ABBOZZ TA' RAPPORT dwar “Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv”

12.1.2012 - (2011/2089(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Klaus-Heiner Lehne

Proċedura : 2011/2089(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0012/2012
Testi mressqa :
A7-0012/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar “Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv”

(2011/2089(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2011 jismu 'Konsultazzjoni Pubblika: Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għal Rimedju Kollettiv' (SEC(2011)0173),

–   wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Dokument ta' Gwida jismu 'Il-kwantifikazzjoni tal-ħsara f'azzjonijiet għad-danni bbażati fuq infrazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102', ippubblikat mill-Kummissjoni f'Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi[1],

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Konsultazzjoni tal-Kummissjoni għad-diskussjoni dwar is-segwitu għall-Green Paper dwar “Ir-Rimedju Kollettiv tal-Konsumaturi” fl-2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-White Paper dwar azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust[2],

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tas-27 ta' Novembru 2008 dwar ir-rimedju kollettiv tal-konsumaturi (COM(2008)0794),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009[3],

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar Azzjonijiet għall-irkupru tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (COM(2008)0165),

–   wara li kkunsidra r-rapport Monti tad-9 ta' Mejju 2010 dwar "Strateġija ġdida għas-Suq Uniku",

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 2007 jisimha 'L-istrateġija tal-UE fil-politika tagħha dwar il-konsumatur għall-perijodu 2007-2013: Tisħiħ tal-possibbiltajiet ta' azzjoni tal-konsumaturi, titjib tal-benessri tagħhom, u l-protezzjoni effettiva tagħhom' (COM(2007)0099),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fi kwistjonijiet ċivili, kummerċjali u familjari[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-medjazzjoni fl-Istati Membri, l-impatt tagħha fuq il-medjazzjoni u l-adozzjoni tagħha mill-qrati[5],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, kif ukoll l-Opinjonijiet tal-Kumitat għaas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0012/2012),

A. billi fiz-zona Ewropea ta' ġustizzja, iċ-ċittadini u l-kumpaniji m'għandhomx biss igawdu d-drittijiet tagħhom iżda għandhom ukoll ikunu jistgħu jsaħħu dawn id-drittijiet b'mod effikaċi u effiċjenti;

B.  billi l-liġi tal-UE adottata reċentement intgħażlet biex il-partijiet, f'sitwazzjoni transkonfinali, ikunu jistgħu jew isaħħu d-drittijiet tagħhom b'mod effikaċi[6] jew ifittxu soluzzjoni barra l-qrati permezz ta' medjazzjoni[7],

C. billi l-benefiċċji tal-metodu għar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim hemm qbil dwarhom u l-aċċess ġust għall-ġustizzja għandu jibqa' disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

D. billi, skont l-Ewrobarometru Flash dwar “L-attitudnijiet tal-konsumatur lejn kummerċ transkonfinali u l-protezzjoni tal-konsumatur” ta' Marzu 2011, 79 % tal-konsumaturi Ewropej jaqblu li jkunu aktar disposti jiddefendu jeddijiethom il-qorti jekk ikunu jistgħu jingħaqdu ma' konsumaturi oħrajn li jilmentaw dwar l-istess kwestjoni;

E.  billi l-konsumaturi milquta minn ksur tal-liġi, li jixtiequ jiftħu kawża l-qorti biex jiksbu rimedju fuq bażi individwali kemm-il darba jaffrontaw ostakoli sinifikanti rigward l-aċċessibilità, l-effikaċja u l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet minħabba l-ispejjeż tal-litigazzjoni li xi drabi jkunu għoljin, l-ispejjeż psikoloġiċi potenzjali, il-proċeduri kumplessi u twal, u n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-mezzi ta' rimedju disponibbli,

F.  billi, meta grupp ta' ċittadini jkun vittma tal-istess ksur, kawżi individwali jistgħu ma jikkostitwixxux mezz effikaċi biex jitwaqqfu prattiki illegali jew biex jinkiseb kumpens, partikolarment jekk it-telfa individwali tkun żgħira meta mqabbla mal-ispejjeż ta' litigazzjoni;

G. billi f'xi Stati Membri l-prestazzjoni globali tal-applikazzjoni tal-għodod eżistenti ta' rimedju tal-konsumatur u tal-infurzar imfassla f'livell tal-UE mhijiex meqjusa sodisfaċenti, jew tali mekkaniżmi mhumiex magħrufa biżżejjed, li jirriżulta fl-użu limitat tagħhom;

H. billi l-integrazzjoni tas-swieq Ewropej u ż-żieda konsegwenti fl-attivitajiet transkonfinali jenfasizzaw il-ħtieġa ta' approċċ koerenti mifrux mal-UE biex jiġu indirizzati każijiet fejn il-konsumaturi jibqgħu b'xejn minħabba li l-proċeduri għat-talba kollettiva ta' rimedju permezz ta' rikors għal kumpens li ġew introdotti f'għadd ta' Stati Membri ma jipprovdux soluzzjonijiet transkonfinali;

I.   billi l-awtoritajiet nazzjonali u dawk Ewropej għandhom rwol kruċjali fl-infurzar tal-liġi tal-UE, u l-infurzar privat għandu biss jissupplementa, iżda mhux jissostitwixxi, l-infurzar pubbliku;

J.   billi l-eżekuzzjoni pubblika għall-waqfien tal-ksur u l-impożizzjoni tal-multi fiha nnifisha ma tippermettix li l-konsumaturi jkunu kkumpensati għad-danni li jkunu soffrew;

K. billi r-raggruppar tat-talbiet fi proċedura unika ta' rimedju kollettiv, jew il-fatt li talba bħal din tkun tista' titressaq minn entità jew korp rappreżentattiv li jaġixxi fl-interess pubbliku, jista' jissemplifika l-proċess u jnaqqas l-ispejjeż għall-partijiet involuti;

L.  billi sistema bbażata fuq azzjonijiet legali kollettivi tista' tissupplementa b'mod utli, iżda ma tissostitwixxix, protezzjoni legali individwali;

M. billi l-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fir-rigward ta' kull proposta li ma taqax fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni;

1.  Jilqa' l-konsultazzjoni orizzontali msemmija hawn fuq u jenfasizza li l-vittmi ta' prattiki illegali – ċittadini u kumpaniji milquta bl-istess mod – għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens għat-telf jew id-dannu individwali li jġarrbu, b'mod partikolari fil-każ ta' danni diffużi u mifruxa, fejn jista' jkun li r-riskju tal-ispiża jkun sproporzjonat għad-danni mġarrba;

2.  Jinnota l-isforzi li saru mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti biex tiġi limitata l-litigazzjoni frivola u l-abbuż mis-sistema ta' azzjoni rappreżentattiva tal-Istati Uniti[8], u jenfasizza li l-Ewropa għandha tevita li tintroduċi sistema ta' azzjoni rappreżentattiva bħal tal-Istati Uniti jew kwalunkwe sistema li ma tosservax it-tradizzjonijiet ġuridiċi Ewropej;

3.  Jilqa' l-isforzi tal-Istati Membri li jsaħħu jeddijiet il-vittmi tal-imġiba illeċita billi ddaħħlet leġiżlazzjoni, jew ġie ppjanat li tiddaħħal leġiżlazzjoni, li għandha t-tir li tiffaċilita r-rimedju waqt li tkun evitata kultura ta' litigazzjoni abużiva, imma wkoll jirrikonoxxi li l-mekkaniżmi nazzjonali ta' rimedju kollettiv huma diverġenti bil-wisq, l-aktar f'termini ta' kamp ta' applikazzjoni u karatteristiċi proċedurali, li għandu mnejn jimminaw il-godiment tal-jeddijiet miċ-ċittadini;

4.  Jilqa' ħidmet il-Kummissjoni favur approċċ Ewropew koerenti għar-rimedju kollettiv u jitlob lill-Kummissjoni tiddimostra fil-valutazzjoni tagħha tal-impatt li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, hija meħtieġa azzjoni f'livell ta' UE ħalli jitjieb il-qafas regolatorju kurrenti tal-UE ħalli jkun permess lill-vittmi ta' ksur tad-Dritt tal-UE li jkunu kkumpensati għad-dannu soffert u b'hekk ikun hemm kontribut għall-fiduċja tal-konsumatur u għall-funzjonament aktar lixx tas-suq intern;

5.  Jisħaq dwar il-benefiċċji possibbli tal-azzjonijiet ġudizzjarji kollettivi f'termini ta' kostijiet aktar baxxi u ċertezza ġuridika għall-atturi, il-konvenuti u s-sistema ġudizzjarja billi tkun evitata litigazzjoni parallela ta' pretiżi li jkunu simili;

6.  Jemmen, fir-rigward tas-settur tal-kompetizzjoni, li infurzar pubbliku huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, sabiex jinkisbu bis-sħiħ l-objettivi tal-UE u jkun żgurat l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali;

7.  Ifakkar li, attwalment, l-Istati Membri biss jilleġiżlaw dwar ir-regoli nazzjonali biex jiġi kkwantifikat l-ammont ta' kumpens li jista' jingħata; barra minn hekk jinnota li l-infurzar tal-liġi nazzjonali m'għandux iwaqqaf l-applikazzjoni uniformi tal-liġi Ewropea;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tifli bir-reqqa il-bażi ġuridika xierqa għall-miżuri kollha fil-qasam tar-rimedju kollettiv;

9.  Jinnota li l-informazzjoni disponibbli sa issa, l-aktar studju magħmul fl-2008 għad-DĠ SANCO jismu “Evalwazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza ta' mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv fl-UE”, jindika li ebda mekkaniżmu mill-mekkaniżmi ta' rimedju eżistenti fl-UE ma ġġenera konsegwenzi ekonomiċi sproporzjonati;

Il-liġi tal-UE eżistenti u r-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni

10. Jinnota li ċerti mekkaniżmi ta' eżekuzzjoni għal każijiet individwali, bħalma hi d-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali u r-Regolament (KE) Nru 802/2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati, li ġa jeżistu f'livell ta' UE u jemmen li, b'mod partikolari, ir-Regolament Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jipprovdi aċċess effiċjenti u effikaċi għall-ġustizzja billi jissemplifika l-litigazzjoni transkonfinali li tinvolvi talbiet li jammontaw għal inqas minn EUR 2 000, imma jinnota li din il-leġiżlazzjoni mhijiex intiża għall-għoti ta' aċċess effikaċi għall-ġustizzja f'każijiet fejn għadd kbri ta' vittmi jsoffru dannu simili;

11. Huwa tal-fehma li r-rimedju b'inġunzjoni jista' wkoll ikollu rwol importanti fil-ħarsien tal-jeddijiet li ċ-ċittadini u l-kumpaniji jgawdu skont il-liġi tal-UE u jemmen li l-mekkaniżmi introdotti skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-Koperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi[9], kif ukoll id-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, jistgħu jittejbu b'mod sinifikanti sabiex jiġu promossi l-koperazzjoni u r-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni f'sitwazzjonijiet transkonfinali;

