RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku

15.7.2011 - (08135/2011 – C7‑0098/2011 – 2011/0047 (NLE)) - ***

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Carmen Fraga Estévez

Proċedura : 2011/0047(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0274/2011
Testi mressqa :
A7-0274/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku

(08135/2011 – C7‑0098/2011 – 2011/0047(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (08135/2011),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku (08135/2011),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u t-tieni subparagrafu, punt a) tal-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0098/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 81 u l-Artikolu 90(8) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-sajd (A7-0274/2011),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-Konvenzjoni;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni taħdem attivament fil-fora kollha internazzjonali u bilaterali, fejn ikunu preżenti Stati bi flotot b’interessi tas-sajd fir-reġjun tal-Konvenzjoni, biex jippromwovu l-iffirmar, ir-ratifika u l-implimentazzjoni tagħha, biex jitħaffef il-pass tad-dħul fis-seħħ tagħha;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern ta' New Zealand, bħala d-depożitarju tal-Konvenzjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Sa issa, l-attività tas-sajd fiż-żona tan-Nofsinhar tal-Paċifiku hi ġestita permezz ta' żewġ Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs): il-Konvenzjoni Interamerikana tat-Tonn Tropikali (IATTC) u l-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC).

L-objettiv ewlieni ta' dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet hi l-ġestjoni tal-ispeċijiet li jpassu ħafna, għaldaqstant is-sajd għal ħut ieħor f'din iż-żona kbira ma kienx regolat ħlief fiż-ŻEE tal-istati kostali, li kienu jimplimentaw ir-regoli tagħhom.

Biex jimtela dan il-vojt, u minħabba li s-sajd isir kemm fiż-ŻEE kif ukoll fiż-żoni tal-ibħra miftuħa, fl-2006 l-gvernijiet tal-Awstralja, iċ-Ċilí u n-New Zealand iddeċidew li jagħtu bidu għal proċess ta' konsulti internazzjonali għall-ħolqien tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd tan-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO), bil-għan li jikkooperaw biex jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-qasam tal-ġestjoni u tal-konservazzjoni tal-ispeċijiet li ma tantx ipassu u biex titħares il-bijodiversita taż-żoni ta' ibħra miftuħa tan-Nofsinhar tal-Paċifiku, b’mod konsistenti mad-Dritt Internazzjonali.

L-għadd ta' bastimenti Komunitarji li jistagħdu fir-reġjun (prinċipalment għas-sawrell u, fuq livell ħafna iżgħar, għal xi speċijiet tal-qiegħ bħall-“orange roughy” u l-“alfonsino”) mhux kbir, iżda madankollu l-UE xorta għandha l-obbligu, fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, tikkoopera ma' partijiet konċernati oħra fil-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi taż-żona, u f'dan il-proċess l-UE ħadet sehem mill-bidu, u b'mod attiv ħafna li bis-saħħa tiegħu kien possibbli li jiġu introdotti fit-test tal-Konvenzjoni xi obbligi li, minkejja li huma relattivament żgħar, xorta waħda huma pass 'il quddiem meta mqabbla ma' Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd oħra, u b'mod partikoli mad-WCPFC.

Il-qbil dwar it-test tal-Konvenzjoni intlaħaq f'Novembru 2009, u l-proċess tal-iffirmir tagħha beda fi fl-1 ta’ Frar 2010. L-UE iffirmat fis-26 ta' Lulju 2010, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Lulju 2010 dwar dan.

Għaldaqstant il-Konvenzjoni bħalissa għaddejja minn proċess ta' ratifika min-naħa tal-partijiet, u l-iskop ta’ dan l-att leġiżlattiv hu li jippermetti ratifika min-naħa tal-UE permezz ta' abbozz ta' Deċizjoni tal-Kunsill.

Biex il-Konvenzjoni tidħol kompletament fis-seħħ hi meħtieġa r-ratifika ta' tmien partijiet, li għandhom jinkludu t-tliet stati kostali u tlieta li mhumiex. Waqt li qed tinkiteb din il-proposta ta' rakkomandazzjoni, il-Konvenzjoni diġà ġiet ratifikata minn tliet Stati mhux kostali: il-Beliże, Kuba u d-Danimarka (f'isem il-Gżejjer Faroe) u minn Stat kostali wieħed: il-Gżejjer Cook.

