RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

21.12.2011 - (09737/2011 – C7‑0202/2011 – 2011/0090(NLE)) - ***

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Vital Moreira

Proċedura : 2011/0090(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0450/2011
Testi mressqa :
A7-0450/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(09737/2011 – C7‑0202/2011 – 2011/0090(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (09737/2011),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (09738/2011),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill bi qbil mal-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) u l-Artikolu 218(7), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7–0202/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7–0450/2011),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Ġeorġja.

NOTA SPJEGATTIVA

L-Unjoni Ewropea (UE) u l-Ġeorġja kkonkludew ftehim bl-għan li jħarsu reċiprokament l-indikazzjonijiet ġeografiċi li jkopru firxa wiesgħa ta' prodotti agrikoli bħal ġobnijiet, żjut u xaħmijiet, ħobż u prodotti bl-għaġina, frott, ħaxix, ċereali, laħam frisk u prodotti tal-laħam, ħut u frott tal-baħar friski, inbejjed, spirti u birer.

Dan il-Ftehim huwa pass meħud miż-żewġ sħab kif previst fil-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1999. Dan sar possibbli grazzi għall-adeżjoni tal-Ġeorġja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fl-2000. Ġie deskritt bħala ftehim bilaterali għall-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li hu l-ewwel tat-tip tiegħu ma’ sieħeb mill-Viċinat Ewropew.

Fil-fatt, il-Ġeorġja, bħala Membru tad-WTO, ilha parti mill-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS) sa mill-adeżjoni tagħha. Għalhekk tirrikonoxxi n-nozzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi bħala ismijiet ta’ postijiet użati biex jidentifkaw l-oriġini u l-kwalità, ir-reputazzjoni u karatteristiċi oħra ta' prodotti. Għalhekk, l-UE u l-Ġeorġja kellhom il-possibilità li jibnu fuq dan il-fehim komuni biex jistabbilixxu ftehim li jkattar il-kummerċ fi prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li joriġinaw mit-territorji kemm tal-Ġeorġja kif ukoll tal-UE, waqt li jirrispettaw il-karatteristiċi ta’ kwalità u oriġini ta’ prodotti li jiġu miż-żewġ imsieħba.

Il-Ftehim huwa komprensiv u kompatibbli mal-impenji meħuda taħt il-ftehim TRIPS. Il-partijiet jaqblu fuq il-kriterji u l-proċeduri li jikkundizzjonaw ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fit-territorju tagħhom, peress li indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda jistgħu jiżdiedu, jekk l-ebda waħda miż-żewġ partijiet ma joġġezzjonaw, u jinħoloq Kumitat Konġunt li jikkonsisti minn rappreżentanti taż-żewġ partijiet għall-kontroll tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u għat-titjib tat-termini tal-kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.

Il-Ftehim jippreżenta vantaġġi speċfiċi għaż-żewġ sħab:

· Min-naħa tal-UE, dan il-ftehim bilaterali għandu jiżgura li madwar 820 ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti alimentari, 1 930 ta’ indikazzjonijiet ta' inbejjed u 320 ta’ indikazzjonijiet ta’ spirti (minn 23 Stat Membru) reġistrati mill-UE se jiġu protetti fil-Ġeorġja. Proċedura rassiguranti ħafna għall-produzzjoni agrikola tal-UE, għaliex se tiggarantixxi r-rispett tal-karatteristiċi u tal-kwalità tagħha.

Dan il-Ftehim jista’ jitqies ukoll bħala pass pożittiv għar-relazzjonijiet kummerċjali aktar mifruxa bejn l-UE u l-Ġeorġja. F’Lulju 2010 l-Unjoni Ewropea fil-fatt fetħet negozjati mal-Ġeorġja biex telabora Ftehim ta' Assoċjazzjoni bilaterali li għandu jkollu komponent kummerċjali, i.e. Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA). Qabel tidħol fin-negozjati tad-DCFTA, il-Kummissjoni Ewropea tistenna li jiġu sodisfatti sett ta’ rakkomandazzjonijiet ewlenin mill-Ġeorġja (bħala parti mis-Sħubija tal-Lvant u mħaddna mill-Kunsill) biex ikun żgurat li dan l-Imsieħeb tal-Lvant ikollu kapaċità legali u istituzzjonali biex jimplimenta DCFTA. Dan il-Ftehim dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi għalhekk jistabbilixxi l-kapaċità tal-Ġeorġja li tinnegozja u tikkonkludi ftehim sostanzjali mal-UE dwar kwistjonijiet fundamentali marbuta mal-kummerċ, li jinkludi impenji tekniċi.

· Min-naħa tal-Ġeorġja, dan il-pajjiż ma kellu ebda indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati għall-prodotti alimentari waqt in-negozjati. L-unika indikazzjonijiet ġeografiċi kienu tal-inbid. Għalhekk l-Annessi tal-Ftehim, li fihom hemm il-lista tal-prodotti tal-ikel, tal-inbejjed u tal-ispirti tal-UE u l-Ġeorġja, li l-indikazzjonijiet ġeografiċi tagħhom għandhom jiġu mħarsa rispettivament fil-Ġeorġja u fl-UE, jindikaw biss 18-il indikazzjoni ġeografika għall-Ġeorġja, li huma kollha fis-settur tal-inbid.

Is-settur tal-inbid huwa partikolarment importanti peress li din l-attività tgħaqqad flimkien wieħed mill-eqdem oqsma ta’ għarfien espert fil-Ġeorġja. Destinati normalment għas-suq Russu, dawn l-inbejjed issa qed jiġu manifatturati minn xi gruppi tal-UE li investew fl-industrija tal-inbid u tal-ispirti tal-Ġeorġja. Ir-rikonoxximent tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Ġeorġja fis-settur tal-inbid bla dubju se jolqot pożittivament l-ekonomija ta’ dan is-settur.

Barra minn hekk, meta jitqies li l-agrikoltura tal-Ġeorġja hija settur tipikament ta' sussistenza, li minnu jiddependi l-għajxien ta’ nofs il-popolazzjoni tal-Ġeorġja, kull pass biex jissaħħu l-prospetti ta’ esportazzjoni tal-prodotti agrikoli huwa ta’ min jieħu pjaċir bih, jekk ma jqegħedx piż żejjed fuq il-produtturi lokali bi spejjeż addizzjonali mhux meħtieġa. Id-destinazzjonijiet prinċipali tal-esportazzjonijiet ta' prodotti agrikoli mill-Ġeorġja jibqgħu s-swieq tal-Komunità ta' Stati Indipendenti (CIS), b’mod partikolari r-Russja. Iżda, matul dawn l-aħħar 10 snin, ammont dejjem ikbar ta' inbid, ġellewż u ilma minerali ġie esportat lejn l-UE. Konsegwentement l-importanza tal-UE bħala suq ta' esportazzjoni ta' prodotti agrikoli tal-Ġeorġja ġiet kwadriplikata, minn 10% fl-1997 għal 40% fl-2007, u dan il-ftehim għandu jsaħħaħ din it-tendenza.

Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rapporteur jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal dan il-ftehim.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.12.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Paul Murphy, Franck Proust, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Silvana Koch-Mehrin, Elisabeth Köstinger, Marietje Schaake