RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006

18.7.2011 - (05812/2011 – C7-0061/2011 – 2006/0263(NLE)) - ***

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Vital Moreira

Proċedura : 2006/0263(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0280/2011
Testi mressqa :
A7-0280/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006

(05812/2011 – C7-0061/2011 – 2006/0263(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05812/2011),

 wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali 2006 (11964/2007),

 wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 192, 207 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0061/2011),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 81 u l-Artikolu 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0280/2011),

1.        Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.        Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, fuq talba mill-Parlament, kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, jiġifieri dwar il-pjanijiet ta' azzjoni u l-programmi, kif ukoll id-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-korpi stabbiliti mill-Ftehim;

3.        Jistieden lill-Kummissjoni tressaq lill-Parlament u lill-Kunsill, rieżami tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, fl-aħħar sena ta' applikazzjoni, qabel ma jinfetħu negozjati għat-tiġdid tal-Ftehim, b'mod partikulari fir-rigward tal-istrumenti tal-Unjoni għall-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur tal-foresti;

4.        Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Injam Tropikali.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 (ITTA, 2006) hija konsultazzjoni mill-ġdid dwar proċedura li diġà tressqet għal opinjoni min-naħa tal-Parlament, fl-2007. Fit-23 ta' Settembru 2008, il-Parlament adotta riżoluzzjoni ppreżentata mill-INTA (P6_TA(2008)0454) li tispjega għalfejn il-Parlament għażel li ma jadottax l-abbozz tar-rapport (A6-0313/2008) dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ITTA, 2006 11964/2007 – C6-0326/2007 – 2006/0263(CNS)). It-tressiq il-ġdid għal opinjoni min-naħa tal-Parlament jikkonferma t-talbiet inizjali tal-Parlament li jkollu d-dritt li japprova jew li jirrifjuta l-ftehim, skont l-Artikoli 207 u 218(6)(a) tat-TFUE.

Il-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Injam Tropikali

Fis-27 ta' Jannar 2006 l-konferenza ta' negozjar stabbilita skont il-patroċinju tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp approvat it-test tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006. Il-Ftehim 2006 ġie nnegozjat biex jissostitwixxi l-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994, kif estiż, li se jibqa' fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tal-2006. L-Istati Membri tal-UE kollha esprimew l-intenzjoni tagħhom li jiffirmaw, u li jikkontribwixxu kif xieraq għall-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim 2006.

Il-Ftehim 2006, li ġie konkluż bejn il-produtturi u l-konsumaturi tal-prodotti tal-injam, huwa ftehim ta' 10 snin u soġġett għal rieżami kull ħames snin. L-objettivi tal-Ftehim 2006 huma, fost oħrajn, il-promozzjoni tal-espansjoni u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fl-injam tropikali minn foresti sostenibbli, ġestiti u maħsuda legalment kif ukoll il-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli ta' foresti li jipproduċi l-injam tropikali permezz ta' qafas effettiv għall-konsultazzjoni, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp tal-politika fost il-membri kollha fir-rigward tal-aspetti rilevanti kollha tal-ekonomija dinjija tal-injam

Il-ftehim jidentifika modi li jiżguraw skema ta' liċensjar kredibbli bħala miżura biex dawk il-prodotti tal-injam maħduma legalment biss ikunu jistgħu jidħlu fis-suq[1] u jikkonferma l-eżistenza proprja tal-mekkaniżmi operattivi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Injam Tropikali (ITTO), stabbilita mill-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1983. Aktar minn 80% tal-produtturi u l-importaturi tal-prodotti tal-injam tropikali huma membri tal-organizzazzjoni u tal-partijiet kontraenti tal-ITTA[2].