12. Huwa tal-fehma li n-neċessità għal titjib fir-rimedji għal kumpens skont l-inġunzjoni hija partikolarment kbira fil-qasam tal-ambjent; jitlob lill-Kummissjoni tesplora mezzi kif jingħata rimedju lil dak is-settur;

13. Iqis li r-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni għandu jkun ikkonċentrat fuq il-ħarsien kemm tal-interessi tal-individwu kemm dawk pubbliċi, u jitlob għal kawtela meta jiżdied l-aċċess għall-ġustizzja tal-organizzazzjonijiet, billi l-organizzazzjonijiet m'għandhomx igawdu minn aċċess aktar faċli għall-ġustizzja milli jgawdu l-individwi;

14. Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ u żżid l-effikaċja ta' strumenti eżistenti bħad-Direttiva 98/27/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, sabiex jiġi żgurat l-infurzar pubbliku xieraq tad-drittijiet tal-konsumaturi fl-UE; jisħaq, minkejja dan, li la d-Direttiva 98/27/KE u lanqas ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 ma jippermettu li l-konsumaturi jiġu kkumpensati għad-dannu mġarrab;

Qafas orizzontali u salvagwardji vinkolanti

15. Huwa tal-fehma li l-aċċess għall-ġustizzja permezz tar-rimedju kollettiv jidħol fl-isfera tad-Dritt Proċedurali u huwa mħasseb li l-inizjattivi mhux koordinati tal-UE fil-qasam tar-rimedju kollettiv se jwasslu għal frammentazzjoni tad-Drittijiet proċedurali u tad-danni nazzjonali, li mbagħad idgħajfu flok ma jsaħħu l-aċċess għall-ġustizzja fl-UE; jitlob li, fil-każ li tittieħed deċiżjoni wara kunsiderazzjoni dettaljata li l-iskema tal-Unjoni ta' rimedju kollettiv hija meħtieġa u mixtieqa, kull proposta fil-qasam tar-rimedju kollettiv tieħu s-sura ta' qafas orizzontali li jkun jinkludi ġabra ta' prinċipji komuni li jipprovdu aċċess uniformi għall-ġustizzja permezz tar-rimedju kollettiv fl-UE u jkun jittratta b'mod speċifiku għad li mhux esklużiv l-infrazzjonijiet ta' jeddijiet il-konsumatur;

16. Jisħaq dwar il-ħtieġa li ttieħed debita kunsiderazzjoni tat-tradizzjonijiet u l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri individwali u li jittejjeb il-koordinament tal-prattiki tajbin bejn l-Istati Membri, u jemmen li x-xogħol fuq skema tal-UE li tkun trawwem ir-rimedju effettiv kemm għall-konsumaturi kemm għall-SMEs ma għandhiex tikkawża dewmien fl-adozzjoni tal-qafas orizzontali;

17. Jenfasizza li kull qafas orizzontali vinkolanti għandu jkopri l-aspetti essenzjali tal-otteniment kollettiv tad-danni; jisħaq, barra minn hekk, li b'mod partikolari kwestjoniet ta' Dritt Proċedurali u ta' dak Internazzjonali Privat għandhom japplikaw għall-azzjonijiet kollettivi b'mod ġenerali irrispettivament mis-settur li jkun, filwaqt li għadd limitat ta' regoli rilevanti għall-ħarsien tal-konsumatur jew għad-Dritt tal-Kompetizzjoni, li jittrattaw materji bħalma huwa l-potenzjali effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, kif preskritt, ngħidu aħna, f'artikoli jew kapitoli separati tal-istrument orizzontali nnifsu jew fi strumenti ġuridiċi separati b'mod parallel jew sussegwenti għall-adozzjoni tal-istrument orizzontali;

18. Jemmen li d-dannu jew it-telf li jġarrab individwu għandu rwol kruċjali biex jiġi deċiż jekk jinbdewx proċeduri quddiem qorti f'dan ir-rigward billi dawn b'mod inevitabbli jitqabblu mal-kostijiet potenzjali inkorsi meta wieħed jipproċedi b'azzjoni; ifakkar lill-Kummissjoni, għalhekk, dwar il-ħtieġa ta' qafas orizzontali dwar ir-rimedju kollettiv bħala għodda effiċjenti u effikaċi skont il-kost għall-partijiet kollha u huwa tal-fehma li r-regoli proċedurali nazzjonali fl-Istati Membri jistgħu jużaw ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar bħala riferiment għall-finijiet tar-rimedju kollettiv f'każijiet fejn il-valur tal-pretiża ma joħroġx mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-regolament;

19. Iqis li l-azzjoni kollettiva skont strument orizzontali twassal l-akbar benefiċċju f'każijiet fejn il-konvenut u l-vittmi rrappreżentati ma jkunux iddomiċiljati fl-istess Stat Membru (dimensjoni transkonfinali) u fejn ikun hemm allegat ksur tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-UE (ksur tad-Dritt tal-UE); jitlob li jkun hemm analiżi ulterjuri dwar kif jitjieb ir-rimedju f'każijiet ta' vjolazzjonijiet tad-Dritt nazzjonali li jista' jkollhom implikazzjonijiet wisgħin u transfruntieri;

20. Itenni li għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji fl-istrument orizzontali ħalli jiġu evitati talbiet mhux meritevoli u l-użu ħażin tar-rimedju kollettiv, ħalli jiġu ggarantiti proċedimenti ġusti, u jenfasizza li tali salvagwardji jridu jkopru, inter alia, dawn il-punti li ġejjin:

Locus standi:

–   sabiex azzjoni rappreżentattiva tkun ammissibbli jrid ikun hemm grupp identifikat b'mod ċar, u l-identifikazzjoni tal-membri tal-grupp trid issir qabel ma tiġi ppreżentata t-talba;

   l-approċċ Ewropew lejn ir-rimedju kollettiv jinbena fuq il-prinċipju opt-in, li bih il-vittmi jkunu identifikati b'mod ċar u jieħdu sehem fil-proċedura biss jekk ikunu wrew biċ-ċar ix-xewqa tagħhom li jagħmlu dan, ħalli jiġu evitati abbużi potenzjali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu rrispettati s-sistemi nazzjonali eżistenti skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra sistema li tipprovdi informazzjoni rilevanti lill-potenzjali vittmi involuti, iżżid il-kwalità rappreżentattiva tal-azzjonijiet kollettivi, tippermetti lill-akbar għadd ta' vittmi li jfittxu kumpens u tiżgura aċċess aċċess sempliċi, mhux għoli, u effikaċi għall-ġustizzja għaċ-ċittadini tal-UE, ħalli b'hekk jiġu evitati l-litigazzjoni eċċessiva u azzjonijiet sussegwenti individwali jew kollettivi mhux neċessarji dwar l-istess ksur; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu mekkaniżmi effiċjenti li jiżguraw li jiġu informati kemm jsita' jkun vittmi u jkunu konxji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, partikolarment meta dawn ikunu ddomiċiljati f'diversi Stati Membri filwaqt li jiġi evitat li ssir ħsara bla bżonn lir-reputazzjoni tal-parti kkontestata, biex jiġi rispettat il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

–   sistema ta' rimedju kollettiv fejn il-vittmi ma jkunux identifikati qabel ma tingħata s-sentenza għandha tkun riġettata abbażi li tmur kontra l-ordinament ġuridiku ta' ħafna Stati Membri u tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet ta' kwalunkwe vittma possiblment parteċipi fil-proċediment mingħajr ma tkun taf u xorta waħda tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-qorti;

–   l-Istati Membri għandhom jiżguraw li mħallef jew korp simili jibqa' jkollu setgħat diskrezzjonali li jieħdu l-forma ta' verifika preliminari tal-ammissibilità ta' kull azzjoni kollettiva potenzjali ħalli jikkonferma li l-kriterji ta' kwalifika jkunu ġew sodisfatti u li l-azzjoni timmerita li tipproċedi;

   l-Istati Membri għandhom jaħtru organizzazzjonijiet kwalifikati biex jintavolaw azzjonijiet rappreżentattivi, kriterji Ewropej jkunu utli għad-definizzjoni ċara ta' dawn l-entitajiet kwalifikati; dawn il-kriterji jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi iżda jeħtieġ li jiġu speċifikati aktar biex jiġi żgurat li tiġi evitata l-litigazzjoni abbużiva kif ukoll li l-aċċess għall-ġustizzja jingħata; tali kriterji għandhom ikopru, inter alia, ir-riżorsi finanzjarji u dawk umani tal-organizzazzjonijiet leġittimati;

–   f'kull każ, il-vittmi għandhom ikunu liberi li jfittxu l-alternattiva ta' rimedju għal kumpens individwali quddiem qorti kompetenti;

Kumpens sħiħ għad-dannu proprju

–   il-qafas orizzontali għandu jkopri l-kumpens biss għad-dannu li tabilħaqq ikun ġie kkawżat, u d-danni punittivi jridu jkunu pprojbiti; skont il-prinċipju tal-kunċett ta' kumpens, id-danni riżarċiti għandhom jitqassmu lill-vittmi individwali skont il-ħsara li jkunu ġarrbu individwalment; inġenerali, il-ħlasijiet ta' kontinġenza mhumiex applikabbli fl-Ewropa u m'għandhomx jifformaw parti minn qafas orizzontali mandatorju;

Aċċess għall-provi

–   rikorrenti kollettivi m'għandhomx ikunu f'pożizzjoni aħjar minn rikorrenti individwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-evidenza min-naħa tal-konvenut, u kull rikorrent għandu jipprovdi evidenza għat-talba tiegħu; l-obbligu li jiġu żvelati dokumenti lir-rikorrenti (“skoperta”) b'mod ġenerali mhux applikabbli fl-Ewropa u ma jridux ikunu jifformaw parti mill-qafas orizzontali;

il-prinċipju ta' min jitlef iħallas

–   ma jista' jkun hemm l-ebda azzjoni mingħajr riskju finanzjarju, u l-Istati Membri jridu jiddeterminaw ir-regoli tagħhom stess għall-allokazzjoni tal-kostijiet, u li skont it-termini tagħhom il-parti li ma tkunx irnexxiet ikollha jissopporta l-ispejjeż tal-parti avversa biex b'hekk tkun evitata l-proliferazzjoni ta' pretiżi mingħajr meritu f'mekkaniżmu tal-UE għar-rimedju kollettiv;

Ebda finanzjament tal-parti terza

–   il-Kummissjoni ma tridx tistabbilixxi xi kundizzjonijiet jew linji gwida fir-rigward tal-finanzjament ta' pretiżi għal danni, billi r-rikors għall-finanzjament min-naħa ta' terzi huwa skonoxxut fl-ordinamenti ġuridiċi ta' bosta Stati Membri, ngħidu aħna, permezz tal-offerta ta' sehem mid-danni mirbuħin; dan ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jiddelinjaw kondizzjonijiet jew linji gwida għall-finanzjament tal-azzjonijiet għad-danni;

