Proċedura : 2011/2008(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0338/2011

Testi mressqa :

A7-0338/2011

Dibattiti :

PV 14/12/2011 - 22
CRE 14/12/2011 - 22

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2011 - 9.10
CRE 15/12/2011 - 9.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0588

RAPPORT     
PDF 250kWORD 237k
11.10.2011
PE 469.951v03-00 A7-0338/2011

dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali

(2011/2008(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Nicole Kiil-Nielsen

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali

(2011/2008(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni (PCAs) konklużi bejn l-UE u l-Uzbekistan, ir-Repubblika Kirgiża, il-Kazakstan u t-Taġikistan, il-Ftehim Interim fuq il-Kummerċ u Affarijiet relatati mal-Kummerċ bejn il-Komunitajiet Ewropej u t-Turkmenistan, u l-PCA bejn l-UE u t-Turkmenistan, iffirmat nhar il-25 ta’ Mejju 1998, li għadu ma ġiex ratifikat,

–   wara li kkunsidra l-strateġija tal-UE għal Sħubija ġdida mal-Ażja Ċentrali, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-21-22 ta’ Ġunju 2007(1) u r-rapporti konġunti ta' progress magħmulin mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2008 u tal-14 ta' Ġunju 2010(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażja Ċentrali, b’mod partikolari dawk tal-20 ta’ Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali(3), tas-6 ta’ Mejju 2010(4) u tat-8 ta' Lulju 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżstan, tal-11 ta’ Novembru 2010 wdar it-tisħiħ tal-OSCE – rwol għall-UE, tal-25 ta’ Novembru 2010 jismu ‘Lejn Strateġija ġdida dwar l-Enerġija għall-Ewropa 2011-2020’, tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-UE dwar il-kwestjoni(5) u tas-7 ta’ Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni(6),

–   wara li kkunsidra l-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem imnedija fl-2003 bl-iskop li jkunu promossi l-jeddijiet tal-bniedem u jingħata appoġġ għar-riforma penali, id-demokrazija, il-governanza t-tajba, il-libertà tal-istampa, l-istat tad-dritt, l-istrutturi ta’ sigurtà (pulizija, forzi armati) u l-prevenzjoni tal-kunflitti, u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (Regolament (KE) Nru 1889/2006)(7),

–   wara li kkunsidra l-laqgħat ministerjali biennali UE-Ażja Ċentrali li saru sa mill-2007 u l-Konferenzi Ministerjali UE-Ażja Ċentrali dwar il-kwestjonijiet tas-sigurtà li saru fl-2008 u fl-2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0338/2011),

A. billi l-iżvilupp sostenibbli ta’ kull pajjiż jippresupponi l-ħarsien tal-jeddijiet tal-bniedem, it-twaqqif u l-implementazzjoni tal-valuri u istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat ta' dritt u l-libertajiet fundamentali, flimkien ma' governanza tajba u soċjetà ċivili f'saħħitha,

B.  billi hemm nuqqasijiet serji f'dak li jirrigwarda d-demokrazija, il-jeddijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali fl-istati tal-Ażja Ċentrali,

C. billi kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-ħames pajjiżi tal-Ażja Ċentrali hija ta' interess strateġiku reċiproku għad-diversifikazzjoni u l-approfondiment tar-relazzjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi u għal użu sħiħ tal-potenzjal li l-ftehimiet ta’ sħubija joffru,

D. billi l-Ażja Ċentrali għandha importanza sinifikanti għall-Unjoni Ewropea rigward il-potenzjal kummerċjali u s-sigurtà tal-enerġija u billi r-reġjun ġie milqut mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali riċenti,

E.  billi xi Stati Membri għandhom relazzjonijiet bilaterali b'saħħithom mal-Istati tal-Ażja Ċentrali, peress li huma sorsi ewlenin ta' investiment u kummerċ u billi l-UE teħtieġ approċċ konċertat u koerenti lejn ir-reġjun sabiex tevita nuqqas ta' fehim, irduppjar ta' kompiti u l-aktar importanti, il-bgħit ta' messaġġi kontradittorji,

F.  billi xi Stati tal-Ażja Ċentrali ħadu l-ewwel passi fi proċess twil ta’ demokratizzazzjoni li fih l-isforzi kontinwi u serji fil-governanza u l-kooperazzjoni reġjonali huma prerekwiżiti neċessarji għat-tegħlib tan-nuqqas persistenti li s’issa ma ħallewhom jirrealizzaw il-potenzjal politiku, soċjali u ekonomiku sħiħ tagħhom,

G. billi l-SMEs huma r-rappreżentazzjoni tal-intraprenditorija u l-ispirtu ta' suq ħieles, u huma forza qawwija fl-istabbiliment tad-demokraziji,

H. billi n-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka jagħmel agħar it-tensjonijiet marbutin mal-kondiviżjoni tar-riżorsi naturali, jimmina l-kooperazzjoni reġjonali u jkattar ir-riskji tal-konfronti; billi, b’danakollu, il-problemi tad-disponibilità tal-ilma ġejjin aktar mill-ġestjoni ħażina u l-ħala tar-riżorsi tal-ilma milli minn defiċit kwantitattiv,

I.   billi l-UE u l-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali għandhom interess komuni fid-diversifikazzjoni tar-rotot tal-esportazzjoni u fil-kooperazzjoni dwar l-enerġija u s-sostenibbiltà ambjentali,

J.   billi t-tħassib dwar is-sigurtà u l-istabilità fir-reġjun għandhom jinkludu mhux biss is-sigurtà tal-istat, iżda wkoll is-sigurtà tal-popolazzjonijiet permezz, fost l-oħrajn tar-rispett għall-jeddijiet tal-bniedem, l-għaxjien, l-ambjent u l-aċċess għas-servizzi pubbliċi bażiċi,

L-impenn tal-UE

1.  Jissottolinja l-interess qawwi politiku u ekonomiku tal-UE fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħha mal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali fl-oqsma kollha tal-kooperazzjoni, bħal pereżempju l-istabilità, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, l-enerġija u l-konnessjonijiet tat-trasport, it-tisħiħ tad-djalogu fuq il-valuri universali bħalma huma d-demokrazija, ir-rispett lejn il-jeddijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, sfidi u theddid komuni, inklużi l-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kummerċ fil-bnedmin;

2.  Jindika li l-Istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali tidentifika seba’ prijoritajiet iżda tipprovdi biss livell baxx ta’ riżorsi; josserva, b’rabta ma’ dan, li l-fondi ta’ għajnuna tal-UE huma limitati wisq biex l-UE jkun jista’ jkollha impatt fuq l-oqsma kollha tal-politika; iħeġġeġ lill-UE biex tiżviluppa viżjoni kollettiva u biex tiddefinixxi u tistabbilixxi aħjar il-prijoritajiet tagħha; jindika li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-istati tal-Ażja Ċentrali tista' trendi r-riżultati jekk kemm-il darba dawn l-istati jkunu konformi mal-istandards internazzjonali tad-demokrazija, tal-governanza, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem; bl-istess mod jindika li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE m'għandhiex tkun subordinata għal interessi ekonomiċi, tal-enerġija jew dawk tas-sigurtà;

3.  Iqis li l-UE jeħtieġ li żżomm livell għoli ta’ impenn fl-Ażja Ċentrali, billi ssawwar l-istrateġiji tagħha skont il-progress tal-Istati fir-reġjun; jisħaq dwar il-fat li l-livell u n-natura tal-impenn tal-UE għandhom ikunu ddifferenzjati u kundizzjonati, skont il-progress miżurabbli fl-oqsma tad-demokratizzazzjoni, il-jeddijiet tal-bniedem, il-governanza t-tajba, l-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli, l-istat tad-dritt u t-taqbida kontra l-korruzzjoni, billi toffri l-assistenza tagħha fejn tkun meħtieġa għat-trawwim ta’ dan il-progress, billi jkunu segwiti linji simili għall-prinċipji tal-politika tal-viċinat tal-UE (jiġifieri "iktar għal iktar");

4.  Jissottolinja l-bżonn li jiġi spjegat u promoss il-kunċett tal-UE tas-sigurtà u l-istabilità f'każ li jkun differenti minn tagħhom; jisħaq li l-UE għandha dmir tkun kritika fil-konfront tal-gvernijiet li jivvjolaw il-jeddijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħhom f'isem is-sigurtà nazzjonali;

5.  Jemmen li l-istrateġija futura tal-UE għall-Ażja Ċentrali għandha tislet tagħlimiet mir-riforma tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f’termini ta' differenzjar, kuntatt bejn in-nies u iktar attenzjoni għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u għandha tqis ukoll il-kuntest ġeopolitiku usa’;

6.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-ħidma kontinwa tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-qasam tal-iżgurar ta’ livell għoli ta’ djalogu politiku mal-Istati tal-Asja Ċentrali; ifakkar li l-mandat tiegħu jipprovdu wkoll għall-impenn mas-soċjetà ċivili lokali u li dan huwa neċessarju għall-viżibilità akbar tal-UE; jitlob li d-djalogu politiku jkun imsejjes fuq valutazzjoni tal-ottemperanza min-naħa tal-Istati tal-Ażja Ċentrali mal-impenji tagħhom bħala membri tal-OSCE;

7.  Iqis li r-reviżjoni tal-Istrateġija tal-Ażja Ċentrali teħtieġ li tikkunsidra l-bżonn li tappoġġja l-objettivi tagħha b'riżorsi finanzjarji suffiċjenti u li tistabbilixxi skemi ta' distribuzzjoni adegwati li jirriflettu r-realtajiet ta' kull pajjiż fir-reġjun; iqis li minħabba restrizzjonijiet finanzjarji, għandha tingħata attenzjoni lil programmi għal tul ta' żmien medju u twil li jista’ jkollhom l-akbar impatt fuq l-iżvilupp tal-pajjiż, speċjalment dawk għaż-żgħażagħ u l-edukazzjoni,l- assistenza teknika fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-promozzjoni tan-negozji żgħar u ta' daqs medju, kif ukoll is-sigurtà tal-ilma u l-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tintegra b’mod viżibbli, jew tal-inqas tirrikonċilja l-aġendi normattivi, tekniċi u dawk ibbażati fuq l-interess għall-Ażja Ċentrali; ifakkar ukoll l-obbligi dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp li tinsab fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jindika li l-implimentazzjoni tal-istrateġija tista’ tissaħħaħ, minn naħa, permezz ta’ koordinazzjoni interna msaħħa tal-UE u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ impenn intensifikat ma’ donaturi internazzjonali u partijiet interessati reġjonali oħra;

10. Jissuġġerixxi li l-approċċ reġjonali jiġi simplifikat permezz ta’ relazzjonijiet maċ-Ċina u r-Russja, bħala l-atturi ekonomiċi ewlenin fir-reġjun; huwa tal-fehma li l-approċċ lejn il-kwistjoni tal-enerġija mill-fjuwils fossili għandu jkun marbut mal-ipprogrammar tal-UE fir-reġjun tal-Kawkasu u tal-Baħar l-Iswed kif ukoll mat-Turkija;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta bir-reqqa d-distinzjoni bejn il-programmi u l-attivitajiet eliġibbli għall-iffinanzjar mill-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u dawk li għandhom ikunu ffinanzjati minn strumenti finanzjarji oħra bħalma huma l-Istrument għall-Istabilità (IfS) jew l-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija (EIDHR), partikolarment rigward il-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-applikazzjoni mtejba tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

