RAPPORT dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel u l-isfidi għas-settur tal-apikultura

25.10.2011 - (2011/2108 (INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Csaba Sándor Tabajdi


Proċedura : 2011/2108(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0359/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel u l-isfidi għas-settur tal-apikultura

(2011/2108 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura[1],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2010 dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel (COM(2010)0714),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2011 dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2011, ‘L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020’ (COM(2011)0244),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament għal OKS unika)[2], li jistipula dispożizzjonijiet speċjali għas-settur tal-apikultura fl-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-rapport xjentifiku tal-EFSA tal-11 ta' Awwissu 2008, kif ukoll ir-rapport xjentifiku kkummissjonat u adottat mill-EFSA fit-3 ta' Diċembru 2009, dwar il-Mortalità tan-Naħal u s-Sorveljanza tan-Naħal fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-kawża C-442/09[3], rigward it-tikkettar tal-għasel li jkun fih materjal modifikat ġenetikament,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE[4],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja għall-ilħiq ta' użu sostenibbli tal-pestiċidi[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar ‘Id-defiċit ta' proteini fl-UE: x’soluzzjoni għal problema li ilha teżisti?’[6],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0359/2011),

A. billi l-apikultura bħala attività ekonomika u soċjali twettaq rwol kruċjali fl-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali, toħloq l-impjiegi u tipprovdi servizz importanti ta’ ekosistemi permezz tad-dakkir, li jagħti kontribut għat-titjib tal-bijodiversità għax isostni d-diversità ġenetika tal-pjanti,

B.  billi l-apikultura u l-bijodiversità jiddependu waħda mill-oħra; billi, permezz tad-dakkir, il-kolonji tan-naħal jipprovdu beni pubbliċi ambjentali, ekonomiċi u soċjali importanti, u b'hekk jiżguraw is-sikurezza tal-ikel u jsostnu l-bijodiversità, u billi, permezz tal-ġestjoni tal-kolonji tagħhom, dawk li jrabbu n-naħal jagħtu servizz ambjentali tal-akbar importanza filwaqt li jissalvagwardjaw mudell ta’ produzzjoni sostenibbli fl-inħawi rurali; billi l-‘mergħat tan-naħal’, il-biċċiet ta’ art diversi fejn ifittxu x’jieklu u ċerti għelejjel (kolza, il-ward tax-xemx, eċċ.) jipprovdu lin-naħal b'nutrizzjoni rikka li hija neċessarja biex jibqgħu jżommu d-difiżi tas-sistema immunitarja tagħhom u jibqgħu b'saħħithom,

C. billi tqajjem tħassib li, minħabba l-ispejjeż għolja biex tiġi stabbilita intrapriża tat-trobbija tan-naħal, hemm anqas nies li qed jidħlu fis-settur, li jirriżulta f’defiċit fid-doqqajs meħtieġ biex idakkar uċuħ agrikoli vitali,

D. billi ġie rappurtat tnaqqis fl-għadd tal-kolonji tan-naħal kemm fl-UE u kemm f'partijiet oħra tad-dinja; billi l-ispeċijiet dakkara, li jagħtu kontribut lill-produttività agrikola, qegħdin jonqsu; billi, fil-każ li din it-tendenza tintensifika b’mod sinifikanti, il-bdiewa fl-UE, kif ukoll il-bdiewa f’partijiet oħra tad-dinja, jista’ jkun li jkollhom jirrikorru għad-dakkir assistit mill-bniedem, u dan ikun jinvolvi rduppjar fl-ispiża tad-dakkir; billi x-xjenza u l-prattika veterinarja bħalissa jipprovdu ftit wisq f’dawk li huma prevenzjoni jew kontroll tal-mard effikaċi kontra ċerti orġaniżmi ta’ ħsara u kontra ċertu mard, minħabba li mhemmx riċerka u żvilupp biżżejjed ta' mediċini ġodda għas-saħħa tan-naħal f'dawn l-aħħar deċennji, li huwa r-riżultat tad-daqs limitat tas-suq u l-interess konsegwentement baxx ta’ kumpaniji farmaċewtiċi kbar; billi n-numru limitat ta' mediċini disponibbli biex jeqirdu d-dudu tal-Varroa destructor f'bosta każijiet m'għadhomx effikaċi,

E.  billi s-saħħa tan-naħal u tal-kolonji individwali hija affettwata minn għadd kbir ta’ fatturi letali u sottoletali, fejn bosta minnhom huma interkonnessi; billi n-numru limitat ta' mediċini mqiegħda fis-suq biex jeqirdu d-dudu tal-Varroa destructor f'bosta każijiet m'għadhomx effikaċi biżżejjed, minħabba li nħolqot reżistenza; billi l-użu tal-pestiċidi, il-kundizzjonijiet klimatiċi u ambjentali li qed jinbidlu, it-telf tal-bijodiversità tal-pjanti, it-tibdil fl-użu tal-art, il-ġestjoni ħażina tal-prattiki tal-apikultura u l-preżenza ta' speċijiet invażivi jistgħu jdgħajfu s-sistemi immunitarji tal-kolonji u jiffavorixxu patoloġiji opportunistiċi; billi n-naħal tal-għasel jista’ jiġi espost għal prodotti maħsuba biex iħarsu l-pjanti permezz ta’ rotot diretti u indiretti bħalma huma l-kurrenti tar-riħ, l-ilma tal-wiċċ, il-guttazzjoni ta’ qtar żgħar, in-nektar u l-għabra tad-dakkir,

F.  billi dawk li jrabbu n-naħal jistgħu jagħtu kontribu u jgħinu biex in-naħal tagħhom jibqgħu b’saħħithom u fi stat ta’ benesseri tajjeb, għalkemm il-kwalità tal-ambjent tagħhom iwettaq irwol qawwi biex jiġi determinat kemm ikollhom suċċess,

G. billi hu rakkomandat li jsir użu minimu ta' prodotti veterinarji u sustanzi attivi, bħalma qed jiġi rakkomandat li tinżamm sistema immunitarja b'saħħitha tal-kolonja, iżda billi jeżistu l-problemi ta’ reżistenza; billi s-sustanzi attivi u l-mediċini mhumiex metabolizzati min-naħal, u l-produtturi Ewropej jistennew għasel li jkun nadif, bla residwi u ta’ kwalità superjuri,

H. billi għadd kbir ta’ dawk li jrabbu n-naħal fl-Ewropa jagħmlu dan bħala dilettanti u mhux bħala professjonalment,

Riċerka u disseminazzjoni ta' għarfien xjentifiku

1.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-livell ta' appoġġ għal riċerka relatata mas-saħħa tan-naħal tal-għasel skont il-qafas finanzjarju li jmiss (FP8) u tiffoka r-riċerka fuq żviluppi teknoloġiċi u fuq il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, partikolarment fuq l-impatt ta' fatturi ambjentali fuq is-sistemi immunitarji ta' kolonji tan-naħal u l-interazzjonijiet tagħhom mal-patoloġiji, fuq id-definizzjoni ta’ prattiki agrikoli sostenibbli, fuq il-promozzjoni tal-alternattivi nonkimiċi (jiġifieri prattiki agronomiċi preventivi bħalma huma n-newb tal-uċuħ u l-użu tal-kontroll bijoloġiku) u fuq l-inkuraġġiment ulterjuri ġenerali tat-tekniki tal-Ġestjoni Integrata ta’ Organiżmi ta’ Ħsara u l-iżvilupp ta' prodotti mediċinali veterinarji għall-aġenti attwali li jikkawżaw il-mard tan-naħal tal-għasel fl-UE, speċjalment id-dud tal-Varroa destructor, għax hu l-aġent patoġeniku ewlieni li biex jiġi miġġieled jirrikjedi varjetà akbar ta’ sustanzi attivi minħabba li għandu abilità akbar li jiżviluppa reżistenti u biex jiġu miġġielda l-endoparassiti u mard opportunistiku ieħor;

2.  Iqis li huwa importanti li jittieħdu miżuri urġenti biex titħares is-saħħa tan-naħal, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tat-trobbija tan-naħal, id-diversità tal-atturi involuti u l-prinċipji tal-proporzjonalità u dak tas-sussidjarjetà;

3.  Itenni t-tħassib li ż-żieda fir-rata tal-imwiet fost in-naħal tal-għasel u d-dakkara selvaġġi fl-Ewropa, jekk ma tiġix ikkontrollata, se jkollha impatt negattiv profond fuq l-agrikoltura, il-produzzjoni u s-sikurezza tal-ikel, il-bijodiversità, is-sostenibilità ambjentali u l-ekosistemi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-istabbiliment ta' sistemi nazzjonali xierqa ta' sorveljanza f’kooperazzjoni mill-qrib mal-assoċjazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu n-naħal u tiżviluppa standards armonizzati fuq il-livell tal-UE biex tippermetti li jsir tqabbil; jenfasizza l-ħtieġa tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni uniformi tad-duqqajf fil-livell nazzjonali, b’reviżjonijiet u aġġornamenti annwali; jinsisti li l-finanzjament għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ma għandhomx jiġu mill-programmi eżistenti għat-titjib tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-għasel fl-Unjoni Ewropea (Regolament (KE) Nru 1221/97);

5.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġa Netwerk Ewropew ta’ “doqqajs ta’ referenza" sabiex jiġu ssorveljati l-effetti li għandhom il-kundizzjonijiet ambjentali, il-prattiki tat-trobbija tan-naħal u l-prattiki agrikoli fuq is-saħħa tan-naħal;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal programmi ta' tliet snin ibbażati fuq dikjarazzjoni mill-Istati Membri kollha dwar l-għadd ta' doqqajs attwalment irreġistrati u mhux fuq ċifri ta' stima;