21. Jissuġġerixxi li, jekk kemm-il darba l-Kummissjoni tippreżenta proposta għal qafas orizzontali li jkun jirregola r-rimedju kollettiv, għandu jkun adottat prinċipju tal-azzjoni ta' segwitu fejn xieraq li l-eżekuzzjoni privata fl-ambitu ta' rimedju kollettiv tista ssir jekk ikun hemm deċiżjoni preċedenti ta' vjolazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni jew tal-awtorità kompetenti nazzjonali; jinnota li t-twaqqif tal-prinċipju tal-azzjoni ta' segwitu ġeneralment ma jipprekludix l-possibilità tad-dispożizzjoni kemm ta' azzjonijiet meħudin mill-wieħed u azzjonijiet ta' segwitu;

22. Jitlob lill-Kummissjoni teżamina mezzi kif tissensibilizza l-konsumaturi dwar id-disponibilità tal-mekkaniżmi ta' rimedju u tal-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-entitajiet kwalifikati li jintavolaw azzjonijiet kollettivi; jinsisti li l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC- European Consumer Centres) jista' jkollhom rwol kruċjali fil-mogħdija ta' informazzjoni lill-akbar possibbli ta' vittmi ta' vjolazzjonijiet tad-Dritt tal-UE;

23. Jenfasizza li ħafna mill-ksur tad-Dritt tal-Unjoni identifikat mill-Kummissjoni fil-qasam tal-miżuri tal-UE għall-ħarsien tal-konsumatur jitlob it-tisħiħ tar-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni[10], filwaqt li jirrikonoxxi li l-provvediment inġuntiv ma huwiex biżżejjed meta l-vittmi jkunu sofrew preġudizzju u jkollhom jedd għal kumpens; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika l-leġiżlazzjoni tal-UE li tippreżenta diffikultajiet fl-otteniment ta' rimedju kumpensatorju;

24. Iqis li dan għandu jsir ħalli jinstabu oqsma fejn il-qafas orizzontali jista' jagħti rimedju kompensatorju kollettiv għall-ksur ta' tali leġiżlazzjoni, kif ukoll għall-ksur tad-Dritt tal-UE tal-antitrust; jitlob biex il-liġi tal-UE rilevanti tiġi elenkata f'anness tal-istrument orizzontali;

Metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim (ADR)

25. Jindika li l-mekkaniżmi tal-ADR ħafna drabi jiddependu mir-rieda tal-kummerċjant li jikkoopera u jemmen li d-disponibilità ta' sistema effettiva ta' rimedju ġudizzjarju tkun inċentiv b'saħħtu biex il-partijiet jaslu li jittransiġu extraġudizzjarjament, li x'aktarx jevita ħafna litigazzjoni; jinkoraġġixxi t-twaqqif ta' skemi ADR fil-livell Ewropew ħalli jkun hemm riżoluzzjoni tat-tilwim rapida u mhux għolja bħala opzjoni aktar attraenti mill-proċedimenti ġudizzjarji, u jissuġġerixxi li l-imħallfin li jkunu qed jagħmlu l-verifika preliminari għal azzjoni kollettiva għandu wkoll ikollhom s-setgħa jordnaw lill-partijiet involuti li l-ewwel ifittxu riżoluzzjoni kunsenswali kollettiva tat-talba qabel ma jibdew proċedimenti kollettivi fil-qorti; jemmen li l-kriterji żviluppati mill-Qorti[11] għandhom ikunu l-punt tat-tluq għall-istabbiliment ta' dan il-poter; madankollu jenfasizza li dawn il-mekkaniżmi għandhom jibqgħu, kif jindika sew l-isem, sempliċement alternattiva għar-rimedju ġudizzjarju, u mhux prekundizzjoni għall-istess;

Il-ġuriżdizzjoni u d-Dritt applikabbli

26. Jisħaq li qafas orizzontali għandu minnu nnifsu jippreskrivi r-regoli għall-prevenzjoni tal-ġirja fuq il-qrati ('forum shopping') filwaqt li ma jkunx ipperikolat l-aċċess għall-ġustizzja, u li Brussell I għandha tittieħed bħala l-punt tat-tluq għad-determinazzjoni ta' liema qrati għandhom ġurisdizzjoni;

27. Jitlob analiżi ulterjuri tal-mod kif jistgħu jiġu emendati r-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet; jemmen li waħda mis-soluzzjonijiet tista' tkun li tiġi applikata l-liġi tal-post fejn il-maġġoranza tal-vittmi jkunu ddomiċiljati, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-vittmi individwali għandhom jibqgħu jkunu liberi li ma jeħdux azzjoni kollettiva “opt-in” iżda minflok jitolbu kumpens b'mod individwali f'konformità mar-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali privat stabbiliti fir-Regolamenti Brussell I, Ruma I u Ruma II;

28. Jisħaq li wara d-deċiżjoni tal-Qorti fil-Kawża C-360/09, Pfleiderer, il-Kummissjoni obbligata tiżgura li r-rimedju kollettiv ma jkunx jikkomprometti l-effikaċja tas-sistema tar-rtubija tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-proċedura ta' riżoluzzjoni;

Proċedura leġiżlattiva ordinarja

18. Jinsisti li l-Parlament Ewropew għandu jiġi involut, fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fi kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva fil-qasam tar-rimedju kollettiv u li kull proposta għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni dettaljata tal-impatt;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali fil-livell Komunitarju.

  • [1]  ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30.
  • [2]  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p.161.
  • [3]  Testi adottati, P7_TA(2011)0023.
  • [4]  Testi adottati, P7_TA(2011)0449.
  • [5]  Testi adottati, P7_TA(2011)0361.
  • [6]  Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.07.2007, p.1); ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea (ĠU L 399, 30.12.2006, p.1); ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU L 143, 30.04.2004, p.15).
  • [7]  Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 136, 24.05.2008, p. 3).
  • [8]  Wal-Mart Stores Inc. vs Dukes et al. 564 U. S. xxx (2011).
  • [9]  ĠU L 364, 9.12.2004, p.1.
  • [10]  Studju dwar il-problemi li jiffaċċjaw il-konsumaturi meta jfittxu li jiksbu rimedju għal ksur tal-liġi dwar il-ħarsien tal-konsumatur, u l-konsegwenzi ekonomiċi ta' tali problemi, Parti 1, Rapport ewlieni, 26 ta' Awwissu 2008, Parti I: Rapport Prinċipali, p. 21 noti f'qiegħ il-paġna.
  • [11]  Sentenza tat-18 ta' Marzu 2010 fil-Kawżi Magħquda C-317/08, C-318/08, C-319/08 u C-320/08, Alassini, għadhom mhumiex irrappurtati fil-Ġabra.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapporteur jilqa' l-konsultazzjoni orizzontali tal-Kummissjoni, il-fatt li din kienet miftuħa għal approċċ Ewropew lejn ir-rimedju kollettiv u l-impenn tagħha lejn salvagwardji qawwija kontra litigazzjoni abbużiva. Id-deċiżjoni reċenti tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti f'każ bi preġudizzju favur azzjoni rappreżentattiva,[1] għal darba oħra turi li s-sistema legali tal-Istati Uniti nnifisha qed tissielet kontra azzjoni rappreżentattiva abbużiva u mhux meritevoli li tirriżulta minn eċċessi tas-sistema tal-Istati Uniti li ċertament ma kinux previsti meta tali azzjonijiet ġew introdotti għexieren ta' snin ilu. L-Ewropa għandha żżomm soda kontra kull intenzjoni li tibdel it-tradizzjonijiet legali tal-UE billi tinkorpora elementi proċedurali estrinsiċi li jagħtu lok għal azzjoni kollettiva abbużiva.

Ir-rapporteur jifhem li t-tradizzjoni legali tal-UE hija mmirata lejn is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-individwi aktar milli permezz ta' entità kollettiva. Madankollu, f'ċerti każijiet, minn naħa, jista' jkun fl-interess tal-vittmi ta' mġiba illegali li jagħqdu t-talbiet tagħhom, liema talbiet inkella ma jiġux ippreżentati b'mod individwali u, min-naħa l-oħra, jista' jkun fl-interess tal-kumpaniji li tinstab soluzzjoni waħda jew tittieħed azzjoni waħda mill-qorti, fatt li jġib ċertezza legali fil-kwistjoni. Għal dan l-għan, ħafna Stati Membri, f'dawn l-aħħar snin, introduċew strumenti kollettivi li taw lok għal xi tip ta' aċċess kollettiv għall-ġustizzja. Dawn l-istrumenti jvarjaw ħafna u, pereżempj, ħadu s-sura ta' azzjoni rappreżentattiva, azzjoni ta' grupp jew test case. Kien impossibbli li tinstab informazzjoni eżawrjenti dwar il-liġi nazzjonali rilevanti, u b'mod partikolari l-applikazzjoni u l-funzjonalità tagħha, minħabba li huwa biss reċentement li diversi Stati Membri introduċew dawn il-mekkaniżmi u mhux dejjem tkun disponibbli informazzjoni affidabbli. Għalhekk, ir-rapporteur mhuwiex sorpriż li l-Kummissjoni s'issa naqset milli turi l-ħtieġa għal azzjoni tal-UE. Liema artikolu tat-TFUE jista' jintgħażel bħala l-bażi legali għal strument orizzontali għad irid jiġi eżaminat fid-dettall. Ċertament, il-fatt li l-gvernijiet nazzjonali jirrifjutaw azzjoni tal-UE għandu jiġi kkunsidrat bis-serjetà[2].

Ir-rapporteur jemmen, madankollu, li fiż-żona Ewropea ta' ġustizzja, iċ-ċittadini u l-kumpaniji għandhom ikunu jistgħu jsaħħu d-drittijiet tagħhom iżda għandhom ukoll isaħħu dawn id-drittijiet b'mod effikaċi u effiċjenti. F'każ ta' danni f'daqqa jew danni mifruxa, il-vittimi ta' mġiba illegali jistgħu jastjenu milli jitolbu kumpens minħabba li l-ispejjeż tat-talba għal rimedju individwali jistgħu jkunu sproporzjonati għad-dannu mġarrab. Madankollu, l-infurzar tal-liġi tal-UE mill-awtoritajiet Ewropew u dawk nazzjonali għandu jibqa' jingħata prominenza, minħabba li dawn l-awtoritajiet għandhom strumenti investigattivi tal-liġi pubblika għad-dispożizzjoni tagħhom, li ma jistgħux jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet tas-settur privat; sadattant, l-infurzar privat jibqa' jkun kumplimentari.

Il-Liġi tal-UE Eżistenti u r-Rimedju b'Mandat ta' Inibizzjoni

F'dawn l-aħħar snin, l-UE fittxet b'mod attiv li ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja. Pereżempju, ir-Regolament Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jipprovdi aċċess effiċjenti u effikaċi għall-ġustizzja billi jissimplifika l-litigazzjoni transkonfinali ta' talbiet li jammontaw għal inqas minn EUR 2,000. Jeħtieġ li ssir evalwazzjoni ulterjuri tar-Regolament sabiex jiġi stabbilit jekk ġewx ikkonkretizzati l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur tal-UE.

