RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju

29.6.2011 - (COM(2010)0509 – C7‑0289/2010 – 2010/0262(COD)) - ***I

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Vital Moreira

Proċedura : 2010/0262(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0256/2011
Testi mressqa :
A7-0256/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju

(COM(2010)0509 – C7‑0289/2010 – 2010/0262(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0509),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 207, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0289/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-kontribut ippreżentat mill-Parlament Portugiż dwar l-abbozz ta' att leġiżlattiv,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0256/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Sfond

Is-sistema tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjonijiet ta' oġġetti b'użu doppju, kif stabbilita fir-Regolament 428/2009[1], tirrikjedi l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju[2] elenkati fl-Anness tar-Regolament. L-Anness I ta' dan ir-Regolament jiddependi ferm mid-deċiżjonijiet li jittieħdu b'kunsens f'reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjonijiet bħall-Australia Group (AG) għal oġġetti bijoloġiċi u kimiċi, il-Grupp ta' Fornituri Nukleari (NSG) għal oġġetti nukleari ċivili, ir-Reġim ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili (MTCR) u l-Ftehim ta' Wassenaar (WA) għall-armi konvenzjonali u l-oġġetti u t-teknoloġiji b'użu doppju. L-Artikolu 15 tar-Regolament 428/2009 bażiku jispeċifika li "l-listi ta’ oġġetti b’użu doppju mniżżla fl-Anness I għandhom ikunu aġġornati f’konformità mal-obbligi u l-impenji rilevanti, u kwalunkwe modifika tagħhom, li l-Istati Membri aċċettaw bħala membri tar-reġimi internazzjonali rilevanti ta’ nonproliferazzjoni u l-arranġamenti rilevanti għall-kontroll tal-esportazzjoni, jew bir-ratifika tat-trattati internazzjonali rilevanti".

Il-Ftehim ta' Wassenaar dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjonijiet għall-Armi Konvenzjonali u l-Oġġetti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju (WA) ġie stabbilit biex jippromwovi t-trasparenza u responsabbiltà akbar fit-trasferimenti ta' armi konvenzjonali u oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju, biex b'hekk jiġu evitati akkumulazzjonijiet destabilizzanti. Huwa s-suċċessur tal-Kumitat ta' Koordinament għall-Kontrolli Multilaterali tal-Esportazzjonijiet ta' żmien il-Gwerra Bierda, u ġie stabbilit fit-12 ta' Lulju 1996 fil-belt Olandiża ta' Wassenaar, viċin L-Aja. Id-WA huwa konsiderevolment anqas strett mill-COCOM, u jiffoka primarjament fuq it-traspsarenza tar-reġimi nazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjonijiet filwaqt li ma jagħtix is-setgħa tal-veto lil membri individwali fuq deċiżjonijiet organizzattivi. L-Istati parteċipanti[3], permezz tal-politiki nazzjonali tagħhom, jiżguraw li t-trasferimenti ta' dawn l-oġġetti ma jgħinux l-iżvilupp jew it-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari, u li ma jiġux iddevjati biex jappoġġjaw tali kapaċitajiet. Rappreżentanti tal-istati parteċipanti fid-WA jiltaqgħu regolarment fi Vjenna fejn jinsab is-Segretarjat tal-Ftehim. Id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Plenarja annwali tad-WA, li hija magħmula minn rappreżentanti tal-istati parteċipanti kollha.

L-Australia Group (AG) huwa grupp informali ta' pajjiżi, li twaqqf, fuq inizjattiva tal-Gvern Awstraljan, fl-1985 minħabba l-użu effikaċi tal-armi kimiċi mill-Iraq fl-1984, biex jgħin lill-pajjiżi membri jidentifikaw dawk l-esportazzjonijiet tagħhom li jeħtieġ li jiġu kkontrollati sabiex ma jappoġġjawx il-firxa ta' armi kimiċi u bijoloġiċi. Il-grupp, li fil-bidu kien magħmul minn 15-il membru, kellu l-ewwel laqgħa tiegħu f'Settembru 1989. Attwalment għandu 41 membru[4] fosthom il-membri kollha tal-OKŻE (ħlief il-Messiku), il-Kummissjoni Ewropea, u s-27 Stat Membru kollha tal-UE. Il-membri tal-AG jżommu l-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' lista uniformi ta' komposti, fosthom uħud li l-esportazzjoni tagħhom mhijiex ipprojbita skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC) iżda li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta' armi kimiċi. L-għan tal-AG huwa li jippermetti lill-pajjiżi ta' esportazzjoni jew trasbord jimminimizzaw ir-riskju li jgħinu l-proliferazzjoni ta' armi kimiċi u bijoloġiċi (CBW). Il-Grupp jiltaqa' kull sena. L-istati kollha li jipparteċipaw fl-Australia Group huma partijiet kontraenti għas-CWC u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi (BWC).