7.  Jilqa' l-istabbiliment tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għas-saħħa tan-naħal, li għandu jiffoka fuq attivitajiet li mhumiex koperti min-networks ta' esperti eżistenti jew mil-laboratorji nazzjonali, u jissintetizza l-għarfien integrat li joriġina mir-riċerka tagħhom;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-laboratorji dijanjostiċi u t-testijiet li jsiru fuq il-post fuq livell nazzjonali u jirrimarka li għandu jiġi evitat id-duplikar tal-finanzjament;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kumitat ta' tmexxija, flimkien ma' rappreżentanti tas-settur tal-apikultura, li se jassistu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi programm ta’ ħidma annwali tal-laboratorju ta' referenza tal-UE; jiddeplora l-fatt li l-ewwel programm ta' ħidma annwali tal-laboratorju ta' referenza tal-UE ġie ppreżentat mingħajr ma ġew ikkonsultatii minn qabel il-partijiet interessati;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa r-riċerka xjentifika dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel, filwaqt li tibni fuq l-eżempji tajba tal-Azzjoni tal-COST COLOSS u l-inizjattivi tal-BeeDoc u STEP, u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jappoġġaw ir-riċerka xjentifika f'dan il-qasam; jenfasizza madankollu li għandhom jissaħħu r-relazzjonijiet ma' dawk li jrabbu n-naħal u l-organizzazzjonijiet tagħhom;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi għalkollox id-duplikazzjoni fl-użu tal-fondi bil-għan li tiżdied l-effikaċja tagħhom filwaqt li jiġi ggarantit il-valur miżjud ekonomiku u ekoloġiku kemm għal dawk li jrabbu n-naħal u kemm għall-bdiewa; Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jgħollu l-livell ta’ finanzament tagħhom għar-riċerka;

12. Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jimmonitorjaw l-istabbiliment ta' networks nazzjonali tal-monitoraġġ tal-fenoloġija tal-ispeċijiet tal-pjanti li jipproduċu l-għasel;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi b'mod attiv grad ogħla ta' skambju ta' informazzjoni fost l-Istati Membri, il-laboratorji, dawk li jrabbu n-naħal, il-bdiewa, l-industrija u x-xjenzjati, dwar l-istudji ekotossikoloġiċi li jaffettwaw is-saħħa tan-naħal tal-għasel sabiex isir possibbli li jsir skrutinju xjentifiku infurmat u indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni tgħin lil dan il-proċess billi s-sit web rilevanti tagħha jkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Istati Membri kkonċernati;

14. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni ‘Taħriġ aħjar għal Ikel aktar Sikur’, iżda jitlob biex l-eżerċizzju jiġi estiż lil hinn mill-2011 u biex in-numru ta' parteċipanti mill-awtoritajiet nazzjonali jiżdied;

15. Jitlob għal appoġġ għal programmi ta’ taħriġ għal dawk li jrabbu n-naħal dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, kif ukoll għall-bdiewa u għal dawk li jieħdu ħsieb il-foresti dwar l-għarfien botaniku, l-użu tal-prodotti tal-ħarsien tal-pjanti li jirrispettaw in-naħal, l-impatt tal-pestiċidi u l-prattiki agronomiċi nonkimiki biex ma jikbirx ħaxix ħażin; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-apikultura, tissottometti linji gwida għat-trattament veterinarju tad-doqqajs;

16. Jistieden lill-awtoritajiet u lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi fl-Istati Membri jappoġġaw it-tixrid ta' għarfien xjentifiku u tekniku xieraq dwar is-saħħa tan-naħal fost dawk li jrabbu n-naħal; jenfasizza l-fatt li hemm bżonn ta' djalogu permanenti bejn min irabbi n-naħal, il-bdiewa u l-awtoritajiet rilevanti;

17. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat taħriġ adegwat għall-veterinarji, kif ukoll il-possibbiltà biex dawk li jrabbu n-naħal jikkonsultaw il-veterinarji u l-involviment ta' speċjalisti tal-apikultura fl-awtoritajiet veterinarji nazzjonali;

Prodotti veterinarji

18. Jirrikonoxxi li l-iżvilupp ta' trattamenti innovattivi u effettivi kontra d-dud Varroa, li għandhom x'jaqsmu ma’ madwar 10% tat-telf annwali, huwa ta' importanza kbira; iqis li hemm bżonn li jiżdied l-appoġġ għat-trattamenti veterinarji awtorizzati bil-għan li jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-mard u tal-organiżmi li jagħmlu l-ħsara; jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi linji gwida komuni rigward it-trattament veterinarju fis-settur, filwaqt li jisħaq fuq il-ħtieġa li jintuża korrettament; jitlob li jiġu introdotti linji gwida għall-użu ta' molekoli u/jew formulazzjonijiet abbażi ta' aċidi organiċi u żjut essenzjali u sustanzi oħra awtorizzati għall-kontroll bijoloġiku tal-organiżmi ta' ħsara;

19. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju għar-riċerka, l-iżvilupp u l-ittestjar fuq il-post ta' prodotti mediċinali ġodda għas-saħħa tan-naħal, speċjalment għall-SMEs, fid-dawl tal-kontribut tas-settur tal-apikultura għall-bijodiversità u l-benefiċċju pubbliku fis-sura ta’ dakkir, filwaqt li titqies l-ispiża għolja tat-trattament veterinarju li attwalment qed iġarrbu dawk li jrabbu n-naħal meta mqabbel mal-ispejjeż għas-saħħa f'setturi oħra tat-trobbija tal-bhejjem;

20. Jenfasizza l-ħtieġa li l-industrija farmaċewtika tiġi offruta inċentivi għall-iżvilupp ta' prodotti mediċinali ġodda ddisinjati biex jiġġieldu l-mard tan-naħal;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa regoli aktar flessibbli għall-awtorizzazzjoni u d-disponibbiltà tal-prodotti veterinarji għan-naħal tal-għasel, inklużi mediċini ta' oriġini naturali u oħrajn li ma għandhomx effetti fuq is-saħħa tal-insetti; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-prodotti mediċinali veterinarji, iżda jirrimarka li d-disponibbiltà limitata li hemm bħalissa ta' tali prodotti ma għandhiex tintuża bħala bażi għar-reġistrazzjoni/kummerċjalizzazzjoni ta' antibijotiċi għat-trattament ta' patoloġiji opportunistiċi oħrajn fil-kolonji tan-naħal tal-għasel, fid-dawl tal-impatti tagħhom fuq il-kwalità tal-prodotti tal-apikultura u r-reżistenza;

22. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ddaħħal livelli massimi tal-livelli tar-residwi għall-użu tal-prodotti mediċinali permezz tal-proċedura ‘kaskada’ bil-għan li tiġi eliminata l-inċertezza legali attwali, li xxekkel it-trattament tan-naħal marid;

23. Jitlob għal tibdil fl-ambjent regolatorju sabiex l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, fl-ispirtu li tipproteġi d-drittijiet intellettwali, tkun tista' tiżgura l-esklussività għall-manifatturar u l-ikkummerċjalizzar ta' sustanzi attivi ġodda fi prodotti veterinarji innovattivi għas-saħħa tan-naħal għal ċertu perjodu ta’ tranżizzjoni;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà li l-kopertura fl-ambitu tal-Fond Veterinarju tal-Unjoni Ewropea tiġi estiża għall-mard tan-naħal meta l-fond jerġa' jiġi rivedut;

25. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponu Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali komprensiva; jistieden lill-Kummissjoni tadegwa l-ambitu u l-finanzjament tal-politika veterinarja Ewropea biex tqis il-karatteristiċi speċifiċi tan-naħal u tal-apikultura bil-għan li jkun jista’ jiġi miġġieled b'mod aktar effikaċi l-mard tan-naħal permezz tad-disponibbiltà adegwata ta' mediċini effikaċi u standardizzati fl-Istati Membri kollha u l-finanzjament tas-saħħa tal-annimali fil-qafas tal-politika veterinarja Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi armonizzazzjoni akbar fost l-Istati Membri, filwaqt li tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-ġlieda kontar l-varroażi u l-kontroll tagħha fl-UE;

26. Jappoġġja l-programmi tat-trobbija li jikkonċentraw fuq it-tolleranza tal-mard u tal-organiżmi ta’ ħsara, speċjalment b’referenza għall-varroażi;

L-effetti tal-agrikoltura moderna fuq in-naħal

27. Jenfasizza li kien biss dan l-aħħar li l-Unjoni Ewropea, bl-involviment impenjat tal-Parlament Ewropew, adottat regoli ġodda u aktar stretti dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-użu sostenibbli tagħhom, bil-għan li tiżgura li jkunu sikuri għall-bnedmin u għall-ambjent; jinnota li dawn ir-regoli jinkludu kriterji stretti addizzjonali relatati mas-sikurezza tan-naħal; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament mgħarraf dwar l-implimentazzjoni b'suċċess tar-regoli l-ġodda;

28. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskji għall-pestiċidi bil-għan li jiġu protetti s-saħħa tal-kolonji u l-iżvilupp tal-popolazzjonijiet u tiżgura aċċess xieraq għas-sejbiet u l-metodoloġija tal-istudji ekotossikoloġiċi inklużi fid-dossiers ta’ awtorizzazzjoni;

29. Jenfasizza l-importanza tal-biedja sostenibbli u jistieden lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw għalkollox, mill-aktar fis possibbli, id-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha, li jenfasizza l-fatt li se jkun mandatorju li l-bdiewa kollha tal-UE japplikaw il-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta’ ħsara mill-2014 'il quddiem, u jagħtu attenzjoni partikolari lill-użu ta’ dawk il-pestiċidi li jistgħu jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa tan-naħal u tal-kolonji;

