RAPPORT dwar ‘Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja’

19.7.2011 - (2011/2023(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Elisabetta Gardini
Rapporteur għal opinjoni (*): Michèle Striffler, Kumitat għall-Iżvilupp
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura

Proċedura : 2011/2023(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0283/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ‘Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja’

(2011/2023(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 196 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddikjara li “L-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex issaħħaħ l-effettività ta' sistemi ta' prevenzjoni ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem u ta' protezzjoni minnhom”,

-    wara li kkunsidra l-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

-     wara li kkunsidra l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (il-klawżola ta’ solidarjetà), li jistipula li “l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaġixxu flimkien fi spirtu ta' solidarjetà jekk xi Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku jew ikun vittma ta' diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem”,

-    wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

-    wara li kkunsidra l-Linji Gwida ta’ Oslo tal-1994, li ġew rieżaminati fl-2001, dwar l-użu tar-riżorsi militari u tal-protezzjoni ċivili barranin fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' sokkors f'każ ta' diżastru,

-    wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, iffirmat fit-18 ta' Diċembru 2007 mill-Presidenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Lejn rispons Ewropew aktar b’saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja” (COM(2010)0600),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2008 dwar it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri (COM(2008)0130),

–    wara li kkunsidra r-rapport minn Michel Barnier intitolat “Għal forza Ewropea ta' protezzjoni ċivili: Europe Aid”, ippubblikat f'Mejju 2006,

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2010 fejn intlaqgħu l-objettivi deskritti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010 li jimmiraw għal reazzjoni tal-Ewropa iktar prevedibbli, effikaċi, effiċjenti, koerenti u viżibbli għad-diżastri,

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2007 fejn il-Kummissjoni ġiet mistiedna tagħmel l-aħjar użu mill-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri,

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom, tal-5 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili[1] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE tat-8 ta’ Novembru 2007 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE tat-23 ta’ Ottubru 2001 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili[2],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar it-twaqqif ta’ kapaċità ta’ reazzjoni rapida tal-UE[3], tal-10 ta’ Frar 2010 dwar it-terremot reċenti f'Ħaiti[4], tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009[5], tad-19 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri[6] u tal-4 ta’ Settembru 2007 dwar id-diżastri naturali[7],

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0283/2011),

A. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qed jaffaċċaw ħafna riskji, bħal pereżempju: terremoti u tsunamis; nirien, inklużi nirien tal-foresti; għargħar u valangi; inċidenti industrijali u nukleari; attakki terroristiċi; diżastri naturali u pandemiji kbar; billi kien hemm żieda drammatika fl-għadd u fil-gravità ta’ dawn id-diżastri naturali u dawk ikkaġunati mill-bniedem li jaffettwaw lill-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha, kif ukoll lil pajjiżi u reġjuni oħrajn madwar id-dinja, kif intwera traġikament bil-katastrofi gravi reċenti fil-Ġappun, li ntalqat b’terremot, tsunami u katastrofi nukleari f’daqqa, b’żieda korrispondenti fit-telf ta’ ħajja u fi ħsara ekonomika, soċjali u ambjentali u ħsara fir-rigward tal-wirt kulturali u billi ma nistgħux neskludu l-possibilità li tali avvenimenti iżolati ta’ daqs imprevedibbli jistgħu jseħħu fi kwalunkwe ħin, f’liema każ ir-reazzjoni Ewropea għad-diżastri tkun estremament utli peress li l-kapaċitajiet nazzjonali jafu jisfaw imġebbda sal-limiti tagħhom,

B.  billi s-sitwazzjonijiet ta’ nixfa estrema u nirien tal-foresti żdiedu fil-frekwenza u fl-iskala tagħhom fl-Ewropa, u dan ifisser li jeħtieġ li r-riċerka xjentifika reilevanti tiġi żviluppata iktar, bl-għan li jitjiebu l-mekkaniżmi ta’ valutazzjoni tar-riskju, is-sistemi ta’ prevenzjoni u l-mezzi biex jiġu missielta dawn il-fenomeni,

C. billi r-rata li qed tiżdied tat-tibdil fil-klima u tat-tnaqqis ta’ kapital naturali ieħor se tkompli żżid il-probabilità ta’ diżastri naturali iktar frekwenti u iktar intensi,

D. billi fl-2008, il-partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) irrikonoxxew ir-rabta bejn it-tnaqqis ta’ riskju ta’ diżastru u t-tibdil fil-klima fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali,

E.  billi fl-2010, il-Qafas tal-Adattament ta’ Cancun tal-UNFCCC irrikonoxxa formalment it-tnaqqis ta’ riskju ta’ diżastru bħala element essenzjali tal-adattament għat-tibdil fil-klima u ħeġġeġ lill-gvernijiet jikkunsidraw li jorbtu miżuri ta’ adattament mal-Qafas għal Azzjoni ta' Hyogo,

F.  billi t-traġedji reċenti, bħat-terremot ta’ Ħaiti u l-għargħar tal-Pakistan, urew li l-għodda ewlenin disponibbli għall-UE biex tirreaġixxi għad-diżastri (għajnuna umanitarja u l-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE) kienu qed jiffunzjonaw tajjeb għal dak li kienu maħsubin għalih u anke meta wieħed jikkunsidra ċ-ċirkostanzi, iżda billi hemm b’żonn ta’ importanza vitali li tkompli tissaħħaħ il-koordinazzjoni tar-reazzjoni għad-diżastri tal-Unjoni Ewropea, kemm ġewwa kif ukoll barra l-fruntieri tagħha, u hemm ukoll lok għal titjib f’termini ta’ effikaċja, effiċjenza, koerenza u viżibilità tal-assistenza tal-UE b’mod ġenerali,

G. billi, barra minn hekk, matul għadd ta’ kriżijiet, b’mod partikolari t-tsunami tas-26 ta’ Diċembru 2004, tqajmu ħafna mistoqsijiet dwar in-nuqqas ta’ protokolli jew xenarji sistematiċi fil-livell Ewropew fir-rigward ta’ reazzjoni għar-riskji u l-viżibilità inedegwata tal-azzjoni tal-Ewropa b’rabta mal-isforz ġenerali,

H. billi ġew ittestjati b’suċċess diversi arranġamenti li jinvolvu assi predefiniti tal-Istati Membri u assi ffinanzjati mill-UE f’azzjonijiet pilota mnedija mill-Parlament Ewropew[8],

I.   billi l-Parlament Ewropew talab konsistentement lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi dwar il-ħolqien ta’ Forza ta’ Protezzjoni Ċivili tal-UE, filwaqt li jiġi rrispettat kompletament il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, u b’hekk jiġu kkomplementati l-isforzi tal-Istati Membri, b’konformità mal-Artikolu 196 TFUE,

J.    billi l-klawżola ta' solidarjetà skont l-Artikolu 222 tat-TFUE tistabbilixxi l-obbligu li l-Istati Membri jassistu lil xulxin fl-eventwalità ta' diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem fit-territorju tal-UE,

K. billi l-koordinazzjoni immedjata, il-koerenza u l-komunikazzjoni fi ħdan l-UE u mal-atturi internazzjnali hija ta’ importanza kruċjali; billi l-koordinazzjoni Ewropea attwali fuq il-post ta’ bosta timijiet bi ktajjen ta’ kmand differenti inevitabbilment twassal għad-duplikazzjoni tal-isforzi u t-tirkib u tispiċċa għalja f’termini ta’ riżorsi umani, koordinazzjoni u effiċjenza; u billi, fid-dawl tal-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa sistema ta’ protezzjoni bbażata fuq il-kondiviżjoni u r-razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi eżistenti mingħajr ebda żieda fin-nefqa ġenerali,

L.  billi, wara d-diżastru riċenti fil-Ġappun, il-gvern Ġappuniż talab lill-UE tifforma tim uniku u kumpatt tal-protezzjoni ċivili, ikkoordinat mill-Kummissjoni, għad-distribuzzjoni ta' għajnuna, minflok ma jintbagħtu diversi timijiet tal-protezzjoni ċivili minn Stati Membri differenti fi żminijiet differenti; billi ż-żieda fil-koordinazzjoni operazzjonali matul dak id-diżastru għamlitha possibbli li titjieb l-assistenza tal-UE b’mod ġenerali f’termini ta’ kosteffettività, koerenza u viżibilità,

M. billi l-koerenza politika għandha tiġi żgurata fil-livell tal-UE fid-dawl tar-rwoli istituzzjonali rispettivi bla ma xxekkel jew tnaqqas ir-rapidità tal-operazzjonijiet ta’ reazzjoni għad-diżastri, u billi din għandha tissejjes fuq il-mekkaniżmi eżistenti bla ma jinħolqu strutturi ġodda,

N. billi għandha tiġi integrata kultura ta’ prevenzjoni tad-diżastri u tħejjija għalihom fil-programmi, il-pjanijiet u l-politiki ta’ żvilupp, sabiex jiġu indirizzati wħud mill-kawżi bażiċi tad-diżastri,

