RAPPORT dwar il-Proċess ta’ Evalwazzjoni Reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi

4.10.2011 - (2011/2085(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Małgorzata Handzlik

Proċedura : 2011/2085(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0324/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Proċess ta’ Evalwazzjoni Reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi

(2011/2085(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi - nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi” (COM(2011)0020) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha “Dwar il-proċess tal-evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi” (SEC(2011)0102),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-Att dwar is-Suq Uniku. Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja” (COM(2011)0206),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” (COM(2010)0608),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar funzjonament aħjar tas-Suq Uniku – il-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern[1],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-15 ta’ Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi 2006/123/KE[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u għall-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0324/2011),

A. billi s-servizzi għadhom jirrappreżentaw biss madwar għoxrin fil-mija tal-kummerċ kollu fl-UE filwaqt li jammontaw għal iktar minn żewġ terzi tal-PDG u l-impjiegi tal-UE,

B.  billi l-attivitajiet koperti bid-Direttiva tas-Servizzi jammontaw għal 40% tal-PDG u l-impjiegi tal-UE, iżda billi dawn l-attivitajiet jirrappreżentaw ukoll potenzjal mhux utilizzat mill-aktar importanti għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, minħabba li għad hemm ħafna ostakli għall-kummerċ fis-servizzi fis-Suq Intern,

C. billi s-servizzi jixprunaw l-ekonomiji tal-Istati Membri billi joħolqu l-impjiegi, it-tkabbir u l-innovazzjoni, u billi hemm il-ħtieġa saħansitra akbar ta' suq intern fis-servizzi li jiffunzjona tajjeb u jkun integrat fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali u bħala kundizzjoni għall-irkupru;

D. billi d-Direttiva tas-Servizzi hija mezz ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea u billi l-implimentazzjoni totali u korretta tagħha hija inkluża fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Att dwar is-Suq Uniku,

E.  billi filwaqt li t-traspożizzjoni f’waqtha u korretta tad-Direttiva tas-Servizzi kienet sfida għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, din hija meħtieġa u hija wkoll bażi soda għall-iżvilupp tal-koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri,

F.  billi kważi 34 000 rekwiżit ġew innotifikati lill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-proċess tal-iskrining,

I. Daħla

1.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Proċess ta’ Valutazzjoni Reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi u jirrikonoxxi l-ammont konsiderevoli ta’ xogħol imwettaq mill-Kummissjoni u, fuq kollox, mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri, inklużi l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali;

2.  Jenfasizza l-fatt li Suq Uniku tas-servizzi li jkun jiffunzjona huwa prerekwiżit biex jiġu ġġenerati t-tkabbir, l-impjiegi deċenti u l-innovazzjoni fl-Ewropa u biex jinżamm l-irwol kompetittiv tal-Ewropa fid-dinja;

3.  Jinnota li l-potenzjal ġenerali tas-suq komuni fis-servizzi ma ġiex sfruttati għalkollox, billi, minħabba b’mod partikolari r-restrizzjonijiet fis-suq fl-Istati Membri, proporzjon żgħir biss ta’ SMEs qed jipprovdu servizzi transkonfinali;

4.  Iqis li l-ewwel prijorità għall-ħolqien ta’ Suq Uniku tas-Servizzi hija l-implimentazzjoni totali u korretta tad-Direttiva tas-Servizzi fl-Istati Membri kollha u l-istabbiliment ta’ Punti ta’ Kuntatt Uniku kompletament operattivi;

5.  Jitlob għalhekk biex jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ informazzjoni mill-Punti ta’ Kuntatt Uniku bl-Ingliż kif ukoll bil-lingwa tal-post għall-benefiċċju tal-fornituri u l-utenti tas-servizzi minn Stati Membri oħra, u jekk tistax tintuża firma elettronika mill-fornituri u l-utenti tas-servizzi;

6.  Jenfasizza li l-eżerċizzju tal-valutazzjoni reċiproka ta lok għall-valutazzjoni tas-suq intern tas-servizzi wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva, speċjalment f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti tal-Artikoli 9, 15, u 16;

II. L-esperjenzi fir-rigward tal-Proċess tal-Valutazzjoni Reċiproka

7.  Jinnota li l-Artikolu 39 tad-Direttiva tas-Servizzi huwa vag f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-għanijiet preċiżi tal-proċess tal-valutazzjoni reċiproka; jinnota li kien hemm perċezzjonijiet u stennijiet differenti fost il-partijiet interessati fir-rigward tal-iskopijiet u r-riżultati tiegħu;

