Proċedura : 2011/2176(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0009/2012

Testi mressqa :

A7-0009/2012

Dibattiti :

PV 11/12/2012 - 4
CRE 11/12/2012 - 4

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2012 - 8.11
CRE 11/12/2012 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0476

RAPPORT     
PDF 194kWORD 141k
10.1.2012
PE 472.331v02-00 A7-0009/2012

dwar sistema ġuriżdizzjonali għat-tilwim rigward il-privattivi

(2011/2176(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Klaus-Heiner Lehne

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar sistema ġuriżdizzjonali għat-tilwim rigward il-privattivi

(2011/2176(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/167/UE tal-10 ta’ Marzu 2011 li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja(1),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (COM(2011)215),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni (COM(2011)0216),

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni 1/09 tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Marzu 2011(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0009/2012),

A. billi sistema effiċjenti tal-privattivi fl-Ewropa hija prerekwiżit neċessarju biex jiġi stimulat it-tkabbir permezz tal-innovazzjoni u biex jiġu megħjuna l-intrapriżi Ewropej, b'mod partikolari l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), biex jiffaċċjaw il-kriżi ekonomika u l-kompetizzjoni dinjija;

B.  billi skont id-Deċizjoni tal-Kunsill Nru 2011/167/UE li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit ġew awtorizzati sabiex jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, billi japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattati;

C. billi fit-13 ta’ April 2011, abbażi tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, u proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni;

D. billi fit-8 ta’ Marzu 2011 il-Qorti tal-Ġustizzja tat l-opinjoni tagħha dwar il-proposta ta’ Qorti Ewropea u Komunitarja dwar il-Privattivi li fiha rrimarkat dwar l-inkompatibilità tagħha mal-liġi tal-Unjoni;

E.  billi l-protezzjoni effettiva tal-privattivi unitarji tista’ tiġi żgurata biss jekk ikun hemm sistema għal-litigazzjoni dwar il-privattivi li tiffunzjona;

F.  billi, wara l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri parteċipanti fil-kooperazzjoni msaħħa impenjaw ruħhom li joħolqu Qorti Unifikata ghal-Litigazzjoni dwar il-Privattivi permezz ta’ ftehim internazzjonali;

G. billi, f’dan il-kuntest, hemm differenza sustanzjali bejn il-ftehimiet internazzjonali ordinarji u t-trattati tat-twaqqif tal-Unjoni Ewropea, billi dawn tal-aħħar stabbilixxew ordni ġuridiku ġdid, b’istituzzjonijiet proprji, li għall-benefiċċju tiegħu l-Istati llimitaw id-drittijiet sovrani tagħhom f’oqsma dejjem usa’, li huma suġġetti għalihom mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom, bil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-qrati ordinarji u t-tribunali tal-Istati Membri jaġixxu bħala l-gwardjani ta’ dak l-ordni ġuridiku;

H. billi l-Qorti Unifikata dwar il-Privattivi trid tirrispetta u tapplika bis-sħiħ il-liġi tal-Unjoni, f’kooperazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif fil-każ ta' kwalunkwe qorti nazzjonali;

I.   billi t-Tribunal Unifikat dwar il-Privattivi għandu jibbaża fuq il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja billi jitlob deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE;

J.   billi r-rispett għall-prevalenza u għall-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni għandhom jiġu żgurati skont l-Artikoli 258, 259 u 260 TFUE;

K. billi t-Tribunal Unifikat dwar il-Privattivi għandu jkun parti mis-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri Kontraenti, b’kompetenza esklussiva għall-privattivi Ewropej b’effett unitarju u għall-privattivi Ewropej li jaħtru Stat Membru Kontraenti wieħed jew aktar;

L.  billi sistema ġudizzjarja effiċjenti jeħtieġ li jkollha Qorti tal-Prim'Istanza deċentralizzata;

M. billi l-effiċjenza tas-sistema ta’ litigazzjoni tiddependi fuq il-kwalità u l-esperjenza tal-imħallfin;

N. billi għandu jkun hemm sett wieħed ta’ regoli proċedurali applikabbli għall-proċedimenti quddiem kull diviżjoni jew istanza tal-qorti;