Ir-rapporteur jirrikonoxxi l-importanza tar-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni. F'ħafna każijiet, bħar-reklamar qarrieqi, in-nuqqas ta' trasparenza tal-kuntratti, eċċ., jistgħu jiġi kkawżati danni, u għandha tingħata prijorità biex titwaqqaf kwalunkwe mġiba illegali ulterjuri. Il-Kummissjoni stess indikat kif ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-Koperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi[3] kif ukoll id-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (Direttiva tal-Inġunzjonijiet)[4] jistgħu jittejbu sabiex jissaħħu l-koperazzjoni u r-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni[5].

Madankollu, ir-rapporteur huwa mħasseb dwar l-interpretazzjoni wiesgħa tar-regoli proċedurali nazzjonali li, skonthom, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta' natura interna (prinċipju ta' ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta' drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta' effettività).”[6] Ir-rapporteur jemmen li, filwaqt li jirrispettaw dawn il-prinċipji, l-organizzazzjonijiet għandhom igawdu mill-aċċess privileġġat għall-ġustizzja u l-liġi tal-UE għandha tiffoka fuq il-ħarsien u t-tisħiħ tal-interessi tal-individwu aktar milli tal-pubbliku ġenerali.

Strument orizzontali u Salvagwardji

Filwaqt li jżomm f'moħħu d-diversità tal-liġijiet proċedurali nazzjonali, ir-rapporteur jemmen li l-inizjattivi kollha fil-qasam tar-rimedju kollettiv jirriżultaw fi frammentazzjoni tal-liġijiet dwar id-danni u l-liġijiet proċedurali tal-Istati Membri. L-approċċ Ewropew ma jistax jillimita lilu nnifsu għall-koordinazzjoni tal-inizjattivi differenti tal-Kummissjoni minħabba li l-koordinazzjoni ma tipprevenix riżultati differenti fil-proċeduri leġiżlattivi.

Fil-fatt, kull inizjattiva fil-qasam tar-rimedju kollettiv tindirizza l-istess kwistjonijiet tal-liġi proċedurali u tad-dritt internazzjonali privat. Pereżempju, jeħtieġ li jkun hemm l-istess salvagwardji b'saħħithom, b'rabta mal-aspetti bħall-pożizzjoni ta' entità rappreżentattiva u l-kriterji għall-awtorizzazzjoni, l-aċċess għall-evidenza jew l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' “min jitlef iħallas”, irrispettivament mis-settur ikkonċernat. Dawn il-kwistjonijiet jitressqu mhux biss fil-konsultazzjoni orizzontali attwali imma wkoll fil-White Papers u l-Green Papers preċedenti.

Ir-rapporteur jassumi li l-Kummissjoni diġà pprevediet approċċ orizzontali. Is-setturi differenti identifikati fil-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-Rimedju Kollettiv tal-Konsumaturi juru li dan l-istrument għandu japplika għal setturi differenti pereżempju s-servizzi finanzjarji, it-telekomunikazzjoni, eċċ[7]. Għaldaqstant, il-fattur komuni ma jibqax is-settur iżda r-rikorrent, jiġifieri l-konsumatur. Dan juri biċ-ċar li strument orizzontali huwa l-aħjar mod biex ma tiġix introdotta leġiżlazzjoni settorjali differenti li tirriżulta fi frammentazzjoni tal-liġijiet proċedurali nazzjonali.

Il-frammentazzjoni tal-liġijiet nazzjonali mhux biss tfixkel il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji imma żżid l-inċertezza legali wkoll, fatt li jmur kontra l-għan li jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja. Il-liġi proċedurali tiddetermina r-regoli applikabbli għall-proċedimenti fil-qorti stess u tfittex li tippromwovi l-aċċess għall-ġustizzja. Inġenerali, dawn ir-regoli ma jiddistingwux bejn is-setturi industrijali differenti u l-oqsma differenti tal-liġi. Konsegwentement, l-approċċ Ewropew għar-rimedju kollettiv m'għandux jintroduċi tali distinzjoni iżda għandu jagħti lok għal approċċ orizzontali. Fir-rigward tal-ħtieġa għal regoli limitati speċifiċi għas-settur, dawn jistgħu jiġu stabbiliti fl-istrument orizzontali nnifsu, pereżempju f'kapitolu separat.

Ir-rapporteur jemmen li r-rimedju kollettiv għandu jkun possibbli f'każ li vittma individwali tastjeni milli titlob kumpens għax tqis li d-dannu jkun sproporzjonat għall-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti. L-istudji juru li l-livell limitu finanzjarju jammonta bejn EUR 101 u EUR 2,500[8]. Li r-rimedju kollettiv jiġi limitat għal telf individwali li jammonta sa EUR 2,000, jallinja l-istrument orizzontali mar-Regolament Nru 861/2007 dwar Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u jiżgura l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Ir-rapporteur jixtieq iniedi diskussjoni dwar il-kwistjoni jekk livell limitu aktar baxx ikunx aktar xieraq.

Ir-rapporteur iqis li strument orizzontali għandu jkun disponibbli f'każijiet transkonfinali fejn ikun hemm ksur tal-liġi tal-UE. L-element transkonfinali jiġi ssodisfat meta l-vittma u l-konvenut ma jkunux iddomiċiljati fl-istess Stat Membru. L-istrument orizzontali jista' japplika wkoll f'każijiet fejn il-vittmi ma jkunux iddomiċiljati fl-istess Stat Membru.

Kull strument orizzontali għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju li kull min sofra dannu għandu jkollu d-dritt li jirċievi kumpens iżda li dawk li jressqu azzjonijiet kollettivi m'għandhomx ikunu f'pożizzjoni aħjar minn rikorrenti individwali. Dan il-prinċipju jinvolvi l-inklużjoni ta' numru ta' salvagwardji f'kull strument orizzontali.

Ir-rapporteur jitlob li jkun hemm entitajiet kwalifikati li jiġu fdati b'azzjonijiet rappreżentattivi. Jeħtieġ li jiġu żviluppati kriterji Ewropej li skonthom l-Istati Membri jkunu jistgħu jawtorizzaw entitajiet kwalifikati biex jippreżentaw talba. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi jista' jservi bħala punt ta' tluq biex jiġu żviluppati dawn il-kriterji, li għandhom ikunu l-ewwel protezzjoni kontra l-użu ħażin ta' strument orizzontali. Skont dawn il-kriterji, l-awtorizzazzjoni tista' tingħata lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, lill-ombudsmen, eċċ. Minħabba l-kumplessità legali tal-azzjonijiet kollettivi, madankollu jeħtieġ li dawn jiġu rrappreżentati minn avukat. Konsegwentement, ma jeħtieġx li jittieħdu azzjonijiet ta' grupp li permezz tagħhom il-vittmi jistgħu jiġbru t-talbiet tagħhom f'talba waħda. L-awtorizzazzjoni ta' entitajiet kwalifikati jipprovdu lill-Istati Membri b'mekkaniżmu aċċessibbli li jagħti lok biex ikun hemm xi tip ta' kontroll fuq l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, u konsegwentement tal-istrument orizzontali, biex dawn ma jintużawx ħażin filwaqt li dan il-kontroll ma jsirx fil-każ ta' azzjoni ta' grupp.

Ir-rapporteur jitlob li grupp ta' persuni identifikati b'mod ċar biss ikunu jistgħu jieħdu sehem f'azzjoni rappreżentattiva u l-identifikazzjoni għandha tkun kompleta meta ssir it-talba. Il-Kostituzzjoni ta' diversi Stati Membri tipprojbixxi azzjonijiet “opt-out” fejn tiġi ppreżentata talba f'isem vittmi mhux magħrufa għar-raġuni li l-vittmi ma jkunux liberi li jibdew proċeduri quddiem qorti. Azzjoni “opt-out” tkun problematika fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. 

Id-dannu realment imġarrab biss jista' jiġi kkumpsensat u l-vittmi ta' ksur tal-liġi tal-UE biss jistgħu jiġu kkumpensati. Dan jimplika wkoll li l-ebda parti mill-kumpens m'għandha tibqa' f'idejn l-organizzazzjoni rappreżentattiva minħabba li dan mhux biss joħloq kunflitt mal-prinċipju tal-kumpens imma jżid b'mod sinifikanti l-inċentiv finanzjarju għall-preżentazzjoni ta' talbiet mhux meritevoli.

Ir-rapporteur jitlob il-projbizzjoni ta' danni punittivi, b'mod partikolari biex jiġi evitat il-forum shopping. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża Manfredi, irrikonoxxiet l-ammissibilità tad-dispożizzjonijiet interni dwar id-danni punittivi, imma din is-sentenza tapplika biss fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet Komunitarji f'dan il-qasam[9]. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jista' għalhekk jeskludi l-ħlas ta' danni punittivi.

Ir-rapporteur jixtieq iżomm il-prinċipju li l-parti li tallega l-ksur għandha tagħti evidenza tiegħu; għalhekk, mhux meħtieġ mill-konvenut li jipprovdi evidenza lir-rikorrent. Huwa ta' importanza deċiżiva li r-rikorrenti kollettivi m'għandhomx ikunu f'pożizzjoni aħjar minn rikorrenti individwali f'dak li jirrigwarda l-evidenza. Minflok ma jiġu introdotti rekwiżiti estrinsiċi ta' żvelar ta' informazzjoni fil-livell Ewropew, l-Istati Membri għandhom ikomplu jirregolaw l-aċċess għal evidenza skont il-liġi proċedurali nazzjonali. Ir-rekwiżiti ta' żvelar ta' informazzjoni jżidu bla bżonn l-ispejjeż tal-litigazzjoni u jinkoraġġixxu t-talbiet mhux meritevoli u għalhekk għandhom jiġu rrifjutati fil-livell Ewropew.

Ir-rapporteur jixtieq iżomm ir-regoli nazzjonali dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż, minħabba li l-prinċipju, b'għeruq sodi fl-Istati Membri, ta' “min jitlef iħallas” huwa salvagwardja minn talbiet mhux raġonevoli. Għalhekk, il-Kummissjoni lanqas m'għandha tuża l-istrumenti tal-liġijiet li ma jorbtux sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jaġġustaw ir-regoli tagħhom dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż.

Ir-rapporteur ma jaqbilx mal-finanzjament ta' talbiet kollettivi. Mhux talli l-mekkaniżmi ta' finanzjament għadhom mhumiex applikabbli fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, iżda talli dawn jikkonvertu talba f'oġġett negozjabbli. L-Unjoni għandha tevita li tippermetti li l-mekkaniżmi tas-suq jiddeċiedu jekk talba tistax tiġi ppreżentata jew le. F'dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f'moħħu li ħafna assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, eċċ., igawdu minn fondi pubbliċi u li għandha ssir riflessjoni ulterjuri dwar jekk, u sa fejn, il-fondi pubbliċi għandhomx jiżdiedu biex jissaħħu l-azzjonijiet rappreżentattivi.