8.  Jinnota li l-valutazzjoni reċiproka kienet organizzata wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tas-Servizzi; jenfasizza li l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi m’għandhiex tiġi konfuża mal-eżerċizzju tal-valutazzjoni reċiproka;

9.  Jikkundanna d-dewmien fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi f’xi Stati Membri u jqis li dan kellu impatt fuq il-proċess tal-valutazzjoni reċiproka;

10. Huwa tal-fehma li, filwaqt li l-kalendarju tal-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka kien pjuttost diffikultuż, għen fiż-żamma tal-momentum wara l-implementazzjoni tad-Direttiva;

11. Iqis li l-proċess tal-valutazzjoni reċiproka kien eżerċizzju li vallapena li jsir billi ppermetta li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jkollhom fehim aħjar tal-ostakli li baqa’ u tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri; jinnota li dan il-proċess ippermetta lill-Istati Membri jiksbu rispons dwar l-għażliet tal-politika tagħhom u ffaċilita l-promozzjoni tal-aqwa prattiki u kabbar it-trasparenza tar-riżultati tal-implementazzjoni;

12. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jniedu djalogu dwar liema ostakli huma permessi u liema mhumiex;

13. Huwa tal-fehma li l-proċess tal-valutazzjoni reċiproka kien importanti biex jiġu kkjarifikati ċerti sitwazzjonijiet ambigwi li għadhom prevalenti fil-forniment tas-servizzi kemm fil-livell nazzjonali u kemm f’dak transkonfinali, bħar-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali u obbligi ta’ assigurazzjoni imposti fuq il-fornituri transkonfinali ta’ servizzi; jenfasizza li fl-aħħar mill-aħħar dan għen biex jiġi evalwat jekk il-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati f’kull Stat Membru jitwettqux skont l-ispirtu tad-Direttiva tas-Servizzi;

14. Jenfasizza li d-“diskussjonijiet fi gruppi” huma l-qofol tal-valutazzjoni reċiproka;jilqa’ b’sodisfazzjon l-ispirtu ta’ koperazzjoni u fiduċja reċiproka li pprevala waqt id-diskussjonijiet;

15. Huwa tal-fehma li l-eżerċizzju ta' valutazzjoni reċiproka kkontribwixxa għall-iżvilupp ta' 'spirtu Ewropew' fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali u ppermetta lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jsiru jafu ’l xulxin aħjar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-għarfien u l-esperjenza miksuba mill-valutazzjoni reċiproka jinżammu u jintużaw għat-titjib tas-Suq Uniku tas-servizzi;

16. Jinnota li l-involviment tal-partijiet interessati fil-proċess tal-valutazzjoni reċiproka kien limitat; jirrikonoxxi li ċertu ammont ta’ kunfidenzjalità kien kundizzjoni importanti biex tinħoloq fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri; madankollu jiddispjaċih li ma ngħatax rispons regolari dwar il-proċess lill-partijiet interessati;

17. Huwa konxju tal-ispejjeż amministrattivi relatati mal-valutazzjoni reċiproka, speċjalment fl-Istati Membri fejn l-amministrazzjoni fil-livell reġjonali kienet involuta fil-proċess;

III.      Riżultati u segwitu biex jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Intern tas-Servizzi

18. Huwa tal-fehma li l-proċess tal-valutazzjoni reċiproka fid-Direttiva tas-Servizzi huwa strument importanti biex jiġu identifikati inizjattivi ulterjuri bl-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi; jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tipproponi sett ta’ azzjonijiet biex tkompli żżid il-momentum miksub waqt il-fażijiet tal-implimentazzjoni u l-valutazzjoni reċiproka;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Parlament infurmat dwar il-progess u r-riżultati tad-djalogu mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjonijiet ulterjuri ta’ infurzar meta jkun hemm bżonn;

20. Jistenna bil-ħerqa l-valutazzjoni ekonomika mħabbra tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi u l-impatt tagħha fuq il-funzjonament tas-suq tas-servizzi; jittama li din il-valutazzjoni tippermetti li jkun imkejjel l-impatt reali tad-Direttiva fuq l-attività ekonomika u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza massima hi u twettaq dan il-kompitu u jistieden lill-Kummissjoni tissottometti dak li tkun sabet appena jkun disponibbli;