O. billi l-Qorti Unifikata dwar il-Privattivi għandha tistinka biex tesprimi deċiżjonijiet ta’ kwalità għolja mingħajr dewmien proċedurali bla ħtieġa, u għandha tgħin, b’mod partikulari, lill-SMEs jiddefendu d-drittijiet tagħhom jew jiddefendu lilhom infushom minn klejms mhux sostanzjati jew privattivi li jistħoqqilhom li jkunu revokati;

1.  Jappella għat-twaqqif ta’ Sistema Unifikata għal-Litigazzjoni dwar il-privattivi, peress li suq frammentat għall-privattivi u d-differenzi fl-infurzar tal-liġi jfixklu l-innovazzjoni u l-progress fis-suq intern, jikkomplikaw l-użu tas-sistema tal-privattivi, iqumu ħafna flus u jimpedixxu l-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-privattivi, partikolarment dawk tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonkludu n-negozjati u jirratifikaw il-ftehim internazzjonali (‘il-Ftehim’) bejn dawn l-Istati Membri (‘Stati Membri Kontraenti’) biex tinħoloq Qorti Unifikata tal-Privattivi (‘il-Qorti’) mingħajr dewmien żejjed, u jħeġġeġ lil Spanja u l-Italja jikkunsidraw li jsiru parti mill-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa;

3.  Jinsisti li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala gwardjana tal-liġi tal-Unjoni, trid tiżgura l-uniformità tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni u l-prevalenza tal-liġi Ewropea f’dan il-kuntest;

4.  Iqis li l-Istati Membri li għadhom ma ddeċidewx jekk jipparteċipawx fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja jistgħu jipparteċipaw fis-Sistema Unifikata għal-Litigazzjoni dwar il-Privattivi fir-rigward tal-privattivi Ewropej validi fit-territorji tagħhom;

5.  Jenfasizza li l-prijorità tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi għandha tkun li ssaħħaħ iċ-ċertezza legali u li ttejjeb l-infurzar tal-privattivi filwaqt li tikseb bilanċ ġust bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u l-partijiet ikkonċernati;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa għal sistema ta’ litigazzjoni kost-effiċjenti li tkun iffinanzata b’tali mod li jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja għad-detenturi kollha tal-privattivi, partikolarment għall-SMEs, l-individwi u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ;

Approċċ ġenerali

7.  Jagħraf li l-istabbiliment ta’ sistema ta’ litigazzjoni dwar il-privattivi koerenti fl-Istati Membri li jieħdu sehem fil-kooperazzjoni msaħħa għandu jsir permezz tal-Ftehim;

8.  Għaldaqstant jisħaq li:

(i)  l-Istati Membri Kontraenti jistgħu jkunu biss Stati Membri tal-Unjoni Ewropea;

(ii) il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta tal-anqas tlettax-il Stati Membru Kontraenti, inklużi t-tliet Stati Membri fejn l-ogħla għadd ta’ privattivi Ewropej kienu fis-seħħ fis-sena ta’ qabel is-sena li fiha l-Konferenza Diplomatika għall-iffirmar tal-Ftehim isseħħ, ikunu rratifikaw il-Ftehim;

(iii) il-Qorti għandha tkun Qorti komuni għall-Istati Membri Kontraenti u suġġetta għall-istess obbligi bħal kwalunkwe qorti nazzjonali fir-rigward tal-konformità mal-liġi tal-Unjoni; għaldaqstant, pereżempju, il-Qorti għandha tikkoopera mal-Qorti tal-Ġustizzja billi tapplika l-Artikolu 267 TFUE;

(iv) il-Qorti għandha taġixxi skont il-ġabra tal-każijiet tal-Unjoni u tirrispetta l-prevalenza tagħha; f'każ li l-Qorti tal-Appell tikser il-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri Kontraenti għandhom ikunu responsabbli konġuntament għad-danni mġarrba mill-partijiet għall-proċedura rispettiva; il-proċeduri ta' ksur skont l-Artikoli 258, 259 u 260 TFUE kontra l-Istati Membri Kontraenti kollha għandhom japplikaw;

9.  Jilqa' l-istabbiliment ta' ċentru ta' medjazzjoni u arbitraġġ fi ħdan il-qafas tal-ftehim;

L-Istruttura tas-Sistema għal-Litigazzjoni dwar il-Privattivi

10. Iqis li jeħtieġ li sistema ġudizzjarja effiċjenti għal-litigazzjoni tkun deċentralizzata u huwa tal-opinjoni li:

(i)  is-sistema għal-litigazzjoni tal-Qorti għandha tikkonsisti fl-ewwel istanza ('Qorti ta' Prim'Istanza') u istanza għall-appell ('Qorti tal-Appell'); sabiex jiġu evitati l-ineffiċjenzi u proċedimenti twal, m'għandhomx jiżdiedu istanzi ulterjuri;

