RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 rigward il-modifika tal-konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea
31.8.2011 - (06609/2011 – C7‑0104/2011 – 2011/0027(NLE)) - ***
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Vital Moreira
ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 rigward il-modifika tal-konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea
(06609/2011 – C7‑0104/2011 – 2011/0027(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (06609/2011),
– wara li kkunsidra l-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 rigward il-modifika tal-konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea (06610/2011),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7–0104/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0297/2011),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Arġentina.
NOTA SPJEGATTIVA
Bl-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, l-UE kabbret l-unjoni doganali tagħha. Għaldaqstant, l-UE kienet obbligata skont ir-regoli tad-WTO (Artikolu XXIV:6 tal-GATT) li tidħol f'negozjati mal-Membri tad-WTO li għandhom drittijiet ta' negozjar fl-iskedi ta' kwalunkwe mill-Membri aderenti sabiex jintlaħaq qbil dwar aġġustament kumpensatorju. Tali aġġustament ikun meħtieġ jekk l-adozzjoni tar-reġim estern tat-tariffi tal-UE jirriżulta f’żieda fit-tariffa lil hinn mil-livell li l-pajjiż tal-adeżjoni ntrabat għalih fid-WTO, filwaqt li “jitqies sew it-tnaqqis tad-dazji fuq l-istess linja tariffarja li sar minn kostitwenti oħrajn tal-unjoni doganali malli ġiet iffurmata”.
Il-proċedura stipulata fl-Artikolu XXVIII tal-GATT[1], kif elaborata fil-linji gwida adottati fl-10 ta' Novembru 1980 (BISD 27S/26-28)[2] u fil-Fehim dwar l-Interpretazzjoni tal-Artikolu XVIII tal-1994[3] għandhom jiġu segwiti.
L-għan huwa li jintlaħaq qbil dwar aġġustament kumpensatorju reċiprokament sodisfaċenti li jpatti għaż-żieda fid-dazji konsolidati. Iż-żewġ naħat għandhom interess li jintlaħaq ftehim. F'każ li ma jintlaħaqx ftehim, id-dwana xorta tkun tista' timmodifika jew tirtira l-konċessjonijiet, iżda l-Membri affettwati mbagħad ikunu ħielsa li jirtiraw konċessjonijiet sostanzjalment ekwivalenti bi qbil mal-Artikolu XXVIII tal-GATT (mhux neċessarjament fuq l-istess linja tariffarja).
Il-proċedura tibda meta l-parti kontraenti li tkun biħsiebha tinnegozja għall-modifika jew għall-irtirar tittrażmetti notifika lis-segretarjat tad-WTO. Dik il-parti kontraenti għandha wkoll tipprovdi d-dokumenti rilevanti kollha biex tinforma lis-segretarjat tad-WTO bil-linji tariffarji involuti, is-sħab kummerċjali l-aktar importanti u l-volumi u l-valuri kummerċjali involuti. Kwalunkwe parti li tqis li għandha interess bħala fornitur prinċipali jew interess sostanzjali f'konċessjoni li hija suġġetta għal negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT għandha fi żmien 90 ġurnata wara n-notifika tikkomunika l-pretensjoni tagħha lill-pajjiż li jimmodifika l-konċessjoni.
Għall-Bulgarija u r-Rumanija, l-UE nnotifikat fis-27 ta' Settembru 2006 u l-proċedura mbagħad involviet it-tqabbil tad-dazji li kellhom jitħallsu minn min jimporta fil-Bulgarija u fir-Rumanija qabel u wara l-adeżjoni fl-UE. Il-medja ta' tliet snin li għalihom kienu disponibbli l-aktar ċifri riċenti kienet il-punt ta' tluq tal-paragun. Għat-tkabbir tal-2007, intużaw is-snin 2002-2004 bħala l-perjodu ta' referenza. Id-dazji kkalkulati huma d-dazji konsolidati, mhux id-dazji applikati. L-importazzjonijiet meqjusa huma l-importazzjonijiet li jidħlu bl-istatus tan-nazzjon l-aktar iffavorit (mhux trattament preferenzjali). Il-kumpens jingħata fuq l-istess linja tariffarja fejn jinħass l-aġġustament tat-tariffa mill-pajjiż terz.
Fid-29 ta’ Jannar 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati skont l-Artikolu XXIV: 6 tal-GATT mal-pajjiżi li kien jistħoqqilhom kumpens. In-negozjati mal-Arġentina rriżultaw f'abbozz ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri li ġie ffirmat fit-22 ta' Setembru 2010 fi Brussell. Il-Kunsill awtorizza l-iffirmar fil-11 ta' April 2011. L-iffirmar tal-ftehim mal-Arġentina seħħ fl-20 ta' April 2011[4].
Preċedentament, ġew konklużi ftehimiet ma' Kuba u mal-Brażil, li ma kinux jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, minħabba li ġew konklużi fl-2008 u fl-2009 rispettivament. Minbarra dawn it-tnejn (il-Brażil u Kuba) u l-Arġentina flimkien ma' New Zealand u l-Awstralja, l-UE qed tinnegozja wkoll mal-Istati Uniti u maċ-Ċina, iżda n-negozjati għadhom ma ġewx konklużi.
Biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-WTO, żewġ kwistjonijiet huma indirizzati fil-ftehimiet. L-ewwel nett, il-kumpens ta' tariffi ogħla li jrid jingħata kumpens għalihom. L-istrument li jintuża l-aktar ta' spiss huwa l-ftuħ ta' kwota tariffarja speċifika għall-pajjiż jew iż-żieda ta' dawk li diġà jeżistu. It-tieni nett, il-kwota tariffarja erga omnes ta' qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija (mhux speċifika għall-pajjiż iżda miftuħa għad-dinja kollha) ukoll jeħtieġ li tiżdied mal-kwota tariffarja erga omnes tal-UE li diġà teżisti.
Il-prodotti kkonċernati f'dan il-ftehim huma l-laħam mingħajr għadam tal-annimali tal-ifrat (Arġentina), il-laħam mingħajr għadam tal-buflu (Arġentina), kif ukoll żidiet erga omnes fil-kwota tariffarja fuq il-qamħ komuni, ix-xgħir, ix-xgħir tal-birra u l-qamħirrun.
Ir-Regolament ta' implimentazzjoni għandu konsegwentament jiġi adottat mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 144 tar-Regolament tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq Uniku (OKS) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007. Ir-Regolament bħalissa qed jiġi rieżaminat. F'konformità mal-allinjament li għadu għaddej mal-proċedura tal-atti ddelegati u ta' implimentazzjoni fl-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, il-Kummissjoni tipproponi fil-Proposta għal Regolament ġdid tal-OKS (COM (2010) 799) "Il-kwoti tat-tariffi (...) għandhom jinfetħu u jkunu amministrati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti delegati u ta’ atti ta’ implimentazzjoni."
Kummenti tar-rapporteur
Ir-rapporteur jilqa' l-ftehim mal-Arġentina u jemmen li l-Parlament Ewropew għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu. L-Arġentina għandha d-dritt li d-drittijiet kummerċjali tagħha, li tnaqqru kemmxejn minħabba t-tkabbir tal-unjoni doganali tal-UE bir-Rumanija u l-Bulgarija, jerġgħu jiġu kif kienu.
L-Artikolu XXIV: 4 tal-GATT jagħmel sew li jenfasizza li ..."l-iskop ta' unjoni doganali jew żona ta' kummerċ ħieles għandu jkun li jiffaċilitaw il-kummerċ bejn it-territorji kostitwenti u mhux li joħolqu ostakoli għall-kummerċ ta' partijiet kontraenti oħra ma' dawn it-territorji". Dan il-ftehim huwa sinjal ieħor li l-UE trid tirrispetta r-regoli tas-sistema kummerċjali multilaterali, filwaqt li tittama li dan jikkontribwixxi għal rieda kollettiva li jintlaħaq ftehim komprensiv fir-Rawnd ta' Doha għall-Iżvilupp.
B'mod ġenerali, it-tkabbir tal-UE kien pożittiv għas-sħab tad-WTO. F'każ li l-pajjiżi aderenti kellhom tariffi ogħla mit-tariffa tal-UE, kienu s-sħab tad-WTO li ggwadanjaw. Fil-każ oppost fejn il-pajjiżi aderenti kellhom tariffi aktar baxxi mill-UE u issa jridu jżidu t-tariffa tagħhom, l-UE se tagħti kumpens għad-differenza. Jiġifieri b'mod ġenerali s-sħab tad-WTO se jgawdu.
Il-Kummissjoni għamlet sew li tagħżel li żżid il-kwota tariffarja għall-Arġentina għall-prodotti involuti bħala l-istrument ta' kumpens, peress li dan huwa l-aktar mod immirat kif jingħata kumpens lil dak il-pajjiż li jistħoqqlu li jingħata kumpens.
Għalkemm il-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni uffiċjali tal-impatt, ir-riċerka u d-djalogu mal-partijiet interessati kkonfermaw li dan il-ftehim ma jagħmilx ħsara lill-interessi agrikoli tal-UE, minħabba li jerġa' biss iġib għal kienu d-drittijiet preċedentament eżistenti tal-Arġentina.
L-UE u l-Arġentina għandhom jgħarrfu lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Il-Ftehim se jidħol fis-seħħ 14-il jum wara d-data tal-aħħar notifika u r-rapporteur jittama li l-pajjiż sieħeb tagħna wkoll ilesti l-proċeduri interni tiegħu mingħajr dewmien biex il-produtturi jibbenefikaw malajr mill-aċċess għas-suq.
- [1] INDIĊI ANALITIKU TAD-WTO: GATT1994, Il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994, XV. Artikolu XIV (http://www.wto.org/english/res_e/booksp_e/analytic_index_e/gatt1994_06_e.htm#article14)
- [2] Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ C/113, 5 ta' Novembru 1980, il-Kunsill 10 ta' Novembru 1980, Proċeduri għal negozjati skont l-artikolu XXVIII
- [3] WTO, il-Ftehim tar-Rawnd tal-Urugwaj: Il-Fehim dwar l-Interpretazzjoni tal-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (httphttp://www.wto.org/english/docs_e/legal_e/10-24_e.htm)
- [4] ĠU, L 110 Volum 54, 29 ta' April 2011
RIZULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
31.8.2011 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 0 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
William (The Earl of) Dartmouth, Kader Arif, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Paweł Zalewski |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Catherine Bearder, George Sabin Cutaş, Mário David, Albert Deß, Salvatore Iacolino, Maria Eleni Koppa, Elisabeth Köstinger, Marietje Schaake |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Patrice Tirolien |
||||