Miżuri addizzjonali tal-UE kontra l-qtugħ illegali tas-siġar

Sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-qtugħ illegali tas-siġar, li kulma jmur qiegħda tikber, l-UE introduċiet fl-2003, Pjan ta' Azzjoni għall-Kummerċ, il-Governanza u l-Infurzar tal-Liġi fil-Foresti (FLEGT). Il-pjanijiet ta' Azzjoni tal-FLEGT jistipulaw miżuri fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar kif ukoll biex jiġu żviluppati sħubiji multilaterali mfassla biex iqajmu l-kuxjenza dwar l-effetti negattivi tal-qtugħ illegali tas-sigar. Is-sinsla u l-aspett estern tal-FLEGT huwa l-Ftehim ta' Sħubija Volontarja (FSV), ftehim bilaterali li bih l-UE tinnegozja ma' pajjiżi individwali li jesportaw l-injam. Il-partijiet firmatarji għall-FSV huma impenjati li jippromwovu governanza aħjar u mekkaniżmi ta' traċċabbiltà fil-katina tal-provvista. Skont il-FSV, mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-injam ġew introdotti biex jivverifikaw il-legalità tal-injam esportat lejn l-UE. S'issa, l-UE ffirmat FSV mal-Kamerun, mal-Kongo (Brazzaville) u mal-Gana[3]. Bħalissa għaddejjin negozjati mar-Repubblika Ċentrali tal-Afrika, mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, mal-Gabon, mal-Indoneżja, mal-Liberja, mal-Malasja u mal-Vjetnam.

Fl-20 ta' Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam[4]. Dan jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq intern ta' injam maqtugħ illegalment jew il-prodotti tal-injam minn tali injam. In-negozjanti għandhom, tul il-katina tal-provvista, ikunu kapaċi jidentifikaw l-operaturi jew in-negozjanti li fornewlhom l-injam u l-prodotti tal-injam, u fejn applikabbli, lil dawk in-negozjanti li kienu huma li fornewlhom l-injam u l-prodotti tal-injam. Barra minn hekk, ir-Regolament jintroduċi sistema ta' diliġenza dovuta li biha dawk l-operaturi li jqiegħdu l-injam jew il-prodotti tal-injam fis-suq intern għall-ewwel darba huma obbligati jwettqu eżerċizzju ta' diliġenza dovuta permezz ta' sistema komposta minn tliet elementi inerenti għall-ġestjoni tar-riskju (l-aċċess għall-informazzjoni - proċeduri għall-valutazzjoni tar-riskju - il-mitigazzjoni tar-riskju identifikat li tinkorpora miżuri u proċeduri).

Fir-rigward ta' sanzjonijiet, l-Istati Membri tal-UE għandhom jistipulaw ir-regoli jew il-penali applikabbli fil-każ ta' ksur ta' kwalunkwe dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi u jistgħu jieħdu l-forma ta' multi proporzjonali għad-dannu ambjentali, għall-valur tal-injam jew tal-prodotti tal-injam ikkonċernati u għat-telf fit-taxxa u għad-dannu ekonomiku li jirriżulta mill-ksur; il-konfiskazzjoni tat-injam u tal-prodotti tal-injam ikkonċernati; jew is-sospensjoni immedjata tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċ.

Konklużjoni

Skont stimi tal-OECD, kull sena tinqered żona ta' kopertura forestali oriġinali d-daqs tal-Greċja, bir-riżultat li qed tiġi mhedda bl-estinzjoni bijodiversità insostitwibbli u qed jiżdied ir-riskju tat-tisħin globali. Għalkemm għaddew aktar minn 20 sena minn meta ġie konkluż l-ewwel ITTA, l-esplojtazzjoni żejda u l-qtugħ illegali tas-siġar għadhom mifruxin sew. Kważi nofs l-attivitajiet kollha ta' qtugħ ta' siġar f'reġjuni bħall-Amażonja, il-Baċir tal-Kongo, ix-Xlokk tal-Asja u r-Russja, huma illegali.

Il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni tal-UE jsostnu l-ITTA, 2006, li fil-fehma tagħhom se jindirizza dawk il-kwistjonijiet l-aktar urġenti fl-industrija tal-injam. L-ITTO se tibqa' għaddejja bil-ħidma tagħha fuq kwistjonijiet bħad-diforestazzjoni u l-qtugħ illegali tas-siġar, iżda jista' jsir aktar biex tissaħħaħ il-liġi tal-forestrija, hekk kif juru l-miżuri addizzjonali msemmija hawn fuq li ġew adottati mill-UE.