Ir-rapporteur ma setax jikkummenta dwar ħafna kwistjonijiet importanti oħra relatati mas-salvagwardji minħabba r-restrizzjonijiet tal-abbozzar, pereżempju l-mod kif għandhom jiġu trattati d-dokumenti li jkunu f'idejn l-awtoritajiet pubbliċi. Meta jitqies li f'oqsma bħal dak tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, l-azzjonijiet privati għall-kumpens x'aktarx jittieħdu wara li l-ksur tal-liġi tal-UE jkun ġie stabbilit minn awtorità għall-kompetizzjoni, għandha ssir riflessjoni ulterjuri dwar il-kwistjoni tal-aċċess għad-dokumenti. Ir-rapporteur jemmen li għandu jingħata aċċess għad-dokumenti miġbura f'investigazzjonijiet pubbliċi, iżda jemmen ukoll li għandhom jiġu żviluppati kriterji speċifiċi sabiex jiġi identifikat meta jista' jiġi rifjutat l-aċċess għal dokumenti sabiex jitħarsu l-interessi leġittimi tal-konvenut jew ta' parti terza u interessi prevalenti oħra. Wieħed għandu jżomm f'moħħu li, fir-rigward tad-danni privati fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-interazzjoni mal-programm ta' klemenza, il-Qorti reċentement iddeċidiet li “huma l-qrati tal-Istati Membri, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom tali aċċess għandu jingħata jew jiġi rrifjutat billi jibbilanċjaw l-interessi protetti mid-dritt tal-Unjoni[10].

Barra minn hekk, jista' jiġi kkunsidrat ukoll li jingħata lok biex tinbeda azzjoni rappreżentattiva biss wara li jkun ġie finalment stabbilit il-ksur tal-liġi tal-UE mill-awtorità jew qorti nazzjonali jew Ewropea kompetenti li jiddeċiedu li ma jkun hemm l-ebda rimedju skont il-liġi nazzjonali.

F'dan il-kuntest iżda mhux fi ħdan l-istrument orizzontali, jeħtieġ li jiġu żviluppati kriterji speċifiċi li jippermettu li jitnaqqsu l-multi jew sanzjonijiet pubbliċi oħra wara li d-danni jkunu ġew riżarċiti, sabiex ma jiġux imposti piżijiet finanzjarji sproporzjonati fuq il-konvenut. Fil-qasam tal-liġi tal-antitrust, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [11] għandhom jiġu emendati skont il-każ.

Finalment, ir-rapporteur jemmen li r-rimedju kollettiv m'għandux ikun possibbli għal ksur ġenerali tal-liġi tal-UE, b'mod partikolari l-liġi tal-UE dwar il-ħarsien tal-konsumatur, minħabba li tali klawżola vaga żżid l-inċertezza legali; f'kull każ, għandu jiġi stabbilit jekk ikunx sar ksur tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-UE jew ta' dawk mogħtija mil-liġi nazzjonali. Lanqas ma jkun biżżejjed li jiġu identifikati setturi partikolari, bħas-servizzi finanzjarji u t-telekomunikazzjoni[12], sakemm ma jkunx ċar liema drittijiet mogħtija skont il-liġi tal-UE jkunu kkonċernati. Minflok, iċ-ċertezza legali tiżdied billi jiġu identifikati l-partijiet eżatti tal-liġi tal-UE fejn hemm problemi fir-rigward tat-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi. Ladarba ssir din l-identifikazzjoni, l-istrument orizzontali għandu japplika għar-riżarċiment tad-danni f'każ ta' ksur tal-liġi rilevanti indikat kif ukoll għar-regoli tal-antitrust tal-UE. Bħal fil-każ tad-Direttiva tal-Inġunzjonijiet, il-liġi rilevanti tal-UE għandha tkun elenkata f'Anness għall-istrument orizzontali sabiex jingħata lok biex jiġi determinat b'mod korrett il-ksur li r-rimedju kollettiv għalih ikun disponibbli skont l-istrument orizzontali.

Metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim (ADR)

B'mod ġenerali, l-ADR jipprevedu soluzzjoni rapida u ġusta u għandhom ikunu aktar attraenti mill-proċedimenti tal-qorti biex tinstab soluzzjoni tat-tilwim. Għalhekk, ir-rikors għal soluzzjoni barra l-qorti, qabel ma tittieħed azzjoni kollettiva, għandu jkun obbligatorju. L-introduzzjoni ta' obbligu legali għal proċedura obbligatorja ta' soluzzjoni, għandha tosserva ċerti kriterji żviluppati mill-Qorti sabiex tkun taqbel mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva[13]. Il-Kummissjoni hija mistennija tressaq proposta dwar l-ADR fil-ħarifa tal-2011 u din il-proposta għandha tkun il-punt tat-tluq għall-iżvilupp ta' tali mekkaniżmu.

Il-Ġuriżdizzjoni u l-Liġijiet Applikabbli

Ir-rapporteur jemmen li l-kwistjonijiet ta' ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli huma l-aktar importanti biex jiġi evitat il-forum shopping. Għalhekk, jeħtieġ regoli ċari u stretti biex jiġi evitat li persuna tirrikorri għall-qrati. Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli f'sitwazzjonijiet transkonfinali jiffavorixxu l-parti l-aktar dgħajfa pereżempju l-konsumatur. Madankollu, fir-rigward tar-rimedju kollettiv, il-vittmi ma jippreżentawx talba waħda imma talba kollettiva. Għalhekk, il-ħtieġa għall-protezzjoni tal-parti l-aktar dgħajfa ma tibqax assoluta, u dan jagħti lok għall-introduzzjoni ta' regoli speċifiċi dwar il-ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli fl-istrument orizzontali nnifsu, minflok ma jinbidlu r-regoli rilevanti tal-UE.

Fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni, klawżola speċjali fl-istrument orizzontali għandha tistipula li l-qrati tal-post fejn il-konvenut ikun iddomiċiljat għandu jkollhom ġuriżidizzjoni. Ir-rapporteur iqis li kwalunkwe soluzzjoni oħra ma tkunx prattika f'dan ir-rigward. Li jiġi stipulat li l-qrati fejn ikun sar il-biċċa l-kbira tad-dannu għandu jkollhom ġuriżdizzjoni, jista' jkun problematiku minħabba li f'ħafna każijiet huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi ddeterminat fejn ikun sar il-biċċa l-kbira tad-dannu. Barra minn hekk, li jiġi stipulat li l-qrati li għandu jkollhom ġuriżdizzjoni huma dawk fejn il-maġġoranza tal-vittmi jkunu ddomiċiljati, għall-ewwel tista' tidher faċli fi proċedura “opt-in” minħabba li l-vittmi għandhom ikunu identifikati b'mod ċar. Madankollu, din il-klawżola tħalli lok għall-forum shopping, minħabba li ma jkun hemm l-ebda mod kif jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom il-massa kritika tal-vittmi, minn ġuriżdizzjoni fejn il-liġi proċedurali tkun ikkunsidrata bħala favur aktar tar-rikorrent, tkun ġiet imħeġġa tingħaqad fl-azzjoni.

Ir-rapporteur jemmen ukoll li huma meħtieġa regoli ċari u stretti dwar il-liġi applikabbli, iżda jifhem li dan huwa diffiċli biex isir. Għalhekk, hija meħtieġa analiżi ulterjuri biex jiġi evalwat jekk jistax ikun hemm xi jżomm milli tiġi prevista l-applikabilità tal-liġi tal-post fejn il-maġġoranza tal-vittmi jkunu ddomiċiljati. B'mod alternattiv, ir-rapporteur iqis li l-liġi applikabbli tista' tiġi allinjata wkoll mar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni, jiġifieri l-liġi applikabbli tista' tkun il-liġi tal-post fejn il-konvenut ikun iddomiċiljat. Dan ikollu l-vantaġġ li l-qorti tiddeċiedi abbażi ta' liġi waħda li tkun familjari magħha.

Fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni sħiħa tal-biċċa l-kbira tal-oqsma tal-liġi nazzjonali, tali regola ma tistax teskludi sitwazzjonijiet li fihom il-liġi applikabbli tagħti inqas drittijiet mil-liġijiet materjali ta' Stati Membri oħra li fihom xi vittmi, li għażlu l-“opt-in”, ikunu ddomiċiljati. Madankollu, il-vittma tibqa' libera li ma tiħux azzjoni kollettiva “opt-in” u tfittex rimedju individwali fl-Istat Membru tagħha.

F'każ li ma tiġix trattata l-kwistjoni tal-liġi applikabbli, il-qorti jkollha taqta' sentenza abbażi ta' liġijiet nazzjonali differenti. Waħda mis-soluzzjonijiet tista' tkun li jiġu ffurmati sottogruppi ta' vittmi, iffurmati f'konformità mal-liġijiet sostantivi differenti li għandhom jiġu applikati. Dan jista' jnaqqas il-kumplessità tat-talba iżda madankollu jirrikjedi li l-qorti kompetenti tapplika sa 28 liġi differenti.

Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja

Ir-rapporteur jinsisti bil-qawwa li l-Parlament għandu jiġi involut, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, f'kull inizjattiva leġiżlattiva. L-esperjenza tal-passat turi li l-Parlament mhuwa se jaċċetta l-ebda proposta fejn dan id-dritt ma jiġix rispettat.

  • [1]  Wal-Mart Stores Inc. vs Dukes et al. 564 Stati Uniti xxx (2011).
  • [2]  Ara, pereżempju, ir-rispons negattiv tal-gvern Franċiż u dak Ġermaniż għall-konsultazzjoni fuq http://ec.europa.eu/competition/consultations/2011_collective_redress/french_authorities_fr.pdf u http://ec.europa.eu/competition/consultations/2011_collective_redress/germany_ministry_of_justice_de.pdf, rispettivament.
  • [3]  Imsemmija qabel.
  • [4]  Imsemmija qabel.
  • [5]  Ara r-Rapport Biennali 2009, COM (2009) 336, u r-Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 98/27/KE, COM (2008) 756.
  • [6]  Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta' Mejju 2011 fil-Kawża C-115/09, Trianel Kohlekraftwerk Lünen, għadha ma ġietx irrapportata fl-ECR.
  • [7]  Green Paper tas-27 ta' Novembru 2008 dwar “Ir-Rimedju Kollettiv tal-Konsumaturi” (COM(2008) 794 finali), p. 4.
  • [8]  Ara l-Ewrobarometru Speċjali 342, April 2011. p. 45; ara wkoll il-karta ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, Responsabbiltajiet akbar għall-konsumaturi fl-UE, SEC (2011) 469, Brussell, 07.04.2011, p. 5: EUR 1,000.
  • [9]  Kawżi Magħquda C-295/04 sa C-298/04 Manfredi [2006] ECR I-6619, paragrafu 92;
  • [10]  Sentenza tal-14 ta' Ġunju 2011 fil-Kawża C-360/09 Pleiderer, għadha ma ġietx irrapportata fl-ECR.
  • [11]  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.
  • [12]  Green Paper dwar “Ir-Rimedju Kollettiv tal-Konsumaturi” COM (2008) 794, p. 4.
  • [13]  Kawżi Magħquda C-317/08, C-318/08, C-319/08 u C-320/08, Alassini, paragrafu 48 ff.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (20.10.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar “Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv”
(2011/2089(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Andreas Schwab

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni lejn approċċ Ewropew koerenti għal rimedju kollettiv; Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-White Paper dwar azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli dwar l-antitrust u jqis li kwalunkwe inizjattiva ġdida fil-qasam tar-rimedju kollettiv għandha tkun koerenti mal-kontenuti kemm ta' din ir-riżoluzzjoni kif ukoll mar-riżoluzzjoni 2009;

2.  Jemmen, fir-rigward tas-settur tal-kompetizzjoni, li infurzar pubbliku huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, sabiex jinkisbu bis-sħiħ l-objettivi tal-UE u jkun żgurat l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali;

3.  Jirrikonoxxi madankollu li f'suq uniku dejjem aktar integrat u b'kummerċ onlajn li qed jikber malajr, hemm bżonn ta' approċċ mifrux mal-UE kollha fil-qasam tar-rimedju kollettiv;

4.  Jinnota li l-infurzar privat permezz ta' rimedju kollettiv jista' jiffaċilita l-kumpens fil-livell tal-UE għad-dannu li jkun sar lill-konsumaturi u l-impriżi u jgħin biex jiżgura li l-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE tkun effikaċi;

5.  Jinnota li forom tal-infurzar privat diġà jeżistu f'ħafna Stati Membri, iżda s-sistemi nazzjonali huma diverġenti ħafna u ħafna Stati Membri m'għandhomx regoli speċifiċi ċari u stabbiliti b'mod espliċitu dwar ir-rimedju kollettiv, inkluż ir-rimedju ġudizzjarju;

6.  Jenfasizza li, bil-għan li jitkompla s-suq intern, għandu jkun hemm konsistenza akbar fid-drittijiet tal-konsumaturi mal-Unjoni kollha; jindika l-punt li sistema li tkun imfassla sew għar-rimedju kollettiv tista' tikkontribwixxi għall-fiduċja tal-konsumatur, u b'hekk għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u l-kummerċ onlajn li jagħti spinta lill-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

7.  Jinnota wkoll li huma relattivament ftit l-azzjonijiet ta' riżarċiment privati li jitressqu quddiem qrati nazzjonali;

8.  Jenfasizza, għalhekk, il-bżonn li tiżdied l-effettività kemm tad-dritt ta' aċċess għall-ġustizzja u l-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, għax azzjonijiet individwali mhux dejjem jafu jkunu suffiċjenti u effiċjenti;

9.  Ifakkar li, attwalment, l-Istati Membri biss jilleġiżlaw dwar ir-regoli nazzjonali applikabbli biex jiġi kkwantifikat l-ammont ta' kumpens li jista' jingħata; barra minn hekk jinnota li l-infurzar tal-liġi nazzjonali m'għandux iwaqqaf l-applikazzjoni uniformi tal-liġi Ewropea;

10. Iżid li kwalunkwe rimedju kollettiv tal-UE jista' jqis l-aħjar prattiki nazzjonali fil-qasam tar-rimedju kollettiv;

11. Jenfasizza, barra minn hekk, li kwalunkwe strument tal-UE dwar ir-rimedju kollettiv għandu jsemmi standards minimi komuni dwar rimedju għad-danni b'mod kollettiv, bi qbil mal-prinċipji tas-sussidjarjetà, tas-speċjalità u tal-proporzjonalità, possibilment bl-inklużjoni ta' kwistjonijiet proċedurali ġenerali u dawk tal-liġi internazzjonali privata;

12. Jemmen li l-kwistjonijiet speċifiċi li jinħolqu fil-kamp tal-kompetizzjoni għandhom jitqiesu b'mod xieraq u li kwalunkwe strument applikabbli għal rimedju kollettiv irid iqis b'mod sħiħ u xieraq l-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-'antitrust';

13. Ifakkar li dawn il-kwistjonijiet spċifiċi jinkludu l-politika ta' klemenza, li hija għodda essenzjali biex jiġu żvelati l-kartelli; jenfasizza li r-rimedju kollettiv m'għandux jippreġudika l-effettività tas-sistema ta' klemenza tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-proċedura ta' soluzzjoni;

14. Barra minn hekk, jindika li l-azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għall-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE għandhom karatteristiċi speċjali li huma distinti minn azzjonijiet ta' riżarċiment oħrajn għaliex jistgħu jaffettwaw poteri konferiti direttament mit-Trattati lill-awtoritajiet pubbliċi, li jippermettuhom jinvestigaw u jippenalizzaw l-infrazzjonijiet, u min-naħa l-oħra, jirrelataw għall-imġiba li tfixkel il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u jafu wkoll jaffettwaw ir-relazzjonijiet fil-livelli differenti fost il-kumpaniji u l-konsumaturi;

15. Jenfasizza li hemm esperjenza komparattiva, li fuq il-bażi tagħha jiġu evalwati, u litteratura abbundanti, li fuq il-bażi tagħha jiġu indirizzati, il-ħafna kwistjonijiet speċifiċi u importanti li ma jeżistux f'oqsma oħrajn;

16. Jinnota l-fatt li l-esperjenza li nkisbet sa issa minn dawk l-Istati Membri tal-UE fejn diġà hemm tali mekkaniżmi ta' rimedju turi li ma kienx hemm prattiki abużivi jew fallimenti ta' impriżi;

17. Itenni li, fir-rigward tar-rimedju kollettiv fil-politika tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji sabiex tiġi evitata sistema ta' azzjoni rappreżentattiva bi pretiżi frivolużi u litigazzjoni eċċessiva u biex tiġi ggarantita l-ugwaljanza tal-partijiet fi proċedimenti tal-qorti, u jenfasizza li tali salvagwardji għandhom ikopru, inter alia, dawn il-punti li ġejjin:

     –   il-grupp ta' rikorrenti jrid jiġi identifikat qabel ma titressaq il-pretiża (proċedura opt-in);

     –   l-awtoritajiet pubbliċi bħall-ombudsmen jew il-prosekuturi, kif ukoll il-korpi rappreżentattivi, jistgħu jibdew proċeduri f'isem grupp ta' rikorrenti identifikat b'mod ċar;

     –   il-kriterji użati biex jiġu definiti l-korpi rappreżentattivi kkwalifikati sabiex iressqu azzjonijiet rappreżentattivi għandhom bżonn jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE;

     –   sistema ta' azzjonijiet rappreżentattivi għandha tiġi rrifjutata għar-raġuni li tista' tippromwovi litigazzjoni eċċessiva, tista' tmur kontra l-kostituzzjonijiet ta' ċerti Stati Membri u tista' taffettwa d-drittijiet ta' kwalunkwe vittma li tista' tipparteċipa fil-proċedura mingħajr ma tkun taf imma xorta waħda tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-Qorti;

(a) azzjonijiet individwali permessi:

     –   ir-rikorrenti għandhom f'kull ċirkustanza jkunu liberi li jużaw l-alternattiva ta' rikors għal kumpens individwali quddiem qorti kompetenti;

     –   rikorrenti kollettivi ma għandhomx ikunu f'pożizzjoni aħjar mir-rikorrenti individwali;

(b) kumpens għal danni minuri u diffużi:

     –   rikorrenti ta' danni minuri u diffużi għandu jkollhom mezzi xierqa ta' aċċess għall-ġustizzja permezz ta' rimedju kollettiv u għandhom jiżguraw li jkollhom kumpens ġust;

(c) kumpens għad-dannu attwali biss:

     –   kumpens jista' jingħata biss għad-dannu attwali li jkun sar: għandhom jiġu pprojbiti d-danni punittivi u arrikkiment inġust;

     –   kull rikorrent irid jipprovdi evidenza għat-talba tiegħu;

     –   ir-riżarċiment irid jitqassam mar-rikorrenti individwali b'mod proporzjonat għad-dannu li jkunu sofrew individwalment;

     –   inġenerali, il-ħlasijiet ta' kontinġenza mhumiex applikabbli fl-Ewropa u għandhom jiġu rifjutati;

(d) il-prinċipju ta' min jitlef iħallas:

     –   jaf ma jkunx hemm azzjoni jekk ir-rikorrent ma jkollux difiża bħala riżultat ta' nuqqas ta' mezzi finanzjarji; barra minn hekk l-ispejjeż proċedurali, u għalhekk ir-riskju, involuti fl-azzjoni legali jridu jinġarru mill-parti telliefa tal-każ; huwa kompitu tal-Istati Membri li jistupulaw regoli għall-allokazzjoni tal-ispejjeż f'dan il-kuntest;

(e) ebda finanzjament tal-parti terza:

     –   il-proċeduri ma għandhomx jiġu finanzjati minn qabel minn partijiet terzi, b'pereżempju rikorrenti li jaqblu li jċedu lil partijiet terzi jeddijiet għal kumpens possibbli sussegwenti;

18. Jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza fid-dettall u b'mod oġġettiv jekk dawn is-salvagwardji jistgħux ġenwinament jiġu żgurati f'sistema ta' rimedju kollettiv;

19. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kundizzjonijiet li skont dawn tkun permessa azzjoni u biex tipprevedi għall-Istati Membri li jkollhom jiżguraw li kwalunkwe azzjoni kollettiva potenzjali tgħaddi minn evalwazzjoni preliminarja ta' ammissibilità sabiex tikkonferma jekk il-kriterji ta' kwalifikazzjoni jkunux ġew rispettati u jekk ikunx xieraq li l-azzjoni tkun tista' tipproċedi;

20. Jenfasizza li kwalunkwe qafas orizzontali jrid jiżgura żewġ premessi bażiċi:

     –   L-Istati Membri ma jistgħux japplikaw kundizzjonijiet aktar restrittivi għall-każijiet ta' rimedju kollettiv li jirriżultaw minn ksur ta' liġi tal-UE minn dawk applikati fil-każijiet li jirriżultaw minn ksur tal-liġi nazzjonali;

     –   ebda prinċipju stipulat fil-qafas orizzjontali ma jista' jipprevjeni l-adozzjoni ta' miżuri ulterjuri biex tinkiseb l-effettività sħiħa tal-liġi tal-UE;

21. Jissuġġerixxi, jekk il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal strument leġiżlattiv li jiggverna r-rimedju kollettiv fil-politika tal-kompetizzjoni, li jiġi adottat prinċipju ta' azzjoni ta' segwitu li bih l-infurzar privat taħt ir-rimedju kollettiv jista' jiġi implimentat jekk kien hemm deċiżjoni ta' ksur minn qabel mill-Kummissjoni jew awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali, sabiex tiġi protetta s-sistema ta' klemenza u jiġi żgurat li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jkunu jistgħu jieħdu azzjoni effikaċi biex tiġi infurzata l-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE;

22. Jinnota li t-twaqqif tal-prinċipju ta' azzjoni ta' segwitu ma jipprekludix il-possibilità li jkunu previsti kemm l-azzjonijiet iżolati kif ukoll dawk ta' segwitu għall-qasam tal-kompetizzjoni u għal oqsma oħrajn fi kwalunkwe strument legali; jinnota li, fil-każ ta' azzjonijiet iżolati, huwa neċessarju li jiġi żgurat li kwalunkwe azzjoni privata tista' tiġi mblukkata sakemm tittieħed deċiżjoni ta' infurzar tal-pubbliku rigward il-ksur mill-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti skont il-liġi tal-UE;

