Proċedura : 2011/0050(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0391/2011

Testi mressqa :

A7-0391/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2012 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0008

RAKKOMANDAZZJONI     ***
PDF 162kWORD 71k
23.11.2011
PE 467.292v01-00 A7-0391/2011

dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa, u li jistupula l-arranġamenti proċedurali relatati miegħu

(09138/2011 – C7‑0163/2011 – 2011/0050(NLE))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Brian Simpson

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa, u li jistupula l-arranġamenti proċedurali relatati miegħu

(09138/2011 – C7‑0163/2011 – 2011/0050(NLE)

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (09138/2011),

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (07702/2011),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill b'konformità mal-Artikoli 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), l-Artikolu 218(7) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0163/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0391/2011),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-Memorandum ta' Kooperazzjoni (MOC) għandu l-għan li jifformalizza u jsaħħaħ r-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). Il-Memorandum ġie ffirmat fit-28 ta' April f'Montreal u fl-4 ta' Mejju fi Brussel u ġie applikat b'mod provviżorju minn dakinhar.

Permezz ta' ittra tas-16 ta' Ġunju, il-Kunsill ressaq lill-Parlament abbozz ta’ deċiżjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Memorandum. Il-Parlament huwa intitolat li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni permezz ta' votazzjoni unika, b'konformità mal-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura. L-ebda emendi fil-ftehim innifsu ma jistgħu jiġu ppreżentati.

Sfond:

L-ICAO ġiet stabbilita mill-Konvenzjoni ta' Chicago fl-1944 bħala Aġenzija Speċjalizzata tan-NU. Il-190 stat membru attwali tagħha jaħdmu flimkien fl-oqsma tas-sikurezza fl-avjazzjoni, is-sigurtà fl-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku, u l-protezzjoni ambjentali. Il-biċċa l-kbira tal-istandards u r-rekwiżiti tal-ICAO huma indirizzati fid-dritt tal-UE jew saħansitra meħuda bħala tali fid-dritt Ewropew (pereżempju standards ambjentali għall-ajruplani). Għaldaqstant, l-UE għandha interess kbir li tikkontribwixxi fil-proċess għat-tfassil tal-politika tal-ICAO, mhux l-inqas minħabba l-kompetittività tal-industrija tal-avjazzjoni ċivili proprja tagħha.

L-għan ġenerali tal-MOC huwa li jiżgura armonizzazzjoni akbar tal-istandards u koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-attivitajiet ikkonċernati. Barra minn hekk, filwaqt li jippreserva l-integrità taż-żewġ Partijiet, il-MOC għandu l-għan li jilħaq użu aħjar tar-riżorsi limitati u jevita l-isforz doppju.

Il-MOC la jieħu post u lanqas jippreġudika l-forom eżistenti ta' kooperazzjoni bejn il-Partijiet. Dan jikkonċerna l-Verifika tas-Sorveljanza tas-Sikurezza u l-Verifiki/Ispezzjonijiet tas-Sigurtà li huma soġġetti għal żewġ Memoranda ta' Kooperazzjoni separati ffirmati rispettivament fl-2006 u fl-2008.

L-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill japprova l-konklużjoni tal-Memorandum u, fid-dawl tal-funzjonament tiegħu, jistabbilixxi arranġamenti proċedurali għar-rwoli rispettivi tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qafas ta' Kumitat Konġunt. Dan il-Kumitat se jkun il-korp responsabbli għall-applikazzjoni tal-MOC u għall-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar oqsma speċifiċi ta' kooperazzjoni li huma annessi mal-Memorandum u jiffurmaw parti integrali minnu. Skont l-abbozz ta’ deċiżjoni tiegħu u skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, il-Kunsill se jiddetermina l-pożizzjoni tal-UE li għandha tittieħed fi ħdan il-Kumitat Konġunt safejn l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet u emendi għad-dispożizzjonijiet huma kkonċernati.

