RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indoneżja dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru
20.12.2011 - (13238/2011 – C7‑0242/2011 – 2010/0132(NLE)) - ***
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Brian Simpson
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indoneżja dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru
(13238/2011 – C7‑0242/2011 – 2010/0132(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (13238/2011),
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indoneżja dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (10843/3/2010),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0242/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0448/2011),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Indoneżja.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
Tradizzjonalment, ir-relazzjonijiet internazzjonali dwar l-avjazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi kienu jiġu rregolati permezz ta' ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, fl-2002, iddeċidiet li l-klawżoli ta' deżinjazzjoni nazzjonali fil-ftehimiet bilaterali jmorru kontra l-liġi tal-UE. Dawn jippermettu li pajjiż terz jirrifjuta, jirtira jew jissospendi l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet ta' trasportatur tal-ajru li jkun magħżul minn Stat Membru iżda li ma jkunx sostanzjalment fis-sjieda ta’ dak l-Istat Membru u effettivament ikkontrollat minnu jew miċ-ċittadini tiegħu. Instab li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi tal-ajru tal-UE stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru iżda li jkunu proprjetà ta' ċittadini ta' Stati Membri oħrajn u kkontrollati minnhom. Dan imur kontra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jiggarantixxi liċ-ċittadini ta' Stati Membri li jkunu eżerċitaw il-libertà tagħhom tal-istabbiliment l-istess trattament fl-Istat Membru ospitanti bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Hemm ukoll kwistjonijiet oħrajn, bħall-kompetizzjoni, fejn il-konformità mal-liġi tal-UE għandha tkun żgurata billi jkunu emendati jew ikkomplementati d-dispożizzjonijiet eżistenti fi ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.
Għalhekk, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim li jissostitwixxi ċerti dispożizzjonijiet fid-19-il ftehim bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru konklużi bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Indoneżja.
L-aspetti ewlenin tal-Ftehim
L-Artikolu 2 (Klawżola ta' deżinjazzjoni): Sabiex ikun evitat li jkun hemm diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-UE, il-klawżoli ta' deżinjazzjoni nazzjonali li jirreferu għat-trasportaturi tal-ajru ta' dawk l-Istat Membri li huma firmatarji tal-ftehim bilaterali, qed jiġu sostitwiti bi klawżola ta' deżinjazzjoni tal-UE li tirreferi għat-trasportaturi tal-ajru kollha tal-UE. L-objettiv huwa li t-trasportaturi tal-ajru kollha tal-UE jingħataw aċċess nondiskriminatorju għar-rotot bejn l-Istati Membri kkonċernati tal-UE u l-Indoneżja.
Artikolu 3 (Sikurezza): Din id-dispożizzjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza fil-ftehimiet bilaterali jkunu applikabbli għal sitwazzjonijiet meta l-kontroll regolatorju fuq trasportatur tal-ajru jkun eżerċitat minn Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru li ddeżinja dak it-trasportatur tal-ajru.
Artikolu 4 (Tassazzjoni tal-fjuwil għall-avjazzjoni): Billi l-ftehimiet bilaterali tradizzjonali għandhom tendenza li jeżentaw it-titjiriet internazzjonali mit-tassazzjoni tal-fjuwil, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tippermetti tali tassazzjoni għal operazzjonijiet fl-UE, sakemm ikunu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. L-għan tal-Ftehim huwa li jespandi dak id-dritt tal-Istati Membri għal-linji tal-ajru Indoneżjani li jkunu jixtiequ joperaw titjiriet fl-Unjoni.
Artikolu 5 (Kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni): Dan l-Artikolu jipprojbixxi prattiki antikompetittivi.
Il-Ftehim ġie ffirmat fid-29 ta’ Ġunju 2011 u ż-żewġ partijiet qablu li jaġixxu b’konformità mal-ftehim minn meta jiġi ffirmat sakemm jidħol fis-seħħ. Sabiex jikkonkludi l-Ftehim, il-Kunsill għandu bżonn l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. B'konformità mal-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura, il-Parlament għandu jieħu deċiżjoni permezz ta' votazzjoni unika, u ma tista' tiġi ppreżentata l-ebda emenda għall-ftehim innifsu.
Ir-Rapporteur tagħkom jissuġġerixxi li l-Kumitat TRAN għandu jagħti opinjoni favorevoli dwar il-konklużjoni tal-Ftehim.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
20.12.2011 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Antonio Cancian, Michael Cramer, Philippe De Backer, Luis de Grandes Pascual, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Juozas Imbrasas, Ville Itälä, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Hubert Pirker, David-Maria Sassoli, Vilja Savisaar-Toomast, Debora Serracchiani, Brian Simpson, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Peter van Dalen, Dominique Vlasto, Artur Zasada |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Michael Gahler, Dominique Riquet, Anna Rosbach, Oldřich Vlasák, Janusz Władysław Zemke |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Kristiina Ojuland |
||||