Proċedura : 2011/2116(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0432/2011

Testi mressqa :

A7-0432/2011

Dibattiti :

PV 12/03/2012 - 22
CRE 12/03/2012 - 22

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2012 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0071

RAPPORT     
PDF 183kWORD 154k
2.12.2011
PE 469.787v02-00 A7-0432/2011

dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati

(2011/2116(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Sven Giegold

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAD-DRITTIJIET TAN-NISA U L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 54, 151 u 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(1),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 193 tal-ILO tat-3 ta' Ġunju 2002 dwar il-promozzjoni ta' kooperattivi,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' Kumpannija Ewropea (SE)(2),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)(3),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema(4),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati(5),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2004 dwar il-promozzjoni ta' soċjetajiet kooperattivi fl-Ewropa (COM(2004)0018),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: ''Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv'' (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 bit-titolu ''Lejn Att dwar is-Suq Uniku - Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna - 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin'' (COM(2010) 608),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bit-titolu ''Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali'' (COM(2010)0758),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - 'Flimkien għal tkabbir ġdid'”(COM(2011)0206),

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi dwar id-Direttiva 2003/72/KE li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati(6),

–   wara li kkunsidra l-istudju dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)(7),

–   wara li kkunsidra s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi tan-Nazzjonijiet Uniti 2012(8),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO bit-titolu ''Resilience of the Cooperative Business Model in Times of Crisis''(9),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-diversi forom ta' intrapriżi(10) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali(11),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea(12),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar qafas għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati(13),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Settembru 2010 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (COM(2010)0481),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0432/2011),

A. billi l-intrapriżi kooperattivi jippromwovu l-interessi tal-membri u l-utenti tagħhom, kif ukoll is-soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà, u jfittxu kemm li jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-membri u jiżguraw l-għajxien tagħhom permezz ta' politika tan-negozju fit-tul u sostenibbli kif ukoll li jqiegħdu l-benesseri tal-klijenti, l-impjegati u l-membri fir-reġjun kollu fiċ-ċentru tal-istrateġija tan-negozju,

B.  billi l-intrapriżi tal-kooperattiva, fin-natura tagħhom, huma strutturalment marbutin maż-żona li fiha huma bbażati u għalhekk għandhom rwol importanti fl-aċċelerazzjoni tal-iżvilupp lokali, li huwa fattur deċisiv għall-ħolqien ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali reali; billi, f'soċjetajiet kooperattivi, il-finanzjament tat-taħriġ kontinwu fl-oqsma tar-responsabbiltà soċjali u l-intraprenditorija, żewġ oqsma li mhumiex koperti kompletament minn strumenti oħra ta' parteċipazzjoni soċjali, huwa ta' importanza fundamentali,

C. billi, f'intrapriżi kooperattivi, il-parteċipazzjoni tal-membri tal-intrapriża għandha tingħata preċedenza u tkun riflessa fl-istruttura tal-governanza u s-sjieda tal-kooperattiva,

D. billi l-kooperattivi huma pilastru importanti tal-ekonomija Ewropea u mutur ewlieni għall-innovazzjoni soċjali, u għalhekk b'mod partikolari jippreservaw l-infrastruttura u s-servizzi lokali speċifikament f'żoni rurali u konurbazzjonijiet, u billi l-Ewropa għandha 160 000 kooperattiva, proprjetà ta' aktar minn kwart tal-Ewropej kollha, li jipprovdu xogħol għal madwar 5.4 miljun impjegat,

E.  billi l-kooperattivi jikkompetu ma' kumpaniji mmexxija minn investituri f'ħafna oqsma ekonomiċi, billi l-intrapriżi kooperattivi għandhom setgħa ekonomika konsiderevoli fuq is-swieq globalizzati u saħansitra l-kooperattivi multinazzjonali ħafna drabi jibqgħu marbutin ma' bżonnijiet lokali,