Sadanittant, ir-rapporteur jilqa' dan il-ftehim u jipproponi li l-Parlament għandu japprovah.

Il-Parlament u l-proposta attwali

Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona kkonfera setgħat akbar lill-Parlament fir-rigward ta' ftehimiet internazzjonali dwar il-kummerċ. Il-Punt 19 tal-Qafas tal-Ftehim dwar relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni[5] jiddikkjara li "B'konnessjoni mal-ftehimiet internazzjonali, inklużi ftehimiet ta' kummerċ, il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni bikrija u ċara lill-Parlament kemm matul il-fażi ta' preparazzjoni tal-ftehimiet kif ukoll matul it-twettiq u l-konklużjoni tan-negozjati internazzjonali. Din l-informazzjoni tkopri l-abbozz tad-direttivi ta' negozjar, id-direttivi ta' negozjar adottati, it-twettiq sussegwenti tan-negozjati u l-konklużjoni tan-negozjati". L-informazzjoni ta' hawn fuq "għandha titressaq lill-Parlament kmieni biżżejjed biex ikun jista' jesprimi l-opinjoni tiegħu, jekk dan inhu xieraq, u biex il-Kummissjoni tkun tista' tqis kemm jista' jkun l-opinjonijiet tal-Parlament ...". L-Artikolu 218(10) tat-TFUE ppreveda li "l-Parlament ... [għandu] ikun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura". Dan l-istipular għandu għalhekk jidħol fis-seħħ bis-sħiħ, peress li l-Parlament talab, fil-paragrafu 3(h) tar-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Frar 2010, għal Ftehim ta' Qafas rieżaminat bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinforma b'mod regolari lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-ITTA, 2006. B'dan il-mod, tkun qed teżamina l-implimentazzjoni tal-ITTA meta mqabbla mal-istrumenti proprji tal-UE, għall-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ tal-foresti.

B'konformità mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Settembru 2008[6], ir-Rapporteur tiegħek ifakkar li meta tkun qed tabbozza l-mandat għar-rieżami tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006, il-Kummissjoni għandha tipproponi li t-test attwali jkun rivedut, filwaqt li l-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tropikali u r-restawrazzjoni ta' zoni forestali li kienu ġew iddegradati jitpoġġew fil-qalba tal-ftehim u tiġi enfasizzata l-importanza tal-politika tal-edukazzjoni u tal-informazzjoni fil-pajjiżi affettwati mill-problema tad-deforestazzjoni sabiex tiżdied il-kuxjenza pubblika dwar il-konsegwenzi negattivi tal-isfruttar abbużiv tar-riżorsi tal-injam. Il-kummerċ tal-injam tropikali għandu jitħeġġeġ biss sal-punt li jkun kompatibbli ma' dawn l-objettivi preċedenti. B'mod partikolari, dan il-mandat għal rieżami tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 għandu jipproponi mekkaniżmu ta' votazzjoni għall-Kunsill Internazzjonali tal-Injam Tropikali li jippremja b'mod ċar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti tropikali.

  • [1]          http://www.itto.int/about_itto/
  • [2]          http://www.itto.int/about_itto/
  • [3]      A. Attah/F. Ioras/I.V. Abrudan/ J. Ratnasingam: "Il-Ftehim ta' Sħubija Volontarja: l-esperjenza tal-Gana u tal-Malasja", fir-Rieżami Internazzjonali tal-Forestrija, Vol 11, Nru 3, pp. 311-319; Chris Beeko / Camilla Adelle: "L-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar: Riflessjonijiet min-Naħa tal-Provvista, : fi Studia Diplomatica, Vol. LXII: 2009, Nru 4, pp. 173.
  • [4]          ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.
  • [5]        ĠU C 117 E, 18.5.2006, p. 123.
  • [6]  P6_TA-PROV(2008)0453

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Kader Arif, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle De Sarnez, Christofer Fjellner, Metin Kazak, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Keith Taylor, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Norbert Glante, Syed Kamall, Elisabeth Köstinger

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa Estaràs Ferragut, Vicky Ford