Is-Sistema ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili (MTCR) ġiet stabbilita f'April tal-1987 mill-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, il-Gran Brittanja, u l-Istati Uniti sabiex twaqqaf il-firxa ta' sistemi ta' sparar telegwidati għall-armi nukleari, b'mod speċifiku sistemi ta' sparar li jistgħu jġorru tagħbija minima ta' 500 kg għal distanza minima ta' 300 km[5]. Fil-laqgħa annwali f'Oslo f'Lulju tal-1992, il-Membri qablu li jwessgħu l-ambitu funzjonali tal-MTCR biex jinkludi n-nonproliferazzjoni ta' vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs) għall-armi kollha tal-qerda tal-massa. Il-materjali pprojbiti huma maqsuma f'żewġ kategoriji, li huma deskritti fl-Anness dwar it-Tagħmir, is-Softwer u t-Teknoloġija tal-MTCR. L-MTCR irnexxielha tgħin biex jitwaqqaf jew jitnaqqas l-iżvilupp ta' diversi programmi ta' missili ballistiċi. Fl-2002, l-MTCR ġiet issupplimentata bil-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi (ICOC), magħruf ukoll bħala l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja, li jirrikjedi r-restrizzjoni u l-attenzjoni fil-proliferazzjoni ta' sistemi ta' missili ballistiċi li kapaċi jisparaw armi tal-qerda tal-massa.

Il-Grupp ta' Fornituri Nukleari (NSG) huwa korp multinazzjonali ieħor biex titnaqqas il-proliferazzjoni nukleari billi jikkontrolla l-esportazzjoni u r-ritrasferiment ta' materjali li jistgħu japplikaw għall-iżvilupp tal-armi nukleari u billi jtejjeb is-salvagwardji u l-protezzjoni fuq materjali eżistenti. Twaqqaf fl-1974 b'reazzjoni għal test nukleari Indjan aktar kmieni dik is-sena, li wera li ċerta teknoloġija nukleari speċifika li ma tintużax għall-armi tista' tinbidel malajr biex jiġu żviluppati l-armi. Il-firmatarji tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) raw il-ħtieġa li tiġi limitata aktar l-esportazzjoni ta' tagħmir, materjal jew teknoloġija nukleari. Fil-bidu l-NSG kellu seba' membri: il-Kanada, il-Ġermanja tal-Punent, Franza, il-Ġappun, l-Unjoni Sovjetika, ir-Renju Unit, u l-Istati Uniti. Fl-1976-77, il-membri saru ħmistax billi ssieħbu l-Belġju, iċ-Ċekoslovakkja, il-Ġermanja tal-Lvant, l-Italja, l-Olanda, il-Polonja, l-Isvezja, u l-Isvizzera. Iċ-Ċina saret membru fl-2004. Il-Kummissjoni Ewropea tipparteċipa bħala osservatur[6].

L-aħħar aġġornament tal-Anness I tar-Regolament sar fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-Regolament 428/2009 fil-5 ta' Mejju 2009. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, ir-reġimi internazzjonali kollha għall-kontroll tal-esportazzjonijiet ħadu deċiżjonijiet biex jimmodifikaw u jaġġornaw il-listi ta' kontroll tagħhom. Għaldaqstant, jinħtieġ li jsiru l-modifiki neċessarji fl-Anness I.

2. Kummenti

Sal-lum, l-Anness I tar-Regolament kien kważi awtomatikament traspost fil-leġiżlazzjoni tal-UE mingħajr ebda parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew jew tal-parlamenti nazzjonali tal-Unjoni Ewropea. Il-koordinament u r-rappreżentanza tal-UE fir-reġimi ta' kontroll internazzjonali kienu kkaratterizzati minn rwol ewlieni tal-Istati Membri prinċipali tal-UE, u mit-teħid ta' deċiżjonijiet u t-tfassil ta' politiki bil-bibien magħluqa, fil-qafas kunċettwali u intergovernattiv tal-PESK. L-Istati Membri kollha tal-UE huma membri tal-NSG u tal-AG, iżda Ċipru mhuwiex membru tad-WA, u Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, is-Slovenja, is-Slovakkja, u r-Rumanija mhumiex membri tal-MTCR. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea hija wieħed mill-fundaturi tal-AG, u osservatur tal-NSG, iżda m'għandha l-ebda rwol fid-WA u l-MTCR. Għaldaqstant, il-konsistenza tal-politika tal-UE lejn u fi ħdan ir-reġimi ta' kontroll internazzjonali attwalment ma tista' tiġi ggarantita mill-ebda istituzzjoni tal-UE.