F.  billi l-banek kooperattivi wrew livelli għoljin ta' sostenibbiltà u reżiljenza matul il-kriżi finanzjarja, permezz tal-mudell għan-negozju kooperattiv tagħhom; billi permezz tal-mudell għan-negozju kooperattiv tagħhom, żiedu l-qligħ u t-tkabbir waqt il-kriżi, b'inqas fallimenti u sensji; billi l-intrapriżi kooperattivi jipprovdu wkoll impjiegi ta' kwalità għolja, inklużivi u reżiljenti għall-kriżijiet, spiss bi proporzjonijiet għolja ta' ħaddiema nisa u migranti u jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli ta' żona billi jipprovdu impjiegi lokali u mhux trasferibbli; billi l-kooperattivi jistgħu jitqiesu bħala approċċ ta' suċċess u kontemporanju għall-ekonomija soċjali u jistgħu jikkontribwixxu sabiex jipprovdu prospetti ta' impjiegi fiż-żgur u jippermettu lill-ħaddiema jippjanaw ħajjithom b'mod flessibbli fil-post tal-oriġini tagħhom, b'mod partikolari fiż-żoni rurali,

G. billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet li l-kwistjoni ta' kemm tkun attraenti forma ġuridika lma tistax tiġi indirizzata biss mill-perspettiva tal-azzjonisti; billi għandu jiġi nnutat li, bħala organizzazzjoni soċjali, intrapriża għandha responsabbiltajiet lejn l-azzjonisti, l-impjegati, il-kredituri u s-soċjetà u dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat f'tali valutazzjonijiet;

H. billi l-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-kooperattivi u tal-parteċipazzjoni tal-impjegati tvarja sostanzjalment fl-UE,

I.   billi l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) sa issa huwa l-uniku forma legali għall-ekonomija soċjali disponibbli fil-livell tal-UE, wara l-irtirar tal-proposti tal-Kummissjoni għal Assoċjazzjoni Ewropea u Soċjetà Mutwalistika Ewropea fl-2003 u filwaqt li l-istatut għall-Fondazzjoni Ewropea għadu f'fażi ta' żvilupp,

J.   billi l-istabbiliment ta' statut għal SCE huwa mmirat biex iħeġġeġ l-iżvilupp tas-suq intern billi tiġi ffaċilitata l-attività ta' dan it-tip ta' kumpanija fil-livell tal-UE,

K. billi l-introduzzjoni tal-istatut għal SCE huwa pass importanti fir-rikonoxximent tal-mudell għan-negozju kooperattiv fil-livell tal-UE, anki f'dawk l-Istati Membri fejn il-kunċett ta' kooperattivi ġie skreditat għal raġunijiet storiċi,

L.  billi, f'Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (SCEs), l-involviment transnazzjonali tal-impjegati, inkluż id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fuq bords amministrattivi, huwa ta' vantaġġ;

M. billi l-istrateġija UE 2020 titlob ekonomija bbażata fuq livelli għoljin ta' impjieg, li tipprovdi koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, billi din tinkludi ekonomija soċjali b'saħħitha,

N. billi s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi tan-Nazzjonijiet Uniti 2012 tipprovdi opportunità eċċellenti għall-promozzjoni tal-mudell għan-negozju kooperattiv,

Kooperattivi fil-kuntest tal-UE

1.  Ifakkar li l-kooperattivi u l-intrapriżi għall-ekonomija soċjali oħrajn huma parti mill-mudell soċjali Ewropew u s-suq uniku u għalhekk jixirqilhom rikonoxximent u appoġġ qawwi, kif stipulat fil-kostituzzjonijiet ta' xi Stati Membri u f'diversi dokumenti ewlenin tal-UE;

2.  Ifakkar li l-kooperattivi jistgħu jikkostitwixxu pass ieħor fil-kompletar tas-suq intern tal-UE u jimmiraw li jnaqqsu l-ostakli transkonfinali eżistenti u jsaħħu l-kompetittività tiegħu;

3.  Jindika li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (minn hawn 'il quddiem l-Istatut) u d-Direttiva 2003/72/KE li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (minn hawn 'il quddiem id-Direttiva) huma marbutin flimkien mill-qrib;

4.  Iqis b'dispjaċir il-fatt li l-SCE sa issa ma kinitx suċċess meta jitqies l-użu skars tagħha - sal-2010 kienu stabbiliti 17-il SCE biss, b'total ta' 32 impjegat(14); jenfasizza li dawn iċ-ċifri kefrin juru li l-Istatut ma tantx hu adattat għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-soċjetajiet kooperattivi fl-Ewropa minkejja l-fatt li l-imprendituri esprimew interess li jwaqqfu SCE; jilqa' l-fatt li twettqet valutazzjoni dettaljata tal-Istatut sabiex tiġi aċċertata r-raġuni għaliex dan ma kienx meqjus attraenti, kellu impatt daqshekk limitat u x'jista' jsir biex jiġu megħluba n-nuqqas ta' esperjenza fl-implimentazzjoni u ostakli oħra;

5.  Jinnota li l-użu tal-SCE spiss huwa ristrett għall-kooperattivi tat-tieni grad li jikkonsistu minn persuni legali biss, minn soċjetajiet mutwalistiċi, li ma għandhomx statut Ewropew iżda li jixtiequ jużaw status legali assoċjat mal-ekonomija soċjali, u minn kumpaniji kbar; jinnota li għadu diffiċli għal soċjetajiet kooperattivi żgħar, - li jikkostitwixxu parti ewlenija tal-moviment tal-kooperattivi fl-Ewropa - jkollhom aċċess għall-SCE;

Parteċipazzjoni tal-impjegati fl-SCEs

6.  Jilqa' l-fatt li d-dispożizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-impjegati huma kkunsidrati element ewlieni fl-SCE; jindika madankollu, li huma għandhom jipprovdu għar-rekwiżiti marbuta man-natura speċjali tal-kooperattivi;

7.  Jindika li diversi Stati Membri għadhom ma ttrasponewx artikoli tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-impjegati, inklużi d-dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-ġeneru, u li dan wassal għal numru ta' lakuni fir-rigward tal-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta' proċeduri għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, u jenfasizza l-ħtieġa li dan ikun irrimedjat sabiex jiġu evitat l-abbuż mill-arranġamenti tal-SCE; jinnota b'dispjaċir il-fatt li r-regoli standard dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-korpi amministrattivi ma jeżiġux li l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għandha tkun rekwiżit;

8.  Huwa sodisfatt madankollu, li xi Stati Membri mhux biss ittrasponew tajjeb id-Direttiva, iżda fil-fatt marru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva;

9.  Madankollu, jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/72/KE sabiex jiġi evitat li tintuża ħażin bl-iskop li l-impjegati jiċċaħdu mid-drittijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata t-traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 13 tad-Direttiva;

10. Jinnota li l-Artikolu 17 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tagħha u jekk meħtieġ, teżaminaha; jenfasizza li l-użu modest tal-Istatut jimpedixxi l-valutazzjoni kif suppost tad-Direttiva;

11. Jinnota li d-Direttiva m'għandhiex tkun riveduta qabel l-Istatut u jitlob biex jitqies l-inserzjoni tad-dispożizzjoniijet dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati direttament fl-Istatut għall-fini ta' semplifikazzjoni u regolamentazzjoni aktar intelliġenti;

12. Jenfasizza li reviżjoni tad-Direttiva għandha tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-impjegati fil-kooperattivi, inkluża l-għażla li jkunu kemm sid u kemm impjegat tal-istess intrapriża; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti sabiex tiffaċilita s-sjieda tal-impjegat u tal-utent tal-kooperattivi; jimmira biex il-parteċipazzjoni tal-impjegati f'intrapriżi ssir xi ħaġa fatta fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea; huwa favur il-parteċipazzjoni akbar tal-impjegati fil-forom transkonfinali ta' intrapriżi milli fiż-żamma fil-livell tad-denominatur komuni l-aktar baxx;

13. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-istudju dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1435/2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)(15), partikolarment fir-rigward tal-miżuri proposti biex jippromwovu l-SCE billi jżidu l-għarfien tagħhom permezz ta' programmi edukattivi indirizzati lill-konsulenti fil-liġi kooperattiva u l-atturi soċjali u billi jippromwovu l-kooperazzjoni bejn soċjetajiet kooperattivi f'livell transkonfinali;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-kooperattivi jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-SNB u jimplimentaw politiki ta' diversità sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħajja professjonali u l-ħajja privata u, b'mod partikolari jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa f'pożizzjonijiet amministrattivi għolja; jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont tal-perspettiva tal-ġeneru fil-monitoraġġ tal-implementazzjoni korretta tad-Direttiva, kif ukoll fir-reviżjoni futura tar-regolament tas-SCE;

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-SCEs fir-regolamenti Ewropej possibbli biex jiġi żgurat li n-nisa jkunu rappreżentati aħjar f’livelli amministrattivi għoljin u fuq il-bordijiet ta’ kumpaniji pubbliċi u dawk kwotati fil-boroż, fil-każ li l-kumpaniji ma jiksbux volontarjament l-objettivi ta’ 30% sal-2015 u 40% sal-2020;

Il-futur tal-Istatut

16. Jenfasizza li minħabba l-kumplessità tiegħu, l-Istatut jissodisfa biss parzjalment il-ħtiġijiet tal-kooperattivi u li għandu jkun issimplifikat u jsir intelliġibbli għal kulħadd sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-użu tiegħu, ikun jinftiehem malajr u jiġi applikat aħjar, biex b'hekk jiġu żgurati d-drittijiet għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-impjegati kollha mingħajr ma tintilef il-kwalità;

17. Jiġbed l-attenzjoni għad-diversità tat-tradizzjonijiet u l-liġijiet dwar il-kooperattivi madwar l-UE; jenfasizza li l-Istatut għandu jipprovdi qafas awtonomu legali għall-SCEs b'mod parallel mal-liġi nazzjonali eżistenti dwar il-kooperattivi u li armonizzazzjoni diretta għalhekk mhijiex qed isseħħ;

18. Jenfasizza li l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea ma għandux isir aktar attraenti billi jitnaqqsu l-istandards; huwa tal-fehma li r-rieżami tal-Istatut għandu jiffaċilita r-rikonoxximent ulterjuri ta' dan it-tip ta' intrapriża fl-UE; jenfasizza li l-piż ekonomiku tal-intrapriżi kooperattivi, ir-reżiljenza tagħhom għall-kriżijiet u l-valuri li huma bbażati fuqhom juru biċ-ċar li huma rilevanti fl-UE tal-lum u jiġġustifikaw reviżjoni tal-Istatut; jenfasizza li inizjattivi u miżuri futuri tal-SCE Ewropea għandhom jiffukaw fuq it-trasparenza, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet interessati u r-rispett tad-drawwiet u t-tradizzjonijiet nazzjonali; jindika li għal ċertu kooperattivi nazzjonali, l-inċentiv tal-użu tal-Istatut huwa sfortunatament limitat minħabba l-istruttura ta' 'holding' attwali tagħhom; jenfasizza li l-possibbiltà ta' inkorporazzjoni ta' kooperattivi nazzjonali minn Stati Membri differenti għandha tissaħħaħ;

19. Jinsisti fuq l-involviment sħiħ tal-partijiet interessati kollha fil-proċess ta' reviżjoni, speċjalment l-atturi soċjali involuti fil-moviment tal-kooperattivi u t-trade unions, filwaqt li jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-proċess jitlesta f'waqtu;

Iż-żieda fl-impjiegi fil-kooperattivi u l-SCEs u t-tisħiħ tal-kooperattivi bħala l-elementi ċentrali tal-ekonomija soċjali

20. Jistenna li l-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa biex tiżgura implimentazzjoni sħiħa tad-direttiva;