30. Jistieden lill-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ testijiet affidabbli u effikaċi taħt kundizzjonijiet reali, bi protokolli armonizzati, tikkunsidra t-tossiċità kronika tal-larva u dik sottoletali fil-valutazzjoni tar-riskji tal-pestiċidi, kif stipulati fir-Regolament 1107/2009 KE dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li ilha tiġi applikata sa mill-14 ta’ Lulju 2011; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-użu ta' ċerti pestiċidi li kellhom effett ħażin fuq is-saħħa tan-naħal u tal-kolonji taħt ċerti ċirkostanzi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-riċerka dwar l-interazzjonijiet potenzjali bejn sustanza u patoġenu u bejn sustanza u sustanza; jinnota li għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-metodi ta' applikazzjoni kollha;

31. Jilqa’ l-fatt li esperti mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel qed iwettqu valutazzjoni indipendenti tar-rekwiżiti imposti fuq l-industrija fir-rigward tal-forniment tad-data dwar id-diversi pestiċidi;

32. Jitlob, fi spirtu ta' djalogu bejn dawk li jrabbu n-naħal u l-partijiet interessati agrikoli u l-awtoritajiet pubbliċi, li tiġi stabbilita sistema biex tiġi inkoraġġita n-notifika preliminari ta' dawk li jrabbu n-naħal fl-Istati Membri kollha qabel ma jiġu applikati l-pestiċidi, speċjalment operazzjonijiet ta' trattament bl-insettiċidi mill-ajru (pereżempju kontrolli tan-nemus), u sistema biex jiġi pprovdut tagħrif fuq talba dwar il-pożizzjoni tad-doqqajt meta jsiru dawn l-operazzjonijiet; jitlob, barra minn hekk, għal titjib fit-trasferiment tat-tagħrif permezz ta’ bażi ta’ data fuq l-Internet bejn dawk li jrabbu n-naħal u l-bdiewa fir-rigward tal-istabbiliment ta’ duqqajs qrib l-għelieqi, pereżempju;

33. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw kemm hu rakkomandabbli li jagħmlu l-apikultura u s-saħħa tan-naħal parti mit-taħriġ agrikolu;

34. Fir-rigward speċjali tal-proġett tal-EFSA tal-2009 intitolat ‘Mortalità tan-Naħal u Sorveljanza tan-Naħal fl-Ewropa’, jitlob lill-Kummissjoni tmexxi riċerka oġġettiva dwar l-effetti negattivi possibbli li l-uċuħ tar-raba’ modifikati ġenetikament u l-monokulturi jistgħu jkollhom fuq is-saħħa tan-naħal tal-għasel;

Aspetti tal-produzzjoni u tas-sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni tal-oriġini

35. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja kostantement is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fil-pajjiżi tal-oriġini, tapplika l-aktar rekwiżiti stretti tas-saħħa tal-annimali u tistabilixxi sistema xierqa ta' monitoraġġ għall-materjal propagatorju li jiġi minn pajjiżi terzi, sabiex jiġi evitat li jiddaħħal mard eżotiku/parassiti eżotiċi tan-naħal bħall-ħanfus Aethina tumida u d-dud tat-Tropilaelaps fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-apikultura, iżidu t-trasparenza fir-rigward tal-frekwenza, il-persentaġġ, il-karatteristiċi u, fuq kollox, ir-riżultati tal-kontrolli ta' sigurtà mwettqa fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntieri;

36. Jitlob li jiġi stabbilit limitu proviżorju (Punt ta’ Referenza għall-Azzjoni) ta’ 10 ppb għall-prodotti veterinarji awtorizzati fl-Unjoni Ewropea, minħabba l-metodi analitiċi differenti li huma applikati fid-diversi Stati Membri;

37. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi Livelli ta' Non-Azzjoni (NALs) jew Punti ta' Referenza għal Azzjoni (RPAs) jew Limiti Massimi ta' Residwi (MRLs) fl-għasel u fi prodotti apikulturali oħra, għal sustanzi li ma jistgħux jiġu awtorizzati għas-settur Ewropew tal-apikultura, kif ukoll tarmonizza l-kontrolli veterinarji fil-fruntieri u l-kontrolli fuq is-suq intern peress li, fil-każ tal-għasel, l-importazzjonijiet ta' kwalità baxxa, l-adulterazzjoni u s-sostituti jgħawġu s-suq u jagħmlu pressjoni kostanti fuq il-prezzijiet u fuq il-kwalità finali tal-prodott fis-suq intern tal-UE, u jrid ikun hemm l-istess kundizzjonijiet għall-prodotti/produtturi mill-UE u minn pajjiżi terzi; jinnota li l-MRLs għandhom jikkunsidraw residwi minn prattika veterinarja tajba;

38. Jistieden lill-Kummissjoni biex jew tistabbilixxi jew timmodifika l-annessi tad-Direttiva 2001/110/KE (Direttiva dwar l-Għasel) sabiex ittejjeb l-istandards tal-produzzjoni tal-UE billi tistabbilixxi definizzjonijiet legali ċari għall-prodotti apikulturali kollha, inklużi l-varjetajiet tal-għasel, u tiddefinixxi parametri importanti tal-kwalità tal-għasel, bħalma hu l-kontenut ta' proline u sakkarażi, il-livell baxx ta' HMF jew umdità, u l-adulterazzjoni (bħalma hu l-kontenut ta' gliċerina, il-proporzjon tal-isotop taz-zokkor (C13/C14), l-ispettru tal-għabra tad-dakkir u l-kontenut ta’ aroma u ta’ zokkor tal-għasel); jitlob li jingħata appoġġ għar-riċerka dwar metodi effikaċi ta’ kif tista' tinstab l-adulterazzjoni tal-għasel; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-monitoraġġ tal-kwalitajiet naturali tal-għasel li japplika għall-prodotti Ewropej ikun japplika wkoll għall-prodotti minn pajjiżi terzi;

39. Jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza r-regoli dwar it-tikettar mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar Skemi Agrikoli tal-Kwalità u biex tintroduċi tikettar obbligatorju bil-pajjiż tal-oriġini għall-prodotti tal-apikultura importati u dawk prodotti fl-UE jew, fil-każ ta' taħlitiet ta' prodotti b'oriġini differenti, it-tikettar obbligatorju li jindika kull pajjiż tal-oriġini;

40. Fl-ambitu tal-politika ġdida tal-kwalità tal-UE, jitlob lil min irabbi n-naħal, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u negozji kummerċjali biex jagħmlu użu aħjar mill-iskemi ta' tikettar tal-oriġini tal-UE (DPO u IĠP) għall-prodotti tal-bejtiet tan-naħal, li jistgħu jikkontribwixxu għall-aċċessibilità ekonomika tal-attività apikulturali, u jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-assoċjazzjonijiet tal-apikultura, tipproponi denominazzjonijiet għall-kwalità u tippromwovi l-bejgħ dirett ta' prodotti tal-apikultura fis-swieq lokali;

41. Jitlob li tittieħed azzjoni biex jitkabbar il-konsum tal-prodotti tal-għasel u tal-apikultura Ewropej, anke permezz tal-promozzjoni ta' għasel b'karatteristiċi speċifiċi għal ċerti varjetajiet u żoni ġeografiċi;

Miżuri in konnessjoni mal-konservazzjoni tal-bijodiversità u mar-riforma li se ssir dalwaqt tal-Politika Agrikola Komuni

42. Jenfasizza l-ħtieġa li ssir konsultazzjoni mill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali ma' dawk li jrabbu n-naħal waqt it-tfassil tal-programmi tal-apikultura u ta' leġiżlazzjoni relatata, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta' dawn il-programmi u l-implimentazzjoni tagħhom f’waqtha; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ferm aktar riżorsi finanzjarji, billi tintensifika l-appoġġ attwali għall-apikultura fil-PAK wara l-2013 u tiggarantixxi l-eżistenza u t-titjib kontinwati tal-programmi ta’ appoġġ eżistenti (Regolament (KE) Nru 1221/97) għas-settur tal-apikultura, u tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' proġetti konġunti, u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna tekniku għas-settur tal-apikultura; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistema ta' kofinanzjament tkun kompatibbli mal-istabbiliment ta’ għajnuna diretta taħt l-ewwel pilastru tal-PAK (implimentazzjoni mhux obbligatorja tal-Artikolu 68 attwali tal-PAK) minn dawk l-Istati li jqisuha neċessarja; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu inkoraġġiti jidħlu fis-settur tal-apikultura; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi xibka ta' sikurezza jew sistema komuni ta' assigurazzjoni għall-apikultura sabiex jitnaqqas l-impatt ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi minn fuq dawk li jrabbu n-naħal;

43. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE l-ġdida, tagħmel id-disponibbiltà ta' riżorsi finanzjarji għall-apikultura bħala prijorità u/jew b'rata ogħla fil-proġetti u l-azzjonijiet kollha mressqa taħt il-PAK li jittrattaw esklussivament is-sottospeċijiet u t-tipi ekoloġiċi tal-Apis mellifera nattiva għal kull reġjun;

44. Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika, fir-riforma li se ssir dalwaqt tal-PAK, il-miżuri ta' appoġġ u l-għajnuna li għandhom jiġu assenjati lis-settur tal-apikultura Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-beni pubbliċi ambjentali u soċjali li l-kolonji tan-naħal tal-għasel jipprovdu permezz tad-dakkir u s-servizz ambjentali li jitwettaq minn dawk li jrabbu n-naħal fl-immaniġġjar tal-kolonji tan-naħal tagħhom;

45. Jinnota li, skont ir-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2010, in-numru globali ta' dawk li jrabbu n-naħal fl-UE żdied kemm kemm meta mqabbel mal-2004; jirrimarka li, skont ir-rapport, din iż-żieda tista’ tiġi attribwita biss lill-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-UE, u li, mingħajr dawk li jrabbu n-naħal minn dawk il-pajjiżi, kien ikun hemm tnaqqis sinifikanti fin-numru ta' dawk li jrabbu n-naħal fl-UE; iqis dan bħala indikazzjoni tas-serjetà tas-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura fl-UE u tal-ħtieġa li tingħata assistenza u li jiġu implimentati miżuri konkreti biex dawk li jrabbu n-naħal jinżammu fl-apikultura;

46. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tinħoloq skema speċjali ta’ assistenza għal dawk li jrabbu n-naħal fil-qafas tal-iskema ta' għajnuna diretta, pereżempju permezz ta' pagamenti tal-kolonji tan-naħal, li se jgħinu is-salvagwardja tas-settur tal-apikultura fl-UE, iżommu lil dawk li jrabbu n-naħal fl-apikultura, jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jibdew irabbu n-naħal u jiżguraw li n-naħal ikompli jaġixxi ta' dakkar;

47. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi prattiki agrikoli sostenibbli fil-PAK, tinkoraġġixxi lill-bdiewa kollha jutilizzaw prattiki agronomiċi sempliċi skont id-Direttiva 2009/128/KE u ssaħħaħ il-miżuri agriambjentali speċifiċi għas-settur tal-apikultura, fl-ispirtu tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE l-ġdida; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri agriambjentali maħsuba għall-apikultura fil-programmi tagħhom ta’ żvilupp rurali u jinkoraġġixxu lill-bdiewa jipparteċipaw b’impenn f’miżuri agriambjentali li jappoġġjaw bwar li jirrispettaw lin-naħal fuq il-marġini tal-għelieqi u jutilizzaw livell avvanzat ta’ produzzjoni integrata, filwaqt li jieħdu approċċ integrat għall-biedja u jużaw il-kontroll bijoloġiku fejn ikun possibbli;

48. Jafferma mill-ġdid li l-Kummissjoni tikkunsidra n-naħla tal-għasel bħala speċi domestikata, u għaldaqstant settur tat-trobbija tal-bhejjem, ħaġa li tiffaċilita miżuri aħjar tas-saħħa, ħarsien u protezzjoni[7] u tagħmilha possibbli li jkun hemm informazzjoni aħjar dwar il-konservazzjoni tad-dakkara selvaġġi; jitlob, għalhekk, li tiġi stabbilita strateġija għall-ħarsien tas-saħħa tan-naħal u li s-settur tat-trobbija tan-naħal jiġi inkorporat fil-leġiżlazzjoni agrikola u fil-leġiżlazzjoni veterinarja filwaqt li jitqies il-karattru speċifiku tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-kumpens għat-telf li jsofru persuni li jrabbu n-naħal fil-popolazzjoni tan-naħal tagħhom;

49. Jistieden lill-partijiet interessati kollha fis-settur tal-apikultura jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-politika agrikola komuni attwali u r-riforma li se ssir tagħha dalwaqt, li jieħdu kont xieraq tal-organizzazzjonijiet ta' produtturi fis-settur agrikolu kollu;

Il-konservazzjoni tal-bijodiversità tan-naħal

50. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, tiddefinixxi l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċi Apis mellifera u fejn ikun xieraq, tinkludih fl-Annessi għad-Direttiva; jistieden lill-Kummissjoni, minħabba l-ħtieġa urġenti li jiġu kkonservati l-ispeċi Apis mellifera u d-diversi sottospeċijiet oħra li jeżistu fl-UE, tistudja l-possibilità li jinħoloq programm jew regolament speċifiku fi ħdan l-istrument finanzjarju Life+ li jagħti lok li jitwaqqaf proġett pan-Ewropew biex jerġgħu jiġu stabbiliti kif kienu l-popolazzjonijiet selvaġġi ta’ din l-ispeċi;

51. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992, tipprojbixxi, għall-inqas temporanjament, l-importazzjoni ta' naħal ħaj u ta’ speċijiet tal-ġenus Bombus sp. minn pajjiżi terzi, sabiex ikun evitat id-dħul ta' mard eżotiku, anke minħabba li m’hawnx nuqqas ta' riżorsi ġenetiċi għat-trobbija tan-naħal fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li nżommu f’moħħna s-sottospeċijiet ewlenin li minnhom oriġinaw ir-razez u l-varjetajiet li jintużaw fl-apikultura llum il-ġurnata;

52. Ifakkar li l-miżuri għall-promozzjoni tal-bijodiversità huma vitali wkoll fis-settur mhux agrikolu; jinnota li l-ispazji ħodor tul it-toroq, it-trufijiet ħodor mal-linji ferrovjarji, il-ftuħ ta’ passaġġi fil-foresti għan-netwerks tat-trażmissjoni tal-enerġija u l-ġonna pubbliċi u privati jkopru meded sostanzjali fejn metodi ta' ġestjoni razzjonali jistgħu jżidu konsiderevolment ir-riżorsi tal-għabra tad-dakkir u n-nektar għan-naħal u l-insetti dakkara; jikkunsidra li dan l-iżvilupp għandu jitmexxa fil-kuntest ta' mmaniġjar tal-art armonjuż, li b'mod partikulari jżomm is-sikurezza tat-toroq;

53. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  Testi adottati, P7_TA(2011)0440.
  • [2]  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1-149.
  • [3]  ĠU C 24, 30.1.2010, p. 28.
  • [4]  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
  • [5]  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.
  • [6]  Testi adottati, P7_TA(2011)0084.
  • [7]  Permezz ta' inizjattivi bħall-Istrateġija tas-Saħħa tal-Annimali għall-UE (2007-2013), li tikkontribwixxi biex jingħata qafas regolatorju uniku u ċar dwar is-saħħa tal-annimali, ittejjeb il-koordinazzjoni u l-użu effiċjenti tar-riżorsi mill-aġenziji Ewropej rilevanti, u tenfasizza l-importanza li tinżamm u tittejjeb il-kapaċità dijanjostika.

NOTA SPJEGATTIVA

Is-setturi tal-apikultura huwa parti integrali tal-agrikoltura Ewropea. Huwa jipprovdi dħul primarju jew addizzjonali għal aktar minn 600.000 ċittadin tal-Unjoni Ewropea. Joffri servizzi vitali għall-agrikoltura permezz tal-pollinazzjoni u jikkontribwixxi biex imantni l-bijodiversità. Huwa stmat li 84% tal-ispeċi ta' pjanti u 76% tal-produzzjoni tal-ikel fl-Ewropa huma dipendenti mid-dakkir tan-naħal, fejn il-valur ekonomiku tagħhom huwa ħafna akbar mill-valur tal-għasel prodott u huwa stmat għal EUR 15 biljun fis-sena fl-UE. L-apikultura tipprovdi wkoll ekosistema importanti permezz tad-dakkir, li jikkontribwixxi għat-titjib tal-bijodiversità billi jmantni id-diversità ġenetika tal-pjanti u jmantni l-bilanċ ekoloġiku. Minbarra dan, l-apikultura hija parti mill-wirt agrikolu Ewropew u minn tradizzjonijiet nazzjonali.

L-apikultura hija unika meta mqabbla mas-setturi tat-trobbija tal-annimali. Hija trabbi insetti, annimali semiselvaġġi li ma jistgħux jiġu domestikati jew direttament kontrollati bħal speċi oħra. L-apikultura mhijiex ibbażata fuq l-annimal individwali, imma fuq il-kolonja funzjonali sħiħa, li tikkonsisti minn bosta eluf ta' insetti li jaħdmu flimkien bħal ċelluli f'organiżmi oħra. B'hekk ir-riċerka xjentifika u r-regolament għandhom jiġu diretti kemm lejn l-annimal individwali u l-livelli kollha tal-kolonji.

Hemm differenzi sinifikanti bejn il-karatteristiċi apikulturali tal-istati membri, bħan-numru u l-kwalifika ta' min irabbi n-naħal (dilettanti jew professjonali), id-densità tal-bejtiet jew il-metodu ta' tħaddim tal-apikultura (ġarer tan-naħal stazzjonarji jew mobbli, transumanza). Bosta stati membri għandhom kundizzjonijiet li hum favorevoli b'mod partikulari għall-apikultura, bħal Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja. Minħabba densità aktar għolja ta' bejtiet u n-numru ta' persuni professjonali li jrabbu n-naħal, dawn il-pajjiżi spiss ssir referenza għalihom bħala stati membri b'dawk li jrabbu n-naħal professjonali. Huwa ta' importanza li jitnaqqas il-vojt f'dak li huwa għarfien bejn persuni professjonali u dilettanti li jrabbu n-naħal u jittejjeb it-tifrix tal-informazzjoni u l-għarfien xjentifiku fosthom permezz ta' taħriġ effikaċi.

Ir-raġunijiet eżatti taż-żidiet reċenti fil-mortalità tan-naħal għadhom mhumiex ċari. Hemm diversi ostakli li qed jwaqqfu l-iżvilupp tal-prodott il-ġdid għas-saħħa tan-naħal. Is-suq ta' prodotti bħal dawn huwa relattivament żgħir meta mqabbel ma' dak ta' setturi oħra tat-trobbija tal-bhejjem, u d-dħul fuq l-investiment huwa baxx. Għalhekk il-fabbrikanti ta' prodotti veterinarji mhumiex interessati fl-iżvilupp ta' mediċini ġodda għas-saħħa tan-naħal. Minbarra dan, ir-regolament attwali tas-sistema MRL ma jiżgurax protezzjoni kif suppost tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, filwaqt li jiskuraġġixxi lill-produtturi innovattivi mill-iżvilupp. Il-Kummissjoni għandha tittratta din il-problema b'regolament bilanċjat ġdid. Minbarra l-iżvilupp ta' mediċini ġodda, wieħed għandu jkompli jeżamina miżuri preventivi, programmi tat-trobbija tal-apikultura u l-konservazzjoni tal-ġeni, filwaqt li jikkonċentraw fuq il-mard u t-toleranza għall-annimali li jagħmlu l-ħsara.

