min-naħa tal-Kummissjoni tal-użu tal-proċedimenti ta’ ksur bħala għodda essenzjali għalbiex ikun żgurat li l-Istati Membri japplikaw id-Dritt tal-Unjoni b’mod f’waqtu u korrett; jisħaq li dan hu dmir impost fuq il-Kummissjoni mit-Trattati li ma jistax jiġi rinunzjat unilateralment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prova, permezz ta’ data konsistenti, tas-suċċess mistqarr ta’ dawn il-‘metodi l-ġodda’, b’data dettaljata ta’ qabel u wara l-EU Pilot u li tinkludi fir-regolament futur il-prinċipji u l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-ilmenti u kwalunkwe drittijiet oħra tal-kwerelant;

24. Jilqa’ l-element ġdid fl-Artikolu 260 TFUE li jippermetti lill-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq Stat Membru għat-traspożizzjoni tardiva ta’ direttiva meta tkun qed tressaq każ quddiem il-Qorti skont it-termini tal-Artikolu 258 TFUE; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-użu ta' din is-setgħa diskrezzjonarja ġdida, biex tiggarantixxi trasparenza akbar;

25. Tqis li huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni tuża dan il-mezz u kull mezz ieħor possibbli biex tiggarantixxi li l-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni b’mod f’waqtu u korrett, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ każijiet ambjentali;

26. Jenfasizza li t-traspożizzjoni f'waqtha tad-direttivi tal-UE hija essenzjali għall-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq uniku għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-impriżi fl-UE; jilqa' l-progress li sar biex jintlaħaq dan l-għan, iżda għadu mħasseb dwar l-għadd għoli ta’ każijiet ta’ ksur miftuħin minħabba t-traspożizzjoni tardiva tad-direttivi;

27. Japprova l-inizjattivi meħudin mill-Istati Membri biex jottimizzaw it-traspozizzjoni tad-direttivi tas-suq uniku, bħall-ħolqien ta’ inċentivi adatti għad-dipartimenti relevanti kif ukoll it-twaqqif ta' sistemi ta' twissija għal meta tkun qed toqrob l-iskadenza għat-traspożizzjoni;

28. Jitlob lill-Kummissjoni tissokta bil-promozzjoni tal-‘aħjar prattiki’ fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku, billi tibni fuq ir-rakkomandazzjoni tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2009 dwar miżuri għal titjib fil-funzjoni tas-suq uniku[8];

29. Jinnota li l-qrati nazzjonali għandhom rwol vitali fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-UE biex iżżid u tikkoordina t-taħriġ ġudizzjarju għall-imħallfin nazzjonali, il-professjonisti fil-qasam legali u l-uffiċjali u l-ħaddiema taċ-ċivil li jaħdmu fl-amministrazzjonijiet nazzjonali;

30. Jenfasizza li filwaqt li l-Kummissjoni għandha raġun tindika li primarjament huwa dmir is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri li jieħdu passi meta jkun hemm ksur tad-dritt tal-UE, iċ-ċittadini sikwit iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet konsiderevoli li jirriżultaw minn proċeduri tal-qorti nazzjonali, li jaf jiswew ħafna flus jew ikunu twal wisq; għaldaqstant, iqis li l-linji gwida stipulati fil-Programm ta’ Stokkolma għandhom jiġu segwiti;

31. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed tuża iktar il-missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti biex tinvestiga ksur in situ u jqis li għandha taħdem għal koordinazzjoni u sinerġiji mal-missjonijiet imwettqa mill-PE, b’mod partikolari l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, filwaqt li tiġi rrispettata l-indipendenza ta' kull istituzzjoni;

32. Jinnota li l-possibilità għaċ-ċittadini, l-impriżi jew l-interessi tas-soċjetà ċivili li jressqu l-proċedimenti tagħhom quddiem il-korpi ta’ reviżjoni amministrattiva, qrati jew tribunali tal-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE hija separata, indipendenti u mhux inkontradizzjoni mat-twettiq ta’ proċedimenti ta’ ksur min-naħa tal-Kummissjoni;