Kummenti tar-rapporteur

Il-proċess tat-tiswir tal-SPRFMO hu spjegat, fil-qosor, fil-proposta tal-Kunsill, għaldaqstant ir-rapporteur mhix se telabora aktar dwar dan, għalkemm is-sempliċi qari tal-proċess ma jagħti ebda ħjiel tal-ġlieda li kellhom in-negozjaturi tal-UE tul erba' snin sabiex irnexxielhom immorru ftit lil hinn minn dak li huwa stabbilit fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar speċijiet transżonali u speċijiet li jpassu ħafna. Rigward l-applikazzjoni tar-regoli fiż-ŻEE u barra minnha, il-konvenzjoni ma tinkludi xejn aktar mill-minimu indispensabbli, u diġà ġiet issuperata minn kunċetti iktar avvanzati, li l-UE tiddefendihom b'mod vigoruż, bħall-kunċett tal-protezzjoni tal-bijodiversità, fost l-oħrajn permezz tal-ġestjoni tal-prattiki tas-sajd tajba, għan globali applikabbli għal kull baħar tad-dinja u mingħajr distinzjoni bejn l-ibħra miftuħa u ż-ŻEE.

L-ewwel reazzjoni tar-rapporteur hi li tindika sa liema punt il-maġġoranza tal-Istati ma jixtiqux jaċċettaw, fl-ibħra tagħhom, miżuri ta' ġestjoni fl-ambitu tad-Dritt Internazzjonali. Hija ħasra li din ir-reżistenza ġejja minn RFMOs immexxija minn pajjiżi li suppost huma - jew pinġew lilhom infushom bħala - xempji tal-prattiki tas-sajd tajba, bħall-Awstralja, New Zealand, u ċ-Ċilì, li kienu huma li taw l-ispinta għal din l-RFMO ġdida.

Il-fatt li ħadd minn dawn it-tliet pajjiżi għadu ma rratifika l-Konvenzjoni (minkejja li kienu ħadu l-inizjattiva) u li b'mod ġenerali r-ratifika qed ittul fil-każ tal-pajjiżi tal-kosta taż-żona tal-Konvenzjoni huwa punt ieħor li jqajjem tħassib.

Dan juri wkoll sa liema punt l-UE, minkejja l-awtokritika ripetuta, internalizzat diġà l-idea ta' ġestjoni dinjija responsabbli, fatt li donnu se jibda jkabbar id-distakk fil-konfront ta' pajjiżi bħall-Awtralja u New Zealand. Inħoss li din il-kwistjoni jixraqilha l-attenzjoni tagħna.

Fiż-żona konċernata bħalissa hemm bastimenti ta' disa' Stati, apparti dawk tal-UE. Dawn huma il-Beliże, il-Ċilì, iċ-Ċina, il-Gżejjer Cook, il-Gżejjer Faeroe, il-Korea, il-Perù, Vanwatu u l-Federazzjoni Russa).

Sad-dħul fis-seħħ sħiħ tal-Konvenzjoni, il-Partijiet Kontraenti adottaw ftehim interim ta' miżuri għas-sajd ta’ speċijiet pelaġiċi li jistipula l-qbid totali permissibbli (TAC) għal kull parti u joħloq limiti speċifiċi tal-isforz tas-sajd. Skont ir-rapporti xjentifiċi, l-istokkijiet tas-sawrell naqsu b'mod allarmanti f'dawn l-aħħar snin, u dan kien il-fattur li ddetermina l-livell tal-opportunitajiet ta' sajd allokati. Skont ir-rapport xjentifiku għall-2011, l-UE ngħatat kwota ta' 40,000 tunnellata u sforz massimu tas-sajd ta' 78,600 GT. F'Ottubru se ssir reviżjoni tad-data tal-bijomassa, iżda t-tbassir hu li l-opportunitajiet tas-sajd aktarx mhux se jinbidlu.