12. Jenfasizza l-bżonn kontinwu għal djalogu regolari dwar il-jeddijiet tal-bniedem mal-ħames pajjiżi li huma, jiddispjaċih li l-progress globali in loco għadu skars u xi minn daqqiet saħansitra ġie reġistrat regress; iqis li l-eżistenza tad-djalogi dwar il-jeddijiet tal-bniedem ma għandhiex tintuża bħala skuża għall-esklużjoni tal-kwestjonijiet marbutin mal-jeddijiet tal-bniedem naxxenti f’oqsma oħrajn ta’ kooperazzjoni jew għalbiex ma jkun hemm impenn għal aktar azzjonijiet; jitlob li jkun hemm involviment sistematiku tal-NGOs u tal-atturi tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija ta’ dawn id-djalogi u li l-eżitu ta’ dawn id-djalogi għandu jsir pubbliku ħalli tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-effikaċja tagħhom u tal-impenn tal-partijiet;

13. Itenni l-importanza li ma jiġux traskurati pajjiżi bi dħul medju, bħal dawk fl-Ażja Ċentrali, fil-kuntest tal-politika ta’ żvilupp tal-UE ġenerali u l-isforzi biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs), peress li sforzi ta’ żvilupp – speċjalment fil-kuntest ta’ tnaqqis fl-għajnuna għall-iżvilupp minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali – ta’ spiss jiffukaw fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati biex b’hekk jiġi injorat ir-reġjun tal-Ażja Ċentrali;

14. Iqis li r-riżorsi limitati u l-ħafna ħtiġijiet tar-reġjun jeħtieġu li l-UE timmira b'mod rigoruż u tipprijoritizza l-assistenza tagħha, b'kunsiderazzjoni wkoll tal-effetti tal-korruzzjoni profonda u l-kompetenza amministrattiva insuffiċjenti dwar l-effikaċja tal-għajnuna tagħha; jitlob livelli konsistenti ta' għajnuna għall-iżvilupp li ntlaħaq ftehim dwarha bi flessibbiltà akbar fl-allokazzjoni u jappoġġja enfażi fuq l-għajnuna li trid tingħata lil Kirgiżistan u t-Taġikistan li għandhom l-akbar ħtiġijiet f'dan ir-rigward;

15. Jesprimi, iżda, id-dubju tiegħu dwar l-użu tal-appoġġ baġitarju fil-Kirgiżistan u t-Taġikistan, speċjalment minħabba l-korruzzjoni estensiva li teżisti f’dawn il-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar l-użu tal-appoġġ baġitarju f’dawn il-pajjiżi;

16. Jappoġġja b’qawwa l-ftuħ ta’ delegazzjonijiet kompletament funzjonanti tal-UE fil-pajjiżi kollha tal-Ażja Ċentrali bħala mezz għat-tkabbir tal-preżenza u l-viżibilità tal-UE fir-reġjun u tal-kooperazzjoni fit-tul u tal-impenn mas-setturi kollha tas-soċjetà u għat-tkattir tal-progress għal komprensjoni aħjar u biex ifiġġu l-istat tad-dritt u r-rispett għall-jeddijiet tal-bniedem; huwa konvint li l-preżenza ta’ tali delegazzjonijiet tikkontribwixxi bil-kbir għall-ksib tal-objettivi tal-istrateġija u l-interessi tal-UE fir-reġjun; jinsisti li dawn il-missjonijiet ikollhom persunal xieraq bi speċjalisti fl-affarijiet politiċi, fl-ekonomija u fil-kummerċ, ħalli jinkisbu riżultati massimi u tiġi pprovduta assistenza effikaċi;

17. Jirrakkomanda li fil-futur l-istrumenti TAIEX, ta’ Ġemellaġġ, u SIGMA jinfetħu għall-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali ħalli jappoġġjaw it-titjib tal-istandards u r-riformi neċessarji;

18. Jinnota bi tħassib id-diffikultajiet li qed tiltaqa’ magħhom l-UE fl-impenn mas-soċjetà ċivili indipendenti fil-qasam tal-jeddijiet tal-bniedem u l-governanza t-tajba, u l-fastidju kontinwu tal-NGOs fir-reġjun; jitlob trasparenza akbar fl-allokazzjoni tal-finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri u r-riċevituri tiegħu, u għad-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri ħalli jkunu appoġġjati s-sħab mhux governattivi ġenwinament indipendenti ħalli jkunu megħjuna jkollhom rwol effettiv fl-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tas-soċjetà ċivili; huwa tal-fehma li l-promozzjoni kontinwa mill-UE tal-programmi mmirati lejn il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali hija għodda transkonfinali importanti biex jitrawmu l-fehim u l-kooperazzjoni bejn l-istati tar-reġjun;

19. Jenfasizza l-importanza ta' partiti ta' oppożizzjoni li jaħdmu liberament fir-reġjun u jħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi kollha tal-Ażja Ċentrali jiggarantixxu l-libertà politika;

20. Japprova li jkun hemm samits reġjonali regolari bejn l-UE u l-Ażja Ċentrali u jitlob li jiġi kkunsidrat l-istabbiliment futur possibbli ta' forum parlamentari UE-Ażja Ċentrali bħala mezz ta’ valutazzjoni u kontribuzzjoni għall-kontenuti tat-taħditiet tas-samits; jissottolinja l-importanza tal-koperazzjoni parlamentari bilaterali regolari fil-qafas tal-Kumitati tal-Koperazzjoni Parlamentari ġa eżistenti u l-laqgħat interparlamentari mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali; jara f'dan ir-rigward il-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni bħala l-bażi istituzzjonali għall-iskambju parlamentari msaħħaħ li jipprovdi fehim u rispett reċiproku; għalhekk jappoġġja l-FSK mal-ħames pajjiżi kollha tal-Asja Ċentrali; jenfasizza l-importanza ta' impenn aktar attiv tal-Parlament Ewropew fil-monitoraġġ tan-negozjati tal-ftehimiet ta' sħubija mal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali u l-implimentazzjoni ta' dawk eżistenti;

21. Jitlob lill-Unjoni Ewropea tkompli tappoġġja r-riforma tas-settur pubbliku fil-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali permezz ta' assistenza adegwata teknika u finanzjarja sabiex jinkisbu strutturi amministrattivi stabbli, riformati u modernizzati fil-pajjiżi kollha kkonċernati;

Id-demokratizzazzjoni, il-jeddijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt

22. Jinnota li, minkejja xi żviluppi kostituzzjonali jew ġuridiċi pożittivi seħħew fir-reġjun (l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fl-Uzbekistan, it-twaqqif tal-ombudsmen, xi riformi kostituzzjonali u fil-proċeduri ġudizzjarja, eċċ), is-sitwazzjoni globali fl-oqsma tal-jeddijiet tal-bniedem u tal-istat ta’ dritt għadha inkwetanti;

23. Jappoġġja l-konklużjonijiet tad-dokument tal-OECD “Central Asia Competitiveness Outlook” ta’ Jannar 2011 u jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema kif ukoll in-nuqqas ta’ appoġġ għas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, u dwar is-sistema edukattiva, l-SMEs, ir-riformi tas-sjieda tal-art u l-politiki ta’ investiment għar-reġjun, li jeħtieġu diversifikazzjoni ekonomika akbar, li attwalment ċentrata fuq is-setturi tal-enerġija u tal-estrazzjoni mill-mini.

24. Jitlob li jissaħħu d-djalogi tal-jeddijiet tal-bniedem ħalli jsiru aktar effettivi u orjentati aktar lejn ir-riżultati; jitlob f'dan ir-rigward involviment wiesa' tal-Parlament Ewropew fil-monitoraġġ ta' dawn id-djalogi; iħeġġeġ lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jivvalutaw l-impatt tad-djalogi preċedenti, iqisu l-benchmarks fil-kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew fil-progress milħuq mill-istati fir-reġjun fil-qasam tal-jeddijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, u tal-effikaċja tal-proġetti ta' assistenza tal-UE mmirati lejn dan l-iskop;

25. Jikkundanna kull użu tat-tortura u tar-restrizzjoni severa tal-mezzi tax-xandir u tal-libertà tal-espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni; iħeġġeġ lill-UE u lir-RGħ/VP tagħha jqanqlu pubblikament il-każijiet ta' priġunieri politiċi, difensuri tal-jeddijiet tal-bniedem u ġurnalisti mixħutin il-ħabs u jitlob li jkun hemm ir-rilaxx immedjat tagħhom;

26. Japprezza ħafna l-ħidma tal-fondazzjonijiet politiċi li jipprovdu kooperazzjoni prattika fil-proċess ta' demokratizzazzjoni permezz ta' presenza fit-tul fuq il-post;

27. Jara Inizjattiva tal-UE għall-Istat ta' Dritt bħala komponenti kjavi tal-kooperazzjoni mal-Istati tal-Ażja Ċentrali u japprova l-interazzjoni eżemplari bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha fl-implementazzjoni tal-proġetti ta’ assistenza; jinnota li kien hemm ftit interazzjoni bejn il-proġetti u s-soċjetà ċivili lokali u li interazzjoni akbar mas-soċjetà ċivili, membri parlamentari, titjib tal-aċċess għall-informazzjoni dwar l-inizjattiva minn atturi tas-soċjetà ċivili lokali għandhom itejbu l-viżibilità, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-attivitajiet tiegħu f'konformità mal-objettivi aktar wiesgħa tal-UE għat-titjib tal-Istrateġija tal-Ażja Ċentrali deskritta fir-rapport ta' Progress Konġunt; jisħaq dwar il-ħtieġa li l-proġett tal-Pjattaforma tal-Istat tad-Dritt ikun jinkludi objettivi ċari u valutazzjoni trasparenti tal-implementazzjoni tiegħu u r-riżultati miksubin, filwaqt li jkun evitat kull tisħiħ tal-komponenti repressivi tal-forzi tas-sigurtà; jenfasizza li implementazzjoni xierqa tal-Inizjattiva teħtieġ li tkun waħda mill-kriterji ewlenin fl-allokazzjoni tal-għajnuna u l-appoġġ baġitarju;

L-edukazzjoni, it-tfal u l-iskambju nies-għal-nies

28. Jissottolinja l-fatt li l-edukazzjoni hija l-pedament għal żvilupp demokratiku tas-soċjetà; jitlob għalhekk li jkun hemm kontinwazzjoni tal-isforzi għall-immodernizzar tas-settur tal-edukazzjoni pubblika, inkluża l-edukazzjoni fil-qasam tal-azjendi, u li jkunu bla ħlas u aċċessibbli, u għal intensifikazzjoni tal-Inizjattiva tal-Edukazzjoni, partikolarment l-iskambji akkademiċi internazzjonali tal-istudenti u l-għalliema, fil-kuntest usa' tal-appoġġ tal-kostruzzjoni ta' soċjetà ċivili msejsa fuq jeddijiet stabbli tal-bniedem u tax-xogħol fil-pajjiżi kollha tar-reġjun; jenfasizza li huwa essenzjali wkoll li jkunu promossi proċessi li jiżguraw il-parteċipazzjoni ta’ nisa u l-aċċess tagħhom fis-suq tax-xogħol;

29. Jinnota li l-ħidma tal-UE fl-edukazzjoni u l-jeddijiet tal-bniedem għandha tiġi kkumplimentata bl-azzjonijiet u l-programmi mmirati lejn iż-żgħażagħ bħala l-gruppi l-aktar vulnerabbli ta' dawn is-soċjetajiet; f’dan il-kuntest jitlob li jkun hemm aktar appoġġ tal-UE għall-inizjattivi taż-żgħażagħ fir-reġjun, l-aktar għal dawk li jistgħu jnaqqsu r-radikalizzazzjoni li kulma jmur qed tikber u jippromwovu t-tolleranza bejn iż-żgħażagħ f'dawn il-pajjiżi;

30. Jitlob lill-UE tkompli tappoġġja l-kuntatti bejn in-nies u skambji fl-oqsma tax-xjenza, in-negozju u l-edukazzjoni; f'dan il-kuntest, jinnota n-nuqqasijiet fl-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Edukazzjoni bejn l-UE u l-Asja Ċentrali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE tindirizzahom b'kooperazzjoni mill-qrib mal-ispeċjalisti tal-edukazzjoni u s-sħab tal-Asja Ċentrali;

31. Jisħaq dwar il-preokkupazzjoni kontinwati tiegħu dwar is-sitwazzjoni tat-tfal, b’mod partikolari l-prevalenza tax-xogħol imġiegħel tat-tfal f'forom u gradi differenti, u l-ħtieġa li l-pajjiżi kollha fir-reġjun jimplementaw tabilħaqq l-impennji internazzjonali tagħhom, l-aktar dawk skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Jeddijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar l-Età Minima u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar l-Agħar Forom ta' Xogħol tat-Tfal;

Integrazzjoni ekonomika u tkabbir sostenibbli

32. Jisħaq li l-istat ta’ dritt u l-progress ekonomiku huma interkonnessi; jirriafferma l-appoġġ tiegħu għad-diversifikazzjoni ekonomika tal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, l-iżvilupp ta’ settur enerġetiku sostenibbli u konnessjonijiet imtejbin ta’ trasport li jġonġu r-riżorsi tal-Kaspju mas-suq Ewropew bħala mezz ta’ kif jinkiseb l-iżvilupp ekonomiku u t-tkabbir kostanti tal-PGD; jistieden lill-UE trawwem il-ħolqien ta’ klima ta' stabilità ekonomika permezz ta' qafas ġuridiku żgur u stabbli, u billi tissielet il-korruzzjoni u n-nepotiżmu, li hija ħaġa kruċjali fl-attrazzjoni tal-investiment barrani, billi trawwem l-innovazzjoni u tistimola l-imprenditorija privata tabilħaqq, inklużi l-mikrokrediti għal proġetti mibdijin minn nisa indipedenti, skont l-istandards soċjali, tax-xogħol u ambjentali internazzjonali;

33. Jisħaq dwar il-ħtieġa li l-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali jippromwovu u jappoġġjaw il-proliferazzjoni tal-SMEs bħala wieħed mill-elementi meħtieġa għall-iżvilupp tal-pajjiżi kkonċernati, u jisħaq li l-UE għandha tagħti l-akbar prijorità lil dan fl-assistenza li tagħti lill-SMEs u skont il-mandat tal-BIE għall-Ażja Ċentrali u tirrilassa r-rekwiżiti tal-viża għan-nies li jkun qed jivvjaġġaw mill-Ażja Ċentrali għan-negozju jew għat-tagħlim għoli, filwaqt li jkun promossi l-istandards internazzjonali tax-xogħol, l-ambjent u r-responsabbilità soċjali tal-kumpanniji; jemmen ukoll li għandha tiġi evitata kull prattika diskriminatorja fir-rigward tal-industriji Ewropej, inkluż is-settur ewlieni tal-akkwist pubbliku, u jistieden lill-UE tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-SMEs mill-UE u l-SMEs mill-Ażja Ċentrali;

34. Jappoġġja integrazzjoni aktar b'saħħitha fl-ekonomija tad-dinja mill-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, partikolarment permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali u adeżjoni għad-WTO; jemmen li r-riformi strutturali mmirati lejn ekonomija tas-suq u l-aċċess għad-WTO huma vitali għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi u tar-reġjun u għall-integrazzjoni tar-reġjun fl-ekonomija dinjija;

35. Jissottolinja l-fatt li l-integrazzjoni ekonomika internazzjonali u l-kooperazzjoni ekonomika reġjonali huma approċċi komplementari u għalhekk għandhom ikunu segwiti b’mod ġenwin fl-Ażja Ċentrali;

36. Konxju mill-fatt li l-integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali hija dgħajfa; jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġiji kummerċjali differenzjati għal kull wieħed mill-ħames pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, skont il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom, u tħeġġeġ l-integrazzjoni intrareġjonali;

L-enerġija, l-ilma, l-ambjent

37. Jissottolinja l-importanza tad-diversifikazzjoni tal-fornitura tal-enerġija u l-materja prima, l-aktar il-ħamrija rari, lejn l-UE u għas-swieq tal-esportazzjoni, u t-teknoloġiji u n-know-how għall-Ażja Ċentrali; iqis li huwa tal-ikbar importanza li l-proġetti ta’ kooperazzjoni enerġetika jkunu jinkludu ftehimiet għall-fornitura fit-tul, li jkun iħaddan il-prinċipji tas-sostenibilità ambjentali u tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI); jitlob lill-UE tippromwovi l-EITI u inizjattivi oħra bħal dawn fl-istati kollha tar-reġjun li għandhom riżorsi estrattivi sinifikanti;

38. Jenfasizza l-importanza tal-enerġija fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, bħala sors maġġuri ta' dħul għall-istati, kif ukoll bħala sors potenzjali ta' sigurtà tal-enerġija għall-UE;

39. Jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jappoġġjaw il-proġetti tal-enerġija, kif ukoll jrawmu l-komunikazzjoni lejn għanijiet importanti bħal pereżempju r-rotta Transkaspjana; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kollha tal-Asja Ċentrali fl-inizjattiva BAKU;

40. Jirrikonoxxi l-importanza tal-kooperazzjoni tal-enerġija mal-Kazakistan u t-Turkmenistan peress li hija ta' benefiċċju kemm għal dawn iż-żewġ Stati kif ukoll għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea; jilqa', għalhekk, l-iffirmar ta’ memorandums ta’ ftehim mal-Kazakistan u t-Turkmenistan li jiddisponu għax-xiri ta' gass, kif ukoll il-passi meħuda fl-iżvilupp tal-Kuritur tan-Nofsinhar, speċjalment fil-forma tal-Proġett Nabucco; jindika madankollu li t-Turkmenistan għadha mhijiex membru tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI - Extractive Industries Transparency Initiative); jenfasizza għal darba oħra l-ħtieġa li titħeġġeġ aktar trasparenza fir-rigward tad-dħul minn riżorsi naturali; iħeġġeġ lill-UE biex, abbażi ta’ dan u permezz tad-djalogu tagħha dwar il-politika tal-enerġija, tappoġġja s-sħubija tat-Turkmenistan fl-EITI bil-ħsieb li jiġu integrati l-konsiderazzjonijiet ta’ governanza tajba fil-programmi tal-enerġija tal-UE;

41. Minħabba n-nuqqas tal-elettriku li dejjem qed jiżdied fl-Ażja Ċentrali, jissottolinja l-opportunitajiet għas-sinerġija reġjonali, inkluż fis-settur promettenti tal-enerġija rinovabbli; jitlob lill-UE tipprovdi appoġġ politiku u assistenza teknika għall-inizjattivi f'dan il-qasam;

42. Jinnota bi tħassib l-effett ħażin li kellha fl-Ażja Ċentrali l-kriżi finanzjarja globali u l-livelli ta' faqar li dejjem qed jiżdiedu; jemmen li t-triq lejn ħajja soċjali u politika b'saħħitha hija marbuta mal-prosperità ekonomika u li l-UE teħtieġ tindirizza l-iżvilupp tal-ekonomiji tal-Asja Ċentrali bħala parti ewlenija mill-istrateġija tagħha għar-reġjun; jitlob appoġġ imsaħħaħ għall-programmi ta' tnaqqis ta' faqar u jinnota l-importanza tal-investiment tal-BEI;

43. Jinnota n-natura żbilanċjata ta' ċerti ekonomiji tal-Asja Ċentrali li jserrħu ħafna fuq ir-riżorsi naturali u jqis li d-diversifikazzjoni hija għan maġġuri għar-reġjun fuq perjodu ta' żmien medju u twil; jinnota f'dan il-kuntest l-importanza tal-programm ta' investiment fl-Ażja Ċentrali u jitlob li dan jiġi applikat fil-ħames pajjiżi kollha;

44. Huwa tal-opinjoni li l-iżgurar ta' investiment mill-ġdid koerenti u komprensiv tad-dħul nazzjonali mir-riżorsi naturali huwa kruċjali għal żvilupp sostenibbli u għal kisba ta' żvilupp soċjali u ekonomiku wiesa';

45. Huwa tal-fehma li r-riforma fis-settur tal-biedja hija tal-akbar importanza f’dak li għandu x’jaqsam b’mod partikolari mal-kisba tas-sigurtà tal-ikel, id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni, l-iżgurar tal-ġestjoni sostenibbli taż-żerriegħa u t-tnaqqis tad-dipendenza mill-koltivazzjoni tal-qoton aktar milli uċuħ oħra, u mal-introduzzjoni ta' prattiki u tekniki avvanzati ta' ġestjoni tal-ilma, konservazzjoni tal-ilma u irrigazzjoni; jissottolinja barra minn hekk il-ħtieġa tal-introduzzjoni ta' prattiki u tekniki avvanzati ta' ġestjoni tal-ilma, konservazzjoni tal-ilma u irrigazzjoni sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet; jitlob lill-Gvernijiet tal-Asja Ċentrali jieħdu f'idejhom it-tmexxija f'dan l-approċċ;

46. Jenfasizza l-fatt li n-nuqqas ta’ enerġija (eż għat-tisħin u l-elettriku) qed jaggrava s-sitwazzjoni tan-nies foqra fil-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali; iħeġġeġ lill-UE, f’konformità mal-impenji tagħha dwar it-tibdil fil-klima, biex iżżid l-għajnuna tagħha fl-iżvilupp ta’ politika tal-enerġija sostenibbli, inkluż permezz tal-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli;

47. Jisħaq li l-kwestjonijiet tal-ilma fir-reġjun jibqgħu waħda mill-għejun ewlenin ta’ tensjoni u kunflitt potenzjali u jissottolinja l-importanza ta' approċċ reġjonali sabiex ir-riżorsi komuni tal-ilma jiġu protetti u mmaniġġjati sew; b’mod partikolari, jinnota li l-proġetti ta’ enerġija idroelettrika u tar-riżorsi tal-ilma fl-istati qrib għajn ix-xmara, il-Kirgiżistan u t-Taġikistan wasslu għal żieda fit-tensjonijiet reġjonali mal-pajjiżi ‘il bogħod minn għajn ix-xmara fl-Asja Ċentrali; jitlob, f’dan il-kuntest, lill-pajjiżi fir-reġjun li għadhom m'għamlux hekk li jiffirmaw u jirratifikaw mingħajr aktar dewmien il-Konvenzjonijiet ta’ Espoo u Århus u jrawmu l-involviment tal-atturi lokali fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

48. Jaċċentwa n-neċessità li jitwaqqaf qafas kredibbli u effettiv li fih il-pajjiżi fluvjali ta’ qrib għajn ix-xmara u dawk imbegħdin minnha jkunu jistgħu jitħaddtu u jiddeċiedu flimkien il-miżuri li għandhom jiġu addottati biex jittrattaw u jsolvu l-problemi tal-ilma fir-reġjun;

49. Jilqa’ l-impenn akbar tal-banek Ewropej tal-iżvilupp fir-reġjun, u b’mod partikolari, l-estensjoni tal-mandat lill-BEI għall-Ażja Ċentrali b’fokus fuq il-kwestjonijiet ambjentali u tal-ilma; iħeġġeġ lill-banek tal-iżvilupp jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti mill-BERŻ billi ma jappoġġjawx impriżi li huma proprjetà tal-Istat f'pajjiżi fejn hemm ksur sistematiku tal-jeddijiet tal-bniedem;

50. Iħeġġeġ lill-UE, fil-kuntest tal-iskarsezza tal-ilma reġjonali, iżżid l-għajnuna tagħha fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilma fi ħdan l-ambitu tal-Inizjattiva tal-Ambjent u l-Ilma tal-UE u tesplora, bħala mod kif tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-enerġija fl-istati qrib għajn ix-xmara, alternattivi oħra għal enerġija solari u tar-riħ, li jistgħu jgħinu lill-komunitajiet rurali fuq skala iżgħar; jiddispjaċih li s’issa l-Proġett tal-Governanza tal-Ilma tal-UE huwa fil-biċċa l-kbira ffukata fuq il-kwalità tal-ilma li hija importanti iżda inqas rilevanti għas-sitwazzjoni fl-Ażja Ċentrali mill-kwistjonijiet tal-iskambju u l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-ilma;

51. Iqis li l-perizja tiegħu fil-ġestjoni tar-riżorsi transnazzjonali tal-ilma u l-involviment eżistenti f’kooperazzjoni bilaterali għal pjanijiet nazzjonali integrati ta’ ġestjoni tal-ilma u kooperazzjoni multilaterali fil-proġett reġjonali tal-Governanza tal-Ilma u l-Fond Internazzjonali għall-Baħar Aral joħolqu opportunità għall-UE li tipprofila ruħha bħala medjatriċi u faċilitatriċi fil-kondiviżjoni tar-riżorsi tal-ilma bejn l-istati eqreb lejn l-għajn tax-xmara u dawk aktar imbegħdin (inkluż l-Afgansitan tat-Tramuntana) u l-promozzjoni tat-twaqqif ta’ ordni kooperattiv sostenibbli għall-governanza tal-ilma, rwol li l-ebda attur internazzjonali ieħor ma jrid jew jista’ jwettaq minkejja t-talbiet mill-pajjiżi kkonċernati;

Ġestjoni tas-sigurtà/fruntieri

52. Jilqa' l-implimentazzjoni attwali taż-Żona Ħielsa minn Armi Nukleari tal-Ażja Ċentrali mill-ħames Repubbliki tal-Ażja Ċentrali; iqis li t-Trattat, bl-impennji vinkolanti tiegħu għad-diżarm nukleari mill-pajjiżi li qabel kellhom l-armi nukleari fit-territorju tagħhom u li għandhom ġirien b’armi nukleari, huma kontribut siewi għall-isforzi ħalli tinkiseb dinja ħielsa mill-armi nukleari u eżempju qawwi ta’ kooperazzjoni fin-non-proliferazzjoni;

53. Jirrikonoxxi li ċ-ċaħda tal-jeddijiet u l-opportunitajiet bażiċi, li tiġi mill-assenza ta' demokrazija u stat ta' dritt, jista' jwassal għal sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' sigurtà;

54. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-azzjonijiet immirati lejn it-trawwim ta’ kooperazzjoni reġjonali bħala mezz ewlieni ta’ kif ikunu indirizzati l-bosta problemi ta’ sigurtà, ġestjoni tar-riżorsi, etniċi, ambjentali u ta’ żvilupp kif ukoll it-taqbida kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż vjolenti fl-Istati konċernati; jappoġġja l-kontinwità u t-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri BOMCA u l-programmi ta' azzjoni kontra d-drogi tal-CADAP;

55. Jenfasizza li l-BOMCA u l-CADAP ma humiex iffinanzjati skont l-IfS, imma skont id-DCI; jenfasizza li, billi l-IfS huwa mfassal biex ikun flessibbli u biex ikun jista’ jwieġeb għal kriżijiet fiż-żmien qasir, filwaqt li jaħdem fuq l-isfidi tas-sigurtà transreġjonali fit-tul, ikun jagħmel sens li dawn il-programmi jitpoġġew taħt il-kappa tal-IfS;

56. Jenfasizza li s-sigurtà reġjonali hija fl-interess kemm tal-UE kif ukoll ta' atturi oħra fil-qasam, jiġifieri l-Federazzjoni Russa, iċ-Ċina u l-Istati Uniti li huma kollha mħassba dwar l-istabilità tat-tkabbir u r-radikalizzazzjoni fir-reġjun kif ukoll dwar il-frunteri porużi mal-Afganistan u t-traffikar tad-drogi rilevanti;

57. Jieħu nota tat-tisħib tal-Każakistan f’għaqda doganali mar-Russja u l-Belarus u jittama li l-iżvilupp ta’ din l-entità mhux se joħloq ostakli għall-kooperazzjoni reġjonali u mhux se jfixkel it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali mal-UE;

58. Jissottolinja l-fatt li l-inklużjoni strutturali tal-Afganistan f'kooperazzjoni settorjali, speċjalment rigward il-ġestjoni tas-sigurtà/fruntieri, sigurtà tal-bniedem u l-ġestjoni tal-ilma hija kruċjali għall-garanzija tal-istabilità u s-sigurtà fir-reġjun; jitlob li jkun hemm intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni transfronterjali mal-Afganistan u jisħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm koerenza bejn l-approċċ tal-UE għall-Afganistan u l-istrateġija għall-Asja Ċentrali, b'mod partikolari rigward programmi u azzjoni ta’ trasport, enerġija, kummerċ u żvilupp

59. Jitlob lill-UE tiffoka l-assistenza tagħha fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin, kwestjonijiet li huma fost l-għejun ewlenin ta' nuqqas ta' stabilità fl-Asja Ċentrali li jistgħu jittieħdu fil-mira tal-isforzi tal-UE; jinnota bi tħassib l-iżvilupp ta' din il-kwistjoni fir-reġjun kollu u jitlob li sforzi transkonfinali jiġi suġġeriti u promossi mill-UE; jappoġġja l-organizzazzjoni tal-fora tal-Asja Ċentrali għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mad-drogi;

60. Huwa mħasseb dwar il-problema doppja tal-opinjonijiet u movimenti fundamentalisti li qed jiżdiedu bħala effett residwu tas-sitwazzjoni fl-Afganistan iżda wkoll bħala reazzjoni għar-rekord problematiku inkwantu jeddijiet tal-bniedem u demokrazija tal-gvernijiet fir-reġjun; jinnota li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija element importanti għall-istrateġija għall-Asja Ċentrali tal-UE;

61. Jitlob li jingħata appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (SSR) fil-pajjiżi tal-Asja Ċentrali dwar l-aġendi politiċi tal-laqgħat mal-mexxejja tal-Asja Ċentrali u jħeġġeġ li jiġu investigati oqsma tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà li jistgħu jiġu appoġġjati fir-reġjun flimkien ma' ħidma eżistenti dwar l-istat tad-dritt u ġestjoni tal-fruntieri;

62. Jenfasizza l-ħtieġa li l-missjonijiet tal-OSKE u n-NU jaħdmu liberament fit-territorji tal-pajjiżi kkonċernati, għaliex dawn l-organizzazzjonijiet huma kruċjali għall-għoti ta' assistenza meħtieġa ħafna fir-riforma tas-settur tas-sigurtà;

* * *

63. Jisħaq li l-paragrafi li ġejjin marbutin ma’ pajjiżi speċifiċi jenumeraw għadd ta’ kwestjonijiet importanti urġenti, imma ma jippruvax jagħtu analiżi komprensiva ta’ kull pajjiż;

Kazakistan

64. Jitlob lir-RGħ/VP iżomm il-pressjoni fuq l-awtoritajiet Kazakin ħalli jżommu kompletament kelmithom li jtejbu l-elezzjonijiet u l-libertà tal-istampa li ħabbru qabelma ħadu l-presidenza tal-OSCE fl-2010, skont l-impenji kjavi tal-Istati Membri tal-OSCE u l-Pjan Nazzjonali għall-Jeddijiet tal-Bniedem adottat fl-2009 mill-Gvern Kazaki;

65. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Kazakistan iżommu l-impenji u l-obbligi internazzjonali tagħhom, inklużi dawk li ħadu fil-kuntest tad-dimensjoni umana tal-OSKE;

66. Jilqa’ l-aspirazzjonijiet tal-Kazakistan għal relazzjonijiet eqreb u mtejba mal-UE u t-tnedija reċenti ta’ negozjati għal FSK ġdid u mtejjeb bejn l-UE u l-Kazakistan u jisħaq li l-kooperazzjoni ekonomika għandha timxi id f’id mal-kooperazzjoni politika u għandha tkun imsejsa fuq ir-rieda politika li jkunu implementati u żammew valuri komuni kondiviżi; jistenna b’ħerqa, f’dan il-kuntest, li jkun hemm progress tanġibbli fl-oqsma tal-libertà tal-istampa, tal-libertà tal-espressjoni, tal-libertà tal-assoċjazzjoni u għaqda, u titjib fit-treġija tal-proċess elettoriali fl-elezzjonijiet leġiżlattivi li ġejjin, fl-2012;

67. Jiddispjaċih li l-kontroll ġenerali tal-faċilitajiet tal-ħabs dan l-aħħar għadda minn taħt idejn il-Ministeru tal-Ġustizzja għall-Ministeru tal-Intern u jitlob lill-Gvern tal-Kazakistan jintensifika l-isforzi tiegħu biex jevita u jagħti rimedju għat-tortura u t-trattament inuman, krudili u degradanti;

68. Iħeġġeġ lill-Kazakistan juri l-impenn imġedded tiegħu lill-Inizjattiva ta' Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) billi jneħħi l-ostakli kollha ġuridiċi u regolatorji għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' din l-inizjattiva;

Il-Kirgiżstan

69. Ifaħħar lill-Kirgiżistan għall-isforzi li qed jagħmel fir-riformi demokratiċi u ċ-ċaqliqa lejn sistema ġenwinament multipartitika; jittama li jinkiseb aktar progress fit-treġija tal-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin maħsubin għal aktar tard din is-sena; jindika li huma meħtieġa sforzi sostnuti għall-iżvilupp ta' demokrazija kompletament funzjonanti, u, jinnota li l-Kirgiżistan huwa wieħed mill-pajjiżi pilota għall-inizjattiva tal-UE ta' appoġġ għad-demokrazija, jitlob f'dan is-sens lill-UE tassisti lill-awtoritajiet Kirgiżi fil-qasam tal-bini tal-istituzzjonijiet, il-konsolidazzjoni tal-prattiki demokratiċi u t-taqbida kontra l-korruzzjoni u l-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata fl-amministrazzjoni Kirgiża;

70. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern Kirgiż li jistabbilixxi Kummissjoni Speċjali għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti (IIC) għall-investigazzjoni fil-ġrajjiet ta’ Ġunju 2010 fil-Kirgiżistan tan-Nofsinhar, u jitlob lill-awtoritajiet Kirgiżi jadottaw il-miżuri neċessarji għat-tafja tat-tensjonijiet interetniċi, it-tnaqqis tal-etno-nazzjonaliżmu, u għall-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni, għall-promozzjoni tad-djalogu kulturali u r-rispett għall-jeddijiet minoritarji u għat-taqbida kontra l-forom kollha tad-diskriminazzjoni fost l-oħrajn, billi jistabbilixxi riforma ġenwina ġudizzjarja u tal-pulizija bħala prerekwiżit għall-prevenzjoni tal-ksur tal-jeddijiet tal-bniedem bħal pereżempju t-tortura u forom oħra ta' abbuż mill-pulizija; jistieden lill-UE tfassal u timplementa programmi ta’ assistenza tal-UE flimkien mal-awtoritajiet u l-NGOs Kirgiżi, li jkollhom it-tir li jipprevjenu l-kunflitti, jseddqu r-rikonċiljazzjoni u jipprevjenu l-impunità;

Taġikistan

71. Ifisser it-tħassib tiegħu għall-ineffiċjenza tal-assistenza għall-iżvilupp mogħtija mill-UE fil-pajjiż ġejja minn livell għoli ta' korruzzjoni, l-influwenza tal-kriminalità organizzata fuq il-governanza u l-frammentazzjoni reġjonali imminenti xprunata mill-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali mwiergħa; jitlob, għalhekk, li jkun hemm approċċ alternattiv imsejjes fuq is-sigurtà umana permezz ta’ kanali alternattivi ta’ assistenza;

72. Jesprimi tħassib dwar rapporti ta' tortura fil-kustodja u n-nuqqas kontinwu ta' aċċess ta' osservaturi tas-soċjetà ċivili għall-postijiet ta' detenzjoni; jitlob li l-KISA u l-osservaturi internazzjonali jingħataw aċċess għall-ħabsijiet biex iżidu t-trasparenza u s-sorveljanza;

73. Jirrakkomanda li l-Gvern Taġiki, f’dan is-sens, jagħmel bħala objettiv il-ksib tal-progress fl-oqsma msemmijin, billi dan iwassal għal titjib kbir u kostanti fil-gradwatorja tal-pajjiż fl-indiċijiet ta’ trasparenza, governanza u indiċi relevanti oħrajn imħejjin mill-organizzazzjonijiet internazzjonali; jitlob li jkun hemm kondizzjonalità stretta għall-għajnuna tal-UE permezz tal-istrutturi statali;

74. Jistieden lill-UE tippromwovi u tgħin, permezz ta' studji ta' fattibilità, perizja teknika u, fejn ikun meħtieġ, self xieraq mill-BEI, l-iżvilupp ta' proġġeti ta' impjanti idroelettriċi fuq skala iżgħar imxerrdin tul il-kors tax-xmajjar, u enerġiji rinnovabbli alternattivi;

It-Turkmenistan

75. Jilqa' l-leġiżlazzjoni adottata fil-qasam politiku, ekonomiku, soċjali u edukattiv, iżda jenfasizza li jeħtieġ li din tkun segwita minn miżuri komprensivi ta' implimentazzjoni; iħeġġeġ, f’dan is-sens, lill-Kunsill u lir-RGħ/VP jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Turkmeni jimplementaw fis-sħiħ il-leġiżlazzjoni l-ġdida u jimpenjaw ruħhom b'mod aktar attiv mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali;

76. Jitlob it-twettiq sħiħ tal-kondizzjonijiet magħmulin mill-Parlament Ewropew fi Frar 2008, jiġifieri b’mod partikolari l-aċċess liberu u mingħajr xkiel għall-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi u l-priġunieri ta' kuxjenza kollha, l-abolizzjoni tal-impedimenti governattivi għall-ivvjaġġar, u l-possibilità li l-NGOs joperaw fil-pajjiż; iqis li dawn il-kondizzjonijiet jeħtieġ li jiġu ssodisfati sabiex it-Turkmenistan jikkonforma mal-istandards internazzjonali li kien irratifika;

77. Huwa partikolarment imħasseb li l-awtoritajiet attwali qed japplikaw b'mod sistematiku politiki ripressivi kontra kull forma ta' oppożizzjoni, NGOs indipendenti, attivisti tal-jeddijiet tal-bniedem; iqis li hu ta’ dispjaċir partikolari li d-djalogu mas-soċjetà ċivili fit-Turkmenistan irriżulta impossibbli;

L-Uzbekistan

78. Jieħu nota tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ottubru 2009 li ġabu fi tmiemhom is-sanzjonijiet kollha kontra l-Uzbekistan u kkonfermaw id-disponibilità tal-UE li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ma' dal-pajjiż f'mod li jħaddan kollox; ifakkar li l-livell ta’ impenn jiddependi mill-progress magħmul min-naħa ta' Uzbekistan fl-oqsma tal-jeddijiet tal-bniedem, id-demokratizzazzjoni u l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra t-trafikkar tad-drogi, u jistenna li s-SEAE jiżviluppaw politika ta’ impenn Ewropew kritiku, kondizzjonat u koerenti mal-Uzbekistan;

79. Itenni l-preokkupazzjoni tiegħu dwar ir-rapporti ta’ użu kontinwat ta’ xogħol tat-tfal forzat, l-aktar fil-qasam tal-biedja; jinnota t-tħassib tal-ILO, rappreżentanti tal-ħaddiema, impjegati u NGOs dwar l-użu kontinwu tal-impjieg sfurzat tat-tfal fl-industrija tal-qoton fl-Uzbekistan; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Uzbekistan jimpenjaw ruħhom mal-ILO u jagħtu lill-ILO aċċess mingħajr xkiel ħalli jimmonitorjaw il-għelejjel tal-qoton u li jiżviluppaw, jimplementaw u jimmonitorjaw politiki effettivi għall-eliminazzjoni tax-xogħol tat-tfal permanenti furzat; jitlob lill-Unjoni Ewropea tappoġġja lil-Gvern tal-Uzbekistan fl-isforzi tiegħu f'dan il-qasam;

80. Huwa allarmat bid-deċiżjoni ta’ dan l-aħħar tal-awtoritajiet li jagħlqu l-uffiċċju tal-Human Rights Watch f’Taxkent, iffakarhom bl-obbligi tagħhom lejn l-OSKE u jitlobhom jippermettu l-aċċess u l-operazzjonijiet mingħajr xkiel min-naħa tal-NGOs nazzjonali u internazzjonali u monitoraġġ fil-pajjiż kollu;

*

*         *

81. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Ażja Ċentrali, lill-OSKE u lill-presidenti, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Kazakistan, tar-Repubblika Kirgiża, tat-Taġikistan, tat-Turkmenistan u tal-Uzbekistan.

(1)

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/librairie/PDF/EU_CtrlAsia_EN-RU.pdf

(2)

http://eeas.europa.eu/central_asia/docs/progress_report_0609_en.pdf

(3)

ĠU L 184E/2009, p. 49.

(4)

ĠU C 81E/2011, p. 80.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2010)0283.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2010)0399.

(7)

ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

L-Ażja Ċentrali għandha għall-Ewropa importanza strateġika magħrufa ħafna għad li sikwit sottovalutata. L-iżvilupp fl-2007 ta’ strateġija tal-UE vis-à-vis dan ir-reġjun wassal għal kuxjenza ġdida u l-volontà li jkun hemm approċċ globali u strutturat.

Fl-erba’ snin li fihom ġiet l-implementata din l-istrateġija, inkiseb ħafna. L-UE attivat inizjattivi u programmi importanti biex issostni l-prijoritajiet misjubin fid-dokument inizjali tagħha: il-governanza t-tajba, l-istat ta’ dritt, il-jeddijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni; l-edukazzjoni u t-taħriġ; l-iżvilupp ekonomiku, kummerċjali u l-investiment; it-trasport u l-enerġija; is-sostenibilità ambjentali u l-ġestjoni tal-ilma; it-taqbida kontra t-theddid u l-isfidi komuni; id-djalogu interkulturali.

L-UE intensifikat u strutturat aħjar ir-relazzjonijiet tagħha mal-ħames pajjiżi, il-laqgħat bejn ir-responsabbli għolja Ewropej u tal-Ażja saru aktar frekwenti u regolari. L-UE waqqfet djalogi bilaterali regolari dwar il-jeddijiet tal-bniedem u dwar il-politiki nazzjonali tal-ilma. L-Istati Membri għandhom rwol dirett fit-twettiq tal-istrateġija tal-UE, il-banek Ewropej (BEI, BERS) ikopru r-reġjun attwalment, l-istrument “Faċilità ta’ Investiment għall-Ażja Ċentrali” nħoloq dan l-aħħar.

Iżda wara l-2007, seħħew xi bidliet importanti fid-dinja. Fil-qafas tal-kriżi ekonomika u soċjali dinjija, seħħew ir-rivoluzzjonijiet Għarab. Il-koalizzjoni internazzjonali bdiet tirtira mill-Afganistan mingħajr ma taf tajjeb x’se jkun l-eżitu tal-gwerra wara għaxar snin ta’ impenn militari. L-Unjoni Ewropea tat lilha nnifisha, wara t-Trattat ta’ Lisbona, l-istrumenti ta' politika barranija koerenti u ta' Servizz għall-azzjoni esterna ħalli jiżgura l-attwazzjoni tal-istess politika. Fl-aħħar nett, l-Ażja Ċentrali għaddiet minn eventi importanti, spiss traġiċi, bħalma kienu l-vjolenzi interetniċi ta’ Osh f’Ġunju 2010, filwaqt li fir-reġjun fiġġew ekwazzjonijiet ġeostrateġiċi ġodda. Dan kollu jwassalna li nqisu l-politika tagħna fil-konfronti tal-Ażja Ċentrali, li nifhmu tabilħaqq x’inkiseb, u nipproponu approċċi ġodda għall-fini li nadattaw l-azzjoni tagħna għal reġjun konfrontat minn bosta theddidiet li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-Ewropa.

Minkejja l-progressi innegabbli, il-limiti tal-istrateġija Ewropea favur l-Ażja Ċentrali huma jidhru biċ-ċar. L-UE mhux jirnexxielha tikkonċilja d-diversi objettivi, valuri u interessi tagħha fi programmi effikaċi, adattati għar-realitajiet lokali.

Hu diffiċli tivvaluta l-impatt tal-proġetti tagħha u l-UE m'għandhiex viżibilità fl-Ażja Ċentrali. Għandha biss tliet delegazzjonijiet u tbati biex tiftaħ oħrajn fiż-żewġ pajjiżi l-oħrajn. L-UE lanqas ma għandha persunal fil-post u l-proġetti tagħha huma sikwit imwettqin minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn.

Il-mezzi finanzjarji modesti(1) li l-UE ddedikat għall-Ażja Ċentrali huwa xhieda tal-interess batut fil-konfronti ta’ dan ir-reġjun u li l-pajjiżi destinatarji għandhom kapaċità ta’ assorbiment limitata. Terz mill-għajnuniet huwa ddestinat għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali, imma dan l-element essenzjali jbati biex jitwettaq minħabba fit-tensjonijiet bejn il-pajjiżi. Għalhekk, hemm ir-riskju li dawn is-somom ikunu jistgħu jintużaw biex jiġu ffinanzjati proġetti bilaterali saħansitra f’reġjuni oħrajn tad-dinja.

Ir-rapport komuni ta’ valutazzjoni (Kunsill u Kummissjoni) tal-2011 isemmi li huma meħtieġa miljoramenti imma ma jispeċifikax dejjem l-azzjonijiet konkreti li għandhom jittieħdu.

Fil-fehma tagħna, l-UE għandha tivvaluta mill-ġdid l-istrateġija tagħha u tintesifika l-impenn tagħha billi tikkonċentra fuq l-objettivi u l-azzjonijiet li l-aktar huma suxxettibbli li jagħtu kontribut għall-ilqugħ tal-isfidi l-aktar impellenti: il-jeddijiet tal-bniedem u l-istat ta’ dritt; l-ilma u l-enerġija; is-sigurtà reġjonali.

Ir-rapporteur hija tal-fehma li l-pilastri tal-approċċ il-ġdid tal-UE fil-konfronti tar-reġjun għandhom ikunu s-sigurtà umana u koperazzjoni reġjonali tabilħaqq.

L-UE għandha twettaq fil-konfront tal-Ażja Ċentrali l-istess reviżjonijiet mill-qiegħ li għamlet fil-konfronti tal-pajjiżi immedjatament limitrofi. Biex tevita li titlef il-kredibilità tagħha, l-UE ma tistax tieħu ħsieb l-etika f'parti tad-dinja u ma tirreaġixxix għall-vjolazzjonijiet tal-valuri tagħha bnadi oħra. L-azzjonijiet jew inizjattivi Ewropej kollha għandu jkollhom bħala denominatur komuni l-promozzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem u tal-istat ta’ dritt.

Fl-Ażja Ċentrali, il-gvernijiet għadhom jiżguraw l-istabilità tar-reġimi ta’ poter personali permezz ta’ metodi respressivi mingħajr ma jiżviluppaw il-perspettivi ta’ sigurtà fit-tul għas-soċjetajiet fl-assjem tagħhom. L-UE u s-sħab tagħna tal-Punent ilhom żmien twil bit-tendenza li jaħsbu li din l-istabilità hija prezzjuża fiha nnifisha u ddeċidew li jinjoraw il-karattru mwiegħer u l-kost uman tagħha.

L-UE ma tistax tibqa’ sejra għal għonq din it-triq. Din l-istabilità msejsa fuq ir-repressjoni ma tarax fil-bogħod. Bħalma ntwera mill-ħeffa li biha żviluppaw il-vjolenzi interetniċi s-sena l-oħra, kull pajjiż fir-reġjun jista’ jieħu n-nar f’kull waqt. L-UE għandha tkun tista’ tirrispondi għall-vojt politiku li kambjament fi kwadru ta’ kunflitti etniċi u reġjonali jista’ jwassal għalih.

Jeħtieġ ħruġ b’urġenza minn sistema li jipprivileġġa l-istabilità tar-reġimi fil-poter f’isem interessi mbegħdin minn xulxin bħalma hi l-eventwalità mbiegħda ta’ diversifikazzjoni tal-provvista tagħna tal-gass jew l-insedjament ta’ bażijiet militari għall-provvisti tat-tropop Ewropej fl-Afganistan. Is-sostenn finanzjarju tal-UE fil-konfronti tal-parlament tal-Uzbekistan, li ma huwiex istituzzjoni demokratikament eletta, jew l-assenjazzjoni favur fondazzjoni ta’ benefiċenza kontrollata mill-gvern ta’ dan l-istess pajjiż ta’ għajnuna Ewropea destinata għall-NGOs huma forsi biss ftit eżempji limitati imma sintomatiċi. Atteġġjament akkondixxendenti bħal dan ma għandux itul aktar.

L-intenzjoni tagħna mhix dik li jkun issuġġerit id-diżimpenn tal-UE. Bil-kontra, wasal il-waqt li jkun hemm impenn fl-Ażja Ċentrali imma jeħtieġ li jsir b’mod ġdid.

Is-sigurtà umana

Jeħtieġ infissru lill-partners tagħna fiex inhi differenti n-nozzjoni tagħna ta' sigurtà u ta' stabilità minn tagħhom. L-UE għandha tkun kritika fil-konfronti tal-gvernijiet li jivvjolaw il-jeddijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħhom f’isem is-sigurtà nazzjonali billi tfehimhom li azzjonijiet bħal dawn ma jwasslux għajr għall-estremiżmi u għar-radikaliżmi. Jeħtieġ li l-kondizzjonalità titqiegħed fil-qalba tal-politika tagħna u li jiġu applikati l-prinċipji tad-"differenzjazzjoni” u tal-“more for more”.

In-nozzjoni ta’ sigurtà umana jista’ jagħti lill-UE kemm kwadru konċettwali solidu kemm leġittimità u pertinenza akbar għall-azzjonijiet politiċi tagħha. L-idea direttriċi għandha tkun il-promozzjoni tas-sigurtà li tirrispondi għall-eżiġenzi konkreti u kwotidjani tal-popolazzjonijiet. Jeħtieġ li jitqiegħed aktar l-aċċent fuq il-proġetti komuni mar-responsabbli lokali u mas-soċjetajiet ċivili, almenu meta jkunu jeżistu l-kondizzjonijiet bażiċi biex dan ikun jista’ jsir.

Il-koperazzjoni tal-UE ma’ kull wieħed mill-pajjiżi teżiġi approċċ bilaterali differenzjat, li jkun jixraq lir-rikjesti u n-neċessitajiet ta’ kull pajjiż: il-pajjiżi għonja fl-idrokarburi, il-Każakstan u t-Turkmenistan, għandhom aktar bżonn ta’ għajnuna teknika għall-fini tal-persegwiment b'suċċess tar-riformi, aktar milli għajnuna għall-iżvilupp. Mill-banda l-oħra, il-Kirgiżstan u t-Taġikistan, pajjiżi estremament foqra u vulnerabbli, żgur jeħtieġu għajnuna finanzjarja diretta, bil-kondizzjoni li l-utilizz relattiv ikun jista’ jiġi kkontrollat b'mod trasparenti, imma fuq kollox ta' għajnuna mmirata favur il-komunitajiet rurali, it-tagħlim primarju u sekondarju, ir-riforma u t-tisħiħ tas-settur ġudizzjarju.

Ħafna jiddependi bla dubju mill-grad ta’ apertura ta’ kull pajjiż. Jekk ikun neċessarju, l-UE tkun tista’ tadatta l-approċċ tagħha, dejjem imma billi ssejjes l-azzjonijiet tagħha fuq objettivi ta’ sigurtà umana u ta’ żvilupp sostenibbli.

Diversi elementi tal-attivitajiet attwali żvolti mill-UE jistgħu jiġu integrati f’dan il-kwadru l-ġdid, senjatament l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp, il-kontribut tal-UE għall-missjoni ta’ pulizija tal-OSCE f’Osh – mhux mingħajr valutazzjoni kritika tal-effikaċja reali tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-objettiv li jkunu sodisfatti l-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet - imma wkoll programmi maħsubin għall-forzi tal-ordni u għas-settur ġudizzjarju.

Il-koperazzjoni reġjonali

L-aċċent li l-istrateġija tal-UE tqiegħed fuq il-promozzjoni ta’ approċċ reġjonali huwa għalkollox fondat. Il-koperazzjoni neċessarja bejn il-ħames pajjiżi ma taħdimx minħabba fid-diffidenza reċiproka lejn xulxin u tal-bosta nuqqas ta’ qbil bejniethom. Il-kustjonijiet tas-sigurtà, żvilupp u protezzjoni tal-ambjent jeħtieġu koperazzjoni stretta bejn l-UE u kull pajjiż imma jistgħu jiġu riżolti biss fil-preżenza ta’ volontà, min-naħa tal-istess pajjiżi interessati, li jikkoperaw bejniethom.

Il-fatturi ta’ destabilizzazzjoni huma bosta: il-kriminalità organizzata, it-traffiku tad-drogi, ta’ materjali radjoattivi jew ta’ bnedmin, it-terroriżmu u katastrofi naturali u ambjentali, eżitu inċertu tal-gwerra fl-Afganistan. L-infiltrazzjoni tal-gruppi armati ġejjin mill-Afganistan għad fadlilha biex tieqaf minħabba fil-porożità tal-fruntiera. It-tensjonijiet interreġjonali għall-kondiviżjoni u l-kontroll tar-riżorsi tal-ilma bejn il-pajjiżi qrib għajn ix-xmara u dawk ’il bogħod minnha, huma kbar. L-għeluq tal-fruntiera u l-interruzzjonijiet tal-kummerċ bħala mezz ta’ pressjoni fuq il-ġirien ma humiex rari. Ċerti fruntieri għadhom oġġett ta’ diskussjonijiet u għadhom frekwenti t-taqbidiet bejn id-diversi komunitajiet. Fl-ifqar pajjiżi, il-kriżijiet ekonomiċi u tal-ikel jitwaħħdu mat-tensjonijiet reġjonali jew etniċi u mal-insikurezza frott il-korruzzjoni endemika u l-assenza ta' stat ta' dritt.

Barra minn hekk, wieħed jara l-ħolqien ta’ xkiel ġdid ta' natura ekonomika: l-għaqda doganali bejn ir-Russja, il-Belarus, u l-Kazakstan tqanqal biżgħat dwar xkiel ġdid għall-kummerċ mal-pajjiżi ġirien. Tqanqal l-interess ta’ xi pajjiżi mentri l-oħrajn jibqgħu fidili lejn politika iżolazzjonista.

Il-bidla fil-klima kellha effetti gravi, tant li l-popolazzjoni, ikkonċentrata fil-parti abitabbli żgħira tat-territorju, qiegħda f’awment kostanti. 40% tas-silġ għabu u l-monokoltura tal-qoton, imsejsa fuq sistema ta’ irrigazzjoni obsolet, taħli kwantità kbira mill-ilma disponibbli. L-għibien tal-lag tal-Aral u d-deżertifikazzjoni dovuti għad-devjazzjoni bil-goff tax-xmajjar għall-irrigazzjoni għandhom effett fuq il-ħajja ta' mijiet ta' eluf ta' nies. L-iskart radjoattiv u kimiku tal-ex-impjanti Sovjetiċi fil-wied ta' Ferghana sfaw abbandunati qrib ix-xmajjar u l-popolazzjonijiet. Fil-Baħar Kaspju, ir-rimi tar-rifjuti industrijali u sfruttament tal-gass u taż-żejt off-shore li ftit li xejn jirrispetta r-regoli ambjentali huma responsabbli għall-qirda tal-fawna selvaġġa u tar-riżorsi aliewtiċi.

L-UE għalhekk għandha timmira li jkollha rwol ta’ medjatriċi jew ta’ faċilitatriċi. L-UE għandha, għal dan il-fini, vantaġġi f’termini ta’ newtralità li l-ġirien il-kbar ma għandhomx, l-esperjenza tal-intergrazzjoni tagħha stess u l-kompetenza teknika. Tista’ tieħu t-tagħlimiet mit-twettiq tal-programmi reġjonali tagħha stess (BOMCA – ġestjoni tal-fruntieri, CADAP – programm ta’ azzjoni anti-droga, Inizjattiva Ewropea għall-Ilma, Inizjattiva għall-Istat ta’ Dritt, eċċ.)

Barra mill-koperazzjoni mal-Istati Membri impennjati fl-Ażja Ċentrali (li, ta' min wieħed jissottolinja, hija aktar effikaċi u sinfikattiva a paragun ma' partijiet oħrajn tad-dinja) u mad-donaturi l-kbar l-oħrajn, l-UE għandha wkoll tintensifika l-kollaborazzjoni mal-ġirin il-kbar tar-reġjun, żgur ir-Russja imma wkoll iċ-Ċina, l-Indja u l-Pakistan.

Aħna nipproponu wkoll l-istituzzjoni ta’ forum interparlamentari reġjonali li l-UE, permezz tal-PE, tkun tista’ tipproponi lill-parlamenti tal-ħames pajjiżi. B’dan il-mod, ir-rappreżentanti eletti f’livell Ewropew ikunu jistgħu jikkondividu l-esperjenza tagħhom mal-omologi riuniti tagħhom u, barra minn hekk, iħeġġuhom jibnu bejniethom kuntatti li l-lum tista’ tgħid ma jeżistux.

(1)

L’Istrument għall-Iżvilupp u l-Koperazzjoni (DCI) alloka 321 miljun ewro favur it-twettiq tal-istrateġija bejn l-2011 u l-2013, jiġifieri 20 miljun ewro fis-sena u għal kull pajjiż.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP  (23.9.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali

(2011/2008(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Norbert Neuser

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jindika li l-Istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali tidentifika seba’ prijoritajiet iżda tipprovdi biss livell baxx ta’ riżorsi; josserva, b’rabta ma’ dan, li l-fondi ta’ għajnuna tal-UE huma limitati wisq biex l-UE jkun jista’ jkollha impatt fuq l-oqsma kollha tal-politika; iħeġġeġ lill-UE biex tiżviluppa viżjoni kollettiva u biex tiddefinixxi u tistabbilixxi aħjar il-prijoritajiet tagħha; jindika li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-istati tal-Ażja Ċentrali tista' trendi r-riżultati jekk kemm-il darba dawn l-istati jkunu konformi mal-istandards internazzjonali tad-demokrazija, tal-governanza, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem; bl-istess mod jindika li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE m'għandhiex tkun subordinata għal interessi ekonomiċi, tal-enerġija jew dawk tas-sigurtà;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni tintegra b’mod viżibbli, jew tal-inqas tirrikonċilja l-aġendi normattivi, tekniċi u dawk ibbażati fuq l-interess għall-Ażja Ċentrali; ifakkar ukoll l-obbligi dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp li tinsab fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jinnota li, fil-qasam tal-politika tal-enerġija, l-UE għandha memorandum ta’ fehim mat-Turkmenistan li jipprovdu għax-xiri tal-gass; jindika madankollu li t-Turkmenistan għadha mhijiex membru tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI - Extractive Industries Transparency Initiative); jenfasizza għal darba oħra l-ħtieġa li titħeġġeġ aktar trasparenza fir-rigward tad-dħul minn riżorsi naturali; abbażi ta’ dan, iħeġġeġ lill-UE biex, permezz tad-djalogu tagħha dwar il-politika tal-enerġija, tappoġġja s-sħubija tat-Turkmenistan fl-EITI bil-ħsieb li jiġu integrati l-konsiderazzjonijiet ta’ governanza tajba fil-programmi tal-enerġija tal-UE;

4.  Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-koperazzjoni reġjonali, speċjalment fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-gruppi estremisti, tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u tal-ġestjoni tal-ilma; huwa tal-fehma li l-kisbiet limitati fil-governanza u fil-kooperazzjoni reġjonali fl-Istati tal-Ażja Ċentrali huma raġunijiet sinifikanti għas-sitwazzjoni politika, soċjali u ekonomika żvantaġġjuża, kif ukoll il-kisbiet limitati tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp f’dawk l-istati; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Istati tal-Ażja Ċentrali bl-għajnuna teknika, biex taqsam magħhom il-ħiliet tagħha u biex taġixxi ta’ intermedjarju biex tippromwovi d-djalogu reċiproku, filwaqt li tgħinhom itejbu l-livelli tagħhom ta' governanza u biex iżidu l-kooperazzjoni reġjonali tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja dan il-proċess kontinwament;

5.  Jesprimi d-dubju tiegħu dwar l-użu tal-appoġġ baġitarju fil-Kirgiżistan u t-Taġikistan, speċjalment minħabba l-korruzzjoni estensiva li teżisti f’dawn il-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar l-użu tal-appoġġ baġitarju f’dawn il-pajjiżi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ differenzjat rigward il-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-istati tal-Ażja Ċentrali, minħabba s-sitwazzjonijiet differenti politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom u minħabba l-livell li jvarja fir-rigward tal-interess fil-kooperazzjoni mal-UE;

7.  Jindika li l-implimentazzjoni tal-istrateġija tista’ tissaħħaħ, minn naħa, permezz ta’ koordinazzjoni interna msaħħa tal-UE u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ impenn intensifikat ma’ donaturi internazzjonali u partijiet interessati reġjonali oħra;

8.  Jissuġġerixxi li l-approċċ reġjonali jiġi simplifikat permezz ta’ relazzjonijiet maċ-Ċina u r-Russja, bħala l-atturi ekonomiċi ewlenin fir-reġjun; huwa tal-fehma li l-approċċ lejn il-kwistjoni tal-enerġija mill-fjuwils fossili għandu jkun marbut mal-ipprogrammar tal-UE fir-reġjun tal-Kawkasu u tal-Baħar l-Iswed kif ukoll mat-Turkija;

9.  Jissuġġerixxi li l-Inizjattiva tal-Edukazzjoni għandha tinkludi ħtieġa ta’ żvilupp usa’ għall-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali u għandha tgħinhom jiżviluppaw infrastruttura adegwata għal sistemi ta’ edukazzjoni moderni;

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta bir-reqqa d-distinzjoni bejn il-programmi u l-attivitajiet eliġibbli għall-iffinanzjar mill-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u dawk li għandhom ikunu ffinanzjati minn strumenti finanzjarji oħra bħalma huma l-Istrument għall-Istabilità (IfS) jew l-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija (EIDHR), partikolarment rigward il-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-applikazzjoni mtejba tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

11. Itenni l-importanza li ma jiġux traskurati pajjiżi bi dħul medju, bħal dawk fl-Ażja Ċentrali, fil-kuntest tal-politika ta’ żvilupp tal-UE ġenerali u l-isforzi biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs), peress li sforzi ta’ żvilupp – speċjalment fil-kuntest ta’ tnaqqis fl-għajnuna għall-iżvilupp minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali – ta’ spiss jiffukaw fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati biex b’hekk jiġi injorat ir-reġjun tal-Ażja Ċentrali;

12. Jenfasizza l-programmi orjentati lejn is-sigurtà BOMCA (kontroll fuq il-fruntieri) u CADAP (biex jiġi miġġieled it-traffikar tad-drogi) mhumiex iffinanzjati mill-IfS, iżda permezz tad-DCI; jenfasizza li, billi l-IfS huwa mfassal biex ikun flessibbli u biex ikun jista’ jwieġeb għal kriżijiet fiż-żmien qasir, filwaqt li jaħdem fuq l-isfidi tas-sigurtà transreġjonali fit-tul, ikun jagħmel sens li dawn il-programmi jitpoġġew taħt il-kappa tal-IfS;

13. Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-inizjattivi reġjonali dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u toħloq sinerġiji bi programmi simili fl-Afganistan;

14. Iħeġġeġ lill-UE, fil-kuntest tal-iskarsezza tal-ilma reġjonali, iżżid l-għajnuna tagħha fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilma fi ħdan l-ambitu tal-Inizjattiva tal-Ambjent u l-Ilma tal-UE u tesplora, bħala mod kif tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-enerġija fl-istati qrib għajn ix-xmara, alternattivi oħra għal enerġija solari u tar-riħ, li jistgħu jgħinu lill-komunitajiet rurali fuq skala iżgħar; jiddispjaċih li s’issa l-Proġett tal-Governanza tal-Ilma tal-UE huwa fil-biċċa l-kbira ffukata fuq il-kwalità tal-ilma li hija importanti iżda inqas rilevanti għas-sitwazzjoni fl-Ażja Ċentrali mill-kwistjonijiet tal-iskambju u l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-ilma; b’mod partikolari, jinnota li l-proġetti ta’ enerġija idroelettrika u tar-riżorsi tal-ilma fl-istati qrib għajn ix-xmara, il-Kirgiżistan u t-Taġikistan wasslu għal żieda fit-tensjonijiet reġjonali mal-pajjiżi ‘il bogħod minn għajn ix-xmara fl-Ażja Ċentrali; jenfasizza li l-UE għandha għarfien espert konsiderevoli fil-liġi internazzjonali tal-ilma u għalhekk hija għandha tippromwovi l-istabbiliment ta’ sistema ta’ koperazzjoni sostenibbli dwar il-governanza tal-ilma, ibbażata fuq il-liġi internazzjonali fil-livell tat-trattati;

15. Jenfasizza l-fatt li n-nuqqas ta’ enerġija (eż għat-tisħin u l-elettriku) qed jaggrava s-sitwazzjoni tan-nies foqra fil-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali; iħeġġeġ lill-UE, f’konformità mal-impenji tagħha dwar it-tibdil fil-klima, biex iżżid l-għajnuna tagħha fl-iżvilupp ta’ politika tal-enerġija sostenibbli, inkluż permezz tal-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli;