(ii) qorti ta' prim'istanza deċentralizzata għandha tikkonsisti, apparti minn diviżjoni ċentrali, minn diviżjonijiet lokali u reġjonali wkoll;

(iii) diviżjonijiet lokali addizzjonali tal-ewwel istanza għandhom jitwaqqfu fi Stat Membru Kontraenti, fuq talba tiegħu, meta f'dak l-Istat Membru Kontraenti jkunu nbdew aktar minn 100 kawża għal kull sena kalendarja matul it-tliet snin suċċessivi ta' qabel jew ta' wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim; jipproponi wkoll li l-għadd ta' diviżjonijiet fi Stat Membru Kontraenti wieħed m'għandux ikun ta' aktar minn erbgħa;

(iv) għandha titwaqqaf diviżjoni reġjonali għal żewġ Stati Membri Kontraenti jew aktar, fuq talba tagħhom;

Il-Kompożizzjoni tal-Qorti u l-kwalifiki tal-Imħallfin

11. Jenfasizza li l-effiċjenza tas-sistema għal-litigazzjoni tiddependi l-aktar fuq il-kwalità u l-esperjenza tal-imħallfin;

12. F'dan ir-rigward:

(i)  jirrikonoxxi li l-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Appell u tal-Qorti ta' Prim'Istanza għandha tkun multinazzjonali; jenfasizza li l-kompożizzjoni tagħhom għandha tqis l-istrutturi eżistenti tal-qrati, filwaqt li wieħed ikun jaf, madankollu, li l-objettiv suprem huwa li tiġi stabbilita qorti ġdida verament uniformi; jipproponi, għaldaqstant, li l-kompożizzjoni tad-diviżjonijiet lokali għandha ssir, malajr kemm jista' jkun, multinazzjonali, li jistgħu jiġu ammessi derogi motivati għal dan il-għan fundamentali wara li l-kumitat amministrattiv jaċċetta perjodu massimu tranżitorju ta' ħames snin, filwaqt li jrid jiġi żgurat li l-istandard tal-kwalità u tal-effiċjenza tal-istrutturi eżistenti ma jonqsux; iqis li perjodu ta' ħames snin għandu jintuża għal taħriġ u għat-tħejjija intensivi tal-imħallfin;

(ii) jemmen li l-Qorti għandha tkun magħmula minn imħallfin li jkunu kwalifikati mil-lat legali u imħallfin kwalifikati mil-lat tekniku; l-imħallfin għandhom jiżguraw l-ogħla standards ta' kompetenza u kapaċità ppruvata fil-qasam tal-litigazzjoni dwar il-privattivi u tal-liġi tal-antitrust. din il-kwalifika għandha tkun murija fost l-oħrajn b'esperjenza ta' xogħol u taħriġ professjonali rilevanti; l-imħallfin ikkwalifikati mil-lat legali għandu jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għall-karigi ġudizzjarji fi Stat Membru Kontraenti; l-imħallfin ikkwalifikati mil-lat tekniku għandu jkollhom lawrja universitarja u tagħrif speċjalizzat f'qasam tat-teknoloġija kif ukoll għarfien tal-liġi ċivili u tal-liġi proċedurali ċivili;

(iii) jipproponi li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-kompożizzjoni tal-Qorti, ladarba jkunu fis-seħħ, m'għandhomx ikunu emendati sakemm l-objettivi tas-sistema ta' litigazzjoni, jiġifieri l-ogħla kwalità u effiċjenza, ma jkunux sodisfati minħabba dawn id-dispożizzjonijiet; jipproponi li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-għamla tal-Qorti għandhom jittieħdu b'unanimità mill-entità kompetenti;

(iv) hu tal-opinjoni li l-Ftehim għandu jkun fih salvagwardji li jiżguraw li l-imħallfin ikunu eliġibbli biss jekk ma jkunx hemm dubju dwar in-newtralità tagħhom, partikolarment jekk ikunu ħadmu bħala Membri tal-bordijiet tal-appell ta’ uffiċċju nazzjonali tal-privattivi jew l-EPO;