23. Jappoġġa l-iżvilupp ta' mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni ta' tilwim mal-UE kollha bħala proċeduri ta' soluzzjoni ta' tilwim li jkunu volontarji, ekstra ġudizzjarji u li huma ta' malajr u irħas, kif ukoll l-iżvilupp ta' strumenti awtoregolatorji bħal ma huma l-kodiċi ta' kondotta; madankollu jenfasizza li dawn il-mekkaniżmi għandhom jibqgħu, kif jindika sew l-isem, sempliċiment alternattiva għar-rimedju ġudizzjarju, u mhux prekundizzjoni;

24. Jemmen li sistema effettiva tar-rimedju kollettiv tista' fil-fatt tistimula l-iżvilupp ta' mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni ta' tilwim billi tinħoloq inċentiva għall-partijiet biex isolvu t-tilwim tagħhom ta' malajr barra mill-qrati;

25. Jemmen li kull dannu jew telf li jġarrab individwu għandu rwol kruċjali fid-deċiżjonijiet jekk tinbediex proċedura quddiem qorti, u huwa tal-fehma li r-regoli ta' proċedura nazzjonali fl-Istati Membri jistgħu jużaw ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar[1] bħala referenza għar-raġunijiet ta' rimedju kollettiv f'każijiet fejn il-valur tal-pretiża ma jaqbiżx l-ambitu ta' dak ir-regolament;

26. Jenfasizza li kwalunkwe strument leġiżlattiv propost mill-Kummissjoni marbut mar-rimedju kollettiv fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jiġi adottat mingħajr aktar dewmien u biss skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Arlene McCarthy, Alfredo Pallone, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Peter Simon, Peter Skinner, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Marianne Thyssen

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sophie Auconie, Philippe De Backer, Saïd El Khadraoui, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Andreas Schwab, Theodoros Skylakakis

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Diana Wallis

  • [1]  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1.

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (12.10.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar “Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv”
(2011/2089(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Sylvana Rapti

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-konsumaturi milquta minn ksur tal-liġi, li jixtiequ jiftħu kawża l-qorti biex jiksbu rimedju fuq bażi individwali kemm-il darba jaffrontaw ostakoli sinifikanti rigward l-aċċessibilità, l-effikaċja u l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet minħabba l-ispejjeż tal-litigazzjoni li xi drabi jkunu għoljin, l-ispejjeż psikoloġiċi potenzjali, il-proċeduri kumplessi u twal, u n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-mezzi ta' rimedju disponibbli,

B.  billi, meta grupp ta' ċittadini jkun vittma tal-istess ksur, kawżi individwali jistgħu ma jikkostitwixxux mezz effikaċi biex jitwaqqfu prattiki illegali jew biex jinkiseb kumpens, partikolarment jekk it-telfa individwali tkun żgħira meta mqabbla mal-ispejjeż ta' litigazzjoni;

C. billi, skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali dwar "Iċ-Ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-Aċċess għall-Ġustizzja" ta' Ottubru 2004, li sar fl-Istati Membri tal-UE-15, konsumatur minn kull ħamsa, u konsumatur minn kull tnejn, ma jmorrux il-qorti għal tilwima li tammonta anqas minn EUR 1,000 u EUR 200 rispettivament,

D. billi, skont l-Ewrobarometru Flash dwar "L-attitudnijiet tal-konsumatur lejn kummerċ transkonfinali u l-protezzjoni tal-konsumatur" ta' Marzu 2011, 79 % tal-konsumaturi Ewropej jiddikjaraw li jkunu iktar lesti jiddefendu drittijiethom il-qorti jekk ikunu jistgħu jingħaqdu ma' azzjoni kollettiva, peress li dan ikun ta' benefiċċju f'termini ta' spejjeż u ta' effikaċja;

E.  billi f'xi Stati Membri l-prestazzjoni globali tal-applikazzjoni tal-għodod eżistenti ta' rimedju tal-konsumatur u tal-infurzar imfassla f'livell tal-UE mhijiex meqjusa sodisfaċenti, jew tali mekkaniżmi mhumiex magħrufa biżżejjed, li jirriżulta fl-użu limitat tagħhom;

F.  billi l-infurzar pubbliku permezz tat-twaqqif tal-ksur u bl-impożizzjoni ta' multi fih innifsu ma jippermettix li l-konsumaturi jiġu kkumpensati għad-danni li jkunu ġarrbu,

G. billi s'issa sittax-il Stat Membru introduċew mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv fis-sistema legali tagħhom, b'differenzi kbar fir-rigward tal-ambitu, karatteristiċi proċedurali (locus standi, kategoriji ta' vittmi, tip ta' proċedura (opt-in/opt-out), finanzjament jew rwol li jkollhom il-mekkaniżmi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim b'mod parallel għar-rimedju ġudizzjarju) u effikaċja, li joħolqu mużajk legali reali fil-livell tal-UE,

H. billi r-raggruppar tat-talbiet fi proċedura unika ta' rimedju kollettiv, jew il-fatt li talba bħal din tkun tista' titressaq minn entità jew korp rappreżentattiv li jaġixxi fl-interess pubbliku, jista' jissimplifika l-proċess u jnaqqas l-ispejjeż għall-partijiet involuti,

I.   billi sistema bbażata fuq azzjonijiet legali kollettivi tista' tissupplimenta b'mod utli, iżda ma tissostitwixxix, protezzjoni legali individwali;

J.   billi l-integrazzjoni tas-swieq Ewropej u ż-żieda konsegwenti fl-attivitajiet transkonfinali jenfasizzaw il-ħtieġa ta' approċċ koerenti mifrux mal-UE biex jiġu indirizzati każijiet fejn il-konsumaturi jibqgħu b'xejn minħabba li l-proċeduri għat-talba kollettiva ta' rimedju permezz ta' rikors għal kumpens li ġew introdotti f'għadd ta' Stati Membri ma jipprovdux soluzzjonijiet transkonfinali;

Il-ħtieġa għal qafas tal-UE

1.  Jenfasizza li, bħala konsegwenza tad-dgħufijiet tal-qafas ta' rimedju u ta' infurzar attwali fl-UE u minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni, proporzjon sinifikanti ta' konsumaturi li ġarrbu danni ma jistgħux jiddefendu d-dritt tagħhom li jiksbu rimedju, u li t-tkomplija ta' prattiki illegali qed tikkawża telf aggregat lis-soċjetà;

2.  Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ u żżid l-effikaċja ta' strumenti eżistenti bħad-Direttiva 98/27/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, sabiex jiġi żgurat l-infurzar pubbliku xieraq tad-drittijiet tal-konsumaturi fl-UE; jinsisti, minkejja dan, li la d-Direttiva 98/27/KE u lanqas ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 ma jippermettu li l-konsumaturi jiġu kkumpensati għad-dannu mġarrab;

3.  Barra minn hekk, ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, id-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali u r-Regolament (KE) Nru 805/2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati huma maħsuba biex itejbu l-aċċess għall-ġustizzja, jissimplifikaw il-litigazzjoni transkonfinali dwar talbiet żgħar u jnaqqsu l-ispejjeż, iżda s'issa ma ntużawx biżżejjed minħabba nuqqas ta' għarfien; jinnota, madankollu, li dawk l-istrumenti jindirizzaw biss każijiet individwali;

4.  Jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali mhijiex biss ta' detriment għall-konsumaturi li huma l-parti l-iktar dgħajfa fit-tranżazzjonijiet tas-swieq iżda timponi wkoll kundizzjonijiet tas-swieq mhux ugwali għal dawk in-negozji li jobdu r-regoli minħabba kompetizzjoni inġusta; Barra minn hekk, jenfasizza li bħalissa m'hemm l-ebda sistema legali effikaċi li tirregola l-ħlas ta' kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni lil individwi fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE; jinnota li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jikkastigaw il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-multi jitħallsu lill-Istat, filwaqt li l-konsumaturi direttament affettwati minn tali ksur ma jirċevux kumpens;

5.  Jinnota bi tħassib li n-nuqqas attwali ta' kumpens huwa lakuna kbira fis-sistema legali billi dan jippermetti li profitt illegali jinżamm min-negozjanti;

6.  Jindika li, minħabba d-diversità tas-sistemi nazzjonali eżistenti, in-nuqqas ta' ċertezza legali u ta' approċċ konsistenti għar-rimedju kollettiv fil-livell tal-UE jista' jfixkel liċ-ċittadini u lin-negozjanti milli jgawdu d-drittijiet tagħhom u dan iwassal għal infurzar irregolari ta' dawk id-drittijiet;

7.  Jenfasizza li din is-sitwazzjoni qed twassal għal diskriminazzjoni sinifikanti fl-aċċess għall-ġustizzja, għad-detriment tas-suq intern, billi l-konsumaturi qed jiġu ttrattati b'mod differenti skont il-post ta' residenza tagħhom;

8.  Jinnota li, skont studju mwettaq fl-2008 għad-DĠ SANCO (“Evalwazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza ta' mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv fl-UE”), ebda mekkaniżmu mill-mekkaniżmi ta' rimedju eżistenti fl-UE ma kellu konsegwenzi ekonomiċi sproporzjonati fir-rigward tan-negozji kkonċernati;

9.  Jinnota li l-konsultazzjonijiet indikaw li hemm xi nuqqasijiet fil-qafas regolatorju eżistenti; għalhekk, jinsisti fuq il-valur miżjud ta' azzjoni koerenti tal-UE għall-istabbiliment ta' qafas komuni fil-qasam tar-rimedju kollettiv minħabba d-dgħufijiet u n-nuqqas ta' effikaċja tal-istrumenti legali eżistenti tal-UE, id-diversità ta' sitwazzjonijiet fil-livell nazzjonali, l-iżvilupp u r-riformi potenzjali tas-sistemi ta' rimedju kollettiv nazzjonali eżistenti jew l-introduzzjoni ta' sistemi ta' rimedju kollettiv fi Stat Membri fejn tali strumenti għadhom ma jeżistux;

10. Jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tissottometti proposta, li possibbilment tinkludi proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' rimedju kollettiv fl-UE fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, applikabbli għall-każijiet transkonfinali, fuq il-bażi ta' sett ta' prinċipji u salvagwardji komuni ispirati mit-tradizzjoni legali tal-UE u l-ordnijiet legali tas-27 Stat Membru, u f'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità stipulati fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

11. Jissuġġerixxi li għandhom jiġu inklużi f'din il-proposta, miżuri li bihom jissaħħu l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri; jinsisti, f'dan ir-rigward, li l-esperjenza nazzjonali miksuba fil-qasam tar-rimedju kollettiv enfasizzat l-iżbalji li għandhom jiġu evitati sabiex jinkiseb mekkaniżmu ta' rimedju kollettiv effikaċi f'livell Ewropew;

12. Jinsisti li l-momentum għal azzjoni koerenti tal-UE għall-istabbiliment ta' qafas komuni fil-qasam tar-rimedju kollettiv qed iseħħ ukoll minħabba li ċerti Stati Membri bħalissa qed jikkunsidraw possibbiltajiet biex jintroduċu riformi sostanzjali dwar l-iskemi tagħhom ta' rimedju kollettiv, filwaqt li oħrajn bħalissa qed jikkunsidraw jintroduċu skemi bħal dawn;