O. billi jeħtieġ li tiġi żviluppata prevenzjoni f’ħin reali fl-istadji operazzjonali kollha: monitoraġġ, inkluż permezz ta’ dejta satellitari; twissijiet bikrija; allert u sussegwentement reazzjoni u għoti ta’ assistenza lill-popolazzjonijiet li potenzjalment tkun tinsab f’riskju,

P.  billi l-UE tappoġġa r-rwol ċentrali tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment dak tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji, fil-koordinazzjoni tas-sokkors internazzjonali f’pajjiżi terzi,

Q. billi approċċ Ewropew integrat għal kull tip ta’ periklu mmirat lejn reazzjoni għall-kriżijiet fl-istadji kollha taċ-ċikli ta’ ħajja tagħhom huwa l-iktar strateġija effettiva biex jiġu indirizzati d-diżastri; billi dan l-approċċ għandu jgħaqqad flimkien il-prevenzjoni tad-diżastri (inklużi l-mitigazzjoni u t-tnaqqis tar-riskju), it-tħejjija, ir-reazzjoni u l-irkupru, fil-kuntest wiesa’ tal-iżvilupp sostenibbli; billi huwa ta’ importanza kbira li jiddaħħlu fis-seħħ għodod operazzjonali bħal pereżempju pjan ta' prevenzjoni tar-riskju operazzjonali (inklużi proċedura ta’ riferenza u għodod tal-ippjanar); billi jeħtieġ li l-UE tagħmel investimenti reali fil-prevenzjoni u t-tbassir tar-riskji, u billi l-UE għandha ssegwi approċċ ugwalment ambizzjuż fir-rigward tal-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija u r-reazzjoni għalihom,

R.  billi r-Regolament li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà fih prekundizzjonijiet li jxekklu u jdawmu l-użu tal-Fond f’ċerti sitwazzjonijiet ta’ diżastru, partikolarment fir-rigward tal-ammonti u t-tipi ta’ nefqa eliġibbli, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-inflessibilità tal-iskadenzi u l-proċeduri,

S.  billi, waqt kriżi, huwa essenzjali li t-timijiet ta’ salvataġġ ikollhom aċċess għal informazzjoni preċiża kemm jista’ jkun malajr sabiex jiġu distribwiti t-tagħmir, in-neċessitajiet bażiċi u r-riżorsi kritiċi, u billi għaldaqstant it-telekomunikazzjonijiet huma l-ħolqa l-iktar importanti fil-katina tal-ġestjoni tal-kriżi,

T.  billi r-riżorsi u l-konnessjonijiet ta’ komunikazzjoni konvenzjonali jafu jispiċċaw mgħobbija żżejjed jew meqruda f’sitwazzjoni ta’ kriżi,

U. wara li kkunsidra l-Politika Ewropea dwar l-Ispazju u r-riżultati pożittivi miksuba mill-programm ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) imniedi mill-Kummissjoni biex jiġu użati l-informazzjoni u d-dejta satellitari, u l-applikazzjoni prattika tiegħu fis-settur tal-protezzjoni ċivili u anke permezz tas-Servizz Ċentrali ta' Reazzjoni għal Emerġenza, li l-utilità tiegħu diġà ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri,

1.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja” u l-objettivi tagħha; jenfasizza li l-propositi deskritti fil-Komunikazzjoni għandhom jiġu eżaminati ulterjament sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi ta’ reazzjoni Ewropea msaħħa, ikkoordinata, konsistenti, effikaċi u effiċjenti f’sens ta’ spejjeż, viżibbli, koeżiva u komprensiva;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ssimplifikat u rrazzjonalizzat il-funzjonament tar-reazzjoni Ewropea għad-diżastri attwali u jiġu ottimizzati r-riżorsi disponibbli għall-benefiċċju komuni, filwaqt li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jikkontribwixxu u b’hekk tiġi garantita solidarjetà Ewropea; jikkunsidra, għalhekk, li l-kapaċità ta' reazzjoni tal-UE għandha tifforma parti minn approċċ integrat li jindirizza diversi riskji; barra minn hekk, għandha twettaq amministrazzjoni tal-informazzjoni u riżorsi ddelegata 'minn isfel għal fuq': fi kliem ieħor, l-inizjattiva għandha tiġi mill-Istati Membri, li jipprovdu għarfien u riżorsi b’mod volontarju;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fit-twaqqif tal-kapaċità Ewropea ta’ reazzjoni għad-diżastri, tqis il-Klawżola ta' Solidarjetà u l-arranġamenti ta' implimentazzjoni tagħha, li jeħtieġ jiġu adottati bħala kwistjoni ta' urġenza u li se jiżguraw reazzjoni aktar effettiva u koerenti għal diżastri kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hinn minnha;

4.  Itenni l-ħtieġa li ssir reviżjoni tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Solidarjetà sabiex il-kriterji ta’ eliġibilità jiġu adattati għall-karatteristiċi ta’ kull reġjun u kull diżastru, inklużi d-diżastri li jevolvu bil-mod bħal pereżempju n-nixfiet, u jingħata lok sabiex il-mobilizzazzjoni tkun iktar flessibbli u f’waqtha;

5.  Jafferma mill-ġdid li l-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija u r-reazzjoni għalihom ma jistgħux ikunu diżassoċjati minn xulxin u li għalhekk huwa rakkomandabbli li jiġi kkonsolidat approċċ integrat biex jiġu indirizzati l-katastrofi;

6.  Japprova l-ħtieġa ta’ bidla kwalitattiva mill-koordinazzjoni ad hoc attwali għal sistema prevedibbli u ppjanata minn qabel fil-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE bbażata fuq assi identifikati minn qabel li jkunu disponibbli għall-użu immedjat fl-operazzjonijiet ta’ għajnuna tal-UE f’każ ta’ diżastru u fuq il-mezzi u r-riżorsi kollha l-oħra li l-Istati Membri jafu jqisu xierqa biex jintużaw; jenfasizza l-bżonn li tiġi introdotta sistema għall-monitoraġġ, is-sorveljanza u l-iżvilupp ta’ azzjoni tal-UE f’operazzjonijiet ta’ għajnuna f’każ ta’ diżastru;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti mill-aktar fis possibbli biex, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, titwaqqaf forza ta’ protezzjoni ċivili tal-UE msejsa fuq il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE u li tiġbor ir-riżorsi neċessarji biex tingħata protezzjoni ċivili u għajnuna ta’ sokkors ta' emerġenza immedjata lill-vittmi; jemmen li r-reazzjoni tal-UE għandha tibni fuq il-kapaċitajiet u r-rwoli eżistenti tal-forzi ta’ protezzjoni ċivili Ewropej u tiżgura li jiġu indirizzati l-konġestjonijiet u l-lakuni attwali;

8.  Jaqbel li r-reazzjoni Ewropea għad-diżastri għandha tibni kemm fuq kapaċità Ewropea ta’ reazzjoni għall-emerġenzi permezz tat-tisħiħ tal-Mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili abbażi tal-kapaċitajiet u d-disponibilità ta’ assi tal-Istati Membri għall-emerġenzi li jkunu identifikati minn qabel u allura prevedibbli kif ukoll fuq ċentru Ewropew ta’ reazzjoni għall-emerġenzi bħala l-pedamenti ta’ tali strateġija kif deskritt fil-Komunikazzjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010; jenfasizza li dawn l-iżviluppi għandhom isegwu approċċ maħsub għal kull tip ta’ periklu, filwaqt li jiġbru flimkien l-atturi rilevanti kollha – b’mod partikolari s-soċjetà ċivili – inklużi l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-volontiera, għal azzjoni konġunta, u għandhom jisfruttaw is-sinerġiji fost l-għodda u l-istrumenti varji eżistenti;

9.        Jikkunsidra li l-approċċ maħsub għal kull tip ta’ periklu għandu jmur id f’id ma’ flessibilità ikbar fir-reazzjoni għall-kategoriji differenti ta’ riskju, li għandu jiġu kkunsidrat abbażi ta’ kull każ għalih; dan imbagħad jirrikjedi l-iżvilupp ta’ kapaċità diċentralizzata għall-analiżi u l-ippjanar ta’ miżuri meħtieġa fid-dawl tan-natura, il-probabilità u l-gravità tar-riskji;

10. Barra minn hekk jitlob li l-kapaċità ta’ reazzjoni għad-diżastri tal-UE tagħmel użu mir-reġjuni l-aktar imbiegħda u t-territorji ekstra-Ewropej li jistgħu jiffurmaw bażijiet biex jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta’ loġistika u għall-pożizzjonament minn qabel tar-riżorsi tal-UE f’kull oċean;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal u tressaq quddiem il-Parlament lista ta’ strumenti Komunitarji li jiffinanzjaw attivitajiet ta’ prevenzjoni tad-diżastri, bl-għan li tiġi vvalutata l-possibilità li jiġu inkorporati iżjed il-programmi ta’ prevenzjoni tad-diżastri fil-programmi ta’ finanzjament eżistenti tal-UE, kif mitlub fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill dwar qafas Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri fl-UE (dokument Nru 15394/09 tat-12 ta’ Novembru 2009);

