RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti Messikani

1.9.2011 - (05735/2011 – C7‑0067/2011 – 2008/0161(NLE)) - ***

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Silvia-Adriana Ţicău

Proċedura : 2008/0161(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0298/2011
Testi mressqa :
A7-0298/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti Messikani

(05735/2011 – C7‑0067/2011 – 2008/0161(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05735/2011),

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti Messikani (07158/2/2009),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 100(2), 218(8) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt(a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0067/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0298/2011),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti Messikani.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Tradizzjonalment, ir-relazzjonijiet internazzjonali dwar l-avjazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi kienu jiġu regolati permezz ta' ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, fl-2002, iddeċidiet li l-klawsoli ta' deżinjazzjoni tradizzjonali fil-ftehimiet bilaterali tas-servizzi tal-ajru jmorru kontra l-liġi tal-UE. Dawn jippermettu lil pajjiż terz li jirrifjuta, jirtira jew jissospendi l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet ta' trasportatur bl-ajru li kien iddeżinjat minn Stat Membru iżda li mhux sostanzjalment fis-sjieda ta’ dak l-Istat Membru u effettivament ikkontrollat minnu jew minn ċittadini tiegħu. Instab li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi tal-ajru tal-UE stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru, iżda li jkunu proprjetà ta' ċittadini ta' Stat Membru ieħor u kkontrollati minnhom. Dan imur kontra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jiggarantixxi liċ-ċittadini ta' Stati Membri li jkunu eżerċitaw il-libertà tagħhom tal-istabbiliment l-istess trattament fl-Istat Membru ospitanti bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Hemm ukoll kwistjonijiet oħrajn, bħall-kompetizzjoni, fejn il-konformità mal-liġi tal-UE għandha tkun żgurata billi jkunu emendati jew ikkomplementati d-dispożizzjonijiet eżistenti fi ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim li jissostitwixxi ċerti dispożizzjonijiet fit-13-il ftehim bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru konklużi bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Uniti Messikani.

L-aspetti ewlenin tal-Ftehim

L-Artikolu 2 (klawsola ta' deżinjazzjoni): Sabiex ikun evitat li jkun hemm diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-UE, il-klawsoli tan-nomina tradizzjonali, li jirreferu għat-trasportaturi tal-ajru ta' dawk l-Istat Membri li huma firmatarji tal-ftehim bilaterali, qed jiġu mibdula bi klawsola tan-nomina tal-UE li tirreferi għat-trasportaturi kollha tal-ajru tal-UE. L-objettiv huwa li t-trasportaturi tal-ajru kollha tal-UE jingħataw aċċess mhux diskriminatorju għal rotot bejn l-Istat Membru li huwa firmatarju tal-ftehim bilaterali u l-Messiku.

Artikolu 3 (is-sikurezza): Din id-dispożizzjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet dwar sikurezza fil-ftehimiet bilaterali jkunu applikabbli għal sitwazzjonijiet meta l-kontroll regolatorju fuq it-trasportaturi tal-ajru jkun eżerċitat minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li ma jkunx l-Istat Membru li għażel dak it-trasportatur tal-ajru.

Artikolu 4: (kompatibilità mar-regoli tal-kompetizzjoni) Dan l-Artikolu jipprojbixxi prattiki antikompetittivi.

Il-ftehim li ġie inizjalat f’Mejju 2008 kien fih dispożizzjoni reċiproka li tippermetti tassazzjoni fuq il-fjuwil għal titjiriet fi ħdan l-UE u titjiriet bejn il-Messiku u pajjiżi oħra Amerikani. Madankollu, il-Kunsill ma setax jaċċettah dan u fl-aħħar ġie rtirat mit-test finali.

Il-Ftehim ġie ffirmat fil-15 ta’ Diċembru 2010. Huwa ma jiġix applikat provviżorjament. Sabiex jikkonkludi l-Ftehim, il-Kunsill għandu bżonn l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. B'konformità mal-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura, il-Parlament għandu jieħu deċiżjoni permezz ta' votazzjoni waħda, u ma tista' tiġi mressqa l-ebda emenda għall-ftehim innifsu.

Pożizzjoni tar-Rapporteur

Il-Ftehim Orizzontali mal-Messiku se jerġa' jagħti bażi legali għar-relazzjonijiet tal-UE dwar l-avjazzjoni mal-Messiku. Dan hu l-ewwel pass importanti fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet dwar l-avjazzjoni bejn l-UE u l-Messiku.

Il-Messiku huwa suq importanti għat-trasportaturi tal-UE b’madwar 2.5 miljun passiġġier u 90 000 tunnellata ta’ merkanzija fl-2009. Fid-dawl tad-daqs u l-importanza tas-suq tal-avjazzjoni bejn il-Messiku u l-UE, għandu jiġi esplorat il-potenzjal għal ftehim aktar komprensiv bejn il-Messiku u l-UE dwar it-trasport bl-ajru. Ftehim bħal dan jista’ jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Messiku u l-UE rigward kwistjonijiet tal-avjazzjoni u jespandi l-opportunitajiet u l-benefiċċji għall-industriji u l-konsumaturi kemm fil-Messiku kif ukoll fl-UE. Barra minn hekk, jikkompleta ż-żona ta’ avjazzjoni miftuħa bejn l-UE u l-Ameriki wara l-ftehimiet komprensivi li ntlaħqu mal-Istati Uniti, mal-Kanada u l-aktar reċenti mal-Brażil.

Abbażi ta' dan kollu li ssemma hawn fuq, ir-Rapporteur tissuġġerrixxi li l-Kumitat TRAN jappoġġa l-konklużjoni ta' dan il-Ftehim.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.8.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Antonio Cancian, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Juozas Imbrasas, Ville Itälä, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Hubert Pirker, Vilja Savisaar-Toomast, Debora Serracchiani, Brian Simpson, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Dominique Vlasto, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philip Bradbourn, Michel Dantin, Isabelle Durant, Zita Gurmai, Dominique Riquet, Laurence J.A.J. Stassen, Sabine Wils

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Anne E. Jensen