Proċedura

13. Iqis, fir-rigward tal-kwistjonijiet proċedurali, li:

(i)  irid ikun hemm sett ta' regoli proċedurali li jkunu applikabbli għall-proċedimenti quddiem id-diviżjonijiet u l-istanzi kollha tal-Qorti;

(ii) il-proċedimenti quddiem il-Qorti, li jikkonsistu fi proċedura bil-miktub, interim u orali, għandhom idaħħlu l-elementi ta' flessibilità meqjusa xierqa, billi jitqiesu l-objettivi tal-ħeffa u tal-effiċjenza tal-proċedimenti;

(iii)il-lingwa użata fil-proċedimenti quddiem kull diviżjoni lokali jew reġjonali għandha tkun il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru Kontraenti li jkun qed jospita d-diviżjoni jew il-lingwa uffiċjali maħtura mill-Istati Membri Kontraenti li jkunu jaqsmu diviżjoni reġjonali; il-partijiet għandhom ikunu ħielsa li jagħżlu lingwa li fiha tkun ingħatat il-privattiva bħala l-lingwa tal-proċedimenti, soġġetta għall-approvazzjoni mid-diviżjoni kompetenti; Il-lingwa tal-proċedimenti quddiem id-diviżjoni ċentrali għandha tkun il-lingwa li biha ngħatat il-privattiva kkonċernata; il-lingwa tal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Appell għandha tkun il-lingwa tal-proċedimenti quddiem il-Qorti ta' Prim'Istanza;

(iv) il-Qorti għandu jkollha s-setgħa li toħroġ inġunzjonijiet preliminari biex ma tħallix li jitwettaq ksur imminenti u timpedixxi li jitkompla l-ksur allegat; din is-setgħa m'għandhiex, madankollu, twassal għall-għażla inġusta tal-ġuriżdizzjoni l-aktar favorevoli (forum shopping); kif ukoll

(v) il-partijiet għandhom ikunu rappreżentati biss minn avukati awtorizzati li jipprattikaw quddiem qorti ta' wieħed mill-Istati Membri Kontraenti; ir-rappreżentanti tal-partijiet jistgħu jkunu megħjuna minn avukati dwar il-privattivi li għandhom jitħallew jitkellmu f'seduti ta' smigħ quddiem il-Qorti;

Il-Ġuriżdizzjoni u l-effett tad-deċiżjonijiet tal-Qorti

14. Jissottolinja li:

(i) il-Qorti għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni esklussiva fir-rigard tal-privattivi Ewropej b'effett unitarju u fuq il-privattivi Ewropej li jaħtru Stat Membru Kontraenti jew aktar; jinħtieġ, għal dan il-għan, li r-Regolament (KE) Nru 44/2001 jiġi emendat(3),

(ii) ir-rikorrent għandu jippreżenta l-każ quddiem id-diviżjoni lokali fit-territorju ta' Stat Membru Kontraenti fejn ikun sar il-ksur jew fejn jista' jsir, jew fejn il-konvenut ikun domiċiljat jew ikollu stabbiliment, jew quddiem id-diviżjoni reġjonali li fiha jipparteċipa dan l-Istat Membru Kontraenti; jekk l-Istat Membru Kontraenti kkonċernat ma jospitax diviżjoni lokali u ma jipparteċipax f'diviżjoni reġjonali, l-attur għandu jressaq il-każ quddiem id-diviżjoni ċentrali; il-partijiet għandhom ikunu ħielsa li jaqblu quddiem liema diviżjoni tal-Qorti ta' Prim'Istanza (lokali, reġjonali jew ċentrali) għandu jitressaq każ;

(iii) fil-każ ta' kontrotalba għal revoka, id-diviżjoni lokali jew reġjonali għandu jkollha d-diskrezjoni li tipproċedi bil-proċedura ta' ksur irrispettivament jekk id-diviżjoni tipproċedix hija wkoll bil-kontrotalba jew jekk tirreferix il-kontrotalba lid-diviżjoni ċentrali;

(iv) ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti, ladarba jkunu fis-seħħ, m'għandhomx ikunu emendati sakemm l-objettivi tas-sistema ta' litigazzjoni, jiġifieri l-ogħla kwalità u effiċjenza, ma jkunux sodisfati minħabba dawn id-dispożizzjonijiet; jipproponi li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti għandhom jittieħdu b'unanimità mill-entità kompetenti;

