RAPPORT dwar soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fi kwistjonijiet ċivili, kummerċjali u familjari

13.10.2011 - (2011/2117(COM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Diana Wallis
Rapporteur għal opinjoni (*):
Robert Rochefort, Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2011/2117(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0343/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fi kwistjonijiet ċivili, kummerċjali u familjari

(2011/2117(COM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 67 u 81(2)(g) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Dwar l-użu tas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim bħala mezz biex jissolva tilwim relatat ma' transazzjonijiet kummerċjali u prattiċi fl-Unjoni Ewropea" tat-18 ta’ Jannar 2011 u d-dokument bit-titolu "Sommarju tat-tweġibiet milqugħa" ippubblikat f’April 2011,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fil-qasam tas-servizzi finanzjarji" tal-11 ta’ Diċembru 2008 u d-dokument bit-titolu "Sommarju tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fil-qasam tas-servizzi finanzjarji" tal-14 ta’ Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper dwar soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fil-liġi ċivili u kummerċjali tad-19 ta’ April 2002 (COM(2002)0196),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi involuti fis-soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim tal-konsumaturi[1] u tal-4 ta' April 2001 rigward il-prinċipji għall-korpi extraġudizzjarji involuti fis-soluzzjoni konsenswali tat-tilwim tal-konsumaturi[2],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 intitolata "L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - 'Flimkien għal tkabbir ġdid'" (COM(2011)0206),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2000 dwar netwerk madwar il-Komunità ta’ korpi nazzjonali għas-soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim tal-konsumaturi[3] u n-Netwerk Extraġudizzjarju Ewropew (EEJ-Net) stabbilit fis-16 ta’ Ottubru 2001,

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Fehim dwar Netwerk ta’ Lmenti Extraġudizzjarji Transkonfinali għas-Servizzi Finanzjarji fiż-Żona Ekonomika Ewropea tat-30 ta’ Marzu 1998 u FIN-NET,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta’ Mejju 20011 li tistabbilixxi Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali[4].

–   wara li kkunsidra l-Kodiċi tal-Kondotta Ewropea tal-Medjaturi (minn hawn 'il quddiem: "Kodiċi tal-Kondotta") stabbilit fl-2004,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali[5],

–   wara li kkunsidra l-istudju intitolat "L-ispiża ta’ Non ADR – Stħarriġ u Turija tal-Ispejjeż Propji ta’ Litigazzjoni Kummerċjali Intra-Komunitarja", tad-9 ta’ Ġunju 2010, miċ-Ċentru ADR, Ruma, l-Italja,

–   wara li kkunsidra l-konstatazzjonijiet tal-Bord bi Prova dwar in-Negozju Ewropew (EBTP) dwar "Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim", għall-perjodu mis-17 ta’ Diċembru 2010 sas-17 ta’ Jannar 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2003 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fil-liġi ċivili u kummerċjali[6],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2007 ibbażata fuq ir-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-Kriżi tal-Equitable Life Assurance Society[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar iż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini - Il-Programm ta' Stokkolma[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar il-governanza u s-sħubija fis-suq uniku[9],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-medjazzjoni fl-Istati Membri, l-impatt tagħha fuq il-medjazzjoni u l-adozzjoni tagħha mill-qrati[10],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0000/2011),

A. billi l-aċċess għall-ġustizzja huwa dritt fundamentali,

B.  billi żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif stabbilit fit-Trattati, għandha tissodisfa l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji, pereżempju permezz tal-ħolqien ta' proċeduri iktar sempliċi u ċari, filwaqt li jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja,

C. billi l-objettivi tal-proċess ġudizzjarju u s-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim huma konnessi mill-qrib u jfittxu jerġgħu jistabbilixxu malajr il-paċi ġuridika bejn il-partijiet fit-tilwima, jipproteġu b'mod addattat liġi sostantiva suġġettiva u jirregolaw il-kunflitti bejn il-partijiet,

D. billi soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR), li tgħin lil dawk involuti jevitaw proċeduri aġġudikanti tradizzjonali, tista' tkun alternattiva rapida u kosteffiċjenti għal-litigazzjoni,

E.  billi l-ADR hija mekkaniżmu biex jintlaħqu soluzzjonijiet barra l-qorti billi l-konsumaturi u l-kummerċjanti jiġu megħjuna jsolvu l-kunflitti permezz tal-intervent ta' terza parti (medjatur jew arbitru),

F.  billi, f'bosta pajjiżi, l-awtoritajiet pubbliċi - inklużi l-ombudsmen u l-awtoritajiet regolatorji - għandhom rwol importanti biex jinkoraġġixxu s-soluzzjoni tal-kunflitti,

G. billi t-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fis-suq intern u l-fiduċja fl-infurzar tad-drittijiet fit-tilwim transkonfinali jistgħu jikkontribwixxu għall-istimulazzjoni tal-ekonomija tal-UE,

H. billi l-għarfien u l-fehim taċ-ċittadini tal-UE tal-iskemi tal-ADR fl-Ewropa kollha huma ftit u konfużi, b'perċentwal żgħir biss ta' ċittadini li jafu kif jagħmlu lment quddiem korp tal-ADR,

I.   billi hu importanti li jkun żgurat reklamar aħjar tal-eżistenza tal-mekkaniżmi tal-ADR u li jsir iktar biex il-konsumaturi u l-professjonisti jitħeġġu jużawhom bħala alternattiva għall-proċedimenti fil-qorti, sabiex ikun possibbli li jiġi evitat approċċ konfrontazzjonali u jiġi offrut il-prospett ta' sitwazzjoni ta' rebħ għaż-żewġ naħat,

J.   billi għandu jinsab approċċ bilanċat li min-naħa jikkunsidra l-flessibbiltà tas-sistemi tal-ADR u min-naħa l-oħra tal-bżonn ta' garanzija tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-proċeduri ekwitabbli,

K. billi l-Parlament talab bosta drabi għal iktar sforzi biex tiġi żviluppata l-ADR, billi talab lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-użu tal-ADR fl-UE sal-aħħar tal-2011 fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku,

L.  billi l-Kummissjoni inkludiet proposta leġiżlattiva dwar l-ADR, fil-Programm ta' Ħidma tagħha tal-2011 bħala inizjattiva strateġika u fil-komunikazzjoni tagħha tat-13 ta' April 2011 dwar "Att dwar is-Suq Uniku", bħala wieħed mit-tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja, bl-għan li l-konsumatur jingħata s-setgħa,

