RAPPORT li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja

27.10.2011 - (2011/2133(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Krzysztof Lisek


Proċedura : 2011/2133(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0374/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja

(2011/2133(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar il-konklużjoni ta' ftehim ta’ assoċjazzjoni,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew Straordinarju ta1-1 ta' Settembru 2008, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Relazzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Settembru 2008,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġeorġja tal-10 ta' Mejju 2010 li adottaw id-direttivi għan-negozjati,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni (FSK) bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

 wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'medjazzjoni mill-UE u ffirmat mill-Ġeorġja u mill-Federazzjoni Russa, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

 wara li kkunsidra d-diskors minn Mikheil Saakashvili, il-President tal-Ġeorġja, lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Novembru 2010,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tal-25 ta' Ottubru 2010,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar ‘Reazzjoni ġdida għal Viċinat li qed jinbidel’ (A new response to a changing Neighbourhood) tal-25 ta' Mejju 2011,

 wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Ġeorġja dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), approvat mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ġeorġja fl-14 ta' Novembru 2006, li jistipula l-objettivi strateġiċi u speċifiċi bbażati fuq l-impenji fir-rigward ta' valuri kondiviżi u l-implimentazzjoni effettiva ta' riformi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali,

 wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Progress tal-Ġeorġja tal-Kummissjoni Ewropea adottat fil-25 ta' Mejju 2011,

 wara li kkunsidra l-ftehimiet UE-Ġeorġja dwar l-iffaċilitar tal-viża u tar-riammissjoni li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Ġeorġja tat-30 ta' Novembru 2009,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea għal dak li għandu x'jaqsmu mat-tħejjijiet tal-Ġeorġja għall-ftuħ tan-negozjati DCFTA mal-Ġeorġja maħruġa fl-2009,

 wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel tal-14 ta' Lulju 2011,

 wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim dwar iż-Żona Komuni Ewropea tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Ġeorġja tat-2 ta' Diċembru 2010,

 wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 13/2010 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ir-riżultati tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) fin-Nofsinhar tal-Kawkasu,

 wara li kkunsidra r-riżulozzjonijiet tiegħu dwar il-Ġeorġja tat-3 ta' Settembru 2008[1], dwar il-bżonn għal Strateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu tal-20 ta' Mejju 2010[2] u dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat - Dimensjoni tal-Lvant tas-7 ta' April 2011[3],

 wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0374/2011),

A.  billi s-Sħubija tal-Lvant ħolqot qafas politiku sinifikanti għall-approfondiment tar-relazzjonijiet, l-aċċellerazzjoni tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika ulterjuri bejn l-UE u l-Ġeorġja, billi appoġġat ir-riformi politiċi u soċjoekonomiċi u ffaċilitat it-tqarrib tagħha mal-UE;

B.  billi s-Sħubija tal-Lvant tiddisponi għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali permezz ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni ġodda, waqt li tqis is-sitwazzjoni speċifika u l-ambizzjoni ta' kull pajjiż sieħeb u l-kapaċità tiegħu li jirrispetta l-impenji li jirriżultaw;

C.  billi l-parteċipazzjoni attiva tal-Ġeorġja u l-impenn tagħha għall-valuri u l-prinċipji komuni, li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, huma essenzjali biex il-proċess ikompli miexi 'l quddiem u biex in-negozjati u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-ftehim ta' assoċjazzjoni jkunu suċċess u jiżguraw li jkollu impatt sostenibbli fuq l-iżvilupp tal-pajjiż;

D.  billi t-tqarrib legali huwa strument importanti għat-trawwim tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja;

E.  billi l-Ġeorġja hija waħda mis-sħab bl-aqwa rendiment tas-Sħubija tal-Lvant rigward l-adozzjoni tar-riformi, għalkemm għad hemm problemi rigward l-implimentazzjoni tagħhom; billi hemm bżonn żvilupp ulterjuri rigward ir-riformi fis-sistema ġudizzjarja, u fid-drittijiet tax-xogħol, fid-drittijiet tan-nisa u fl-integrazzjoni tal-minoranzi;