Filwaqt li l-opportunitajiet tas-sajd tal-UE jippermettu s-sajd lil madwar 10 bastimenti tas-sajd, apparti ż-żewġ sa erba’ bastimenti Komunitarji li normalment jistagħdu fir-reġjun, huwa stmat li anke jekk isiru applikazzjoni għas-sajd minn għaxar bastimenti, dawn aktarx li mhux se jkunu kollha fuq il-post fl-istess ħin, minħabba d-distanzi mill-portijiet ta' oriġini.

Minħabba li l-Konvenzjoni tkopri s-sajd ta' speċijiet transżonali fiż-żona, bħal fil-każ tas-sawrell, ir-rapporteur tinsab imħassba dwar l-Artikolu 20(4)(a), u b'mod partikolari l-inċiż (iii). Fil-prinċipju, il-Konvenzjoni tistipula li l-Kummissjoni tagħha għandha tistipula l-qbid massimu permissibbli jew l-isforz tas-sajd totali permissibbli għal speċijiet partikolari għaż-żona kollha ta’ fejn tinsab l-ispeċi.

Madankollu, skont l-inċiż iii), jekk Stat Parti Kontraenti kostali ma taqbilx mal-kwota msemmija, għandha l-libertà li tistipula l-kwoti tagħha għall-ibħra tagħha. Fil-każ tal-ispeċijiet transżonali, din il-possibilità ta' "awtoliberazzjoni" mill-obbligu imewwet l-effikaċja tal-miżura ta' ġestjoni konċernata.

Madankollu, il-konvenzjoni tinkludi fiha l-Artikolu 20(5) li jawtorizza lill-Konvenzjoni tieħu miżuri ta' emerġenza fil-każ li l-Konvenzjoni tqis li l-attività tas-sajd tista’ tkun ta’ theddida serja għar-riżors.

Għad irridu naraw x’riżultati tista' toffri din is-soluzzjoni, minħabba li l-miżuri ta' emerġenza jistgħu ikunu biss temporanji. Madankollu xorta waħda huma pass pożittiv.

Waqt in-negozjar tat-test, l-UE rnexxielha tikseb garanziji addizzjonali relatati mal-proċedura ta' oġġezzjoni. Għall-kuntrarju ta' RFMOs oħra, mhux se jkun biżżejjed li Parti toġġezzjona għal xi miżura biex jitneħħilha l-obbligu li twettaqha. F'dan il-każ, il-proċedura ta' oġġezzjoni hi ħafna aktar ristretta, għax tillimita r-raġunijiet għalfejn tista' ssir oġġezzjoni u, l-aktar punt importanti: l-Istat li jippreżenta l-oġġezzjoni għandu l-obbligu li jadotta miżuri alternattivi b'effett ekwivalenti.

Barra minn hekk, it-test donnu li jiggarantixxi wkoll l-aċċess tal-bastimenti ta' Parti Kontraenti għall-portijiet ta' Stat ieħor li jkun Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni. Dan, għallinqas għall-flotta Komunitarja, jiftaħ l-aċċess għall-portijiet Ċileni.

Finalment, filwaqt li tqis ir-reżistenza kbira tal-Istati kostali ta' din il-parti tad-dinja biex jintegraw miżuri internazzjonali ta' ġestjoni fiż-ŻEE tagħhom, ir-rapporteur tħoss li hemm aktar punti favur il-Konvenzjoni milli kontriha. F'kull każ, issostni l-pożizzjoni tagħha li l-UE għandha tkun preżenti f'kull RFMO, kemm biex tiddefendi l-prijoritajiet tagħha rigward il-ġestjoni tas-sajd sostenibbli, kif ukoll biex tiddefendi l-interessi tal-flotta tagħha u, jekk ikun il-każ, isservi ta' kontrapiż fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Antonello Antinoro, Kriton Arsenis, Alain Cadec, Carmen Fraga Estévez, Marek Józef Gróbarczyk, Carl Haglund, Iliana Malinova Iotova, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Struan Stevenson, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Chris Davies, Estelle Grelier, Raül Romeva i Rueda, Nikolaos Salavrakos