M. billi l-iskadenza għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE skadiet fil-21 ta’ Mejju 2011,

Approċċ orizzontali għal ADR

1.  Jilqa’ l-konsultazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar l-ADR li, minkejja it-titolu wiesa’ tagħha, hi mmirata esklussivament lejn it-transazzjonijiet tal-konsumatur;

2.  Jemmen, madankollu, li l-ADR tifforma parti minn aġenda ġenerali tal-"ġustizzja għat-tkabbir" f’diversi setturi; hu tal-opinjoni li kwalunkwe approċċ għall-ADR għandu jmur lil hinn mit-tilwim tal-konsumatur sabiex ikunu inklużi transazzjonijiet minn negozju għal negozju (B2B) ċivili u kummerċjali, kemm jekk jitwettqu bejn negozji privati kif ukoll bejn negozji pubbliċi, tilwim familjari u każijiet ta’ malafama u t-tilwim l-ieħor ta' interess ġenerali jew dawk bejn partijiet bi statut ġuridiku differenti;

3.  Jilqa’ l-fatt li d-Direttiva 2008/52/KE armonizzat xi standards għall-medjazzjoni; jenfasizza li jeħtieġ li jiġu definiti termini komuni u jinżammu garanziji proċedurali fl-oqsma kollha tal-ADR; iħoss il-ħtieġa li għandha terġa’ ssir referenza għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-1998 u l-2001 u l-Kodiċi ta’ Kondotta;

4.  Iqis li, filwaqt li l-awtoregolamentazzjoni tibqa’ importanti, l-azzjoni leġiżlattiva li tistabbilixxi l-istandards minimi li fuqhom skemi tal-ADR jistgħu jkunu bbażati hi meħtieġa sabiex ikun ipprovdut qafas għall-ADR fi ħdan is-sistemi legali tal-Istati Membri, kif jidher fl-eżempju tad-Direttiva 2008/52/KE; jenfasizza li fi kwalunkwe qafas bħal dan għandu jiġi żgurat li d-diversità mhux qed tiġi limitata fil-qasam tal-ADR peress li mhemmx soluzzjoni standard li tista' ssolvi l-problemi varji li jistgħu jinħolqu fis-setturi legali differenti;

5.  Jenfasizza l-bżonn ta' fehim aħjar tat-tipi differenti ta' mekkaniżmi u proċessi (inklużi l-attivitajiet ta' awtoritajiet pubbliċi bħall-ombudsmen) li ta' spiss jaqgħu taħt it-terminu ġeneriku tal-ADR; jemmen li, anki jekk jeżisti numru kbir ta' similaritajiet fost it-tekniki tan-negozjar u tal-għajnuna għas-soluzzjoni tat-tilwim li huma ġeneralment preżenti fis-sistemi tal-ADR, l-istruttura u l-arkitettura tal-ADR ivarjaw b'mod konsiderevoli skont l-Istati Membri;

6.  Jemmen li miżuri leġiżlattivi adottati fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-ADR u jinkoraġġixxu lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi jagħmlu użu minnha aktar ta' spiss, b'mod partikolari fil-każ ta' tilwim transkonfinali, hekk kif il-proċeduri ġuridiċi biex isolvu dan it-tip ta' tilwim isiru aktar kumplessi, aktar għaljin u jieħdu aktar fit-tul;

7.  F'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-użu ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim għall-kwistjonijiet tal-konsumaturi fl-UE sa tmiem l-2011 u jenfasizza l-importanza tal-adozzjoni rapida tagħha;

Standards komuni għal ADR

8.  Jemmen li l-istandards tal-ADR għandhom jinkludu: adeżjoni ma’/qbil dwar ADR; indipendenza, trasparenza, effikaċja, ekwità, imparzjalità u kunfidenzjalità; effetti fuq il-limitazzjoni u l-preskrizzjoni; inforzabbiltà ta' ftehimiet li jirriżultaw minn ADR; kwalifika tal-partijiet terzi;

9.  Huwa tal-fehma li l-korpi tal-ADR għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjonijiet u kontrolli regolari minn evalwaturi indipendenti;

10.  Sabiex ma jkunx hemm preġudizzju għall-aċċess għall-ġustizzja, jiċħad kull impożizzjoni ġeneralizzata ta' sistema obbligatorja tal-ADR fil-livell tal-UE, iżda jissuġġerixxi li għandha tiġi evalwata sistema obbligatorja għat-tressiq ta' lmenti mill-partijiet sabiex jiġu eżaminati l-possibilitajiet ta' ADR;

11. Jattira l-attenzjoni għall-"konċiljazzjoni konġunta" Taljana bħala eżempju ta' mudell ta' prattika tajba bbażat fuq protokoll konkluż u ffirmat min-kumpanniji u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, li fih il-kumpanija taqbel minn qabel li tuża l-ADR biex isolvi t-tilwim kollu li jista' jinħoloq fl-oqsma koperti mill-protokoll;

12. Jenfasizza li kwalunkwe klawsola tal-ADR ma għandhiex ixxekkel l-aċċess għall-ġustizzja, partikolarment min-naħa tal-parti iktar dgħajfa, li f’ċerti ċirkostanzi, tista’ tkun ukoll SME, u għalhekk iqis f'dan il-kuntest li d-deċiżjonijiet ta' ADR għandhom ikunu vinkolanti biss jekk il-partijiet involuti jkunu laħqu qbil b'mod espliċitu dwar dan;

13. Hu tal-opinjoni li b’mod ġenerali l-ADR għanda tirrispetta l-obbligu li tiżvela ċ-ċirkostanzi li jaffettwaw l-indipendenza tal-parti terza jew li jwasslu għal kunflitt ta’ interessi u d-dmir li l-partijiet kollha jiġu ttrattati bl-istess mod, kif stipulat fil-Kodiċi tal-Kondotta;

14. Jitlob li l-partijiet ikkonċernati u, jekk ikun il-każ, kif jinsab fil-Kodiċi tal-Kondotta, biex iżommu l-informazzjoni dwar ADR kunfidenzjali; qed iqis ukoll, fejn applikabbli, iktar miżuri b’ambitu wiesa’, bħall-ħolqien ta’ privileġġ professjonali, f’parallell ma’ dak ipprovdut fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/52/KE;

15. Jinnota madankollu li, filwaqt li r-rispett tal-kunfidenzjalità tad-dejta personali huwa importanti, għandu jkun garantit ukoll ċertu livell ta' trasparenzali fil-proċedura tal-ADR toffri, sabiex l-Istati Membri u l-korpi tal-ADR ikunu jistgħu jelenkaw u jikkondividu l-aħjar prattiki u sabiex l-awtoritajiet regolatorji indipendenti jkollhom l-possibbiltà li jeżaminaw il-proċedura jekk jitressu lmenti;