16. Iqis li hu dispjaċir li ż-żieda fil-preżenza tal-UE fir-reġjun fil-prattika ssarrfet fi ftit bidliet pożittivi fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, governanza tajba u l-istat tad-dritt; huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jgħinu fid-definizzjoni tal-prijoritajiet, kif ukoll fit-titjib tal-governanza u fl-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-istati tal-Ażja Ċentrali biex jeliminaw l-ostakli politiċi u amministrattivi mhux neċessarji biex dawk l-istati jipparteċipaw b'mod effettiv fl-istadji kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jappella wkoll lill-Kummissjoni biex isaħħaħ il-programmi għad-djalogu bejn il-kulturi u l-kuntatti bejn il-popli, billi din is-seba’ prijorità tal-istrateġija ma ġietx esplorata kompletament permezz ta’ laqgħat jew proġetti sostanzjali li l-ispejjeż tagħhom ikunu limitati jekk ikun hemm ġestjoni tajba;

17. Iqis b’dispjaċir li l-istrateġija hija nieqsa minn sjieda lokali mir-reġimi tal-Ażja Ċentrali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-istati tal-Ażja Ċentrali biex isaħħu r-rwol tal-awtoritajiet lokali billi jappoġġjaw involviment ikbar fil-livelli kollha ta' gvern fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.9.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Corina Creţu, Véronique De Keyser, Charles Goerens, Catherine Grèze, András Gyürk, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Santiago Fisas Ayxela, Martin Kastler, Cristian Dan Preda, Judith Sargentini

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

María Irigoyen Pérez, Wolfgang Kreissl-Dörfler


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI (22.9.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali

(2011/2008(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Niccolò Rinaldi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Huwa konxju tal-limiti tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ażja Ċentrali, iżda jinsisti fuq l-importanza li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ażja Ċentrali u jħalli f'idejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali biex jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tas-sħubija;

2.   Jappoġġja l-konklużjonijiet tad-dokument tal-OECD “Central Asia Competitiveness Outlook” ta’ Jannar 2011 u jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema kif ukoll in-nuqqas ta’ appoġġ għas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, u dwar is-sistema edukattiva, l-SMEs, ir-riformi tas-sjieda tal-art u l-politiki ta’ investiment għar-reġjun, li jeħtieġu diversifikazzjoni ekonomika akbar, li attwalment ċentrata fuq is-setturi tal-enerġija u tal-estrazzjoni mill-mini.

3.   Jilqa' l-fatt li l-kummerċ bejn l-UE u l-Ażja Ċentrali (speċjalment l-esportazzjonijiet tal-UE) żdied b'mod konsiderevoli mill-2000 (+ 156 %), meta mqabbel mal-kummerċ Russu mar-reġjun (+ 82 %), iżda jwissi biex ma jkunx hemm kompjaċenza żejda peress li l-kummerċ Ċiniż mal-Ażja Ċentrali żdied b'750 % matul l-istess perjodu;

4.   Jinsisti dwar il-bżonn li jitkomplew l-isforzi favur id-demokrazija u l-modernizzazzjoni tas-sistema politika, li jħeġġu kull pajjiż fl-isforz tiegħu għat-tranżizzjoni u r-riforma; jitlob għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni bilaterali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-diversifikazzjoni ekonomika, l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija sostenibbli u t-titjib tal-konnessjonijiet tat-trasport li jgħaqqdu r-riżorsi tal-Kaspju mas-suq Ewropew;

5.   Jitlob għat-tkomplija tal-isforzi favur id-demokratizzazzjoni tas-settur tal-edukazzjoni pubblika, li se tkun b'xejn u aċċessibbli għal kulħadd, inkluż l-edukazzjoni kummerċjali, fi ħdan il-kuntest aktar wiesa' tal-appoġġ għall-bini ta' soċjetà ċivili bbażata fuq drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol stabbli fil-pajjiżi kollha tar-reġjun; jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkollabora aktar mill-qrib mal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tar-riformi tas-sistema edukattiva; iħeġġeġ l-Unjoni Ewropea tipprovdi għotjiet edukattivi u boroż ta’ studju għall-istudenti mill-Ażja Ċentrali biex jistudjaw fl-universitajiet Ewropej; jenfasizza li huwa essenzjali wkoll li jkunu promossi proċessi li jiżguraw il-parteċipazzjoni ta’ nisa u l-aċċess tagħhom fis-suq tax-xogħol;

6.   Huwa tal-opinjoni li l-promozzjoni tal-SMEs hija wieħed mill-elementi meħtieġa għall-iżvilupp tal-pajjiżi kkonċernati u li l-UE għandha tagħti prijorità ogħla lil dan fl-assistenza tagħha lill-SMEs fi ħdan il-mandat tal-BEI għall-Ażja Ċentrali u tnaqqas ir-rekwiżiti għall-viża għall-persuni li jivvjaġġaw mill-Ażja Ċentrali għal skopijiet ta' negozju u edukazzjoni għolja; filwaqt li tippromwovi l-istandards ambjentali, tax-xogħol u tar-responsabbiltá soċjali tal-kumpaniji; jemmen ukoll li għandha tiġi evitata kull prattika diskriminatorja fir-rigward tal-industriji Ewropej, anke fis-settur ewlieni tal-akkwist pubbliku, u li l-kooperazzjoni sħiħa mal-SMEs lokali, li hija ta' benefiċċju għall-iżvilupp ekonomiku u għad-diversifikazzjoni tar-reġjun għandha tiġi promossa;

7.   Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jiżguraw il-preżenza qawwija ta’ speċjalisti tal-ekonomija u tal-kummerċ fid-Delegazzjonijiet tal-UE fil-ħames stati tal-Ażja Ċentrali;

8.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi assistenza u pariri tekniċi kwalifikati lill-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali bil-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet ekonomiċi u amministrattivi tagħhom u b'hekk jiġu megħjuna l-awtoritajiet lokali u reġjonali, tinħoloq fibra ekonomika aktar b'saħħitha u jintegraw aħjar dawn il-pajjiżi fis-sistema kummerjali dinjija;

9.   Konxju mill-fatt li l-integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali hija baxxa; jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġiji kummerċjali differenzjati għal kull wieħed mill-ħames pajjiżi tal-Ażja Ċentrali, skont il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom, u tħeġġeġ l-integrazzjoni intrareġjonali;

10. Jemmen li r-riforma strutturali mmirata lejn ekonomija tas-suq u l-iżvilupp ta’ qafas legali sod għall-investiment barrani mhumiex biss vitali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun iżda wkoll jiffaċilitaw l-integrazzjoni fl-ekonomija dinjija u l-adeżjoni mad-WTO; jistieden lill-Istati tal-Ażja Ċentrali jsegwu l-eżempju tar-Repubblika ta’ Kyrgyz u jimplimentaw ir-riformi kollha meħtieġa għall-adeżjoni mad-WTO;

11. Jifhem li għall-pajjiżi kollha tal-Ażja Ċentrali s-sħubija mad-WTO hija triq promettenti biex itejbu l-ekonomiji tagħhom u jintegraw ruħhom aħjar fis-sistema kummerċjali internazzjonali, kif ukoll hija prekundizzjoni għal relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment aktar mill-qrib mal-UE;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jibqgħu sodi fir-rigward tal-unjoni doganali bejn ir-Russja, il-Każakistan u l-Belarus, filwaqt li jiżguraw li jirrispettaw l-impenji internazzjonali tagħhom u jaġixxu fl-ispirtu tal-adeżjoni futura mad-WTO;

13. Iħeġġeġ l-investimenti Ewropej immirati lejn id-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tal-Ażja Ċentrali u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji moderni u innovattivi għall-manifattura ta’ prodotti b’valur miżjud;

14. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill li l-Kummissjoni titqabbad tinnegozja Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni msaħħaħ u jittama li l-ftehim se jirrifletti l-importanza tar-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Każakistan, u li apparti dan isaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta’ dritt;

15. Jieħu nota tal-inizjattiva Ewropea għat-tisħiħ tal-Istat tad-Dritt fl-Ażja Ċentrali u jitlob li jingħata segwitu xieraq biex l-inizjattiva tinbidel minn fażi inizjali għal waħda ta’ implimentazzjoni effettiva;

16. Jinsisti li l-UE għandha tippromwovi b'qawwa t-tmexxija tajba, ir-rispett tal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokratizzazzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, billi tpoġġihom fil-qalba tad-djalogu tagħha ma’ dawn il-pajjiżi;

17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħtu livell għoli ta’ prijorità lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ladarba fil-preżent huma l-privileġġati (u mhux il-popolazzjoni fit-totalità tagħha) li qed jibbenefikaw l-aktar mill-għajnuna u l-kummerċ;

18. Jemmen li l-koperazzjoni u l-kummerċ fil-materja prima, speċjalment f' dak li għandu x'jaqsmam mal-minerali rari, għandhom isiru kwistjoni prijoritarja fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ażja Ċentrali; jinsisti dwar l-importanza li tinżamm sħubija mal-pajjiżi taż-żona, li tkun ibbażata fuq l-iskambju ta' materja prima għal teknoloġiji Ewropej u know‑how Ewropea;

19. Jirrakkomanda li s-sostenibilità ambjentali tkun kriterju bażiku għall-azzjonijiet futuri kollha li jinvolvu l-investiment fir-reġjun;

20. Itenni l-importanza ekonomika u politika biex jitjieb l-aċċess għal riżorsi tal-enerġija fl-Ażja Ċentrali; f'dan ir-rigward jenfasizza l-importanza kbira li l-pipeline Nabucco għandu għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea;

21. Jenfasizza l-importanza ġeostrateġika li l-Ażja Ċentrali għandha għall-UE, peress li tirrappreżenta pont għaċ-Ċina kif ukoll għall-Afganistan u l-Lvant Nofsani u hija sors ta’ importazzjoni tal-enerġija kunsiderevoli għall-UE;

22. Jemmen li l-istrateġija futura tal-UE għall-Ażja Ċentrali għandha tislet tagħlimiet mir-riforma tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f’termini ta' differenzjar, kuntatt bejn in-nies u iktar attenzjoni għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u għandha tqis ukoll il-kuntest ġeopolitiku usa’ li jinkludi l-Mongolja u l-Afganistan.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.9.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Keith Taylor, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Béla Glattfelder, Salvatore Iacolino, Silvana Koch-Mehrin, Marietje Schaake

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Malika Benarab-Attou, Esther Herranz García, Gabriel Mato Adrover


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Pino Arlacchi, Franziska Katharina Brantner, Frieda Brepoels, Elmar Brok, Tarja Cronberg, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Richard Howitt, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Barry Madlener, Kyriakos Mavronikolas, Willy Meyer, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Cristian Dan Preda, Libor Rouček, Tokia Saïfi, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Adrian Severin, Hannes Swoboda, Inese Vaidere, Sir Graham Watson, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Véronique De Keyser, Liisa Jaakonsaari, Elisabeth Jeggle, Agnès Le Brun, Norbert Neuser, György Schöpflin, László Tőkés, Traian Ungureanu, Luis Yáñez-Barnuevo García, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Murphy

Avviż legali - Politika tal-privatezza