12.  Jenfasizza li s-sistema ta’ reazzjoni Ewropea għad-diżastri għandha tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà kemm tal-Istati Membri (li għandhom ikunu kapaċi jużaw l-assi tagħhom stess, speċjalment fi kwalunkwe każ ta’ bżonnijiet nazzjonali konfliġġenti) kif ukoll tan-Nazzjonijiet Uniti, i.e. li għandha tirrispetta l-kompetenzi nazzjonali, reġjonali u lokali ta’ kull Stat Membru fuq naħa waħda – filwaqt li jitiqies ir-rwol kruċjali li għandhom dawk l-awtoritajiet fiċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri, partikolarment peress li f’bosta Stati Membri s-setgħat leġiżlattivi huma eżerċitati fuq bażi lokali jew reġjonali – u r-rwol ta’ koordinazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fl-operazzjonijiet ta’ sokkors f’każ ta’ diżastru barra mill-UE fuq in-naħa l-oħra; jinnota li din l-istrateġija għandha tkun komplementarja għal dik tan-NU, li tara valur miżjud ċar fil-ħolqien ta’ punt ta’ referenza Ewropew b’kapaċità ta’ reazzjoni;

13. Jirrimarka li n-natura transkonfinali tad-diżastri tfisser li l-UE għandha tikkoordina r-riżorsi u l-ħidma tagħha ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari fil-viċinat tagħha fejn ikunu kkonċernati pajjiżi tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM);

14. Jappoġġa l-proposta tal-Kummisjoni biex tistabbilixxi kapaċità Ewropea ta’ reazzjoni għall-emerġenzi, inklużi arranġamenti biex tiġi ggarantita disponibilità aktar prevedibbli tal-assi ewlenin tal-Istati Membri, inter alia billi tiġi stabbilita kollezzjoni ta’ assi identifikati minn qabel, disponibbli fi żmien ta’ reazzjoni miftiehem minn qabel, u li għandhom jintużaw fil-qafas ta’ impenn volontarju mill-Istati Membri biex jagħmlu dawn l-assi disponibbli fuq bażi volontarja għall-interventi ta’ sokkors għad-diżastri fuq skala Ewropea kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll barra l-Unjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; huwa tal-fehma li b’dan il-mod, u billi jiġu megħjuna l-persuni effettwati mid-diżastri naturali bħal nirien kbar, għargħar, terremoti, eruzzjoni ta' vulkani, uragani u maremoti, kif ukoll għal inċidenti marittimi, tixrid taż-żejt u riskji nukleari, il-valur miżjud Ewropew tal-interventi tal-UE se jissaħħaħ b’mod konsiderevoli;

15. Jinnota li ċerti żoni, bħaż-żoni kostali, insulari u muntanjużi, huma estremament vulnerabbli minħabba l-ġeografija tagħhom, u jitlob li tingħata attenzjoni speċjali għal dawn iż-żoni;

16. Jinnota li r-reġjuni Ewropej li jinstabu fil-konfini tal-UE jistgħu jiġu effettwati mid-diżastri li jseħħu fir-reġjuni li jagħmlu parti minn pajjiżi terzi, fejn l-intervent ikun aktar u aktar diffiċli; jipproponi li jiġu żviluppati miżuri biex jappoġġaw lil dawn ir-reġjuni u li tingħata attenzjoni speċjali lid-diżastri kkawżati minn persuni jew minn inċidenti industrijali, li jeħtieġu strateġiji differenti;

17. Jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikulari lin-nirien, li fir-rigward tagħhom hemm bżonn ta’ azzjonijiet u strateġiji mmirati;

18. Jafferma l-ħtieġa li jiġi osservat il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” fir-rigward tar-responsabilità għal ħsara ambjentali u l-irkupru tal-ispejjeż relatati ma’ reazzjoni għal diżastru minn entitajiet privati responsabbli għall-ħsara;

Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi

19. Jikkunsidra li r-raggruppament ta’ kapaċitajiet, riżorsi u assi identifikati minn qabel li jkunu disponibbli fuq bażi volontarja għall-intervenzjonijiet ta’ sokkors tal-UE f’każ ta’ diżastru, kemm barra kif ukoll ġewwa l-Unjoni, se jikkostitwixxi n-nukleu tal-kapaċità ta' sokkors tal-UE f'każ ta' diżastru, li jista’ jiġi kkomplementat b’offerti ad hoc addizzjonali min-naħa tal-Istati Membri; jirrakkomanda li titfassal skema ċara u dettaljata ta’ inċentivi sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimpenjaw kapaċitajiet suffiċjenti għar-raggruppament volontarju bla ma tiżdied in-nefqa ġenerali tal-Istati Membri;

20.  Jitlob il-ħolqien, fi ħdan il-Forza ta’ Protezzjoni Ċivili tal-UE futura, ta’ mekkaniżmi speċifiċi li jippermettu li l-UE taffaċċa każijiet ta’ tniġġis fuq skala kbira kkawżati minn installazzjonijiet lil hinn mill-kosta taż-żejt u l-gass;

21. Ifakkar ir-rwol ċentrali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-koordinazzjoni tal-isforzi tar-reazzjoni għad-diżastri tal-komunità internazzjonali;

22.  Jenfasizza li kapaċità ta' reazzjoni għad-diżastri tal-UE iktar b'saħħitha se tipprovdi kontribuzzjoni koerenti tal-UE għall-isforz ġenerali ta’ sokkors immexxi min-NU u għar-rwol ta’ koordinazzjoni tagħha;

23.  Jafferma li l-assi ffinanzjati mill-UE u ġestiti mill-Istati Membri għandhom jissuplementaw aktar l-assi tal-Istati Membri disponibbli għall-operazzjonijiet ta’ sokkors; jinnota li dawn għandhom jinbnew fuq mudelli żviluppati permezz ta’ azzjonijiet preparatorji ttestjati b’suċċess f’emerġenzi riċenti kemm ġewwa kif ukoll barra l-Ewropa, bħalama huma l-unità multinazzjonali ta’ reazzjoni għall-għargħar għall-pajjiżi Baltiċi u r-riżerva tattika supplementari għat-tifi tan-nar mill-ajru;

24. Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tidentifika l-lakuni ta’ kapaċità eżistenti. Għandu jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ assi fil-livell tal-UE, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe forma ta’ kompetizzjoni u/jew tirkib mal-assi nazzjonali, sabiex jimtlew il-lakuni ta’ kapaċità eżistenti fejn dan jirriżulta fi ffrankar sinifikanti għall-UE b’mod ġenerali jew jingħata aċċess għal assi li ma jkunux disponibbli għal Stati Membri li jaġixxu waħidhom, u b’hekk ikun qed jiġi offrut mudell tajjeb ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet;

25. Iqis li huwa importanti wkoll li jiġu identifikati d-difetti fir-riżorsi u li jkun iċċarat eżatt kif l-UE tista' tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu l-qagħda ta’ tħejjija tagħhom; huwa tal-fehma li użu aktar effettiv tar-riżorsi eżistenti jipprevjeni burokrazija finanzjarja u amministrattiva żejda, speċjalment fil-kuntest ta' amministrazzjoni reġjonali u lokali;

26. Jistieden lill-Kummissjoni timmira lejn involviment tal-UE f'termini ta' forniment ta’ riżorsi, kapaċijatijet u koordinament fir-rigward tad-diżastri li jseħħu fl-UE u li jeffettwaw direttament liċ-ċittadini tagħha;

27. Huwa tal-fehma li l-għan ewlieni għandu jkun l-użu sħiħ tar-riżorsi finanzjarji disponibbli, kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi kollha involuti fil-mobilizzazzjoni ta' dawn ir-riżorsi; iqis li għandhom jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat li l-assistenza umanitarja ta’ emerġenza tilħaq lil dawk effettwati bid-diżastri mingħjar dewmien;

28. Jikkunsidra l-ippjanar minn qabel u l-preparazzjoni ta’ operazzjonijiet permezz tal-iżvilupp ta’ xenarji ta’ riferenza u l-elenkar tal-assi tal-Istati Membri potenzjalment disponibbli għall-użu fl-operazzjonijiet ta’ sokkors tal-UE f’każ ta’ diżastru u l-ippjanar ta’ kontinġenza bħala elementi ewlenin ta’ reazzjoni aħjar tal-UE f’każ ta’ diżastru u essenzjali għal użu rapidu u reazzjoni immedjata xierqa għal kull emerġenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw dawn il-miżuri immedjatament u bla ħsara għal azzjonijiet oħrajn; jistieden, finalment, lill-Kummissjoni tniedi studju ta’ fattibilità dwar il-merti li jitwaqqfu u jiġu ċċertifikati laboratorji ta' riferenza għall-ġlieda kontra l-bijoterroriżmu u l-identifikazzjoni tal-vittmi, li jkunu ffinanzjati mill-baġit tar-riċerka Ewropea;