F.  billi l-kunflitt mhux solvut bejn ir-Russja u l-Ġeorġja jfixkel l-istabbiltà u l-iżvilupp tal-Ġeorġja; billi r-Russja għadha tokkupa r-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tan-normi u l-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali; billi t-tindif etniku u t-tibdil demografiku bil-forza saru fiż-żoni taħt il-kontroll effettiv tas-setgħa okkupanti, li hija responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn iż-żoni;

G.  billi, fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħha dwar ‘Reazzjoni ġdida għal Viċinat li qed jinbidel’, l-UE ddikjarat l-ambizzjoni tagħha biex ikollha sehem aktar proattiv fir-riżoluzzjoni tal-konflitt; billi l-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-UE (EUMM) qed taqdi rwol importanti fil-post u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kwakasu u l-Kriżi tal-Ġeorġja qed jikkopresjedi t-taħditiet f'Ġinevra; billi dawn it-taħditiet ftit li xejn ħallew riżultati sal-lum;

H.  billi l-UE tenfasizza d-dritt tal-Ġeorġja li tingħaqad ma' kwalunkwe organizzazzjoni jew alleanza internazzjonali, waqt li tirrispetta l-liġi internazzjonali, u ttenni t-twemmin sod tagħha fil-prinċipju li l-ebda pajjiż terz m'għandu veto fuq id-deċiżjoni sovrana ta' pajjiż ieħor li jingħaqad ma' kwalunkwe organizzazzjoni jew alleanza internazzjonali jew id-dritt li jiddestabilizza gvern elett demokratikament;

I.  billi n-negozjati mal-Ġeorġja u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni qed jimxu 'l quddiem b'rata mgħaġġla, imma minkejja kollox in-negozjati dwar iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva (DCFTA) għadhom ma bdewx;

1.  Jindirrizza, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE sabiex:

(a) jiżguraw li n-negozjati mal-Ġeorġja jkomplu b'rata konsistenti;

(b) jiżguraw ukoll li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun qafas komprensiv li jħares 'il quddiem għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet mal-Ġeorġja fis-snin li ġejjin;

Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni

(c) jirrikonoxxu l-Ġeorġja bħala stat Ewropew u l-impenn tal-UE u n-negozjati li għaddejjin mal-Ġeorġja jibbażawhom fuq perspettiva Ewropea, inkluż l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-UE, li huwa meqjus bħala lieva siewja għall-implimentazzjoni ta' riformi u katalist neċessarju għal dawn ir-riformi li jkun jista' jsaħħaħ ulterjorment l-impenn tal-Ġeorġja għall-valuri u l-prinċipji komuni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;

(d)  isaħħu l-appoġġ tal-UE għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u jiżguraw l-applikabbiltà tal-ftehim, ladarba jkun konkluż, għat-territorju kollu tal-Ġeorġja; għal dak il-għan, ikomplu l-ħidma attiva fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt, inter alia grazzi għall-EUMM, li l-mandat tagħha dan l-aħħar kien estiż sal-15 ta' Settembru 2012;

(e)  jenfasizzaw il-bżonn tar-ritorn sikur u dinjituż tal-persuni kollha spustati internament u tar-refuġjati fil-postijiet tar-residenza permanenti tagħhom u l-inaċċettabbiltà tat-tibdil demografiku bil-forza;

(f)  jenfasizzaw l-importanza tat-tolleranza etnika u reliġjuża; jilqgħu l-liġi reċenti adottata mill-Parlament Ġeorġjan dwar ir-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet reliġjużi u l-miżuri ta' azzjoni affermattiva adottati mill-Gvern Ġeorġjan fil-qasam tal-edukazzjoni, bl-għan li jkun hemm integrazzjoni aħjar tal-minoranzi nazzjonali;

(g)  jirrikonoxxu r-reġjuni tal-Ġeorġja tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar bħala territorji okkupati;