16. Jemmen li mhijiex il-medjazzjoni biss iżda l-ADR b’mod ġenerali (l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/52/KE) li għandha taffettwa perjodi ta’ restrizzjoni u preskrizzjoni; jagħraf ir-riskju li jirrriżulta minn bosta forom tal-ADR u r-riskju ta’ dewmien abbużiv ta’ proċedimenti tal-qorti; jinnota li l-istudju tal-fattibbiltà dwar il-Liġi Kuntrattwali Ewropea[11] jipprovdi għas-sospensjoni tal-preskrizzjoni fil-każ ta’ proċedimenti ta’ arbitraġġ u medjazzjoni, u f’ċerti sitwazzjonijiet ta’ ADR oħra; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq dan;

17. Hu konvint li l-infurzar bil-ħeffa u irħisa ta’ ftehimiet li jirriżultaw minn ADR hu indispensabbli, inkluż dak transkonfinali; jitlob għal miżuri leġiżlattivi għal dawn il-finijiet;

18. Ifakkar li t-taħriġ speċifiku għal partijiet terzi newtrali hu essenzjali; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data dwar it-tip u l-estent tat-taħriġ meħtieġ, u biex tassisti lis-setturi fl-iżvilupp ta’ skemi ta’ taħriġ u ta’ kontroll tal-kwalità;

ADR f’diversi oqsma

19. Jappoġġa lill-Kummissjoni fl-intenzjoni tagħha li tħeġġeġ l-użu ta’ mezzi alternattivi ta' soluzzjoni tat-tilwim li jkunu aċċessibbli, rapidi, effettivi u rħas u li jkunu jistgħu jippermettu li jiġu stabbiliti u li jinżammu relazzjonijiet kummerċjali, ekonomiċi, soċjali u ta' viċinanza li jkunu ta’ kwalità tajba u bbażati fuq il-fiduċja, u li jikkontribwixxu għal livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur f'sitwazzjoni fejn iż-żewġ naħat jirbħu, b'benefiċċji għaż-żewġ naħat meta mqabbla mal-prattika ġudizzjarja kurrenti;

20. Jenfasizza li, għalkemm hemm diversi sistemi ta' ADR li joperaw b'mod effettiv fl-Ewropa bħalissa, wieħed mill-ostakli prinċipali għall-użu tagħhom huwa n-nuqqas ta' żvilupp ugwali ta' tali sistemi fl-UE, kemm f'termini ġeografiċi, kif ukoll f'termini settorjali; jissuġġerixxi, għalhekk, li n-nuqqasijiet eżistenti fir-rigward tal-kopertura ġeografika tal-ADR fl-Ewropa għandhom jitranġaw b'mod rapidu; jiddeplora l-lakuni settorjali maġġuri li għad hemm fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, filwaqt li jippromwovi t-titjib ta' kopertura settorjali li tinvolvi persuni li jkunu jifhmu l-mod kif jiffunzjona settur partikolari; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex iqisu li jdaħħlu punti uniċi ta' kuntatt għal kull settur, li jipprovdu informazzjoni dwar kif tinbeda soluzzjoni alternattiva tat-tilwim;

21. Ifakkar li ADR hi ta’ interess partikolari għall-SMEs; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tqis is-sinerġiji bejn l-ADR u strument fil-liġi kuntrattwali tal-UE; jilqa’ wkoll gwida dwar il-klawsola tal-ADR f’kuntratti standard;

22. Jagħraf il-kisbiet tan-netwerks FIN-NET, ECC-Net u SOLVIT iżda jemmen li, fir-rigward l-informazzjoni tal-partijiet u l-finanzjament, għad hemm lok għal titjib u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa, issaħħaħ u żżid il-kapaċitajiet tal-korpi eżistenti bħal dawn li wrew l-effikaċja u l-valur tagħhom;

23. Jagħraf potenzjal kbir għall-ADR onlajn, partikolarment għal ilmenti iżgħar; jinnota li l-proċeduri ta’ ADR tradizzjonali jeżistu onlajn flimkien ma’ oħrajn li jfittxu jipprevjenu t-tilwim jew li jiffaċilitaw is-soluzzjoni tat-tilwim; jenfasizza li, fejn ADR tradizzjonali titwettaq onlajn, l-istandards proċedurali ma għandhomx ikunu iktar baxxi, u li l-kwistjonijiet bħall-inforzabbiltà ta’ għotjiet għandhom jissolvu; iqis li sistemi ta’ marka ta’ fiduċja onlajn jipprovdu benefiċċju partikolari; jiġbed l-attenzjoni lejn ix-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma UNICTRAL dwar is-Soluzzjoni Onlajn tat-Tilwim[12], maħsub għat-transazzjonijiet B2B u minn negozju għal konsumatur (B2C);

24. Jemmen li "ġerarkija" ta’ sejba ta’ soluzzjoni – li fiha, l-ewwel, skema ta’ tressiq ta’ lmenti fis-sistema stess (in-house), u t-tieni, l-ADR u, bħala l-aħħar possibbiltà biss, litigazzjoni – se tnaqqas mill-ħin u l-ispejjeż; jitlob lill-Kummissjoni tgħin lis-setturi fil-promozzjoni ta’ sistemi bħal dawn;

25. Jenfasizza r-rwol kruċjali ta’ ċerti tipi ta' ADR f'tilwim familjari, fejn tista’ tnaqqas il-ħsara psikoloġika, tista’ tgħin lill-partijiet jerġgħu jibdew jikkomunikaw u b’hekk, b'mod partikolari, tgħin fl-iżgurar tal-protezzjoni tat-tfal; jagħraf il-potenzjal tal-ADR transkonfinali, b’mod partikolari f’termini tal-flessibbiltà tagħha; jiġbed l-attenzjoni wkoll lejn ix-xogħol tal-Medjatur tal-Parlament Ewropew għas-Sekwestru Internazzjonali ta’ Tfal mill-Ġenituri;

26. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-aċċess xieraq għar-rimedju fis-suq intern jirrikjedi kemm il-possibilità li wieħed ikun jista’ jirrikorri faċilment għall-ADR kif ukoll l-eżistenza ta' sistema effettiva għall-ilmenti kollettivi, filwaqt li t-tnejn huma kumplimentari u mhumiex esklussivi reċiprokament;

