RAPPORT li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina
22.11.2011 - (2011/2132(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Ryszard Antoni Legutko
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u li għandu jiġi ssostitwit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI)[2], u l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2011-2013 għall-Ukraina,
– wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Ukraina dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inklużi n-negozjati dwar żona ta’ kummerċ ħieles profonda u komprensiva (DCFTA),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ukraina tat-22 ta' Jannar 2007, fejn il-Kunsill adotta d-direttivi għan-negozjati,
– wara li kkunsidra s-sħubija tal-Ukraina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li ilha effettiva minn Marzu 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tiegħu dwar is-sentenza ta’ kundanna tal-ex Prim Ministru tal-Ukraina Yulia Tymoshenko fil-11 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra r-riżultati tas-samits riċenti bejn l-UE u l-Ukraina, inkluż ir-rikonoxximent mis-samit UE-Ukraina li sar f'Pariġi fl-2008 tal-Ukraina bħala pajjiż Ewropew li għandu storja komuni u valuri komuni mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u l-konklużjonijiet tas-samit UE-Ukraina li sar fi Kiev fl-4 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina, b'mod partikulari dawk tal-25 ta' Frar 2010[3], tal-25 ta' Novembru 2010[4] , tad-9 ta' Ġunju 2011[5] u tas-27 ta' Ottubru 2011[6],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tal-25 ta' Ottubru 2010,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni UE-Ukraina għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża adottat fit-22 ta' Novembru 2010,
– wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Ukraina għat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, fl-1 ta' Frar 2011,
– wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni, li tieħu post il-Pjan ta' Azzjoni u li kienet approvata mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ukraina f'Ġunju 2009, u l-lista ta' prijoritajiet għall-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina għall-2011 u l-2012,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta bit-titolu 'Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni' tal-25 ta' Mejju 2011 (COM(2011)0303), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat adottati mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fl-20 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar il-progress tal-Ukraina tal-Kummissjoni adottat fil-25 ta' Mejju 2011(SEC(2011)0646),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 90(5) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0387/2011),
A. billi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur mal-Ukraina jġib miegħu ġenerazzjoni ġdida ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni skont l-Artikolu 217 TFUE u jinvolvi livell mingħajr preċedenti ta’ integrazzjoni bejn l-UE u pajjiż terz; billi, b’dan il-ftehim, l-Ukraina qed tikkommetti ruħha li timplimenta parti kbira mill-acquis communautaire; billi n-negozjati mal-Ukraina huma fost l-aktar avvanzati fil-Viċinat tal-Lvant u għalhekk iservu bħala eżempju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) kollha kemm hi;
B. billi l-Ukraina hija pajjiż ta' importanza strateġika għall-UE; billi d-daqs, ir-riżorsi, il-popolazzjoni u l-lokazzjoni ġeografika tal-Ukraina jtuha pożizzjoni li tispikka fl-Ewropa, fattur li jrendiha attur reġjonali ewlieni li jeżerċita influwenza konsiderevoli fuq is-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità tal-kontinent kollu, u li għalhekk għandu jġorr is-sehem rispettiv tiegħu mir-responsabilità politika;
C. billi l-Ukraina hija stat Ewropew u, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, tista’ tapplika biex issir membru tal-UE, kif jista jagħmel kull stat Ewropew ieħor sakemm jaderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-minoranzi u l-istat tad-dritt; billi l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina, inkluża DCFTA, se tkun importanti għall-perspettiva Ewropea tal-Ukraina,
D. billi l-UE tappoġġa bis-sħiħ Ukraina demokratika u stabbli li tirrispetta l-prinċipji tal-ekonomija tas-suq soċjali u inklużiva, l-istat tad-dritt (inkluża ġudikatura indipendenti), id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi, u li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali; billi l-isforzi tal-Ukraina biex tibni stabilità politika domestika, toħloq ambjent ikkaratterizzat minn pluraliżmu politiku sod, libertajiet demokratiċi u rispett għall-istat tad-dritt, u żżid il-livell ta’ riforma interna, qed iħaffu u jiffaċilitaw l-iżvilupp ulterjuri tal-perspettiva Ewropea tal-Ukraina;
E. billi l-kundanna fil-11 ta' Ottubru 2011 tal-ex Prim Ministru tal-Ukraina, Yulia Tymoshenko, għal seba' snin ħabs u l-proċessi ta' ministri oħra wasslu għal tħassib serju fl-UE u huma ġeneralment meqjusa jew bħala jew atti ta' vendetta jew bħala parti minn tentattiv biex ikunu kkundannati u mibgħuta l-ħabs membri tal-oppożizzjoni sabiex ma jitħallewx jippreżentaw ruħhom bħala kandidati u jagħmlu kampanji għall-elezzjoni parlamentari tas-sena d-dieħla jew għall-elezzjoni presidenzjali tal-2015; billi l-liġi applikata b'mod selettiv kontra Tymoshenko nħolqot fi żminijiet Sovjetiċi u tiddisponi għal prosekuzzjoni kriminali għal deċiżjonijiet politiċi; billi l-Artikoli 364 u 365 ta' dik il-istess liġi, li bħalissa qed jiġu riveduti mill-Verkhovna Rada, ma jissodisfawx standards tal-UE u tan-NU;
F. billi dan l-aħħar kien hemm tħassib dwar il-libertà tal-midja, il-libertà tas-soċjetà ċivili, it-tmexxija tal-elezzjonijiet u l-istat ta’ dritt fl-Ukraina;
G. billi t-tmexxija politika u tal-istat Ukraina ripetutament ikkonfermat l-impenn tagħha għall-integrazzjoni Ewropea u l-ambizzjoni f’perspettiva fit-tul tagħha li tqiegħed l-Ukraina f’pożizzjoni li tkun tista’ ssir Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, u tqis li l-ftehim ta’ assoċjazzjoni huwa strument ewlieni biex jintlaħaq dan l-objettiv; billi dan il-għan għad għandu l-appoġġ tal-atturi kollha fix-xenarju politiku tal-Ukraina, kif ukoll tas-soċjetà ċivili u tal-pubbliku ġenerali; billi ż-żieda fil-kooperazzjoni bejn l-Ukraina u l-Membri tal-Parlament Ewropew, u bejn l-Ukraina u l-parlamenti tal-Istati Membri, hija eżempju ta’ min ifaħħru ta’ ħidma flimkien bejn forzi politiċi differenti għall-avvanz tal-perspettiva Ewropea tal-Ukraina, u għandha titkompla;
H. billi l-UE għamlet id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija aspett ċentrali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tagħha,
I. billi l-Ukraina pparteċipat b’mod attiv fil-ħolqien u l-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Euronest, li hija d-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant u pjattaforma għall-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tal-ġirien tal-Lvant tal-UE;
J. billi l-perspettiva Ewropea tal-Ukraina għandha tkun ibbażata fuq politika ta’ riformi sistematiċi u irriversibbli f’numru ta’ oqsma istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali importanti; billi riformi importanti twettqu jew qed jitwettqu, waqt li oħrajn għad iridu jkunu introdotti; billi jemmen li l-qafas ipprovdut mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprovdi strument kruċjali għall-modernizzazzjoni u pjan direzzjonali biex jiggiwida r-riformi interni domestiċi, kif ukoll għodda għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali, li se jgħin lill-pajjiż jegħleb it-tendenzi negattivi reċenti, jirbaħ id-differenzi enormi li jeżistu fis-soċjetà Ukraina u jgħaqqadha fl-għan tagħha fir-rigward tal-perspettiva Ewropea, fuq il-bażi tal-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;
K. billi ta' min ifaħħar lill-Ukraina għall-prestazzjoni ekonomika tajba tagħha, inkluż it-tnaqqis fid-defiċit baġitarju, it-trażżin fl-infiq u anke r-riforma tal-pensjonijiet, li kkontribwixxew għal klassifikazzjoni tal-kreditu barranija aħjar u għal iktar investiment barrani dirett;
L. billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni se jkollu impatt pożittiv fuq il-klima tan-negozju fl-Ukraina, peress li jipprovdi negozji tal-UE u Ukraini b'regoli u standards komuni, u b'hekk iżid il-prevedibbiltà u s-sigurtà finanzjarja tal-investimenti fl-Ukraina; billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni huwa bbażat fuq il-konformità ma' standards internazzjonali tat-tassazzjoni; billi dak l-impatt pożittiv jissaħħaħ iktar mill-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni;
M. billi l-Federazzjoni Russa qed teżerċita pressjoni eċċessiva fuq l-Ukraina biex din ma tistabbilixxix DCFTA mal-UE, iżda minflok tingħaqad f’unjoni doganali mar-Russja, il-Bjelorussja u l-Kazakistan; billi dan huwa każ bla preċedenti fl-istorja tar-relazzjonijiet tal-UE ma' sieħba esterni, u billi dawn huma pajjiżi barra d-WTO li għadhom jikkostitwixxu suq ta’ esportazzjoni ewlieni għall-prodotti Ukraini; billi d-DCFTA huwa strument għall-modernizzazzjoni u billi l-istabbiliment tiegħu joffri benefiċċji finanzjarji lill-Ukraina, li se jsiru iktar tanġibbli maż-żmien;
N. billi l-Ukraina dan l-aħħar iċċelebrat l-20 anniversarju mill-indipendenza tagħha; billi hemm ġenerazzjoni ġdida ta’ Ukraini edukati li ma esperjenzawx l-era Sovjetika, li għandhom ambizzjonijiet qawwija favur l-Ewropa u li se jiżguraw il-modernizzazzjoni tal-pajjiż;
O. billi r-realtà politika attwali fl-Ukraina, partikolarment fil-qasam tal-libertajiet ċivili u l-istat ta’ dritt, hija kontra l-ispirtu tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Ukraina u l-UE li qed jiġi nnegozjat bħalissa;
1. Jindirizza, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE:
(a) li jqisu li l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina u l-offerta lill-Ukraina ta' perspettiva Ewropea huma fatturi sinifikanti ħafna u fl-interess taż-żewġ partijiet; li jirrikonoxxu l-aspirazzjonijiet tal-Ukraina skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sakemm il-kriterji kollha, inkluż ir-rispett għall-prinċipji tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, jiġu ssodisfati;
(b) li jagħmlu l-progress kollu meħtieġ sabiex ikun inizjalat malajr il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, preferibbilment sa tmiem l-2011 jekk ikun possibbli; li jiżguraw fl-istess ħin, skont it-talbiet li saru fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Ottubru 2011, li din l-inizjattiva importanti fis-Sħubija tal-Lvant timxi id f'id mal-impenji li ħadet l-Ukraina li timplimenta r-riformi meħtieġa u ssaħħaħ il-valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
(c) li jiffissaw data ġdida għal-laqgħa reċentement posposta mal-President Yanukovych qabel is-Samit UE-Ukraina previst għal Diċembru 2011 għaliex din hi meqjusa opprtunità importanti biex ikunu ttrattati kwistjonijiet li joħolqu tħassib serju fir-rigward tal-Gvern Ukrain u biex ikun stabbilit mill-ġdid djalogu kostruttiv li jista' jwassal għall-inizjalar ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni sakemm ikun hemm progress sinifikanti kemm dwar l-ostakoli tekniċi u kemm dwar ix-xkiel politiku vitali li għad hemm;
(d) li jħabirku biex il-ftehim ikun iffirmat mill-Kunsill matul l-ewwel nofs tal-2012, u li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali d-dokumenti kollha rilevanti għall-proċess ta' ratifikazzjoni sa mhux aktar tard minn tmiem l-2012, jekk l-appell għar-rispett tal-istat tad-dritt u t-talbiet l-oħra li saru fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Ottubru 2011 jkunu ntlaqgħu;
(e) li jipprovdu l-Ukraina b’assistenza finanzjarja, teknika u legali suffiċjenti kemm matul il-perjodu ta’ tħejjija u kemm waqt l-implimentazzjoni tal-ftehim, u jsaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħha billi jżidu l-forom kollha ta’ għajnuna disponibbli f’dan il-qasam; għal dan il-għan, li jisfruttaw aħjar il-Programm Komprensiv għall-Bini tal-Istituzzjonijiet (CIB) u jikkunsidraw it-twaqqif ta' Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE biex jgħin lill-Ukraina fl-isforzi tagħha biex tallinja ruħha mal-leġiżlazzjoni tal-UE; billi l-prekundizzjoni ta’ kwalunkwe għajnuna għandha tkun l-evalwazzjoni tar-riformi mfassla bl-għan tat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-Ukraina, kif ippubblikata fir-rapporti annwali li għandhom jitħejjew mill-esperti indipendenti tal-UE u tal-Ukraina;
(f) li jwaqqfu programm ta’ skambju reċiproku għall-impjegati ċivili u ġudizzjarji sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u b’mod partikolari d-DCFTA;
(g) li jgħinu lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jinfurmaw lill-poplu tal-Ukraina dwar il-benefiċċji tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni sabiex jibnu l-appoġġ għall-aġenda ta’ riforma; biex jiżvelaw il-kontenut tal-ftehim lill-pubbliku mill-aktar fis possibbli;
(h) li jiftħu uffiċċju tal-informazzjoni tal-UE fl-Ukraina malajr kemm jista' jkun, li jaħdem kemm biex iqajjem kuxjenza fost il-pubbliku tal-Ukraina dwar il-funzjonament tal-UE u l-politiki u l-valuri tagħha, u biex jiffaċilita parteċipazzjoni akbar fil-programmi tal-UE;
Aspetti istituzzjonali/ djalogu politiku
(i) li jiżviluppaw miżuri ċari ta’ salvagwardja u mekkaniżmu possibbli għas-sospensjoni temporanja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kollu kemm hu f’każ li prinċipji essenzjali u fundamentali tiegħu jkunu injorati jew miksura apposta;
(j) li jħeġġu lill-President u lill-Gvern tal-Ukraina biex jallinjaw is-sitwazzjoni politika, legali u amministrattiva fil-pajjiż ma' dak li kien miftiehem fl-Aġenda ta' Assoċjazzjoni, u biex jippromwovu l-governanza tajba u r-rispett tal-istat tad-dritt bħala prinċipji fundamentali fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; li jiżguraw li Yulia Tymoshenko u mexxejja oħra tal-oppożizzjoni jitħallew jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess politiku, kemm minn issa stess u kemm fl-elezzjonijiet li jmiss fl-Ukraina;
(k) li jsaħħu l-qafas eżistenti għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina relattiv għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
(l) li jassistu lill-Ukraina fil-proċess li tirrealizza riforma komprensiva tal-ġudikatura f'konformità mal-istandards tal-UE, sabiex ikun evitat l-użu selettiv tal-ġustizzja u tkun garantita proċedura legali indipendenti, ġusta, imparzjali u trasparenti biex b'hekk ikun żgurat li l-proċedimenti legali ma jkunux jistgħu jintużaw għall-skopijiet politiċi u jitmexxew strettament skont l-istat tad-dritt; li jwaqqfu, għal dan il-għan, mekkaniżmu konġunt li jinvolvi esperti Ukraini u tal-UE, bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni ta' Venezja; li jistabbilixxu aktar programmi ta’ taħriġ u skambju fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u fis-settur tas-sigurtà bl-għan tal-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki tal-UE relattivi għall-istat tad-dritt;
(m) li jgħinu lill-awtoritajiet Ukraini fil-proċess ta’ riforma tal-kostituzzjoni u tal-liġi elettorali tal-pajjiż kif proposta mill-Kummissjoni ta’ Venezja u mill-OSKE/ODIHR; li jiżguraw l-implimentazzjoni espedjenti, inklużiva u komprensiva ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, bl-involviment kemm tal-partiti tal-oppożizzjoni u kemm tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu evitati n-nuqqasijiet li kien hemm fil-kampanji elettorali ta' qabel; li jenfasizzaw, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-libertà tal-midja u l-libertà tas-soċjetà ċivili, u biex jiżguraw li l-awtoritajiet Ukraini jżommu lura minn kwalunkwe tentattiv li jikkontrollaw, direttament jew indirettament, il-kontenut tar-rapporti tal-midja nazzjonali;
(n) li jinkludu fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mekkaniżmu komprensiv bejn il-Parlament u s-SEAE, li jippermetti l-forniment regolari ta' informazzjoni komprensiva dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-ftehim, u b'mod partikolari fl-ilħuq tal-objettivi tiegħu; dan il-mekkaniżmu għandu jkun fih l-elementi li ġejjin:
– informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda u l-pożizzjonijiet adottati mill-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ftehim;
– ir-rapporti tas-SEAE dwar il-progress li juru r-riżultati tal-azzjoni meħudha mill-UE u mill-Ukraina, b'enfasi partikolari fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-pajjiż;
(o) li jenfasizzaw kemm hu importanti li jkunu implimentati d-deċiżjonijiet kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-Ukraina għan-numru kbir ta' każijiet kontra l-Ukraina pendenti quddiem dik il-qorti;
(p) li jappoġġaw ir-riformi meħtieġa u jiżguraw li l-awtoritajiet Ukraini jagħtu prijorità għolja għall-iżvilupp ta' politika kontra l-korruzzjoni, inkluża leġiżlazzjoni xierqa dwar il-kunflitti ta' interess;
(q) li jiżguraw li l-awtoritajiet Ukraini jqiegħdu l-arkivji tas-servizzi sigrieti komunisti preċedenti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għaliex dan huwa essenzjali sabiex ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali tkun ta’ suċċess, partikolarment fir-rigward tal-atroċitajiet li seħħew fis-seklu 20;
(r) li jenfasizzaw kemm hu importanti li l-Ukraina tirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, bħala parti mill-proċess tar-riforma kostituzzjonali;
(s) li jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jintensifikaw id-djalogu bejn l-UE u l-varji partiti politiċi tal-Ukraina, u jinkoraġġixxu djalogu fl-Ukraina bejn il-partiti u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, is-sieħba soċjali u l-minoranzi nazzjonali;
(t) li jiżguraw li l-ftehim interim ikun fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn is-soċjetajiet ċivili tal-partijiet kontraenti, sabiex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jsiru atturi influwenti skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;
(u) li jinkludu klawżoli standard ta' kundizzjonalità dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jirriflettu l-ogħla standards internazzjonali u tal-UE, filwaqt li jisfruttaw bis-sħiħ il-qafas tal-OSKE, u biex iħeġġu lill-awtoritajiet Ukraini jippromwovu d-drittijiet tal-persuni minn minoranzi etniċi, skont il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;
Kooperazzjoni ekonomika u skont is-settur
(v) li jsaħħu, bħala parti mill-ftehim, il-kooperazzjoni bejn l-Ukraina u l-UE fil-qasam tal-enerġija; li jaħdmu għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ulterjuri bejn l-UE u l-Ukraina bl-għan li jiżguraw il-provvisti ta’ enerġija għaż-żewġ naħat, inkluża sistema ta’ tranżitu affidabbli u diversifikata għaż-żejt u l-gass u mekkaniżmu ta’ rispons komuni fil-każ ta’ tfixkil jew interruzzjonijiet tal-kunsinni taż-żejt u l-gass mill-Federazzjoni Russa;
(w) li jipprovdi l-assistenza teknika meħtieġa fis-settur tal-enerġija, sabiex jgħinu lill-Ukraina ttejjeb u timmodernizza sostanzjalment il-grid tal-elettriku u l-effiċjenza tal-enerġija tagħha, u biex jiżguraw li l-awtoritajiet Ukraini jikkonformaw bis-sħiħ mal-miri stabbiliti fil-programm għall-effiċjenza fl-enerġija għall-perjodu 2010-2015 u jkomplu jimplimentaw soluzzjonijiet innovattivi u li jqisu l-ambjent sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom; li jassistu, fl-istess ħin, lill-awtoritajiet Ukraini fin-negozjati tal-kundizzjonijiet tal-kunsinna tal-gass mir-Russja, sabiex ikun żgurat li l-kummerċ tal-gass tal-Ukraina mar-Russja jkun konsistenti mal-istandards u l-prezzijiet kummerċjali tal-UE;
(x) li jinnutaw li, għalkemm il-liberalizzazzjoni tas-servizzi u l-investiment fis-settur tal-enerġija tkun ta' benefiċċju għall-UE, it-teħid ta' impenji fir-rigward ta' servizzi ta' enerġija partikulari jista' jinvolvi xi riskji, peress li atturi b'saħħithom fis-suq tal-enerġija li jikkontrollaw il-kumpaniji Ukraini jistgħu jużaw il-ftehim ta' kummerċ ħieles biex jiddominaw in-netwerks ta' trasmissjoni fl-UE;
(y) li jitolbu li tittieħed azzjoni biex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u l-Ukraina permezz tal-introduzzjoni ta' mekkaniżmi biltaterali li jipprovdu twissija minn kmieni u jipprevjenu interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u fil-materja prima tal-enerġija relatata;
(z) li jiżguraw l-aċċettazzjoni tal-indikaturi ġeografiċi u tal-privattivi Ewropej;
(aa) li jenfasizzaw kemm huwa importanti għall-UE li l-Ukraina tiżgura li l-iskart tossiku u l-iskart nukleari jkunu ttrattati kif suppost fit-territorju tagħha, u b'hekk tkun imħarsa s-sikurezza tal-ikel;
(ab) li jintensifikaw il-kooperazzjoni rigward l-iskambji taż-żgħażagħ u tal-istudenti u fl-iżvilupp ta’ programmi ta’ boroż ta’ studju, biex b'hekk jippermettu lill-Ukraini jiffamiljarizzaw ruħhom mal-UE u l-Istati Membri tagħha u viċe versa;
(ac) li jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jirrifletti l-istandards ambjentali l-iktar għoljin, filwaqt li tiġi kkunsidrata, inter alia, l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju; li jqisu ulterjorment l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali fiż-żona tal-Baħar l-Iswed u tal-parteċipazzjoni attiva tal-Ukraina fil-politiki tal-UE għal din iż-żona, inkluż bħala parti minn strateġija futura tal-UE għall-Baħar l-Iswed;
(ad) li jiżviluppaw strumenti speċifiċi (bħal pjattaforma tas-soċjetà ċivili) għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina, meqjus ir-rwol vitali tagħha fil-proċess tad-demokratizzazzjoni, pereżempju fis-sensibilizzazzjoni u ż-żieda fil-parteċipazzjoni soċjali u politika;
(ae) li jiżguraw li l-kooperazzjoni rigward l-implimentazzjoni tar-riforma tal-kura tas-saħħa tindirizza l-bżonnijiet tas-saħħa ta' pazjenti b'mard inkurabbli, inkluż permezz tal-provvediment ta' assistenza teknika għar-riforma tal-politiki relevanti tas-saħħa u tal-mediċini skont l-istandards internazzjonali u l-aqwa prattika;
Kwistjonijiet kummerċjali
(af) li jirrikonoxxu l-isforzi sostanzjali mwettqa mill-Gvern tal-Ukraina f'termini tat-tnaqqis ġenerali tal-ostakoli u l-adattament tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, u fir-rigward ta' miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS), il-kompetizzjoni, u l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ, kif ukoll il-kisbiet limitati ħafna milħuqa waqt in-negozjati tad-DCFTA f'oqsma bħall-investiment, is-servizzi, l-agrikoltura, l-enerġija u l-ostakoli għall-esportazzjoni;
(ag) li jitolbu lill-Ukraina żżomm lura milli tapplika tariffi fuq l-esportazzjoni jew kwalunkwe restrizzjoni oħra fuq l-esportazzjoni, li żżid il-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq tal-UE;
(ah) li jiżguraw li l-kwota tar-rata tariffarja miftuħa fir-rigward taz-zokkor ma twassalx għal kummerċ trijangolari mhux intenzjonat jew għall-frodi;
(ai) li jenfasizzaw li l-ftehim għandu jinkludi kapitlu dwar il-benessri tal-annimali, u b'hekk jiżgura kompetizzjoni ugwali bejn il-bdiewa tal-UE u Ukraini;
(aj) li jinnutaw li l-iżvilupp sostenibbli huwa wieħed mill-oqsma ta' prijorità stipulati fil-Programm Nazzjonali Indikattiv għall-2011-2013; jirrakkomanda, għalhekk, l-inklużjoni ta' kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli bħala parti miż-żona ta' kummerċ ħieles;
(ak) li jenfasizzaw li l-kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli għandu jinkludi dispożizzjoni dwar l-impenn tal-Ukraina li tirrispetta l-Linji Gwida tal-OKŻE dwar l-Impriżi Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali;
(al) li jħejju għall-implimentazzjoni tiegħu konġuntament mal-Ukraina sabiex jiżguraw li dawk l-impenji li ma ssaħħewx bi prekondizzjonijiet u li mhumiex sejrin iħallu rendiment immedjat, speċjalment fil-qasam tal-benessri tal-annimali, isiru realtà u jkollhom impatt sostanzjali fit-tul; li jitolbu li l-ftehim ta' kummerċ ħieles eventwalment iwassal għall-iżmantellar sħiħ tal-ostakoli tat-tariffi f'kull settur tal-industrija, mingħajr ma jkun hemm listi negattivi jew kwoti tal-importazzjonijiet, u għaldaqstant għall-eliminazzjoni effettiva kemm tat-taxxi fuq l-esportazzjoni u kemm tar-restrizzjonijiet tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni; li jipprovdu lill-Ukraina fondi ta' aġġustament ta' wara l-liberalizzazzjoni, kif previst fil-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-PEV għall-2011-2013, u assistenza teknika f'rabta ma' kwistjonijiet doganali u l-adattament ta' indikazzjonijiet ġeografiċi;
(am) li jkomplu jitolbu riformi politiċi u ekonomiċi fl-Ukraina li jwasslu għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tagħha, b'mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija u t-trasport; li jgħinu lis-settur tan-negozju, bl-aktar mod urġenti permezz ta' aċċess iktar faċli għal kreditu u artijiet u ta' proċessi aktar sempliċi u mħaffa għall-ġbir tat-taxxi u dazji, b'mod partikulari permezz ta' titjib notevoli fir-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-esportaturi, fir-rilaxx mid-dwana u fil-proċeduri ta' approvazzjoni għall-importazzjonijiet (partikolarment rigward it-tassazzjoni, l-obbligi tad-dokumentazzjoni u fl-ittestjar tal-prodotti għaċ-ċertifikazzjoni); it-tneħħija tal-burokrazija u l-korruzzjoni; li jinfurzaw l-istat tad-dritt u tal-prattiki demokratiċi; li jqisu li jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u jimplimentaw proċeduri siguri, b'mod partikulari għall-SMEs, b'kunsiderazzjoni għall-fatt li dan hu prerekwiżit essenzjali għall-bini ta' relazzjonijiet kummerċjali; u jtejbu l-liġi fil-qasam tal-protezzjoni tal-assi materjali u tal-propjetà intellettwali u mekkaniżmi aktar effikaċi għad-difiża ta’ drittijiet u klejms tan-negozji permezz tal-qrati;
(an) li jitolbu titjib fundamentali tal-klima tal-investiment fl-Ukraina għall-investituri barranin, u b'mod partikulari għal riżoluzzjoni rapida tad-dejn tal-baġit nazzjonali fejn jidħlu l-entitajiet minħabba d-dewmien fil-ħlas lura ta' ammonti ta' VAT imħallsa żejda, u biex jittieħdu passi biex ikun evitat li jinħolqu sitwazzjonijiet simili fil-futur; li jtejbu l-effikaċja tal-proċeduri doganali (u b'mod partikulari jwaqqfu l-prattika komuni li tkun applikata żieda mhux ġustifikata fil-valur doganali ta' prodotti importati fl-Ukraina);
(ao) li jippromwovu l-intraprenditorija u l-iżvilupp tal-SMEs permezz tal-kooperazzjoni makroekomomika;
(ap) li jenfasizzaw li l-Ukraina m'għandhiex tnaqqas il-protezzjoni li tagħti għall-istandards tax-xogħol biex tattira investiment barrani;
(aq) li jitolbu – skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218(5) TFEU – li tittieħed deċiżjoni li tawtorizza l-applikazzjoni proviżorja tar-regolamenti tal-ftehim ta' kummerċ ħieles, li huwa parti fundamentali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, qabel ma dan jidħol fis-seħħ;
Ġustizzja, libertà u sigurtà
(ar) li jaħdmu attivament għall-istabbiliment ta' reġim mingħajr viża bejn l-Ukraina u l-UE aktar milli jibqgħu jaħsbu f'perspettiva fit-tul, sakemm l-Ukraina tissodisfa l-kriterji tekniċi meħtieġa stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża; li jistabbilixxu l-objettiv intermedju tal-abolizzjoni tat-tariffi eżistenti għall-viża; u li jintroduċu miżuri xierqa waqt il-Kampjonat tal-Futbol Ewropew, bil-ħsieb li jużaw din l-okkażjoni speċjali bħala perjodu ta’ prova għal reġim mingħajr viża;
(as) li jinkoraġġixxu lill-Ukraina tieħu rwol kostruttiv fid-diskussjonijiet 5+2, bl-għan li tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt Transnistrijan;
(at) li jsaħħu l-potenzjal tal-Ukraina bħala sieħba ewlenija fil-ġestjoni tal-fluss tal-migrazzjoni u tal-fruntieri, u biex jipprevedu aktar azzjoni konġunta fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;
(au) li jitolbu, bħala kwistjoni ta' urġenza li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkludi dispożizzjonijiet għall-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu ta’ prodotti soġġetti għas-sisa skont l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE u filwaqt li jitqies il-protokoll kontra l-kummerċ illegali tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;
(av) li jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, bl-użu tal-ogħla standards Ewropej u bil-bini tal-kapaċità bl-għan ta' ġlieda aktar effettiva kontra l-kriminalità transkonfinali, il-migrazzjoni illegali, it-traffikar tal-bnedmin u l-kummerċ illegali;
(aw) li jappoġġjaw il-konverġenza dwar kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, u jsaħħu l-koordinazzjoni fil-ġlieda kontra t-theddidiet għas-sigurtà;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, u, għall-informazzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet tal-Ukraina.
- [1] ĠU L 49, 19.2.1998, p. 3.
- [2] ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2010)0035.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2010)0444.
- [5] Testi adottati, P7_TA(2011)0272.
- [6] Testi adottati, P7_TA(2011)0472.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (15.11.2011)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina
(2011/2132(INI))
Rapporteur: Paweł Zalewski
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni tiegħu għal riżoluzzjoni:
1. jappoġġja l-konklużjoni tan-negozjati dwar id-DCFTA sal-aħħar tal-2011, peress li dawn jikkostitwixxu pass pożittiv 'il quddiem għall-integrazzjoni ekonomika tal-Ukraina fl-Ewropa;
2. jirrikonoxxi l-isforzi sostanzjali mwettqa mill-gvern tal-Ukraina bit-tnaqqis ġenerali tal-ostakoli, bl-adattament tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, u fl-SPS, il-kompetizzjoni, u t-TBTs, kif ukoll il-kisbiet limitati ħafna tad-DCFTA f'oqsma bħall-investiment, is-servizzi, l-agrikoltura, l-enerġija u l-ostakoli għall-esportazzjoni;
3. jitlob l-Ukraina tieqaf milli tapplika t-tariffa għall-esportazzjoni jew kull restrizzjoni għall-esportazzjoni oħra, peress li l-applikazzjoni tagħhom twassal għal żieda fil-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq Ewropej;
4. jitlob lill-Ukraina twettaq bis-sħiħ id-dmirijiet tagħha marbutin mar-ristrutturar tas-settur tal-gass sal-aħħar tal-2011 u biex twettaq passi ulterjuri fir-riforma tas-settur tal-enerġija tagħha inġenerali billi tirrimedja għad-diskrepanzi bejn l-atti leġiżlattivi li jirregolaw is-setturi taż-żejt u tal-gass;
5. jieħu nota tal-fatt li, minkejja li l-liberalizzazzjoni tas-servizzi u l-investiment fis-settur tal-enerġija huma ta' benefiċċju għall-UE, hemm ukoll xi riskji involuti marbutin mat-teħid ta' impenji rigward servizzi partikulari tal-enerġija minħabba li aġenti b'saħħithom tal-enerġija li jikkontrollaw il-kumpaniji tal-Ukraina jkunu jistgħu jużaw l-FTA biex jiddominaw in-netwerks ta' trażmissjoni fl-UE;
6. jitlob kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Ukraina fis-settur tal-enerġija, għall-integrazzjoni tas-settur tal-enerġija tal-Ukraina fl-isfera Ewropea tal-enerġija, u għall-bidu ta' proġetti konġunti rigward il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp fl-isfera tal-infrastruttura tal-enerġija;
7. jieħu nota tal-fatt li l-Ukraina tirrappreżenta wieħed mill-pajjiżi l-aktar importanti ta' tranżitu taż-żejt u tal-gass għall-UE u li l-UE tista' tipprovdi investiment barrani dirett li hu meħtieġ għar-riforma tas-settur tal-enerġija tal-Ukraina;
8. jitlob li tittieħed azzjoni biex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u l-Ukraina permezz tal-introduzzjoni ta' mekkaniżmi biltaterali li jipprovdu twissija minn kmieni u jevitaw interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u fil-materja prima tal-enerġija;
9. jenfasizza kemm huwa importanti għall-UE li l-Ukraina tiżgura li l-iskart tossiku u l-iskart nukleari jkunu ttratati b'mod korrett fit-territorju tagħha sabiex tiġi protetta s-sikurezza tal-ikel;
10. jiżgura li l-kwota ta' rata tariffarja miftuħa għaz-zokkor ma twassalx għal kummerċ triangolari u frodi mhux mixtieqa
11. jenfasizza l-fatt li l-ftehim għandu jinkludi kapitolu dwar il-benessri tal-annimali, li jiżgura l-kompetizzjoni ugwali bejn il-bdiewa Ewropej u tal-Ukraina;
12. jieħu nota tal-fatt li l-iżvilupp sostenibbli huwa wieħed mill-oqsma ta' prijorità stipulati fil-Programm Nazzjonali Indikattiv 2011-2013; jirrakkomanda għalhekk l-inklużjoni ta' Kapitolu dwar l-Iżvilupp Sostenibbli għaż-żona ta' kummerċ ħieles;
13. jenfasizza li l-Kapitolu dwar l-Iżvilupp Sostenibbli għandu jinkludi dispożizzjoni li tipprevedi li l-Ukraina qed tieħu impenn li tirrispetta l-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Impriżi Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali;
14. iħejji għall-implimentazzjoni tagħha flimkien mal-Ukraina sabiex dawk l-impenji li ma ġewx sostnuti minn prekondizzjonijiet u li mhumiex sejrin iħallu riżultati immedjati, speċjalment fil-qasam tal-benessri tal-annimali, isiru realtà u jkollhom impatt sostanzjali fit-tul; jitlob li l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles iwassal fl-aħħar għall-iżmantellar sħiħ tal-ostakoli tariffarji f'kull settur tal-industrija mingħajr ma jkun hemm listi negattivi jew kwoti tal-importazzjonijiet u għalhekk jiġu eliminati b'mod effettiv it-taxxi tal-esportazzjoni u r-restrizzjonijiet tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni; jipprovdi lill-Ukraina fondi ta' aġġustament ta' wara l-liberalizzazzjoni, kif previst fil-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-PEV għall-2011-2013, u jipprovdi assistenza teknika għal kwistjonijiet doganali u għall-adattament ta' indikazzjonijiet ġeografiċi;
15. jibqa’ jitlob riformi politiċi u ekonomiċi fl-Ukraina, li għandhom iwasslu għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tagħha, b'mod partikolari fl-enerġija u fit-trasport; għajnuna lill-intrapriżi, bl-aktar mod urġenti permezz ta' aċċess imħaffef għal kreditu u artijiet u permezz ta' proċessi aktar sempliċi u mħaffa għall-ġbir tat-taxxi u dazji, billi b'mod partikulari jsir titjib notevoli fir-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-esportaturi, fl-approvazzjoni doganali u fil-proċeduri ta' approvazzjoni għall-importazzjonijiet (partikolarment fit-tassazzjoni, fl-obbligi tad-dokumentazzjoni u fl-ittestjar tal-prodotti għal ċertifikazzjoni); it-tneħħija tal-burokrazija u l-korruzzjoni; u biex isaħħaħ l-Istat tad-Dritt u l-prattiċi demokratiċi; iqis li spejjeż iktar baxxi tat-tranżazzjoni u proċeduri siguri b'mod partikulari għall-SMEs huma prerekwiżit essenzjali għall-bini ta' relazzjonijiet kummerċjali; u titjib fil-liġi fil-qasam tal-protezzjoni tal-assi materjali u tal-proprjetà intellettwali u mekkaniżmi aktar effikaċi għad-difiża ta’ drittijiet u pretiżi tan-negozji permezz tal-qrati;
16. jitlob titjib fundamentali fil-kuntest tal-investiment fl-Ukraina għall-investituri barranin, u b'mod partikulari għal riżoluzzjoni rapida tal-baġit nazzjonali rigward dejn fejn jidħlu l-entitajiet li ma jitħallsux lura l-ammonti żejda mħallsa tal-VAT, u l-prevenzjoni ta' sitwazzjonijiet simili milli jerġgħu jiġru fil-futur; isaħħaħ l-effikaċja tal-proċeduri doganali (u b'mod partikolari t-trażżin tal-prattika komuni li tkun applikata żieda mhux ġustifikata fil-valur doganali ta' affarijiet importati fl-Ukraina);
17. jippromwovi l-iżvilupp tal-intraprenditorija u tal-SME permezz ta' kooperazzjoni makroekonomika;
18. jirrikonoxxi l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, bid-DCFTA fil-qalba tiegħu u l-implimentazzjoni għaqlija, li jista' jipprovdi rimedju doppju għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Ukraina: għall-investituri u l-kummerċjanti tal-UE, għandu jwassal għal standards ta' protezzjoni ogħla, u għall-Ukraina għandu jsaħħaħ il-prinċipji tal-istat ta' dritt u d-demokrazija; jemmen, f'dan is-sens, li l-Ukraina għandha tindirizza t-tħassib tagħha rigward l-allegat nuqqas ta' salvagwardji ta' proċessi ġusti (il-każ ta' Yulia Tymoshenko);
19. jiżgura li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina tindirizza wkoll ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, permezz tal-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett tal-minoranzi u l-ġlieda kontra t-trattament diżuman u degradanti;
20. jenfasizza li l-Ukraina ma għandhiex tnaqqas il-protezzjoni tal-istandards tax-xogħol sabiex tattira investiment barrani;
21. jiżgura li l-UE konsistentement twettaq progress simili mal-Imsieħba tal-Lvant l-oħrajn tli jixtiequ jikkonformaw mal-valuri demokratiċi u mal-ftuħ kummerċjali; iħeġġeġ lill-Ukraina tippromwovi l-kooperazzjoni mal-esperti mill-UE kollha li jikkooperaw kuljum mas-sħab mill-istati sħab, tgħinhom jgħaġġlu r-riformi u jaqsmu l-esperjenzi prattiċi tagħhom tal-UE u l-aqwa prattiki miksuba fid-diversi oqsma;
22. jadotta approċċ razzjonali u miftuħ għall-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża meta jasal fil-fażi tal-implimentazzjoni tiegħu, billi jibbaża d-deċiżjonijiet tal-UE fuq valutazzjonijiet ġusti tal-isforzi magħmula mill-Ukraina biex twettaq l-impenji tagħha.
23. jitlob li tittieħed deċiżjoni - skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218(5) tat-Trattat - li tawtorizza l-applikazzjoni proviżorja tar-regolamenti tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, li huwa parti fundamentali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, qabel ma dan jidħol fis-seħħ;
24. jitlob lill-awtoritajiet tal-Ukraina jistabbilixxu sistema effikaċi li tpoġġi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles fis-seħħ u biex jikkooperaw fuq bażi kostanti mal-istituzzjonijiet Ewropej fl-isfera tal-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
14.11.2011 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
18 1 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Harlem Désir, Yannick Jadot, Bernd Lange, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
George Sabin Cutaş, Mário David, Małgorzata Handzlik, Silvana Koch-Mehrin, Tokia Saïfi |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Vytautas Landsbergis, Traian Ungureanu |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
17.11.2011 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
59 2 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriele Albertini, Pino Arlacchi, Elmar Brok, Mário David, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Anna Ibrisagic, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Othmar Karas, Ioannis Kasoulides, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Eduard Kukan, Alexander Graf Lambsdorff, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Adrian Severin, Marek Siwiec, Hannes Swoboda, Kristian Vigenin, Boris Zala |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Charalampos Angourakis, Adam Bielan, Véronique De Keyser, Göran Färm, Hélène Flautre, Roberto Gualtieri, Elisabeth Jeggle, Doris Pack, Tomasz Piotr Poręba, Helmut Scholz, György Schöpflin, Alf Svensson, Traian Ungureanu, Ivo Vajgl |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marije Cornelissen |
||||