Prinċipji ġenerali – salvagwardji b'saħħithom kontra azzjonijiet legali abbużivi

13. Jenfasizza li approċċ Ewropew għar-rimedju kollettiv m'għandu jagħti l-ebda inċentiv ekonomiku biex jitressqu azzjonijiet kollettivi abbużivi, u għandu jipprovdi salvagwardji b'saħħithom u effikaċi biex jiġu evitati t-talbiet li ma jkunx jistħoqqilhom finanzjament u l-ispejjeż sproporzjonati għan-negozji, b'mod partikolari f'dan il-perjodu ta' kriżi finanzjarja;

14. Jenfasizza li s-soluzzjoni bikrija tat-tilwim permezz tad-djalogu fost il-partijiet ikkonċernati għandu jitħeġġeġ bil-qawwa fejn ikun possibbli, u li l-litigazzjoni fil-qorti għandha tiġi kkunsidrata bħala l-aħħar mezz; jitlob lill-komunità tan-negozju tirrikonoxxi li huwa fl-aħjar interess tagħha li tieħu inizjattivi volontarji biex tikkumpensa b'mod effikaċi lill-konsumaturi sabiex tiġi evitata l-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' litigazzjoni; jenfasizza li l-mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) jistgħu jipprovdu soluzzjoni aktar rapida u rħisa lill-partijiet u jista' jkollhom rwol kumplimentari, iżda mhux reċiprokament esklussiv għar-rimedju ġudizzjarju; jinnota, madankollu, li bħalissa hemm lakuni kbar – dawk speċifiċi għas-settur u oħrajn ġeografiċi - fis-sistemi tal-ADR eżistenti fl-UE;

15. Jirrikonoxxi wkoll il-bżonn li jiġu evitati ċerti abbużi jew użu qarrieqi ta' mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv li saru f'pajjiżi mhux Ewropej, partikolarment l-Istati Uniti bis-sistema tal-“azzjonijiet rappreżentattivi” tagħhom;

16. Jenfasizza li sistema effikaċi ta' rimedju kollettiv għandha tkun tista' tagħti eżiti legalment ċerti, ġusti u adegwati f'perjodu ta' żmien raġonevoli, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet tal-paritjiet involuti kollha; iqis li l-approċċ tal-UE lejn ir-rimedju kollettiv għandu jinkludi l-possibilità li tiġi appellata d-deċiżjoni tal-Qorti f'perjodu ta' żmien speċifiku;

17. Jenfasizza li l-karatteristiċi li jħeġġu kultura ta' litigazzjoni bħad-danni punittivi, il-ħlas ta' kontinġenza, finanzjament ta' partijiet terzi, in-nuqqas ta' kontroll fuq l-entitajiet rappreżentattivi locus standi, il-possibilità li l-avukati jattiraw vittmi potenzjali, u l-proċedura ta' skoperta biex l-evidenza titressaq quddiem il-qorti - mingħajr ħsara għas-setgħat mogħtija lill-qrati u lill-awtoritajiet nazzjonali skont il-liġi nazzjonali - mhumiex kompatibbli mat-tradizzjoni legali Ewropea u għandhom jiġu rrifjutati; jenfasizza li għandhom jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex il-forum shopping ma jkunx permess;

18. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-approċċ Ewropew lejn rimedju kollettiv jinbena fuq il-prinċipju opt-in, li bih il-vittmi jkunu identifikati b'mod ċar u jieħdu sehem fil-proċedura biss jekk juru biċ-ċar ix-xewqa tagħhom li jagħmlu dan, sabiex jiġu evitati abbużi potenzjali. jissottolinja l-ħtieġa li jiġu rrispettati s-sistemi nazzjonali eżistenti skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra sistema li se tipprovdi informazzjoni rilevanti għall-konsumaturi kollha potenzjali, iżżid ir-rappreżentanza tal-azzjonijiet kollettivi u tiżgura aċċess għall-ġustizzja sempliċi, bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd u effikaċi għaċ-ċittadini tal-UE, b'hekk jiġu evitati litigazzjoni eċċessiva u azzjonijiet sussegwenti mhux neċessarji individwali jew kollettivi dwar l-istess ksur;

19. jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu mekkaniżmi effiċjenti li jiżguraw li jiġu informati l-akbar għadd ta' vittmi u jkunu konxji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, partikolarment meta dawn ikunu ddomiċiljati f'diversi Stati Membri filwaqt li jiġi evitat li ssir ħsara bla bżonn lir-reputazzjoni tal-parti kkontestata, biex jiġi rispettat skrupolożament il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

20. Jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tar-rimedju kollettiv u sabiex jiġu evitati abbużi potenzjali, l-approċċ tal-UE lejn ir-rimedju kollettiv għandu jinkludi biss azzjoni rappreżentattiva minn entitajiet rikonoxxuti kif suppost fil-livell nazzjonali (awtoritajiet pubbliċi bħall-Ombudsmen jew l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur); jistieden lill-Kummissjoni, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri, tiddefinixxi sett komuni ta' kriterji li l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur għandhom jissodisfaw sabiex ikollhom każijiet li jkunu jistgħu jiġu difiżi fil-qorti; jenfasizza li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu responsabbli li jivverifikaw li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jikkonformaw ma' tali kriterji;

21. Jenfasizza li, fil-każ ta' tilwim transkonfinali, l-entità rappreżentattiva (awtorità pubblika jew organizzazzjoni awtorizzata tal-konsumatur) għandha tkun tista' tirrappreżenta vittmi minn Stati Membri oħra li ssieħbu mal-proċedura tar-rimedju kollettiv fi kwalunkwe Stat Membru;

L-irwol tal-Qorti u l-importanza tal-informazzjoni

22. Isostni li l-qorti għandha rwol kruċjali biex tiddeċiedi dwar l-ammissibilità tat-talba u r-rappreżentanza tar-rikorrent, biex jiġi żgurat li t-talbiet meritevoli biss jiġu kkunsidrati u biex jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn il-prevenzjoni ta' azzjonijiet abbużivi u l-ħarsien tad-dritt għal aċċess effikaċi għall-ġustizzja, kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji tal-Unjoni;

23. Iqis li l-qorti għandha tiżgura wkoll li l-kumpens jingħata b'mod ġust u tikkontrolla jekk l-arranġamenti tal-finanzjament humiex ġusti; jenfasizza li l-mekkaniżmi ta' kontroll tal-qorti u r-rekwiżiti tal-proporzjonalità jistgħu jipproteġu l-konvenuti mill-abbuż tas-sistema;

24. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi rispettat il-prinċipju ta' "min jitlef iħallas", li skont dan il-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' talbiet li ma jkunx jistħoqqilhom finanzjament f'mekkaniżmu ta' rimedju kollettiv fl-UE, biex b'hekk jingħata permess lill-imħallef, fid-diskrezzjoni tiegħu, biex inaqqas l-ispejjeż tal-qorti mħallsa mill-parti li titlef jew lill-Istat biex jipprovdi għajnuna legali, skont il-liġi nazzjonali li tirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà;

25. Jenfasizza li l-għoti tal-informazzjoni dwar l-azzjonijiet kollettivi għandha rwol ewlieni fl-aċċessibilità u fl-effikaċja tal-proċedura billi l-konsumaturi jeħtieġu jkunu konxji li huma sfaw vittmi tal-istess prattika illegali u li tnediet azzjoni kollettiva, inkluż fi Stat Membru ieħor; jinsisti f'dan ir-rigward fuq l-irwol kruċjali li jista' jkollhom l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC- European Consumer Centres) biex ixerrdu l-informazzjoni lill-akbar numru ta' nies possibbli, u speċjalment lill-konsumaturi l-aktar vulnerabbli;

26. Jissuġġerixxi li, sabiex tiġi ffaċilitata l-koperazzjoni bejn l-entitajiet ikkwalifikati li jieħdu azzjonijiet kollettivi, speċjalment f'każijiet transkonfinali, għandu jiġi stabbilit reġistru onlajn mifrux mal-UE ta' każijiet miftuħin li għadhom pendenti; jenfasizza li tali għodda unika Ewropea sservi ta' strument utli għall-entitajiet ikkwalifikati li jippjanaw li jfittxu rimedju kollettiv ġudizzjarju biex jiġi identifikat jekk tkunx bdiet tittieħed azzjoni simili fi Stat Membru ieħor; jenfasizza l-importanza tal-iskambju ta' prattiki tajba u tal-applikazzjoni tal-aqwa teknoloġiji disponibbli biex jiġu ffaċilitati l-iskambju ta' informazzjoni, il-preżentazzjoni u l-aggruppament tal-każijiet;

Finanzjament ta' rimedju kollettiv

27. Jafferma li, sabiex l-azzjonijiet kollettivi jsiru possibbli f'termini prattiċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi adegwati ta' finanzjament jsiru disponibbli skont arranġamenti nazzjonali u jkunu maħsuba b'tali mod li, min-naħa waħda ma jħeġġux it-tressiq ta' talbiet mhux meritevoli, u min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini u n-negozji ma jiġux imċaħħda mid-dritt tagħhom għall-ġustizzja minħabba n-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji;

28. Huwa konxju li ċerti entitajiet rappreżentattivi jistgħu ma jkunux kapaċi jwettqu azzjonijiet kollettivi u li minħabba nuqqas ta' riżorsi jistgħu jittieħdu biss numru limitat ħafna ta' każijiet; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tqis bir-reqqa l-possibilità li jinħoloq fond Ewropew iffinanzjat minn parti mill-multi imposti biex jiġu penalizzati l-kumpaniji li jkunu qed jiksru l-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni; jipproponi li tali fond ikun jista' jintuża biex ikopri l-ispejjeż ta' azzjonijiet kollettivi transkonfinali li jkollhom dimensjoni Ewropea, ladarba l-entità rappreżentattiva turi li l-fondi se jintużaw għal dak l-għan; jenfasizza li tali għażla se tipprovdi riżorsi addizzjonali fil-ġlieda kontra mġiba qarrieqa, iżda dan ikun ukoll mod ġust kif jiġi ffinanzjat ir-rimedju kollettiv tal-konsumatur billi parti mill-multi jiġu rritornati indirettament lill-vittmi; Iqis li, f'kull każ, il-kumpens ma jistax jintuża biex jiffinanzja l-proċeduri ta' rimedju kollettiv peress li għandu jiġi kkumpensat biss id-dannu mġarrab verament mir-rikorrenti; jinsisti, fl-aħħar nett, fuq il-ħtieġa li jiġi evitat il-finanzjament tal-parti terza sabiex jipprevjeni l-abbużi u l-ħolqien ta' “suq ta' litigazzjoni”;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adam Bielan, Lara Comi, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Iliana Ivanova, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Phil Prendergast, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Marielle Gallo, Anna Hedh, Constance Le Grip, Emma McClarkin, Sylvana Rapti, Oreste Rossi, Wim van de Camp

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Monika Hohlmeier, Axel Voss, Pablo Zalba Bidegain

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.12.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Diana Wallis, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Jean-Marie Cavada, Luis de Grandes Pascual, Kurt Lechner, Eva Lichtenberger