27. Jagħraf il-potenzjal tal-ADR fi ħdan id-diskussjoni attwali dwar rimedju kollettiv, bil-kundizzjoni li r-rimedju tal-ADR jikkostitwixxi mezz effikaċi biex jiġi evitat ir-rimedju għall-qrati biex tiġi solvuta tilwima;

28. Jagħraf il-ħtieġa ta’ ADR fil-livell tal-UE, fil-qasam tal-libertà tal-istampa u d-drittijiet ta' personalità, minħabba li f’każijiet ta’ malafama u ksur ta’ drittijiet tal-personalità b’mod partikolari, l-ispejjeż tal-proċedimenti legali, partikolarment f’xi Stati Membri, jistgħu jagħmlu l-ħsara, u li ADR tista’ tgħin biex tittejjeb is-sitwazzjoni eżistenti;

L-ADR bħala mekkaniżmu biex jiġu riżolti t-tilwimiet fil-qasam tal-konsumatur

29. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-konsumaturi Ewropej ikollhom aċċess għas-sistemi tal-ADR għal tilwim fil-livell transnazzjonali kif ukoll dak nazzjonali, speċjalment fis-suq onlajn, li qed jikber sew fl-UE; jinnota li l-użu tas-sistemi tal-ADR tat-tilwim jaffordja livell ogħla ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u jtejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq, fin-negozji u fl-istituzzjonjiet tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi billi jagħmilhom iktar attraenti, kif ukoll jippromwovi l-kummerċ transkonfinali u jżid il-prosperità tal-operaturi kollha fis-suq tal-UE;

30. Jitlob li jkun hemm sistema effettiva ta' soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qrati għall-kwistjonijiet tal-konsumaturi li tkun operattiva fl-UE kollha;

31. Jissuġġerixxi li l-proposta leġiżlattiva futura tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-ADR għall-konsumaturi fl-UE tkun tinkorpora l-linji gwida li għandhom jiġu rispettati fil-qasam tas-sistemi tal-ADR stabbiliti fl-Ewropa, li huma dawn li ġejjin:

     –   indipendenza, imparzjalità u kunfidenzjalità: il-ħatra ta’ medjaturi għandha tevita li jinħolqu konflitti ta’ interessi; il-prinċipju ta' parteċipazzjoni konġunta ta' membri ta' assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-negozji jista' jservi ta' bażi utli biex tkun żgurata l-imparzjalità tar-riżultat;

     –   kompetenza: il-professjonisti inkarigati għandu jkollhom il-kapaċità, it-taħriġ u l-esperjenza ta' speċjalista biex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u għandhom ikunu imparzjali, indipendenti u kompetenti;

     –   effiċenza u ħeffa: il-medjaturi għandu jkollhom biżżejjed mezzi għad-dsipożizzjoni tagħhom (riżorsi umani, materjali u finanzjarji xierqa) u jkunu jistgħu jlaħħqu mal-iskadenzi qosra bejn ir-rikors u d-deċiżjoni;

     –   ekwità bejn il-konsumaturi u l-professjonisti, f’termini ta’ informazzjoni kif ukoll ta’ kunċett u ta’ proċedura, u skambji miż-żewġ natħat, jiġifieri li ż-żewġ partijiet ikunu jistgħu jesprimu l-fehma tagħhom u jiffamiljarizzaw ruħhom mal-pożizzjoni u l-fatti sostnuti mill-parti l-oħra;

     –   finanzjament: il-problema tal-ispejjeż tal-ADR għandha tissolva biex jiġi żgurat li din l-għażla tattira lill-partijiet kollha kkonċernati; b'kunsiderazzjoni ta' dan, is-sistema għandha tkun bla ħlas, jekk tintrebaħ kawża, jew offruta bi spiża moderata ħafna lill-konsumatur;

     –   libertà tal-għażla u natura extraġudizzjarja: L-ADR għandha tkun fakultattiva u bbażata fuq ir-rispett tal-libertà tal-għażla li għandhom il-partijiet tul il-proċess kollu, filwaqt li jibqa’ jkollhom il-possibilità li jagħżlu, fi kwalunkwe ħin, li jsolvu l-kwistjoni tagħhom quddiem il-qorti; fl-istess ħin, għandhom ikunu provduti garanziji li qed isiru sforzi ġenwini biex tinkiseb medjazzjoni b'suċċess; din fl-ebda każ m’għandha tikkostitwixxi l-ewwel pass obbligatorju qabel ma jinbeda proċediment ġudizzjarju, u d-deċiżjoni li tirriżulta minnha tista' tkun vikolanti biss jekk il-partijiet ikunu ġew infurmati dwar dan minn qabel u jkunu qablu magħha b’mod espliċitu; minkejja deċiżjoni bħal din, għandu xorta jkun possibbli li l-partijiet jagħżlu smigħ fil-qorti;

     –   proporzjonalità tal-proċedimenti, tad-deċiżjonijiet u tal-ispejjeż, biex jiġi evitat li l-impatt tagħhom imur lil hinn mill-objettiv u l-kontenut tat-tilwima; l-ispejjeż inkorsi għandhom ikunu proporzjonati għad-dannu mġarrab;

     –   trasparenza: minbarra li għandu jkun hemm informazzjoni ġenerali għad-dispożizzjoni (it-tip ta’ tilwim, ir-regoli tar-rikors, il-metodi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, eċċ.), kwalunkwe persuna li taġixxi bħala medjatur għandha tkun obbligata tippubblika rapport annwali;

32. Jistieden lill-Kummissjoni biex, għal dawk il-każijiet ta’ tilwim tal-konsumaturi fil-livell transkonfinali, taħseb għal struttura ta’ koordinazzjoni li tiffaċilita l-aċċess għas-sistemi tal-ADR nazzjonali u mmexxija min-negozju, u l-koordinazzjoni bejniethom;

33. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tat-tilwim bejn il-konsumaturi tal-kummerċ elettroniku transkonfinali, biex tagħmel arranġamenti għall-introduzzjoni rapida ta' pjattaforma multilingwi li tagħmilha possibbli li l-konsumaturi jsolvu t-tilwim tagħhom kompletament onlajn, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li din il-pjattaforma għandha tissodisfa l-istandards tal-kwalità u tkun ibbażata fuq sistemi eżistenti tal-ADR fl-Istati Membri;

34. Hu tal-fehma li l-provvediment ta' informazzjoni għall-konsumaturi hija r-responsabilità maqsuma tal-awtoritajiet pubbliċi, tan-netwerks informattivi u konsultattivi, tar-regulaturi u tal-gruppi tal-konsumaturi, u jirrakkomanda li kull wieħed minn dawn, fil-livell rispettiv tiegħu, jagħmel kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza u proġetti piloti dwar is-suġġett;