21. Jiddeplora l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament dwar il-kooperattivi fil-maġġorparti tagħhom kienu injorati mill-Kummissjoni; ifakkar li r-riżoluzzjoni(16) talbet:

· li l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jkunu rikonoxxuti u kkunsidrati fil-politiki Ewropej,

· li jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat li l-Osservatorju Ewropew tal-SMEs jinkludi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-istħarriġ tiegħu,

· li jiżdied id-djalogu mal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali,

· li jittejjeb il-qafas legali għal intrapriżi ta' din ix-xorta fl-Istati Membri;

22. Ifakkar li f'COM(2004)0018 il-Kummissjoni kkommettiet ruħha għal tnax-il azzjoni li jinkludu:

· l-appoġġ għall-partijiet interessati u l-organizzazzjoni ta' skambju ta' informazzjoni strutturat,

· it-tixrid tal-aħjar prattika għat-titjib tal-leġiżlazzjoni nazzjonali,

· il-ġbir ta' statistiki Ewropej dwar il-kooperattivi,

· is-simplifikazzjoni u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-kooperattivi,

· il-bidu ta' programmi edukattivi adattati u l-inklużjoni ta' referenzi għall-kooperattivi fl-istrumenti finanzjarji tal-FEI;

23. Jiddeplora l-fatt li, minn din il-lista ta' impenji, tlieta biss tqiegħdu fil-prattika, mingħajr riżultati sinifikanti; jenfasizza li nuqqasijiet ta' din ix-xorta jillimitaw il-potenzjal ta' żvilupp tal-kooperattivi;

24. Jindika li nuqqas ta' riżorsi jwassal għal nuqqas ta' riżultati; jenfasizza l-bżonn ta' titjib urġenti fi ħdan il-Kummissjoni f'termini ta' organizzazzjoni u riżorsi allokati għall-ekonomija soċjali, fid-dawl tat-tixrid attwali tal-kompetenzi u r-riżorsi umani li jaħdmu fil-qasam tal-ekonomija soċjali fi ħdan il-Kummissjoni;

25. Jenfasizza li l-politiki tal-UE fl-oqsma kollha jeħtiġilhom jirrikonoxxu l-ispeċifiċitajiet u l-valur miżjud tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, inklużi l-intrapriżi kooperattivi, permezz ta' adattament xieraq tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u r-regolament finanzjarju;

26. Jitlob lill-Istati Membri jrawwmu kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-kooperattivi, bħall-aċċess għall-kreditu u l-inċentivi fiskali;

27. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont tal-istruttura finanzjarja tal-kooperattivi b'konnessjoni mal-leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta' kapital u l-istandards għall-kontabbiltà u r-rappurtar; jindika li l-kooperattivi kollha, u b'mod partikolari l-banek kooperattivi, jiġu affettwati mil-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-ħlas lura ta' ishma kooperattivi u r-riservi indiviżibbli;

28. Jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi speċifiċi li nħolqu mir-rivoluzzjoni diġitali li jrid iħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-midja, b'mod partikolari l-pubblikaturi li qegħdin joperaw bħala kooperattivi;

29. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal metodu ta' koordinazzjoni miftuħ għall-ekonomija soċjali, inklużi l-intrapriżi kooperattivi, li huma atturi ewlenin f'dan is-settur, li jinvolvi kemm lill-Istati Membri kif ukoll il-partijiet interessati sabiex ikunu inkoraġġiti l-iskambji tal-aħjar prattiki u jseħħ titjib gradwali fil-kunsiderazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tan-natura tal-kooperattivi, b'mod partikolari fl-oqsma tat-tassazzjoni, self, piżijiet amministrattivi, u miżuri ta' appoġġ għan-negozji;

30. Jilqa' l-fatt li l-Att dwar is-Suq Uniku jirrikonoxxi l-bżonn li tiġi promossa l-ekonomija soċjali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi l-wisq mistennija ''Inizjattiva ta' Negozju Soċjali'' ibbażata fuq prinċipji kooperattivi(17);

31. Jistieden lill-Kummissjoni tqis Sena Ewropea tal-Ekonomija Soċjali;

32. Jappoġġja miżuri ta' appoġġ għan-negozji, b'mod partikolari konsulenza għan-negozji u taħriġ għall-impjegati, u aċċess għall-fondi għall-kooperattivi, speċjalment għall-akkwisti mill-impjegati jew klijenti, minħabba li dawn huwa għodod sottovalutati għas-salvataġġ ta' intrapriżi fi żmien ta' kriżi u għat-trasferiment ta' intrapriżi tal-familja;

33. Jenfasizza l-importanza li qed tikber tal-kooperattivi fil-qasam tas-servizzi soċjali u tal-beni pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet relatati mas-saħħa u s-sikurezza f'dan is-settur irrispettivament mill-istatus ta' min iħaddem;

34. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-input tal-kooperattivi fid-djalogu soċjali fuq livell tal-UE;

35. Jisħaq dwar il-potenzjal tal-SCE għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-implimentazzjoni ta' politiki u programmi f'livelli differenti, billi tingħata attenzjoni partikolari għall-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-programmi ta' taħriġ kontinwu; jinnota li l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjoni f'livelli differenti għandha effett ekonomiku pożittiv u toħloq ukoll kundizzjonijiet favorevoli sabiex il-persuni promettenti u kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw funzjonijiet ta' ġestjoni u ta' superviżjoni; jenfasizza barra minn hekk li ċerti aspetti tax-xogħol kooperattiv jippermettu flessibbiltà li tiffavorixxi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali ma’ dik tal-familja; jitlob lill-Kummissjoni tfassal mekkaniżmu għall-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi bejn l-Istati Membri;

36. Jenfasizza li l-SCE jista' jirrispondi għall-ħtiġijiet tan-nisa, itejbilhom l-istandard tal-għajxien permezz tal-aċċess għal opportunitajiet deċenti ta' imjieg, istituzzjonijiet ta' tfaddil u self, akkomodazzjoni u servizzi soċjali, edukazzjoni u taħriġ;

37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU C 83, 30.3.2010.

(2)

ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.

(3)

ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1.

(4)

ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.

(5)

ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25.

(6)

Imwettaq minn Fernando Valdés Dal-Ré, Prof. tal-Liġi tax-Xogħol, Labour Asociados Consultores, 2008.

(7)

Imwettaq mill-Kooperattivi Ewropej, Istitut Ewropew għar-Riċerka dwar l-Intrapriżi Kooperattivi u Soċjali, Ċentru EKAI, 2010.

(8)

Nazzjonijiet Uniti, A/RES/64/136.

(9)

Johnston Birchall and Lou Hammond Ketilson, Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 2009.

(10)

ĠU C 318, 22.12.2009, p. 22.

(11)

ĠU C 76E, 25.3.2010, p. 16.

(12)

ĠU C 76E, 25.3.2010, p. 11.

(13)

ĠU C 68E, 18.3.2004, p. 429.

(14)

COM (2010) 0481.

(15)

Kuntratt Nru SI2.ACPROCE029211200 tat-8 ta' Ottubru 2009.

(16)

ĠU C 76, 25.3.2010, p. 16.

(17)

http://www.ica.coop/coop/principles.html.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI (12.10.2011)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati

(2011/2116(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Evelyn Regner

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jiddeplora d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/72/KE fil-maġġoranza tal-Istati Membri; jifraħ lill-Kummissjoni għall-azzjoni rapida tagħha biex tagħti bidu għal proċedimenti ta' ksur;

2.  Huwa sodisfatt li xi Stati Membri mhux biss ittrasponew tajjeb id-Direttiva, iżda fil-fatt marru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva;

3.  Madankollu, jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/72/KE sabiex jiġi evitat li tintuża ħażin bl-iskop li l-impjegati jiċċaħdu mid-drittijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata t-traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 13 tad-Direttiva;

4.  Jinnota n-nuqqas ta' suċċess tas-Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE), bħalma jidher mill-fatt li sat-8 ta' Mejju 2010 twaqqfu sbatax-il SCE biss; jinnota li dan in-nuqqas ta' suċċess huwa partikolarment evidenti fl-Istati Membri bi tradizzjoni twila ta' movimenti tal-kooperattivi;

5.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-istudju dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1435/2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)(1), partikolarment fir-rigward tal-miżuri proposti biex jippromwovu l-SCE billi jżidu l-għarfien tagħhom permezz ta' programmi edukattivi indirizzati lill-konsulenti fil-liġi kooperattiva u l-atturi soċjali u billi jippromwovu l-kooperazzjoni bejn soċjetajiet kooperattivi f'livell transkonfinali;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1435/2003 li għandha tissimplifika u tnaqqas in-numru ta' referenzi għal-liġi nazzjonali u tistabbilixxi regoli Ewropej aktar sostantivi; iqis li din ir-reviżjoni għandha tirrispetta l-ogħla standards nazzjonali eżistenti, partikolarment fir-rigward tal-liġi tax-xogħol, u li s-semplifikazzjoni m'għandhiex iddgħajjef il-garanziji ta' trasparenza essenzjali;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Jiří Maštálka, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, Toine Manders

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Giuseppe Gargani

(1)

Kuntratt Nru SI2.ACPROCE029211200 tat-8 ta' Ottubru 2009.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAD-DRITTIJIET TAN-NISA U L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI (23.11.2011)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati

(2011/2116(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Edite Estrela

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. filwaqt li l-ekonomija Ewropea qed tiffaċċja sfidi diffiċli u s-Soċjetà Kooperativa Ewropea (SCE) tista' toffri opportunitajiet siewja lil ħafna nisa f'termini ta' intraprenditorija, aċċess għall-prodotti u servizzi, jew parteċipazzjoni f'negozju li jkollu valuri u prinċipji etiċi u jagħti opportunitajiet għall-ġenerazzjoni tad-dħul;

B.  billi huwa stmat li ħafna ħaddiema tal-kooperattivi huma nisa hemm spiss l-ostakli fil-forma ta' sterjotipi negattivi dwar il-potenzjal tan-nisa fil-leadership jibqgħu jillimitaw il-bidla u l-progress; billi għandhom jiġu inkoraġġiti miżuri speċifiċi li jappoġġjaw lin-nisa li jkunu qed ifittxu u jiksbu pożizzjonijiet għoljin ta' leadership;

1.  Jisħaq dwar il-potenzjal tal-SCE għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-implimentazzjoni ta' politiki u programmi, f'livelli differenti, billi tingħata attenzjoni partikolari għall-edukazzjoni vokazzjonali, it-taħriġ professjonali, il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-programmi ta' taħriġ kontinwu; jinnota li l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjoni f'livelli differenti għandha effett ekonomiku pożittiv u toħloq ukoll kundizzjonijiet favorevoli sabiex il-persuni promettenti u kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw funzjonijiet ta' ġestjoni u ta' superviżjoni; jenfasizza barra minn hekk li ċerti aspetti tax-xogħol kooperattiv jippermettu flessibbiltà li tiffavorixxi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali ma’ dik tal-familja; jitlob lill-Kummissjoni tfassal mekkaniżmu għall-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi bejn l-Istati Membri;

2.  Jisħaq li l-SCE jista’ jirrispondi għall-ħtiġiet tan-nisa, itejbilhom l-istandard tal-għajxien permezz tal-aċċess għal opportunitajiet deċenti ta’ impjieg, istituzzjonijiet ta' tfaddil u self, akkomodazzjoni u servizzi soċjali, edukazzjoni u taħriġ;

3.  Jiddispjaċih mill-għadd limitat preżenti ta' SCEs; jitlob lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni lill-problemi ffaċjati waqt il-ħolqien tal-SCE u jitlob kampanja mmirata ta' komunikazzjoni u ta' informazzjoni effikaċi u kompluta tal-partijiet differenti kkonċernati dwar l-SCE billi jsir fokus fuq informazzjoni fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew diretta lejn in-nisa;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq studju li jippreżenta data aġġornata, paragunabbli, u diżagregata fuq il-bażi tal-ġeneru, ħalli jkun hemm għarfien aħjar tar-rati ta' parteċipazzjoni tan-nisa fil-kooperattivi fl-UE, inklużi fil-pożizzjonijiet manaġerjali, u l-impatt tal-kooperattivi fuq it-tisdiq tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol; jitlob barra minn hekk li jiġi stabbilit kuntatt mal-SCE ħalli jinħolqu netwerks li jiffavorixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki bil-għan li tiġi promossa parteċipazzjoni akbar tan-nisa; jistieden f'dan is-sens il-Kummissjoni ssaħħaħ il-komunikazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt differenti tal-SCE fl-Istati Membri;

5.  Jiddispjaċih li xi Stati Membri għadhom ma kkonformawx mad-Direttiva 2003/72/KE f’termini ta’ promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-metodu użat għan-nomina, il-ħatra jew l-elezzjoni tal-membri tal-korp speċjali ta’ negozjazzjoni (SNB) tal-SCE u jitlob konsegwentement lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex it-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva sseħħ fl-inqas żmien possibbli;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tar-rappreżentanza tan-nisa fl-SNBs tal-SCEs u tal-miżuri meħudin mis-settur u mill-Istati Membri għat-titjib tar-rappreżentanza tagħhom;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-kooperattivi jintensifikaw l-isforzi tagħhom li jkattru l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-SNB u jimplimentaw politiki ta' diversità li jippermettu li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħajja professjonali u l-ħajja privata; jinnota li l-istamina u l-fibra tal-kooperattivi jistgħu jissaħħu biss meta l-programmi mmirati li jiżguraw il-jeddijiet ugwali u l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u għall-irġiel li jipparteċipaw b'mod sħiħ fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali jkunu implimentati, l-aktar fil-livelli manaġerjali għoljin;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-SCEs fir-regolamenti Ewropej possibbli ħalli jkun iggarantit li n-nisa jkunu rrappreżentati aħjar f’livelli għoljin ta’ management u fuq il-bordijiet ta’ kumpanniji pubbliċi u kwotati fil-boroż, fil-każ li l-kumpaniji ma jkunux volontarjament kisbet l-objettivi ta’ 30% sal-2015 u 40% sal-2020;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont tal-importanza tal-imprenditorjat fl-ekonomija soċjali u tal-prospettiva tas-sessi meta tkun qed timmonitorja l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva, kif ukoll fir-reviżjoni futura tar-regolament tal-SCE; jistieden barra minn hekk il-Kummissjoni tadotta linji gwida għall-promozzjoni u l-iżvilupp tan-nisa fi ħdan il-kooperattivi tan-nisa u l-gruppi speċjali ta' negozjar.

FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Emine Bozkurt, Andrea Češková, Marije Cornelissen, Tadeusz Cymański, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Iratxe García Pérez, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Lívia Járóka, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Elisabeth Morin-Chartier, Siiri Oviir, Raül Romeva i Rueda, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Anne Delvaux, Sylvie Guillaume, Norica Nicolai, Angelika Werthmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Kinga Gál


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Marije Cornelissen, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Ilda Figueiredo, Thomas Händel, Marian Harkin, Liisa Jaakonsaari, Danuta Jazłowiecka, Jean Lambert, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Andrea Zanoni

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Raffaele Baldassarre, Silvia Costa, Jürgen Creutzmann, Jelko Kacin, Ria Oomen-Ruijten, Evelyn Regner, Csaba Sógor, Emilie Turunen

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) prezenti għall-votazzjoni finali

Leonardo Domenici, Dimitrios Droutsas, Karin Kadenbach, Guido Milana

Avviż legali - Politika tal-privatezza