S'issa, id-dispożizzjonijiet ġew stabbiliti biss fuq is-sikurezza fl-avjazzjoni. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw mill-qrib u jikkoordinaw l-attivitajiet ta' sikurezza tagħhom. L-approċċ huwa bbażat fuq l-impenn reċiproku biex jintlaħaq l-ogħla livelli ta' sikurezza fl-avjazzjoni madwar id-dinja u l-armonizzazzjoni globali ta' Standards ta' sikurezza u ta' Prattiki Rakkomandati (SARPs). L-identifikazzjoni ta' oqsma u trasportaturi mhux sikuri hija interess fundamentali komuni u parti importanti ta' attivitajiet kondiviżi. Fis-16 ta' Ġunju, il-Kunsill iddeċieda dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fi ħdan il-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-ICAO dwar id-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-Anness dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni li għandu jiżdied mal-MOC.

F'termini tal-implimentazzjoni ġenerali, l-Unjoni għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni u megħjuna minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-pożizzjoni tal-UE dwar il-kooperazzjoni rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol, kwestjonijiet finanzjarji u dawk relatati mar-riżorsi, il-konsultazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, l-interoperabbiltà ta' teknoloġiji ġodda, u l-koordinazzjoni ta' programmi ta' verifika u ta' spezzjoni.

Il-kooperazzjoni tinkludi wkoll arranġamenti biex l-UE toffri lill-ICAO kompetenza u riżorsi. Osservaturi tal-UE jistgħu jipparteċipaw f’missjonijiet ta' verifika tal-ICAO fl-Istati tal-UE bl-approvazzjoni tagħhom u skont l-osservanza stretta tal-kunfidenzjalità marbuta mal-missjonijiet ta' verifika. Barra minn hekk, b'konformità mar-regoli applikabbli tal-ICAO dwar il-kunfidenzjalità, il-Partijiet għandhom jikkondividu l-informazzjoni elettronika, data u pubblikazzjonijiet uffiċjali u jipprovdu aċċess reċiproku għal bażijiet ta' data.

Il-MOC se jipprovdi sostenn finanzjarju ta' EUR 500 000 fis-sena għal perjodu inizjali ta' 3 snin abbażi ta' ftehim speċifiku għall-kontribuzzjoni fil-qafas tal-Ftehim ta' Qafas Finanzjarju u Amministrattiv bejn l-KE u n-NU. Dan il-baġit jista' jkun ikkumplimentat minn appoġġ finanzjarju mill-Istati Membri jew mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

Passi li jmiss:

Sabiex ikopru l-ambitu sħiħ ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni bejn iż-żewġ Partijiet, għandhom jiġu stabbiliti aktar dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-ħarsien ambjentali u se jiżdiedu bħala Annessi għall-Memorandum. L-Annessi kollha huma soġġetti għal adozzjoni mill-Kunsill qabel ma jkunu adottati mill-Kumitat Konġunt, iżda, sfortunatament, mhumiex soġġetti għall-approvazzjoni tal-Parlament, minħabba li l-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Artikolu 218(9) (TFUE) ma jipprovdu għall-ebda involviment min-naħa tal-Parlament fid-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt.

Konklużjonijiet:

Abbażi ta' dak imsemmi hawn fuq, ir-Rapporteur hu tal-fehma li l-Parlament għandu jikkontribwixxi għal pożizzjoni msaħħa tal-UE fi ħdan l-ICAO u għalhekk jissuġġerixxi li l-kumitat TRAN għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni mtejba.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Antonio Cancian, Michael Cramer, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Dieter-Lebrecht Koch, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Hubert Pirker, Vilja Savisaar-Toomast, Olga Sehnalová, Debora Serracchiani, Brian Simpson, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Dominique Vlasto, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philip Bradbourn, Michel Dantin, Dominique Riquet, Alfreds Rubiks, Sabine Wils

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Mulder

Avviż legali - Politika tal-privatezza