29.  Jitlob b’mod partikulari ppjanar adegwat għal kontinġenzi speċifiċi b’rabta mar-reazzjoni għad-diżastri kkaġunati mill-bniedem relatati ma’ tixrid taż-żejt, installazzjonijiet nukleari jew li jinvolvu sustanzi perikolużi fuq l-art kif ukoll fil-baħar;

Ċentru Ewropew ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi

30.  Jilqa’ bħala pass fid-direzzjoni t-tajba d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tgħaqqad flimkien iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) u ċ-ċentru ta’ kriżi għall-għajnuna umanitarja ECHO sabiex jinħoloq Ċentru ta' Reazzjoni għall-Emerġenzi li verament ikun disponibbli l-ħin kollu bħala pjattaforma għall-ippjanar u l-koordinazzjoni operattiva u jitlob li dan jiġi implimentat ukoll b’kooperazzjoni f’ħin reali mill-Istati Membri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, fl-oqsma ta' monitoraġġ, ħruġ ta’ twissijiet bikrija, u l-allert; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ iċ-Ċentru sabiex ikun jista’ jservi aħjar bħala ċentru għal koordinazzjoni fil-pront u effikaċi tal-assistenza in natura Ewropea kollha kif ukoll tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal għajnuna umanitarja; jistipula li għandu jiffunzjona bħala punt ta’ dħul uniku għat-talbiet ta’ assistenza relatati ma’ kull tip ta’ diżastru naturali u dawk ikkaġunati mill-bniedem sabiex ikun hemm lok għal reazzjoni koerenti min-naħa tal-UE;

31.  Jitlob l-għaqda effikaċi taċ-ċentru ta’ kriżi ECHO u ċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC), filwaqt li jiġi żgurat finanzjament adegwat;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b’mod attiv liċ-Ċentru Ewropew ta’ Reazzjoni għall-Emerġenza l-ġdid fiż-żewġ għodod Komunitarji għall-protezzjoni tal-foresti min-nirien tal-foresti: l-EFFIS u l-EFFICS;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-azzjonijiet f’każ ta’ emerġenza, filwaqt li tissimplifika u tottimizza s-servizz universali eżistenti u n-numru ta’ emerġenza 112;

34.  Jinsisti li d-deċiżjonijiet dwar l-użu ta’ assi mir-raggruppament ta’ assi jittieħdu b’mod rapidu miċ-Ċentru ta' Reazzjoni għall-Emerġenzi flimkien mal-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata assistenza prevedibbli, immedjata u effikaċi lill-vittmi u jiġu evitati d-dawmien, id-duplikazzjonijiet u t-tirkib;

35.  Jemmen li għandha tiġi identifikata u fformulata lista tal-assi ewlenin li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disponibbli għar-reazzjoni għal emerġenza tal-UE għal dawn ix-xenarji;

36.  Jitlob ċarezza u koerenza tal-azzjoni tal-UE fid-dawl tar-rwoli istituzzjonali rispettivi tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) filwaqt li jitqiesu s-setgħat rispettivi tagħhom u l-limiti tal-mandati ta’ kull wieħed minnhom; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-SEAE jiżviluppaw arranġamenti ta’ ħidma xierqa u regoli trasparenti bl-għan li, fejn ikun possibbli, jiġu żgurati kooperazzjoni mill-qirb u koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-reazzjoni tal-UE f’każ ta’ diżastru, li jkomplu jibnu fuq mekkaniżmi eżistenti bla ma jinħoloq dawmien fl-operazzjonijiet ta’ sokkors; jenfasizza l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni flessibbli, sempliċi u rapida bejn is-servizzi li tkun tinvolvi biss is-servizzi relevanti, li għandhom jirreaġixxu fi żmien qasir ħafna filwaqt li tiġi evitata l-burokrazija; jenfasizza li l-għajnuna umanitarja tal-UE għandha tiġi pprovduta irrispettivament mill-kunsiderazzjonijiet politiċi kolha, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji umanitarji miftiehma fil-livell internazzjonali;

37.  Jenfasizza r-riskju ikbar ta' diżastri kkawżati min-nirien tal-foresta, primarjament minħabba t-tibdil fil-klima li qed iżid il-probabilità li jseħħu nirien kbar fil-foresti; jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf unità speċjali fi ħdan iċ-Ċentru Ewropew ta’ Reazzjoni għall-Emerġenza l-ġdid biex tindirizza dan ir-riskju;

38. Jenfasizza li, bħala l-aħħar soluzzjoni u b'konformità mal-Linji Gwida ta' Oslo, l-użu ta' mezzi militari taħt kontroll ċivili ta’ spiss jikkostitwixxi kontribut importanti għar-reazzjoni għad-diżastri, b'mod partikolari għal assi speċjalizzati, trasport strateġiku jew inġinerija tqila; jenfasizza li l-koordinazzjoni tal-użu tal-kapaċitajiet disponibbli kollha – ċivili u militari – u l-assi ta' ġestjoni ta' kriżijiet tal-Istati Membri għandhom jissaħħu sabiex jiġu evitati dupplikazzjonijiet li jiswew ħafna;

Loġistika u trasport u telekomunikazzjonijiet

39.  Jirrikonoxxi li l-użu tal-mezzi militari – trasport, loġistika, sigurtà – b'appoġġ għall-operazzjonijiet umanitarji jista' jikkostitwixxi appoġġ essenzjali, b'mod partikolari matul katastrofi naturali fuq skala kbira; ifakkar li l-mezzi militari għandhom jintużaw f'każijiet ferm limitati u bħala l-aħħar soluzzjoni possibbli, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

40. Jitlob arranġamenti loġistiċi effikaċi u kondiviżi, li b’mod partikulari jinkludu t-timijiet tekniċi ta' assistenza u sostenn (TTAS) ġenerali ffinanzjati mill-UE, li jistgħu jappoġġaw kwalunkwe uffiċjal jew tim tal-UE jew tal-Istati Membri fuq il-post, speċjalment f’każijiet meta tikkollassa l-infrastruttura lokali;

41.  Jitlob li jiġu mmobilizzati timijiet ta’ appoġġ u assistenza teknika meta jseħħu diżastri u li jsiru rakkomandazzjonijiet dwar il-mod li bih dawk it-timijiet jistgħu jipprovdu appoġġ iktar effikaċi lil dawk milquta mid-diżastri;

42.  Jipproponi, bl-għan li tiġi mmassimizzata l-effiċjenza u jsir użu xieraq tal-kapaċità eżistenti, li jiġi kkunsidrat ir-raggruppament tar-riżorsi konsulari tal-Istati Membri sabiex jitjiebu r-rapidità u l-kwalità tar-reazzjoni globali tagħna permezz tal-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli diġà; jirrakkomanda f’dan ir-rigward li ssir valutazzjoni tal-kapaċitajiet konsulari tal-Istati Membri differenti sabiex jittieħed rendikont tar-riżorsi attwali tal-Unjoni Ewropea madwar id-dinja;

43.  Jitlob li jiġu kkunsidrati s-sistemi eżistenti ta’ sokkors ikkoordinati min-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li jitlob trasport aħjar, imsaħħaħ, iktar effikaċi f’sens ta’ spejjeż u kkoordinat tajjeb għall-kwalunkwe assistenza in natura għas-siti ta’ diżastri, b’mod partikulari permezz ta’ proċeduri simplifikati, rata ta’ kofinanzjament ikbar u l-introduzzjoni ta’ modijiet ġodda biex ikun jista’ jsir aċċess għal kapaċitajiet ta’ trasport addizzjonali, possibilment permezz ta’ kuntratti ta’ qafas;

44.  Ifakkar fl-għodod eżistenti ta’ monitoraġġ u prevenzjoni (speċjalment it-tagħmir ta’ osservazzjoni in-situ) bħalma huma dawk ipprovduti permezz tal-programm ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) tal-Unjoni Ewropea jew il-programmi INSPIRE u GALILEO li jistgħu jissorveljaw żoni li potenzjalment ikunu f’riskju u għaldaqstant issir tħejjija iktar effikaċi biex jiġi pprovdut sokkors lill-vittmi f'każ ta' diżastru; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li l-UE tiġi mgħammra b’kapaċità ta’ telekomunikazzjonijiet dedikata u sikura u b’soluzzjonijiet integrati ta’ ġestjoni tal-kriżijiet li jkopru l-prevenzjoni u l-irkupru; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-aħjar użu mis-soluzzjonijiet eżistenti u dawk futuri pprovduti mis-satelliti tat-telekomunikazzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ servizzi għaċ-ċittadini fl-oqsma tas-sigurtà pubblika u r-reazzjoni għall-emerġenzi, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea, l-Istati Membri u l-partijiet interessati (l-operaturi privati, l-industrija);