Wieħed mill-barrieri prinċipali ta' azzjoni effikaċi kontra l-mortalità eċċessiva tan-naħal huwa n-nuqqas ta' data affidabbli u komparabbli dwar in-numru ta' bejtiet, dawk li jrabbu n-naħal u t-telf tal-kolonji fl-UE. Hemm ħtieġa kbira li tiġi applikata sistema armonizzata effikaċi ta' monitoraġġ biex tistima l-grad ta' mortalitajiet tan-naħal u tiżviluppa għarfien aktar akkurat dwar l-estent u l-kawżi ta' telf ta' kolonji u problemi oħra tas-saħħa tan-naħal. Filwaqt li sistema armonizzata ta' monitoraġġ hija neċessarja fuq livell Ewropew, l-istati membri għandhom jaġixxu biex inaqqsu r-riskji li jaffetwaw is-saħħa tan-naħal. Ir-riċerka għandha tiġi armonizzata u r-riżultati xjentifiċi għandhom jkunu kkomunikati fuq livell Ewropew sabiex jiġu evitati azzjonijiet li jkopru l-istess affarijiet. L-awtoritajiet nazzjonali u organizzazzjonijiet rappreżentattivi fl-istati membri għandhom jappoġġaw it-tifrix ta' għarfien xjentifiku u tekniku dwar is-saħħa tan-naħal fost persuni li jrabbu n-naħal. Jeħtieġ li jkun hemm djalogu permanenti u strutturat bejn min irabbi n-naħal, bdiewa u l-awtoritajiet relevanti. Il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi għas-suċċess tad-djalogu billi tagħmel is-sit relevanti disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha ta' dawk l-Istati Membri fejn l-apikultura tilgħab rwol ekonomiku importanti.

Dan ir-rapport jilqa' l-programm pilota tal-Kummissjoni għall-monitoraġġ tas-saħħa tan-naħal u skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill, jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel ir-riżultat disponibbli lill-partijiet kollha interessati, iżda jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm aktar sforzi biex joħolqu sistema adegwata ta' monitoraġġ fl-UE. IL-Kummissjoni għandha wkoll tappoġġa l-istabbiliment ta' netwerk Ewropea ta' impriżi tal-apikultura ta' referenza biex jissorveljaw is-saħħa tan-naħal f'relazzjoni mal-kundizzjonijiet ambjentali u l-apikultura/prattiki agrikoli.

Dan ir-rapport jilqa' ukoll l-istabbiliment ta' Laboratorju ta' Referenza tal-UE. Il-Laboratorju ta' Referenza għandu jikkumplimenta l-attivitajiet ta' networks esperti eżistenti jew laboratorji nazzjonali u għandu juża d-data u l-esperjenzi miġbura fl-Azzjoni tal-COST COLOSS. Sadanittant, jenfasizza l-ħtieġa biex jappoġġa laboratorji dijanjostiċi u testijiet fil-prattika fuq livell nazzjonali. Minbarra dan, il-Kummissjoni għandha tipprovdi finanzjament għal-laboratorji li jittrattaw l-analiżi tal-kwalità u tas-sigurtà ta' prodotti apikulturali u t-tqassim ta' din l-informazzjoni fuq livell Ewropew.

Wieħed mill-fatturi stressanti li jaffettwaw is-saħħa tan-naħal huwa l-preżenza ta' aġenti tossiċi fl-ambjent, speċjalment l-użu inadegwat jew eċċessiv ta' ċerti pestiċidi. Il-Kummissjoni talbet biex tirrevedi r-rekwiżiti tad-data għas-sottomissjoni ta' dokumenti tal-pestiċidi, li huwa żvilupp favorevoli, iżda d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom ikomplu jiġu msaħħa sabiex jippermettu li jkompli jitnaqqas ir-riskju b'mod aktar effikaċi. Ir-rekwiżit attwali tat-tikettar dwar l-użu tal-pestiċidi mhuwiex adegwat. L-awtorizzazzjoni ta' prodotti tossiċi għandha tispeċifika b'mod ċar f'liema status fenoloġiku tal-prodott fil-mira ikunu jistgħu jew ma jistgħux jintużaw il-prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti u dan għandu jiġi ddikjarat b'mod ċar fuq it-tikketta tal-prodott. Problema oħra hija n-nuqqas ta' riċerka indipendenti dwar is-sostituzzjoni ta' prodotti tossiċi għall-protezzjoni tal-pjanti.

M'hemm l-ebda prova xjentifika ta' xi effett negattiv dirett fuq prodotti ġenetikament modifikati (ĠM) fuq in-naħal, għalkemm studju tal-EFSA mill-2009 identifika l-OĠM fost fatturi oħra ta' stress involuti fil-kawżi tat-tnaqqis fil-popolazzjonijiet tan-naħal. B'hekk huwa importanti li tinġabar data solida mill-Istati Membri kollha u li tiżgura riċerka objettiva f'dan il-qasam. Huwa fatt inkwetanti li l-produtturi taż-żrieragħ ĠM spiss ixekklu r-riċerka indipendent billi ma jipprovdux pollinu ĠM purifikat għat-test tat-tossiċità.

Huwa importanti u milqugħ li fil-bidu tal2012, il-Kummissjoni tippreżenta Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali li tkun komprensiva biex tissostitwixxi l-leġiżlazzjoni veterinarja bażika attwali. Il-bżonnijiet speċifiċi tas-settur tal-apikultura għandhom jiġu kkunsidrati waqt ir-reviżjoni. Din ir-rivista għandha tiġi bbażata fuq konsultazzjoni pubblika wiesgħha mal-azzjonisti. Ir-rivista għandha tippermetti grad ogħla ta' disponibbiltà ta' prodotti veterinarji mediċi. Minbarra dan, il-Kummissjoni tagħraf l-importanza soċjali u ambjentali tal-pollinazzjoni, u skont dan, is-saħħa tad-dakkara tiġi enfasizzata kif suppost fl-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE li ġiet pubblikata mill-ġdid, sabiex tiġġieled kontra d-degredazzjoni konsegwenti ta' mergħat naturali tan-naħal, u l-qerda ta' speċijiet ta' pjanti li jipproduċu l-għasel. Prattiki agrikoli sostenibbli għandhom ikunu fil-qalba tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni, li tħeġġeġ lill-bdiewa biex japplikaw pakkett ta' prattiki agronomiċi, inkluż n-newb tal-għelejjel, mergħat permanenti, u żoni infrastrutturali ħodor. Il-monokulturi jikkawżaw kwalità u kwantità f'sorsi ta' nettar u polline għan-naħal. Minbarra l-kultivazzjoni taċ-ċereali u tal-qamħirrum għall-produzzjoni tal-għalf u tal-enerġija, l-użu tas-sistemi estiżi tan-newb tal-għelejjel, iż-żrigħ imħallat fuq il-post fl-impriża tal-biedja stess u t-taħlitiet tal-ħaxix u s-silla, li huwa marbut ma’ vantaġġi ambjentali u agronomiċi kbar, għandhom jiġu promossi, peress li t-tkabbir tal-għelejjel leguminużi bħala parti minn sistema ta’ newb jista’ jħares mill-mard u jirriġenera l-ħamrija, u kif ukoll jista’ jkollu effetti pożittivi fuq il-popolazzjoni tad-dakkara u jipproteġi l-klima. B'hekk, skont il-Politika Agrikola Komuni, għandha tiġi appoġġata l-ġestjoni attiva ta' ekosistemi minn bdiewa, inkluż l-installzzjoni ta' marġini tal-għelieqi li huma favorevoli għad-dakkara.

Fl-aħħar dekadi, ir-riċerka għal mediċini veterinarji ġodda fis-settur tal-apikultura għadu lura. Bl-istess mod, fir-riċerka umana tas-saħħa, il-prerekwiżit għal kontroll effikaċi tal-mard huwa l-iżvilupp kontinwu ta' mediċini u trattament. Mard li jiġi trattat frekwentement u bi preżenza permanenti jista' jiżviluppa tolleranza jew reżistenza kontra sustanzi attivi mediċi. L-istess fenomenu huwa veru għall-varrożi. Hemm diversi prodotti veterinarji li ġew zviluppati qabel fis-suq għat-trattament tal-Varroa, iżda l-ebda wieħed minnhom ma huwa effikaċi s'issa.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva 2001/11/KE (Direttiva dwar l-Għasel) hija importanti minn diversi aspetti. Id-dispożizzjonijiet dwar il-kwalità tal-għasel u l-preżenza ta' komponenti organiċi jew sintetiċi esterni (inklużi antibijotiċi) wasslu għal sitwazzjoni inċerta hekk kif Stati Membri stabbilixxew livelli ta' tolleranza differenti, li jistgħu ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern. Għandha tiġi stabbilita leġiżlazzjoni standard dwar il-kontenut ta' residwu ta' antibijotiku li hu permess fl-għasel u fi prodotti apikulturali oħra, li b'hekk tiżgura l-funzjonament bla tfixkil tas-suq intern tal-għasel u telimina d-distorzjoni tal-kompetizzjoni bejn min irabbi n-naħal fi Stati Membri differenti. Tipikament, il-livell minimu ta' konċentrazzjoni ta' dawn is-sustanzi ma jponix xi riskju għas-saħħa umana, b'hekk m'għandhom jiġu introdotti l-ebda Livelli ta' Non-azzjoni (NAL) jew Punt ta' Referenza tal-Azzjonijiet (RPA) għall-għasel.

L-immarkar tal-oriġini preskritta mid-Direttiva tal-Għasel hija wkoll kontradittorja u mhijiex konformi mal-politika kurrenti tal-kwalità tal-UE. Id-dispożizzjonijiet attwali fil-punt 4 tad-Direttiva 2001/110 KE, dwar it-tikettar ta' prodotti apikultura, mhumiex garanzija għall-protezzjoni tas-settur tal-apikultura tal-UE u ma jipprovdux informazzjoni adegwata lill-konsumaturi.