(v) id-deċiżjonijiet tad-diviżjonijiet kollha tal-Qorti ta' Prim'Istanza kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Appell għandhom ikunu esegwibbli fi kwalunkwe Stat Membru Kontraenti mingħajr il-ħtieġa ta' dikjarazzjoni ta' esegwibilità;

(vi) ir-rabta bejn il-Ftehim u r-Regolament (KE) Nru 44/2001(4) għandha tkun iċċarata fil-Ftehim;

Liġi Sostantiva

15. Huwa tal-opinjoni li l-Qorti għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq il-Liġi tal-Unjoni, fuq il-Ftehim, fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (KEP) u fuq il-liġi nazzjonali adottata skont il-KEP, fuq id-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet internazzjonali applikabbli għall-privattivi u li jorbtu lill-Istati Membri Kontraenti kollha, kif ukoll fuq il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri Kontraenti fid-dawl tal-liġi tal-Unjoni applikabbli;

16. Jenfasizza li Privattiva Ewropea b'effett unitarju għandha tikkonferixxi fuq il-proprjetarju tagħha d-dritt li jipprevjeni l-użu dirett jew indirett tal-invenzjoni minn kwalunkwe parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tal-proprjetarju fit-territorji tal-Istati Membri Kontraenti, li l-proprjetarju għandu jkun intitolat għal kumpens għad-danni f'każ ta' użu illegali tal-invenzjoni, u li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jirċievi l-profitt mitluf minħabba l-ksur u telf ieħor, ħlas adegwat għad-drittijiet tal-liċenzja jew il-profitt li jirriżulta mill-użu illegali tal-invenzjoni;

o

o        o

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠJ L 76, 22.3.2011, p.53.

(2)

ĠJ L 211, 16.7.2011, p.2.

(3)

ĠU L 307, 24.11.2001, p.28.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (Brussell I).


NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li sistema effiċjenti tal-privattivi fl-Ewropa tista' tkun ta' kontribut qawwi biex jinkiseb tkabbir permezz tal-innovazzjoni. In-negozji Ewropej, speċjalment l-SMEs, jeħtieġu dawn l-istrumenti biex jiffaċċjaw il-kriżi ekonomika attwali u biex jibqgħu kompetittivi fuq livell dinji.

Is-sistema eżistenti tal-privattivi fl-Ewropa tipprevedi l-għoti ta' privattivi nazzjonali mill-uffiċċji tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri jew privattiva Ewropea maħruġa mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO). Meta tingħata privattiva, il-privattiva Ewropea taqsamha f'pakkett ta' privattivi nazzjonali, koperti minn leġiżlazzjoni nazzjonali. Is-sistema tiswa ħafna flus u hija suġġetta għal litigazzjonijiet f'ħafna forom li jqumu l-flus u huma riskjużi, u li spiss jirriżultaw f'sentenzi kontradittorji.

Il-proposti li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-privattiva unitarja u r-reġim tal-lingwa, attwalment taħt l-iskrutinju leġiżlattiv tal-Parlament u tal-Kunsill, għandhom il-ħsieb li jwarrbu s-sistema frammentata eżistenti tal-privattivi. Ir-rapporteur huwa konvint li l-ħolqien maħsub ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja ma tistax tiġi ddisassoċjata mit-twaqqif ta' qorti unifikata għall-privattivi. Jidher li huwa xieraq li l-Parlament, bħala koleġiżlatur fuq iż-żewġ proposti leġiżlattivi, għandu jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar il-ftehim maħsub.

Ir-rapporteur jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-isforzi mwettqa mill-Kunsill biex joħloq sistema unifikata għal-litigazzjoni dwar privattivi bejn l-Istati Membri parteċipanti.

Il-ħolqien tal-Qorti bi ftehim internazzjonali huwa - partikolarment fid-dawl tal-Opinjoni 1/09 tal-Qorti tal-Ġustizzja - mod vijabbli u promettenti biex titwaqqaf sistema koerenti għal-litigazzjoni dwar privattivi. Ir-rispett għall-prevalenza u l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Unjoni mill-Qorti għandha tkun żgurata billi tiġi prevista l-possibilità li jkun hemm deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, proċeduri ta' ksur skont l-Artikoli 258, 259 u 260 tat-Trattat TFUE u billi jiġi ċċarat li l-Istati Membri Kontraenti għandhom jinżammu responsabbli għal danni kkawżati b'riżultat ta' ksur tal-liġi tal-Unjoni mill-Qorti. Barra minn hekk, is-sistema proposta jkollha postha fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, peress li l-Istati Membri Kontraenti jistgħu jkunu biss Stati Membri tal-UE.