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa netwerk ta’ komunikazzjoni u informazzjoni filwaqt li tesplora, b’mod partikolari, ir-rikors għal kapaċitajiet ta’ telekomunikazzjoni, inklużi dawk satellitari, sabiex il-gruppi ta' assistenza jkollhom aċċess għal informazzjoni rapida u preċiża li tippermetti distribuzzjoni effikaċi ta' oġġetti ta’ ħtieġa essenzjali u ta’ tagħmir indispensabbli għar-riorganizzazzjoni soċjali immedjatament wara li sseħħ katastrofi;

Komunikazzjoni, Viżibilità, Taħriġ u Riċerka

46.  Jitlob strateġija ta’ komunikazzjonijiet komprensiva, li tinvolvi lill-istituzzjonijiet, l-Istati Membri, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili kollha tal-UE li ttejjeb it-trasparenza u l-viżibilità ġenerali tal-azzjonijiet Ewropej kemm f’pajjiżi benefiċjarji kif ukoll fost iċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jiġi żgurat li s-sokkors f’każ ta’ diżastru qatt ma jkun subordinarju għall-interessi kummerċjali jew politiċi u strateġiċi; jikkunsidra li din l-istrateġija għandha tipprova tissimplifika u tistandardizza l-għodda u l-metodi ta’ komunikazzjoni; jipproponi għal dan il-għan it-twaqqif, pereżempju, ta’ logo u kodiċi ta’ lbies standard flimkien ma' beġġijiet nazzjonali għall-persunal Ewropew kollu, u l-ħatra ta’ kelliem wieħed responsabbli għall-komunikazzjonijiet li jikkonċernaw ir-reazzjoni għall-emerġenzi; jitlob li kwalunkwe strateġija ta’ komunikazzjoni tiżgura distinzjoni ċara bejn assistenza umanitarja u attivitajiet militari;

47.  Jenfasizza li l-informazzjoni hija komponent vitali ieħor ta’ politika effikaċi għall-prevenzjoni tad-diżastri u r-reazzjoni għalihom fil-livelli kollha u li x-xenarju ta’ riskju li qed jinbidel jirrikjedi aġġornament kontinwu tal-għarfien, dejta solida u kumparabbli dwar il-frekwenza tal-okkorrenza, ir-riskji u l-konsegwenzi assoċjati tad-diżastri u l-għodda analitika relatata; għalhekk jitlob azzjoni kkoordinata, disponibilità ikbar u tixrid sistematiku ta’ għarfien u informazzjoni teknika u xjentifika u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, inklużi studji u tqegħid fil-prattika tal-lezzjonijiet meħuda, bħal pereżempju l-esperjenza miksuba permezz tal-proġetti implimentati fil-passat taħt l-inizjattiva Komunitarja INTERREG;

48.  Jenfasizza l-bżonn li titqajjem kuxjenza dwar il-proċeduri li għandhom jiġu adottati f’sitwazzjonijiet ta’ diżastru, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari għat-taħriġ taż-żgħażagħ, mill-età tal-iskola ‘l fuq; jistieden lill-Kummissjoni trawwem, bl-involviment ta’ iskejjel u assoċjazzjonijiet volontarji speċifiċi, il-kultura ta’ ppjanar, prevenzjoni u reżiljenza li hija prerekwiżit biex tiġi ottimizzata l-ħidma tal-protezzjoni ċivili;

49. Jinnota r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, li jkunu fuq quddiem meta jseħħ xi diżastru – speċjalment fil-każ ta' diżastri transkonfinali – u li l-involviment tagħhom jista' jżid il-viżibilità tal-UE fost iċ-ċittadini tagħha; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-istadji bikrin tar-reazzjoni għad-diżastri, billi jibnu fuq il-mudell ta' governanza b'diversi livelli implimentat fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, permezz ta' strateġija ta' komunikazzjoni vantaġġjuża għall-atturi kollha li jagħmlu parti mill-mekkaniżmu ta' reazzjoni;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw sistema ċara ta’ informazzjoni u prevenzjoni għaċ-ċittadini Ewropej kollha meta jkunu qed jivvjaġġaw kemm fl-UE kif ukoll barra mill-Istati Membri; jipproponi, għal dan il-għan, li l-passaporti Ewropej ikun fihom in-numri ta’ emerġenza 112 b’indikazzjonijiet ċari dwar l-aċċessibilità tiegħu madwar l-UE kollha, sabiex ikun jista’ jintuża mill-vjaġġaturi fl-UE, kif ukoll referenza għall-Artikolu 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li “kull ċittadin tal-Unjoni għandu, fit-territorju ta' pajjiż terz li fih m’hemmx rappreżentanza tal-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, ikun intitolat għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru (...)”, liema dispożizzjoni tista’ tintuża minn dawk li jivvjaġġaw lejn pajjiżi li ma jkunux Stati Membri;

51. Jitlob li jsiru sforzi sabiex jiġi kkomunikat in-numru pan-Ewropew tal-emerġenza “112” b’mod iktar effikaċi liċ-ċittadini Ewropej u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-UE, b’mod partikulari permezz tal-midja stampata u awdjoviżiva u l-avviżi pubbliċi, sabiex iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jużawh awtomatikament biex jirrapportaw kwalunkwe diżastru li jseħħ fit-territorju tal-UE;

52. Jikkunsidra li t-taħriġ dedikat tal-persunal u l-esperti Ewropej fir-reazzjoni għad-diżastri jagħmilha possibbli, permezz ta’ taħriġ b’bażi komuni u moduli speċjalizzati, li tiġi żviluppata konsapevolezza mill-metodi ta’ ħidma Ewropej u l-proċeduri ta’ reazzjoni komuni; f’dan il-qafas jirrakkomanda eżerċizzji ta’ reazzjoni konġunta għad-diżastri bejn l-unitajiet ta' loġistika ċivili u militari;

Ir-reazzjoni u t-tħejjija għad-diżastri u l-prevenzjoni tagħhom

53.  Jinnota li l-prevenzjoni tad-diżastri ta’ sikwit tkun iktar kosteffettiva milli meta wieħed jikkumbattihom; għalhekk, jenfasizza l-ħtieġa ta’ importanza vitali li tiġi kkomplementata l-politika biex tiżdied il-kapaċità ta’ reazzjoni għal emerġenza tal-UE permezz tat-titjib tal-politiki ta’ tbassir u prevenzjoni tar-riskji tal-UE u tal-Istati Membri u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprepara strateġija komprensiva u innovattiva tal-UE dwar it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastru; jitlob li jiġu ddedikati riżorsi suffiċjenti għall-identifikazzjoni bikrija ta’ diżastri possibbli u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-reviżjoni tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Solidarjetà tintuża biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ politiki u investimenti f’dawn l-oqsma; barra minn hekk, jitlob edukazzjoni aħjar dwar il-prevenzjoni tad-diżastri, investiment fil-prevenzjoni tad-diżastri u t-tibdil fil-klima, leġiżlazzjoni xierqa dwar il-ġestjoni tal-ilma u ġestjoni tar-riskju effiċjenti u monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għargħar fil-livell reġjonali u f’dak lokali; jinnota, f’dan il-kuntest, li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni ta' diżastri billi jimplimentaw strateġiji għal prevenzjoni ta' riskji fil-livell territorjali, inklużi interventi konġunti li jinvolvu gruppi ta’ intervent minn pajjiżi differenti;

54. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li, fid-dawl tal-interkonnessjonijiet bejn in-nixfiet, in-nirien tal-foresti u d-deżertifikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta, simili għad-Direttiva dwar l-Għargħar, biex tippromwovi l-adozzjoni ta’ politika tal-UE dwar l-iskarsezza tal-ilma, in-nixfiet u l-adattament għat-tibdil tal-klima; itenni wkoll, f’dan il-kuntest, l-importanza li jiġi stabbilit l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfiet, li jkun responsabbli għall-istudju, il-mitigazzjoni u l-monitoraġġ tal-effetti tan-nixfiet;

55. Itenni, bl-istess mod, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tadotta direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tan-nirien, li għandha tinkludi l-ġbir regolari ta’ dejta, il-preparazzjoni ta’ mapep u l-identifikazzjoni ta’ żoni f'riskju, il-preparazzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskju ta' nirien, l-identifikazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tar-riżorsi allokati u l-faċilitajiet disponibbli, il-koordinazzjoni tal-amministrazzjonijiet varji, ir-rekwiżiti minimi għat-taħriġ tal-ekwipaġġi, u t-twaqqif ta’ responsabilità ambjentali u l-pieni korrispondenti;