S'issa is-settur tal-għasel għadu ma approfittax bis-sħiħ mill-benefiċċji tal-politika Ewropea tal-kwalità. Inqas minn tużżana mill-prodotti tal-apikultura ġew garantiti b'indikazzjonijiet DPO jew IĠP u l-produtturi qed joqogħdu lura milli japplikaw għal indikazzjonijiet ġeografiċi.

Skont il-Politika Agrikola Komuni sa mill-2013, l-UE għandha tagħti appoġġ immirat lil dawk li jrabbu n-naħal li għadhom żgħar fl-età sabiex jibbilanċjaw l-istruttura sfavorevoli tal-età fis-settur tal-apikultura.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (14.7.2011)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel u l-isfidi għas-settur tat-trobbija tan-naħal
(2011/2108(COM))

Rapporteur għal opinjoni: Julie Girling

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Itenni t-tħassib li ż-żieda fl-imwiet fost in-naħal tal-għasel u d-dakkara selvaġġi fl-Ewropa, jekk ma tiġix ikkontrollata, ikollha impatt negattiv profond fuq l-agrikoltura, il-produzzjoni u s-sikurezza tal-ikel, il-bijodiversità, is-sostenibilità ambjentali u l-ekosistemi;

2.  Jidhirlu li s-saħħa tan-naħal tal-għasel għandha titqies bħala indikatur bijoloġiku importanti għall-istat tal-ambjent tagħna u s-sostenibilità tal-prattiki agrikoli;

3.  Iqis li huwa importanti li jittieħdu miżuri urġenti biex titħares is-saħħa tan-naħal, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tat-trobbija tan-naħal, id-diversità tal-atturi involuti u l-prinċipju tal-proporzjonalità u dak tas-sussidjarjetà;

4.  Minħabba n-nuqqas ta’ data rappreżentattiva u komparabbli fil-livell Ewropew dwar it-telfiet tal-kolonji tan-naħal tal-għasel, jenfasizza l-ħtieġa li dawn it-telfiet jiġu kkwantifikati u li tiġi stabbilita sistema ta’ għadd xierqa li tkun komuni għall-Istati Membri kollha;

5.  Jenfasizza l-fatt li minbarra n-naħal tal-għasel iddomestikat, il-popolazzjonijiet tan-naħal selvaġġ (pereżempju n-naħal bagħli) u dakkara oħra prezzjużi (pereżempju l-friefet u d-dubbien tal-familja Syrphidae) ukoll qed jonqsu b’rata qawwija;

6.  Peress li d-dakkir min-naħal għandu effett ekonomiku importanti imma attwalment ma hu mogħti l-ebda valur tas-suq lil dan is-servizz ta' dakkir, li ħafna setturi jibbenefikaw u jiddependu minnu, jemmen li l-miżuri meħuda mill-biedja biex jipprovdu foraġġ għan-naħal għandhom jiġu ppremjati f'termini ekonomiċi;

7.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Saħħa tan-Naħal tal-Għasel (COM(2010)0714) u jfakkar fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura[1]; jikkonferma l-ħtieġa għal prattiki agrikoli sostenibbli biex jipproteġu r-riżorsi naturali u l-bijodiversità u ekosistemi agrikoli u jippromwovu t-taħriġ u l-ħiliet;

8.  Jirrikonoxxi l-kunsens xjentifiku li t-telf tal-kolonji tan-naħal tal-għasel ma jistax jiġi attribwit lil fattur wieħed, iżda jseħħ minħabba ħafna fatturi li jinkludu:

     –   parassiti, speċifikament id-dudu distruttiv Varroa, u l-fungus Nosema ceranae, li jservu biex idgħajfu s-sistema tal-immunità tan-naħal u jikkoltivaw tkabbir virali li, jekk jitħalla mingħajr ma jiġi ttrattat, jista’ jirriżulta fil-mewt tal-kolonji fi żmien tliet snin;

     –   nuqqas ta' mediċini veterinarji aċċessibbli u li ma jiswewx ħafna flus biex tiġi miġġielda l-varroażi u ta' trattamenti xierqa li huma awtorizzati u adegwati għan-naħal;

     –   tnaqqis tal-għalf selvaġġ li jirriżulta mill-effetti tat-tibdiliet fil-klima u dipendenza fuq biedja ta’ monokultura, li jiġi inkoraġġut mill-OĠM u mit-trattament ta' żrieragħ bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jdgħajjef is-saħħa tan-naħal minħabba l-iskarsezzi tal-ikel u d-diversità mnaqqsa u ż-żieda fid-distanza tal-provvisti tal-ikel, u li jagħmel lin-naħal aktar suxxettibbli għall-fatturi l-oħra;

     –   telf tal-bijodiversità ta’ kwalunkwe oriġini b’impatt fuq id-disponibilità u l-kwalità tar-riżorsi tal-għabra dakkarija;

     –   prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, inklużi dawk fil-familja tan-neonikotinojdi (Clothianidin, Thiacloprid, Imidacloprid, Thiamethoxam), phenzl pyrazole (Fipronil), piretrojdi u sustanzi attivi bħalma huma l-Chlorpyrifos u Dimethoate, b'effetti letali (mortalità minħabba t-tossiċità akuta jew kronika tas-sustanzi attivi fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti) jew effetti sottoletali (effetti fuq is-sistemi tal-immunità jew fuq l-imġieba tan-naħal), direttament jew permezz ta' ilma mniġġes, il-guttazzjoni, nektar u għabra dakkarija;

     –   kampijiet elettromanjetiċi li jistgħu jiddisturbaw l-orjentazzjoni u n-navigazzjoni tan-naħal tal-għasel;

     –   għelejjel ġenetikament modifikati, b’mod partikolari l-għelejjel Bt, li jaffettwaw il-prestazzjoni li għandu n-naħal tal-għasel biex jitgħallem, u b'hekk jikkawżaw effetti sottoletali;

9.  Minħabba l-effett tal-pestiċidi fuq l-iżvilupp tal-kolonji tan-naħal u l-larvi tan-naħal, ifakkar li huwa importanti li l-esponiment kroniku tan-naħal u tal-larvi tan-naħal għal dawn il-pestiċidi jiġi inkluż fl-iskema tal-evalwazzjoni tal-pestiċidi; jitlob ukoll li fl-iskemi tal-evalwazzjoni jitqiesu r-rotot il-ġodda tal-esponiment tan-naħal (pereżempju l-guttazzjoni); jitlob li jiġu stabbiliti prattiki esperimentali tajba għall-evalwazzjoni tal-impatti li hemm fuq in-naħal, partikolarment l-obbligu li jiġu ppreżentati reviżjoni kompluta tal-litteratura xjentifika u r-riżultati tat-testijiet kollha mwettqa mill-applikant;

10. Jitlob li tiġi stabbilita skeda li fuq medda twila ta’ żmien twassal biex il-pestiċidi newrotossiċi u l-prodotti għall-użu agrikolu li jkun fihom dawn is-sustanzi jitneħħew mis-suq b’mod definittiv;

11. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn dawk li jrabbu n-naħal, il-bdiewa, l-industrija, l-awtoritajiet u x-xjentisti fl-investigar tal-kawżi taż-żieda fit-telf tal-kolonji tan-naħal u, fuq il-bażi ta’ din ir-riċerka, s-sejbien ta’ soluzzjonijiet xierqa għall-problema;

12. Jitlob li jingħata appoġġ lill-programmi tar-riċerka rigward il-parassiti u l-mard tan-naħal u kif jistgħu jiġu affrontati b’mod deċiżiv, u li jiġu stabbiliti bażijiet tal-għarfien dwar il-fiżjoloġija tan-naħal f’kooperazzjoni mal-Istati Membri imma wkoll barra l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari billi jiġi appoġġat il-programm dinji COLOSS u billi tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-laboratorji nazzjonali biex jinħolqu l-iskambju tal-għarfien u netwerk ta' esperti;

13. Jappoġġa l-istabbiliment ta' Laboratorju ta’ Referenza tal-UE dwar is-saħħa tan-naħal[2] biex jiftiehmu aħjar il-fatturi li jaffettwaw is-saħħa tan-naħal u kif b'mod effikaċi, billi tittejjeb il-koordinazzjoni u jiġi armonizzati l-programmi ta' monitoraġġ u tar-riċerka dwar it-trobbija tan-naħal, inkluż assoċjazzjonijiet tat-trobbija tan-naħal li jitmexxew fl-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi b’mod attiv livell akbar ta’ skambjar ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-laboratorji u dawk li jrabbu n-naħal dwar studji ekotossikoloġiċi u fatturi oħra li jaffettwaw is-saħħa tan-naħal u ħalli jiġi żgurat aċċess liberu għall-istudji ekotossikoloġiċi inklużi fl-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, biex jiffaċilitaw skrutinju xjentifiku informat u indipendenti; jitlob li ssir riċerka indipendenti u f’waqtha dwar il-mortalità tan-naħal.

