RAPPORT li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE rigward in-negozjati bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni

25.7.2011 - (2011/2079(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Graham Watson


Proċedura : 2011/2079(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0289/2011
Testi mressqa :
A7-0289/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE rigward in-negozjati bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni

(2011/2079(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Moldova tal-15 ta' Ġunju 2009 li adottaw id-direttivi għan-negozjati,

–   wara li kkunsidra d-direttivi ta’ negozjati taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva mar-Repubblika tal-Moldova adottati mill-Kunsill fl-20 ta’ Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) iffirmat fit-28 ta' Novembru 1994 bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1998,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll għall-FSK UE-Repubblika tal-Moldova dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Programmi u l-Aġenziji tal-Komunità,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Repubblika tal-Moldova dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), li jistipula l-objettivi strateġiċi bbażati fuq l-impenji fir-rigward ta' valuri komuni u l-implimentazzjoni effettiva ta' riformi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali,

–   wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-viża mniedi fil-15 ta' Ġunju 2010 u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża tas-16 ta’ Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Sħubija għall-Mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova,

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Progress tar-Repubblika tal-Moldova tal-Kummissjoni Ewropea adottat fil-25 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat adottati mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fl-20 ta’ Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar risposti ġodda għal viċinat li qed jinbidel (A new response to a changing Neighbourhood) tal-25 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tal-25 ta' Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju,

–   wara li kkunsidra l-ewwel Rapport tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant,

–    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar il-qagħda fir-Repubblika tal-Moldova[1] u tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-riformi implimentati u żviluppi fir-Repubblika tal-Moldova[2], kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Repubblika tal-Moldova,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed[3],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0289/2011),

A.  billi l-filosofija ġdida tal-PEV, li skont il-prinċipju “aktar għal aktar” timmira li titratta bħala prijorità lil dawk il-pajjiżi li jkunu l-iktar effettivi fir-realizzazzjoni tar-rekwiżiti tagħha, toħloq opportunità sabiex ir-Repubblika tal-Moldova ssir is-suċċess tal-politika tal-UE rigward il-ġirien tagħha,

B.   billi l-Unjoni Ewropea għamlet mid-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija aspett ċentrali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tagħha,

C.  billi, fil-kuntest tal-PEV, is-Sħubija tal-Lvant ħolqot qafas politiku sinifikattiv għall-approfondiment tar-relazzjonijiet, l-aċċellerazzjoni tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika ulterjuri bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, li huma marbuta b’rabtiet qawwijin ġeografiċi, storiċi u kulturali, billi appoġġat ir-riformi politiċi u soċjo-ekonomiċi u ffaċilitat it-tqarrib lejn l-UE,

D.  billi s-Sħubija tal-Lvant issaħħaħ ir-relazzjonijiet multilaterali bejn il-pajjiżi involuti, tikkontribwixxi għall-iskambju tal-informazzjoni u l-esperjenza dwar il-kwistjonijiet tal-bidla, ir-riforma u l-modernizzazzjoni, u tipprovdi lill-Unjoni Ewropea bi strumenti addizzjonali biex tappoġġa dawn il-proċessi,

E.   billi s-Sħubija tal-Lvant tiddisponi għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali permezz ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ġodda, waqt li tqis is-sitwazzjoni speċifika u l-ambizzjoni tal-pajjiż sieħeb u l-kapaċità tiegħu li jirrispetta l-impenji li jirriżultaw,

F.   billi l-kuntatti bejn il-persuni huma l-bażi biex jinkisbu l-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant u biex jiġi rikonoxxut li din ma tistax tkun realizzata bis-sħiħ mingħajr il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viża,

G.  billi r-Repubblika tal-Moldova u pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant se jibbenefikaw minn offerta ta’ privileġġ tal-UE fuq il-liberalizzazzjoni tal-viża f'termini ta’ kalendarju u sustanza, qabel kwalunkwe pajjiż terz ġar ieħor,

H.  billi l-parteċipazzjoni attiva tar-Repubblika tal-Moldova u l-impenn tagħha għall-valuri u l-prinċipji komuni, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk tal-minoranzi, huma essenzjali biex il-proċess ikompli miexi 'l quddiem u biex ikun żgurat is-suċċess tan-negozjati u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li għandu jkun imfassal biex jaqdi l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-pajjiż u se jkollu impatt sostenibbli fuq l-iżvilupp tiegħu,

I.    billi fl-approfondiment tar-relazzjonijiet tagħha mar-Repubblika tal-Moldova, l-UE għandha tippromwovi l-istabilità u l-bini tal-fiduċja, inkluż permezz ta' kontribut proattiv biex tinstab soluzzjoni f’waqtha u vijabbli għall-kunflitt Transnistrijan, li huwa sors ta’ nuqqas ta’ stabilità reġjonali,

J.    billi n-negozjati mar-Repubblika tal-Moldova dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mixjin b'pass konsistenti u s'issa sar progress tajjeb, kif sar ukoll fid-Djalogu dwar il-Viża; billi, madankollu, in-negozjati dwar iż-żona ta’ kummerċ ħieles profonda u komprensiva (DCFTA) għadhom ma bdewx,

1.   Jindirizza, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE):

(a)  li l-impenn tal-UE u n-negozjati li għaddejjin mar-Repubblika tal-Moldova jkunu bbażati fuq l-affermazzjoni li l-perspettiva tal-UE, inkluż l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li għandha timxi id f'id mal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, tkun kemm lieva siewja fl-implimentazzjoni tar-riformi u kemm katalista meħtieġa biex dawn ir-riformi jkollhom l-appoġġ pubbliku;

(b)  li japplikaw fir-relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Moldova l-prinċipji ta’ “aktar għal aktar” u differenzazzjoni fuq il-bażi tal-merti u l-kisbiet individwali tar-Repubblika tal-Moldova tul dawn l-aħħar sentejn;

(c)  li jilqgħu l-kooperazzjoni stabbli u progressiva min-naħa tar-Repubblika tal-Moldova fin-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u dwar id-diversi elementi ta’ kooperazzjoni, inklużi l-politika estera u ta’ sigurtà, il-kooperazzjoni rigward l-enerġija, id-drittijiet tal-bniedem u l-kummerċ, li wasslet biex jingħalqu b’suċċess u f’waqthom, il-biċċa l-kbira tal-kapitoli tan-negozjati;

(d)  li jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jiżguraw li n-negozjati mar-Repubblika tal-Moldova jkomplu bil-pass konsistenti attwali, u, għal dak il-għan, itejbu d-djalogu mal-partiti politiċi kollha, u jinkoraġġixxu d-djalogu bejn il-partiti fir-Repubblika tal-Moldova, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-istabilità politika fl-istat hija essenzjali sabiex jitkompla l-proċess ta’ riforma;

(e)  li jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun qafas komprensiv li jħares 'il quddiem għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet mar-Repubblika mal-Moldova fis-snin li ġejjin;

(f)   li jkunu konxji mill-impatt qawwi tal-appoġġ konġunt u kkoordinat tal-Istati Membri, kif inkorporat mill-azzjoni tal-Grupp ta' Ħbieb tar-Repubblika tal-Moldova;

(g)  li jirduppjaw l-isforzi biex tinstab soluzzjoni sostenibbli dwar il-kunflitt tat-Transnistrija u, għal dak il-għan, jipprevedu involviment iktar robust u dirett fis-soluzzjoni politika tal-kunflitt tat-Transnistrija skont il-prinċipju tal-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll biex jadottaw miżuri biex tinbena l-fiduċja, inkluża d-definizzjoni konġunta tal-programmi ta' rijabilitazzjoni u l-promozzjoni tal-kuntatti bejn il-persuni, bl-għan li jsaħħu s-soċjetà u l-iskambju kulturali, filwaqt li jikkunsidraw li fil-fatt m’hemmx kunflitt fl-art tar-Reġjun tat-Transnistrija;

(h)  li jiżguraw li jkun hemm riżorsi biżżejjed għar-rwol proattiv tal-UE fit-taħdidiet 5+2, speċjalment wara li ntemm il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE);

(i)   li jħeġġu lill-Federazzjoni Russa sabiex tadotta azzjoni iktar kostruttiva u orjentata lejn ir-riżultati sabiex in-negozjati jimxu ’l quddiem u jinħolqu l-kundizzjonijiet għal ftehim dejjiemi u komprensiv;

(j)   li jiżguraw li r-reġjun Transnistrijan, bħala parti integrali mir-Repubblika tal-Moldova, ikun kopert mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-effetti tiegħu, partikolarment id-DCFTA;

(k)  li jieħdu l-azzjoni neċessarja sabiex jappoġġaw lir-Repubblika tal-Moldova biex tissodisfa l-benchmarks tal-liberalizzazzjoni tal-viża, ħaġa li preferibbilment għandha ssir qabel il-konklużjoni tal-Ftehim;

(l)   li jinformaw liċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża sabiex jibnu l-appoġġ għall-aġenda ta' riforma;

(m) li jiżguraw li n-negozjati dwar Żona ta’ Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva jibdew sa tmiem l-2011 u fl-istess ħin jevalwaw l-impatt tal-DCFTA fuq l-ekonomija tal-Moldova, kif ukoll ir-riperkussjonijiet soċjali u ambjentali tagħha;

(n)  li jilqgħu l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin dwar il-kummerċ imħejjija mill-UE, u jniedu negozjati mar-Repubblika tal-Moldova mingħajr dewmien ulterjuri dwar l-inklużjoni tad-DCFTA bħala parti integrali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, sabiex tkun promossa l-integrazzjoni politika u ekonomika sħiħa tar-Repubblika tal-Moldova mal-UE u sabiex ir-Repubblika tal-Moldova tkun tista’ tattira investiment barrani u ssir aktar produttiva, sabiex ittemm id-dipendenza tagħha fuq il-bgħit tal-flus mill-emigranti u tgħamel it-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq kompetittiva fl-esportazzjoni, waqt li jirrikonoxxu, madankollu, li r-Repubblika tal-Moldova għandha l-ewwel turi li għandha l-kapaċità suffiċjenti li tadatta l-istrutturi legali u ekonomiċi tagħha għall-eżiġenzi tal-integrazzjoni kummerċjali mal-UE;

(o)  li jfasslu aġenda ambizzjuża u ġusta għan-negozjati għad-DCFTA, li tiffoka fuq it-tneħħija ta’ deterrenti għan-negozju u l-investiment bilaterali, jiġifieri d-differenzi legali u regolatorji fl-istandards tekniċi, sanitarji u fitosanitarji, u fuq il-ħidma li għad trid issir rigward is-sistema finanzjarja u l-liġi tal-kompetizzjoni tal-Moldova; li jilqgħu f’dan ir-rigward il-progress li għamlet ir-Repubblika tal-Moldova fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-protezzjoni tal-konsumatur, id-dwana, id-djalogu ekonomiku, is-servizzi finanzjarji, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-kooperazzjoni fl-enerġija, li huma koperti min-negozjati tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-UE;

(p)  li joffru aktar appoġġ lir-Repubblika tal-Moldova biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha sabiex tibbenefika mill-vantaġġi li tista' toffri d-DCFTA;

(q)  li jenfasizzaw il-bżonn li r-Repubblika tal-Moldova tkompli b'iktar riformi domestiċi, u b’hekk ittejjeb l-klima tagħha għall-kummerċ u l-investiment, u li ssolvi l-kwistjonijiet interni li jimpedixxu r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mal-UE, bħall-fatt li l-pajjiż m’għandux president u l-kontroversja dwar it-Transnistrija;

(r)  li jkomplu jagħmlu pressjoni qawwija fuq l-awtoritajiet tal-Moldova, u fl-istess ħin jappoġġawhom, biex jikkonsolidaw ir-riformi u jagħmlu progress tanġibbli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u fir-riforma tas-servizzi tal-ġudikatura, tal-prosekuzzjoni u tal-pulizija sabiex jibbenefika l-poplu;

(s)  li jenfasizzaw fil-Ftehim l-importanza tal-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jkomplu jappoġġaw ir-riforma tal-ġudikatura bħala waħda mill-prijoritajiet; li jikkomunikaw lill-gvern tal-Moldova kemm tkun ħaġa tajba li jkompli l-investigazzjoni sħiħa, trasparenti u imparzjali diġà mibdija dwar l-avvenimenti ta' April 2009;

(t)   li jinkludu klawżoli standard dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jirriflettu l-ogħla standards internazzjonali u Ewropej, li jibnu fuq id-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u li jisfruttaw bis-sħiħ il-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, u jinkoraġġixxu l-awtoritajiet tal-Moldova biex jippromwovu d-drittijiet tal-persuni li huma parti minn minoranzi, b'konformità mal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

(u)  li jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet tal-Moldova biex jadottaw leġiżlazzjoni komprensiva u effettiva kontra d-diskriminazzjoni li tkun f'konformità mal-leġiżlazzjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u wkoll fl-istess spirtu; fost affarijiet oħra, leġiżlazzjoni bħal din għandha tinkludi dispożizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali; li jappoġġaw l-istitutjonalizzazzjoni ta' programmi edukattivi kontra l-intolleranza u d-diskriminazzjoni, kif ukoll il-ħidma tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tar-rispett u l-fehim reċiproku u kontra n-nuqqas ta' tolleranza fil-familji, il-komunitajiet, l-iskejjel u l-ambjenti soċjali;

(v)  li jiżguraw li l-promozzjoni tal-valuri ta' midja ħielsa tibqa' prijorità fin-negozjati li għaddejjin mar-Repubblika tal-Moldova u jinkoraġġixxu l-awtoritajiet Moldovani biex isaħħu u jappoġġaw midja indipendenti, biex jiżguraw in-newtralità tal-midja pubblika u jippromwovu ambjent tal-midja pluralistiku li jżid it-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; li jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Moldovani biex jiżguraw li l-aġenziji responsabbli kollha fil-qasam tal-midja jikkonformaw mal-istandards tal-UE dwar il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu fil-qasam;

(w) li jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tgħin fl-iżvilupp tas-settur ġdid tal-midja u biex tipprovdi appoġġ tekniku għall-iżvilupp tal-Internet broadband fir-Repubblika tal-Moldova;

(x)  li jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Moldovani biex juru impenn akbar għall-ġestjoni trasparenti tal-finanzi pubbliċi u t-titjib tal-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku sabiex jiżguraw governanza tajba, responsabilità akbar, aċċess ugwali u kompetizzjoni ġusta;

(y) li jieħdu nota tal-impatt pożittiv li l-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija lill-Repubblika tal-Moldova fl-2008 kellhom fuq l-esportazzjoni tal-pajjiż, b'dispjaċir għall-fatt li l-użu tagħhom kien imfixkel mid-differenzi fl-istandards bejn iż-żewġ partijiet; li jżommu f'moħħhom li r-Repubblika tal-Moldova trid tkompli tinkoraġġixxi żvilupp ekonomiku u integrazzjoni Ewropea aktar mgħaġġla;

(z)  li jenfasizzaw il-ħtieġa għal ambjent tan-negozju trasparenti u riforma regolatorja xierqa, sabiex jinkoraġixxu l-investimenti barranin diretti;

(aa) li jenfasizzaw fil-Ftehim l-importanza kbira tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-proprjetà intellettwali, fid-dawl tal-livell attwali għoli tal-piraterija u l-falsifikazzjoni;

(ab) li jibnu fuq azzjonijiet konkreti mwettqa fuq il-bażi tal-Protokoll għall-FSK UE-Repubblika tal-Moldova dwar il-Parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Programmi u l-Aġenziji tal-Komunità li għandhom ikunu riflessi fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

(ac) li jirriflettu fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni l-ogħla standards ambjentali, b'kunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, tal-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fl-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju, u li jappellaw għall-modernizzazzjoni tal-istallazzjonijiet industrijali l-kbar, fost l-oħrajn dawk li jinsabu fuq ix-xatt tan-naħa tal-lemin tax-xmara Dniester; li jikkunsidraw iktar l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali fiż-żona tal-Baħar l-Iswed u tal-parteċipazzjoni attiva tar-Repubblika tal-Moldova fil-politiki tal-UE għal dan l-ispazju, inkluż fi Strateġija eventwali tal-UE għall-Baħar l-Iswed;

(ad) fid-dawl tal-importanza għall-iżvilupp ekonomiku tal-ftuħ mill-ġdid tal-linja tal-ferrovija bejn Chisinau u Tiraspol, li jeżaminaw liema passi ulterjuri huma meħtieġa biex jittejjeb it-trasport pubbliku u jkun żgurat it-trasport bla xkiel ta' merkanzija ġewwa l-pajjiż, u jekk il-Missjoni għall-Assistenza fil-Fruntieri tal-Moldova u l-Ukraina (EUBAM) tistax tipprovdi għajnuna ulterjuri;

(ae) li jappoġġaw iktar id-demarkazzjoni tal-fruntiera kollha bejn il-Moldova u l-Ukraina u biex jeżaminaw il-possibilità ta' estensjoni tal-mandat tal-EUBAM, li wasal biex jiskadi;

(af) li jiżguraw li l-awtoritajiet tal-Moldova jieħdu miżuri konkreti biex jiskoraġixxu l-kuntrabandu ġewwa l-istat;

(ag) li jippromwovu riforma akbar fil-qasam tal-enerġija, bl-għan tat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tar-Repubblika tal-Moldova, b'mod partikulari permezz tal-promozzjoni tal-konservazzjoni tal-enerġija u tal-effiċjenza fl-enerġija u ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, id-diversifikazzjoni tal-infrastruttura u l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fi proġetti reġjonali tal-UE, u biex jitnaqqsu spejjeż għall-enerġija li jżommu l-inflazzjoni f'livell għoli;

(ah) li jgħinu lill-awtoritajiet tal-Moldova fl-isforzi tagħhom biex jgħaqqdu l-grid tal-enerġija tal-Moldova man-netwerk tal-elettriku interkonness tal-Ewropa kontinentali;

(ai) li jinkoraġġixxu u jgħinu lill-awtoritajiet tal-Moldova biex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-34.5% tal-popolazzjoni li jgħix f'faqar assolut jew estrem; l-għajnuna tal-UE lir-Repubblika tal-Moldova għandha tirrifletti aħjar din ir-realtà u l-programmi tagħha għandhom ikunu aġġustati konsegwentement;

(aj) li jiżguraw li l-irkupru ekonomiku jkun rifless fil-ħolqien tal-impjiegi u li r-Repubblika tal-Moldova tkompli bil-konverġenza lejn l-istandards tal-UE fil-qasam tal-impjiegi, inkluż rigward in-nondiskriminazzjoni, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

(ak) li jagħmlu enfasi mal-awtoritajiet tal-Moldova dwar il-ħtieġa tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, li jkollha impatt sinifikanti fuq il-mobilità tas-soċjetà tal-Moldova;

(al) li jiġbdu l-attenzjoni għall-inizjattivi pożittivi f’diversi pajjiżi meħuda bħala parti mis-Sħubija tal-Lvant, partikolament il-Programm Komprensiv tal-Bini tal-Istituzzjonijiet u l-miżuri ta' kooperazzjoni doganali;

(am) li jipprovdu biżżejjed appoġġ finanzjarju u tekniku lir-Repubblika tal-Moldova biex jiżguraw li din tkun tista' tissodisfa l-impenji li jirriżultaw min-negozjazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, billi jkomplu jipprovdu programmi komprensivi għall-bini tal-istituzzjonijiet u billi jiżguraw li l-programmi ta' finanzjament tal-UE jirriflettu din il-mira;

(an) li jżidu l-għajnuna u l-għarfien espert tal-UE lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-Repubblika tal-Moldova sabiex jippermettulhom jiżguraw monitoraġġ intern tar-riformi u responsabilità akbar għar-riformi u l-impenji li daħal għalihom il-gvern;

(ao) li jinkludu benchmarks ċari għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jagħmlu dispożizzjoni għal mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inkluż il-provvediment ta' rapporti regolari lill-Parlament;

(ap) li jistiednu lill-Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE fir-Repubblika tal-Moldova biex jirrapporta lill-Parlament dwar l-attivitajiet tiegħu fuq bażi regolari;

(aq) li jinkoraġixxu iktar kooperazzjoni fuq livell iktar profond ma’ u fis-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll biex jinfurmaw regolarment lill-Parlament Ewropew dwar il-progress tagħha;

(ar) li jikkonsultaw lill-Parlament Ewropew dwar l-arranġamenti rigward il-kooperazzjoni parlamentari;

(as) li jinkoraġġixxu lit-tim tan-negozjati tal-UE biex ikompli l-kooperazzjoni tajba tiegħu mal-Parlament Ewropew, billi jipprovdi feedback kontinwu dwar il-progress skont l-Artikolu 218(10) TFUE, li jiddikjara li l-Parlament għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura;

1.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lir-Repubblika tal-Moldova.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (12.7.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE rigward in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova
(2011/2079(INI))

Rapporteur għal opinjoni: David Martin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ l-adozzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet Ewlenin dwar il-kummerċ imħejji mill-UE, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi negozjati mal-Moldova mingħajr dewmien ulterjuri biex iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva (DCFTA) tiġi inkluża bħala parti integrali fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni politika u ekonomika sħiħa tal-Moldova mal-UE u sabiex il-Moldova tkun tista’ tattira investiment barrani u ssir aktar produttiva sabiex ittemm id-dipendenza tagħha fuq ir-rimessi mill-emigranti u twettaq it-tranżizzjoni għal ekonomija tas-suq kompetittiva fl-esportazzjoni; jirrikonoxxi, madankollu, li l-Moldova għandha l-ewwel turi li għandha biżżejjed kapaċità biex tadatta l-istrutturi legali u ekonomiċi tagħha għar-rekwiżiti tal-integrazzjoni tal-kummerċ mal-UE;

2.  Jilqa’ l-kooperazzjoni stabbli u progressiva tal-Moldova fin-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (AA) dwar id-diversi elementi ta’ kooperazzjoni inklużi l-politika estera u ta’ sigurtà, il-kooperazzjoni fl-enerġija, id-drittijiet tal-bniedem u l-kummerċ, li wasslu biex jingħalqu b’suċċess u f’waqthom il-biċċa l-kbira tal-kapitli tan-negozjati;

3.  Jinnota l-impatt pożittiv li kellhom il-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija lill-Moldova fl-2008 fuq l-esportazzjonijiet tal-pajjiż; jiddispjaċih li l-użu tagħhom ġie mfixkel mid-differenzi li hemm fl-istandards bejn iż-żewġ partijiet; jikkunsidra li l-Moldova għandha tkompli tinkoraġġixxi żvilupp ekonomiku u integrazzjoni Ewropea aktar mgħaġġla;

4.  Jitlob, għaldaqstant, li titfassal aġenda ambizzjuża u ġusta għan-negozjati għad-DCFTA, li tiffoka fuq it-tneħħija ta’ deterrenti għan-negozju bilaterali u l-investiment, jiġifieri d-differenzi legali u regolatorji fl-istandards tekniċi, sanitarji u fitosanitarji, u fuq il-kompiti li baqa' jitwettqu rigward s-sistema finanzjarja u l-liġi tal-kompetizzjoni tal-Moldova; jilqa’ f’dan ir-rigward il-progress li għamlet il-Moldova fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-protezzjoni tal-konsumatur, id-dazju, id-djalogu ekonomiku, is-servizzi finanzjarji, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-kooperazzjoni fl-enerġija, koperti bin-negozjati tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-UE;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għall-inizjattivi pożittivi f’diversi pajjiżi meħuda bħala parti mis-Sħubija tal-Lvant, partikolament il-Programm Komprensiv tal-Bini tal-Istituzzjonijiet u l-miżuri ta' kooperazzjoni doganali;

6.  Jenfasizza l-bżonn li l-Moldova tkompli tagħmel riformi domestiċi oħra, u b’hekk ittejjeb il-klima tagħha għall-kummerċ u l-investiment, u li ssolvi l-kwistjonijiet interni li jimpedixxu r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mal-UE, bħall-fatt li l-pajjiż m’għandux President u l-kontroversja dwar it-Transnistrija;

7.  Jinkoraġġixxi d-Djalogu dwar il-Viża li għaddej, u jittama li tista’ tiġi stabbilita malajr sistema ħielsa mill-viża, bil-konsegwenza li n-nies tal-Moldova jiġu integrati iktar fl-UE;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Keith Taylor, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

George Sabin Cutaş, Małgorzata Handzlik, Syed Kamall, Maria Eleni Koppa, Elisabeth Köstinger, Jörg Leichtfried

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Vicky Ford, Esther Herranz García, María Irigoyen Pérez, Ivo Vajgl

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Keith Taylor, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

George Sabin Cutaş, Małgorzata Handzlik, Syed Kamall, Maria Eleni Koppa, Elisabeth Köstinger, Jörg Leichtfried

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Vicky Ford, Esther Herranz García, María Irigoyen Pérez, Ivo Vajgl

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

54

1

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Pino Arlacchi, Sir Robert Atkins, Bastiaan Belder, Frieda Brepoels, Mário David, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Anna Ibrisagic, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Barry Madlener, Mario Mauro, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Norica Nicolai, Ria Oomen-Ruijten, Justas Vincas Paleckis, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Werner Schulz, Marek Siwiec, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Kristian Vigenin, Sir Graham Watson, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Elena Băsescu, Véronique De Keyser, Diogo Feio, Hélène Flautre, Georgios Koumoutsakos, Norbert Neuser, László Tőkés, Traian Ungureanu, Renate Weber, Luis Yáñez-Barnuevo García

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rafał Trzaskowski