56. Jikkunsidra li l-isfruttament tal-opportunitajiet offruti fil-kuntest tal-Objettiv Territorjali Ewropew hu ta' importanza kruċjali; jemmen li f'dan ir-rigward ir-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT) jista' jikkostitwixxi strument importanti għal tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni transnazzjonali, transkonfinali u interreġjonali, anke ma’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE; iqis l-iżvilupp tal-kooperazzjoni interreġjonali bejn il-fruntieri nazzjonali bħala prova tal-kontribut partikolarment importanti mogħti mir-reġjuni lill-assistenza rapida għall-finijiet ta' protezzjoni ċivili; jikkunsidra li din il-kooperazzjoni produttiva testendi, inter alia, għall-għan komuni tal-identifikazzjoni tar-riskji u l-valutazzjoni ta' theddid potenzjali, u li huwa hawnhekk li l-UE tista' tagħti kontribut utli u viżibbli għal kooperazzjoni saħansitra aktar effikaċi u effiċjenti, fuq kollox billi ttejjeb il-koordinament;

57. Jinnota li, fis-Sena Ewropea tal-Volontarjat, ikun simboliku u utli kieku jiġu appoġġati dawk il-pajjiżi li qed jippromwovu tali attivitajiet u organizzazzjonijiet;

58. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi ambizzjużi b’dan l-għan kemm jista’ jkun malajr iżda mhux iktar tard minn tmiem l-2011;

59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 71, 10.3.2007, p. 9.
  • [2]  ĠU L 314, 1.12.2007, p. 9.
  • [3]  Testi adottati, P7_TA(2010)0465.
  • [4]  ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 5.
  • [5]  ĠU C 224E, 19.8.2010, p. 1.
  • [6]  ĠU C 286E, 27.11.2009, p. 15.
  • [7]  ĠU C 187E, 24.7.2008, p. 55.
  • [8]               B’mod partikolari l-proġett pilota biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kontra n-nirien fil-foresti (2008) u l-azzjoni preparatorja dwar il-kapaċità ta’ reazzjoni rapida tal-UE (2008-2010).

NOTA SPJEGATTIVA

Qed ngħixu fi żmien fejn qed iseħħu dejjem iżjed diżastri. Is-sena li għaddiet l-Ewropa kellha taffaċċa għadd ta’ diżastri gravi ħafna, fosthom għargħar għal għarrieda u fuq skala kbira, maltempati kbar u nirien tal-foresti, biex ma nsemmux is-sħaba ta’ rmied wara li żbroffa l-vulkan ta’ Eyjafjallajökull fl-Islanda. Anki barra mill-Ewropa seħħew diżastri gravi ħafna, u kkawżaw għadd enormi ta' mwiet u qerda kbira, fosthom it-terremot ta’ Ħaiti u l-għagħar tal-Pakistan. L-iktar ħruġ ta’ żejt li qatt għamel ħsara seħħ fil-Golf tal-Messiku wara splużjoni tal-bir taż-żejt Deepwater Horizon u s-Sahel għadda minn perjodi ta’ nixfa gravi. Issa d-dinja ntlaqtet bil-ġrajjiet drammatiċi fil-Ġappun, li ntlaqat f’daqqa minn terremot b’saħħtu, tsunami u katastrofi nukleari.

Madwar id-dinja in-numru rreġistrat ta’ diżastri f’sena waħda żdied b’ħames darbiet matul l-aħħar 35 sena u llum laħaq kważi 400. F’dawn l-aħħar 20 sena, id-diżastri li ġew irreġistrati fl-Ewropa biss qatlu aktar minn 90 000 ruħ, laqtu aktar minn 29 miljun persuna u kkawżaw EUR 211-il biljun f'telf ekonomiku.

Fl-isfond taż-żieda drammatika riċenti fid-diżastri naturali u dawk ikkaġunati mill-bniedem kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni Ewropea, ir-rapporteur tagħkom titlob iktar effiċjenza fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta’ ġestjoni Ewropea tad-diżastri naturali, fosthom il-prevenzjoni, it-tħejjija, ir-reazzjoni u l-irkupru, filwaqt li jiġu ottimizzati r-riżorsi ekonomiċi matul iż-żminijiet ta’ awsterità. Dan l-approċċ għandu l-appoġġ immens ta' 90% taċ-ċittadini Ewropej li jistennew li l-UE tagħmel iżjed biex tgħin lill-pajjiżhom meta dan jintlaqat b'xi diżastru, filwaqt li numru simili japprova l-azzjonijiet umanitarji tal-UE barra mill-UE. Dan l-għan huwa rifless ukoll fit-Trattat ta' Lisbona li jintroduċi bażi legali ġdida kemm għall-Protezzjoni Ċivili kif ukoll għall-Għajnuna Umanitarja sabiex tiġi żgurata reazzjoni rapida u effikaċi għad-diżastri li jseħħu ġewwa u barra l-UE.

Ladarba dan ir-rapport jiffoka fuq ir-reazzjoni għad-diżastri, ir-rapporteur tagħkom tixtieq tenfasizza li jeħtieġ li r-reazzjoni tissaħħaħ permezz tal-identifikazzjoni minn qabel tal-assi disponibbli fl-Istati Membri għad-dispożizzjoni tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE fuq bażi volontarja. Dan ikun pass importanti l-bogħod mir-reazzjoni had hoc attwali għad-diżastri, lejn ippjanar minn qabel permezz tal-iżvilupp ta’ xenarji ta’ riferenza, elenkar tal-assi tal-Istati Membri u ppjanar ta’ kontinġenza.

Barra minn hekk ir-rapporteur tagħkom tiffavorixxi s-simplifikazzjoni tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE li huwa meqjus burokratiku ż-żejjed. F’dan il-kuntest tilqa’ l-amalgamazzjoni tal-MIC u ċ-ċentru ta’ kriżi u l-ħolqien ta’ Ċentru ta' Reazzjoni għall-Emerġenzi li verament ikun disponibbli l-ħin kollu li bi ftehim mal-Istati Membri jieħu deċiżjonijiet dwar l-assi li għandhom jintużaw f’każ ta’ diżastru sabiex tiġi żgurata għajnuna immedjata u effikaċi lill-vittmi.

Sabiex ir-reazzjoni Ewropea għad-diżastri tissaħħaħ saħansitra iżjed ir-rapporteur tagħkom titob lill-Kummissjoni tressaq kemm jista’ jkun malajr proposta dwar Forza ta’ Protezzjoni Ċivili tal-UE bbażata fuq iċ-Ċentru ta' Reazzjoni għall-Emerġenzi.

Punt kruċjali ieħor huwa l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni aħjar bejn l-atturi kollha sabiex jiġu evitati tirkib u duplikazzjoni tal-isforzi kemm mil-lat politiku kif ukoll mil-lat operazzjonali - li kull wieħed minnhom għandu jiffunzjona b’mod awtonomu sabiex ma jkunx hemm xkiel għall-għajnuna rapida u effikaċi għall-vittmi tad-diżastru.

Finalment, ir-rapporteur tagħkom tixtieq tenfasizza wkoll li huwa importanti li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu, fl-ispirtu ta’ solidarjetà Ewropea, għar-reazzjoni Ewropea għad-diżastri. Skema ta’ inċentivi sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimpenjaw kapaċitajiet suffiċjenti għar-raggruppament volontarju bla ma fil-fatt iżidu l-infiq ġenerali tagħhom tista’ żżid sew l-offerti. Fi kliem ieħor, l-użu ta’ riżorsi disponibbli fl-Istati Membri għandu jiġi ottimizzat għall-benefiċċju komuni, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-istrutturi, l-isforzi jew l-ispejjeż.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (*) (16.6.2011)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja
(2011/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Michèle Striffler

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Itenni li l-Unjoni Ewropea għandha tirrispetta l-prinċipji umanitarji (umanità, newtralità, imparzjalità u indipendenza) biex tissodisfa l-bżonnijiet umanitarji lil hinn mill-UE u li l-użu ta' mezzi ta' protezzjoni ċivili għandu jkun ibbażat fuq il-bżonnijiet u għandu jkun kumplimentari u koerenti mal-għajnuna umanitarja, bil-ħsieb tal-istrateġiji ta’ żvilupp sussegwenti fuq perjodu ta’ żmien medju u twil; jinsisti dwar il-fatt li dawn il-prinċipji mhumiex ta' natura dommatika iżda huma dovuti għal kunsiderazzjonijiet operattivi u ta' effikaċja;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA) biex ikompli bil-ħidma tiegħu sabiex jiġi definit qafas metodoloġiku komuni għall-evalwazzjoni tal-bżonnijiet billi jkun hemm tentattiv ta' inklużjoni sistematika tal-atturi lokali, inkluż dawk mhux statali;

3.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tat-twaqqif bil-quddiem tal-għajnuniet bl-għan li tiżdied il-veloċità ta' intervenzjoni tal-organizzazzjonijiet umanitarji f'każ ta' katastrofi; jinnota li l-iżvilupp tad-depożiti/tal-pjattaformi jirrifletti l-effikaċja ta' dan l-approċċ f'termini ta' veloċità, ta’ kwalità u tar-relazzjoni bejn l-ispiża u l-effikaċja, u jitlob lill-Kummissjoni żżomm l-appoġġ finanzjarju tagħha f'dan il-qasam; f’dan is-sens, jingħaqad mar-rakkomandazzjoni tar-Rapport Barnier tal-2006, li jħajjar l-użu tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej, fuq bażi mhux esklussiva, bħala punti ta’ appoġġ biex tiġi ffaċilitata l-provvista minn qabel ta’ prodotti essenzjali u ta’ loġistika, bl-iskop li jkun aktar faċli li jintużaw ir-riżorsi umani u materjali Ewropej fil-każ ta' intervent umanitarju urġenti barra mill-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-importanza tal-flessibilità f’termini ta’ koordinazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi biex jiġu ggarantiti r-rapidità u l-adegwatezza tal-asistenza umanitarja u r-rispons għad-distastri;