(h)  jintensifikaw it-taħditiet mal-Federazzjoni Russa biex ikun żgurat li din tirrealizza bla kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim tal-waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008 bejn ir-Russja u l-Ġeorġja, partikolarment id-dispożizzjoni li tgħid li r-Russja għandha tiggarantixxi aċċess bla limitu u sħiħ lill-EUMM għat-territorji okkupati tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar; jagħtu importanza lill-ħtieġa biex tkun ipprovduta stabbiltà fir-reġjuni msemmija qabel tal-Ġeorġja;

(i)   jistiednu lir-Russja tirrevoka r-rikonoxximent tagħha tas-separazzjoni tar-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, biex ittemm l-okkupazzjoni ta' dawk it-territorji Ġeorġjani u biex tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja kif ukoll l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment kif hemm imniżżel fil-liġi internazzjonali, il-Karta tan-NU, l-Att Finali tal-Konferenza ta' Ħelsinki dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u r-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

(j)   jilqgħu l-impenn unilaterali mill-Ġeorġja biex ma tużax il-forza biex tirbaħ lura l-kontroll tar-reġjuni tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif dikjarat mill-President Saakashvili lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Novembru 2010, u jistiednu r-Russja tirreċiproka l-impenn kontra l-użu tal-forza fir-rigward tal-Ġeorġja; jilqgħu l-istrateġija tal-Ġeorġja dwar it-Territorji Okkupati u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Politika ta' Impenn bħala għodda importanti għar-rikonċiljazzjoni u biex jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ djalogu aħjar u kuntatti bejn in-nies mal-popolazzjonijiet lokali tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar sabiex joħolqu l-possibilità ta' rikonċiljazzjoni;

(k)  jistiednu lill-Ġeorġja u lir-Russja jimpenjaw ruħhom għal taħditiet diretti, mingħajr prekundizzjonijiet, dwar medda ta' suġġetti, b'medjazzjoni, jekk ikun hemm bżonn, minn parti terza aċċettabbli għat-tnejn, li għandhom jikkomplementaw, mhux jissostitwixxu, il-proċess ta' Ġinevra eżistenti;

(l)   jesprimu tħassib dwar l-attakki terroristiċi fil-Ġeorġja mis-sena li għaddiet u jistiednu lill-Ġeorġja u lir-Russja jikkooperaw fl-investigazzjoni tal-attakki terroristiċi msemmija hawn fuq; iħeġġu lill-Ġeorġja u lir-Russja jnaqqsu r-retorika dwar l-attakki bil-bombi u l-appoġġ għat-terroriżmu sabiex joħolqu klima ta' fiduċja waqt it-tmexxija ta' dawn l-investigazzjonijiet;

Ġustizzja, libertà u sigurtà

(m) jilqgħu l-progress sinifikanti magħmul mill-Ġeorġja fl-oqsma ta' riformi demokratiċi, inkluż it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, partikolarment l-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riforma tal-ġudikatura, kif ukoll ir-riformi ekonomiċi u l-liberalizzazzjoni; jifirħu lill-Ġeorġja dwar it-tnaqqis globali tar-rata tal-kriminalità u partikolarment tad-delitti serji fil-pajjiż;

(n)  jesprimu tħassib dwar il-każijiet ta' avukati li kienu attakkati u msawta b'mod gravi minn uffiċjali tal-pulizija; iħeġġu lill-awtoritajiet Ġeorġjani jieħdu passi immedjati u effettivi, biex jinvestigaw il-fatti msemmija hawn fuq, jiġġieldu l-impunità u l-prosekuzzjonijiet politikament motivati u jressqu quddiem il-qorti lil dawk responsabbli; jiżguraw li l-azzjonijiet u t-theddidiet kollha kontra l-avukati għall-eżerċizzju leġittimu tad-dmirijiet professjonali tagħhom jitwaqqfu immedjatament u effettivament;

(o)  jistiednu lill-Gvern Ġeorġjan jidħol b'mod iktar estensiv fi djalogu politiku kostruttiv mal-qawwiet tal-oppożizzjoni u jiżviluppa ulterjorment ambjent demokratiku għal-libertà tal-espressjoni, speċjalment l-aċċess għall-midja pubbliċi għall-partiti politiċi kollha;

(p)  jistiednu lill-Gvern Ġeorġjan itejjeb iktar il-kundizzjonijet fiżiċi fil-ħabsijiet u ċ-ċentri ta' detenzjoni, ikompli jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lid-Difensur Pubbliku tal-Ġeorġja, li hu responsabbli għall-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jqis li jgħin lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi tad-drittijiet tal-bniedem biex iżuru persuni fil-ħabsijiet u ċ-ċentri ta' detenzjoni;

(q)  jistudjaw l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-iffaċilitar tal-viża u tar-riammissjoni u tas-Sħubija għall-Mobilità tal-UE-Ġeorġja; iqisu t-tnedija wara dan tad-djalogu UE-Ġeorġja dwar il-viża meta jasal il-waqt tiegħu, bl-għan tal-liberalizzazzjoni tal-viża; jiżguraw li l-Ftehim jirrifletti l-progress lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża li jkun sar fil-mument tal-finalizzazzjoni tan-negozjat tal-Ftehim;

(r)   jinkorporaw fil-Ftehim klawżoli dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jirriflettu l-ogħla standards internazzjonali u Ewropej, billi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE u b'insistenza partikulari fuq id-drittijiet ta' persuni spustati internament (IDPs) u persuni li huma parti minn minoranzi nazzjonali u minoranzi oħra;

(s)  jinnotaw il-ħidma sinifikanti magħmula mill-Ġeorġja fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-IDP, b'attenzjoni partikulari fuq l-aċċess għad-djar;

(t)   jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Ġeorġjani jadottaw u jimplimentaw leġiżlazzjoni komprensiva, effettiva u antidiskriminatorja f'konformità mal-kliem u l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE inter alia, il-leġiżlazzjoni għandha tinkludi dispożizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u fuq l-identità tal-ġeneru;

(u)  jenfasizzaw fil-Ftehim l-importanza li jkunu żgurati l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-ġlieda kontinwa kontra l-korruzzjoni u jkomplu jappoġġaw ir-riforma tal-ġudikatura bħala waħda mill-prijoritajiet, sabiex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġudikatura; jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa li tkun żviluppta ġudikatura indipendenti għal kollox, inkluż billi jittieħdu passi biex ikun żgurat li każijiet politiċi, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' serq tal-proprjetà magħrufa ħafna jkunu eżaminati b'mod ġust;

(v)  jistiednu lill-Gvern Ġeorġjan jippromwovi midja ħielsa, il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu fil-midja; jippermetti lill-midja tirrapporta b'mod indipendenti u b'mod objettiv mingħajr pressjoni politika u ekonomika; jiżgura l-implimentazzjoni kredibbli u effiċjenti tal-miżuri għall-ħarsien tal-ġurnalisti; jiżgura t-trasparenza inkwantu s-sjieda tal-midja, rigward b'mod partikolari x-xandir tal-midja, u l-aċċess liberu għall-informazzjoni pubblika;

(w) jinkludu fil-Ftehim taqsima dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, inkluża l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġeorġjana relevanti mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

(x)  jenfasizzaw l-importanza li tinkiseb ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi fir-rigward, b'mod partikulari, tad-distakk enormi bejn is-sessi fis-salarji;

Ekonomija u kooperazzjoni settorjali

(y)  iniedu malajr kemm jista' jkun in-negozjati DCFTA, u f'dan il-kuntest jipprovdu l-assistenza relevanti lill-kontropartijiet Ġeorġjani tagħhom biex jinnegozjaw u sussegwentement jimplimentaw id-DCFTA wara evalwazzjoni preċiża u bir-reqqa tal-impatt soċjali u ambjentali tiegħu;

(z)  jappoġġaw il-ftuħ tan-negozjati dwar DCFTA malajr kemm jista' jkun u hekk kif ir-Rakkomandazzjonijiet Ewlenin magħmula mill-Kummissjoni u approvati mill-Istati Membri tal-UE jintlaqgħu mill-Ġeorġja, sabiex il-Ġeorġja tkun tista’ tiġi integrata aktar mal-akbar sieħeb kummerċjali tagħha, minħabba li dan hu meħtieġ sabiex jiġi sostnut it-tkabbir ekonomiku tal-Ġeorġja u biex tegħleb il-kriżi ekonomika u l-ħsara kkawżata mill-gwerra mar-Russja fl-2008;

(aa) jinkoraġġixxu l-progress tal-Ġeorġja fl-ipperfezzjonar tal-leġiżlazzjoni tagħha, fit-titjib tal-effiċjenza tal-istituzzjonijiet tagħha u fl-iżgurar ta' standards għoljin rigward il-kontrolli tal-kwalità tal-prodotti tagħha sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti stipolati mill-Kummissjoni Ewropea;

(ab) jipprovdu assistenza finanzjarja u teknika mill-UE għall-Ġeorġja sabiex tkun żgurata l-kontinwazzjoni tar-riformi leġiżlattivi u istituzzjonali meħtieġa għall-adattament mad-DCFTA u biex ikun aċċellerat il-proċess ta' implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Ewlenin stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja;

(ac) jenfasizzaw kemm huwa importanti għall-UE li l-Ġeorġja tiggarantixxi r-rimi kif suppost ta' skart tossiku u radjuattiv fit-territorju tagħha bħala prerekwiżit għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam mal-agrikoltura sabiex tkun protetta s-sikurezza tal-ikel;

(ad) jinkludu fil-Ftehim impenji ta' konformità mad-drittijiet u l-istandards tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, speċjalment il-Konvezjonijiet 87 u 98, u l-Karta Soċjali għall-UE wkoll għall-iżvilupp ta' djalogu soċjali ġenwin, strutturat u mhux diskriminatorju u għall-effett ta' faċilitazzjoni li t-tqarrib Ġeorġjan lejn l-acquis soċjali tal-UE jkollu fuq il-perspettiva tal-UE;

(ae) jistiednu lill-awtoritajiet Ġeorġjani biex jagħtu impenn aktar b'saħħtu għall-politiki tal-impjegar u għall-koeżjoni soċjali u biex joħolqu ambjent aktar propizju mal-istandarda tal-UE tal-ekonomija tas-suq soċjali; (af)  iqisu l-isforzi sostanzjali li l-Gvern tal-Ġeorġja għamel fis-snin reċenti biex jiftaħ l-ekonomija tal-pajjiż bl-iffissar ta' tariffi industrijali baxxi ħafna, bl-adozzjoni ta' qafas legali u regolatorju li jiffavorixxi n-negozju u l-investiment, u bl-infurzar tal-istat tad-dritt;

(ag) jinkludu impenji sekwenzjali li jkopru l-kapitoli b'rabta mal-kummerċ bħall-ostakoli mhux tariffarji, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, ir-regoli dwar l-oriġini, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, id-drittijiet tal-propjetà intellettwali u l-investimenti u l-politika tal-kompetizzjoni, u biex jikkompletaw l-azzjonijiet koperti mill-Pjan ta' Azzjoni;

(ah) iħeġġu lill-Ġeorġja tkompli fit-triq ta' riformi li jtejbu l-klima kummerċjali, il-kapaċità tagħha ta' ġbir ta' taxxi u l-mekkaniżmu tagħha għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti kuntrattwali, filwaqt li tħeġġeġ responsabbiltà soċjali korporattiva u żvilupp sostenibbli; iħeġġu lill-Ġeorġja tinvesti fl-infrastruttura tagħha, speċjalment rigward is-servizzi pubbliċi, biex tiġġieled kontra l-inugwaljanzi eżistenti, b'mod partikolari f'żoni rurali, tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-esperti mill-Istati Membri tal-UE u l-kontropartijiet tagħhom fil-Ġeorġja sabiex titrawwem l-implimentazzjoni tar-riformi fil-pajjiż u biex jiġu kondiviżi l-aqwa prattiki tal-governanza tal-UE kuljum;

(ai) jinkoraġġixxu kooperazzjoni settorjali wiesgħa; jikkjarifikaw b’mod partikolari l-benefiċċji u jippromwovu konverġenza regolatorja f'dan il-qasam;

(aj) jinkludu fil-Ftehim dispożizzjonijiet dwar il-possibbiltà li l-Ġeorġja tipparteċipa fi programmi u aġenziji tal-Komunità, għodda fundamentali għall-promozzjoni tal-istandards Ewropej fil-livelli kollha;