Bl-użu tal-istrutturi eżistenti tas-sistema ġudizzjarja tal-privattivi tal-Istati Membri Kontraenti, jistgħu jintlaħqu l-aqwa kwalità u l-akbar effiċjenza tal-proċedimenti. Il-Qorti Unifikata tal-Privattivi tgħin ukoll biex tnaqqas drastikament l-ispejjeż tal-litigazzjoni minħabba li l-partijiet ma jkollhomx bżonn jidħlu f'litigazzjonijiet paralleli f'pajjiżi differenti. Xi studji wrew li s-sistema proposta ta' litigazzjoni tippermetti li n-negozji Ewropej jiffrankaw ammonti sostanzjali.

L-objettivi primarji ta' kwalità u effiċjenza ġew meqjusa wkoll fil-mument li jiġu ddefiniti l-kompożizzjoni tal-qorti u l-kwalifiki meħtieġa tal-imħallfin.

Huwa xieraq li jinħolqu tribunali multinazzjonali, bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm standards ta' effiċjenza u ta' kwalità. Dan jista' jirrikjedi tranżizzjoni gradwali lejn kompożizzjoni multinazzjonali tad-diviżjonijiet lokali.

Il-kwalifiki tal-imħallfin huma essenzjali għat-tħaddim tas-sistema għal-litigazzjoni dwar privattivi. Apparti l-liġi dwar il-privattivi, l-imħallfin għandu jkollhom ukoll tal-anqas għarfien bażiku dwar il-liġi tal-antitrust. B'dan il-mod, l-imħallfin jkunu aktar sensittivi għall-possibilità li xi ħadd jista' jipprova juża b'mod abużiv il-privattivi bħala għodda biex jabbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fis-suq għad-dannu tal-kompetituri tiegħu. Billi t-tilwim dwar il-privattivi jinvolvi kwistjonijiet tekniċi kumplessi, it-tribunali għandu jkun fihom imħallfin teknikament ikkwalifikati.

Huwa tal-ogħla importanza li l-partijiet ikunu rrappreżentati minn avukati li jkollhom l-esperjenza meħtieġa kemm fil-liġi dwar il-privattivi kif ukoll fil-liġi proċedurali. L-avukati dwar il-privattivi li ma jkunux awtorizzati li jipprattikaw quddiem qorti ta' Stat Membru jista' jkollhom irwol importanti ta' sostenn u għaldaqstant għandhom jitħallew jitkellmu quddiem il-Qorti.

Qorti unifikata għall-privattivi li tiffunzjona sewwa tista' tipprovdi ċertezza legali permezz tal-interpretazzjoni uniformi tar-regoli applikabbli tal-liġi. Speċjalment għall-SMEs, huwa essenzjali li s-sistema tal-qorti li tinħoloq tkun effikaċi filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li jittieħdu deċiżjonijiet ta' kwalità għolja. Konsegwentement, fil-każ ta' kontrotalbiet għal revoka, id-diviżjoni lokali jew reġjonali għandha tingħata l-possibilità li tirreferi l-kontrotalba lid-diviżjoni ċentrali u tipproċedi bit-talba għal ksur b'mod indipendenti. B'dan il-mod, dewmien mhux meħtieġ li jirrigwarda l-proċeduri ta' ksur jista' jiġi evitat.

Bis-saħħa tas-sostituzzjoni tas-sistemi ġudizzjarji u tar-regoli proċedurali nazzjonali ferm differenti b'sistema waħda koerenti, l-infurzar tal-privattivi, kif ukoll id-difiża kontra talbiet u privattivi mhux ġustifikati li ma kellhomx jingħataw, tista' tittejjeb.