4.  Jitlob li ssir żieda fil-finanzjament u jiġu żviluppati kapaċitajiet u riżorsi bil-għan li jkun żgurat li l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili jibqgħu purament kompiti ċivili;

5.  Jirrikonoxxi li l-użu tal-mezzi militari – trasport, loġistika, sigurtà – b'appoġġ għall-operazzjonijiet umanitarji jista' jikkostitwixxi appoġġ essenzjali, b'mod partikolari matul katastrofi naturali fuq skala kbira; ifakkar li l-mezzi militari għandhom jintużaw f'każijiet ferm limitati u bħala l-aħħar soluzzjoni possibbli, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

6.  Jilqa' l-proposta ta' ħolqien ta' ċentru Ewropew ta' rispons għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza; jitlob li jiġu stabbiliti regoli preċiżi u trasparenti għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni, filwaqt li jfakkar li l-għajnuna umanitarja mhijiex strument politiku ta' ġestjoni tal-kriżi;

7.  Jerġa' jafferma r-rwol ċentrali li jiżvolġi l-OCHA fil-koordinazzjoni tal-azzjoni umanitarja internazzjonali;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu rwol attiv biex tiżgura l-viżibilità tar-riżorsi u tal-kapaċitajiet użati fil-post, partikolarment permezz tal-użu tas-simboli tal-UE b'mod parallel mas-simboli nazzjonali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa netwerk ta’ komunikazzjoni u informazzjoni filwaqt li tesplora, b’mod partikolari, ir-rikors għal kapaċitajiet ta’ telekomunikazzjoni, inklużi dawk satellitari, sabiex il-gruppi ta' assistenza jkollhom aċċess għal informazzjoni rapida u preċiża li tippermetti distribuzzjoni effikaċi ta' oġġetti ta’ ħtieġa essenzjali u ta’ tagħmir indispensabbli għar-riorganizzazzjoni soċjali l-għada tal-katastrofi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Corina Creţu, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, András Gyürk, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Ivo Vajgl, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kriton Arsenis, Isabella Lövin, Csaba Őry

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (23.6.2011)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar ‘Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja’
(2011/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni: László Tőkés

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza r-rwol ġdid mogħti mit-Trattat ta' Lisbona lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni (RGħ/VP) għall-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi sabiex tkun iggarantita l-konsistenza bejn ir-rispons tal-UE għall-kriżijiet u l-elementi kollha politiċi u ta’ sigurtà involuti; iħeġġeġ li jiġu żviluppati arranġamenti ta' ħidma, fost is-servizzi rilevanti kollha li jitrattaw ir-rispons għall-emerġenza u l-ġestjoni ta' kriżijiet fil-Kummissjoni u fis-SEAE, inklużi d-Delegazzjonijiet tal-UE;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koerenza fl-użu tal-istrumenti differenti tal-UE, li wħud minnhom jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ/VP kif ukoll biex tittejjeb il-koordinazzjoni ta' missjonijiet ċivili jew militari tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) li huma diġà fis-seħħ jew li jistgħu jiġu stabbiliti wara diżastru; jinsisti fuq ir-rabta bejn il-prevenzjoni ta' kriżijiet, ir-rispons għad-diżastri u r-rikostruzzjoni wara d-diżastri;

3.  Jenfasizza li, bħala l-aħħar soluzzjoni u f'konformità mal-Linji Gwida ta' Oslo, l-użu ta' mezzi militari taħt kontroll ċivili spiss jikkostitwixxi kontribut importanti għar-rispons għad-diżastri, b'mod partikolari għal assi speċjalizzati, trasport strateġiku jew inġinerija tqila; jenfasizza li l-koordinazzjoni tal-użu tal-kapaċitajiet disponibbli kollha – ċivili u militari – u l-assi ta' ġestjoni ta' kriżijiet tal-Istati Membri għandhom jissaħħu sabiex jiġu evitati dupplikazzjonijiet li jiswew ħafna;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Istati Membri tidentifika lakuni eżistenti fil-kapaċità u tfassal perjodu ta' żmien u miri ċari biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżviluppaw b'mod adegwat il-kapaċitajiet tagħhom ta' rispons għad-diżastri sabiex jiġi żgurat qsim ġust tal-piż bejn l-Istati Membri, filwaqt li l-ħolqien ta' assi addizzjonali fuq livell tal-UE għandu jitqies biss fejn dawn jirriżultaw f'sinerġiji konsiderevoli għall-UE kollha;

5.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija komprensiva ta' komunikazzjoni sabiex tipproġetta xbiha komuni u koerenti tar-rispons għad-diżastri tal-UE li tkun konsistenti mal-valuri u mal-politiki tagħha, ħalli tqawwi l-viżibilità tal-UE fil-pajjiżi benifiċjarji kif ukoll għarfien aħjar dwar l-azzjoni tal-UE fost iċ-ċittadini Ewropej; jindika l-ħtieġa li tiġi stabbilita forza tal-protezzjoni ċivili tal-UE u li tittieħed azzjoni dwar it-talbiet imtennija tal-Parlament għall-implimentazzjoni tal-proposti stipulati fir-rapport Barnier tal-2006; jenfasizza li permezz tal-għajnuna f'każ ta' diżastru, l-Unjoni Ewropea għandha tafferma mill-ġdid l-impenn tal-poplu Ewropew favur il-valur tas-solidarjetà;

6.  Jirrimarka li n-natura transkonfinali tad-diżastri tfisser li l-UE għandha tikkoordina r-riżorsi u l-ħidma tagħha ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari fil-viċinat tagħha fejn ikunu kkonċernati pajjiżi tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM);

7.  Ifakkar ir-rwol ċentrali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-koordinazzjoni tal-isforzi tar-rispons għad-diżastri tal-komunità internazzjonali;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Sir Robert Atkins, Bastiaan Belder, Franziska Katharina Brantner, Frieda Brepoels, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Mário David, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Heidi Hautala, Anna Ibrisagic, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Ryszard Antoni Legutko, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Barry Madlener, Kyriakos Mavronikolas, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Kristiina Ojuland, Ria Oomen-Ruijten, Ioan Mircea Paşcu, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Werner Schulz, Charles Tannock, Inese Vaidere, Sir Graham Watson

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kader Arif, John Attard-Montalto, Elena Băsescu, Carlo Casini, Véronique De Keyser, Andrew Duff, Lorenzo Fontana, Georgios Koumoutsakos, Nadezhda Neynsky, Doris Pack, Vittorio Prodi, Judith Sargentini, Marietje Schaake, Alf Svensson, Indrek Tarand, László Tőkés, Paweł Zalewski, Janusz Władysław Zemke

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (22.6.2011)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja
(2011/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Georgios Stavrakakis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tfassal ir-rispons Ewropew għad-diżastri, tqis il-Klawżola ta' Solidarjetà u l-arranġamenti ta' implimentazzjoni tagħha, li hemm bżonn jiġu adottati bħala kwistjoni ta' urġenza u li tiżgura rispons aktar effettiv u koerenti għal diżastri kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hinn minnha;

2.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-arranġamenti ta' koordinament ad hoc attwali ma jistgħux jiggarantixxu assistenza xierqa u suffiċjenti f'każ ta' diżastru, u li hemm lok għal titjib fl-effikaċja, l-effiċjenza, il-koerenza u l-viżibilità globali tal-assistenza pprovduta; jikkunsidra li hemm bżonn ta' bidla għal sistema ta' ppjanar bil-quddiem, li tinvolvi l-preparazzjoni ta' xenarji ta' referenza għat-tipi ewlenin ta' diżastru fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha, u li hemm bżonn li r-riżorsi disponibbli u neċessarji jiġu identifikati u l-użu li għalih huma maħsuba jiġi ddeterminat; iqis li huwa importanti wkoll li jiġu identifikati d-difetti fir-riżorsi u li jkun iċċarat eżatt kif l-UE tista' tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu l-qagħda ta’ tħejjija tagħhom; huwa tal-fehma li użu aktar effettiv tar-riżorsi eżistenti jipprevjeni burokrazija finanzjarja u amministrattiva żejda, speċjalment fil-kuntest ta' amministrazzjoni reġjonali u lokali;