(ak) jenfasizzaw il-bżonn ta’ żvilupp sostenibbli, fost l-oħrajn bis-saħħa tal-promozzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-effikaċja tal-enerġija, b'kunsiderazzjoni għall-miri tal-UE rigward it-tibdil fil-klima; jenfasizzaw l-importanza tal-Ġeorġja fit-titjib tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE bil-promozzjoni ta' proġetti ta' prijorità u miżuri ta' politika għall-iżvilupp tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar (NABUCCO, AGRI, Trans-Caspian Pipeline, White Stream, EAOTC);

(al) jinkoraġġixxu u jassistu lill-awtoritajiet Ġeorġjani fil-programm ta' investiment tagħhom għall-kostruzzjoni ta' kapaċità ġenerattiva ġdida f'impjanti idroelettriċi skont l-istandards u n-normi tal-UE, bħala għodda biex tiddiversifika l-bżonnijiet tagħha tal-enerġija;

Kwistjonijiet oħrajn

(am) jikkonsultaw lill-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet rigward il-kooperazzjoni parlamentari;

(an) jinkludu punti ta’ riferiment ċari għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jagħmlu dispożizzjoni għal mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inkluż il-provvediment ta' rapporti regolari lill-Parlament Ewropew;

(ao) jipprovdu assistenza finanzjarja u teknika speċifika lill-Ġeorġja sabiex jgħinu biex ikun żgurat li hija tista' tissodisfa l-impenji li jirriżultaw min-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, billi jkomplu jiġu pprovduti Programmi Komprensivi għall-Bini tal-Istituzzjonijiet; iqiegħdu għad-dispożizzjoni iktar riżorsi għall-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bl-għajnuna ta' miżuri fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, għal programmi ta' sħubija, konsultazzjonijiet, programmi ta' taħriġ u programmi ta' skambju tal-ħaddiema lkoll ta' livell għoli, kif ukoll esperjenzi prattiċi ta' xogħol għat-taħriġ vokazzjonali u boroż ta' studju għall-finijiet ta' taħriġ vokazzjonali;

(ap) iżidu, skont il-Komunikazzjoni Konġunta dwar Reazzjoni Ġdida għal Viċinat li qed Jinbidel, l-assistenza tal-UE lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-midja fil-Ġeorġja sabiex ikunu jistgħu jagħmlu monitoraġġ intern u jkun hemm responsabbiltà akbar fir-rigward tar-riformi u l-impenji li ħa l-gvern;

(aq) jinkoraġġixxu lit-tim tan-negozjati tal-UE jkompli l-kooperazzjoni tajba mal-Parlament Ewropew, fejn jipprovdi informazzjoni kontinwa, sostnuta bid-dokumentazzjoni, dwar il-progress tan-negozjati, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li jiddikjara li l-Parlament għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kummissjoni u lis-SEAE u, għall-informazzjoni tagħhom, lill-Ġeorġja.

.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (19.10.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja
(2011/2133(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Laima Liucija Andrikienė

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

Fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE – Ġeorġja u n-negozjati li jmiss dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA), il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  jappoġġjal-ftuħ ta' negozjati għal DCFTA, malajr kemm jista' jkun u hekk kif il-Ġeorġja twettaq ir-Rakkomandazzjonijiet Ewlenin stipulati mill-Kummissjoni u approvati mill-Istati Membri tal-UE, sabiex il-Ġeorġja tkun tista' tiġi integrata aktar mill-qrib mal-ikbar sieħeb kummerċjali tagħha, ladarba dan hu meħtieġ biex isostni t-tkabbir ekonomiku tal-Ġeorġja u biex tingħeleb il-kriżi ekonomiku u l-ħsara kkawżata mill-gwerra kontra r-Russja fl-2008;

2.  iqis l-isforzi sostanzjali li l-gvern tal-Ġeorġja għamel fis-snin reċenti biex jiftaħ l-ekonomija tal-pajjiż bl-iffissar ta' tariffi industrijali baxxi ħafna, bl-adozzjoni ta' qafas legali u regolatorju li jiffavorixxi n-negozju u l-investiment, u bl-infurzar tal-istat tad-dritt;