Wara għexieren ta' snin ta' tentattivi li fallew, issa jista' jintlaħaq Suq Wieħed reali għall-privattivi li jista' jagħti ċ-ċertezza legali u jkun kompetittiv fuq livell internazzjonali. Il-Parlament għandu jappoġġja dan il-proġett.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (24.11.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar sistema ġuriżdizzjonali għat-tilwim rigward il-privattivi

(2011/2176(INI))

Rapporteur: Alajos Mészáros

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa', bħala fatt indispensabbli biex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Unjoni Ewropea, l-isforzi tal-Istati Membri biex jistabbilixxu Qorti Unifikata għal-Litigazzjoni dwar il-Privattivi permezz ta' ftehim internazzjonali; ifakkar li s-sistema tal-privattiva unitarja tista' tkun effikaċi biss b'sistema li tiffunzjona ta' litigazzjoni dwar il-privattivi li tiggarantixxi il-kunsiderazzjoni f'waqtha tal-ilmenti;

2.  Jemmen li l-ħolqien tas-sistema unifikata għal-litigazzjoni dwar il-privattivi, li tnaqqas l-ispejjeż legali u tqassar it-tul ta' żmien meħud għas-soluzzjoni tat-tilwim, se jkollha rwol importanti:

     – fit-tisħiħ taċ-ċertezza legali,

     – fit-titjib tal-għoti ta' protezzjoni legali effikaċi u ta' kwalità għolja,

     – fit-tħeġġiġ addizzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE, u

     – fiż-żieda tal-kompetittività tal-industrija tal-UE, partikolarment fir-rigward tar-riċerkaturi u tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs);

3.  Jilqa' l-approċċ ta' struttura ta' qrati deċentralizzata adottat fil-ftehim, li jippermetti lill-partijiet isaħħu d-drittijiet tagħhom marbuta mal-privattivi permezz ta' proċedura effikaċi fir-rigward tal-kostijiet u tal-ħin fl-Istat Membru konċernat;

4.  Jissuġġerixxi li l-membri tal-bordijiet tal-appell tal-uffiċċji nazzjonali tal-privattivi jew tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi m'għandhomx ikunu eliġibbli li jaqdu dmir ta' mħallef tal-qorti sakemm jgħaddi perjodu ta' sitt xhur wara tmiem l-inkarigu preċedenti tagħhom, sabiex tkun iggarantita n-newtralità tagħhom;

5.  Jissottolinja l-fatt li l-kompożizzjoni multinazzjonali tad-diviżjonijiet lokali u reġjonali tal-Qorti tal-Prim'Istanza trid tiġi ggarantita f'perjodu ta' żmien raġonevoli;

6.  Jenfasizza li, sabiex jiġu żgurati deċiżjonijiet tal-qorti ta' kwalità għolja, ikun essenzjali li l-imħallfin ikollhom il-kwalifiki, il-kompetenza u l-ispeċjalizzazzjonijiet meħtieġa, jingħataw taħriġ kontinwu u li jkollhom aċċess għal għajnuna ta' esperti; jenfasizza wkoll, f'dan ir-rigward, l-importanza li jinħatru mħallfin tekniċi kemm fil-qrati ċentrali kif ukoll fid-diviżjonijiet lokali/reġjonali, u jirrimarka li l-imħallfin m'għandhomx jagħtu pariri b'rabta ma' kawżi li diġà tressqu quddiem il-qorti; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri xierqa;

7.  Jilqa' l-istabbiliment ta' ċentru ta' medjazzjoni u arbitraġġ bħala parti mill-ftehim, u jenfasizza li wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħu jrid ikun li titnaqqas il-burokrazija u li l-kostijiet tal-litigazzjoni jinżammu baxxi għall-partijiet involuti;

8.  Jenfasizza li sistema unifikata għal-litigazzjoni dwar il-privattivi li tkun sempliċi u li tiffunzjona sew tkun ta' benefiċċju partikolari għall-SMEs u għal atturi iżgħar, partikolarment ir-riċerkaturi u l-kumpaniji innovattivi li għadhom jibdew; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-possibbiltà li jdaħħlu miżati divrenzjati għall-impriżi żgħar u mikro, kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE(1), filwaqt li jirrispettaw għalkollox l-ugwaljanza quddiem il-liġi;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa għal ċertezza legali u jemmen, għalhekk, li l-ġuriżdizzjoni għandha tkun tad-diviżjoni lokali jew reġjonali ospitata mill-Istat Membru Kontraenti li fih il-konvenut ikun domiċiljat;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri parteċipanti jirratifikaw il-ftehim bla dewmien.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Vicky Ford, Adam Gierek, Norbert Glante, Robert Goebbels, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Kent Johansson, Romana Jordan Cizelj, Lena Kolarska-Bobińska, Béla Kovács, Philippe Lamberts, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Anni Podimata, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Francesco De Angelis, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Ivailo Kalfin, Seán Kelly, Holger Krahmer, Werner Langen, Alajos Mészáros, Mario Pirillo, Vladimír Remek

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Cristian Silviu Buşoi

(1)

ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (15.12.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar sistema ġuriżdizzjonali għat-tilwim rigward il-privattivi

(2011/2176(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Evelyn Regner

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jaqbel li l-protezzjoni effikaċi tal-privattivi b’effett unitarju fl-Ewropa għandha mnejn tikkontribwixxi għall-objettiv tat-tkabbir permezz tal-innovazzjoni u għandha mnejn b'hekk tkun qed tgħin lin-negozji Ewropej, l-aktar l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, jiffaċċjaw il-kriżi ekonomika u l-kompetizzjoni globali;

2.  Jirrikonoxxi li l-protezzjoni effikaċi tal-privattivi b’effett unitarju tista’ tiġi żgurata biss permezz ta’ ordinament ta’ litigazzjoni dwar il-privattivi li jkun speċjalizzat u funzjonanti; jemmen li tali ordinament għandu jirrispetta l-primazija tad-Dritt tal-Unjoni;

3.  Jinnota li, wara li ngħatat l-Opinjoni 1/09 tat-8 ta’ Marzu 2011 tal-Qorti tal-Ġustizzja, kien permezz ta’ ftehim internazzjonali li l-Istati Membri involuti, huma u jipparteċipaw f’kooperazzjoni mtejba, impenjaw ruħhom għall-ħolqien ta' Qorti Unifikata tal-Privattivi li tkun parti mill-ordinamenti ġudizzjarji tal-Istati Membri kontraenti;

4.  Jaċċentwa, f’dan il-kuntest, id-differenza sostanzjali bejn il-ftehimiet internazzjonali ordinarji u t-trattati kostituttivi tal-Unjoni Ewropea, billi dawn tal-aħħar stabilixxew ordinament ġuridiku ġdid li għandu l-istituzzjonijiet tiegħu, li għall-benefiċċju tiegħu l-Istati llimitaw jeddijiethom ta' sovranità f'oqsma kulma jmur usa', li għalih huma soġġetti mhux biss l-Istati Membri imma wkoll in-nazzjonali tagħhom, filwaqt li l-għassiesa tiegħu huma l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-qrati u t-tribunali ordinarji tal-Istati Membri;

5.  Huwa tal-fehma li Qorti Unifikata tal-Privattivi tista' tinħoloq permezz ta' ftehim internazzjonali; jisħaq, b’danakollu, li l-Qorti Unifikata tal-Privattivi għandha tirrispetta d-Dritt tal-Unjoni; jemmen li dan ir-rispett għall-primazija u l-applikazzjoni xierqa tad-Dritt tal-Unjoni għandu jkun żgurat inter alia bil-għoti tal-possibilità tar-rikjesta ta’ deċiżjonijiet preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont it-termini tal-Artikolu 267 tat-TFUE; jemmen, inoltre, li huwa neċessarju li jkun żgurat li kull deċiżjoni tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi li tkun tikser id-Dritt tal-Unjoni Ewropea tista’ twassal għal xi forma ta’ responsabilità finanzjarja min-naħa ta’ Stat Membru wieħed jew aktar;

6.  Jinnota li l-abbozz ta’ ftehim għandu mnejn jidħol fis-seħħ meta minimu ta' disa' Stati Membri kontraenti jkunu rratifikawh; iqis li tali sitwazzjoni għandha mnejn twassal li titla’ fil-wiċċ ‘kooperazzjoni mtejba’ fi ħdan il-kooperazzjoni mtejba;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.12.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Andrew Henry William Brons, Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Giuseppe Gargani, Matthias Groote, Roberto Gualtieri, Enrique Guerrero Salom, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, Morten Messerschmidt, Algirdas Saudargas, Søren Bo Søndergaard, Rafał Trzaskowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Elmar Brok, Sylvie Guillaume, Evelyn Regner, Alexandra Thein, Rainer Wieland


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.12.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Jean-Marie Cavada, Luis de Grandes Pascual, Vytautas Landsbergis, Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, Arlene McCarthy

Avviż legali - Politika tal-privatezza