35. Jikkritika n-natura tal-bażi tad-data kurrenti tal-ADR tal-Kummissjoni li toħloq konfużjoni; jissuġġerixxi lill-Kumissjoni biex toħloq portal Ewropew tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, li jkun multilingwi, fejn il-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom u jirċievu informazzjoni dwar il-mod kif għandhom jaġixxu għall-ADR, dwar l-implikazzjonijiet li jirriżultaw minnha, u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, li jibni fuq bażijiet tad-data u netwerks eżistenti; jenfasizza li, fl-interessi tal-konsumaturi, għandu jkun hemm enfasi fuq kemm hu faċli li jintuża u ċ-ċarezza tal-portal onlajn;

36. Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni onlajn relevanti kollha dwar is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, tradotta kif xieraq bil-lingwi tagħhom stess, billi jintużaw magni ta' traduzzjoni onlajn aċċessibbli diġà u faċli biex jintużaw;

37. Jenfasizza li l-għarfien tal-konsumaturi dwar l-eżistenza u l-benefiċċji tal-ADR qabel ma tinqala’ xi tilwima tal-konsumaturi huwa kruċjali; jinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ is-sens ta' responsabilità tan-negozji u tal-organizzazzjonijiet tan-negozju f'dan ir-rigward; iqis li n-negozji u l-federazzjonijiet tan-negozji għandhom l-obbligu li jinformaw lill-konsumaturi dwar il-mekkaniżmi eżistenti tal-ADR; jipproponi li din l-informazzjoni disponibbli “mill-bidu” għandha tinkludi referenza għall-possibilità ta’ rikors għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fid-dokumenti kuntrattwali kollha, u għandha tinkludi wkoll, għall-professjonisti li jużawhom, id-dettalji tal-kuntatt u l-metodi tar-rikors ta’ dawn is-sistemi takl-ADR; dan ir-rekwiżit, madankollu, għandu jevita spejjeż u burokrazija żejda;

38. Jirrakkomanda, bl-għan li l-intrapiżi jiġu mħeġġa kemm jista’ jkun, l-istabbiliment fil-livell Ewropew ta’ marka tal-kwalità marbuta mal-medjazzjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ tilwim tal-konsumaturi, marka li tkun akkumpanjata minn linji gwida li jirrikonoxxu l-aħjar prattiki, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw malajr in-negozji li jkunu għażlu sistemi tal-ADR; hu tal-fehma li għandha titwettaq analiżi tal-ispiża f'relazzjoni mal-benefiċċji dwar din il-proposta; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-marka tintuża u tiġi infurzata b'mod xieraq.

Il-passi li jmiss

39. Jinnota li hemm ħtieġa ta’ titjib fl-informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet u l-infurzar tagħhom u l-informazzjoni speċifika dwar l-iskemi tal-ADR, inkluż l-eżistenza, il-funzjonament u l-post tagħhom; huwa tal-opinjoni li l-programmi ta' informazzjoni għandhom jenfasizzaw ukoll il-vantaġġi prinċipali tal-għażla tal-ADR bħal l-ispiża meta mqabbla mal-proċedura ġudizzjarja, ir-rati ta' suċċess u r-rapidità meta mqabbla mal-proċedura ġudizzjarja; jemmen li dawn il-programmi għandhom ikunu mmirati partikolarment lejn iċ-ċittadini u l-SMEs; jemmen li ADR hi pprovduta bl-ikbar effikaċja f’netwerk qrib iċ-ċittadini u abbażi ta’ ħidma konġunta mal-Istati Membri;

40. Jistieden lill-Kummissjoni, fl-istess ħin, tieħu passi immedjati biex tiżgura li l-konsumaturi u n-negozji jsiru iktar konxji tal-istrumenti leġiżlattivi eżistenti, bħar-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, id-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u r-Regolament (KE) Nru 805/2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati; jipproponi, fid-dawl ta' dak l-għan, li l-awtoritajiet nazzjonali, il-qrati, l-assoċjazzjonijiet u l-kmamar ta' kummerċ, l-uffiċċji konsultattivi għall-konsumaturi, l-assikurati tal-ispejjeż legali u organizzazzjonijiet kompetenti oħra għandhom jiddaħħlu f'kampanja informattiva komprensiva; jitlob li jingħata appoġġ finanzjarju għal kampanji Ewropej u nazzjonali ta' dan it-tip;

41. Jinnota li l-użu tal-qrati tat-talbiet żgħar f'diversi Stati Membri għadu sinifikattivament baxx u li għandu jsir iktar f'termini taċ-ċertezza legali, l-ostakli tal-lingwa u t-trasparenza tal-proċedimenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddedika attenzjoni partikolari għal dawn il-korpi legali meta tifformula l-proposta leġiżlattiva tagħha dwar l-użu tal-ADR għall-kwistjonijiet tal-konsumaturi fl-UE;

42. Jinnota li, fid-dawl tan-natura konċiljatorja tal-ADR, it-tilwim aktar għandu ċans jissolva b'mod vantaġġuż għall-partijiet kollha u jenfasizza li s-soluzzjonijiet misjuba mill-ADR huma ġeneralment rispettati; jemmen għaldaqstant li l-istatistika aġġornata dwar dawn il-mistoqsijiet għandha tiġi ppubblikata fl-istess waqt tal-informazzjoni pubblika fuq l-ADR

43. Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tagħmel kampanji informattivi mmirati biex jedukaw u jqajmu l-kuxjenza kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji fir-rigward tal-benefiċċji tal-użu ta' din l-istituzzjoni;

44. Iqis li l-kampanji ta' informazzjoni dwar l-ADR għandhom iseħħu f'kooperazzjoni mal-kmamar tal-kummerċ, il-gruppi tal-konsumaturi u l-uffiċċji ta' kummerċ ekwu (jew l-ekwivalenti), b'mod li jigi garantita kampanja kkoordinata sew u effikaċi;

45. Hu tal-fehma li l-provvediment ta' informazzjoni għan-negozji hija responsabilità kondiviża mill-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, u jirrakkomanda li kull wieħed minn dawn, fil-livell rispettiv tiegħu, iwettaq kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza u proġetti piloti dwar is-suġġett;

46. Jirrikonoxxi li wieħed mill-ostakli prinċipali tal-użu tas-sistemi tal-ADR huwa n-nuqqas ta' rieda min-naħa tan-negozji li jidħlu f'tali mekkaniżmi; jipproponi li l-kmamar tal-kummerċ, organizzazzjonijiet ġenerali kemm fil-livell nazzjonali u dak tal-UE, u korpi professjonali oħra jkunu marbuta li jinfurmaw lill-intrapriżi dwar l-eżistenza tal-ADR, dwar il-benefiċċji potenzjali tal-użu tagħha, b'mod partikolari fir-rigward ta': il-possibilità li jitnaqqsu sa mill-bidu l-proċeduri kontenzjużi; l-immaġni korporattiva; u fl-aħħarnett, il-possibilità li toffri l-ADR li jergħu jiġu stabbiliti relazzjonijiet kummerċjali ta' fiduċja bejn il-partijiet, kuntrarjament għal deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew sentenza ġudizzjarja;

47. Jitlob lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tad-data miġbura u valutazzjoni tal-impatt soda b'mod konformi mar-regoli fil-qasam ta' regolarizzazzjoni aħjar, teżamina l-istabbiliment tal-istandards minimi tal-ADR f'setturi differenti, filwaqt li tiżviluppa skemi eżistenti u tħeġġeġ lill-Istati Membri u s-setturi koperti mill-iskemi jżidu l-finanzjament, fid-dawl tal-fatt li l-ADR ma għandhiex tkun ‘ġustizzja bl-irħis’, minkejja li tipprovdi lill-partijiet b’alternattiva rħisa;

o

o        o

48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 115, 17.4.1998, p. 31.
  • [2]  ĠU L 109, 19.4.2001, p. 56.
  • [3]  ĠU C 155, 6.6.2000, p. 1.
  • [4]  ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.
  • [5]  ĠU L 136, 24.5.2008, p. 3.
  • [6]  ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 256.
  • [7]  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 110.
  • [8]  ĠU C 285E, 21.10.2010, p. 12.
  • [9]  Testi adottati, P7_TA(2011)0144.
  • [10]  Testi adottati, P7_TA(2011)0361.
  • [11]  Ara http://ec.europa.eu/justice/policies/consumer/docs/explanatory_note_results_feasibility_study_05_2011_en.pdf.
  • [12]  Ara http://www.uncitral.org/uncitral/commission/working_groups/3Online_Dispute_Resolution.html.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR (*) (1.9.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fi kwistjonijiet ċivili, kummerċjali u familjari
(2011/2117(COM))

Rapporteur għal opinjoni (*): Robert Rochefort (*)               Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi s-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim hija mekkaniżmu biex jintlaħqu soluzzjonijiet barra l-qorti billi l-konsumaturi u l-kummerċjanti jiġu megħjuna jsolvu l-kunflitti permezz tal-intervent ta' terza parti (medjatur jew arbitru),

B.  billi l-għarfien u l-fehim taċ-ċittadini tal-UE tal-iskemi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fl-Ewropa kollha huma baxxi u konfużi, b'perċentwal żgħir biss ta' ċittadini li jafu kif jagħmlu lment quddiem korp tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim,

C. billi hu importanti li jkun żgurat reklamar aħjar tal-eżistenza tal-mekkaniżmi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim u li jsir iktar biex il-konsumaturi u l-professjonisti jitħeġġu jużawhom bħala alternattiva għall-proċedimenti fil-qorti, sabiex ikun possibbli li jiġi evitat approċċ konfrontazzjonali u jiġi offrut il-prospett ta' sitwazzjoni ta' rebħ għaż-żewġ naħat,

D. billi jikkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku[1], li fiha talab lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-użu tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fl-UE sal-aħħar tal-2011,

E.  billi l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni dwar is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim huwa wieħed mit-tnax il-xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u tissaħħaħ il-fiduċja fil-kuntest tal-Att dwar is-Suq Uniku, kif stipulat fil-komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fit-13 ta' April 2011,

F.  billi l-proposta leġiżlattiva dwar is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fl-UE tissemma' fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni bħala inizjattiva strateġika,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-użu ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fl-UE sa tmiem l-2011 u jenfasizza l-importanza tal-adozzjoni rapida tagħha;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni, fl-istess ħin, tieħu passi immedjati biex tiżgura li l-konsumaturi u n-negozji jsiru iktar konxji tal-istrumenti leġiżlattivi eżistenti, bħar-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, id-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u r-Regolament (KE) Nru 805/2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati; jipproponi, fid-dawl ta' dak l-għan, li l-awtoritajiet nazzjonali, il-qrati, l-assoċjazzjonijiet u l-kmamar ta' kummerċ, l-uffiċċji konsultattivi għall-konsumaturi, l-assikurati tal-ispejjeż legali u organizzazzjonijiet kompetenti oħra għandhom jiddaħħlu f'kampanja informattiva komprensiva; jitlob li jingħata appoġġ finanzjarju għal kampanji Ewropej u nazzjonali ta' dan it-tip; jitlob li jingħata appoġġ għall-implimentazzjoni ta' kampanja bħal din dwar il-proċedura tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, biex dan jiġi mal-introduzzjoni ta' dik il-proċedura;

3.  Jenfasizza li kwalunkwe proposta mill-Kummissjoni għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt sħiħa, b'ossrvanza tar-regoli dwar regolamentazzjoni aħjar;

4.  Jappoġġa lill-Kummissjoni fl-intenzjoni tagħha li tħeġġeġ l-użu ta’ mezzi alternattivi ta' soluzzjoni tat-tilwim li jkunu aċċessibbli, rapidi, effettivi u rħas u li jkunu jistgħu jippermettu li jiġu stabbiliti u li jinżammu relazzjonijiet kummerċjali, ekonomiċi, soċjali u ta' viċinanza li jkunu ta’ kwalità tajba u bbażati fuq il-fiduċja, u li jikkontribwixxu għal livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur f'sitwazzjoni fejn iż-żewġ naħat jirbħu, b'benefiċċji għaż-żewġ naħat meta mqabbla mal-prattika ġudizzjarja kurrenti;

5.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-aċċess xieraq għar-rimedju fis-suq intern jirrikjedi kemm il-possibilità li wieħed ikun jista’ jirrikorri faċilment għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim kif ukoll l-eżistenza ta' sistema effettiva għall-ilmenti kollettivi, filwaqt li t-tnejn huma kumplimentari u mhumiex esklussivi reċiprokament;