21. Jilqa’ l-inizjattiva tal-verifika tal-prestazzjoni tas-suq intern u jittama li dan l-eżerċizzju jtejjeb b’mod sinifikanti l-fehim prattiku ta’ kif huma applikati biċċiet differenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE u kif jinteraġixxu fil-prattika; Iqis li l-eżerċizzju tal-verifika tal-prestazzjoni għandu jitwettaq filwaqt li tiġi kkunsidrata l-perspettiva tal-utenti tas-Suq Uniku;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament Ewropew mill-qrib fl-inizjattiva tal-verifika tal-prestazzjoni;

23. Jitlob li x-xkiel regolatorju li għad fadal, bħalma huma r-regoli dwar attivitajiet riżervati, l-obbligu tal-assikurazzjoni, il-forma ġuridika u r-rekwiżiti tal-proprjetà tal-kapital, jiġi ttrattat; jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq ir-rekwiżiti inġustifikati jew sproporzjonati li għandhom jiġu aboliti ħalli jkun iggarantit il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku;

24. Jiddeplora l-fatt li ma ttieħdet ebda azzjoni preċedentament f’oqsma fejn il-problemi ilhom magħrufa;

25. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma provdietx kriterji biex jintgħażlu tipi speċifiċi ta’ rekwiżiti għal azzjonijiet immirati; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika r-raġunijiet li għalihom it-tipi l-oħra ta’ rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva tas-Servizzi, bħan-numru minimu ta’ impjegati, it-tariffi fissi minimi jew massimi, tqiesu inqas importanti minn dawk identifikati fil-Komunikazzjoni tagħha;

26. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor u tippreżenta data li tikkwantifika l-impatt ta’ diversi rekwiżiti li fadal li, jekk jitneħħew, jitjieb il-funzjonament tas-Suq Uniku tas-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità fl-azzjonijiet immirati tagħha lit-tneħħija ta’ dawk ir-rekwiżiti biex b’hekk ikun hemm l-ogħla valur miżjud fil-funzjonament tas-Suq Uniku tas-servizzi f’ottemperanza sħiħa għall-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar is-Servizzi; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tiffoka l-azzjoni tagħha fuq is-setturi u l-professjonijiet li għandhom potenzjal kbir ta’ tkabbir għall-forniment transkonfinali tas-servizzi;

27. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli u żżid il-ħidma tagħha mal-Istati Membri fuq bażi individwali sabiex ikun hemm traspożizzjoni u implimentazzjoni kompleti u korretti tad-Direttiva tas-Servizzi fl-Istati Membri kollha;

28. Huwa tal-fehma li għad hemm ħafna ostakli nazzjonali fis-seħħ, li jnaqqsu, b’mod partikolari, ir-rata ta’ tkabbir fis-servizzi professjonali bejn in-negozji; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li r-rekwiżiti l-ġodda u dawk li fadal ikunu nondiskriminatorji, meħtieġa u proporzjonati; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b’mod aktar attiv flimkien mal-Istati Membri biex jissorveljaw mill-qrib u jiżguraw li jiġu komunikati kif jixraq il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali rilevanti relatati mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva tas-Servizzi;

29. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex jiżguraw l-applikazzjoni tajba fl-Istati Membri tal-klawżola tal-libertà tal-forniment tas-servizzi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva tas-Servizzi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni komprensiva tas-sitwazzjoni attwali dwar il-forniment transkonfinali ta’ servizzi fl-UE li tinkludi r-raġunijiet li jispjegaw ir-rata moderata ta’ tkabbir f’dan is-settur, u ħarsa ġenerali dettaljata tal-effettività tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tad-Direttiva tas-Servizzi;

30. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet differenti li huma rilevanti b’mod kruċjali għall-attivitajiet tas-servizzi;

31. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u xierqa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tas-Servizzi li ma kinux inklużi fil-proċess tal-valutazzjoni reċiproka, bħall-Punti ta’ Kuntatt Uniku u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-diżposizzjonijiet rilevanti jiġu infurzati b’mod strett;

32. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kontroll u lill-valutazzjonijiet regolari tal-funzjonament tal-Punti ta' Kuntatt Uniku fl-Istati Membri, li għandhom rwol ewlieni fl-għoti ta' servizzi bl-informazzjoni neċessarja disponibbli għall-fornituri tas-servizzi b'mod aġġornat u faċli biex jintuża;

33. Jinnota r-rwol importanti tal-mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni tal-kontroversji u l-ħall tal-problemi, bħas-SOLVIT, biex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi, b'mod partikolari l-SMEs, ikunu jistgħu jużufruwixxu b'mod sħiħ minn jeddijiethom marbutin mas-Suq Uniku; jilqa' l-avviż mill-Kummissjoni li se tivvaluta l-effikaċja ta' dawn l-għodod u tirrapporta dwar il-ħtieġa ta' aktar inizjattivi speċifiċi;

34. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-fornituri tas-servizzi, iżda anke dawk li jirċievu dawn is-servizzi, għandhom jiġu megħjuna jinfurzaw id-drittijiet tagħhom, u jirrakkomanda li jkomplu jiġu żviluppati l-għodda eżistenti bħal pereżempju s-SOLVIT;

IV. Il-Proċess ta’ Valutazzjoni Reċiproka bħala għodda

35. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-użu tal-valutazzjoni reċiproka f’oqsma tal-politika oħra, meta jkun xieraq; jemmen li l-valutazzjoni reċiproka wriet li hija innovattiva u utli, u għandha titqies bħala għodda biex jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku;

36. Jissuġġerixxi, għalhekk, li tiġi kkunsidrata valutazzjoni reċiproka “ħafifa” (light-touch) u fejn jixraq din tiġi introdotta għall-valutazzjoni reċiproka ta’ oqsma ta’ politika koperti bid-direttivi “orizzontali” li permezz tagħhom l-Istati Membri żammew spazju sinifikanti ta’ manuvrar, bl-għan li jkun hemm leġiżlazzjoni aktar uniformi, jinħolqu relazzjonijiet aħjar u fehim reċiproku bejn l-Istati Membri, u tiġi evitata “sovraregolamentazzjoni”;

37. Jirrakkomanda li l-valutazzjoni reċiproka għandha tintuża bħala “strument flessibbli” skont il-każ individwali; jissuġġerixxi li din l-għodda għandha tiġi proposta b’mod immirat għall-inklużjoni f’ċerti Direttivi ta’ natura “orizzontali” li jinvolvu diversi miżuri ta’ traspożizzjoni u li jipprovdu għal marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri; jissuġġerixxi barra minn hekk użu mmirat tal-valutazzjoni reċiproka fejn id-dispożizzjonijiet ewlenin ta’ Direttiva biss jiġu suġġetti għall-proċedura;

38. Jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, biex tiddefinixxi b’mod ċar l-għanijiet u r-riżultati tal-valutazzjoni reċiproka qabel ma tiġi proposta valutazzjoni reċiproka dwar Direttivi oħra, biex tiżgura li l-proċess ma jimponix piż bla bżonn fuq l-awtoritajiet li jevalwaw;

39. Jemmen li d-“diskussjonijiet fi gruppi” għandhom jibqgħu l-element ċentrali tal-proċess tal-valutazzjoni reċiproka; jemmen li numru limitat ta’ esperti magħżula bir-reqqa biex jipparteċipaw f’diskussjonijiet fi gruppi joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-effiċjenza u l-kisba tar-riżultati; huwa tal-fehma li l-valutazzjoni reċiproka għandha tiġi żviluppata iktar bħala proċedura għall-iskambju tal-aħjar prattiki u esperjenzi fl-iżvilupp tal-politiki bejn l-Istati Membri u li r-rwol tal-Kummissjoni jista’ jiġi kjarifikat f’termini ta’ gwida u tmexxija tal-proċess, b’mod partikolari waqt id-diskussjonijiet fi gruppi; huwa tal-fehma li l-kompożizzjoni tal-gruppi għandha tirrifletti dejjem l-aspettattivi tal-Istati Membri u l-impatt potenzjali fuq is-Suq Uniku;

40. Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza billi tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-kontenut u l-progress tad-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri u billi tippreżenta rapporti regolari fl-istadji differenti kollha tal-valutazzjoni reċiproka biex il-partijiet interessati kollha jinżammu aġġornati; jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika l-konklużjonijiet ewlenin tal-laqgħat fil-gruppi u dawk plenarji;