14. Iqis li, bil-ħsieb li bejn l-Istati Membri tal-UE jiġu skambjati l- prattika t-tajba u l-esperjenza, il-programmi għall-monitoraġġ tal-mard tan-naħal u r-riċerka għandhom jiġu armonizzati;

15. Jistieden lil-laboratorju msemmi hawn fuq jiżviluppa kriterji standardizzati għall-benesseri tan-naħal, li fuq il-bażi tagħhom dawk li jrabbu n-naħal ikunu jistgħu jingħataw aċċess għall-ħlasijiet previsti skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali;

16. Jenfasizza li l-istudji dwar il-popolazzjonijiet tan-naħal għandhom jinvestigaw diversi fatturi konċepibbli bil-għan li jiġi ċċarat liema huma dawk it-tipi ta’ agrikoltura li huma l-aktar ta’ ġid għas-saħħa tal-popolazzjonijiet tan-naħal li hemm fil-viċinanza tagħhom;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport li jispjega kif in-naħal tal-għasel se jiġi affettwat mit-tibdiliet tal-klima li huma mbassra għad-deċenni li ġejjin mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u tmexxi riċerka xjentifika indipendenti fit-tul dwar l-effetti tal-esponiment għall-kampijiet elettromanjetiċi fuq in-naħal tal-għasel u fuq id-dakkara selvaġġi;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tqis is-saħħa u dieta tajba għas-saħħa meta tkun qed tfassal il-prijoritajiet għat-Tmien Programm ta' Qafas għar-Riċerka u tappoġġa r-riċerka dwar is-saħħa tan-naħal u dwar il-kawżi tal-mortalità dejjem ogħla tan-naħal, inkluż billi tiżviluppa metodi ġodda għall-kontroll tal-mard tan-naħal;

20. Jitlob li tiġi stabbilita strateġija globali għall-mediċini tan-naħal, li għandha tidentifika, għal kull marda tan-naħal, il-kundizzjonijiet tal-użu fejn it-trattament xieraq irid jiġi ċċarat;

21. Jappoġġja l-programmi tat-trobbija li jikkonċentraw fuq it-tolleranza tal-mard u tal-organiżmi ta’ ħsara, speċjalment kontra l-varroażi;

22. Jitlob għal aktar appoġġ għat-trattamenti veterinarji bil-għan li jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-mard u tal-parassiti;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibilità li l-kopertura taħt il-Fond Veterinarju tal-Unjoni Ewropea tiġi estiża għall-mard tan-naħal meta l-Fond jerġa’ jiġi rivedut;

24. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ddaħħal livelli massimi tar-residwi għall-użu tal-prodotti mediċinali permezz tal-proċedura ‘kaskada’ bil-għan li tiġi eliminata l-inċertezza legali attwali li xxekkel it-trattament tan-naħal marid;

25. Jenfasizza li s-settur tat-trobbija tan-naħal tal-Ewropa għadu fil-biċċa l-kbira tiegħu mhux regolat, u dan jipprekludi l-użu ta’ mediċini veterinarji reġistrati għan-naħal u miżuri tas-saħħa preventivi oħra;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri biex jingħata appoġġ lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju bil-ħsieb li jiġu inkoraġġiti l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali veterinarji speċifiċi għall-mard tan-naħal;

27. Jenfasizza tħassib li, minħabba l-ispejjeż għolja tal-istabbiliment ta’ intrapriża tat-trobbija tan-naħal, hemm anqas nies li qed jidħlu fis-settur, li jirriżulta f’defiċit fid-doqqajs meħtieġ biex idakkar uċuħ agrikoli vitali.

28. Jagħraf ir-rwol vitali tas-settur tat-trobbija professjonali tan-naħal, u l-ħtieġa li kulma jmur dejjem tikber biex titħares, tiġi sostnuta u promossa s-sostenibilità tagħha permezz ta’ programmi xierqa ta’ edukazzjoni u ta’ finanzjament;

29. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib modi kreattivi u effikaċi kif tinkoraġġixxi t-trobbija tan-naħal bħala professjoni u kif tħarreġ nies ġodda biex irabbu n-naħal;

30. Jenfasizza li l-edukazzjoni fit-trobbija tan-naħal trid tmur lilhinn mis-setturi tat-trobbija tan-naħal u tal-agrikoltura bil-għan li jiġu aġevolati l-azzjoni pubblika u l-parteċipazzjoni pubblika fil-ħolqien ta' abitati ta' tbejjit u foraġġar aħjar għan-naħal fiż-żoni urbani;

31. Iqis li huwa essenzjali li jiġi pprovdut aktar taħriġ għal min irabbi n-naħal fl-Istati Membri kollha, minħabba li l-ġestjoni tan-naħal tal-għasel tinsab f’idejn min irabbi n-naħal u l-ġestjoni tajba tan-naħal, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ prattiki tajba u r-rispett għar-regolamenti li hemm fis-seħħ, hija kruċjali għas-saħħa tan-naħal;

32. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni fuq il-problema tal-kompetizzjoni inġusta fir-rigward tal-prodotti tat-trobbija tan-naħal li huma importati għal ġos-suq tal-Komunità minn barra l-Unjoni Ewropea;

33. Bl-għarfien li 97% tas-700 000 persuna li jrabbu n-naħal fl-Ewropa huma nonprofessjonali, li jgħoddu 67% tad-doqqajsiet, jitlob li, f'kollaborazzjoni mal-EURL f'Sofija-Antipolis u ma’ istituzzjonijiet nazzjonali, titfassal gwida għall-prattika tajba tat-trobbija tan-naħal u tal-iġjene, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tat-trobbija tan-naħal, id-diversità tal-atturi involuti, u l-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' sussidjarjetà; jenfasizza l-ħtieġa li l-qirda tal-abitati tan-naħal tiġi limitata, billi jitħallew aktar żoni naturali fl-ibliet u fil-kampanja; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li jitqiesu l-aspetti soċjoekonomiċi prinċipali u għall-ħtieġa li s-settur jibqa’ wieħed kompetittiv fis-suq globali.

34. Jenfasizza li miżuri regolatorji b’miri speċifiċi jistgħu jgħinu biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inċentivizzati fl-istabbiliment ta’ abitati selvaġġi ta’ foraġġar imtejba;

35. Jenfasizza kemm hu importanti li jiġu promossi miżuri maħsuba apposta biex jinkoraġġixxu l-bijodiversità, filwaqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu li s-saħħa tan-naħal hija inkoraġġita billi dawn ikollhom aċċess għal taħlita ta' għabra dakkarija u pjanti differenti;

36. Jenfasizza li l-għadd tal-ispeċijiet li jdakkru qed jonqos b’rata allarmanti fid-dinja kollha u li waħda mir-raġunijiet għal dan huwa l-użu tal-pestiċidi u ta’ organiżmi ġenetikament modifikati, li jaffettwaw b'mod ħażin il-popolazzjonijiet tan-naħal;

37. Jenfasizza li hemm evidenza xjentifika dejjem ikbar li n-naħal li għandhom aċċess għal taħlita ta' għabra dakkarija minn pjanti differenti huma aktar b'saħħithom minn dawk li huma mitmugħa biss tip wieħed ta' pollinu; jitlob lill-Kummissjoni biex issegwi mill-qrib kwalunkwe żvilupp u tappoġġa r-riċerka f'dan il-qasam; jenfasizza li għandhom jitwettqu aktar riċerka u aktar stħarriġ biex jiġi żgurat li l-OĠM ma jikkawżawx ħsara lill-popolazzjoni tan-naħal; jagħraf li l-monokulturi ta' kull tip inaqqsu l-bijodiversità u b'hekk l-aċċess għal flora li tipproduċi l-għasel, li jista' jkollu impatt fuq in-naħal tal-għasel; jitlob lill-Kummissjoni biex tqiegħed prattiki agrikoli sostenibbli tal-PAK u jagħraf il-ħtieġa li tiġi promossa l-ġestjoni kif suppost tal-art u skemi oħra agroambjentali[3]biex iżidu l-aċċess għal pjanti li jipproduċu l-għasel u l-bijodiversità;

38. Jenfasizza bil-qawwa leġiżlazzjoni prudenti tal-UE u valutazzjonijiet xjentifiċi tar-riskji magħmulin bir-reqqa fir-rigward tal-organiżmi ġenetikament modifikati(OĠM); jinnota li l-monokultura tippreżenta riskju ta’ dakkir insuffiċjenti u qed twassal biex il-flora tal-għasel tisparixxi;

39. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi aktar ir-riċerka xjentifika indipendenti dwar l-effetti fit-tul li għandhom l-uċuħ ġenetikament modifikati, speċjalment il-firxa tat-tossiki Bt permezz tal-għabra dakkarija fuq id-dakkara domestiċi u selvaġġi, kif ukoll fuq is-sinerġiji bejn il-prodotti differenti għall-protezzjoni tal-pjanti, u s-sinerġiji bejn l-esponiment għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-patoloġiji; jitlob li jsir moratorju fuq il-kultivazzjoni tal-uċuħ ġenetikament modifikati fil-każ li dawn l-istudji jiżvelaw effetti negattivi fuq is-saħħa tan-naħal;

40. Jenfasizza li jekk ma jistax jiġi stabbilit li l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) huma fattur sinifikanti fit-tnaqqis fil-għadd tal-kolonji tan-naħal, huwa essenzjali li l-problemi ffaċċjati minn dawk li jrabbu n-naħal, b'mod partikolari d-dispersjoni tal-għabra dakkarija minn naħal li jiġbor l-għabra dakkarija u l-probabilità tat-tniġġis tal-għabra dakkarija;

41. Ifakkar fid-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 biex jiġu vvalutati s-sustanzi attivi li hemm fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u dawn il-prodotti bħala tali, mhux biss fir-rigward tal-effetti akuti tagħhom, imma wkoll fir-rigward tal-effetti kroniki tagħhom fuq is-sopravivenza u l-iżvilupp tal-kolonji, filwaqt li jitqiesu l-effetti fuq il-larvi tan-naħal tal-għasel u fuq l-imġiba tan-naħal tal-għasel; madankollu, jirrimarka:

     (a) li r-rekwiżiti tad-data, li jeħtieġ li jiġu emendati f’dak is-sens, se jkunu applikabbli biss mhux qabel tmiem l-2013,

     (b) li fil-frattemp għad iridu jiġu żviluppati protokolli tal-ittestjar adegwati, u

     (c) li d-dispożizzjonijiet il-ġodda se jiġu applikati biss għall-approvazzjoni ta’ sustanzi ġodda jew għat-tiġdid ta’ approvazzjonijiet eżistenti, kif ukoll għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti ġodda għall-protezzjoni tal-pjanti jew it-tiġdid tagħhom, b’tali mod li l-approvazzjonijiet/awtorizzazzjonijiet eżistenti ma jiġux ivvalutati b’mod xieraq għal ħafna snin oħra, kemm-il darba ma jiġux eżaminati mill-ġdid b’mod speċifiku;

42. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi kollha ssuspettati li jikkontribwixxu għat-telf tal-kolonji tan-naħal skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda u r-rekwiżiti tad-data l-ġodda tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 hekk kif jiġu applikabbli r-rekwiżiti tad-data l-ġodda;

43. Jilqa’ d-dispożizzjoni għal valutazzjoni indipendenti mill-esperti tal-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel tar-riċerka li tkun għadha kif ġiet meħtieġa;

44. Isaqsi l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel biex, meta tkun qed tevalwa independetement ir-rekwiżiti ġodda tad-data dwar is-sikurezza tan-naħal u l-metodoloġiji tal-ittestjar tal-pestiċidi qabel ma jiġu awtorizzati, tieħu in kunsiderazzjoni r-riċerka u l-informazzjoni miġbura mill-EURL;

45. Jenfasizza l-importanza tal-biedja sostenibbli u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, li għandha l-għan li jintlaħaq użu sostenibbli tal-pestiċidi billi jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi minn fuq l-ambjent, inklużi n-naħal tal-għasel, b’mod partikolari rigward dawk il-miżuri intenzjonati biex jippromwovu t-taħriġ u l-edukazzjoni tal-bdiewa u l-kollaborazzjoni ma’ dawk li jrabbu n-naħal;

46. Ifakkar fid-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi u speċjalment l-Artikolu 14 tiegħu, li jagħmilha mandatorja li l-bdiewa kollha japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara fl-azjendi tal-biedja tagħhom mill-2014 ’il quddiem, u l-Artikolu 9, li jagħmel projbizzjoni ġenerali fuq il-bexx mill-ajru;

47. Jenfasizza bil-qawwa l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni meta niġu għall-użu tal-pestiċidi u jaqbel mal-Kummissjoni li l-użu tal-pestiċidi fl-agrikultura għandu jitqies bħala wieħed mill-fatturi li jaffettwaw is-saħħa tan-naħal; jemmen li l-użu tal-pestiċidi għandu jitqies għall-anqas bil-għan li jiġi ċċarat jekk u sa liema punt jista' jkollhom rwol fis-saħħa tan-naħal; jinnota li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-użu tal-pestiċidi tal-familja tan-neonikotinojdi li jistgħu jikkawżaw disturbi diġestivi u ormonali; jenfasizza li l-effetti fit-tul tal-pestiċidi sistemiċi mhumiex mogħtija l-importanza li suppost għandhom u jistgħu jispjegaw parzjalment it-tnaqqis fil-popolazzjonijiet tan-naħal;

48. Jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma mal-prinċipju ta’ prekawzjoni u timponi projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-użu tal-pestiċidi neonikotinojdi sakemm studji xjentifiċi fil-fond indipendenti jagħtu prova li ma hemm l-ebda esponiment għat-tossini għan-naħal tal-għasel u l-ebda periklu għall-ambjent u s-saħħa pubblika, li joriġina mill-użu tagħhom;

49. Jafferma mill-ġdid li l-Kummissjoni tikkunsidra n-naħla tal-għasel bħala speċi domestikata, u għaldaqstant settur tat-trobbija, li jiffaċilita miżuri1 tas-saħħa, ħarsien u protezzjoni6 aħjar u jikkontribwixxi informazzjoni aħjar dwar il-konservazzjoni ta' dakkara selvaġġi; jitlob, għalhekk, li tiġi stabbilita strateġija għall-ħarsien tas-saħħa tan-naħal u li s-settur tat-trobbija tan-naħal jiġi inkorporat fil-leġiżlazzjoni agrikola u fil-leġiżlazzjoni veterinarja filwaqt li jitqies il-karattru speċifiku tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-kumpens għat-telf li jsofru persuni li jrabbu n-naħal fil-popolazzjoni tan-naħal tagħhom;

50. Jixtieq li fil-baġit tal-2013-2020 għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) jiġi inkluż appoġġ għall-bdiewa organiċi;

51. Jenfasizza l-importanza tal-finanzjament attwali tal-UE għall-promozzjoni tal-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-trobbija tan-naħal, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li kull Stat Membru japplika dan il-finanzjament kif intenzjonat;

52. Jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jiġu ffinanzjati aktar il-programmi agriambjentali li jinkoraġġixxu l-bijodiversità, bħalma huma dawk tal-forniment ta’ xtieli biex jiġi attirat in-naħal tal-għasel;

53. Ifakkar ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar ‘Id-defiċit ta' proteini fl-UE: x’soluzzjoni għal problema li ilha teżisti?’[4] u b’mod partikolari l-Premessa AF tagħha, li tgħid li: ‘billi, flimkien mal-kultivazzjoni taċ-ċereali u tal-qamħirrum għall-produzzjoni tal-għalf u tal-enerġija, l-użu tas-sistemi estiżi tan-newb tal-għelejjel, iż-żrigħ imħallat fuq il-post fl-impriża tal-biedja stess u t-taħlitiet ta’ ħaxix tal-familja Graminae u silla, li huwa marbut ma' vantaġġi ambjentali u agronomiċi kbar, għandhom jiġu promossi, peress li t-tkabbir tal-għelejjel leguminużi bħala parti minn sistema ta' newb jista' jħares mill-mard u jirriġenera l-ħamrija, u kif ukoll jista' jkollu effetti pożittivi fuq il-popolazzjoni tad-dakkara u jipproteġi l-klima’, u jfakkar kemm hu importanti li n-newb tal-għelejjel jinżamm bħala element ewlieni tal-hekk imsejjaħ komponent aħdar tal-Politika Agrikola Komuni fid-dawl tas-sena 2020.

54. Jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed il-prattiki agrikoli sostenibbli fil-qalba tal-PAK, billi titlob lill-bdiewa kollha tal-UE biex mill-2014 ’l hemm japplikaw pakkett sempliċi ta' prattiki agronomiċi (inklużi n-newb tal-uċuħ, mergħat permanenti, għelejjel ta’ kopertura u żoni ta’ infrastruttura ħadra) u ssaħħaħ u tiżviluppa l-miżuri agriambjentali li huma speċifiċi għas-settur tat-trobbija tan-naħal, fl-ispirtu tal-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-Bijodiversità, u tinkoraġġixxi lill-bdiewa jinvolvu ruħhom fil-miżuri agriambjentali bil-għan li jappoġġjaw bwar li jkunu “jiffavorixxu lin-naħal” fuq il-marġini tal-għelieqi, u jużaw newb ta’ diversità kbira bl-għelejjel leguminużi u jużaw alternattivi nonkimiki;

55. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri biex jitqajjem l-għarfien u miżuri ta’ informazzjoni, bil-għan li jiġi promoss livell ogħla ta’ għarfien u sens akbar ta’ responsabilità fost l-awtoritajiet kompetenti u l-produtturi fir-rigward tal-mard tan-naħal u l-miżuri disponibbli għall-prevenzjoni u t-trattament ta’ dan il-mard;

56. Jitlob li titfassal strateġija għar-riżorsi tal-ikel għan-naħal bil-għan li tiġi promossa provvista tal-ikel għan-naħal li tkun disponibbli, fil-qrib, diversifikata, adattata u ta’ kwalità għolja billi tittejjeb il-ġestjoni tal-art tal-biedja u tal-art li mhix tal-biedja, pereżempju billi fl-infrastruttura taċ-ċinturini ħodor u taċ-ċinturini blu jiġu inkorporati kwestjonijiet tan-nutriment tan-naħal billi jiġu żviluppati żoni għat-trobbija tan-naħal mħollija biex jistrieħu, sisien iwarrdu, it-tkabbir ta’ wċuħ fost uċuħ oħra tal-għasel u strixex dojoq ta' ħaxix tal-familja Graminae u billi jiġi żviluppat l-għarfien espert fost il-bdiewa fl-ikkombinar tal-agrikultura mal-bijodiversità;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

17

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Nessa Childers, Bairbre de Brún, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Linda McAvan, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Dagmar Roth-Behrendt, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Salvatore Tatarella, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Matthias Groote, Romana Jordan Cizelj, Riikka Manner, Marisa Matias, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Alojz Peterle, Michèle Rivasi, Crescenzio Rivellini, Giommaria Uggias

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Bové, Lorenzo Fontana

  • [1]  Testi adottati, P7_TA(2010)0440.
  • [2]  Il-EURLs huma għodod essenzjali għall-ġestjoni tar-riskju fil-qasam tas-saħħa tal-annimali u għandhom rwol importanti fir-rigward tal-appoġġ xjentifiku u tekniku fil-qasam tas-saħħa tal-annimali, (eż. sorveljanza tal-mard). Il-Kummissjoni waqqfet EURL fil-qasam tas-saħħa tan-naħal għal perjodu ta' ħames snin li jibda mill-1 ta' April 2011.
  • [3]  L-iskemi agroambjentali jinkoraġġixxu l-ġestjoni mtejba tas-sisien iffurmati minn sġajriet, il-kultivazzjoni akbar tal-legumi u interazzjonijiet aħjar bejn dawk li jrabbu n-naħal u l-bdiewa.
  • [4]  Testi adottati, P7_TA(2011)0084.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Richard Ashworth, Liam Aylward, José Bové, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Lorenzo Fontana, Iratxe García Pérez, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Agnès Le Brun, Mairead McGuinness, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Csaba Sándor Tabajdi, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Spyros Danellis, Bas Eickhout, Ismail Ertug, Giovanni La Via, Astrid Lulling, Hans-Peter Mayer, Dimitar Stoyanov

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

George Sabin Cutaş, Pablo Zalba Bidegain