6.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-konsumaturi Ewropej ikollhom aċċess għas-sistemi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim b’rabta mat-tilwim fil-livell transnazzjonali kif ukoll dak nazzjonali, speċjalment fis-suq onlajn, li qed jikber sew fl-UE; jinnota li l-użu tas-sistemi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim jaffordja livell ogħla ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u jtejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq, fin-negozji u fl-istituzzjonjiet tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi billi jagħmilhom iktar attraenti, kif ukoll jippromwovi l-kummerċ transkonfinali u jżid il-prosperità tal-operaturi kollha fis-suq tal-UE;

7.  Jenfasizza li, għalkemm hemm diversi sistemi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim li jopreaw b'mod effettiv fl-Ewropa bħalissa, wieħed mill-ostakli prinċipali għall-użu tagħhom huwa n-nuqqas ta' żvilupp ugwali ta' tali sistemi fl-UE, kemm f'termini ġeografiċi, kif ukoll f'termini settorjali; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-lakuni eżistenti f’dak li jirrigwarda l-kopertura ġeografika tas-soluzzjoni alternattiva tat-tiwlim fl-Ewropa jiġu rettifikati rapidament, u jitlob li jkun hemm sistema effettiva ta' soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għall-kwistjonijiet tal-konsumaturi li tkun operattiva fl-UE kollha; jiddeplora l-lakuni settorjali maġġuri li għad hemm fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, filwaqt li jippromwovi t-titjib ta' kopertura settorjali li tinvolvi persuni li jkunu jifhmu l-mod kif jiffunzjona settur partikolari; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex iqisu li jdaħħlu punti uniċi ta' kuntatt għal kull settur, li jipprovdu informazzjoni dwar kif tinbeda soluzzjoni alternattiva tat-tilwim;

8.  Jinnota li l-użu tal-qrati tat-talbiet żgħar f'diversi Stati Membri għadu sinifikattivament baxx u li għandu jsir iktar f'termini taċ-ċertezza legali, l-ostakli tal-lingwa u t-trasparenza tal-proċedimenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddedika attenzjoni partikolari għal dawn il-korpi legali meta tifformula l-proposta leġiżlattiva tagħha dwar l-użu tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim għall-kwistjonijiet tal-konsumaturi fl-UE;

9.  Jissuġġerixxi li l-proposta leġiżlattiva futura tal-Kummissjoni dwar l-użu tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fl-UE tinkorpora l-linji gwida li għandhom jiġu rispettati f'rabta mas-sistemi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim stabbiliti fl-Ewropa, li huma dawn li ġejjin:

     –   indipendenza, imparzjalità u kunfidenzjalità: il-ħatra ta’ medjaturi għandha tevita li jinħolqu konflitti ta’ interessi; il-prinċipju ta' parteċipazzjoni konġunta ta' membri ta' assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-negozji jista' jservi ta' bażi utli biex tkun żgurata l-imparzjalità tar-riżultat;

     –   kompetenza: il-professjonisti inkarigati għandu jkollhom il-kapaċità, it-taħriġ u l-esperjenza ta' speċjalista biex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u għandhom ikunu imparzjali, indipendenti u kompetenti;

     –   effiċenza u ħeffa: il-medjaturi għandu jkollhom biżżejjed mezzi għad-dsipożizzjoni tagħhom (riżorsi umani, materjali u finanzjarji xierqa) u jkunu jistgħu jlaħħqu mal-iskadenzi qosra bejn ir-rikors u d-deċiżjoni;

     –   ekwità bejn il-konsumaturi u l-professjonisti, f’termini ta’ informazzjoni kif ukoll ta’ kunċett u ta’ proċedura, u skambji miż-żewġ natħat, jiġifieri li ż-żewġ partijiet ikunu jistgħu jesprimu l-fehma tagħhom u jiffamiljarizzaw ruħhom mal-pożizzjoni u l-fatti sostnuti mill-parti l-oħra;

     –   finanzjament: il-problema tal-ispejjeż tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim għandha tissolva biex jiġi żgurat li din l-għażla tattira lill-partijiet kollha kkonċernati; b'kunsiderazzjoni ta' dan, is-sistema għandha tkun bla ħlas, jekk tintrebaħ kawża, jew offruta bi spiża moderata ħafna lill-konsumatur;

     –   libertà tal-għażla u natura extraġudizzjarja: is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim għandha tkun fakultattiva u bbażata fuq ir-rispett tal-libertà tal-għażla li għandhom il-partijiet tul il-proċess kollu, filwaqt li jibqa’ jkollhom il-possibilità li jagħżlu, fi kwalunkwe ħin, li jsolvu l-kwistjoni tagħhom quddiem il-qorti; fl-istess ħin, għandhom ikunu provduti garanziji li qed isiru sforzi ġenwini biex tinkiseb medjazzjoni b'suċċess; din fl-ebda każ m’għandha tikkostitwixxi l-ewwel pass obbligatorju qabel ma jinbeda proċediment ġudizzjarju, u d-deċiżjoni li tirriżulta minnha tista' tkun vikolanti biss jekk il-partijiet ikunu ġew infurmati dwar dan minn qabel u jkunu qablu magħha b’mod espliċitu; minkejja deċiżjoni bħal din, għandu xorta jkun possibbli li l-partijiet jagħżlu smigħ fil-qorti;

     –   proporzjonalità tal-proċedimenti, tad-deċiżjonijiet u tal-ispejjeż, biex jiġi evitat li l-impatt tagħhom imur lil hinn mill-objettiv u l-kontenut tat-tilwima; l-ispejjeż inkorsi għandhom ikunu proporzjonati għad-dannu mġarrab;

     –   trasparenza: minbarra li għandu jkun hemm informazzjoni ġenerali għad-dispożizzjoni (it-tip ta’ tilwim, ir-regoli tar-rikors, il-metodi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, eċċ.), kwalunkwe persuna li taġixxi bħala medjatur għandha tkun obbligata tippubblika rapport annwali;