3.  Jappoġġa l-proposta tal-Kummisjoni biex tistabbilixxi Kapaċità Ewropea għal Rispons ta' Emerġenza, inklużi arranġamenti biex tiġi ggarantita disponibilità aktar prevedibbli tal-assi ewlenin tal-Istati Membri, inter alia billi tiġi stabbilita kollezzjoni ta’ assi identifikati minn qabel, disponibbli fi żmien ta’ rispons miftiehem minn qabel, u li għandhom jiġu skjerati fil-qafas ta’ impenn volontarju mill-Istati Membri biex jagħmlu dawn l-assi disponibbli fuq bażi volontarja għall-interventi ta’ sokkors għad-diżastri fuq skala Ewropea kemm fi ħdan l-Unjoni u barra l-Unjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; huwa tal-fehma li b’dan il-mod, u billi jiġu megħjuna l-persuni effettwati mid-diżastri naturali bħal nirien kbar, għargħar, terremoti, eruzzjoni ta' vulkani, uragani u maremoti, kif ukoll għal inċidenti marittimi, tixrid taż-żejt u riskji nukleari, il-valur miżjud Ewropew tal-interventi tal-UE se jissaħħaħ kunsiderevolment;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni timmira għall-involviment tal-UE f'termini ta' forniment ta’ riżorsi, kapaċijatijet u koordinament fir-rigward tad-diżastri li jseħħu fl-UE u li jeffettwaw direttament liċ-ċittadini tagħha u, għalhekk, lil min iħallas it-taxxi fl-UE;

5.  F'dan il-kuntest, itenni l-appell tiegħu sabiex jintużaw ir-riżorsi eżistenti tal-UE, bħall-Fond ta' Solidarjetà tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta ġdida li tippermetti lill-Fond ta' Solidarjetà tal-UE jżid il-flessibilità u jissimplifika r-regoli amministrattivi tiegħu, filwaqt li jżomm quddiem għajnejh l-għan oriġinali tiegħu li jippermetti “li tittieħed deċiżjoni rapida li twiegħed riżorsi finanzjarji speċifiċi u timmobilizzahom kemm jista’ jkun malajr”; huwa tal-fehma li tali simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi jħaffu l-pagamenti mill-Fond ta' Solidarjetà, u b'hekk ikun żgurat li dawk fil-bżonn jirċievu l-pagamenti immedjatament;

6.  Huwa tal-fehma li l-għan ewlieni għandu jkun l-użu sħiħ tar-riżorsi finanzjarji disponibbli, kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi kollha involuti fil-mobilizzazzjoni ta' dawn ir-riżorsi; considers that steps must also be taken to ensure that the emergency humanitarian assistance reaches the people affected by disasters without delay;

7.  Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona introduċa l-kunċett ta' koeżjoni territorjali u estenda l-ambitu tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà għall-awtoritajiet reġjonali u lokali u li, f'dan ir-rigward, kwalunkwe valutazzjoni ta' rispons għal diżastru Ewropew irid jikkunsidra r-rwol kruċjali li għandhom dawk l-awtoritajiet fiċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri, partikolarment peress li f’bosta Stati Membri s-setgħat leġiżlattivi huma eżerċitati fuq bażi lokali jew reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika metodi ġodda u innovattivi biex tipprovdi appoġġ dirett għall-awtoritajiet reġjonali u lokali;

8.  Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinkludi, mill-bidu nett, aspetti ta' prevenzjoni fl-arranġamenti għar-rispons għad-diżastri; jinnota, għalhekk, li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni ta' diżastri billi jimplimentaw strateġiji għal prevenzjoni ta' riskji fil-livell territorjali, inklużi interventi konġunti li jinvolvu gruppi ta’ intervent minn pajjiżi differenti;

9.  Jinnota li ċerti żoni, bħaż-żoni kostali, insulari u muntanjużi, huma estremament vulnerabbli minħabba ġeografija tagħhom, u jitlob li tingħata attenzjoni speċjali għal dawn iż-żoni;

10. Huwa tal-fehma li approċċ integrat għal kull tip ta’ periklu li jgħaqqad flimkien il-prevenzjoni tad-diżastri (inklużi l-mitigazzjoni u t-tnaqqis tar-riskju), it-tħejjija, ir-reazzjoni u l-irkupru huwa l-iktar strateġija effikaċi biex jiġu indirizzati d-diżastri; iqis li l-prevenzjoni hija wieħed mill-metodi l-iktar effettivi biex tiġi pprovduta protezzjoni, jitnaqqsu l-effetti u l-impatt tad-diżastri u jiġu ffrankati l-ispejjeż; jitlob biex, f’dan il-qafas, tissaħħaħ l-edukazzjoni dwar il-prevenzjoni tad-diżastri, jitlob investiment fil-prevenzjoni tad-diżastri u t-tibdil fil-klima, politiki ta’ prevenzjoni aktar effiċjenti u leġiżlazzjoni xierqa dwar il-ġestjoni tal-ilma u ġestjoni tar-riskju effiċjenti, monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għargħar fil-livell reġjonali u lokali, li fil-ġejjieni se jkollu rwol prinċipali fil-prevenzjoni ta' diżastri f'żoni suxxettibbli għall-għargħar;

11. Jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej u r-rwol li l-pożizzjoni ġeografika tagħhom jista’ jkollha biex tiġi ffaċilitata l-provvista ta’ għajnuna lill-pajjiżi viċin tagħhom li jiġu effettwati u biex ir-rispons Ewropew għad-diżastru jkompli jissaħħaħ;

12. Jinnota r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, li jkunu fuq quddiem fil-każ ta' diżastri, qabel kollox fil-każ ta' diżastri transkonfinali, u li l-involviment tagħhom jista' jżid il-viżibilità tal-UE fost iċ-ċittadini tagħha; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-istadji bikrin tar-rispons għad-diżastri, billi jibnu fuq il-mudell ta' governanza b'diversi livelli implimentat fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, permezz ta' strateġija ta' komunikazzjoni vantaġġjuża għall-atturi kollha li jagħmlu parti mill-mekkaniżmu ta' rispons;

13. Jenfasizza l-importanza tal-impenn tal-UE favur l-iskambju tal-aħjar prattika u l-appoġġ tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri, speċjalment meta diversi Stati Membri jkunu effettwati mill-istess diżastru; għalhekk, huwa favur li jsir użu tal-esperjenza siewja miksuba f'dan il-qasam permezz ta' proġetti implimentati fil-passat fil-qafas tal-Inizjattiva Komunitarja INTERREG;

14. Jikkunsidra li l-isfruttament tal-opportunitajiet offruti fil-kuntest tal-Objettiv Territorjali Ewropew hu ta' importanza kruċjali; jemmen li f'dan ir-rigward ir-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT) jista' jikkostitwixxi strument importanti għal tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni transnazzjonali, transkonfinali u interreġjonali, anke ma’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE. iqis l-iżvilupp tal-kooperazzjoni interreġjonali bejn il-fruntieri nazzjonali bħala prova tal-kontribut partikolarment importanti mogħti mir-reġjuni lill-assistenza rapida għall-finijiet ta' protezzjoni ċivili; jikkunsidra li din il-kooperazzjoni produttiva testendi, inter alia, għall-għan komuni tal-identifikazzjoni tar-riskji u l-valutazzjoni ta' theddid potenzjali, u li huwa hawnhekk li l-UE tista' tagħti kontribut utli u viżibbli għal kooperazzjoni anki aktar effikaċi u effiċjenti, fuq kollox billi ttejjeb il-koordinament;

15. Jinnota li r-reġjuni Ewropej li jinstabu fil-konfini tal-UE jistgħu jiġu effettwati mid-diżastri li jseħħu fir-reġjuni li jagħmlu parti minn pajjiżi terzi, meta l-intervent hu aktar u aktar diffiċli; jipproponi li jiġu żviluppati miżuri biex jappoġġaw lil dawn ir-reġjuni u li tingħata attenzjoni speċjali lid-diżastri kkawżati minn persuni jew minn inċidenti industrijali, li jeħtieġu strateġiji differenti;

16. Jinnota li fis-Sena Ewropea tal-Volontarjat, ikun simboliku u utli li dawk il-pajjiżi li jfittxu li jippromwovu attivitajiet u organizzazzjonijiet bħal dawn jiġu appoġġati;

17. Jitlob strateġija ta’ komunikazzjoni komprensiva, li tinvolvi l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE, li tippromwovi r-rwol tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri, sabiex tittejjeb il-viżibilità ġenerali tal-miżuri Ewropej;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, Zuzana Brzobohatá, John Bufton, Alain Cadec, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Franz Obermayr, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Michail Tremopoulos, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jens Geier, Ivars Godmanis, James Nicholson, Maurice Ponga, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Elisabeth Schroedter

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

55

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Nessa Childers, Bairbre de Brún, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Linda McAvan, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Dagmar Roth-Behrendt, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Bogusław Sonik, Salvatore Tatarella, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Matthias Groote, Romana Jordan Cizelj, Riikka Manner, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Alojz Peterle, Michèle Rivasi, Crescenzio Rivellini, Giommaria Uggias

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Bové, Lorenzo Fontana, Anna Záborská