RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mar-Regolament Nru 29 tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-kabina ta’ vettura kummerċjali
4.1.2012 - (13894/2011 – C7‑0303/2011 – 2011/0191(NLE)) - ***
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Vital Moreira
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mar-Regolament Nru 29 tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-kabina ta’ vettura kummerċjali
(13894/2011 – C7‑0303/2011 – 2011/0191(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (13894/2011),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 1997 bil-ħsieb tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jkunu iffittjati ma' u/jew ikunu wżati ma' vetturi bir-roti u l-kondizzjonijet reċiproċi tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (Ftehim Rivedut tal-1958)[1] (C7-0303/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0005/2012),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 346, 17.12.1997, p.78.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi (WP.29) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) joffri qafas uniku għar-regolamenti armonizzati globalment dwar il-vetturi, u l-parteċipanti mid-dinja kollha, speċjalment mill-pajjiżi ewlenin li jimmanifatturaw il-vetturi bil-mutur. Il-benefiċċji ta' tali regolamenti armonizzati huma tanġibbli għas-sikurezza fit-toroq, għall-protezzjoni ambjentali u għall-kummerċ.
Il-WP.29 huwa grupp ta' ħidma permanenti fil-qafas istituzzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti b'mandat speċifiku u b'regoli ta' proċedura. Dan jaħdem bħala forum dinji li jagħmel possibbli d-diskussjonijiet miftuħa dwar ir-regolamenti dwar il-vetturi bil-mutur. Kwalunkwe pajjiż membru tan-Nazzjonijiet Uniti u kwalunkwe organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika, stabbilita minn pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Uniti, jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fl-attivitajiet tal-Forum Dinji u jistgħu jsiru partijiet kontraenti tal-ftehimiet dwar il-vetturi amministrati mill-Forum Dinji.
Il-Forum Dinji jiltaqa' uffiċjalment tliet darbiet fis-sena u jħalli f'idejn gruppi informali l-problemi speċifiċi li għandhom jiġu solvuti b'mod urġenti jew li jirrikjedu għarfien espert speċjali. Iktar minn 120 rappreżentant jipparteċipa fis-sessjonijiet fil-Forum Dinji.
Bħalissa hemm 126 regolament li ġew miftiehma fi ħdan il-qafas tal-UNECE. L-Unjoni Ewropea s'issa aderixxiet ma' 106 Regolament tal-UNECE, li 62 minnhom iddeċidiet li tapplikahom b'mod obbligatorju fl-UE[1]. Il-Kummissjoni Ewropea kull sena tibgħat dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Forum Dinji fir-rigward tar-Regolamenti dwar il-vetturi lill-Kunsill u lill-Parlament. [2]
Id-Direttiva 2007/46/KE tiddispodi għall-possibilità li jiġu applikati r-Regolamenti tal-UNECE għall-iskop tal-approvazzjoni tat-tip tal-vettura tal-KE fuq bażi obbligatorja[3].
Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 jirrevoka diversi Direttivi li jikkonċernaw l-approvazjzoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom. Ir-rekwiżiti stabbiliti f'dawk id-Direttivi għandhom jiġu sostitwiti, fejn hu xieraq, b'referenzi għar-Regolamenti korrispodenti tal-UNECE.
Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 l-approvazzjoni tat-tip, skont ir-Regolamenti tal-UNECE li saru obbligatorji, għandha titqies bħala approvazzjoni tat-tip tal-KE bi qbil ma' dak ir-Regolament u l-miżuri implimentattivi tiegħu.
L-approvazzjonijiet tat-tip maħruġin skont ir-Regolamenti tal-UNECE se jitqiesu bħala approvazzjonijiet tat-tip tal-KE, biex b'hekk tkun evitata d-duplikazzjoni mhux biss fir-rekwiżiti tekniċi iżda wkoll fil-proċeduri ta' ċertifikazzjoni u dawk amministrattivi, għall-benefiċċju kemm tal-industrija kif ukoll tal-awtoritajiet nazzjonali.
Dawk ir-rekwiżiti tekniċi mhux se japplikaw f'ħafna pajjiżi li jinsabu partikolarment fl-UE, fl-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant li mhumiex fl-UE, fl-Ewropa tax-Xlokk, fil-Komunità ta' Stati Indipendenti, fil-Ġappun u fl-Amerika ta' Fuq li huma partijiet kontraenti tal-Ftehim tal-UNECE tal-1958. Barra minn hekk, l-approvazzjoni tat-tip li hija bbażata direttament fuq standards miftiehma internazzjonalment u li tiġi applikata f'tant pajjiżi se tiġi segwita f'pajjiżi terzi oħra u b'hekk se ttejjeb iktar l-aċċess għas-suq u se tippromwovi l-kompetittività tal-industrija tal-UE.
L-Artikolu 1.5 tal-Ftehim Rivedut tal-1958 jgħid li meta tiddepożita l-istrument tal-adeżjoni tagħha kwalunkwe parti kontraenti tista' tiddikjara li hi mhix marbuta b'ċerti Regolamenti tal-UNECE.
S'issa l-UE għadha ma aderixxietx mar-Regolament tal-UNECE Nru 29 dwar id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-kabina ta’ vettura kummerċjali. Wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 661/2009, li jippreskrivi li l-UE għandha tqis ir-Regolament Nru 29 tal-UNECE, hu meqjus li r-Regolament Nru 29 tal-UNECE issa għandu jsir parti mis-sistema ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi bil-mutur.
L-Artikolu 1.7 tal-Ftehim Rivedut tal-1958 jiddikjara li kwalunkwe parti kontraenti li ma tapplikax ir-Regolament tal-UNECE tista', fi kwalunkwe mument, tinnotifika lis-Segretarju Ġenerali li għandha l-intenzjoni li tapplikah minn dakinhar 'il quddiem, u r-Regolament tal-UNECE mbagħad jidħol fis-seħħ għal dik il-parti fis-60 jum wara din in-notifika.
Ir-rapporteur jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mar-Regolament Nru 29 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-kabina ta’ vettura kummerċjali, għaliex dan ir-Regolament tal-UNECE se jagħmilha possibbli li jiġu applikati l-istess standards f'ħafna pajjiżi, filwaqt li jneħħi l-burokrazija żejda u jagħmilha possibbli li l-industrija Ewropea tikkompeti b'mod usa' u eħfef.
- [1] Ir-Regolament kollha tal-UNECE jinsabu fil-websajt tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti f'dan il-link: http://www.unece.org/trans/main/wp29/wp29regs.html.
- [2] Fis-27 ta' Mejju 2011 il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ir-rapport għall-2010 lill-Kunsill u lill-Parlament (SEC(2011)689).
- [3] Il-lista tar-Regolamenti tal-UNECE li japplikaw fuq bażi obbligatorja jinsabu fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46/KE.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
20.12.2011 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Paul Murphy, Franck Proust, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Silvana Koch-Mehrin, Elisabeth Köstinger, Marietje Schaake |
||||