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-formulazzjoni nnifisha tal-frażi “soluzzjoni alternattiva tat-tilwim bħala mezz biex jissolva tilwim relatat ma' transazzjonijiet kummerċjali u prattiċi fl-Unjoni Ewropea”, li toħloq diffikultà f’termini ta’ komunikazzjoni effettiva; jirrakkomanda li din il-formulazzjoni tiġi ssimplifikata, li ssir iktar distinzjoni bejn din il-fażi u r-rikors għal proċess ġudizzjarju, u li jiġi ċċarat il-fatt li dan it-tip ta’ rikors jikkonċerna b'mod partikolari t-tilwim tal-konsumaturi;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex, għal dawk il-każijiet ta’ tilwim tal-konsumaturi fil-livell transkonfinali, taħseb għal struttura ta’ koordinazzjoni li tiffaċilita l-aċċess għas-sistemi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim nazzjonali u mmexxija min-negozju, u l-koordinazzjoni bejniethom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni wkoll tipprovdi, fil-websajt tas-SOLVIT, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea, ħarsa ġenerali tal-proċeduri relevanti u tippubblika numru telefoniku Ewropew wieħed biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-pubbliku għas-sistemi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fl-Istat Membru tagħhom u fi Stati Membri oħra, u biex tipprovdilhom gwida ċara dwar kif għandhom jużawhom;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u ssaħħaħ il-korpi eżistenti li joperaw f'dan il-qasam, u biex ittejjeb il-kapaċitajiet tagħhom, korpi li wrew l-effettività u l-valur tagħhom, bħas-SOLVIT, il-Europe Direct, l-ECC-Net u l-FIN-NET;

13. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tat-tilwim bejn il-konsumaturi tal-kummerċ elettroniku transkonfinali, biex tagħmel arranġamenti għall-introduzzjoni rapida ta' pjattaforma multilingwi li tagħmilha possibbli li l-konsumaturi jsolvu t-tilwim tagħhom kompletament onlajn, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li din il-pjattaforma għandha tissodisfa l-istandards tal-kwalità u tkun ibbażata fuq sistemi eżistenti tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fl-Istati Membri;

14. Hu tal-fehma li l-provvediment ta' informazzjoni għall-konsumaturi hija r-responsabilità maqsuma tal-awtoritajiet pubbliċi, tan-netwerks informattivi u konsultattivi, tar-regulaturi u tal-gruppi tal-konsumaturi, u jirrakkomanda li kull wieħed minn dawn, fil-livell rispettiv tiegħu, jagħmel kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza u proġetti piloti dwar is-suġġett;

15. Hu tal-fehma li l-provvediment ta' informazzjoni għall-konsumaturi hija r-responsabilità maqsuma tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, u jirrakkomanda li kull wieħed minn dawn, fil-livell rispettiv tiegħu, jagħmel kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza u proġetti piloti dwar is-suġġett;

16. Jikkritika n-natura tal-bażi tad-data kurrenti tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim tal-Kummissjoni li toħloq konfużjoni; jissuġġerixxi lill-Kumissjoni biex toħloq portal Ewropew tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, li jkun multilingwi, fejn il-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom u jirċievu informazzjoni dwar il-mod kif għandhom jaġixxu fissoluzzjoni alternattiva tat-tilwim, dwar l-implikazzjonijiet li jirriżultaw minnha, u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, li jibni fuq bażijiet tad-data u netwerks eżistenti; jenfasizza li, fl-interessi tal-konsumaturi, għandu jkun hemm enfasi fuq kemm hu faċli li jintuża u ċ-ċarezza tal-portal onlajn;

17. Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni onlajn relevanti kollha dwar is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, tradotta kif xieraq bil-lingwi tagħhom stess, billi jintużaw magni ta' traduzzjoni onlajn aċċessibbli diġà u faċli biex jintużaw;

18. Jenfasizza li l-għarfien tal-konsumaturi dwar l-eżistenza u l-benefiċċji tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim qabel ma tinqala’ xi tilwima tal-konsumaturi huwa kruċjali; jinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ is-sens ta' responsabilità tan-negozji u tal-organizzazzjonijiet tan-negozju f'dan ir-rigward; iqis li n-negozji u l-federazzjonijiet tan-negozji għandhom l-obbligu li jinformaw lill-konsumaturi dwar il-mekkaniżmi eżistenti tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim; jipproponi li din l-informazzjoni disponibbli “mill-bidu” għandha tinkludi referenza għall-possibilità ta’ rikors għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fid-dokumenti kuntrattwali kollha, u għandha tinkludi wkoll, għall-professjonisti li jużawhom, id-dettalji tal-kuntatt u l-metodi tar-rikors ta’ dawn is-sistemi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim; dan ir-rekwiżit, madankollu, għandu jevita spejjeż u burokrazija żejda;

19. Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tagħmel kampanji informattivi mmirati biex jedukaw u jqajmu l-kuxjenza kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji fir-rigward tal-benefiċċji tal-użu ta' din l-istituzzjoni;

20. Jirrikonoxxi li wieħed mill-ostakli prinċipali tal-użu tas-sistemi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim huwa n-nuqqas ta' rieda min-naħa tan-negozji li jidħlu f'tali mekkaniżmi; jipproponi li l-kmamar tal-kummerċ, organizzazzjonijiet ġenerali kemm fil-livell nazzjonali u dak tal-UE, u korpi professjonali oħra jkunu marbuta li jinfurmaw lill-intrapriżi dwar l-eżistenza tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, dwar il-benefiċċji potenzjali li jistgħu jgawdu minnhom, speċjalment b’rabta mal-possibilità li jitnaqqsu sa mill-bidu l-proċeduri kontenzjużi u f’dak li jirrigwarda l-immaġni tal-intrapriża, u fl-aħħarnett, jiġu infurmati dwar il-possibilità li toffri s-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim li jergħu jiġu stabbiliti relazzjonijiet kummerċjali ta' fiduċja bejn il-partijiet, kuntrarjament għal deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew sentenza ġudizzjarja;

21. Jirrakkomanda, bl-għan li l-intrapiżi jiġu mħeġġa kemm jista’ jkun, l-istabbiliment fil-livell Ewropew ta’ marka tal-kwalità marbuta mal-medjazzjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ tilwim tal-konsumaturi, marka li tkun akkumpanjata minn linji gwida li jirrikonoxxu l-aħjar prattiki, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw malajr in-negozji li jkunu għażlu sistemi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim; hu tal-fehma li għandha titwettaq analiżi tal-ispiża f'relazzjoni mal-benefiċċji dwar din il-proposta; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-marka tintuża u tiġi infurzata b'mod xieraq.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.8.2011

 

 

 

Rizultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

0

1

Membri prezenti għall-votazzjoni finali

Adam Bielan, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Eija-Riitta Korhola, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Gianni Pittella, Phil Prendergast, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Matteo Salvini, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Kyriacos Triantaphyllides, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) prezenti għall-votazzjoni finali

Ashley Fox, Anna Hedh, Pier Antonio Panzeri, Søren Bo Søndergaard, Marc Tarabella

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Sajjad Karim, Antonio Masip Hidalgo, Jiří Maštálka, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Diana Wallis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kurt Lechner, Toine Manders, Paulo Rangel

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) prezenti għall-votazzjoni finali

Pablo Zalba Bidegain