41. Jindika li t-tabelli ta’ korrelazzjoni u valutazzjoni reċiproka għandhom finijiet differenti u għalhekk għandhom jitqiesu bħala għodod ta' politika separati u mhux interkambjabbli, u li t-tabelli ta' korrelazzjoni huma għalhekk indispensabbli fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea;

42. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

L-OBJETTIV TAR-RAPPORT

Dan ir-rapport jagħti ħarsa lejn l-esperjenzi tal-valutazzjoni reċiproka fil-qafas tad-Direttiva tas-Servizzi, u jagħti appoġġ ġenerali iżda kundizzjonali għall-applikazzjoni ta’ dan il-metodu f’oqsma tal-politika oħra. Dan ir-rapport janalizza wkoll ir-riżultati u s-segwitu tal-valutazzjoni reċiproka għall-funzjonament aħjar tas-suq intern tas-servizzi u jappoġġja azzjonjiet proposti mill-Kummissjoni.

KUNTEST ĠENERALI

Id-Direttiva tas-Servizzi ġiet adottata fl-2006 u għadha għodda vitali għall-istabbiliment ta’ Suq Uniku tas-servizzi li jiffunzjona bis-sħiħ. L-Istati Membri għamlu sforz sinifikanti favur l-implimentazzjoni. Madankollu, dawn l-isforzi għandhom jiżdiedu għall-implimentazzjoni totali u korretta tad-Direttiva tas-Servizzi u għall-istabbiliment ta’ Punti ta’ Kuntatt Uniku kompletament operattivi.

Il-proċess tal-valutazzjoni reċiproka kien previst fl-Artikolu 39 tad-Direttiva tas-Servizzi. Huwa għodda innovattiva użata għall-ewwel darba fl-istrument legali tal-UE. L-għan ewlieni tagħha fil-qafas tad-Direttiva tas-Servizzi kien il-valutazzjoni tal-istat tas-suq intern tas-servizzi wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Il-proċess tal-valutazzjoni reċiproka ma kienx ikopri d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva iżda kien iffukat fuq it-tipi ta’ rekwiżiti speċifiċi li għalihom id-Direttiva ma kinitx tipprovdi projbizzjoni, iżda li kienu jħallu ċertu lok ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Il-valutazzjoni reċiproka ffukat fuq in-numru ta’ rekwiżiti legali tipikament imposti fuq il-fornituri tas-servizzi, li jikkonċernaw:

1. l-istabbiliment tan-negozji

2. il-forniment transkonfinali tas-servizzi

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi jagħti ħarsa lejn ix-xogħol imwettaq mill-Istati Membri; Huwa jagħti wkoll indikazzjoni tal-approċċi applikati u l-għażliet tal-politika tal-Istati Membri meta jevalwaw ċerti rekwiżiti. Barra minn hekk dan id-dokument jagħmel valutazzjoni dettaljata inizjali tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tas-Servizzi (speċjalment f’dak li jirrigwarda l-Artikoli 9, 15, u 16).

L-ESPERJENZI FIR-RIGWARD TAL-PROĊESS TA’ VALUTAZZJONI REĊIPROKA

Għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 39 tad-Direttiva tas-Servizzi għadu vag f’dak li jirrigwarda l-għanijiet preċiżi tal-valutazzjoni reċiproka. Dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni wassal għal stennijiet u perċezzjonijiet differenti fir-rigward ta’ dan il-proċess fost il-partijiet interessati iżda anke fost dawk li jfasslu l-politika. Il-konfużjoni komuni hija li l-valutazzjoni reċiproka tiġi assoċjata mal-ħidma relatata mal-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi. Għalhekk ir-rapporteur tiegħek jemmen li għandu jiġi enfasizzat li l-valutazzjoni reċiproka saret wara l-implimentazzjoni.

Din is-sekwenza tidher li hija ġġustifikata meta jitqies li matul il-valutazzjoni reċiproka l-Istati Membri kienu qed jiddiskutu l-bidliet fil-qafas regolatorju tagħhom u r-rekwiżiti miżmuma, aboliti jew mibdula b’riżultat tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi. Għalhekk, id-diskussjonijiet ippermettew li jkun hemm fehim aħjar tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u tal-ostakli li għad hemm wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi. Dan għandu jitqies bħala kontribut kbir għal valutazzjoni aħjar tal-istat attwali tas-Suq Uniku tas-servizzi. Madankollu, id-dewmien fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi ppreżenta sfida għall-proċess tal-valutazzjoni reċiproka, billi għamel id-diskussjonijiet aktar diffiċli speċjalment għal dawk l-Istati Membri fejn it-traspożizzjoni ma kinitx finalizzata.