Il-Parlament Ewropew qed jaffaċċja proposta tal-Kummissjoni, soġġetta għal emendi. Għandu jkun innutat, madankollu, li l-marġni ta' manuvrar għall-Parlament huwa limitat. Meta tressaq proposta leġiżlattiva, il-Kummissjoni taġixxi bħala tip ta' katalist għal dak li jkun intlaħaq ftehim dwaru bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, il-proċedura "reali" biex jiġi emendat l-Anness I tar-Regolament huwa dan:

1. L-Organizzazzjoni għall-Kontroll tal-Esportazzjonijiet tar-Renju Unit, li hija parti mid-"Department for Business, Innovation and Skills", tiġbor il-bidliet kollha tar-reġimi internazzjonali u ddaħħalhom f'dokument wieħed.

2. Imbagħad dan id-dokument jintbagħat lill-Kunsill u jitqassam lill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri jkollhom iż-żmien biex janalizzaw ir-reviżjonijiet u jressqu l-kummenti tagħhom.

4. Il-kwistjoni tiġi diskussa fil-Grupp ta' Ħidma dwar Oġġetti b'Użu Doppju (DUWP) tal-Kunsill.

5. Ladarba kulħadd jaqbel mal-emendi għall-Anness I, il-Kunsill jittraduċi d-dokument fil-lingwi uffiċjali.

6. Meta jiġi tradott, l-abbozz ta' Anness jintbagħat lill-Kummissjoni.

7. Il-Kummissjoni tittrasponi l-bidliet miftiehma fi proposta leġiżlattiva u żżid in-nota spjegattiva.

8. Il-Kummissjoni tivverifika l-proċeduri ta' adozzjoni meħtieġa.

9. Il-Kummissjoni tadotta l-proposta kollha u tibgħatha lill-Parlament u lill-Kunsill.

Għaldaqstant, il-Parlament m'għandu l-ebda possibbiltà reali li jaġixxi bħala istituzzjoni li jemenda f'dan il-fajl, kif meħtieġ skont il-kapaċità tiegħu ta' korp koleġiżlattiv. Fid-dawl ta' emendi futuri għal dan ir-regolament, jeħtieġ li jittejbu l-koordinament u r-rwol tal-UE fir-reġimi ta' kontroll internazzjonali kif ukoll li jiġi żgurat li l-UE titkellem b'vuċi waħda u b'appoġġ parlamentari b'saħħtu dwar il-kwistjonijiet kollha fil-kompetenza esklużiva tal-UE.

3. Konklużjoni

Biex jinstab rimedju għal din is-sitwazzjoni, il-Parlament attwalment qed jinnegozja mal-Kunsill dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1334/2000 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (Rapport A7–0028/2011COM(2008)0854 – C7‑0062/2010 – 2008/0249(COD)). Il-Parlament approva emendi sostanzjali għall-Artikolu 1 tar-Regolament li l-għan tagħhom huwa li jobbligaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema sikura għall-ġbir, it-trażmissjoni u l-ħżin tan-notifiki, u li jobbligaw lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-funzjonament tas-sistema. Sal-lum, din is-sistema għadha biss possibbiltà introdotta fir-Regolament tal-2009. Is-sistema tkun maħsuba biex ikollha aċċess onlajn għal bażi ta' dejta li jkun fiha, pereżempju, ir-rifjuti kollha ta' awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni. Il-Parlament irid ukoll jistabbilixxi obbligu biex il-Grupp ta' Koordinament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju jressaq rapport kull sena lill-Parlament Ewropew biex jaqdi l-funzjoni ta' kontroll tiegħu fir-rigward tal-Kummissjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, il-Parlament irid idaħħal l-obbligu li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni kif ukoll li tipprovdi valutazzjoni komprensiva tal-impatt tar-Regolament.

Billi huwa fiduċjuż li r-Regolament imsemmi hawn fuq se jiġi riformat skont ir-rekwiżiti tat-Trattat ta' Lisbona għal teħid ta' deċiżjonijiet aktar trasparenti u demokratiku fil-qasam tal-Oġġetti b'Użu Doppju tal-Unjoni, ir-Rapporteur jirrakkomanda li l-proposta tal-Kummissjoni tiġi adottata fl-ewwel qari.