33. Jiddispjaċih li għadd kbir wisq ta’ proċedimenti ta’ ksur jieħdu ħafna żmien biex jingħalqu jew jitressqu quddiem il-Qorti tal-Gustizzja; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex tinstab soluzzjoni għall-proċedimenti ta’ ksur, u jitlob lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-ksur f’setturi differenti b’mod aktar sistematiku u trasparenti;

34. Jinsab imħasseb dwar l-għadd għoli ta’ ksur fl-oqsma tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, is-servizzi u l-akkwist pubbliku; huwa tal-opinjoni li kjarifika ulterjuri tal-qafas legali f'dawn l-oqsma tkun utli sabiex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali fil-proċess ta' implimentazzjoni;

35. Jilqa’ l-ħolqien ta’ bażi tad-data pubblika tal-leġiżlazzjoni u l-każistika fil-qasam tal-prattiki kummerċjali inġusti; huwa tal-fehma li inizjattivi simili għandhom jitqiesu f’oqsma oħrajn;

36. Ifakkar l-importanza tas-SOLVIT sabiex jgħin lill-konsumaturi u lin-negozji tal-UE jgawdu drittijiethom fis-suq uniku; jilqa' l-progress li sar fit-titjib tal-funzjonament tas-SOLVIT u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħuh aktar;

37. Iqis li huwa importanti li ċ-ċittadini tal-UE jiġu mgħarrfa b’mod iktar sħiħ u prattiku dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq uniku; jappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tal-portal l-Ewropa Tiegħek;

38. Jindika li l-proċeduri ġudizzjarji jiswew ħafna flus u jirrikjedu ħafna ħin kemm għall-individwi u kemm għan-negozji, u jirrappreżentaw piż sinifikanti fuq il-qrati tal-UE u dawk nazzjonali, li diġà huma mgħobbijin iżżejjed; jenfasizza l-importanza ta' miżuri preventivi u mekkaniżmi alternattivi xierqa għas-sejba ta’ soluzzjoni għat-tilwim sabiex jitnaqqas dan il-piż;

39. Jindika li l-mekkaniżmu ta' petizzjoni għadu qed jintuża miċ-ċittadini, mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mill-impriżi l-aktar biex jirrappurtaw, u jilmentaw dwar, nuqqas ta' osservanza mad-dritt tal-UE minn awtoritajiet tal-Istati Membri f’livelli differenti. Il-kwistjonijiet ewlenin invokati huma relatati mal-ambjent u mas-suq intern, filwaqt li l-moviment ħieles, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza jissemmew bi prominenza;

40. Iqis li ħafna petizzjonijiet jirreferu għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, anki meta l-Karta ma tkunx tapplika għall-atti tal-Istati Membri, filwaqt li oħrajn jinvokaw il-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE; jinsab mħasseb li ċ-ċittadini jħossuhom żgwidati dwar l-ambitu proprju tal-applikazzjoni tal-Karta, u jqis li huwa importanti ħafna li jiġi ċċarat l-ambitu tal-applikabbiltà u tal-infurzar tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jenfasizza li l-prinċipju tas-sussidjarjetà, li huwa pilastru bażiku tal-Unjoni Ewropea, irid jiġi spjegat sew sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini ma jitgerfxux rigward l-applikabilità tal-Karta;

41. Jilqa' t-taqsima speċifika dwar il-petizzjonijiet fis-27 rapport annwali, kif mitlub mill-Parlament, fejn il-Kummissjoni tagħti rendikont tal-petizzjonijiet ġodda li rċeviet u tiddikjara li ‘anki jekk ħafna mill-petizzjonijiet ma jinvolvux ksur, jipprovdu lill-Parlament u lill-Kummissjoni b'informazzjoni siewja dwar it-tħassib taċ-ċittadini’;

42. Jesiġi li l-Kunsill, skont ma’ jingħad fl-istqarrija tiegħu stess f’punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, jitlob lill-Istati Membri jfasslu u jippubblikaw tabelli li jagħtu eżempju tal-korrelazzjoni bejn id-direttivi u l-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali; jenfasizza li dawn it-tabelli huma essenzjali biex il-Kummissjoni tkun tista' tissorvelja b'mod effettiv il-miżuri ta' implimentazzjoni fl-Istati Membri kollha;

43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Ombudsman Ewropew u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
  • [2]  Testi adottati P7_TA(2010)0437.
  • [3]  Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Proġett EU Pilot, p. 2.
  • [4]  Ara l-kommunikazzjoni mill-Kummissjoni msemmija hawn fuq, tal-20 ta' Marzu 2002, p. 5: 'il-Kummissjoni rrikonoxxiet regolarment ir-rwol vitali tal-kwerelant meta jinnota ksur tal-liġi tal-Kommunità'.
  • [5]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2010 dwar is-26 Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni Ewropea (2008) (P7_TA(2010)0437).
  • [6]  Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-105/95 WWF UK v l-Kummissjoni [1997] ECR II-313 u fil-Kawża T191/99 Petrie u Oħrajn v l-Kummissjoni [2001] II-3677 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2010 fil-Kawżi Magħquda C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P Ir-Renju tal-Isvezja v l‑“Association de la presse internationale” u l-Kummissjoni Ewropea, l-“Association de la presse internationale ASBL” v l-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea v l-“Association de la presse internationale”, li għadhom ma ġew rappurtati fil-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza.
  • [7]  Ara http://www.ombudsman.europa.eu/cases/decision.faces/en/10096/html.bookmark.
  • [8]  ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.

NOTA SPJEGATTIVA

Dan ir-rapport jivvaluta l-monitoraġġ min-naħa tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-2009. Jiffoka fuq ir-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala “Għassiesa tat-Trattat” u l-poter u d-dover tal-Kummissjoni li tressaq proċedimenti ta’ ksur kontra Stat Membru li jkun naqas milli jwettaq obbligu skont it-Trattat. Itenni li l-proċedura ta’ ksur tikkonsisti f’żewġ fażijiet: l-istadju amministrattiv (ta’ investigazzjoni) u l-istadju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fażi amministrattiva, ir-rwol taċ-ċittadini (kwerelanti) biex tiġi żgurata osservanza mad-dritt tal-Unjoni in situ huwa tal-akbar importanza. Li l-Ewropa titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha u t-tħaddin ta' tekniki ta' governanza tajba huma intrinsikament marbutin. Wieħed mill-oqsma ta’ interazzjoni diretta bejn l-‘Ewropa’ u ċ-ċittadini tal-UE huwa preċiżament il-fażi amministrattiva tal-Artikolu 258 TFUE, fejn iċ-ċittadini jduru fuq il-Kummissjoni u l-Parlament għall-għajnuna sabiex ikollhom aċċess għad-drittijiet Ewropej tagħhom. Għalhekk, huwa vitali li l-kwerelanti jiġu ttrattati skont il-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba[1]. Ir-rapport għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tipproponi ‘leġiżlazzjoni proċedurali’ fil-forma ta’ regolament skont il-bażi legali ġdida tal-Artikolu 298 TFUE sabiex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini u tkun garantita t-trasparenza. Id-dritt proċedurali bl-ebda mod ma jillimita l-poter diskrezzjonali tal-Kummissjoni iżda jiggarantixxi biss li fl-eżerċizzju tal-poter tagħha, il-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipji ta’ ‘amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti’ kif jingħad fl-Artikolu 298 u fl-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali.

  • [1]  Ara Melanie Smith, 'Enforcement, monitoring, verification, outsourcing: the decline and decline of the infringement process´(2008) 33 European Law Review 7777.

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (26.5.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar is-Sebgħa u Għoxrin rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2009)
(2011/2027(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Cristian Silviu Buşoi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li t-traspożizzjoni f'waqtha tad-direttivi tal-UE hija essenzjali għall-funzjonament mingħajr xkiel tas-Suq Uniku għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-intrapriżi fl-UE; jilqa' l-progress li sar biex jintlaħaq dan l-għan, iżda jibqa’ mħasseb dwar in-numru għoli ta’ każijiet ta’ ksur miftuħin għat-traspożizzjoni tardiva tad-direttivi;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-bidliet introdotti mill-Artikolu 260(3) tat-TFUE, sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jittrasponu d-direttivi fl-iskadenzi stabbiliti mil-leġiżlatur u b'hekk jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun tassew effettiva; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-użu ta' din is-setgħa diskrezzjonarja ġdida, biex tiggarantixxi trasparenza akbar;

3.  Jiddispjaċih li wisq proċedimenti ta’ ksur jieħdu hafna żmien qabel ma jingħalqu jew jinġiebu quddiem il-Qorti tal-Gustizzja; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintensifikaw l-isforzi tagħhom għar-riżoluzzjoni tal-proċedimenti ta’ ksur;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni jipprijoritizza l-ksur f’oqsma differenti b’mod aktar sistematiku u trasparenti;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni ddaħħal aktar trasparenza fil-proċedimenti ta' ksur u tinforma liċ-ċittadini kemm jista' jkun malajr u b'mod xieraq dwar l-azzjoni meħuda dwar it-talbiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi punt ta’ referenza għall-konformità tal-Istati Membri mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja;

6.  Huwa mħasseb dwar in-numru għoli ta’ ksur fil-qasam tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, servizzi u akkwist pubbliku; huwa tal-opinjoni li kjarifiki ulterjuri tal-oqfsa legali f'dawn l-oqsma jkun utli sabiex jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali fil-proċess ta' implimentazzjoni;

7.  Jilqa’ l-kreazzjoni ta’ dejtabejż pubblika ta’ leġiżlazzjoni u każistika fil-qasam tal-prattiki kummerċjali inġusti; huwa tal-fehma li tali inizjattivi għandhom jitqiesu f’oqsma oħrajn ukoll;

8.  Japprova l-inizjattivi meħudin mill-Istati Membri ghall-ottimizzazzjoni tat-traspozizzjoni tad-direttivi dwar is-Suq Uniku, inklużi inter alia, it-twaqqif ta' inċentivi adatti għad-dipartimenti relevanti kif ukoll it-twaqqif ta' sistemi ta' twissija għal meta tkun qed toqrob l-iskadenza għat-traspożizzjoni;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tissokta bil-promozzjoni tal-‘aqwa prattiki’ fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku, billi tibni fuq ir-rakkomandazzjoni tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2009 dwar miżuri għal titjib fil-funzjoni tas-suq uniku[1];

10. Huwa l-fehma li l-Istati Membri għandhom jipprovdu tabelli tal-korrelazzjonijiet għad-direttivi kollha tas-Suq Uniku u jagħmluhom pubblikament disponibbli;

11. Huwa tal-fehma li l-EU Pilot jagħti kontribut importanti għar-riżoluzzjoni tal-problemi li l-individwi u n-negozji jħabbtu wiċċhom magħhom fis-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jestendi l-koperta tal-inizjattiva minn 24 għal 27 Stat Membru;

12. Ifakkar l-importanza tas-SOLVIT sabiex tgħin lill-konsumaturi u n-negozji tal-UE igawdu drittijiethom fis-suq uniku; jilqa' l-progress li sar fit-titjib fil-funzjonament tas-SOLVIT u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħuha aktar;

13. Jirrimarka li l-proċeduri ġudizzjarji huma għaljin u jirrikjedu ħafna ħin kemm għall-individwi u kemm għan-negozji, u jimponu piż sinifikanti fuq u fuq il-qrati tal-UE u dawk nazzjonali li huma digà mgħobbijin iżżejjed; jenfasizza l-importanza ta' miżuri preventivi u mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni ta' kontroversji adatti sabiex inaqqsu dan il-piż;

14. Iqis li huwa importanti li ċ-ċittadini tal-UE b’mod isħaħ u b’mod prattiku jkunu mgħarrfin aħjar dwar jeddijiethom fis-Suq Uniku b’mod prattiku; jappoġġ l-iżvilupp ulterjuri tal-portal L-Ewropa Tiegħek.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

25.5.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Cristian Silviu Buşoi, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Iliana Ivanova, Sandra Kalniete, Eija-Riitta Korhola, Edvard Kožušník, Hans-Peter Mayer, Phil Prendergast, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Laurence J.A.J. Stassen, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Kyriacos Triantaphyllides, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Cornelis de Jong, María Irigoyen Pérez, Constance Le Grip, Morten Løkkegaard, Pier Antonio Panzeri, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti

  • [1]  ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (25.5.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar is-27 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2009)
(2011/2027(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Margrete Auken

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-importanza ewlenija tal-istat tad-dritt bħala kundizzjoni mhux biss għal-leġittimità ta' kull forma ta' governanza u amministrazzjoni u għal demokrazija ġenwina fejn l-azzjonijiet speċifiċi jkunu jaqblu man-normi ġenerali stabbiliti, imma wkoll għall-prevedibilità u għall-validità oġġettiva tad-deċiżjonijiet, u bħala garanzija li ċ-ċittadini jistgħu jgawdu drittijiethom bis-sħiħ u b'mod effikaċi kif tipprovdi l-liġi;

2.  Jinnota li l-mekkaniżmu ta' petizzjoni għadu jintuża miċ-ċittadini, mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mill-intrapriżi l-aktar biex jirrappurtaw u jilmentaw dwar nuqqas ta' konformità mal-liġi tal-UE minn awtoritajiet fuq livelli differenti tal-Istati Membri, fejn l-iktar kwistjonijiet invokati huma relatati mal-ambjent u s-suq intern, u jingħataw prominenza wkoll il-moviment ħieles, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza;

3.  Iqis li ħafna petizzjonijiet jirreferu għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, anki meta l-Karta ma tkunx tapplika għall-atti tal-Istati Membri, mentri oħrajn jinvokaw il-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE; huwa mħasseb li ċ-ċittadini jinsabu żgwidati dwar l-ambitu proprju tal-applikazzjoni tal-Karta, u jqis li huwa importanti ħafna li l-ambitu tal-applikabbiltà u tal-infurzar tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġi ċċarat ; jenfasizza li l-prinċipju tas-sussidjarjetà, li huwa pilastru bażiku tal-Unjoni Ewropea, irid jiġi spjegat sew sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini ma jitgerfxux dwar l-applikabilità tal-Karta;

4.  Jenfasizza li, filwaqt li l-Kummissjoni għandha raġun tinnota li huwa primarjament dmir is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri li jieħdu passi meta jkun hemm ksur tal-liġijiet tal-UE, iċ-ċittadini sikwit jaffaċċjaw diffikultajiet konsiderevoli kkawżati minn proċeduri tal-qorti nazzjonali, li jistgħu jiswew ħafna flus jew ikunu twal wisq; għaldaqstant, iqis li l-linji gwida stipulati fil-Programm ta’ Stokkolma għandhom jiġu segwiti;

5.  Jenfasizza li s-27 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2009) (COM(2010)0538)) juri li, minkejja li l-Kummissjoni fetħet inqas każijiet ta' ksur, sal-aħħar tal-2009 kienet għadha qed taħdem fuq madwar 2 900 fajl dwar ilmenti u ksur, u l-Istati Membri kienu għadhom lura fit-traspożizzjoni tagħhom tad-direttivi f’aktar minn nofs il-każijiet, sitwazzjoni li mhix sodisfaċenti u li l-parti kbira tar-responsabilità għaliha hija tal-awtoritajiet tal-Istati Membri;

6.  Jilqa' t-taqsima speċifika tal-petizzjonijiet fis-27 rapport annwali, kif talab il-Parlament, fejn il-Kummissjoni tniżżel in-numru tal-petizzjonijiet maqsumin f'kategoriji li rċeviet u tiddikjara li “anki anki jekk ħafna mill-petizzjonijiet ma jikkonċernawx il-proċedimenti ta' ksur, dawn jipprovdu lill-Parlament u lill-Kummissjoni b'informazzjoni utili dwar it-tħassib taċ-ċittadini”.

7.  Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-prevenzjoni tal-ksur tittejjeb bl-użu tal-istrumenti eżistenti u bl-iżgurar li jkun hemm biżżejjed mezzi disponibbli;

8.  Jilqa' l-impenji tal-Kummissjoni, imma jqis li hemm bżonn ta' aktar sforzi minn dawk kollha kkonċernati – l-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament – sabiex l-Unjoni u s-suq intern tagħha jsiru realtà tanġibbli għaċ-ċittadini, għall-organizzazzjonijiet u għall-intrapriżi tagħhom;

9.  Jenfasizza li l-preservazzjoni tal-konsistenza fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE mill-Istati Membri u l-iżgurar tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dan ir-rigward ikunu jirrikjedu li l-Kummissjoni tinvestiga sew u, jekk hemm bżonn, tibda proċedimenti ta' ksur meta petizzjoni jew ilment huma diretti kontra rifjut minn qorti nazzjonali li titlob deċiżjoni preliminari meta tkun obbligata tagħmel hekk skont it-trattati u l-acquis;

10. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali li jinkludi Petizzjoni 1028/2009 b'talba għal normi vinkolanti dwar il-proċeduri ta' ksur fil-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma li fforma dwar l-Artikolu 298 TFUE;

11. Jinnota li ħafna petizzjonijiet jirreferu għal kunflitti ta' interess bejn dawk li jieħu d-deċiżjonijiet u jappoġġja bil-qawwa l-adozzjoni ta' regolament dwar il-proċeduri amministrattivi tal-UE li għandu jinkludi wkoll il-prinċipji ġenerali dwar il-proċedimenti ta' ksur;

12. Jinnota n-numru ta' petizzjonijiet li ma tistax tingħata soluzzjoni għalihom skont il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE jew li ma jistgħux ikunu applikati direttament skont in-normi tat-trattati, imma li minkejja kollox jindikaw vjolazzjonijiet tal-prinċipji meħtieġa għad-dħul fl-Unjoni u li jikkorrispondu mal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, mal-Artikolu 7 TUE fejn hemm regolament ta' proċeduri għaż-żamma ta' dawn il-valuri;

13. Jilqa' l-fatt li ż-żmien meħtieġ għall-investigazzjoni ta' ksur allegat qsar bis-saħħa tal-metodu tal-proġett pilota, imma jqis li l-Kummissjoni għandha tkun ċara u tagħti aktar informazzjoni sabiex il-Parlament ikun jista' jiġġudika s-suċċess ta' dan il-metodu mil-lenti tal-ottemperanza reali mill-Istati Membri;

14. Iqis li jista' jingħata iktar aċċess għall-informazzjoni dwar il-fajls ta' ksur mingħajr ma jkun ipperikolat l-għan tal-investigazzjoni u li l-interess prevalenti tal-pubbliku jista' jiġġustifika sew l-aċċess għal dawn il-fajls, partikolarment f'każijiet fejn is-saħħa tal-bniedem u l-ħsara irriversibbli għall-ambjent jistgħu jkunu fir-riskju; jilqa' wkoll it-tħaffif ta' aċċess għal informazzjoni diġà disponibbli għall-pubbliku fuq il-fajls ta' ksur;

15. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed tuża iktar il-metodu tar-riċerka tal-fatti biex tinvestiga ksur in situ u jqis li għandha tfittex koordinazzjoni u sinerġiji flimkien mal-missjonijiet li jaqdi l-PE, l-aktar il-Kumitat għall-Petizzjonijiet, waqt li tkun irrispettata l-indipendenza ta' kull istituzzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.5.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Elena Băsescu, Victor Boştinaru, Philippe Boulland, Giles Chichester, Roger Helmer, Carlos José Iturgaiz Angulo, Peter Jahr, Lena Kolarska-Bobińska, Miguel Angel Martínez Martínez, Erminia Mazzoni, Willy Meyer, Mariya Nedelcheva, Chrysoula Paliadeli, Nikolaos Salavrakos, Jarosław Leszek Wałęsa, Angelika Werthmann, Rainer Wieland, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Cristian Dan Preda

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

María Muñiz De Urquiza, Antolín Sánchez Presedo

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Christian Engström, Marielle Gallo, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Jiří Maštálka, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Vytautas Landsbergis, Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, József Szájer

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jörg Leichtfried, María Muñiz De Urquiza