RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-sikurezza tal-persuni mixjin fit-triq u fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED)
4.1.2012 - (13895/2011 – C7‑0302/2011 – 2011/0188(NLE)) - ***
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Vital Moreira
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-sikurezza tal-persuni mixjin fit-triq u fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED)
(13895/2011 – C7‑0302/2011 – 2011/0188(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (13895/2011),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta' Novembru 1997 bil-ħsieb tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li tikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu ikunu ffittjati ma' u/jew ikunu użati ma' vetturi bir-roti u l-kondizzjonijet għal rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijet (Ftehim Rivedut tal-1958)[1] (C7-0302/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0004/2012),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni ta' Regolamenti tal-Vetturi (WP.29) tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE) joffri qafas uniku għal regolamenti armonizzati globalment dwar vetturi, u l-parteċipanti jiġu mid-dinja kollha, speċjalment mill-pajjiżi ewlenin li jipproduċu l-vetturi bil-magni. Il-benefiċċji ta' tali regolamenti armonizzati huma tanġibbli għas-sikurezza fit-toroq, il-protezzjoni ambjentali u l-kummerċ.
Id-WP.29 huwa grupp ta' ħidma permanenti fil-qafas istituzzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti b'mandat speċifiku u regoli ta' proċedura. Huwa jaħdem bħala forum globali li jippermetti li jinfetħu d-diskussjonijiet dwar regolamenti għal vetturi bil-magni. Kwalunkwe pajjiż membru tan-Nazzjonijiet Uniti u kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali tal-integrazzjoni ekonomika, imwaqqfa minn pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Uniti, jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fl-attivitajiet tal-Forum Dinji u jistgħu jsiru Parti Kontraenti għall-Ftehimiet dwar vetturi amministrati mill-Forum Dinji.
Il-Forum Dinji jiltaqa' uffiċjalment tliet darbiet fis-sena u jafda lill-gruppi informali bil-problemi speċifiċi li għandhom bżonn jissolvew urġentement jew li jeħtieġu ħila esperta speċjali. Aktar minn 120 rappreżentant jipparteċipaw fis-sessjonijiet tal-Forum Dinji.
Attwalment sar qbil dwar 126 Regolament fil-qafas tal-UNECE. L-Unjoni Ewropea attwalment aderixxiet ma' 106 Regolament tal-UNECE li minnhom iddeċidiet li tapplika b'mod obbligatorju 62 fl-UE.[1] Il-Kummissjoni Ewropea tibgħat kull sena Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Attivitajiet tal-Forum Dinji ta' Regolamenti dwar il-Vetturi lill-Kunsill u l-Parlament. [2]
Id-Direttiva 2007/46/KE tipprovdi l-possibilità tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-UNECE għall-iskop tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE tal-vetturi fuq bażi obbligatorja.[3]
Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 jħassar diversi Direttivi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom. Ir-rekwiżiti stabbiliti f'dawk id-Direttivi għandhom jinbidlu, fejn ikun xieraq, b'referenzi għar-Regolamenti korrispondenti tal-UNECE.
Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 l-approvazzjoni tat-tip skont ir-Regolamenti tal-UNECE li saru obbligatorji għandha titqies bħala approvazzjoni tat-tip tal-KE skont dak ir-Regolament u l-miżuri implimentattivi tiegħu.
L-approvazzjonijiet tat-tip maħruġin skont ir-Regolamenti tal-UNECE se jkunu kkunsidrati bħala approvazzjonijiet tat-tip tal-KE biex b'hekk tkun evitata d-duplikazzjoni mhux biss fir-rekwiżiti tekniċi iżda wkoll fil-proċeduri taċ-ċertifikazzjoni u l-amministrazzjoni għall-benefiċċju kemm tal-industrija kif ukoll tal-awtoritajiet nazzjonali.
Dawn ir-rekwiżiti tekniċi mhux biss japplikaw f'ħafna pajjiżi li jinsabu b'mod partikolari fl-UE, imma fl-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant mhux fl-UE, l-Ewropa tax-Xlokk, l-Istati Indipendenti tal-Commonwealth, il-Ġappun u l-Amerika ta' Fuq li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim 1958 tal-UNECE. Barra minn hekk, l-approvazzjoni tat-tip li hija direttament ibbażata fuq standards miftiehma b'mod internazzjonali u qed tiġi applikata f'tant pajjiżi se tiġi segwita f'pajjiżi terzi oħrajn u b'hekk jitjieb aħjar l-aċċess għas-suq u tiżdied il-kompetittività tal-industrija tal-UE.
Fil-livell tal-UNECE ġew ippreparati u huma lesti biex jittieħed vot dwarhom żewġ abbozzi ta' regolamenti ġodda. L-ewwel wieħed jikkonċerna s-sikurezza tal-persuni mixjin fit-triq u t-tieni wieħed jikkonċerna s-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED).
Fil-livell tal-UNECE, il-Kummissjoni tinnegozja u tivvota f'isem l-UE. Votazzjoni mill-Kummissjoni hija preċeduta minn adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kunsill (wara kunsens mill-Parlament) li tippermetti lill-Kummissjoni biex tivvota f'isem l-UE.
Ir-rapporteur tagħkom jipproponi lill-Parlament biex jagħti kunsens għall-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-Sikurezza tal-Persuni Mixjin fit-Triq u l-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED) flimkien mal-corrigenda relattiva, għax dawn ir-Regolamenti tal-UNECE jippermettu li jiġu applikati l-istess standards f'ħafna pajjiżi, ineħħu l-burokrazija u jippermettu lill-industrija Ewropea biex tikkompeti b'mod aktar wiesa' u faċli.
- [1] Ir-Regolamenti kollha tal-UNECE jistgħu jinsabu fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa http://www.unece.org/trans/main/wp29/wp29regs.html
- [2] Fis-27 ta' Mejju 2011 il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ir-rapport 2010 lill-Kunsill u l-Parlament (SEC (2011) 689)
- [3] Lista tar-Regolamenti UNECE li japplikaw fuq bażi obbligatorja tista' tinsab fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46/KE
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
20.12.2011 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Paul Murphy, Franck Proust, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Silvana Koch-Mehrin, Elisabeth Köstinger, Marietje Schaake |
||||