  • [1]               IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju.
  • [2]               Oġġetti b’użu doppju huma definiti fir-Regolament 428/2009 bħala "oġġetti, inklużi s-softwer u t-teknoloġija, li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili u dawk militari, u għandhom jinkludu l-merkanzija kollha li tista’ tintuża kemm għal użu mhux splussiv kemm għal assistenza fi kwalunkwe mod fil-manifattura ta’ armi nukleari jew mezzi splussivi nukleari oħrajn".
  • [3]               Attwalment l-Afrika t'Isfel, l-Arġentina, l-Awstralja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Federazzjoni Russa, il-Finlandja, Franza, il-Ġappun, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Istati Uniti, l-Isvezja, l-Isvizzera, l-Italja, il-Kanada, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, New Zealand, in-Norveġja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Korea, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, it-Turkija, l-Ukraina u l-Ungerija.
  • [4]               L-Arġentina (1993), l-Awstralja (1985), l-Awstrija (1989), il-Belġju (1985), il-Bulgarija (2001), id-Danimarka (1985), l-Estonja (2004), il-Finlandja (1991), Franza (1985), il-Ġappun (1985), il-Ġermanja (1985), il-Greċja (1985), l-Irlanda (1985), l-Islanda (1993), l-Istati Uniti (1985), l-Isvezja (1991), l-Isvizzera (1987), l-Italja (1985), il-Kanada (1985), il-Kroazja (2007), il-Kummissjoni Ewropea (1985), il-Latvja (2004), il-Litwanja (2004), il-Lussemburgu (1985), Malta (2004), New Zealand (1985), in-Norveġja (1986), il-Pajjiżi l-Baxxi (1985), il-Polonja (1994), il-Portugall (1985), ir-Renju Unit (1985), ir-Repubblika Ċeka (1994), ir-Repubblika Slovakka (1994), ir-Repubblika ta' Ċipru (2000), ir-Repubblika tal-Korea (1996), ir-Repubblika tat-Turkija (2000), ir-Rumanija (1995), is-Slovenja (2004), Spanja (1985), l-Ukraina (2005), l-Ungerija (1993).
  • [5]               Il-membri attwali huma l-Afrika t'Isfel (1995), l-Arġentina (1993), l-Awstralja (1990), l-Awstrija (1991), il-Belġju (1990), il-Brażil (1995), il-Bulgarija (2004), id-Danimarka (1990), il-Federazzjoni Russa (1995), il-Finlandja (1991), Franza (1987), il-Ġappun, (1987), il-Ġermanja (1987), il-Greċja (1992), l-Irlanda (1992), l-Islanda (1993), l-Istati Uniti tal-Amerika (1987), l-Isvezja (1991), l-Isvizzera (1992), l-Italja (1987), il-Kanada (1987), il-Lussemburgu (1990), New Zealand (1991), in-Norveġja (1990), il-Pajjiżi l-Baxxi (1990), il-Polonja (1998), il-Portugall (1992), ir-Renju Unit (1987), ir-Repubblika Ċeka (1998), ir-Repubblika tal-Korea (2001), Spanja (1990), it-Turkija (1997), l-Ukraina (1998) u l-Ungerija (1993).
  • [6]               Il-membri attwali huma l-Afrika t'Isfel, l-Arġentina, l-Awstralja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bjelorussja, il-Brażil, il-Bulgarija, iċ-Ċina, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Federazzjoni Russa, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Islanda, l-Istati Uniti, l-Isvezja, l-Isvizzera, l-Italja, il-Ġappun, il-Kanada, il-Kazakistan, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, New Zealand, in-Norveġja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Korea, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, it-Turkija, l-Ukraina u l-Ungerija. Il-Kummissjoni Ewropea tipparteċipa bħala osservatur.

PROĊEDURA

Titolu

Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju

Referenzi

COM(2010)0509 – C7-0289/2010 – 2010/0262(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

27.9.2010

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

7.10.2010

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Vital Moreira

26.1.2011

 

 

 

Eżami fil-kumitat

16.3.2011

12.4.2011

23.5.2011

 

Data tal-adozzjoni

21.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Kader Arif, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle De Sarnez, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, George Sabin Cutaş, Mário David, Syed Kamall, Maria Eleni Koppa, Elisabeth Köstinger, Jörg Leichtfried, Inese Vaidere, Jarosław Leszek Wałęsa

Data tat-tressiq

29.6.2011