RAPPORT dwar l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda

4.10.2011 - (2011/2067(COM))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur għal opinjoni: Regina Bastos


Proċedura : 2011/2067(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0320/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda

(2011/2067(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi (COM(2010)0682),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Settembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri: It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020[1],

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[2],

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u tal-apprendistat[3],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri, flessigurtà u forom ġodda ta' djalogu soċjali[4],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida[5],

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2010 dwar “Politiki dwar impjiegi għal ekonomija kompetittiva, b’livell baxx ta’ karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ekoloġika”,

–       wara li kkunsidra l-istudju taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP “Ħiliet għal Impjiegi Ekoloġiċi”, 2010,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal- ... ta’ Ottubru 2011 dwar il-promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea[6],,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni ta’ Bruges dwar it-titjib tal-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għall-perjodu 2011-2010, li ġiet adottata fis-7 ta’ Diċembru 2010[7],

–       wara li kkunsidra it-Tbassir fuq Żmien Medju sal-2020 tas-CEDEFOP dwar id-disponibilità tal-ħiliet u d-domanda għalihom fl-Ewropa (Skills Supply and Demand in Europe: Medium-Term Forecast up to 2020, Cedefop, 2010)[8],

–       wara li kkunsidra r-riċerka tas-Cedefop dwar 'Il-Ħiliet għall-futur tal-Ewropa: nantiċipaw il-ħtiġijiet ta’ ħiliet okkupazzjonali',

–       wara li kkunsidra l-ftehim ta’ qafas tal-25 ta’ Marzu 2010 dwar swieq tax-xogħol inklużivi, iffirmat mill-EUTC, BUSINESSEUROPE, UEAPME u CEEP,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 dwar Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2010)2020),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta’ Jannar 2011 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi (COM(2011)0011), u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2011 dwar ir-Reviżjoni tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (COM(2011)0078),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 dwar il-konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni (COM(2010)0642),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar “Progress Lejn l-Objettivi Ewropej Komuni għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ” (SEC(2011)0526),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-Unjoni fil-21 ta' Jannar 2011, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità[9],

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fornituri tas-Servizz għal Persuni b’Diżabilità (EASPD) li juri li, minħabba li l-qgħad fl-Ewropa qed jiżdied, qed ikun aktar diffiċli għal persuni b’diżabilità biex jiksbu xogħol u jibqgħu fih u li f’ħafna pajjiżi, il-livell ta’ qgħad fost il-persuni b’diżabilità huwa ogħla minn dak fost il-persuni mhux b'diżabilità,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2010 dwar l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015 (COM(2010)0491),

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu 2011-2020,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (COM(2008)0639) u r-Riżoluzzjoni tagħha tas-6 ta’ Mejju 2009[10],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0320/2011),

A.     billi l-kriżi ekonomika dinjija għolliet il-qgħad fl-Unjoni Ewropea għar-rata attwali ta’ 9.5%, li tirrappreżenta total ta' 22 828 miljun ruħ, li minnhom 19.4% huma qiegħda fuq żmien fit-tul, skont ċifri riċenti tal-EUROSTAT; billi l-qgħad taż-żgħażagħ bħalissa huwa ta’ 20.4%, u f’xi Stati Membri jilħaq l-40% ,

B.     billi fl-SMEs, li huma xprunatur għat-tkabbir ekonomiku, ħolqien tal-impjiegi u l-kisba tal-għanijiet tal-2020, intilfu aktar minn 3.5 miljun impjieg minħabba l-kriżi ekonomika,

C.     billi, minħabba l-kriżi ekonomika tal-2008, is-settur primarju u dak tal-manifattura tilfu aktar impjiegi milli kien mistenni u għadu mbassar li jitilfu madwar 2.5 miljun impjieg sal-2020,

D.     billi r-reċessjoni ekonomika tal-2008 affettwat kemm id-domanda u kif ukoll il-provvista tal-ħiliet fis-settur tal-impjieg, u għalhekk żdiedet b’mod drammatiku l-inċertezza dwar il-prospetti tax-xogħol u ħolqot il-ħtieġa li n-nies ikunu infurmati aħjar dwar il-prospetti ta’ impjieg fis-suq tax-xogħol,

E.     billi l-miżuri ta’ awsterità li qed jitwettqu f’numru ta’ Stati Membri kkoinċidew ma' żidiet kbar ħafna fil-qgħad, u huma parzjalment responsabbli għalihom,

F.     billi jeħtieġ li dawk li jfasslu l-politika jħarsu liċ-ċittadini mir-riskju li jispiċċaw bla xogħol, billi jiżguraw li l-forza tax-xogħol ikollha l-ħiliet xierqa biex tkabbar kemm jista’ jkun iċ-ċans tagħha ta' impjieg,

G.     billi l-progress f’teknoloġiji ġodda u l-bidliet fl-istruttura tal-ekonomiji Ewropej għamluha indispensabbli għall-individwi li jaġġornaw u jtejbu l-ħiliet tagħhom matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom,

H.     billi l-promozzjoni ta’ ekonomija soċjali, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva hija waħda mill-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020,

I.      billi s-settur tas-servizzi, bħall-bejgħ, is-sigurtà, it-tindif, il-catering, l-assistenza soċjali u s-servizzi personali, għadu mistenni li jkollu żieda kbira fl-impjiegi minn issa sal-2020 u jista’ jkun is-settur bl-akbar tkabbir,

J.      billi s-settur tal-ikel agrikolu qed jerġa’ jikseb importanza globali li teħtieġ ħiliet differenti u ta’ livell ogħla iżda li tnaqqas b’mod qawwi l-impjiegi bi ftit ħiliet,

K.     billi biex jinkisbu t-tkabbir sostenibbli u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, il-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ekoloġiċi ġodda se jkun jeħtieġ id-disponibilità ta' ħiliet xierqa,

L.     billi bidla teknoloġika u xejriet ġodda fl-organizzazzjoni tax-xogħol fis-setturi naturalment jinfluwenzaw ix-xejriet tal-impjieg fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet fil-professjonijiet u l-livelli ta’ kwalifiki,

M.    billi l-ekonomiji jirrikjedu dejjem aktar ħiliet kreattivi, interattivi, komunikattivi u ħiliet ta’ soluzzjoni tal-problemi fil-post tax-xogħol filwaqt li l-impjiegi jew il-ħaddiema bi ftit ħiliet li jwettqu funzjonijiet ta’ rutina huma f’riskju akbar li jitilfu l-impjieg,

N.     billi l-ħaddiema b'livell baxx ta' edukazzjoni u ħiliet, flimkien ma' dawk minn gruppi vulnerabbli oħra, huma f'riskju akbar li jitilfu l-impjieg, li jkunu f'kundizzjonijiet prekarji u ta' faqar sakemm ma jingħatawx taħriġ adegwat u possibilitajiet ta' tħarriġ mill-ġdid li jippermettulhom iżommu mal-pass tar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol,

O.     billi l-effettività fit-tul tat-taħriġ u tal-edukazzjoni għolja tiddependi fuq diversi fatturi, bħad-disponibilità ta' edukazzjoni ta' kwalità u l-għoti ta' taħriġ, opportunitajiet indaqs u aċċess mingħajr ostakoli għal kulħadd, id-disponibilità ta' servizzi tal-kura, investiment pubbliku sostnut, qagħda u mmaniġġjar effiċjenti tal-finanzi pubbliċi, u l-artikulazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet individwali u tas-suq tax-xogħol;

P.     billi l-UE impenjat ruħha li ttejjeb il-livelli tal-edukazzjoni, tnaqqas ir-rata tal-persuni li jħallu l-edukazzjoni kmieni għal inqas minn 10 % sal-2020 u li żżid ir-rata ta’ persuni li jispiċċaw l-edukazzjoni terzjarja jew dik ekwivalenti għal mill-inqas 40 %,

Q.     billi l-għadd ta’ impjiegi li jirrikjedu kwalifiki tekniċi u xjentifiċi għolja huwa mistenni li jogħla, u madwar nofs l-impjiegi kollha fl-2020 se jkunu għal ħaddiema bi kwalifiki medji, filwaqt li 35 % tal-impjiegi se jirrikjedu kwalifiki ta’ livell għoli, meta mqabbla mad-29% tal-lum, u billi fil-kategoriji professjonali u fis-setturi kollha tal-ħiliet se jkun hemm ħtieġa ta' kwalifiki addizzjonali għal ekonomiji sostenibbli,

R.     billi l-migrazzjoni fi ħdan l-UE, kif ukoll lejha u ’l barra minnha, u l-bidla demografika, se jinfluwenzaw b'ħafna modi fil-ġejjieni d-daqs u l-għamla tal-popolazzjoni li taħdem fl-Istati Membri u jkollhom implikazzjonijiet importanti għad-domanda u l-provvista tal-ħiliet, l-aktar f’dawk l-Istati Membri fejn il-popolazzjoni qed tonqos b’ħeffa u li huma suġġetti għal eżodu tal-imħuħ fuq skala kbira,

S.     billi l-kompetenzi u l-ħiliet tal-ħaddiema migranti sikwit la jiġu rrikonoxxuti biżżejjed u lanqas isir l-aħjar użu minnhom, u billi l-ħaddiema migranti sikwit iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, anki minħabba n-nuqqas ta’ għarfien tad-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali tagħhom u n-nuqqas ta’ involviment tagħhom fl-assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema; billi l-politiki ta’ integrazzjoni li jiffavorixxu l-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg għall-popolazzjoni ta’ immigranti jistgħu għaldaqstant ikunu ta' kontribut siewi biex jiġu sodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-ġejjieni,

T.     billi, għalkemm il-mikrokreditu huwa għodda essenzjali għall-intraprenditorija tan-nisa u l-ħolqien ta’ negozji tal-familja, in-nisa għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fin-negozju fl-Unjoni Ewropea, u jirrappreżentaw medja ta’ 30% tal-imprendituri kollha,

U.     billi ’l fuq minn 60% tal-istudenti li jiggradwaw mill-universitajiet huma nisa, billi ftit wisq nisa u bniet jieħdu t-triq tal-istudji xjentifiċi, u dan iwassal għal segregazzjoni settorjali qawwija, u billi d-differenza fis-sessi bejn l-impjiegi tan-nisa u l-irġiel fis-settur tal-IT kellha t-tendenza li tiżdied flok tonqos biż-żmien,

V.     billi n-nisa jinsabu f’pożizzjoni żvantaġġjata fis-suq tax-xogħol u jiġu rappreżentati b’mod sproporzjonat fix-xogħol part-time, f’forom ġodda ta’ arranġamenti tax-xogħol, li ta’ spiss ikunu prekarji, u jiltaqgħu ma’ ostakoli meta jfittxu li jkollhom drittijiet soċjali, il-protezzjoni soċjali u l-benefiċċji kollha,

W.    billi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli għandu l-potenzjal li jżid l-għadd ta’ impjiegi diċenti u li jikkontribwixxi għall-irkupru tal-ekonomiji fl-UE kollha,

X.     billi l-UE għadha tinvesti anqas mis-sħab u l-kompetituri ekonomiċi dinjija tagħha, fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fl-edukazzjoni, li huma l-pedamenti għat-tkabbir u t-titjib fil-livell tal-għajxien; billi jinħtieġu investimenti kbar fl-ekonomija tal-għarfien, fit-taħriġ tekniku u biex jiġi aġġornat it-taħriġ vokazzjonali,

Y.     billi t-titjib tal-ħiliet permezz tat-taħriġ (upskilling) maħsub u adattat huwa essenzjali biex jgħin lil persuni jiksbu ħiliet ġodda sabiex ikunu jistgħu japprofittaw mit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli; billi hemm argumenti ekonomiċi konvinċenti favur it-titjib tal-ħiliet, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali; billi t-tnaqqis fl-investiment fit-titjib tal-ħiliet joħloq impatt negattiv fit-tul,

L-isfidi għall-politika tal-impjiegi

1.      Ifakkar li, fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-Istati Membri qablu dwar objettiv ta’ impjiegi ta’ 75% għan-nisa u l-irġiel fil-grupp tal-età bejn l-20 u l-64 sal-2020, li huwa objettiv marbut mill-qrib mat-tkabbir ekonomiku u s-sostenibilità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-finanzi pubbliċi tal-Ewropa; ifakkar li r-rata ta’ impjieg għan-nisa fil-mument hija ta’ 58.2%; jenfasizza li t-tnaqqis drastiku fir-rata ta’ żgħażagħ qiegħda, il-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-implimentazzjoni effettiva tal-prijoritajiet tal-istrateġija li jikkonċernaw l-inklużjoni huma fost il-prerekwiżiti essenzjali biex tintlaħaq il-mira ta’ impjiegi; jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali jonqsu milli jissodisfaw kemm il-mira għall-impjieg kif ukoll għall-faqar, u jistieden lill-partijiet kollha interessati jżidu l-isforzi tagħhom biex l-Istrateġija Ewropa 2020 tkun suċċess;

2.      Itenni l-ħames miri ewlenin tal-Unjoni li huma l-promozzjoni tal-impjiegi, it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, li jintlaħqu l-objettivi tat-tibdil fil-klima u l-enerġija, it-titjib tal-livelli ta’ edukazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;

3.      Ifakkar li hemm ostakoli ewlenin li qed ifixklu li l-impjieg fl-UE jiżdied sostanzjalment, li jiġi miġġieled il-qgħad strutturali, li jinħolqu impjiegi ġodda u għaldaqstant li jkun hemm żieda fil-produttività u promozzjoni ta’ kompetittività akbar; jemmen li l-isfidi li jridu jiġu affrontati b'mod prijoritarju, minbarra li jiġi żgurat li jkun hemm swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw aħjar, jinkludu l-insuffiċjenza tal-livelli ta’ ħiliet u n-nuqqas ta' tqabbil tal-ħiliet mar-rekwiżiti attwali ta' kompetenza ta’ bosta ħaddiema tal-lum, kif ukoll il-klassifikazzjonijiet baxxi fil-livelli tal-edukazzjoni f’ċerti pajjiżi Ewropej, meta mqabbla mar-rati internazzjonali; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm approċċ integrat biex tiġi żviluppata l-bażi meħtieġa ta' ħiliet sabiex napprofittaw mill-potenzjal ta' ekonomija sostenibbli ġdida, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fil-komunikazzjoni ppjanata tagħha dwar l-impjiegi fl-ekonomija sostenibbli l-ġdida, tagħti segwitu għat-talbiet tal-Parlament f'dan ir-rigward;

4.      Jirrimarka li r-rata ta’ impjieg u r-rendiment ekonomiku jsaħħu lil xulxin bil-mod kif jiġġeneraw livelli partikolarment għolja ta’ tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi ta' kwalità; jirrakkomanda b'saħħa, madankollu, li l-Istati Membri jsegwu l-linji gwida integrati tal-Ewropa 2020 għall-politiki tal-impjieg u l-linji gwida ġenerali dwar il-politika ekonomika, filwaqt li jkun żgurat li l-politiki implimentati jirrispondu għaċ-ċirkustanzi nazzjonali, reġjonali u lokali u għal kundizzjonijiet partikulari fl-Istati Membri individwali;

5.      Jenfasizza li l-Istati Membri għadhom responsabbli tal-elementi ewlenin tal-politika soċjali bħat-taxxi, il-programmi tal-welfare soċjali, xi regolamenti tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni; iqis li huwa essenzjali li l-politiki soċjali jirrispondu għaċ-ċirkustanzi nazzjonali, reġjonali u lokali u b’mod partikolari l-kundizzjonijiet fl-Istati Membri individwali;