3.  jinkoraġġixxi l-progress tal-Ġeorġja fil-perfezzjonament tal-leġiżlazzjoni tagħha, fit-titjib tal-effiċjenza tal-istituzzjonijiet tagħha u fl-iżgurar ta' standards għoljin rigward il-kontrolli tal-kwalità tal-prodotti tagħha sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati mill-Kummissjoni Ewropea;

4.  iforni lill-Ġeorġja għajnuna finanzjarja u teknika mill-UE għall-iżgurar tat-tkomplija tar-riformi leġiżlattivi u istituzzjonali meħtieġa biex il-Ġeorġja tadatta għad-DCFTA u biex jitħaffef il-proċess ta' implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Ewlenin stipulati fil-Pjan ta' Azzjoni UE – Ġeorġja;

5.  jenfasizza kemm huwa importanti għall-UE li l-Ġeorġja tiggarantixxi r-rimi ta' skart tossiku u radjuattiv fit-territorju tagħha jsir kif suppost bħala prerekwiżit għall-iffaċilitar tal-kummerċ, speċjalment fir-rigward tal-agrikoltura sabiex tkun protetta s-sikurezza tal-ikel;

6.  jinkludi impenji sekwenzjali li jkopru kapitli ewlenin b'rabta mal-kummerċ bħall-ostakoli mhux tariffarji, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, ir-regoli dwar l-oriġini, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, id-drittijiet tal-propjetà intellettwali, l-investimenti u l-politika tal-kompetizzjoni, u biex ikompli jwettaq azzjonijiet kopruti mill-Pjan ta' Azzjoni;

7.  iħeġġeġ lill-Ġeorġja tkompli fit-triq ta' riformi li jtejbu l-klima tan-negozju, il-kapaċità tagħha ta' ġbir ta' taxxi u l-mekkaniżmu tagħha għar-riżoluzzjoni tal-kontroversji kuntrattwali, filwaqt li tippromwovi r-responsabilità soċjali korporattiva u l-iżvilupp sostenibbli; iħeġġeġ lill-Ġeorġja tinvesti fl-infrastruttura tagħha, speċjalment fir-rigward tas-servizzi pubbliċi; u jħeġġiġha tiġġieled kontra l-inugwaljanzi eżistenti, b'mod partikolari f'żoni rurali. iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-esperti mill-Istati Membri tal-UE u l-ekwivalenti tagħhom fil-Ġeorġja sabiex jippromwovu l-implimentazzjoni ta' riformi fil-pajjiż u sabiex jaqsmu ta' kuljum l-aħjar prattiki ta' governanza tal-UE;

8.  jippromwovi, permezz tan-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-implimentazzjoni ta' kummerċ ħieles u ġust, żvilupp sostenibbli, drittijiet tal-bniedem, standards tax-xogħol, u governanza tajba fil-Ġeorġja; jiggarantixxi, b'mod partikolari, li l-liġijiet tax-xogħol tal-Ġeorġja jissodisfaw il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, b'mod partikulari l-konvenzjonijiet 87 u 98, u li x-xogħol tat-tfal ikun eliminat.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Kader Arif, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle De Sarnez, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Paul Murphy, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

José Bové, George Sabin Cutaş, Silvana Koch-Mehrin, Elisabeth Köstinger, Jörg Leichtfried

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Martin Callanan

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pino Arlacchi, Elmar Brok, Andrzej Grzyb, Anneli Jäätteenmäki, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Krzysztof Lisek, Mario Mauro, Francisco José Millán Mon, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Vincent Peillon, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Hannes Swoboda, Charles Tannock, Inese Vaidere, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Nikolaos Chountis, Tanja Fajon, Kinga Gál, Liisa Jaakonsaari, Elisabeth Jeggle, Barbara Lochbihler, Monica Luisa Macovei, Konrad Szymański, Indrek Tarand, Ivo Vajgl, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Heinz K. Becker, Edite Estrela, Filip Kaczmarek, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein