Proċedura : 2011/2191(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0389/2011

Testi mressqa :

A7-0389/2011

Dibattiti :

PV 30/11/2011 - 15
CRE 30/11/2011 - 15

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2011 - 6.20
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0539

RAPPORT     
PDF 191kWORD 139k
23.11.2011
PE 472.356v01-00 A7-0389/2011

dwar l-applikazzjoni tal-Kroazja biex issir membru tal-Unjoni Ewropea

(2011/2191(COM))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Hannes Swoboda

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tal-Kroazja biex issir membru tal-Unjoni Ewropea

(2011/2191(COM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll u l-Att Finali,

–   wara li kkunsidra l-applikazzjoni għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, imressqa mir-Repubblika tal-Kroazja fil-21 ta' Frar 2003,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2004 dwar l-applikazzjoni mir-Repubblika tal-Kroazja biex issir membru tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 2005 biex jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni mar-Repubblika tal-Kroazja,

–   wara li kkunsidra r-rapporti regolari tal-Kummissjoni dwar il-progress tal-Kroazja lejn l-adeżjoni, li jkopru l-perjodu 2005-2011,

–   wara li kkunsidra r-rapport intermedju tal-Kummissjoni dwar ir-riformi fil-Kroazja fil-qasam tad-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali tat-2 ta’ Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Salonka tad-19-20 ta’ Ġunju 2003 dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu kollha dwar il-progress tal-Kroazja u dwar il-proċess ta' tkabbir,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet preċedenti kollha tal-Kumitat Parlamentari Konġunt tal-UE-Kroazja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7–0389/2011),

A. billi għoxrin sena wara li ddikjarat l-indipendenza tagħha u madwar tmien snin wara li ppreżentat l-applikazzjoni tagħha biex issir membru tal-UE, il-Kroazja laħqet stadju storiku fil-proċess ta’ integrazzjoni tagħha fl-UE billi għalqet b’suċċess in-negozjati ta’ adeżjoni; billi l-kisbiet tal-Kroazja jistħoqqilhom għarfien mingħajr riservi;

B.  billi l-proċess ta’ adeżjoni kkontribwixxa b’mod sinifikanti għat-trasformazzjoni tal-Kroazja f’demokrazija solida u matura bbażata fuq il-valuri Ewropej; billi l-prospett tal-adeżjoni jservi bħala katalist b’saħħtu għar-riforma peress li jimmobilizza d-diversi atturi fil-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali; billi l-isforzi ta’ riforma jeħtieġ li jiġu sostnuti wkoll wara t-tlestija tan-negozjati tal-adeżjoni bil-għan li l-pajjiż u ċ-ċittadini tiegħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-adeżjoni mal-UE;

C. billi l-adeżjoni tal-Kroazja ssaħħaħ l-UE, tarrikkixxi l-kultura u l-wirt storiku Ewropej u tagħti kontribut importanti għaż-żamma tal-kredibilità tal-proċess ta’ tkabbir, filwaqt li, sadanittant isservi bħala eżempju tajjeb ta’ kif l-implimentazzjoni kuxjenzjuża tal-impenji kollha li ngħataw tista’ twassal għall-kisba tal-miri predefiniti kollha;

D. billi huwa essenzjali fil-proċess tal-adeżjoni li kull pajjiż għandu jkun iġġudikat skont il-merti tiegħu, li l-pass tan-negozjati tal-adeżjoni għandu jiġi ddettat mill-konformità effettiva mal-kriterji ta’ Kopenħagen u li l-grad ta’ konformità ma’ dawk il-kriterji għandu wkoll jiddetermina d-data aħħarija tal-adeżjoni;

E.  billi r-riformi kontinwi, u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, fl-oqsma, fost l-oħrajn, tad-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni jibqgħu essenzjali għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt għall-benefiċċju taċ-ċittadini Kroati;

F.  billi rikonċiljazzjoni vera bejn il-popli differenti u t-twaqqif ta’ relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien jikkontribwixxu sostanzjalment għal proċess ġenwin ta’ integrazzjoni Ewropea; billi l-prosekuzzjoni għad-delitti tal-gwerra u r-reintegrazzjoni tar-rifuġjati u tal-persuni li kien mġiegħla jħallu darhom huma elementi fundamentali tal-proċess ta’ rikonċiljazzjoni;

G. billi l-adeżjoni b’suċċess tal-Kroazja se jkollha implikazzjonijiet Ewropej u reġjonali usa’ u se tagħti impuls pożittiv lill-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea kemm fir-reġjun tal-UE u tal-Balkani tal-Punent; billi l-prospett tal-adeżjoni mal-UE huwa inċentiv qawwi għall-pajjiżi kandidati u għall-pajjiżi potenzjalment kandidati fir-reġjun, fi triqithom lejn l-integrazzjoni Ewropea, biex iwettqu r-riformi politiċi, ekonomiċi u leġiżlattivi meħtieġa u għat-tisħiħ tal-paċi, l-istabbilità u r-rikonċiljazzjoni abbażi ta’ relazzjonijiet tajba mal-ġirien; billi l-UE għandha ssaħħaħ il-perspettiva Ewropea għall-pajjiżi ġirien tal-Kroazja u għandha tħeġġeġ b’mod kontinwu lil dawk il-pajjiżi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fi triqithom lejn l-adeżjoni sħiħa tal-UE;

1.  Jilqa' l-konklużjoni tan-negozjati ta' adeżjoni mal-Kroazja, li jġibu fit-tmiem kważi sitt snin ta' negozjar u diversi snin ta' tħejjija li biddlu b'mod sinifikanti x-xena soċjopolitika, ekonomika u kulturali tal-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm ir-rankatura ta’ riformi u jqis li dan il-proċess għadu mhux komplut, iżda għandu jitkompla bl-istess intensità u sforz wara l-konklużjoni tan-negozjati u wara l-adeżjoni; huwa fiduċjuż li r-riżultati pożittivi ta' dan il-proċess se jsaħħu l-appoġġ għall-adeżjoni mal-UE fost iċ-ċittadini tal-Kroazja, u l-fiduċja tagħhom fiha, u se jħeġġu lin-nies biex jipparteċipaw fir-referendum tal-UE u jappoġġaw it-Trattat ta' Adeżjoni; jappoġġa l-iffirmar tat-Trattat ta' Adeżjoni u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jtemmu r-ratifika tagħha fi żmien xieraq;

jistenna bil-ħerqa li jirċievi osservaturi parlamentari mill-Kroazja;

2.  Jindika li d-dispożizzjonijiet temporanji tat-Trattat ta' Adeżjoni jintroduċu deroga min-numru massimu ta' siġġijiet fil-Parlament Ewropew, kif stabbilit fit-Trattati, sal-aħħar tal-leġislatura 2009-2014; huwa deċiż li jippreżenta l-proposta tiegħu għad-deċiżjoni li tiddetermina l-kompożizzjoni l-ġdida tal-Parlament Ewropew fi żmien biżżejjed qabel l-elezzjonijiet tal-2014, skont l-Artikolu 14(2) TUE; jindika li l-aspetti istituzzjonali rilevanti kollha tal-adeżjoni jridu jitqiesu fit-totalità tagħhom;

3.  Jindika li l-proċeduri għall-adozzjoni tat-Trattat tal-Adeżjoni mar-Repubblika tal-Kroazja min-naħa l-waħda, u tal-protokolli mitluba mill-Irlanda u mir-Repubblika Ċeka min-naħa l-oħra, għandhom bażijiet differenti fit-trattat – l-Artikoli 49 TUE u 48 TUE rispettivament – u għaldaqstant ma jistgħux jiġu inkorporati legalment f’att wieħed;

4.  Jinsab konvint li l-konklużjoni tan-negozjati ta’ adeżjoni hija xhieda tal-kredibilità tal-proċess ta’ tkabbir tal-UE; jenfasizza li l-progress miksub fit-triq tal-adeżjoni jirrifletti l-fatt li l-prospettivi tal-adeżjoni għadhom jippromwovu r-riformi politiċi u ekonomiċi, u li l-integrazzjoni Ewropea sservi bħala mezz biex il-pajjiżi jirrikonċiljaw rwieħom anke lil hinn mill-fruntieri tal-UE;

5.  Jistenna li l-Kummissjoni tissorvelja tħejjijiet ulterjuri għall-adeżjoni b’oġġettività u tgħin lill-awtoritajiet Kroati jwettqu l-impenji u l-obbligi li huma daħlu għalihom fin-negozjati; jilqa’ r-referenza fit-Trattat tal-Adeżjoni għall-involviment tas-soċjetà ċivili matul il-proċess ta’ monitoraġġ u jitlob lill-Kummissjoni tuża bis-sħiħ din il-klawżola u biex tikkonsulta mill-qrib mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; huwa tal-fehma li l-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ta’ qabel l-adeżjoni huwa mod kif il-Kroazja tingħata appoġġ ulterjuri fl-isforzi kontinwi tagħha ta’ riforma; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna mogħtija permezz tal-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) tkompli tkun mill-aktar xierqa u effikaċi;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm attenzjoni partikulari fuq l-impenji mogħtija fil-qasam tal-ġudikatura, tal-affarijiet interni u tad-drittijiet fundamentali – inkluża l-protezzjoni tal-libertà tal-midja bħala waħda mill-istrumenti kruċjali tad-demokrazija, kif ukoll l-implimentazzjoni kontinwa tar-riforma u tal-effiċjenza fil-ġudikatura, it-trattament imparzjali tal-kawżi tad-delitti tal-gwerra, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-protezzjoni tal-minoranzi, l-immaniġġjar tal-fruntieri, il-kooperazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali – kif ukoll fuq l-impenji meħuda fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni bil-għan li jiġu rristrutturati kif jixraq u b'mod effikaċi l-industriji tal-bini tal-vapuri u tal-azzar; iqis li huwa importanti li l-Kroazja tibni rekord pożittiv f’dawn l-oqsma qabel l-adeżjoni;

7.  Ikompli jissorvelja l-proċess, u jistieden lill-Kummissjoni żżommu infurmat regolarment dwar kemm l-awtoritajiet Kroati jonoraw l-impenji li huma ħadu fit-Trattat tal-Adeżjoni sabiex jassumu bis-sħiħ l-obbligi ta’ adeżjoni tagħhom kif l-Kroazja ssir membru fl-1 ta’ Lulju 2013; jistieden lill-awtoritajiet Kroati jimplimentaw l-impenji b’mod trasparenti u inklussiv, filwaqt li jinvolvu lill-Parlament Kroat u lis-soċjetà ċivili, u jevalwaw regolarment il-progress tar-riformi; jirriżerva d-dritt li jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Kroazja matul il-proċess ta' sorveljanza;

8.  Waqt li jirrikonoxxi l-progress tajjeb li sar fir-riforma ġudizzjarja, jinkuraġġixxi lill-Kroazja tkompli timplimenta r-riformi tal-ġudikatura, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, minħabba li sistema ġudizzjarja effiċjenti, indipendenti u imparzjali hija importanti għall-iżvilupp ekonomiku u ssaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istat tad-dritt; jistieden lill-Kroazja tindirizza l-isfidi li għad fadal f'dan il-qasam, partikolarment fir-rigward tat-titjib fl-effiċjenza ġudizzjarja u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza, l-imparzjalità u r-responsabilità tal-ġudikatura u dwar il-kriterji oġġettivi u bbażati fuq il-mertu għall-ħatra u l-promozzjoni tal-imħallfin;

9.  Filwaqt li jilqa' d-determinazzjoni tal-Kroazja li tiġġieled il-korruzzjoni, iqisha bħala waħda mill-ogħla prijoritajiet biex tkompli l-ġlieda, b'mod partikulari, tal-korruzzjoni ta' livell għoli – fil-ġudikatura, fl-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-kumpaniji tal-istat – li għandha tkompliha b’determinazzjoni kull fejn tidher, bl-infurzar rigoruż tal-liġi u bl-iżvilupp ta' rendikont tal-prosekuzzjonijiet ta' suċċess; jinnota li hemm bżonn ulterjuri biex jissaħħu t-trasparenza u l-integrità fl-amministrazzjoni pubblika u fil-qasam tal-pulizija; jemmen li huwa essenzjali li tkun implimentata b'mod effikaċi leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku, biex tkun żgurata t-trasparenza fis-settur pubbliku, biex iċ-ċittadini jingħataw aċċess għall-informazzjoni fuq l-infiq pubbliku u biex tiżdied it-trasparenza fil-finanzjamenti tal-partiti;

10. Jistieden lill-awtoritajiet Kroati jkomplu jsaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi tal-korpi ta’ kontra l-korruzzjoni, billi jsegwu fost l-oħrajn l-aqwa prattika tal-UE, u li jrawmu kultura ta’ responsabilità fil-qasam politiku, fis-settur pubbliku u f'dak ġudizzjarju bħala prerekwiżit għall-ħolqien u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt; jenfasizza li hemm bżonn ta’ sforzi kontinwi sabiex it-trattament tal-każijiet marbuta mal-kriminalità organizzata u mal-korruzzjoni jsir aktar effikaċi u biex tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-kumpaniji li għandhom rabtiet ma' organizzazzjonijiet kriminali milli jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku; iqisu importanti li jkompli jirriforma l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi sabiex jagħmilhom effiċjenti, effikaċi, depolitiċizzati u konformi mad-drittijiet ċivili u l-libertajiet;

11. Iħeġġeġ lill-Kroazja ttejjeb l-isforzi tagħha għall-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra, biex timplimenta l-istrateġija l-ġdida dwar l-impunità, li hija fundamentali għall-iżgurar tal-ġustizzja u biex tinkiseb rikonċiljazzjoni dejjiema fir-reġjun, u biex tindirizza każijiet ta' impunità fejn il-vittmi kienu ta' etnija Serba jew l-allegati responsabbli kienu membri tal-forzi tas-sigurtà Kroati; jistieden lill-Gvern Kroat, bħala pass importanti fil-ġlieda kontra l-impunità, jalloka riżorsi finanzjarji adegwati u jipprovdi l-appoġġ sħiħ lill-ġudikatura Kroata sabiex l-investigazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra jsiru aktar malajr; barra minn hekk, jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet Kroati jkomplu jikkooperaw b’mod attiv mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY) u biex jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet kollha li għad fadal tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-ICTY; jistieden lill-Kroazja u lis-Serbja jikkooperaw bis-sħiħ fil-qasam tal-ġustizzja, partikolarment fir-rigward tal-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra;

12. Jistieden lill-Gvern ikompli jħeġġeġ, u jiffaċilita b'mod effikaċi, ir-ritorn tar-rifuġjati u tal-persuni li kienu mġiegħla jħallu darhom, filwaqt li jagħti attenzjoni speċjali s-sitwazzjoni ta’ persuni ta' etnija Serba li jirritornaw, u biex itejjeb il-kundizzjonjiet tal-ħajja u tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet Kroati jkomplu jniedu proġetti ta’ rkupru soċjali u ekonomiku għall-gruppi vulnerabbli, speċjalment ir-rifuġjati, u jfittxu modi effikaċi u sostenibbli li jimplimentaw il-miżuri li jikkonċernaw id-djar u l-impjiegi b'mod konsistenti ma' programmi soċjali u tal-impjiegi oħra; jistenna li l-pajjiżi kollha tar-reġjun ikollhom politiki miftuħa rigward ir-ritorn tar-rifuġjati;

13. Jilqa’ l-progress li sar fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jinsab imħasseb, madankollu, li n-nisa għadhom sottorappreżentati b’mod qawwi fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi; jitlob lill-awtoritajiet Kroati jiffinalizzaw minnufih l-implimentazzjoni tal-Att dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, jippromwovu b’mod aktar attiv il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, isaħħu l-pożizzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jintroduċu l-prinċipju ta’ paga ugwali;

14. Jappoġġa l-isforzi biex tippromwovi klima ta’ tolleranza fil-pajjiż; jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet Kroati jkomplu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kull tip ta' diskriminazzjoni, u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni ta' kontra d-diskriminazzjoni, kif ukoll biex jindirizzaw b’determinazzjoni l-każijiet ta’ reati ta’ mibegħda, l-inċitament għall-mibegħda, theddid razzjali u intolleranza kontra l-minoranzi etniċi u l-LGBT; barra minn hekk jistieden lill-Kroazja tkompli taġixxi fl-ispirtu tat-tolleranza u biex tieħu miżuri xierqa għall-protezzjoni ta’ dawk li jista’ jkun għadhom suġġetti għal theddid jew għal atti ta’ intimidazzjoni;

15. Jinsab imħasseb sew minħabba l-vjolenza li kien hemm kontra dawk li ħadu sehem fid-dimostrazzjonijiet favur id-drittijiet tal-LGBT fi Split fil-11 ta’ Ġunju 2011 u minħabba li l-awtoritajiet Kroati ma kinux kapaċi jipproteġu l-parteċipanti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kroati jinvestigaw bis-sħiħ ir-reati mwettqa u jiftħu proċeduri ġudizzjarji għalihom u biex jiżviluppaw strateġiji għall-prevenzjoni ta’ inċidenti simili fil-futur; jitlob lill-awtoritajiet Kroati jadottaw u jimplimentaw rapidament pjan ta’ azzjoni kontra l-omofobija;

16. Jitlob lill-awtoritajiet Kroati jkomplu jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin;

17. Jinkuraġġixxi lill-Kroazja tkompli ssaħħaħ id-drittijiet bażiċi tax-xogħol u tat-trejdjunjins, isaħħaħ id-djalogu soċjali mal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u biex tippromwovi fit-tfassil tal-politika u l-bini tal-kapaċità għas-sħab soċjali, inkluż it-tisħiħ ulterjuri tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali;

18. Jirrikonoxxi li l-libertà tal-espressjoni hija stipolata fid-dritt Kroat u li ġeneralment hija rispettata; jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet Kroati jieħdu aktar passi biex jiżguraw l-indipendenza u l-professjonalità tal-midja; jistieden lill-awtoritajiet Kroati jkomplu juru l-impenn tagħhom fl-iżgurar li s-settur tal-midja jopera mingħajr indħil politiku u li tiġi garantita l-indipendenza tal-korpi regolatorji;

19. Jistieden lill-Kroazja, fid-dawl tal-problemi ekonomiċi attwali, tkompli r-riformi strutturali tagħha tal-ekonomija, tistimola l-impjiegi billi terġa’ tagħti l-ħajja lis-suq tax-xogħol u tkompli taħdem ħalli jkun hemm konsolidament fiskali sabiex tiżdied il-kompetittività, sabiex tkun tista’ tlaħħaq mal-Istati Membri tal-UE u tkun tista’ tibbenefika bis-sħiħ mill-adeżjoni mal-UE; iqis li huwa importanti li l-irkupru ekonomiku jkun akkumpanjat bil-modernizzazzjoni ekonomika, permezz, fost l-oħrajn, ta' effiċjenza enerġetika mtejba, ir-rinfurzar tal-politika dwar sorsi rinnovabbli tal-enerġija, u l-armonizzazzjoni tal-politika tal-iżvilupp territorjali u tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Gvern itejjeb il-kuntest kummerċjali ġenerali, jagħti attenzjoni partikolari lill-impriżi żgħar u medji u jappoġġahom billi jipprovdi sforzi ulterjuri għar-riforma tas-sistema soċjali tal-Kroazja sabiex tkun żgurata s-sostenibbilità tal-finanzi pubbliċi; jistieden lill-awtoritajiet Kroati jagħmlu l-proċess tal-iżvilupp territorjali aktar trasparenti u biex jirrispettaw bis-sħiħ l-interess pubbliku u l-istandards ambjentali;

20. Jistieden lill-Istati Membri japplikaw id-deċizjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji rigward l-aċċess tal-ħaddiema Kroati fis-swieq tagħhom tax-xogħol abbażi tal-informazzjoni fattwali u fis-sitwazzjoni biss ta' disturbi serji tas-suq nazzjonali tax-xogħol;

21. Jitlob lill-Istati Membri li jixtiequ japplikaw perjodi tranżitorji li jillimitaw l-aċċess liberu għas-suq tax-xogħol tagħhom, biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-ammont ta’ ħaddiema mistennija li jkunu fit-territorji tagħhom;

22. Jindika li l-konsegwenzi finanzjarji tat-tkabbir għandhom ikunu indirizzati b'mod sħiħ fin-negozjati li ġejjin dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) 2014-2020 u dwar id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw is-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni;

23. Jistieden lill-partijiet kollha involuti jassoċjaw lill-Kroazja, sal-limitu massimu possibli, fil-kapaċità tagħha bħala pajjiż tal-adeżjoni, f'kull skambju ta' fehmiet u negozjati dwar l-MFF 2014-2020; jemmen li l-osservaturi Kroati fil-Parlament Ewropew, ir-rappreżentanti Kroati fil-Kunsill u l-osservaturi fil-Kumitat tar-Reġjuni għandhom jieħdu l-okkażjoni sabiex jippromwovu l-viżjoni tagħhom għall-Unjoni u jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tfassil tal-baġit u l-prijoritajiet tal-UE sal-2020;

24. Jinnota l-pożizzjoni tal-UE dwar id-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji kif definiti fil-Konferenza dwar l-Adeżjoni tal-Kroazja u bbażati fuq data tal-adeżjoni tal-1 ta' Lulju 2013; jinnota li l-pakketti finanzjarji meħtieġa għall-adeżjoni tal-Kroazja, skont l-intestaturi u s-subintestaturi tal-baġit, għall-aħħar semestru tal-aħħar sena finanzjarja tal-MFF attwali jżidu b'mod sostanzjali l-infiq fil-baġit tal-UE; josserva li l-allokazzjoni għall-Kroazja rriżervata fl-ambitu tal-IPA se titnaqqas mill-ammonti oriġinarjament previsti għall-2013 li, sa ċertu punt, jikkumpensa għall-impatt nett fuq il-baġit tal-UE;

25. Jinnota l-pożizzjoni tal-Coreper, li skontu l-livell kumplessiv tal-infiq m'għandux jinbidel għas-sena finanzjarja 2013, iżda jfakkar madankollu li l-MFF attwali, meta ġie ppreżentat, innegozjat u adottat fl-2006, ma qiesx l-adeżjoni potenzjali tal-Kroazja tul il-perjodu ta' dan l-MFF;

26. Iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tipproponi, kif ippjanat, fl-ewwel parti tal-2012 wara l-firma tat-Trattat ta' Adeżjoni f'Diċembru 2011, u kif stipolat fil-punt 29 tal-Ftehim Interistituzzjonali (FII), reviżjoni tal-MFF għas-sena finanzjarja 2013, sabiex tevita li tiffinanzja l-adeżjoni tal-Kraozja permezz ta' riallokazzjonijiet;

27. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kroati – peress li għad hemm dgħufijiet fil-kapaċitajiet amministrattivi ta' istituzzjonijiet rilevanti Kroati – isaħħu aktar l-istrutturi amministrattivi u l-kapaċitajiet istituzzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni xierqa tal-acquis, sabiex il-pajjiż ikun jista' jieħu l-akbar benefiċċji tas-sħubija mal-UE wara l-adeżjoni;

28. Jilqa’ l-adozzjoni mill-Gvern Kroat f’Lulju 2011 tad-dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni tal-valuri Ewropej fl-Ewropa tax-Xlokk; jistieden lill-Kroazja tkompli kostantement taħdem favur it-tkabbir tal-UE u l-promozzjoni tal-valuri Ewropej tal-paċi, il-prosperità, il-libertà, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-ekonomija soċjali tas-suq fir-reġjun; jinkuraġġixxi lill-Kroazja tkompli ttejjeb rabtiet tajbin mal-ġirien, sabiex tibqa’ promotur importanti u proattiv tal-kooperazzjoni reġjonali fil-livelli kollha u sabiex iżżomm l-impenn tagħha biex l-isforzi ta’ rikonċiljazzjoni tittraduċihom f’passi prattiċi ta’ benefiċċju ekonomiku, soċjali u uman għaċ-ċittadini kollha tar-reġjun;

29. Jappella għal aktar użu tal-istrumenti finanzjarji li jappoġġa lill-SMEs, l-iżvilupp infrastrutturali u l-kuntest tan-negozju bħala parti mill-programm b'ħafna benefiċjarji fil-Balkani tal-Punent; josserva li l-kooperazzjoni reġjonali hija tal-akbar importanza għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi ġirien tal-Kroazja u għall-kooperazzjoni produttiva magħhom;

30. Jappella għall-progress biex tinstab soluzzjoni rigward kwistjonijiet bilaterali pendenti ma’ xi pajjiżi ġirien, b'mod partikolari mas-Serbja, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mad-demarkazzjoni tal-fruntieri, persuni nieqsa, ir-radd lura ta’ proprjetà u r-rifuġjati, u jinsab konvint li kwistjonijiet pendenti ta’ natura bilaterali m’għandhomx iwaqqfu l-proċess tal-adeżjoni mal-UE ta’ pajjiżi kandidati u ta’ pajjiżi potenzjalment kandidati fil-Balkani tal-Punent, iżda għandhom jiġu risolti b’mod ġenerali qabel l-adeżjoni, u għalhekk jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Parlament Kroat tal-21 ta' Ottubru 2011 għal dan il-għan;

31. Billi s-suċċess tal-adeżjoni jiddependi ħafna fuq l-appoġġ u l-impenn taċ-ċittadini, jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet u lis-soċjetà ċivili Kroati biex, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, iwettqu kampanja ta' informazzjoni komprensiva u oġġettiva dwar l-obbligi, il-konsegwenzi u l-vantaġġi riżultat tal-adeżjoni mal-UE, sabiex il-poplu Kroat ikun konxju bis-sħiħ dwar l-għażla tiegħu fir-referendum u sabiex iħares lejn il-proġett Ewropej bħala proġett li huwa tiegħu wkoll;

°

° °

32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kroazja.

07.11.2011

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-applikazzjoni tal-Kroazja biex issir membru tal-Unjoni Ewropea

(2011/2191(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Göran Färm

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-konklużjoni tan-negozjati ta' adeżjoni u jikkonferma l-kunsens tiegħu sabiex il-Kroazja ssir it-28 membru tal-Unjoni Ewropea;

2.  Jenfasizza l-fatt li l-adeżjoni mal-UE ma għandhiex titqies bħala t-tmiem ta' proċess, iżda bħala pass fit-triq lejn l-immodernizzar amministrattiv u ekonomiku kontinwu ta' pajjiż;

3.  Jitlob għal żieda fl-użu tal-istumenti finanzjarji li jappoġġjaw lill-Impriżi Żgħar u ta’ daqs Medju, l-iżvilupp fl-infrastruttura u l-ambjent tan-negozju bħala parti mill-programmi multibenefiċjarji fil-Balkani tal-Punent; jinnota li l-kooperazzjoni reġjonali hija ta’ importanza kbira għall-iżvilupp ekonomiku u għall-kooperazzjoni li tħalli l-frott mal-pajjiżi ġirien tal-Kroazja;

4.  Jenfasizza li l-Kroazja għandha, fuq l-eżempju ta' Stati Membri oħra, tieħu l-opportunità ta' sħubija sabiex tippromwovi u ssaħħaħ l-ippjanar ta' finanzjament mill-UE fuq perjodu ta’ żmien medju u twil, ħalli ssaħħaħ u tagħti spinta lill-immodernizzar tal-ekonomija tagħha bħala pass lejn kompetittività u diversifikazzjoni akbar; ifakkar, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti tal-fondi strutturali;

5.  Japprova l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li ġew ippreżentati fir-Rapport ta’ Progress dwar il-Kroazja; jilqa’ il-progress ġenerali li l-Kroazja għamlet, partikolarment fl-oqsma tad-drittijiet legali u fundamentali, il-kompetizzjoni, u l-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà;

6.  Jibqa' mħasseb, madankollu, dwar il-kapaċitajiet amministrattivi u ta' assorbiment tal-Kroazja, fid-dawl tal-prospett ta' sħubija sħiħa u l-implimentazzjoni tal-politiki strutturali u agrikoli li jirriżultaw minnha; ifakkar li ż-żieda sostanzjali fil-fondi li trid tiġi implimentata tista' tiġi ssorveljata u mmaniġġjata biss fuq il-bażi ta' titjib f'dawk il-kapaċijiet, kemm fuq livell ċentrali, kif ukoll fuq livell reġjonali u lokali;

7.  Jappoġġja, għal dan il-għan, il-ħolqien ta' mekkaniżmu temporanju ta' assistenza finanzjarja, il-Faċilità ta' Tranżizzjoni, maħsuba sabiex issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja tal-Kroazja sabiex timplimenta u tinforza l-leġiżlazzjoni tal-UE;

8.  Jinnota li l-Kroazja ma rkupratx mir-reċessjoni ekonomika li qed taffettwa l-pajjiż; jinnota li minkejja l-programm ta' stimolu ekonomiku għall-2010, il-qgħad, partikolarment il-qgħad fost iż-żgħażagħ, għadu jiżdied; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel pressjoni favur soluzzjoni għas-suq tax-xogħol Kroat;

9.  Jilqa' l-effikaċja dejjem tikber tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inklużi azzjonijiet meħuda kontra għadd ta' individwi li dari kienu uffiċjali u politiċi ewlenin, kif ukoll l-introduzzjoni ta' liġijiet imtejba ġodda rigward l-aċċess għall-informazzjoni, il-kunflitt ta' interessi u l-finanzjament tal-attivitajiet politiċi; jinnota, madankollu, li l-Kroazja tinsab fit-62 post fl-indiċi tal-korruzzjoni ta' Trasparency International; iħeġġeġ, għaldaqstant, konsolidament ulterjuri tal-isforzi f’dan il-qasam u jappoġġja l-istqarrija tal-Kummissjoni li l-korruzzjoni għadha prevalenti f'xi oqsma u li għad irid isir aktar progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. jappoġġja l-impenji u l-miżuri legali, amministrattivi u ta' verifika neċessarji kollha li l-awtoritajiet Kroati se jieħdu għal dan il-għan, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u tal-kontroll tal-finanzjament mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora sistema ta' dwal tat-traffiku fir-rapporti tagħha dwar il-progress sabiex tiġi garantita ċ-ċarezza ta’ dawn ir-rapporti msemmija u tagħti lill-osservazzjonijiet kritiċi tagħha aktar piż, sabiex il-punti ta' titjib u, jekk ikun il-każ, dawk ta' regressjoni, jiġu enfasizzati;

10. Jappella għal titjib fil-kwalità tal-verifika interna fil-qasam tal-kontroll finanzjarju pubbliku u għal aktar progress fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, bil-għan li jinkiseb l-objettiv ta' identifikazzjoni sistematika u ta' notifika tal-każijiet ta' frodi

11. Jilqa' l-ħolqien ta' faċilità speċjali temporanja ta’ Schengen li tappoġġja l-investimenti neċessarji li l-Kroazja jeħtiġilha tagħmel għall-manutenzjoni u t-tisħiħ tal-fruntieri esterni tal-UE, u d-dħul eventwali tagħha fis-sistema ta' Schengen;

12. Jistieden lill-partijiet kollha involuti sabiex jassoċjaw lill-Kroazja, sal-massimu possibli, fil-kapaċità tagħha bħala pajjiż tal-adeżjoni, f'kull skambju ta' fehmiet u negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) 2014-2020; jemmen li l-osservaturi Kroati fil-Parlament Ewropew, ir-rappreżentanti Kroati fil-Kunsill, u l-osservaturi Kroati fil-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jieħdu l-okkażjoni sabiex jippromwovu l-viżjoni tagħhom għall-Unjoni u jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tfassil tal-baġit u l-prijoritajiet tal-UE sal-2020;

13. Jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji, kif definiti fil-Konferenza dwar l-Adeżjoni tal-Kroazja, u bbażati fuq data tal-adeżjoni tal-1 ta' Lulju 2013; jinnota li l-pakketti finanzjarji meħtieġa għall-adeżjoni tal-Kroazja, skont l-intestaturi u s-subintestaturi tal-baġit, għall-aħħar semestru tal-aħħar sena finanzjarja tal-MFF attwali jżidu b'mod sostanzjali l-infiq fil-baġit tal-UE; josserva li l-allokazzjoni għall-Kroazja rriżervata fl-ambitu tal-IPA se titnaqqas mill-ammonti oriġinarjament previsti għall-2013 li, sa ċertu punt, jikkumpensa għall-impatt nett fuq il-baġit tal-UE

14. Jinnota l-pożizzjoni ta' Coreper, li skontu l-livell kumplessiv tal-infiq m'għandux jinbidel għas-sena finanzjarja 2013, iżda jfakkar madankollu li l-MFF attwali, meta ġie ppreżentat, innegozjat u adottat fl-2006, ma qiesx l-adeżjoni potenzjali tal-Kroazja tul il-perjodu ta' dan il-Qafas Finanzjarju Multiannwali;

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, b'konsegwenza, sabiex tipproponi, kif ippjanat fl-ewwel parti tal-2012 wara l-firma tat-Trattat ta' Adeżjoni f'Diċembru 2011, u kif stipolat fil-punt 29 tal-Ftehim Interistituzzjonali (IIA), reviżjoni tal-MFF għas-sena finanzjarja 2013, sabiex tevita li tiffinanzja l-adeżjoni tal-Kraozja permezz ta' riallokazzjonijiet;

16. Jikkunsidra li tali riallokazzjonijiet potenzjali ta' approprjazzjonijiet minn strumenti u prijoritajiet eżistenti mhux biss jagħmlu ħsara lill-kapaċità tal-UE li timplimenta l-politiki tagħha sewwa, iżda wkoll bħala proċess li ma jkunx jikkorrispondi totalment mal-istatus futur tal-Kroazja bħala membru tal-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

7.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Reimer Böge, Lajos Bokros, Isabelle Durant, James Elles, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Carl Haglund, Lucas Hartong, Jutta Haug, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Ivailo Kalfin, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Nadezhda Neynsky, Dominique Riquet, László Surján, Derek Vaughan, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Franziska Katharina Brantner, Frédéric Daerden, Jürgen Klute, Georgios Stavrakakis

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marisa Matias


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (26.10.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-applikazzjoni tal-Kroazja biex issir membru tal-Unjoni Ewropea

(2011/2191(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Rafał Trzaskowski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li l-proċessi ta' tkabbir u ta' approfondiment tal-integrazzjoni tal-UE minn dejjem imxew id f'id u li t-tkabbir, mhux biss m'affettwax ħażin l-abbiltà tal-Unjoni li taġixxi, iżda serva ta' katalista għal tibdil istituzzjonali indispensabbli;

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona ssolvew ħafna kwistjonijiet istituzzjonali rilevanti, sar possibbli t-tkabbir ulterjuri tal-Unjoni u ġie salvagwardjat il-funzjonament kif suppost ta' Unjoni akbar;

3.  Jindika li bir-ratifika tat-Trattat tal-Adeżjoni, ir-Repubblika tal-Kroazja tkun meqjusa wkoll li rratifikat kwalunkwe emendi għat-Trattati miftuħa għar-ratifika jew għall-approvazzjoni mill-Istati Membri skont l-Artikolu 48 TUE fil-ħin tar-ratifika tagħha tat-Trattat tal-Adeżjoni, jiġifieri l-emenda għall-Artikolu 136 TFUE u possibbilment anke protokolli li huma previsti dwar garanziji mitluba mill-Irlanda u deroga għar-Repubblika Ċeka;

4.  Ifakkar li l-konsegwenzi finanzjarji tat-tkabbir għandhom ikunu indirizzati b'mod sħiħ fin-negozjati li ġejjin dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 u dwar id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw is-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni;

5.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tar-riformi interni li l-Kroazja impenjat ruħha għalihom bħala parti mill-proċess ta' adeżjoni jridu jitkomplew wara l-adeżjoni; jenfasizza l-importanza taż-żieda fl-għarfien pubbliku tal-miri u l-vantaġġi reċiproki tat-tkabbir, b'mod partikulari fil-perspettiva tar-referendum obbligatorju skont il-kostituzzjoni, li għandu jsir fil-Kroazja fi żmien 30 ġurnata mid-data li fiha tiġi adottata d-deċiżjoni dwar it-Trattat tal-Adeżjoni mill-Parlament Kroat; jinnota li preċiżament minħabba l-importanza tagħha u x-xewqa ta’ riżultati pożittivi fit-tul, il-kampanja ta’ spjegazzjoni m'għandha bl-ebda mod ixxaqleb lejn naħa waħda jew tkun qarrieqa, iżda għandha tindika biċ-ċar il-benefiċċji u l-obbligi marbuta ma' sħubija mal-UE fil-ġejjieni;

6.  Jindika li d-dispożizzjonijiet temporanji tat-Trattat ta' Adeżjoni jintroduċu deroga min-numru massimu ta' siġġijiet fil-Parlament Ewropew, kif stabbilit fit-Trattati, sal-aħħar tat-terminu parlamentari 2009-2014; huwa deċiż li jippreżenta l-proposta tiegħu għad-deċiżjoni li tiddetermina l-kompożizzjoni l-ġdida tal-Parlament Ewropew fi żmien biżżejjed qabel l-elezzjonijiet tal-2014, skont l-Artikolu 14(2) TUE; jindika li l-aspetti istituzzjonali rilevanti kollha tal-adeżjoni jridu jitqiesu fit-totalità tagħhom;

7.  Jindika li l-proċeduri għall-adozzjoni tat-Trattat tal-Adeżjoni mar-Repubblika tal-Kroazja min-naħa l-waħda, u tal-protokolli mitluba mill-Irlanda u mir-Repubblika Ċeka min-naħa l-oħra, għandhom bażijiet differenti fit-trattat – l-Artikoli 49 TUE u 48 TUE rispettivament – u għaldaqstant ma jistgħux jiġu inkorporati legalment f’att wieħed; jisħaq li ż-żewġ proċeduri jistgħu jikkoinċidu fiż-żmien, u dan jirrifletti l-ispirtu tal-ftehim politiku inkorporat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju u Ottubru 2009; jinsisti madankollu, li kwalunkwe konnessjoni possibbli bejn iż-żewġ proċessi m'għandha bl-ebda mod twassal għal dewmien bla bżonn fid-data tal-adeżjoni;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Andrew Henry William Brons, Carlo Casini, Andrew Duff, Roberto Gualtieri, Enrique Guerrero Salom, Zita Gurmai, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, David Martin, Paulo Rangel, Algirdas Saudargas, György Schöpflin, József Szájer, Rafał Trzaskowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sandrine Bélier, Zuzana Brzobohatá, Marietta Giannakou, Íñigo Méndez de Vigo, Helmut Scholz, Alexandra Thein


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

61

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Pino Arlacchi, Bastiaan Belder, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Mário David, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Anna Ibrisagic, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Othmar Karas, Ioannis Kasoulides, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Eduard Kukan, Alexander Graf Lambsdorff, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Marek Siwiec, Hannes Swoboda, Kristian Vigenin, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Charalampos Angourakis, Adam Bielan, Véronique De Keyser, Andrew Duff, Monika Flašíková Beňová, Hélène Flautre, Roberto Gualtieri, Doris Pack, Tomasz Piotr Poręba, Helmut Scholz, György Schöpflin, Alf Svensson, Traian Ungureanu, Ivo Vajgl

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rui Tavares, Ramon Tremosa i Balcells

Avviż legali - Politika tal-privatezza