Waqt il-ħidma fuq l-valutazzjoni reċiproka, l-Istati Membri ġew imqassma f’6 gruppi, li kull wieħed minnhom kien magħmul minn 5 pajjiżi. Il-kompożizzjoni fi gruppi ġiet proposta mill-Kummissjoni b’kunsiderazzjoni tal-lingwi, tal-livelli kummerċjali u tal-viċinanza ġeografika. Mhux l-Istati Membri kollha kienu sodisfatti bl-allokazzjoni magħmula. Id-“diskussjonijiet fi gruppi” kienu meqjusa bħala element kruċjali tal-valutazzjoni reċiproka. Ir-rapporteur tittama li l-esperjenza tal-involviment dirett tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-“ispirtu Ewropew” ikomplu jintużaw għas-suq uniku tas-servizzi.

Madankollu, l-valutazzjoni reċiproka qajmet kwistjonijiet dwar it-trasparenza tal-proċess u dwar jekk il-partijiet interessati għandhomx ikunu involuti fil-proċess li jolqothom direttiment, u jekk iva, sa liema punt għandhom ikunu involuti. Ir-rapporteur tiegħek temmen li l-effiċjenza tal-proċess tirrikjedi ċertu livell ta’ kunfidenzjalità, iżda temmen ukoll li r-rapporti dwar il-progress kellhom jiġu pprovduti lill-partijiet interessati.

RIŻULTATI U SEGWITU BIEX JITTEJJEB IL-FUNZJONAMENT TAS-SUQ INTERN TAS-SERVIZZI

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi - nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi” tuża s-sejbiet tal-valutazzjoni reċiproka biex tippreżenta passi ulterjuri bl-għan li jinkiseb benefiċċju sħiħ mis-Suq Uniku tas-servizzi. Ir-rapporteur tiegħek tappoġġja l-azzjonijiet immirati proposti mill-Kummissjoni, iżda temmen li għandhom ikunu ffukati fuq il-miżuri li jagħtu l-massimu ta’ valur miżjud lill-funzjonament tas-suq uniku.

Mingħajr ebda dubju, it-traspożizzjoni totali u korretta tad-Direttiva tas-Servizzi tibqa’ l-prijorità urġenti. Il-laqgħat bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva diġà qegħdin isiru. Ir-rapporteur tiegħek temmen li l-Parlament għandu jinżamm infurmat dwar il-progress ta’ dan id-djalogu u fejn ikun hemm bżonn il-Kummissjoni m’għandhiex toqgħod lura milli tieħu miżuri ta’ infurzar.

L-ewwel valutazzjoni ekonomika tal-implimentazzjoni attwali tad-Direttiva se ssir ukoll mill-Kummissjoni. Billi l-Parlament diġà talab valutazzjoni komprensiva tad-Direttiva tas-Servizzi fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Jannar 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi 2006/123/KE, ir-rapporteur tiegħek temmen li r-riżultati tagħha għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-Parlament malli jkunu disponibbli.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li twettaq “verifiki tal-prestazzjoni” biex tivvaluta kif biċċiet differenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE jaħdmu fil-prattika u kif jinteraġixxu bejniethom. L-attivitajiet riżervati , ir-rekwiżiti tal-forma legali u ta’ sjieda kapitali, u l-obbligi ta’ assigurazzjoni se jkunu wkoll soġġetti għall-analiżi dettaljata billi ġew identifikati li għadhom qed joħolqu ostakli għan-negozji u ċ-ċittadini.

Il-libertà tal-forniment tas-servizzi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva tas-Servizzi hija waħda mid-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva tas-Servizzi. Ir-riżultati tal-valutazzjoni reċiproka juru li r-rekwiżiti applikati għas-servizzi transkonfinali għadhom meqjusa bħala problema serja. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu iktar biex jiżguraw l-applikazzjoni tajba tagħhom. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva, ir-rapport dwar l-applikazzjoni tal-klawżola tal-libertà tal-forniment tas-servizzi għandu jkun disponibbli sa tmiem l-2011. Il-Parlament qiegħed jistenna dan ir-rapport biex jifhem aħjar il-problemi ffaċċjati fil-forniment transkonfinali tas-servizzi.

IL-VALUTAZZJONI REĊIPROKA BĦALA GĦODDA

Il-valutazzjoni ġenerali tal-valutazzjoni reċiproka bħala għodda tal-politika hija pożittiva. Ir-rapporteur jemmen li l-esperjenzi u r-riżultati tal-valutazzjoni reċiproka huma utli u prezzjużi u għalhekk jipproponi li l-użu tagħha jiġi estiż għal oqsma oħra tal-politika. Madankollu, id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-valutazzjoni reċiproka għal Direttivi oħra tal-UE għandha tkun bilanċjata u għandha ssir skont il-każ individwali, u għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

· il-proċess għandu jkun limitat għad-Direttiva qafas li tagħti ċertu ammont ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri;

· il-valutazzjoni reċiproka għandha tkopri biss id-dispożizzjonijiet ewlenin, u tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn diversi dispożizzjonijiet ikunu soġġetti għall-proċedura u jinħolqu piżijiet burokratiċi bla bżonn fuq l-amminstrazzjonijiet tal-Istati Membri.

Ir-rapporteur temmen li d-“diskussjonijiet fi gruppi” għandhom jintużaw iktar fil-proċess tal-valutazzjoni reċiproka. Madankollu, il-kompożizzjonijiet fi gruppi għandhom jiġu diskussi b’mod aktar dettaljat mal-Istati Membri filwaqt li jiġu kkunsidrati l-istennijiet tagħhom u b’mod partikolari l-impatt fuq is-Suq Uniku. Ir-rapporteur temmen ukoll li għandha tittejjeb it-trasparenza tal-proċess. Ċertu grad ta’ kunfidenzjalità jidher li huwa neċessarju biex jitrawmu d-diskussjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri iżda rapporti regolari għandhom ikunu disponibbli għall-partijiet interessati.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI (13.9.2011)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar il-Proċess ta’ Valutazzjoni Reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi
(2011/2085(INI))

Rapporteur: Frank Engel

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi s-servizzi jammontaw għal madwar 75% tal-PDG tal-UE u 70% tal-impjiegi kollha fl-UE, u filwaqt li s-servizzi koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi jammontaw għal 45% tal-PDG u 43% tal-impjiegi fl-UE, il-kummerċ intra-UE fis-servizzi jirrappreżenta biss 5% tal-PDG u huma 8% biss tal-SMEs li bħalissa għandhom attività barra minn pajjiżhom,

1.  Jinnota r-riżultati tal-valutazzjoni u jilqa’ l-pjanijiet futuri ddelineati mill-Kummissjoni; iħeġġeġ li x-xkiel regolatorju li għad fadal, bħalma huma r-rekwiżiti tar-riżerva tal-attivitajiet, l-obbligu tal-assikurazzjoni, il-forma ġuridika u r-rekwiżiti tal-proprjetà tal-kapital jiġi ttrattat; jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq ir-rekwiżiti inġustifikati jew sproporzjonati li għandhom jiġu aboliti ħalli jkun iggarantit il-funzjonament lixx tas-Suq Uniku;

2.  Minħabba li fis-snin reċenti, is-servizzi kienu għajn ta’ ħolqien net ta' impjiegi fl-UE, iqis li l-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku għadu ma ntlaħaqx u li d-Direttiva dwar is-Servizzi hija għodda importanti biex ikompli jiġi żblukkat dan il-potenzjal għal tkabbir u impjiegi sostenibbli u soċjalment inklużivi;

3.  Jisħaq li, bħala riżultat tal-kriżi, is-suq tax-xogħol tal-UE jista' jibqa' frammentat fit-terminu t-twil u li huma meħtieġa rieda politika mġedda u azzjoni determinata biex jiġi żviluppat is-settur Ewropew tas-servizzi, joktor il-kummerċ fis-servizzi u biex tiġi promossa aktar il-libertà tal-forniment ta' servizzi transkonfinali;

4.  Għall-fini ta’ Suq Uniku effikaċi u funzjonanti kif imiss fil-qasam tas-servizzi, jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kontroll u lill-valutazzjonijiet regolari tal-funzjonament tal-Punti ta' Kuntatt Uniku fl-Istati Membri, li għandhom rwol ewlieni fl-għoti ta' servizzi bl-informazzjoni neċessarja disponabbli għall-fornituri tas-servizzi b'mod aġġornat u faċli biex jintuża;

5.  Jinnota li ċerti servizzi ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi minħabba fin-natura speċifika tagħhom u li jsita’ jkun hemm ħtieġa li tiġi adottata leġiżlazzjoni settorjali tal-UE, filwaqt li jiġi żgurat li l-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà jiġu osservati;

6.  Għall-fini li ċ-ċittadini u l-ħaddiema tal-UE jiġu mħarsa minn fornituri ta’ servizzi li l-azzjonijiet tagħhom ikunu ta’ ħsara serja għas-saħħa, is-sikurezza jew l-ambjent tagħhom, jisħaq dwar il-ħtieġa ta' għajnuna reċiproka mtejba u skambju ta' informazzjoni fost l-Istati Membri dwar il-kontrolli, l-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-fornituri stabbiliti fit-territorju tagħhom li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom b'mod illegali;

7.  Ifakkar li l-Att dwar is-Suq Uniku jinkludi impenn li għandhom jitressqu, fl-2011, sett ta’ miżuri li għandhom itejbu l-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi; jilqa’ l-miżuri proposti skont l-Att dwar is-Suq Uniku li jindirizzaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jipprestaw servizzi fl-UE, l-aktar għall-ħaddiema kollokati; jenfasizza l-ħtieġa li s-Suq Intern tal-UE jkun ibbażat fuq regoli ekonomiċi u soċjali sodi biex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd;

8.  Jemmen li, għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 u tal-Att dwar is-Suq Uniku, hemm il-ħtieġa, oltre għad-Direttiva dwar is-Servizzi, li jkunu ttrattati kwestjonijiet komplementari marbutin mal-mobilità tal-fornituri u l-ħaddiema tal-qasam tas-servizzi; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni, bħala parti mill-"kontroll tal-prestazzjoni" tagħha tas-Suq Uniku għas-servizzi, tqis l-istrumenti tal-UE lil hinn mid-Direttiva dwar is-Servizzi, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, mal-portabilità tal-jeddijiet tal-pensjoni, u l-kjarifika tal-interpretazzjoni u l-implementazzjoni tar-regoli dwar il-kollokazzjoni tal-ħaddiema u ċerti dispożizzjonijeit dwar is-sigurtà soċjali u d-Dritt tax-Xogħol filwaqt li jiġu mħarsa f’kull ħin il-jeddijiet u intitolamenti tal-pensjoni tal-ħaddiema;

9.   Jenfasizza li l-fornituri żgħar u ta' daqs medju ta' servizzi, li huma xpruni ewlenin għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, huma milqutin l-agħar minn rekwiżiti inġusti jew sproporzjonati; jinnota r-rwol importanti tal-mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni tal-kontroversji, bħas-SOLVIT, biex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi, b'mod partikolari l-SMEs, ikunu jistgħu jużufruwixxu b'mod sħiħ minn jeddijiethom marbutin mas-Suq Uniku; jilqa' l-avviż mill-Kummissjoni li se tivvaluta l-effikaċja ta' dawn l-għodod u tirrapporta dwar il-ħtieġa ta' aktar inizjattivi speċifiċi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.9.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Jean-Luc Bennahmias, Mara Bizzotto, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Sergio Gaetano Cofferati, Tadeusz Cymański, Frédéric Daerden, Proinsias De Rossa, Sari Essayah, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Thomas Händel, Marian Harkin, Liisa Jaakonsaari, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Siiri Oviir, Rovana Plumb, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Raffaele Baldassarre, Jürgen Creutzmann, Kinga Göncz, Evelyn Regner, Csaba Sógor, Cecilia Wikström

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emma McClarkin

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.9.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Cornelis de Jong, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Toine Manders, Phil Prendergast, Mitro Repo, Heide Rühle, Matteo Salvini, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Canfin, Frank Engel, Marielle Gallo, Anna Hedh, María Irigoyen Pérez, Othmar Karas, Constance Le Grip, Antonyia Parvanova, Sylvana Rapti, Olle Schmidt, Kyriacos Triantaphyllides, Anja Weisgerber

 ·