6.      Jappella biex ikun hemm koordinazzjoni mtejba tal-politiki ekonomiċi fost l-Istati Membri, sabiex jiġu promossi t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi u tiġi ffaċilitata l-kompetizzjoni effettiva, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-inugwaljanzi reġjonali fl-Ewropa fir-rigward tar-rati tal-impjieg u tal-qgħad; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli dwar id-dixxiplina baġitarja sabiex jitnaqqas ir-riskju li jispiċċaw f’defiċit eċċessiv, u jappella biex titwettaq sorveljanza baġitarja effettiva, filwaqt li jitħalla li jsir investiment pubbliku b'konformità mal-objettivi ta' tkabbir u tal-impjieg tal-UE; jenfasizza, madankollu, l-importanza ta' valutazzjoni tal-impatt soċjali kif mitlub mit-Trattat u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevalwaw l-kosti soċjali tat-tnaqqis fl-infiq, l-aktar fl-infiq dedikat għall-edukazzjoni u għall-politiki dwar is-suq attiv tax-xogħol, li jistgħu jipperikolaw il-progressi lejn is-soluzzjoni tan-nuqqas ta' ħaddiema speċjalizzati fl-Ewropa u ż-żamma tar-rendiment ekonomiku;

7.      Jappoġġja l-inizjattiva emblematika tal-Kummissjoni fl-Istrateġija Ewropa 2020, bħala qafas għall-promozzjoni tal-kompetittività u l-impjieg, li twettaq qalba għal ekonomija sostenibbli, aktar intelliġenti, u aktar inklużiva; jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni reġjonali fl-implimentazzjoni tal-aġenda; jistieden lill-Kummissjoni tmexxi 'l quddiem l-azzjonijiet prijoritarji dwar l-impjiegi u l-ħiliet fl-inizjattiva emblematika, billi tagħti l-importanza xierqa għall-promozzjoni kemm tal-provvista kif ukoll tad-domanda tax-xogħol fil-kunteset ta' ekonomija sostenibbli, inklużiva u bbażata fuq l-għarfien;

8.      Iqis li l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda għandha tiġi kkunsidrata flimkien mal-Programm Qafas tar-Riċerka tal-UE, u li s-sinerġiji bejniethom jistgħu joħolqu tkabbir u impjiegi;

9.      Jenfasizza li l-iżviluppi reċenti fis-suq ekonomiku u tax-xogħol, flimkien mal-isfidi fil-ġejjieni, bħal-bidla demografika u t-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli, jirrikjedu strateġiji aħjar ta’ impjieg, edukazzjoni u organizzazzjoni tax-xogħol sabiex jittejbu l-kompetittività tal-UE u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien u biex jinħolqu impjiegi ġodda, u għaldaqstant biex jiġi promoss it-'tkabbir intelliġenti' li jikkombina l-impjieg għal kulħadd mal-welfare, kif ukoll il-produzzjoni sostenibbli u l-istili ta’ ħajja; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-aċċess universali għat-tagħlim tul il-ħajja, il-kwalifiki u l-ħiliet għall-gruppi tal-età kollha; jenfasizza l-argumenti ekonomiċi għat-titjib tal-ħiliet, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda effettiva kontra d-diskriminazzjoni u l-użu aħjar tal-wirt tal-kompetenzi tal-ħaddiema kollha; ifakkar li l-bilanċ bejn il-ħajja privata u l-ħajja tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-titjib tal-kapital uman jinvolvu wkoll benefiċċji mhux ekonomiċi għall-individwu;

10.    Jenfasizza li l-arranġamenti nazzjonali tal-flessigurtà jridu jiġu rieżaminati fid-dawl tal-kuntesti soċjoekonomiċi ġodda, jinżammu u, fejn ikun xieraq, jissaħħew u jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru individwali, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm suq tax-xogħol flessibbli, attiv u inklużiv, taħriġ effettiv aċċessibbli għal kulħadd, u sistemi tas-sigurtà soċjali adegwati; jistieden lill-Istati Membri jakkumpanjaw ir-riformi tagħhom fis-suq tax-xogħol bit-tisħiħ tal-protezzjoni soċjali li tirreżisti l-faqar u tal-protezzjoni mill-qgħad, u bit-titjib fil-kwalità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi; jenfasizza li l-flessigurtà m’għandhiex tiġi kkusidrata bħala soluzzjoni waħda li tkun adatta għal kulħadd;

11.    Jenfasizza l-importanza ta’ tagħlim informali u ta’ ħiliet permezz tat-tisħiħ ta’ kooperazzjoni interġenerazzjonali, li permezz tagħha ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiksbu ħiliet ġodda permezz tat-tagħlim minn ħaddiema akbar fl-età u tal-esperjenza;

12.    Jiddispjaċih li għal ħafna ħaddiema r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja għadha sfida diffiċli; jistieden lill-Istati Membri jagħtu lill-ġenituri kollha, speċjalment lin-nisa, lill-familji b’ġenitur wieħed, lill-persuni żvantaġġati jew b'diżabilità, opportunitajiet għall-integrazzjoni mhux biss fil-ħajja tax-xogħol iżda wkoll fil-proċessi tat-tagħlim tul il-ħajja; jenfasizza, bħala prerekwiżit, li l-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-possibilitajiet ta' taħriġ għandhom isiru kompatibbli mar-responsabilitajiet tal-ġenituri, li l-istrutturi li jilqgħu t-tfal għandhom ikunu aktar effettivi u aċċessibbli u li għandu jingħata appoġġ xieraq lill-ġenituri; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jimplimentaw politiki u programmi ta' appoġġ għal min jieħu ħsieb tal-familji;

13.    Iqis li jkun utli li jiġu promossi l-kundizzjonijiet ambjentali li jiffavorixxu t-telexogħol, kull meta tali arranġamenti jistgħu jippromwovu bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u tax-xogħol;

Tweġibiet

Il-garanzija tad-disponibilità ta’ forza tax-xogħol kwalifikata

14.    Jilqa' t-twaqqif tal-Osservatorju Ewropew dwar l-Impjiegi u l-inizjattivi tal-Kummissjoni li tipproduċi Panorama ta’ Ħiliet tal-UE u li tirriforma n-netwerk EURES tas-Servizz Ewropew tal-Impjiegi biex jiżdiedu t-trasparenza u l-aċċess għal min ifittex ix-xogħol u biex tiġi promossa l-mobilità tax-xogħol fl-UE; jenfasizza r-rwol ewlieni li għandu l-EURES fil-konsulenza li tingħata lil ħaddiema mobbli u lil min qed ifittex impjieg dwar id-drittijiet tagħhom u, għaldaqstant fit-twettiq ta’ suq intern ġenwin, u jilqa' t-tnedija tal-proġett pilota ‘L-ewwel impjieg EURES tiegħek', li huwa mmirat għal dawk iż-żgħażagħ li jkunu qed ifittxu xogħol fl-UE-27; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol tal-EURES fir-reġjuni transkonfinali u jqis li s-sħubijiet transkonfinali tiegħu jeħtieġ li jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jwieġbu għall-isfidi tas-Suq tax-Xogħol Ewropew;

15.    Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari fl-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali, bil-għan li tiġi ggarantita l-possibilità tal-impjieg, u sabiex jiġu aġġornati l-ħiliet tal-forza tax-xogħol u tissaħħaħ il-kompetittività; jirrimarka li l-proporzjon tan-nies li jkomplu jitħarrġu għandu jiżdied ukoll sabiex il-persuni bi kwalifiki ogħla jkunu jistgħu jsibu u jwettqu impjiegi adegwati sa età avvanzata; iqis, f'dan il-kuntest, li għandhom jingħataw inċentivi kemm lill-impjegati kif ukoll lil min iħaddem, b’enfasi partikolari fuq l-SMEs; iqis ukoll li jeħtieġ li jidħlu fis-seħħ strateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja aktar komprensivi, u li s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ professjonali jeħtieġu li jiġu adattati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu b'ħeffa, għall-iżvilupp teknoloġiku u għall-approċċi ġodda għall-organizzazzjoni tax-xogħol;

16.    Jiddispjaċih għall-fatt li fi żmien ta’ kriżi, l-Istati Membri naqqsu l-baġits tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu iżjed fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

17.    Jappella biex ikun hemm monitoraġġ aħjar ta' kull fergħa professjonali u, skont il-livell ta’ kwalifika, tad-domanda futura għall-ħiliet fl-Ewropa, u għat-traspożizzjoni immedjata tar-riżultati fil-politiki tal-edukazzjoni, tat-tagħlim ta’ tul il-ħajja u ta' politiki oħra relevanti tal-Istati Membri; jenfasizza l-importanza li l-impjiegi u l-karrieri jsiru aktar attraenti għall-ħaddiema żgħażagħ u li ż-żgħażagħ, b'mod partikulari, għandhom jinżammu infurmati b’mod kontinwu dwar it-tendenzi fis-suq tax-xogħol sabiex huma jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet li huma verament meħtieġa; iqis li “alleanza ta’ tagħrif” li ġġib flimkien in-negozji, is-sħab soċjali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tkun strument utli biex jiġu indirizzati l-innovazzjoni u n-nuqqasijiet ta’ ħiliet, filwaqt li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti fil-promozzjoni tal-interess tal-ekonomija u s-soċjetà inġenerali, speċjalment meta jiġu kkunsidrati l-isfida kritika li jinkiseb impjieg għal kulħadd, l-eliminazzjoni tal-faqar, l-inklużjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku sostnut fl-ekonomija globali;

18.    Jenfasizza l-importanza tal-identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet ta' ħiliet, u jissuġġerixxi perspettiva ta' mill-anqas 10 snin, u jistieden lill-Istati Membri u, fejn xieraq, lir-reġjuni jwaqqfu ċentru tas-sorveljanza tal-impjiegi li jiffokaw fuq il-bżonnijiet tal-ġejjieni; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu żviluppati sistemi aktar affidabbli sabiex il-ħtiġijiet u n-nuqqasijiet ta' ħiliet fl-UE u fl-Istati Membri fil-ġejjieni jkunu jistgħu jiġu antiċipati, kif ukoll l-importanza ta' investiment kontinwu fl-aġġornar tal-ħiliet u fit-tqabbil aħjar tal-kwalifiki għall-impjiegi; itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-pubbliku jkollu aċċess għal informazzjoni ta’ kwalità u jappella għall-iskambju tal-esperjenza u tal-aħjar prattika f’dan ir-rigward; jenfasizza li, sabiex jintlaħaq dan, jeħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni aktar b'saħħitha u effettiva bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inklużi l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka minn banda, u s-servizzi pubbliċi tal-impjieg, is-sħab soċjali u l-intrapriżi u min iħaddem, mill-banda l-oħra;

19.    Jenfasizza l-bżonn li jogħlew il-profil u l-attrattiva ta’ professjonijiet u xogħlijiet fejn hemm nuqqas ta’ popolazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol;

20.    Jistieden lill-Kummissjoni tagħti iktar viżibilità u appoġġ finanzjarju lill-programm Leonardo da Vinci li hu programm li jippermetti l-akkwist ta’ ħiliet, għarfien u kwalifiki ġodda, u li jagħmel l-edukazzjoni vokazzjonali aktar attraenti għal kulħadd; jindika, barra minn hekk, li tahrig waqt ix-xogħol hu partikolarment importanti, u jitlob appogg għall-iskemi nazzjonali li jippromwovu dawn it-tipi ta’ opportunitajiet għall-izvilupp tal-karriera;

21.    Jinnota li s-subprogramm Erasmus għandu rata ta’ implimentazzjoni qrib il-100%; ifakkar fl-evidenza dokumentata sew li Erasmus jiffacilita b'mod konsiderevoli l-istudju barra mill-pajjiz u jipprovdi lill-istudenti firxa iktar wiesgħa ta' ħiliet, u li dan konsegwentement itejjeb b’mod sinifikanti l-prospettivi ta’ impjieg sussegwenti għal dawk l-istudenti li jippartecipaw f'Erasmus u għaldaqstant jikkontribwixxi sostanzjalment għall-kompetittività tal-Ewropa;

22.    Jenfasizza l-importanza ta’ sistema edukattiva statali ta’ kwalità għolja li tipprovdi aċċess ħieles u ugwali lil kulħadd;

23.    Jemmen li huwa vitali li jinħoloq ambjent għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituti ta' riċerka u l-industrija u biex il-kumpaniji industrijali jiġu inkoraġġiti u appoġġjati jinvestu fir-riċerka u fl-iżvilupp; ifakkar li l-istituti ta’ edukazzjoni għolja u l-korpi tat-taħriġ jista’ jkollhom rwol kruċjali fl-ekonomija reġjonali tal-Istati Membri u huma postijiet uniċi fejn l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka jiltaqgħu u jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta’ impjiegi, għall-iżvilupp ta' ħiliet intraprenditorjali u ħiliet oħrajn u għal aktar opportunitajiet ta' impjieg; jirrikonoxxi r-rwol tal-inizjattiva Djalogu Università-Kummerċ f’dan il-kuntest; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippromwovu Skema Ewropea ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) u jinkoraġġixxu lis-setturi ekonomiċi kollha biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġu rreġistrati fl-EMAS;

24.    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi aktar it-twaqqif ta' Kunsilli tas-Settur Ewropew dwar l-Impjiegi u l-Ħiliet fil-kuntest tal-"Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda", li għandhom jiġu sostnuti bħala pjattaforma għall-ġbir u l-iskambju ta' informazzjoni miżmuma mill-Istati Membri u r-reġjuni sabiex jgħinu fil-koordinazzjoni tal-isforzi tal-partijiet kollha kkonċernati, kif ukoll bħala għodda ta' appoġġ għall-attivitajiet ta' djalogu soċjali;

25.    Iqis li ż-żieda sostanzjali ta’ investimenti fl-edukazzjoni, ir-riċerka u fl-innovazzjoni hija fundamentali u għalhekk jemmen li, sabiex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jimxu f’din id-direzzjoni, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali għall-infiq pubbliku fl-edukazzjoni, ir-riċerka u t-taħriġ professjonali meta jiġi vvalutat l-objettiv baġitarju tal-Istati Membri fuq terminu medju;

26.    Jinnota li l-istrumenti bħall-istħarriġ dwar il-profili tax-xogħlijiet u l-impjieg meħtieġ fis-setturi differenti – abbażi ta’ sħubija soċjali – għandhom għaldaqstant jingħataw appoġġ adegwat;

27.    Jistieden lill-Kumitati Ewropej għad-Djalogu Soċjali biex jassistu fit-tqabbil aħjar bejn it-taħriġ attwali u d-domanda attwali u futura permezz ta’ pjan direzzjonali li jistabbilixxi objettivi u indikaturi ċari għas-sorveljanza tal-progress;

28.    Jenfasizza l-ħtieġa li min iħaddem jiġi involut fil-ġestjoni tal-istituzzjonijiet edukattivi u fl-iżvilupp tal-korsijiet, il-metodi ta’ tagħlim, l-apprendistati, il-valutazzjoni u l-kwalifiki; jenfasizza l-importanza li jingħataw inċentivi għal min iħaddem li joffri taħriġ għal persuni b’ħiliet baxxi jew mingħajr ħiliet u, konsegwentement, ta' opportunitajiet biex jiksbu esperjenza prattika direttament fuq il-post tax-xogħol;

29.    Jiddispjaċih li l-għadd ta’ dawk li jħallu l-edukazzjoni kmieni fl-UE għadu għoli wisq; jirrimarka li tnaqqis ta' 1 % biss fl-għadd ta’ dawk li jħallu l-edukazzjoni kmieni jista’ jwassal għal madwar 500,000 ħaddiem potenzjali fis-suq tax-xogħol; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jimplimentaw politiki aktar effettivi, ibbażati fuq edukazzjoni u taħriġ professjonali moderni u ta' kwalità għolja, bil-għan li jevitaw li jkun hemm min iħalli l-iskola kmieni u jneħħu l-ostakoli li jiskurraġġixxu t-tkomplija tal-istudju, joffru alternattivi ta’ tagħlim u taħriġ u possibilitajiet ta' taħriġ mill-ġdid lill-istudenti b’diffikultajiet fit-tagħlim jew b'diżabilitajiet u li jiżviluppaw rabtiet effettivi bejn it-taħriġ tal-bidu u d-dinja tan-negozju; jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni bikrija biex jiġu żviluppati mhux biss il-ħiliet funzjonali futuri tal-persuni, iżda wkoll il-kapaċità tagħhom li jitgħallmu, li jispeċjalizzaw u jiżviluppaw ulterjorment, u jappella sabiex jiġi żviluppat approċċ koerenti, olistiku u fit-tul lejn l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal kif propost fil-Komunikazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni;

30.    Jiddispjaċih li ħafna persuni b’diżabilità li huma kapaċi jaħdmu ma jiġux integrati fis-suq tax-xogħol, u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-politiki li joffru alternattivi fir-rigward tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg għal persuni b’diżabilità;

31.    Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw pubblikament lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni inizjali ffinanzjati u rregolati b’mod xieraq, li jkopru l-iskola qabel il-primarja, l-iskejjel tal-primarja u s-sekondarja, it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni terzjarja, b’persunal kwalifikat u mħarreġ tajjeb, li jipprovdi tagħlim u taħriġ u b’pagi u kundizzjonijiet tajba;

32.    Jenfasizza l-importanza tas-sistemi tal-edukazzjoni pubblika aċċessibbli għal kulħadd u konformi mal-promozzjoni ta’ opportunitajiet ugwali għal kulħadd;

33.    Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tippromwovi ċentri Ewropej ta’ eċċellenza fil-qafas tal-ispeċjalizzazzjonijiet akkademiċi ġodda għall-impjiegi tal-ġejjieni, u li tiffaċilita l-mobilità taż-żgħażagħ f'dan il-qasam; jenfasizza l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp ta' ġemgħat ta' intrapriżi innovattivi li jaġixxu bħala xprun deċiżiv għall-iżvilupp ekonomiku lokali u li jistgħu joħolqu impjiegi ġodda fir-reġjuni; iqis li, minħabba l-pass dejjem jiżdied tar-ristrutturar ekonomiku, il-forza tax-xogħol kwalifikata, il-kompetenza maniġerjali, l-innovazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-impjiegi ħodor huma kollha prerekwiżiti għat-tkabbir sostenibbli;

34.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintegraw il-kompetenzi tal-ICT, il-litteriżmu diġitali, l-intraprenditorija u l-kompetenzi trasversali importanti bħall-komunikazzjoni bil-lingwi barranin u l-kompetenzi għall-milja u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, il-kreattività, il-kuxjenza kulturali u l-fehim interkulturali, kif ukoll kompetenzi fundamentali li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli, fil-livelli kollha tas-sistemi edukattivi; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza li jiġu promossi u rikonoxxuti l-ħiliet “diffiċli” u “faċli” biex jittejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg tal-persuni; jenfasizza s-siwi tal-kapaċità li wieħed jikkomunika b'lingwi barranin, u jappoġġa t-tagħlim tal-lingwi u l-iżvilupp tat-tagħlim tal-lingwi;

35.    Jenfasizza l-ħtieġa għal edukazzjoni mmirata lejn l-innovazzjoni; jenfasizza li għandhom jiġu promossi kemm il-ħsieb mhux skematiku u astratt, kif ukoll l-edukazzjoni teknika meħtieġa biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-futur;

36.    Jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li t-tfal kollha jiżviluppaw ħiliet tal-IT fundamentali minn età żgħira, li l-IT għandha għaldaqstant tiġi inkluża fl-edukazzjoni fl-iskola primarja u li l-Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess irħis u faċli għall-internet;

37.    Peress li huwa stmat li fl-2015 se jkun hemm nuqqas ta’ professjonisti fl-IT li jvarja bejn 384 000 u 700 000 impjieg, filwaqt li d-defiċit stmat fis-settur tas-saħħa huwa ta’ madwar miljun professjonist u dak għar-riċerkaturi huwa ta’ miljun ieħor, jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri sabiex jiżguraw il-livell meħtieġ ta’ riżorsi umani b’ħiliet f’dawn l-oqsma;

38.    Jinnota li l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għandha sinfikat soċjali, kulturali u ekonomiku, u konsegwentement iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita l-mobilità internazzjonali fost ir-riċerkaturi, l-istudenti, ix-xjentisti u l-letturi, kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE;

39.    Jesprimi thassib dwar il-fatt li individwi li huma kkwalifikati hafna qed jaccettaw impjiegi li mhumiex denji tal-kapacitajiet tagħhom jew impjiegi li ma jirrikjedux ħiliet partikolari, u dan iwassal għal ‘hela ta’ mhuh’ fl-UE;

40.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ għall-għalliema li jipprovduhom b’bażi fuq liema jistgħu jadattaw aħjar għall-bidliet fis-suq tax-xogħol u jiżviluppaw il-ħiliet korrispondenti fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

41.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu taħriġ ibbażat fuq il-post tax-xogħol, inkluża sistema duwali ta’ edukazzjoni/taħriġ sabiex iż-żgħażagħ jiġu introdotti għas-suq tax-xogħol minn stadju bikri u jippromwovu qafas ta’ kwalità għall-internships u l-apprendistati li jwasslu kemm jista’ jkun għal impjieg stabbli; barra minn hekk, jistieden lill-partijiet interessati rilevanti jiżguraw li t-traineeships u l-apprendistat jitwettqu taħt is-superviżjoni ta' għalliema professjonali, li jwasslu għall-kisba effettiva ta' ħiliet u ta' esperjenza li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq u għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda; jistieden lill-Istati Membri jistipulaw standards minimi għat-traineeships fir-rigward tal-ħlas u tad-drittijiet soċjali, u jappella għall-introduzzjoni ta' qafas ta’ kwalità Ewropew għat-traineeships, l-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet diċenti tax-xogħol u regoli li jipprevjenu li l-internships jintużaw biex jissostitwixxu l-impjieg regolari;

42.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu skambju tal-politika bbażat fuq l-evidenza fir-rigward tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol u dwar il-mobilità tat-tagħlim li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħiliet u għall-impjegabilità taż-żgħażagħ;

43.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-inizjattiva leġiżlattiva li jmiss dwar il-kwalifiki professjonali, biex isaħħaħ l-għarfien reċiproku tad-diplomi u tal-kwalifiki professjonali u biex taqleb għal mekkaniżmu għall-għarfien reċiproku msaħħaħ tal-kompetenzi u l-ħiliet, inklużi l-ħiliet miksuba permezz ta’ taħriġ informali u mhux formali, kif ukoll sabiex testendi l-mekkaniżmi għall-għarfien għall-ħaddiema li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi; iqis li dan il-mekkaniżmu għandu jibbaża fuq l-oqfsa Ewropej xierqa, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) u s-Sistema Ewropea tal-Kreditu għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni Vokazzjonali (ECVET);

44.    Jistieden lis-servizzi tal-istatistika nazzjonali biex jiżviluppaw indikaturi adegwati biex ikejlu l-ħiliet u l-kwalità tad-diversi livelli tas-sistema edukattiva tagħhom;

45.    Huwa tal-fehma li s-Servizzi ta’ Azzjoni Esterna (EAS), partikolarment id-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi, jista’ jkollhom rwol importanti billi jipprovdu informazzjoni dwar il-ħiliet meħtieġa fl-Ewropa u dwar l-impjiegi disponibbli, kif ukoll billi jgħinu fil-proċeduri meħtieġa għad-dħul fl-Ewropa;

46.    Jinnota li b'riżultat tal-bidla demografika hemm numru kbir ta’ voluntiera potenzjali akbar fl-età, li jikkostitwixxi riżorsa enormi mhux sfruttata fil-komunitajiet tagħna; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi opportunitajiet għall-voluntiera anzjani, u biex tħejji ‘Programm ta’ Azzjoni għall-Anzjani’ għall-għadd dejjem jiżdied ta’ ċittadini anzjani b’esperjenza kbira li huma lesti jaġixxu bħala voluntiera, li jistgħu jitmexxew b’mod parallel mal-Programm ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ u jikkumplementawh, u barra minn hekk tippromwovi programmi speċifiċi għall-volontarjat interġenerazzjonali u għall-mentoring;

47.    Jemmen li, fil-kuntest tal-istrateġija għal ħajja attiva itwal, mhux qed isir biżżejjed biex persuni ikbar fl-età jiksbu l-ħiliet tal-IT, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi edukattivi wesgħin għal dan il-grupp;

48.    Jenfasizza l-bżonn li tinzamm it-tradizzjoni tal-artiġjanat u l-ħiliet relatati magħha u li jigu stabbiliti strategiji għal intraprendituri bl-imnut tal-artiġjanat sabiex tinżamm l-identità kulturali tas-settur tal-artiġjanat; jiġbed l-attenzjoni, f’dik il-konnessjoni, għall-importanza li jiġi appoġġjat it-taħriġ professjonali relatat max-xogħol u l-mobilità ta’ rġiel u nisa artiġjani żgħażagħ, jinnota li l-promozzjoni ta’ apprendistati bħala mezz biex jiġu integrati ż-żgħażagħ f'dan is-settur tista' tkun miżura ta’ politika attiva li ta’ min jinkuraġġiha u jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu passi xierqa f’dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza tal-Umanistika bħala qasam biex issir investigazzjoni tal-passat u jitħarsu aħjar l-identitajiet kulturali;

Il-promozzjoni tad-domanda għall-ħolqien ta’ impjiegi

49.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju għandhom rwol fl-ekonomija Ewropea kemm minħabba l-għadd tagħhom kif ukoll minħabba l-funzjoni strateġika fil-ġlieda kontra l-qgħad; ifakkar li l-SMEs jipprovdu 85% tal-impjiegi fl-UE u huma responsabbli għal 58% tal-valur miżjud kollu fl-Unjoni; iħeġġeġ lill-partijiet interessati rilevanti jneħħu l-miżuri li jistgħu jostakolaw il-ħolqien tan-negozju u l-moviment ħieles tiegħu; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffaċilitaw it-twaqqif u jistimulaw it-tkabbir tal-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, waqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-imprenditorjat tan-nisa, jipprovdulhom ambjent regolatorju u fiskali favorevoli, jiffaċilitawlhom l-aċċess għas-suq, ifasslu lista ta' ostakoli għar-reklutaġġ, inaqqsu kemm jista' jkun il-livell tal-burokrazija u jtejbu l-aċċess tagħhom għall-finanzjamenti;

50.    Iqis li, sabiex l-impjieg jingħata spinta ’l quddiem, jeħtieġ li jkun hemm użu aktar maħsub tal-innovazzjoni u bażi industrijali aktar kompetittiva; iqis li jeħtieġ li jiġu promossi l-impjieg taż-żgħażagħ, mudelli tan-negozju bbażati fuq ir-R&Ż u inċentivi speċifiċi għar-reklutaġġ ta’ firxa akbar ta’ min ifittex ix-xogħol;

51.    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li fil-ġejjieni tintroduċi proċedura simplifikata biex l-impjegati ta' ditta li jkun ġejjin minn pajjiżi terzi jinħarġilhom permess ta' residenza temporanja li jkun validu madwar l-UE;

52.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu aktar fil-ħolqien tal-impjiegi u jippromwovu l-imprenditorjat, negozji ġodda u l-impjieg proprju sabiex jinħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi u titnaqqas l-esklużjoni soċjali; huwa tal-opinjoni li ambjent u inċentivi xierqa għall-iżvilupp tan-negozju kif ukoll appoġġ għall-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda huma importanti iżda mhumiex biżżejjed għall-iżvilupp tal-ekonomiji Ewropej; jenfasizza, għaldaqstant, li għandu jkun hemm fokus akbar fuq il-promozzjoni ta' inklinazzjonijiet u ħiliet intraprenditorjali f'livelli differenti tal-edukazzjoni, taħriġ għall-imprendituri ġodda u żvilupp effettiv ta’ ħiliet għall-persunal tal-SMEs; jenfasizza r-rwol tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u tal-BEI, partikolarment permezz tal-programmi bħal JASMINE u JEREMIE, fil-promozzjoni tal-ħolqien u l-iżvilupp tan-negozji u fl-għoti ta' appoġġ għall-bżonnijiet tal-SMEs;

53.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tosserva l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" u biex tqis il-ħtiġijiet tal-SMEs meta tfassal il-liġi tax-xogħol;

54.    Jenfasizza l-importanza ta’ internet ħieles u rregolat b’intelliġenza għall-intraprendituri ġodda u għal dawk li joħolqu l-impjiegi; iqis li l-fiduċja tal-utenti tal-internet fis-sistema u l-fiduċja tagħhom li l-integrità tiegħu ma tkunx kompromessa huma kruċjali għal mudelli kummerċjali ġodda tal-internet;

55.    Jindika li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex biżżejjed ditti innovattivi intensivi fir-riċerka u l-iżvilupp u li n-nuqqas serju ta’ ħiliet fl-innovazzjoni u l-litteriżmu diġitali jfisser li l-SMEs ma jistgħux jadottaw mudelli kummerċjali innovattivi u intelliġenti u teknoloġiji ġodda;

56.    Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jikkooperaw flimkien bil-għan li joħolqu suq tal-kapitali fir-riskju integrat u kompetittiv, li huwa importanti għall-ħolqien u t-tkabbir ta’ SMEs innovattivi;

57.    Iqis li sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment ħieles tal-ħaddiema, is-suq waħdieni mingħajr ostakoli u kompetittiv irid jitlesta; iqis, barra minn hekk, li t-tlestija tas-suq uniku għandha timxi id f’id ma' leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol li toħloq kundizzjonijiet ugwali, koordinament b'saħħtu tas-sigurtà soċjali u l-kapaċità tal-ħaddiema li jħarsu, jmantnu u jittrasferixxu id-drittijiet miksuba minnhom, l-aktar il-portabilità tal-pensjonijiet, meta jaqsmu l-fruntieri; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mas-sħab soċjali biex jeliminaw l-ostakoli għall-mobilità tal-istudenti u tal-ħaddiema u jinkuraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-esperjenza f'dan il-qasam sabiex jiġi evalwat kif is-suq intern qed jiżviluppa f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali għal persuni b’paga u fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta' pagi u tax-xogħol fil-pajjiż ospitanti; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li għandu jiġi evitat id-dumping tal-pagi;

58.    Jikkundanna bil-qawwa ix-xogħol mhux iddikjarat, li jipperikola kemm lis-soċjetà kif ukoll lill-ħaddiema; jistieden lill-Istati Membri jwettqu kontrolli regolari u aktar numerużi, jimponu penali adegwati, u jniedu kampanji ta’ informazzjoni sabiex iqajmu kuxjenza dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-iżvantaġġi fuq żmien fit-tul għal dawk li huma impjegati fl-ekonomija s-sewda; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jikkombinaw miżuri preventivi u sanzjonijiet ma' inċentivi maħsuba biex jiskuraġġixxu 'l dak li jkun milli jwettaq xogħol mhux iddikjarat u sabiex jitrasformaw ix-xogħol mhux iddikjarat f'impjieg regolari;

59.    Iqis li s-settur tal-kura tas-saħħa għandu rwol kritiku fl-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; barra minn hekk, iqis li, minħabba l-bidla demografika, is-settur tas-saħħa u tal-assistenza soċjali jirrappreżenta għajn ta’ impjieg, li l-importanza tiegħu se tikber, u kontributur ewlieni għall-inklużjoni soċjali; jappella għall-iżvilupp ta’ ekonomija ta' assistenza biex tissodisfa l-ħtiġijiet reali u biex tiżgura servizzi ta' assistenza ta’ kwalità għolja għal kulħadd, kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-pagi tajba, biex jiġi evitat li persuna tfittex li tagħmel xogħol mhux iddikjarat; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-Konvenzjoni tal-ILO akkumpanjata minn rakkomandazzjoni dwar ħaddiema interni, sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema f’dan is-settur; jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju dwar l-assistenti tal-kura impjegati fid-dar tal-klijent, apparti soluzzjonijiet xierqa u sostenibbli oħra li jappoġġjaw il-ħajja indipendenti, sabiex jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE tagħtix biżżejjed protezzjoni soċjali għal din il-kategorija ta’ ħaddiema, li sikwit huma nisa;

60.    Jenfasizza l-potenzjal tas-servizzi soċjali, tas-saħħa, tal-assistenza u tal-edukazzjoni li joħolqu impjiegi ġodda u jiltob li jkun hemm investiment b’saħħtu u sostenibbli f’dawn is-servizzi u l-infrasturtturi ewlenin kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti bħala sostenn għall-għoti ta' servizz ta’ kwalità; jistenna bil-ħerqa l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi indirizzat id-defiċit fil-provvista tal-ħaddiema tas-saħħa;

61.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lil partijiet interessati oħra jiżguraw li jkun hemm użu effiċjenti, simplifikat u sinerġiku tal-fondi tal-UE, bħall-FSE, il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni, u strumenti bħall-Faċilità ta’ Mikrofinanzjament, għall-ħolqien tal-impjiegi, inkluż fl-ekonomija soċjali; jenfasizza l-vantaġġi li jirriżultaw jekk l-investiment mill-Fondi Strutturali jiġi mmirat lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-setturi ta’ valur miżjud għoli mill-perspettiva teknoloġika kif ukoll lejn dawk is-setturi partikolarment importanti biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn il-mudelli ta’ tkabbir sostenibbli; jitlob li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari dawk l-Istati Membri li għandhom rata għolja ta’ qgħad u dħul medju ta’ kull xahar li huwa anqas mil-limitu minimu ta’ faqar;

62.    Jenfasizza li hu importanti li jkun hemm sinerġiji bejn il-fondi varji Ewropej u jenfasizza l-importanza ta’ aproċċ deċentralizzat meta jintużaw dawn il-fondi sabiex jirrispondu għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol; jemmen illi hemm ukoll bżonn li l-individwi u l-intrapriżi jingħataw inċentivi adattati biex jinvestu fit-taħriġ; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni lill-inizjattiva emblematika ta’ Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u jappella biex jiġi kkunsidrat il-potenzjal tagħha għat-tkabbir sostenibbli;

63.    Jaqbel dwar il-ħtieġa li tiżdied l-effikaċja tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni, inkluż l-FSE, billi r-riżorsi finanzjarji jiġu kkonċentrati fuq għadd iżgħar ta' prijoritajiet, jissaħħu l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-riformi istituzzjonali, jissaħħaħ il-prinċipju ta’ sħubija, jiġu enfasizzati objettivi ċari u li jistgħu jitkejlu u jitwaqqfu kuntratti ta' investiment għall-iżvilupp u s-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

64.    Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-qafas eżistenti tal-iskemi tal-appoġġ tal-intrapriżi diretti tal-UE u tistudja l-possibilità li talloka s-sehem ewlieni tal-appoġġ għall-ħolqien tax-xogħol fl-intrapriżi, filwaqt li jiġu żviluppati l-ħiliet tal-ħaddiema u jiġu implimentati programmi ta’ taħriġ ulterjuri;

It-titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol

65.    Jinnota li l-politiki ta’ flessigurtà jinsabu fil-qofol tal-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda, u jaqsam mal-Kummissjoni l-fehma li l-kriżi poġġiet fi prova serja l-arranġamenti nazzjonali ta’ flessigurtà, inkluż fejn ġew introdotti miżuri estiżi ta’ flessibilità esterna fis-suq tax-xogħol mingħajr ma ssaħħew, b'mod korrispondenti, is-sistemi ta’ sigurtà soċjali; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jiġu segwiti riformi tas-suq tax-xogħol mingħajr ma jiddgħajfu l-politiki ta’ suċċess jew il-kunsens u l-fiduċja bejn il-gvernijiet nazzjonali u s-sħab soċjali; jenfasizza li l-miżuri ta’ flessigurtà għandhom jiġu adattati għall-kundizzjonijiet soċjali u għall-istruttura speċifika tas-suq tax-xogħol nazzjonali u jkunu konsistenti mal-interessi ta’ min iħaddem u tal-impjegati;

66.    Jisħaq, madankollu, li l-flessigurtà waħedha ma tistax tirrimedja l-kriżi, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jwettqu r-riformi meħtieġa fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema minn gruppi vulnerabbli u żvantaġġjati; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, l-użu tal-approċċ minn isfel għal fuq sabiex jiġu ffaċilitati d-djalogu u l-involviment fil-livelli kollha tal-governanza politika u soċjali;

67.    Jemmen li, bl-impuls ġdid tal-bidliet soċjali u ekonomiċi, l-erba’ komponenti tal-flessigurtà – l-arranġamenti kuntrattwali flessibbli u affidabbli, il-politiki tas-suq tax-xogħol attivi, it-tagħlim ta’ tul il-ħajja, u s-sistemi moderni tas-sigurtà soċjali – u l-bilanċ bejniethom għandhom jiġu riveduti u msaħħa sabiex inkunu nistgħu nirrispondu għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tal-kumpaniji fis-swieq moderni tax-xogħol, biex jinħolqu impjiegi diċenti u tiġi żgurata l-impjegabilità tal-ħaddiema, protezzjoni soċjali adegwata u r-rispett tal-prinċipju tal-"istess paga għall-istess xogħol" fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi; iqis li t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol huwa essenzjali matul dan il-proċess sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jibbenefikaw minn tranżizzjonijiet bejn xogħlijiet, professjonijiet, setturi u stejtus ta’ impjiegi; iqis, barra minn hekk, li s-sħab soċjali għandu jkollhom irwol f'din ir-reviżjoni, fil-qafas tad-djalogu soċjali;

68.    Jistieden lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 152 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iżżid il-promozzjoni tar-rwol tal-maniġment u l-ħaddiema f’kull settur industrijali fl-Ewropa, filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom;

69.    Jappoġġja, skont l-Artikolu 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), djalogu bejn il-maniġment u l-ħaddiema u jħeġġiġhom biex jidħlu f’relazzjonijiet kuntrattwali, inklużi ftehimiet; jirrakkomanda li fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi fil-livell Ewropew, il-maniġment u l-ħaddiema f’kull settur industrijali jużaw il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 155(2) TFUE għal kwistjonijiet koperti mill-Artikolu 153 TFUE;

70.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw it-telexogħol, jiġifieri l-forom kollha ta’ xogħol mill-bogħod u l-forom kollha ta’ organizzazzjoni u/jew ta’ twettiq tax-xogħol li jeżistu barra mill-ħin u l-post tradizzjonali tax-xogħol, permezz tat-telekomunikazzjoni u l-internet fil-qafas ta' għoti ta’ servizz jew relazzjoni ta’ impjieg;

Il-promozzjoni ta’ swieq tax-xogħol inklużivi

71.    Jenfasizza li, sabiex l-Ewropa toħroġ aktar b’saħħitha mill-kriżi ekonomika u sabiex issir aktar kompetittiva u konverġenti, b’livelli ogħla ta’ tkabbir u ta' impjiegi, u sabiex is-sistemi soċjali tagħna jkunu fiż-żgur għal żmien fit-tul, hija teħtieġ li tagħmel użu aħjar tal-potenzjal tal-forza tax-xogħol tagħha fil-gruppi tal-età kollha, itejjeb kemm il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol tagħha kif ukoll l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll tagħti spinta lill-kwalifiki u l-ħiliet tal-forza tax-xogħol;

72.    Jenfasizza, f’dan il-kuntest, li t-tnaqqis tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol għandu jinkiseb billi tiġi pprovduta sigurtà xierqa għall-ħaddiema u billi tittejjeb l-inklużjoni tas-suq tax-xogħol sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-ħaddiema kollha b’kull tip ta’ kuntratt, partikolarment dawk fil-gruppi l-aktar żvantaġġati u vulnerabbli, sabiex jidħlu u jagħmlu progress fis-suq tax-xogħol;

73.    Jenfasizza l-importanza li d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità jiġu integrati fl-implimentazzjoni tal-Aġenda, kif ukoll fl-aspetti kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ddisinjati universalment, u tal-aċċess għalihom, skont l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki;

74.    Jenfasizza li, f’ħafna Stati Membri, il-pagi żdiedu b’rata aktar baxxa minn dik tal-produttività u jinsab imħasseb ħafna dwar l-għadd li qed jiżdied ta’ “ħaddiema foqra” li, minkejja li jirċievu paga ma jirnexxilhomx jaqbżu l-linja tal-faqar, u għalhekk jemmen li għandha tittieħed azzjoni determinata biex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni;

75.    Jenfasizza l-importanza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jiġi indirizzat bħala kwistjoni ta’ prijorità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom li jrawmu l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, inkluż l-għoti ta’ inċentivi għaż-żgħażagħ u għal min iħaddem kif ukoll l-iżvilupp tat-traineeships u tal-apprendistat; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza kruċjali li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, l-orjentament u s-superviżjoni personalizzati, kif ukoll l-għoti ta' opportunitajiet biex jinkisbu ħiliet reali u biex dawn jiġu aġġornati skont id-domanda tas-suq tax-xogħol; jenfasizza li din l-inizjattiva għandha tkun ikkoordinata mill-qrib mal-Inizjattiva “Żgħażagħ Mobbli”;

76.    Jenfasizza l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa biex jiġi żgurat li l-ħaddiema akbar fl-età jkunu jistgħu jibqgħu aktar fit-tul fis-suq tax-xogħol u sabiex is-solidarjetà u l-kooperazzjoni interġenerazzjonali jiġu integrati fil-kuntest tal-impjieg u jitwettqu inizjattivi li jippromwovu ħajja tax-xogħol itwal, bħall-qsim ta’ impjieg (job sharing), ir-rivalutazzjoni tal-ħiliet tal-karriera, il-volontarjat mill-ħaddiema u l-irtirar gradwali, inkluż fost dawk li jaħdmu għal rashom;

77.    Fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni fl-Ewropa qed tixjieħ, jitlob lill-Istati Membri sabiex joħolqu strumenti li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-persuni akbar fl-età, u jitlob għall-promozzjoni u li jingħata appoġġ wiesa' għall-orjentament u l-attivazzjoni ta' persuni akbar fl-età fid-dawl tal-isħubija innovattiva tat-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu kif ukoll ta’ inċentivi għal min iħaddem, minħabba li d-dinja tan-negozju hija anqas interessata f'ħaddiema ta' età akbar. jenfasizza l-importanza li tali persuni jirċievu aktar taħriġ u jiksbu kwalifiki ġodda li jippermettulhom jirritornaw fis-suq tax-xogħol; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza li jsir użu tal-għarfien u l-esperjenza ta' nies akbar fl-età, pereżempju permezz ta' proġetti ta' coaching;

78.    Fid-dawl tal-qgħad li qed jikber, jistieden lill-Istati Membri jimmodernizzaw u jsaħħu s-servizzi ta' impjieg pubbliku sabiex ikollhom rwol akbar bħala fornituri ta' servizzi tul il-ħajja kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddimhom; jemmen li s-servizzi pubbliċi tal-impjieg jistgħu joffru faċilitajiet għall-valutazzjoni tal-ħiliet, jistabbilixxu profili u jipprovdu orjentament ta' karrieri u servizzi ta’ konsultazzjoni individwali, b'kooperazzjoni mill-qrib ma' min iħaddem lokalment, kif ukoll jipprovdu informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' imprenditorija u sensiela ta' programmi ta' taħriġ u ta' taħriġ mill-ġdid;

79.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu uffiċjalment il-kontribut tal-ekonomija soċjali, li hija responsabbli għal 10% tal-impjiegi fl-UE u li għandha rwol ewlieni fil-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE; Iqis neċessarju li jitħaffef l-iżvilupp tagħha sabiex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' rikkezza li tkun soċjalment inklużiva u sabiex tgħin fl-iżvilupp ta' swieq tax-xogħol inklużivi, biex jinżammu l-impjiegi fis-setturi u fin-negozji li jinsabu fi kriżi u/jew li huma f’riskju li jagħlqu, biex jiżdied il-livelli ta’ stabilità tal-impjiegi, biex il-ħiliet jibqgħu ħajjin u biex jiġu żviluppati metodi li jwasslu biex gruppi partikolarment żvantaġġjati, isibu xogħol;

80.    Jenfasizza li l-politiki aħjar u aktar b’saħħithom li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, tal-familja u tal-ħajja privata għandhom jikkontribwixxu għal parteċipazzjoni akbar tal-popolazzjoni attiva tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-importanza li n-nisa jingħataw is-setgħa li jidħlu, jirritornaw u javvanzaw fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari dawk li jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet meta jerġgħu lura għax-xogħol wara l-liv ta’ maternità jew parentali;

81.    Huwa tal-fehma li għandhom isiru sforzi sabiex jiġu promossi l-istudji tekniċi u fl-inġinerija, bħall-MINT (matematika, informatika, xjenzi naturali u teknoloġija) fost il-bniet u biex jiġu miġġielda s-sterjotipi tal-ġeneru u s-segregazzjoni professjonali tan-nisa fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri maħsuba biex iżidu l-għadd tan-nisa fil-karigi għolja fil-maniġment u f’pożizzjonijiet ewlenin oħra;

82.    Iqis li l-liġijiet tal-UE kontra d-diskriminazzjoni żiedu konsiderevolment il-livell ta’ protezzjoni fl-UE kollha; jemmen, madankollu, li jridu jsiru aktar sforzi biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni multipla, ta' gruppi differenti, fl-impjiegi, fit-taħriġ u fl-okkupazzjoni, bil-għan li jitħaddem il-prinċipju tat-trattament indaqs; jemmen li l-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol għandu jiġu promoss ukoll permezz ta' politiki tal-welfare mmirati u ffukati fuq l-assistenza għat-tfal u l-appoġġ għall-familji, billi jiġu implimentati programmi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi, kif ukoll miżuri li jippromwovu r-reklutaġġ ta' nisa u rġiel f’impjiegi mhux tradizzjonali fuq bażi volontarja, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għas-setturi li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel;

83.    Jindika, apparti d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-argumenti ekonomiċi kontra d-diskriminazzjoni; jitlob lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex b’mod rapidu jilħqu ftehim u jadottaw il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja s-soluzzjonijiet għad-diffikultajiet tekniċi flimkien mal-Kunsill sabiex jintlaħaq tali ftehim billi politika b’saħħitha tal-UE kontra d-diskriminazzjoni tkun ta’ appoġġ għall-istrateġija 2020;

84.    Isostni li, sabiex il-kwalifiki u l-ħiliet tal-ħaddiema nisa jiġu kkonservati fi spazju ekonomiku li dejjem jinbidel u biex dawk li jixtiequ jkunu megħjuna biex imorru lura għax-xogħol, huwa essenzjali li l-ħaddiema bil-liv parentali jiġu inklużi wkoll fl-attivitajiet ta’ taħriġ organizzati minn min jimpjegahom;

85.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw miżuri għar-rikonċilajzzjoni tal-ħajja professjonali u dik tal-familja, u jinvestu fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol permezz tal-promozzjoni tal-ġestjoni tad-diversità, it-tħeġġiġ professjonali tan-nisa, u l-promozzjoni tal-ħolqien ta’ postijiet ġodda b’forom aktar flessibbli tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

86.    Jenfasizza li l-impjiegi l-ġodda għandhom ikunu akkumpanjati b’forom ġodda ta’ arranġamenti ta’ xogħol li jippermettu lil ħaddiema bi tfal dipendenti jaħdmu sigħat alternattivi, inaqqsu l-ħin tax-xogħol tagħhom jew jagħżlu li jagħmlu telexogħol;

87.    Jinnota li l-opportunitajiet sabiex togħla r-rata tal-impjieg tan-nisa huma offruti mhux biss mis-settur tal-“impjiegi bojod”, iżda wkoll mis-settur tad-difiża nazzjonali, mis-settur tal-loġistika (inkluż it-trasport), mis-settur tas-servizzi għan-negozju – pereżempju l-assikurazzjoni u l-konsulenza – kif ukoll mis-settur tal-ekoloġija u tal-impjiegi sostenibbli;

88.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jiżviluppaw programmi speċifiċi mfassla sabiex jirreklutaw in-nisa fi professjonijiet tekniċi permezz ta’ sussidji għal nisa akkademiċi żgħażagħ, b’mod konformi mal-aħjar prattika f’ċerti Stati Membri bħall-programm “Excellentia” fl-Awstrija, li wassal biex irduppja n-numru ta’ professuri tal-università nisa fix-xjenza u t-teknoloġija u kkontribwixxa għat-twaqqif ta’ ċentri ta’ riċerka ta’ kwalità għolja mmexxija minn nisa;

89.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkuraġġixxu lis-settur privat u dak pubbliku jieħdu l-miżuri kollha possibbli u meħtieġa biex jeliminaw id-distakk fis-salarji bejn in-nisa u l-irġiel u l-inugwaljanzi ewlenin f’dak li huma aċċess, paga, żvilupp tal-karriera, parteċipazzjoni u governanza, bil-għan li tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza tat-trasparenza fl-għamla ta’ statistika aqwa, u ta’ definizzjoni li tista’ tintuża ta’ “xogħol ta’ valur ugwali”; jilqa’ t-tħabbiriet tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tas-sistema tal-pensjonijiet għal dawk b’perjodi neqsin fil-kontribuzzjonijiet ta’ tfaddil tal-pensjoni minħabba perjodi ta’ qgħad, mard jew żmien dedikat għall-kura ta’ xi ħadd, li jikkonċernaw l-aktar lin-nisa;

It-titjib tal-kwalità tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol

90.    Iqis li l-ħidma għall-ilħuq tal-objettiv ta’ impjieg għal kulħadd trid tkun ikkumplimentata bi sforzi msaħħa biex tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tal-impjegati kollha, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

91.    Iqis li l-kwalità tal-impjiegi trid tiġi promossa bħala kunċett multidimensjonali, li jkopri kemm ir-relazzjonijiet tal-impjiegi u x-xogħol innifsu; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tirrevedi d-definizzjoni u l-indikaturi komuni tal-UE tal-kwalità tal-impjieg, u biex tagħmilhom aktar operazzjonali fir-rigward tal-evalwazzjoni u tal-benchmarking tal-politiki tal-Istati Membri; iqis li d-djalogu soċjali għandu rwol importanti fil-promozzjoni ta’ xogħol diċenti, impjieg ta’ kwalità u protezzjoni soċjali adegwata u għalhekk jappella biex il-partijiet interessati ewlenin fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali fil-livell tal-UE jaħdmu sabiex jiġi żviluppat approċċ komuni Ewropew f'dan il-qasam u sabiex jieħdu parti attiva fir-reviżjoni tad-definizzjoni u tal-indikaturi tal-kunċett "kwalità tal-impjieg";

92.    Iqis li l-aċċessibilità fil-post tax-xogħol, partikolarment fir-rigward tal-ambjent mibni u t-teknoloġiji tal-informazzjoni, hija kundizzjoni essenzjali tax-xogħol u din il-kundizzjoni hija kruċjali għall-integrazzjoni vokazzjonali ta’ persuni b’diżabilità;

93.    Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi riveduta l-liġi tas-saħħa u s-sigurtà u jwissi li ambjent tax-xogħol li ma jkunx sigur, bidliet regolari minn xogħol għall-ieħor, u żieda fl-istress għandhom effetti negattivi fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema; jitlob lill-Kummissjoni biex tindirizza l-problema tan-nuqqas ta’ għarfien ta’ perikli u mard relatati max-xogħol;

94.    Jenfasizza l-importanza li l-isforzi tal-partijiet interessati jiġu integrati sabiex tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi u l-użu ta’ strumenti ta’ politika adegwati, inkluża l-leġiżlazzjoni, il-koordinazzjoni tal-politiki, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-ftehimiet awtonomi tas-sħab soċjali;

95.    Huwa tal-fehma li l-ammont kbir u l-proporzjon li qed jiżdied ta’ mard professjonali, partikolarment il-firxa ta’ kundizzjonijiet muskoskeletali, għandhom impatt kbir fuq il-kwalità tal-postijiet tax-xogħol, u għalhekk għandu jkun hemm sforz akbar biex dawn jitnaqqsu bl-għan li s-soċjetà li qed tixjieħ tkun waħda sostenibbli;

96.    Iqis li d-drittijiet tal-ħaddiema, id-djalogu bejn is-sħab soċjali - ħaddiema u min iħaddimhom -u l-protezzjoni soċjali adegwata li tipprevjeni l-faqar fost dawk li jaħdmu għandhom ikunu fil-qofol tal-kwalità tal-impjieg ta’ kwalità u għaldaqstant anke tal-kunċett tal-kwalità tal-impjiegi;

97.    Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tikkonkludi l-attivitajiet preleġiżlattivi tagħha u tressaq il-proposti leġiżlattivi mħabbra fl-Aġenda, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-eżitu tal-istudju tal-impatt ekonomiku u soċjali tagħha u l-awtonomija tas-sħab soċjali; jilqa’ l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tirrevedi l-effettività tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li tqis żviluppi li saru;

98.    Jenfasizza li l-objettivi stipulati fil-qasam tal-impjieg u l-istrateġiji biex dawn jintlaħqu, għandhom jiġu mmonitorjati u kkoordinati ma’ dawk f’oqsma importanti oħra, bħas-settur tal-finanzi pubbliċi u l-politiki tal-innovazzjoni rilevanti;

99.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  Testi adottati, P7_TA(2010)0309.
  • [2]  ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.
  • [3]  Testi adottati, P7_TA (2010)0262
  • [4]  Testi adottati, P7_TA (2010)0263
  • [5]  Testi adottati, P7_TA (2010)0299
  • [6]  Testi adottati, P7_TA-PROV(2011)0000(Rapport A7-0258/2011 – votazzjoni fil-Plenarja fis-sessjoni Ottubru I 2011).
  • [7]  Stqarrija tal-Kummissjoni għall-Istampa IP/10/1673.
  • [8]  Pubblikazzjonijiet Cedefop, ISBN 978-92-896-0536-6.
  • [9]  ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35
  • [10]  ĠU C 212E, 5.8.2010, p.23.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali li bħalissa qed taffettwa lill-Ewropa wriet id-dgħjufijiet tal-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew, u ġabet fix-xejn ċerti aspetti tal-progress li kien miksub qabel.

Minn meta l-ewwel effetti tal-kriżi bdew jinħassu fis-swieq tax-xogħol fl-2008, l-Ewropa tilfet 5.6 miljun impjieg.

Bħalissa hemm 23 051 000 nies qiegħda fl-UE, li jissarrfu f’9.5% tal-popolazzjoni attiva, u dan għandu konsegwenzi gravi għat-tkabbir u għas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-Ewropa.

Ta’ tħassib ukoll huma d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom uħud minn dawk li jħaddmu meta jiġu biex jimpjegaw staff ġdid, speċjalment għal impjiegi bi kwalifiki għolja. Anke matul il-kriżi, uħud minn dawk li jħaddmu kienu qed isibuha diffiċli li jsibu nies b’kwalifiki adatti għall-postijiet li riedu jimlew.

Jekk jissaħħaħ il-kapital uman u l-kapaċità li wieħed jimpjega ruħu billi l-kwalifiki jiġu aġġornati jkun ifisser li l-Ewropa titpoġġa fit-triq biex tirkupra.

Jeħtieġ li noffru lin-nies l-inċentivi tajba biex ngħinuhom jaġġornaw il-ħiliet tagħhom, li l-edukazzjoni u t-taħriġ nartikulawhom aktar qrib ix-xogħol, li niżviluppaw taħlita adegwata ta’ ħiliet u nbassru b’mod aktar effettiv liema kwalifiki se jkunu meħtieġa fil-ġejjieni biex jiġu żgurat li jkun hemm relazzjoni aħjar bejn id-domanda u l-provvista fis-suq tax-xogħol[1].

L-Istati Membri ffissaw objettiv ambizzjuż ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75% għall-grupp tal-età bejn l-20 u l-64 sal-2020.

L-UE kapaċi tirrispondi għal din l-isfida u għandha l-potenzjal li ttejjeb ir-rati ta’ impjieg b’mod sostanzjali.

F’Novembru 2010 l-Kummissjoni adottat abbozz ta’ komunikazzjoni bit-titolu ‘Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi’.

Din l-‘aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda’ hija parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, li tirrappreżenta l-kontribut tal-Kummissjoni biex jintlaħaq l-objettiv ambizzjuż tal-Istati Membri ta’ impjieg ta’ 75% għall-grupp tal-età bejn l-20 u l-64 sal-2020.

Bil-għan li jintlaħaq dan l-objettiv, il-Kummissjoni qed tipproponi azzjoni bbażata fuq erba’ prijoritajiet:

•       aktar riforma fis-suq tax-xogħol immirata biex tinkiseb kemm aktar flessibilità kif ukoll aktar sigurtà (‘flessigurtà’);

•       inċentivi adegwati għall-individwi u għall-kumpaniji biex jgħinuhom jinvestu fit-taħriġ u biex jiġi żgurat li l-ħiliet tal-ħaddiema jkunu aġġornati kontinwament biex ikunu konformi mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

•       proposti li jridu jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti filwaqt li titjieb ukoll il-kwalità tal-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol: se jkun hemm reviżjoni tad-Direttiva dwar il-ħinijiet tax-xogħol, kif ukoll inizjattiva leġiżlattiva biex ittejjeb id-direttiva dwar l-impjieg (temporanju) ta' ħaddiema;

•       azzjoni biex tiżgura li jkun hemm kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ impjiegi, fost l-oħrajn, billi jitnaqqsu l-piżijiet u t-taxxi amministrattivi li għandhom x’jaqsmu max-xogħol u mal-mobilità, filwaqt li jitfakkar li dan huwa aspett b’importanza speċjali għas-setturi li għaddejjin minn bidla mgħaġġla, pereżempju dawk ikkaratterizzati minn użu intensiv tar-R&Ż.

Ir-rapporteur, filwaqt li taqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni, temmen li hemm lok għal titjib, speċjalment fir-rigward ta’ li ġej:

•       it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u tal-burokrazija għall-SMEs sabiex jinħolqu l-impjiegi;

•       ir-rati ta’ dawk li jħallu l-edukazzjoni kmieni, filwaqt li tfakkar li huma l-Istati Membri li jridu jieħdu azzjoni preventiva u joffru lill-istudenti alternattivi fil-qasam tat-taħriġ u tal-apprendistat;

•       miżuri biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

•       monitoraġġ aħjar u antiċipazzjoni tal-ħiliet meħtieġa għall-ġejjieni, biex b’hekk ikunu jistgħu jitqabblu aktar mal-provvista u biex l-iżvilupp tal-ħiliet jiġi orjentat f’termini ta’ prospetti msaħħa għal impjieg matul il-ħajja kollha;

•       miżuri maħsuba għaż-żgħażagħ bil-għan li dawn jiġu integrati fis-suq tax-xogħol anke qabel ma jkunu lestew l-edukazzjoni formali, b’mod partikulari permezz ta’ traineeships li jwasslu għal opportunitajiet ġodda ta’ xogħol;

•       il-ħtieġa li jissaħħew ir-regoli dwar il-flessigurtà u li jiġu adatti għall-kuntest soċjoekonomiku ta’ kull Stat Membru, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm suq tax-xogħol flessibbli, politiki proattivi relattivi għas-suq, tagħlim ta’ tul il-ħajja u sistemi moderni tas-sigurtà soċjali;

•       il-ħtieġa li tittejjeb id-direttiva dwar it-trasferiment temporanju ta’ ħaddiema, bil-għan li titnaqqas il-burokrazija u jissolvew kwistjonijiet ta’ taxxa doppja, sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment ħieles tal-ħaddiema;

•       il-ħtieġa ta’ progress akbar fir-rigward tal-għarfien reċiproku tal-kwalifiki bejn l-UE u pajjiżi terzi;

•       kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u d-dinja tan-negozju.

Jekk għandna l-għan li nfasslu politiki effettivi għall-impjieg, edukazzjoni u t-taħriġ u li niffaċilitaw l-għażliet individwali tal-karriera, jeħtieġ li ntejbu l-kapaċità tal-Istati Membri u tal-Unjoni li jbassru u jantiċipaw in-natura tal-ħiliet tal-ġejjieni u niżguraw li jkunu konformi mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (1.9.2011)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda
(2011/2067(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Niki Tzavela

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' "Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda" bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020, waqt li jqis li l-Ewropa teħtieġ miri speċifiċi u miżuri konkreti sabiex taħdem għal għanijiet komuni f'termini tal-ħolqien ta' impjiegi u l-promozzjoni ta' tkabbir sostenibbli u inklussiv, li jistgħu jinkisbu biss permezz ta' reazzjonijiet koordinati bejn l-Istati Membri;

2.  Jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni tal-ħtieġa li jiġu promossi l-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti; huwa tal-opinjoni li l-istabbiliment ta’ ambjent xieraq u ta’ inċentivi għall-ħolqien u ż-żamma tan-negozji huwa kruċjali, iżda mhux biżżejjed għall-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea; għaldaqstant, jenfasizza li t-taħriġ xieraq tal-ħiliet intraprenditorjali huwa meħtieġ kemm fil-livell ta’ edukazzjoni medja u kif ukoll fil-livell ta' edukazzjoni ogħla sabiex ikun żgurat li l-Ewropa ma tibqax lura meta mqabbla mal-atturi l-oħra; jenfasizza r-rwol tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija fit-trawwim tal-ħolqien u l-iżvilupp tan-negozju permezz ta’ riċerka mmexxija mill-innovazzjoni u enfasi qawwija fuq l-intraprenditorija;

3.  Jilqa’ l-ewwel prijorità tal-Kummissjoni li tagħti impetu ġdid lill-flessigurtà billi ssaħħaħ l-erba’ komponenti tagħha: arranġamenti kuntrattwali flessibbli u affidabbli, politiki attivi fis-suq tax-xogħol, tagħlim u taħriġ tul il-ħajja u sistemi tas-sigurtà soċjali moderni;

4.  Jistieden lill-Istati Membri u, fejn xieraq, lir-reġjuni biex jistabbilixxu ċentru tas-sorveljanza tal-impjiegi li jiffoka fuq il-bżonnijiet futuri sabiex dawn jiġu antiċipati u biex jipprovdu kwalifiki li jimmassimizzaw il-probabbiltà li wieħed isib impjieg, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ;

5.  Itenni l-ħames miri ewlenin tal-Unjoni li huma l-promozzjoni tal-impjiegi, it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, li jintlaħqu l-objettivi tat-tibdil fil-klima u l-enerġija, it-titjib tal-livelli ta’ edukazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;

6.  Jenfasizza li l-politika tal-impjiegi hija qasam ta’ kompetenza nazzjonali u li s-swieq tax-xogħol huma strutturalment differenti;

7.  Jenfasizza li għandha ssir aktar enfasi fuq il-promozzjoni ta’ inklinazzjonijiet intraprenditorjali fost l-istudenti u r-riċerkaturi, billi jkun hemm strumenti finanzjarji ġodda għad-dispożizzjoni ta’ negozji ġodda u ta’ ditti li qed jikbru b’rata mgħaġġla u permezz ta’ appoġġ fl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ta’ suċċess fis-suq tal-UE;

8.  Jistieden lill-Kumitati Ewropej għad-Djalogu Soċjali biex jassistu fit-tqabbil aħjar bejn it-taħriġ attwali u d-domanda attwali u futura permezz ta’ pjan direzzjonali li jistabbilixxi objettivi u indikaturi ċari għas-sorveljanza tal-progress;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-teknoloġiji u l-iżviluppi l-ġodda fl-organizzazzjoni tax-xogħol jidhru li jwasslu għal espansjoni sinifikanti fl-impjiegi fiż-żewġ truf tal-ispettru tax-xogħol;

10. Jiddispjaċih għall-fatt li fi żmien ta’ kriżi, l-Istati Membri naqqsu l-baġits tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu iżjed fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

11. Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ progress fit-tnaqqis tan-numru ta’ nies li, minkejja li huma impjegati, qed jgħixu taħt il-livell minimu tal-faqar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu impjiegi ta’ kwalità li huma mħallsin tajjeb u li joffru kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa;

12. Jirrimarka l-importanza tas-suġġerimenti komprensivi proposti dwar it-tagħlim tul il-ħajja u l-enfasi li għandha titqiegħed fuq l-integrazzjoni ta' kompetenzi tal-ICT u l-alfabetiżmu diġitali (il-ħiliet elettroniċi) fit-tagħlim tul il-ħajja u fil-politiki ewlenin tal-edukazzjoni, sabiex jingħeleb id-defiċit serju ta’ persunal kwalifikat, bħalma huma l-prattikanti tal-ICT u r-riċerkaturi, li qed jhedded li jimmina l-kompetittività ekonomika futura tal-UE;

13. Jenfasizza l-ħtieġa li min iħaddem jiġi involut fil-ġestjoni tal-istituzzjonijiet edukattivi u fl-iżvilupp tal-korsijiet, il-metodi ta’ tagħlim, l-apprendistati, il-valutazzjoni u l-kwalifiki; jenfasizza l-importanza li jingħataw inċentivi għal min iħaddem li joffri taħriġ għal persuni b’ħiliet baxxi jew mingħajr ħiliet u, konsegwentement, ta' opportunitajiet biex jiksbu esperjenza prattika direttament fuq il-post tax-xogħol;

14. Jindika l-fatt, rikonoxxut ukoll mill-Kummissjoni, li għandu jsir investiment sinifikanti fil-ħiliet ambjentali sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa tilħaq l-objettivi 2020 tagħha għal ħaddiema fis-settur ambjentali u biex jiġi żgurat li s-sistema ekonomika tagħha tista’ topera b’mod iżjed sostenibbli u għaldaqstant tibqa’ kompetittiva fil-futur;

15. Jenfasizza l-ħtieġa għal edukazzjoni mmirata lejn l-innovazzjoni; jenfasizza li għandhom jiġu promossi kemm il-ħsieb mhux skematiku u astratt, kif ukoll l-edukazzjoni teknika meħtieġa biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-futur;

16. Jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li t-tfal kollha jiżviluppaw ħiliet tal-IT fundamentali minn età żgħira, li l-IT għandha għaldaqstant tiġi inkluża fl-edukazzjoni fl-iskola primarja u li l-Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess irħis u faċli għall-internet;

17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja “Alleanzi ta’ Għerf” biex tiżviluppa programmi ġodda ta’ taħriġ li jeliminaw id-diskrepanzi fil-ħiliet innovattivi u jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

18. Jinnota li, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE 2020, ir-rispons tal-Istati Membri għad-domandi tal-industrija f’dak li jirrigwarda l-forza tax-xogħol meħtieġa għandu jkun iżjed flessibbli;

19. Jemmen li, fil-kuntest tal-istrateġija għal ħajja attiva itwal, mhux qed isir biżżejjed biex persuni ikbar fl-età jiksbu l-ħiliet tal-IT, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi edukattivi wesgħin għal dan il-grupp;

20. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex isaħħu l-għoti ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali sabiex jgħinu biex jipprovdu l-ħiliet ġodda meħtieġa fis-suq tax-xogħol;

21. Josserva li l-mobilità tax-xogħol fost il-pajjiżi għadha baxxa, u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra t-twaqqif ta' servizz pan-Ewropew biex jidderieġi l-forza tax-xogħol kwalifikata lejn postijiet tax-xogħol battala madwar l-Ewropa u b'hekk jappoġġja suq tax-xogħol Ewropew ta' valur miżjud. F'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jeliminaw l-ostakli għall-moviment liberu tal-ħaddiema u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-proġetti tas-Suq Uniku 2012 proposti mill-Kummissjoni; jenfasizza l-importanza ta’ strateġija usa’ li tikkombina l-ħolqien tax-xogħol, li tissodisfa ħtiġijiet ġodda u emerġenti fis-suq tax-xogħol Ewropew, u li telimina restrizzjonijiet tax-xogħol fl-UE u l-ostakli li għad fadal fi ħdan is-suq intern tal-UE;

22. Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-Kunsilli tas-Settur Ewropew dwar l-impjiegi u l-ħiliet għandhom jiġu stabbiliti biex jiġbru l-informazzjoni miżmuma mill-Istati Membri u r-reġjuni sabiex jgħinu fil-koordinazzjoni tal-isforzi tal-partijiet kollha kkonċernati;

23. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ħiliet ikunu jaqblu iktar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni f'din il-kwistjoni;

24. Peress li huwa stmat li fl-2015 se jkun hemm nuqqas ta’ professjonisti fl-IT li jvarja bejn 384 000 u 700 000 impjieg, filwaqt li d-defiċit stmat fis-settur tas-saħħa huwa ta’ madwar miljun professjonist u dak għar-riċerkaturi huwa ta’ miljun ieħor, jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri sabiex jiżguraw il-livell meħtieġ ta’ riżorsi umani b’ħiliet f’dawn l-oqsma;

25. Jenfasizza l-importanza tal-SMEs u l-kontribut tagħhom għall-ħolqien tax-xogħol, u jilqa' miżuri bħall-qtugħ tal-burokrazija mfassla biex jiffaċilitaw it-twaqqif ta' negozji ġodda. Jenfasizza r-rwol importanti li jista' jkollu l-BEI, partikolarment billi jkattar programmi bħal JASMINE u JEREMIE, li jistgħu jipprovdu appoġġ sostenibbli għall-bżonnijiet tal-SMEs; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ lill-SMEs mhux biss biex isibu nies bil-ħiliet it-tajba iżda anke biex jaġġornaw il-ħiliet tagħhom; jinnota li fil-kuntest tal-pjan direzzjonali lejn Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza, l-SMEs jeħtieġu appoġġ biex jaġġornaw il-kompetenzi tagħhom f'termini ta' żvilupp sostenibbli u riċerka u innovazzjoni;

26. Huwa tal-opinjoni li l-SMEs jista’ jkollhom, u qed ikollhom, rwol importanti ħafna fit-taħriġ kemm f’setturi innovattivi speċjalizzati ħafna kif ukoll f’dawk li jirrikjedu l-ħiliet manwali bażiċi meħtieġa għal ħafna servizzi; jinnota li għalhekk tinħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-SMEs u l-istabbilimenti edukattivi; huwa tal-fehma li l-faċilitazzjoni tal-assistenza finanzjarja għal apprendistati u taħriġ prattiku fis-settur tal-SMEs għandha titqies ukoll;

27. Jenfasizza l-importanza ta’ internet liberu u rregolat b’intelliġenza għal intraprendituri ġodda u għal dawk li joħolqu l-impjiegi; iqis li l-fiduċja tal-utenti tal-internet fis-sistema u l-fiduċja tagħhom li l-integrità ma tkunx kompromessa huwa kruċjali għal mudelli kummerċjali ġodda tal-internet;

28. Jindika li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex biżżejjed ditti innovattivi intensivi fir-riċerka u l-iżvilupp u li n-nuqqas serju ta’ ħiliet fl-innovazzjoni u l-litteriżmu diġitali jfisser li l-SMEs ma jistgħux jadottaw mudelli kummerċjali innovattivi u intelliġenti u teknoloġiji ġodda;

29. Jenfasizza li t-tendenzi fis-suq tax-xogħol attwali fi kwalunkwe Stat Membru huma influwenzati minn kwistjonijiet strutturali f’dak il-pajjiż, u li konsegwentement l-inizjattivi fil-livell Ewropew għandhom jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet nazzjonali;

30. Jistieden lill-Kummissjoni biex tosserva l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" u biex tqis il-ħtiġijiet tal-SMEs meta tfassal il-liġi tax-xogħol;

31. Fid-dawl taż-żieda fil-qgħad, jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-livelli tal-impjegati fl-uffiċċji tax-xogħol sabiex ilaħħqu man-numru li qed jiżdied ta’ nies li jfittxu xogħol; jemmen li l-uffiċċji pubbliċi tal-impjieg jista’ jkollhom rwol ikbar billi jipprovdu servizzi tul il-ħajja, joffru faċilitajiet għall-valutazzjoni tal-ħiliet, jistabbilixxu profili u jipprovdu taħriġ, gwida professjonali individwali u servizzi ta’ konsultazzjoni għall-klijenti (sew jekk ikunu ħaddiema u sew jekk min iħaddem);

32. Jistieden lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 152 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iżżid il-promozzjoni tar-rwol tal-maniġment u l-ħaddiema f’kull settur industrijali fl-Ewropa, filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom;

33. Iqis li l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda għandha tiġi kkunsidrata flimkien mal-Programm Qafas tar-Riċerka tal-UE, u li s-sinerġiji bejniethom jistgħu joħolqu tkabbir u impjiegi;

34. Jappoġġja, skont l-Artikolu 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), djalogu bejn il-maniġment u l-ħaddiema u jħeġġiġhom biex jidħlu f’relazzjonijiet kuntrattwali, inklużi ftehimiet; jirrakkomanda li fl-implimentazzjoni ta’ ftehim konkluż fil- livell Ewropew, il-maniġment u l-ħaddiema f’kull settur industrijali jużaw il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 155(2) TFUE għal kwistjonijiet koperti mill-Artikolu 153 TFUE;

35. Jenfasizza l-importanza tas-sħubiji fil-livell reġjonali u lokali li jqarrbu s-servizzi pubbliċi, l-edukazzjoni u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u lil min iħaddem, mill-aspett tat-tnaqqis tal-qgħad f’livell reġjonali u lokali;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.8.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

0

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Lena Ek, Ioan Enciu, Vicky Ford, Gaston Franco, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan Cizelj, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Paul Rübig, Konrad Szymański, Michael Theurer, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Niki Tzavela, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Francesco De Angelis, Satu Hassi, Jiří Havel, Marian-Jean Marinescu, Alajos Mészáros, Vladko Todorov Panayotov, Mario Pirillo, Silvia-Adriana Ţicău, Lambert van Nistelrooij

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI (18.7.2011)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda
(2011/2067(COM))

Rapporteur għal opinjoni: Monika Smolková

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda bħala parti mill-istrateġija UE 2020, u jindika l-ħtieġa għall-ħiliet kulma jmur dejjem akbar, għax forza tax-xogħol li hija mħarrġa hija ta' importanza fundamentali għall-iżvilupp ta' ekonomija kompetittiva, sostenibbli u innovattiva, u jikkonsidra li għandhom jinħolqu politiki taż-żvilupp bil-għan li jaġġornaw is-sistema tax-xjenza u l-innovazzjoni, jiġu promossi l-impjegabbiltà mtejba, it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali sabiex l-aġenda għall-ħiliet u impjiegi ġodda tadatta għall-perjodu ta' wara l-kriżi u tevita li kriżi oħra bħal din li tirrepeti ruħha fil-ġejjieni; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza ta' miżuri konkreti u konsistenti għat-taħriġ tal-forza tax-xogħol;

2.  Japoġġa l-promozzjoni ta’ approċċi integrati li jinvolvu l-atturi ewlenin f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali; f'dan il-kuntest jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni reġjonali fl-implimentazzjoni tal-aġenda għall-ħiliet u impjiegi ġodda; huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni tar-reġjuni Ewropej se tgħin biex l-aġenda tkun ta' suċċess ġenwin u jitlob biex tissaħħaħ din id-dimensjoni;

3.  Jenfasizza l-bżonn li jittejbu u jiġu ddiversifikati s-servizzi tal-impjiegi kemm għal dawk li jkunu qed ifittxu xogħol u anke għal min iħaddem, u, b’mod partikolari, li jiġu żviluppati servizzi tal-impjiegi pubbliċi ppersonalizzati għal persuni qiegħda, għaż-żgħażagħ u għal gruppi vulnerabbli;

4.  Jitlob biex tingħata aktar attenzjoni lill-kwistjoni tat-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li ħafna minnhom għandhom edukazzjoni tajba ħafna u huma kkwalifikati iżda li ma jistgħux isibu xogħol minħabba fatturi bħal pereżempju nuqqas ta’ esperjenza, u jitlob biex tittieħed azzjoni reali u effettiva għal dan l-għan; jindika li din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta f’tagħwiġ fit-tul tas-suq tax-xogħol tal-UE;

5.  Fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni fl-Ewropa qed tixjieħ, jitlob lill-Istati Membri sabiex joħolqu strumenti li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-persuni akbar fl-età, u jitlob għall-promozzjoni u l-appoġġ ta’ gwida u attivazzjoni ta' persuni akbar fl-età fid-dawl tal-isħubija innovattiva tat-tixjiħ attiv u b'saħħtu kif ukoll ta’ inċentivi għal min iħaddem, minħabba li d-dinja tan-n-negozju hija anqas interessata f'ħaddiema ta' età akbar. jenfasizza l-importanza li tali persuni jirċievu aktar taħriġ u jiksbu kwalifiki ġodda li jippermettilhom jirritornaw fis-suq tax-xogħol; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza li jsir użu tal-għarfien u l-esperjenza ta' nies akbar fl-età, pereżempju permezz ta' proġetti ta' tagħlim;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-qgħad fost in-nisa qed jiżdied, u qed jaffettwa wkoll lin-nisa li huma kkwalifikati ħafna u li għandhom ħafna ħiliet, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li n-nisa u l-irġiel ikollhom opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol.

7.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' użu iktar effettiv tal-fondi maħsuba għall-iżvilupp ta' ħiliet ġodda u parteċipazzjoni ikbar mill-gvernijiet nazzjonali fl-għoti ta’ spinta ’l quddiem lill-ħolqien tal-impjiegi, fosthom fis-settur li qed jespandi tal-‘ekonomija ambjentali’; jenfasizza li l-ekonomija soċjali tista' tintuża bħala mezz għall-ħolqien tal-impjiegi għall-gruppi soċjali li huma anqas imfittxa, li jinvolvi prinċipalment il-mobilizzazzjoni ta’ fondi u programmi: il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u l-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Programm INTERREG u l-Programm Progress;

8.  Jenfasizza li hu importanti li jkun hemm sinerġiji bejn il-fondi varji Ewropej u jenfasizza l-importanza ta’ aproċċ deċentralizzat meta jintużaw dawn il-fondi sabiex jirrispondu r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol; jemmen illi hemm ukoll bżonn li l-individwi u l-intrapriżi jingħataw inċentivi adattati biex jinvestu fit-taħriġ; f’dan ir-rigward, jenfasizza li l-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni fl-inizjattiva ewlenija ta’ Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u jitlob li jiġi kkunsidrat il-potenzjal tagħha għat-tkabbir sostenibbli;

9.  Jilqa’ t-tnedija tal-proġett pilota ‘L-ewwel xogħol - EURES’, li huwa mmirat għal dawk li jkunu qed ifittxu xogħol fis-27 pajjiż tal-UE; huwa tal-fehma li dan il-proġett għandu jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u lill-organizzazzjonijiet responsabbli għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ, irrispettivament mill-oriġini soċjali jew ġeografika tagħhom;

10. Jaqbel dwar il-ħtieġa li tiżdied l-effikaċja tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni, inkluż l-FSE, billi r-riżorsi finanzjarji jiġu kkonċentrati fuq għadd iżgħar ta' prijoritajiet, fuq it-tisħiħ tal-kundizzjonijiet meħtieġa għar-riformi istituzzjonali, fuq it-tisħiħ tal-prinċipju ta’ sħubija, filwaqt li jsir enfasi fuq objettivi ċari u li jistgħu jitkejlu u jitwaqqfu kuntratti ta' investiment għall-iżvilupp u s-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

11. Jappoġġa l-politiki bl-għan li jinħolqu impjiegi ġodda billi jitqiesu - bħala prijorità - l-bżonnijiet tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li jiżguraw żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur privat, u huwa tal-fehma li għandhom jinħolqu mekkaniżmi tat-taħriġ, li s-settur privat għandu wkoll jikkontribwixxi għalihom u li għandhom jiġu mfassla apposta għall-ħtiġijiet tagħhom; jappoġġa miżuri innovattivi għall-ħolqien ta’ ħiliet ġodda, partikolarment fil-kuntest tal-SMEs;

12. Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-qafas eżistenti tal-iskemi tal-appoġġ tal-intrapriżi diretti tal-UE u tistudja l-possibilità li tallokas-sehem ewlieni tal-appoġġ għall-ħolqien tax-xogħol fl-intrapriżi, filwaqt li jiġu żviluppati l-ħiliet tal-ħaddiema u jiġu implimentati programmi ta’ taħriġ ulterjuri;

13. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jkun hemm inċentivi u modalitajiet ta' qsim tal-ispejjeż effikaċi, biex jissaħħu l-investimenti pubbliċi u privati fit-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema u fit-tagħlim tul il-ħajja b’enfasi fuq it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-ġestjoni tas-setturi diġitali, għat-tagħlim tal-lingwi, l-iżvilupp tal-ħiliet tal-ippjanar, tal-analiżi, organizzazzjonali, tas-sejba ta' soluzzjoni tal-problemi u tal-komunikazzjoni u għall-iżvilupp tal-kapaċità li wieħed jadatta għal sitwazzjonijiet ġodda; jenfasizza l-importanza li jittejjeb l-aċċess tan-nies għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, indipendentement mill-post ta’ residenza jew mill-qagħda soċjali tagħhom;

14. Huwa tal-fehma li l-appoġġ għas-settur privat fil-kuntest tar-riċerka u l-iżvilupp se jiġġenera xogħlijiet ġodda u se jippermetti lill-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda bħala risposta għall-ħtiġijiet tas-suq;

15. Jinsisti dwar il-fatt li l-iskambju ta' esperjenzi, l-aqwa prattiki u l-ħolqien ta' netwerks u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fl-livell nazzjonali u tal-UE bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, is-settur tarr-riċerka u ċ-ċentri tal-intrapriżi għandhom rwol importanti fit-titjib tal-ħiliet u biex dawn jiġu adattati mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati n-netwerks ta’ min iħaddem u li jiġu inkoraġġuti skambji tal-aħjar prattiki bejniethom; jinsisti dwar l-importanza ta’ bilanċ stabbli bejn il-provvista u d-domanda bejn min iħaddem u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippromwovu Skema Ewropea ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) u jinkoraġġixxu lis-setturi ekonomiċi kollha biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġu rreġistrati fl-EMAS;

16. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tippromwovi ċentri Ewropej tal-eċċellenza fl-ispeċjalizzazzjonijiet akkademiċi l-ġodda għall-impjiegi tal-ġejjieni; jenfasizza li, b’mod speċjali f’żoni urbani, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-iktar adatti u l-iktar kapaċi li joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tkabbir ta’ gruppi ta’ intrapriżi innovattivi; jirrimarka li tali ggruppar jista’ jservi ta’ spinta deċiżiva għall-iżvilupp ekonomiku lokali u jista’ joħloq impjiegi ġodda fir-reġjuni;

17. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-responsabilità ewlenija għall-ilħuq tal-objettivi tal-aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda hi tal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, huwa għalhekk indispensabbli li l-Kummissjoni tiżgura li kull Stat Membru jaderixxi mal-objettivi tal-aġenda;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-miżuri bl-għan li jingħelbu l-ostakli amministrattivi u legali biex titjieb il-mobilità tal-ħaddiema, permezz tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-portabilità tad-drittijiet ta’ pensjoni supplementari. jenfasizza l-bżonn li tingħata spinta ’l quddiem lill-mobilità tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-UE bħala mezz potenzjali biex jitnaqqsu l-iżbilanċi reġjonali u jinkisbu l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ssir riforma fin-Netwerk tas-Servizzi Ewropej tal-Impjiegi (EURES) sabiex jittejbu s-servizzi għall-ħaddiema mobbli u għal min qed ifittex impjieg, b’mod partikolari fir-reġjuni konfinali;

19. Jitlob lill-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali biex jipparteċipaw fil-proċessi tal-evalwazzjoni, l-adattament u d-definizzjoni tal-bidliet fl-implimentazzjoni tal-aġenda.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Catherine Bearder, Victor Boştinaru, Zuzana Brzobohatá, John Bufton, Alain Cadec, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Elie Hoarau, Brice Hortefeux, Danuta Maria Hübner, Juozas Imbrasas, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva, Petru Constantin Luhan, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Franz Obermayr, Jan Olbrycht, Markus Pieper, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Michael Theurer, Michail Tremopoulos, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Cozzolino, Karima Delli, Ivars Godmanis, Karin Kadenbach, Marek Henryk Migalski, Vilja Savisaar-Toomast, Elisabeth Schroedter, Derek Vaughan

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Norica Nicolai

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (14.7.2011)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda
(2011/2067(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Katarína Neveďalová

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrimarka li investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ u l-previżjoni tal-ħiliet meħtieġa fil-futur huma kruċjali biex jintlaħaq l-impenn tal-istrateġija Ewropa 2020 għal titjib fil-livelli tal-edukazzjoni, jiġifieri li titnaqqas għal 10% jew anqas ir-rata ta’ studenti li jitilqu bikri l-iskola, u tiżdied ir-rata ta’ dawk li jtemmu edukazzjoni terzjarja jew livell ekwivalenti għal tal-anqas 40%;

2.  Jiddeplora r-rata għolja u sproporzjonata tal-qgħad fost iz-zgħazagħ fl-UE; jinnota li l-qgħad fost iz-zgħazagħ jaffettwa b’mod negattiv il-koezjoni socjali, l-ekwità u t-tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jahdmu flimkien biex tingħata prijorità lill-implimentazzjoni tal-politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol biex jaffrontaw din il-krizi;

3.  Jenfasizza l-importanza vitali li jiġi garantit aċċess ugwali u universali għall-edukazzjoni statali ta’ kwalità għolja u għat-tagħlim tul il-ħajja sabiex l-individwi jistgħu jiżviluppaw soċjalment u intellettwalment u jiksbu l-ħiliet li għandhom bżonn biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol;

4.  Jenfasizza l-importanza, sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, ta’ toroq integrati bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol bil-għan li jinkisbu kwalifiki professjonali u fl-edukazzjoni, u l-bżonn ta’ inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni tal-adulti u l-aġġornament tal-ħiliet bażiċi; jistieden lill-Istati Membri, bil-għan li jinvolvu dawk il-gruppi li qegħdin f’pożizzjoni l-aktar dgħajfa għaliex huma l-inqas edukati b’mod tajjeb u kwalifikati, biex jizviluppaw servizzi konsultattivi dwar il-karrieri fil-pajjiz kollu li jistgħu jipprovdu informazzjoni rilevanti dwar l-opportunitajiet ta’ tahrig u edukazzjoni, flimkien ma’ valutazzjonijiet tal-ħiliet individwali;

5.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-kontribut li għandu jsir mit-taħriġ vokazzjonali sabiex numru sinifikanti ta’ żgħażagħ jilħqu l-potenzjal tagħhom kif ukoll biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

6.  Iqis li l-mizuri proposti mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni jkunu jehtiegu koordinazzjoni qawwija ta’ poltiki; għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri u partikolarment lill-ministeri relevanti jimpenjaw ruħhom aktar mill-qrib fil-proċeess tal-identifikazzjoni bikrija tal-bżonnijiet ta' ħiliet, li jfisser tal-inqas perjodu ta' żmien ta' 10 snin; jemmen bis-sħiħ li meta programmi edukattivi u ta’ taħriġ ikunu qed jitfasslu, komunikazzjoni u kooperazzjoni effettiva bejn min iħaddem, l-imsieħba soċjali, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-korpi ta’ taħriġ huma meħtieġa billi dawn jużaw mekkaniżmi speċifiċi biex jidentifikaw id-domanda tas-suq tax-xogħol; jinsisti fuq il-bżonn li jiġi żgurat li l-pubbliku jkollu aċċess għal informazzjoni ta’ kwalità f’dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri sabiex jinkorporaw fil-programmi tagħhom ta’ edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja, it-tagħlim ta’ ħiliet trażversali marbuta mal-użu ta’ ICTs, l-espressjoni artistika, il-mobilità, il-parteċipazzjoni demokratika u l-multikulturaliżmu; jenfasizza, b’dak il-għan, li hu essenzjali li l-kompetenzi u l-ħiliet akkwistati permezz ta’ edukazzjoni informali u mhux formali għandhom jigu rikonoxxuti u sfruttati;

7.  Jinnota li l-istrumenti bħall-istħarriġ dwar il-profili tax-xogħlijiet u l-impjieg meħtieġ fis-setturi differenti – abbażi ta’ sħubija soċjali – għandhom għaldaqstant jingħataw appoġġ adegwat;

8.  Jinnota li l-popolazzjoni attiva tal-UE għandha tkun iktar kwalifikata, sabiex tkun tista' tagħti kontribut u tadatta għall-bidla teknologika u l-approcci godda għall-organizzazzjoni tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jinvestu hafna iktar fl-edukazzjoni u fis-sistemi ta’ tahrig, janticipaw il-htiġijiet tal-ħiliet, jallinjaw il-provvista u d-domanda u jipprovdu servizzi konsultattivi dwar il-karrieri;

9.  Jilqa’ t-twaqqif ta' Osservatorju Ewropew dwar l-Impjiegi u jirrikonoxxi li l-ħolqien ta’ għodda online għall-mobilità tal-karrieri bħall-'EU Skills Panorama', li jipprovdu informazzjoni ċara dwar opportunitajiet ta’ xogħol, tista’ tgħin lill-ħaddiema tal-ġejjieni jagħżlu triq għall-karriera u jakkwistaw taħlita ġusta ta’ ħiliet, bħalma huma l-ICTs u l-lingwi, biex b’hekk ikabbru l-prospetti u l-adattament tagħhom għall-impiegi; jemmen bis-sħiħ li il-previżjoni f’dan ir-rigward għandha tkun mifruxa fuq qafas ta’ 10 snin;

10. Hu tal-opinjoni li rabtiet aktar mill-qrib bejn id-dinja tal-edukazzjoni u dik kummerċjali jistgħu jgħinu fl-identifikazzjoni korretta tal-ħiliet meħtieġa f’mument partikolari u jistgħu sussegwentement jiffaċilitaw id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

11. Ifakkar li l-istituti ta’ edukazzjoni għolja u l-korpi tat-taħriġ jista’ jkollhom rwol kruċjali fl-ekonomija reġjunali tal-Istati Membri u huma postijiet uniċi fejn l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka jimxu flimkien u jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta’ impjiegi; jindika l-fatt li kooperazzjoni qawwija bejn fakultajiet fi ħdan l-universitajiet, l-universitajiet infushom, istituzzjonijiet edukattivi oħrajn u korpi ta’ taħriġ, ir-reġjuni, il-gvernijiet, partijiet interessati tas-soċjetà, speċjalment l-imsieħba soċjali, u n-negozji, hija fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Ewropa; jirrikonoxxi r-rwol tal-inizjattiva Djalogu Università-Kummerċ f’dan il-kuntest;

12. Jinnota li l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għandha sinfikat soċjali, kulturali u ekonomiku, u konsegwentement iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita l-mobilità internazzjonali fost ir-riċerkaturi, l-istudenti, ix-xjentisti u l-letturi, kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE;

13. Jesprimi thassib dwar il-fatt li individwi li huma kkwalifikati hafna qed jaccettaw impjiegi li mhumiex denji tal-kapacitajiet tagħhom jew impjiegi li ma jirrikjedux ħiliet partikolari, u dan iwassal għal ‘hela ta’ mhuh’ fl-UE;

14. Jenfasizza l-bżonn li tinzamm it-tradizzjoni tas-snajja’ u l-ħiliet relatati magħhom u li jigu stabbiliti strategiji għal intraprendituri bl-imnut ta’ snajja’ sabiex tinzamm l-identità kulturali tas-settur tas-snajja'; jiġbed l-attenzjoni, f’dik il-konnessjoni, għall-importanza li jiġi appoġġjat taħriġ professjonali relatat max-xogħol u l-mobilità ta’ rġiel u nisa żgħażagħ tas-sengħa, jinnota li l-promozzjoni ta’ apprendistati bħala mezz biex jiġu integrati ż-żgħażagħ f'dan is-settur, tista' tkun miżura ta’ politika attiva li ta’ min jinkuraġġiha u jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu passi xierqa f’dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza tal-Umanistika bħala qasam biex issir investigazzjoni tal-passat u jitħarsu aħjar l-identitajiet kulturali;

15. Iqis li għandhom jiġu implimentati miżuri għat-twaqqif ta’ sistema ta’ taħriġ informali bbażat fuq il-post tax-xogħol, eż sistema ta’ apprendistat, inter alia fis-snajja’ u l-professjonijiet tradizzjonali, sabiex il-ksib ta’ ħiliet u xogħlijiet ġodda jkun iktar aċċessibbli kif ukoll biex tiġi promossa d-diversifikazzjoni tas-suq tax-xogħol;

16. Jenfasizza l-bżonn li jogħlew il-profil u l-attrattività ta’ professjonijiet u xogħlijiet fejn hemm nuqqas ta’ popolazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti iktar viżibilità u appoġġ finanzjarju lill-programm Leonardo da Vinci li hu programm li jippermetti l-akkwist ta’ ħiliet, għarfien u kwalifiki ġodda, u li jagħmel l-edukazzjoni vokazzjonali aktar attraenti għal kulħadd; jindika, barra minn hekk, li tahrig waqt ix-xogħol hu partikolarment importanti, u jitlob appogg għall-iskemi nazzjonali li jippromwovu dawn it-tipi ta’ opportunitajiet għall-izvilupp tal-karriera;

18. Jinnota li s-subprogramm Erasmus għandu rata ta’ implimentazzjoni viċin il-100%; ifakkar fl-evidenza dokumentata sew li Erasmus jiffacilita b'mod konsiderevoli l-istudju barra mill-pajjiz u jipprovdi lill-istudenti b'firxa iktar wiesgħa ta' ħiliet, u li dan konsegwentement itejjeb b’mod sinifikanti l-prospettivi ta’ impjieg sussegwenti għal dawk l-istudenti li jippartecipaw f'Erasmus u għaldaqstant jikkontribwixxi sostanzjalment għall-kompetittività tal-Ewropa;

19. Jindika l-fatt li l-abilità ta’ komunikazzjoni b’lingwi barranin hija kkunsidrata importanti għac-cittadini kollha tal-UE u titqies bhala ħila utli dwar is-suq tax-xogħol; għalhekk jinkuraġġixxi dan ir-rekwiżit ta’ litteriżmu u jappoġġa l-iżvilupp tat-tagħlim tal-lingwi, partikolarment fil-kuntest ta’ taħriġ waqt is-servizz; inkluż il-ksib ta’ kompetenzi ta’ komunikazzjoni f’lingwi li m'humiuex daqstant mifruxa internazzjonalment u li huma anqas użati;

20. Hu tal-opinjoni li m'hemmx biżżejjed enfasi dwar il-potenzjal li l-migranti mill-pajjizi mhux fl-UE jissodisfaw il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol;

21. Hu tal-opinjoni li l-edukazzjoni teknika mhux akkademika ta’ livell ogħla hi settur centrali f'dak li għandu x'jaqsam l-irbit tal-ksib tal-ħiliet mal-bżonnijiet tan-negozji u t-tkabbir ekonomiku u l-miri tal-produttività;

22. Jirrikonoxxi li istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-korpi tat-taħriġ għandhom il-potenzjal li jippreparaw lin-nies għad-dinja tax-xogħol: pereżempju, SMEs mingħajr ebda faċilitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp jistgħu jibbenefikaw mir- riżorsi ta’ riċerka u l-ispeċjalizzazzjoni tal-universitajiet, u l-SMEs jistgħu joffru lill-istudenti internships uy apprendistat ta’ kwalità għolja li jippermettulhom jibnu fuq l-edukazzjoni tagħhom u jżiedu b’mod konsiderevoli l-opportunitajiet ta’ impjieg għalihom; jitlob għalhekk għal tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, il-korpi ta’ taħriġ u l-SMEs, hekk li l-istudenti jingħataw l-opportunità li jiksbu ħiliet fl-intraprenditorija; jinnota r-rwol li għandhom l-industriji kulturali u kreattivi biex jipprovdu ambjent ta’ tagħlim u taħriġ xieraq;

23. Jitlob li jkun hemm skambji ta’ esperjenza u tal-preżentazzjoni u l-promozzjoni tal-aħjar prattika fil-qasam taż-żieda fil-kapaċità li wieħed isib impjieg u fl-edukazzjoni għad-domanda tas-suq tax-xogħol attwali.

24. Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja bħala l-bini kontinwu ta' ħiliet u għarfien tul il-ħajja tal-individwu u biex isaħħaħ l-inklużjoni soċjali, l-iżvilupp personali u ċ-ċittadinanza attiva;

25. Jitlob appoġġ iktar b’saħħtu u r-rikonoxximent ta’ edukazzjoni formali u mhux formali bħala partijiet integrali tal-proċess ta’ tagħlim tul il-ħajja.

26. Jenfasizza l-importanza ta’ impjiegi ekoloġiċi bħala impjiegi ġodda għas-suq globali attwali bl-iskop li titħares u tkun restawrata l-kwalità ambjentali;

27. Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu b'mod kontinwu u mill-qrib dwar it-tneħħija ta’ ostakli amministrattivi u legali għall-mobilità tal-istudenti u l-ħaddiema kif ukoll għar-rikonoxximent tal-lawrji u l-kwalifiki.

28. Iħeġġeġ biex isir sforz biex tinkiseb l-integrazzjoni sħiħa fil-proċess tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġati, li tinkludi t-tfittix għat-tip xieraq ta’ impjiegi għan-nies bi bżonnijiet speċjali li għandhom ħiliet li spiss huma uniċi u eċċezzjonali

29. Jenfasizza d-diskriminazzjoni persistenti skont is-sess f’ċerti oqsma tax-xogħol u f’ċerti karigi u jitlob li jitneħħew id-differenzi tat-trattament bejn in-nisa u l-irġiel u t-tmiem tal-isterjotipar skont il-ġeneru ta’ ċerti impjiegi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdi Cristiano Allam, Zoltán Bagó, Lothar Bisky, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Mary Honeyball, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marco Scurria, Hannu Takkula, László Tőkés, Helga Trüpel, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Heinz K. Becker, Ivo Belet, Nadja Hirsch, Seán Kelly, Iosif Matula, Georgios Papanikolaou

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Gaetano Cofferati, Olle Schmidt

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAD-DRITTIJIET TAN-NISA U L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI (19.7.2011)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar “L-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda”
(2011/2067(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Joanna Katarzyna Skrzydlewska

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi wieħed mill-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li l-livell tal-impjieg tal-irġiel u n-nisa fl-UE jiżdied għal 75%, u billi r-rata tal-impjieg tan-nisa fl-UE bħalissa hija ta’ 58.2%, u hemm diskrepanzi kbar fost l-Istati Membri,

B.  billi l-Istrateġija Ewropa 2020 tagħmel enfasi fuq it-trasformazzjoni ekoloġika, fuq is-settur tal-enerġija li tiġġedded u fuq l-impjiegi ħodor b’użu għoli ta’ xjenza u teknoloġija għal ekonomija sostenibbli, u billi n-nisa għadhom mhux rappreżentati biżżejjed kemm fil-korsijiet kif ukoll f’impjiegi relatati, li jwassal għal segregazzjoni severa bejn is-sessi skont is-setturi,

C. billi, għalkemm il-mikrokreditu huwa għodda essenzjali għall-intraprenditorija tan-nisa u l-ħolqien ta’ negozji tal-familja, in-nisa għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fin-negozju fl-Unjoni Ewropea, u jirrappreżentaw medja ta’ 30% tal-imprendituri kollha,

D. billi ’l fuq minn 60% tal-istudenti li jiggradwaw mill-universitajiet huma nisa, billi ftit wisq nisa u bniet jieħdu t-triq tal-istudji xjentifiċi, u dan iwassal għal segregazzjoni settorjali qawwija, u billi d-differenza fis-sessi bejn l-impjiegi tan-nisa u l-irġiel fis-settur tal-IT kellha t-tendenza li tiżdied flok tonqos biż-żmien,

E.  billi d-differenza bejn is-sessi fis-swieq tax-xogħol fl-UE għadha tippersisti fis-salarji, fix-xogħol part-time minflok full-time, u fir-rati tal-impjieg, minħabba, fost l-oħrajn, ir-rwol bħala ġenituri, u billi s-segregazzjoni tas-swieq tax-xogħol fl-impjiegi hija ostakolu ewlieni għal suq tax-xogħol tal-UE li jiffunzjona sewwa,

1.  Jenfasizza l-fatt li, sabiex jgħollu r-rata tal-impjieg tan-nisa, l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni speċjali biex ikun hemm implimentazzjoni effikaċi ta’ leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u ta’ dispożizzjonijiet li jiffavorixxu l-familja, jippromwovu r-reklutaġġ f’impjiegi mhux tradizzjonali permezz ta’ miżuri volontarji u objettivi li jintlaħqu, u joffru aċċessibilità u responsabilità; jenfasizza l-importanza li s-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet ta’ ħiliet ikunu mmoniterjati; jistieden lill-Istati Membri joffru appoġġ komprensiv lill-ministeri nazzjonali għall-impjieg u l-edukazzjoni sabiex jiġu implimentati l-programmi tal-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi;

2.  Jenfasizza li, sabiex ikun hemm ħaddiema nisa b’kompetenzi u kwalifiki għoljin fis-suq tax-xogħol, jeħtieġ li n-nisa jkunu jistgħu jidħlu, jirritornaw u javvanzaw fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari dawk vulnerabbli li jħabbtu wiċċhom ma’ qgħad strutturali u diffikultajiet meta jiġu biex jerġgħu jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol, jew minħabba xogħlijiet li ntilfu minħabba l-kriżi finanzjarja reċenti, jew wara l-liv ta’ maternità jew parentali, jew inkella għal raġunijiet oħra, opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u aċċess għal taħriġ vokazzjonali, irrispettivament mit-tip ta’ kuntratt tax-xogħol, bil-għan li jitjiebu l-kwalifiki tagħhom; jenfasizza, barra minn hekk, li jeħtieġ li n-nisa jingħataw aċċess u inizjattivi biex jipparteċipaw attivament fit-tagħlim tul il-ħajja fl-istadji kollha tal-karrieri tagħhom, u biex jiġu promossi studji tekniċi u ta’ inġinerija fost il-bniet bil-għan li jkun hemm adattament flessibbli tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari l-bżonn ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ investiment fis-sistemi effettivi ta’ gwida għall-edukazzjoni u vokazzjonali sabiex in-nisa żgħażagħ jiġu ggwidati jagħżlu ix-xjenza, l-inġinerija jew edukazzjoni teknika ogħla, kemm dik akkademika kif ukoll dik mhux akkademika; jinnota li trid tingħata attenzjoni partikulari biex il-kompetenzi tal-ICT u l-ħiliet ta’ litteriżmu diġitali u ta’ komunikazzjoni jiġu integrati fit-taħriġ vokazzjonali u fil-politiki ta’ tagħlim ta’ tul il-ħajja tal-Istati Membri u biex in-nisa jitħeġġew jieħdu vantaġġ minnhom, u biex l-opportuniatjiet ta’ taħriġ għan-nisa jitwessgħu sabiex huma jkunu jistgħu jadattaw għall-bidliet fis-suq tax-xogħol matul il-karrieri tagħhom, u b’hekk iżidu l-presenza tagħhom f’setturi strateġiċi għall-iżvilupp fil-ġejjieni; iqis li jinħtieġ li fl-edukazzjoni jiġu miġġielda l-isterjotipi tal-ġeneru;

4.  Isostni li sabiex il-kwalifiki u l-ħiliet tal-ħaddiema nisa jiġu kkonservati fi spazju ekonomiku li dejjem jinbidel u biex dawk li jixtiequ jkunu megħjuna biex imorru lura għax-xogħol, huwa essenzjali li l-ħaddiema bil-liv parentali jiġu inklużi wkoll fl-attivitajiet ta’ taħriġ organizzati minn min jimpjegahom;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu s-segregazzjoni tas-swieq tax-xogħol billi, fir-riformi strutturali tagħhom tas-suq tax-xogħol, jinkludu strumenti, bħall-Fond Soċjali Ewropew (FSE), li jiġġieldu s-segregazzjoni professjonali tan-nisa, kif muri kemm fir-rappreżentazzjoni mhux adegwata tan-nisa f’pożizzjonijiet ewlenija u fis-suq tax-xogħol maqsum skont is-sessi, permezz ta’ miżuri effikaċi kontra l-preġudizzji u l-isterjotipi, kif ukoll kontra s-soqfa tal-ħġieġ, permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u permezz ta’ indikaturi ta’ benchmarking bejn l-Istati Membri, u miżuri leġiżlattivi inklużi kwoti sabiex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-pożizzjonijiet ewlenin;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw miżuri għar-rikonċilajzzjoni tal-ħajja professjonali u dik tal-familja, u jinvestu fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol permezz tal-promozzjoni tal-ġestjoni tad-diversità, it-tħeġġiġ professjonali tan-nisa, u l-promozzjoni tal-ħolqien ta’ postijiet ġodda b’forom aktar flessibbli tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

7.  Jenfasizza li l-impjiegi l-ġodda għandhom ikunu akkumpanjati b’forom ġodda ta’ arranġamenti ta’ xogħol li jippermettu lil ħaddiema bi tfal indipendenti jaħdmu sigħat alternattivi, inaqqsu l-ħin tax-xogħol tagħhom jew jagħżlu li jagħmlu telexogħol;

8.  Jinkoraġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi fl-industrija biex ikun hemm parteċipazzjoni ugwali bejn l-irġiel u n-nisa b’attenzjoni speċifika ddedikata lis-setturi li huma tradizzjonalment iddominati mill-irġiel;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkumplimenta l-qafas legali eżistenti dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u tressaq proposti leġiżlattivi ġodda li jkopru l-liv tal-missier, il-liv tal-adozzjoni u l-liv tal-kura ta’ dipendenti; jinnota bi preokkupazzjoni l-imblokk attwali fil-Kunsill f’dak li jirrigwarda r-reviżjoni proposta tad-Direttiva 92/85/KEE;

10. Jenfasizza l-ħtieġa li s-suq tax-xogħol jiġi organizzat fl-interess tar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja billi jiġu mwaqqfa strutturi u istituzzjonijiet għall-kura tat-tfal, nies anzjani u persuni dipendenti oħra, biex jiġu sodisfati l-bżonnijiet veri u biex jiġu żgurati servizzi tal-kura ta’ kwalità għolja u aċċessibbli għal kulħadd, sabiex l-ommijiet li jaħdmu jkunu jistgħu jiksbu bilanċ fil-ħajja tax-xogħol biex jitjiebu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika tan-nisa;

11. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti sigħat tax-xogħol aktar flessibbli u diversi alternattivi għat-telexogħol mingħajr ma tiġi pperikolata l-indipendenza ekonomika tal-impjegati, speċjalment dawk nisa, li aktar spiss jiġu impjegati b’mod temporanju u part-time b’bażi mhux volontarja; jenfasizza l-ħtieġa ta’ pagi u aċċess diċenti għas-sigurtà soċjali sħiħa kemm jekk ikunu qed jaħdmu full-time kif ukoll part-time;

12. Jinnota li l-opportunitajiet sabiex togħla r-rata tal-impjieg tan-nisa huma offruti mhux biss mis-settur tal-“impjiegi bojod”, iżda wkoll mis-settur tad-difiża nazzjonali, mis-settur tal-loġistika (inkluż it-trasport), mis-settur tas-servizzi għan-negozju – pereżempju l-assikurazzjoni u l-konsulenza – kif ukoll mis-settur tal-ekoloġija u tal-impjiegi sostenibbli;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jiżviluppaw programmi speċifiċi mfassla sabiex jirreklutaw in-nisa fi professjonijiet tekniċi permezz ta’ sussidji għal nisa akkademiċi żgħażagħ, b’mod konformi mal-aħjar prattika f’ċerti Stati Membri bħall-programm “Excellentia” fl-Awstrija, li wassal biex irduppja n-numru ta’ professuri tal-università nisa fix-xjenza u t-teknoloġija u kkontribwixxa għat-twaqqif ta’ ċentri ta’ riċerka ta’ kwalità għolja mmexxija minn nisa;

14. Jenfasizza li l-“impjiegi ħodor” għandhom il-potenzjal li jsiru fattur importanti ta’ tkabbir fis-suq tax-xogħol tal-UE tal-ġejjieni; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li n-nisa jgawdu minn dawn l-impjiegi bl-istess mod bħall-irġiel; jappella li tingħata attenzjoni speċjali sabiex jiġi żgurat li l-qalba għall-enerġija rinnovabbli u għall-investiment fit-teknoloġiji ħodor biex tiġi mmodernizzata l-infrastruttura fiżika tinvolvi wkoll żvilupp lejn xogħol diċenti u ta’ kwalità għolja għall-irġiel u n-nisa;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkuraġġixxu lis-settur privat u dak pubbliku jieħdu l-miżuri kollha possibbli u meħtieġa biex jeliminaw id-distakk fis-salarji bejn in-nisa u l-irġiel u l-inugwaljanzi ewlenin f’dak li huma aċċess, paga, żvilupp tal-karriera, parteċipazzjoni u governanza, bil-għan li tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza tat-trasparenza fl-għamla ta’ statistika aqwa, u ta’ definizzjoni li tista’ tintuża ta’ “xogħol ta’ valur ugwali”; jilqa’ t-tħabbiriet tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tas-sistema tal-pensjonijiet għal dawk b’lakuni fil-kontribuzzjonijiet tagħhom tat-tfaddil għall-pensjoni minħabba perjodi ta’ qgħad, mard jew żmien dedikat għall-kura ta’ xi ħadd, li jikkonċernaw l-aktar lin-nisa;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Marije Cornelissen, Silvia Costa, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Zita Gurmai, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Nicole Kiil-Nielsen, Astrid Lulling, Barbara Matera, Angelika Niebler, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Eva-Britt Svensson, Britta Thomsen, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Vilija Blinkevičiūtė, Christa Klaß, Mojca Kleva, Mariya Nedelcheva, Norica Nicolai, Chrysoula Paliadeli, Antigoni Papadopoulou, Sirpa Pietikäinen, Angelika Werthmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jacek Włosowicz

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.9.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

3

14

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Jean-Luc Bennahmias, Pervenche Berès, Mara Bizzotto, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Tadeusz Cymański, Frédéric Daerden, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Liisa Jaakonsaari, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Patrick Le Hyaric, Veronica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Rovana Plumb, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Jelko Kacin, Ria Oomen-Ruijten, Antigoni Papadopoulou, Evelyn Regner, Emilie Turunen, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka