RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw

26.1.2012 - (09771/2011 – C7‑ 0206/2011– 2010/0343(NLE)) - ***

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Vital Moreira

Proċedura : 2010/0343(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0024/2012

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw

(09771/2011 – C7‑ 0206/2011– 2010/0343(NLE)))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (09771/2011),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw (08134/2011),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3) u (4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) (v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7‑0206/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0024/2012),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Daħla

Il-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw[1] se jissostitwixxi l-Ftehim attwali tal-2001 li tiegħu l-UE hi parti kontraenti.[2]. L-objettivi tal-ftehim il-ġdid huma li jippromwovu l-kooperazzjoni internazzjonali fl-ekonomija dinjija tal-kawkaw; jipprovdu qafas xieraq għad-diskussjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kawkaw bejn il-gvernijiet u mas-settur privat; jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ekonomiji nazzjonali tal-kawkaw tal-pajjiżi Membri; jaħdmu sabiex jiksbu prezzijiet ġusti li jwaslu għal dħul ġust kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi; jippromwovu ekonomija sostenibbli tal-kawkaw f’termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jippromwovu t-trasparenza fl-ekonomija dinjija tal-kawkaw permezz tal-ġbir, l-analiżi u t-tixrid tal-istatistiċi relevanti u tat-twettiq ta' studji xierqa; iħabirku għat-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ; jippromwovu u jħeġġu l-konsum taċ-ċikkulata u l-prodotti bbażata fuq iċ-ċikkulata; iħeġġu lill-membri jtejbu l-kwalità tal-kawkaw.

Fuq kollox, il-ftehim għandu l-għan li jwassal għal aktar trasparenza u sostenibilità f’settur li minnu jiddependu 50 miljun ruħ madwar id-dinja għall-għajxien tagħhom[3]. L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kawkaw (ICCO), li kienet stabbilita fl-1973 u tinsab f’Londra, ir-Renju Unit, se tamministra d-dispożizzjonijiet u tissorvelja l-operazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-partijiet kontraenti kollha ta' dan il-Ftehim huma membri tal-ICCO.

Il-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw jinsab miftuħ għall-iffirmar u s-sottomissjoni tal-istrumenti ta’ aċċettazzjoni, konklużjoni u ratifika sat-30 ta’ Settembru 2012. Għaldaqstant, l-UE għandha tikkonkludi l-proċedura ta’ ratifika tagħha skont il-ħtiġijiet tat-Trattat ta’ Lisbona qabel din id-data.

Sa mill-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, il-ftehimiet kollha li jkopru l-oqsma li fihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja huma soġġetti għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan jinkludi l-politika kummerċjali komuni tal-UE, li tinkludi l-Ftehim tal-2010 dwar il-Kawkaw. Konsegwentement, il-Ftehim tal-2010 dwar il-Kawkaw irid ikollu l-aprrovazzjoni tal-Parlament qabel ma jiġi konkluż. Il-kunsens tal-Parlament huwa l-pass formali li jsegwi l-iffirmar tal-ftehim mill-Kunsill tal-UE u li jippreċedi l-konklużjoni formali tal-Ftehim mill-Kunsill.

Il-Ftehim tal-2010 dwar il-Kawkaw ġie ffirmat mill-UE fl-10 ta’ Ġunju 2011 u applikat proviżorjament minn dik id-data. Sal-aħħar ta' Ottubru 2011, il-Ftehim tal-2010 dwar il-Kawkaw ġie ffirmat ukoll mill-akbar tliet esportaturi tal-kawkaw (il-Côte d'Ivoire, il-Gana and l-Indoneżja) u l-Isvizzera.

Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw

Fil-25 ta’ Ġunju 2010, il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kawkaw[4], li tiġbor il-pajjiżi ewlenin fil-produzzjoni u l-konsum tal-kawkaw fid-dinja, ftehmu dwar il-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw, li jissostitwixxi l-ftehim tal-2001. Il-patt il-ġdid se jkun applikabbli għall-perjodu ta’ 10 snin u jista’ jiġi estiż għal perjodu ta’ sentejn għal darbtejn.

Il-Ftehim tal-2010 għandu l-għan li joħloq kondizzjonijiet għal kummerċ globali tal-kawkaw aktar ġust u sostenibbli permezz ta’ tisħiħ fil-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-produtturi u l-konsumaturi fil-qafas tal-ICCO. Il-Ftehim jipprovdi struttura tat-tmexxija tal-ICCO aktar effiċjenti u inklussiva. Il-pajjiżi membri tal-ICCO attwalment jirrappreżentaw kważi 85% tal-produzzjoni tal-kawkaw u aktar minn 60% tal-konsum tal-kawkaw fid-dinja. Il-membri li jesportaw u dawk li jimportaw għandhom l-istess sehem fil-voti fil-Kunsill Internazzjonali tal-Kawkaw (ICC), l-ogħla korp governattiv tal-ICCO. Il-piż tal-vot huwa proporzjonali għall-medja ta’ volum ta’ esportazzjonijiet u importazzjonijiet ta’ kawkaw fl-aħħar tliet snin. L-UE hija parti kontraenti waħda li tħaddan aktar minn nofs il-voti tal-membri li jimpurtaw.

Il-Ftehim tal-2010 se jtejjeb it-trasparenza tas-suq billi jsaħħaħ ir-rwol tal-ICCO fil-ġbir, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tad-data u l-kooperazzjoni tagħha mal-industrija u l-NGOs. Dan il-ftehim isaħħaħ il-mandat għal proġetti tal-ICCO li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità tal-ekonomija nazzjonali tal-kawkaw u r-rispons għall-evoluzzjoni tad-domanda. Il-patt il-ġdid jelabora objettivi ċara għall-ekonomija sostenibbli tal-kawkaw, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-vijabilità ekonomika u tar-responsabilità soċjali u ambjentali fl-istadji kollha tal-katina tal-valur. Il-patt il-ġdid jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu assigurati prezzijiet ġusti tal-kawkaw u ħlas xieraq, kif ukoll li tiġi promossa l-kwalità tal-kawkaw u jiġu żviluppati proċeduri għas-sikurezza tal-ikel.

Il-produzzjoni tal-kawkaw u l-katina tal-forniment globali

It-tkabbir tal-kawkaw jipprovdi dħul għall-pajjiżi li jkabbru, jipproċessaw u jikkunsmaw. Il-kawkaw huwa kkultivat fuq fixra ta’ aktar minn 8 miljun ettaru ta' art tropikali f'40 pajjiż u jgħaddi minn katina ta' provvista globali twila u kumplessa, mill-produtturi permezz tal-kummerċjanti, l-esportaturi, dawk li jipproċessaw, il-manifatturi taċ-ċikkulata ("chocolatiers”) u mill-bejjiegħ bl-imnut għall-konsumaturi.

L-Afrika hija r-reġjun bl-akbar produzzjoni tal-kawkaw, b’70% tal-produzzjoni globali, li toriġina prinċipalment f’Côte d’Ivoire u l-Gana. L-Amerika Latina u l-l-Asja u l-Oċeanja flimkien jipproduċu 13% tat-tkabbir tal-kawkaw kull wieħed[5]. L-UE timporta aktar minn 80% tal-kawkaw tagħha mill-Punent tal-Afrika. L-industrija Ewropea taċ-ċikkulata hija l-akbar fid-dinja kollha.

Aktar minn 90% tal-kawkaw fid-dinja jiġi kkultivat minn 5.5 miljun bdiewa żgħar[6], b’14-il miljun ħaddiem rurali oħra jiddependu direttament fuq il-produzzjoni tal-kawkaw[7]. Il-faqar, it-tekniki tal-biedja antikwati u t-tħaddim tat-tfal huma mifruxa fil-kultivazzjoni tal-kawkaw. Ladarba l-UE hija l-importatur u l-konsumatur ewlieni tal-kawkaw kif ukoll il-post fejn isir l-iktar ipproċessar u fejn jinsabu manifatturi ewlenin taċ-ċikkulata, hija għandha sehem kbir fir-responsabilità għal żieda fis-sostenibilità tas-settur tal-kawkaw[8].

Tħassib rigward it-tħaddim tat-tfal

Waħda mill-kwistjonijiet prinċipali li tqajmu mill-Membri tal-Parlament Ewropew meta ġie eżaminat dan il-ftehim kien l-użu tat-tħaddim tat-tfal fl-art fejn jiġi kkultivat il-kawkaw. L-estrazzjoni taż-żerriegħa tal-kawkaw għadha attività li tirrikjedi ħafna xogħol minħabba li l-qtugħ mekkaniku ta’ spiss iħassar iż-żerriegħa. Diversi rapporti wrew li l-bdiewa tal-kawkaw għadhom jagħmlu użu mit-tħaddim tat-tfal fl-art fejn jiġi kkultivat il-kawkaw. Minkejja li ħafna mit-tħaddim tat-tfal isir fi ħdan il-qafas tal-familja, is-sitwazzjoni hija nkwetanti. Il-problema tal-agħar forom tat-tħaddim tat-tfal għandha tkun indirizzata b’mod urġenti.

F’dan il-kuntest, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali organizza smigħ fil-Parlament Ewropew fis-16 ta’ Marzu 2011 flimkien mar-rappreżentanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-ICCO u l-Fondazzjoni Dinjija tal-Kawkaw. Kien hemm qbil ġenerali li l-objettivi tal-Ftehim tal-2010 dwar il-Kawkaw kienu konsistenti mal-prinċipji tal-ILO u li l-Artikoli 42 u 43 tal-Ftehim huma punti tat-tluq sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tħaddim tat-tfal.

It-tħaddim tat-tfal hija kwistjoni ta’ tħassib serju għall-Membri tal-Parlament Ewropew u huma esprimew dan fir-rigward tat-tħaddim tat-tfal b’mod ġenerali, u l-isfruttar kif ukoll it-traffikar tal-minuri fis-settur tal-kawkaw b’mod partikolari, f’diversi riżoluzzjonijiet u mistoqsijiet lill-Kummissjoni, filwaqt li talbu li ssir projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal fil-kummerċ u l-introduzzjoni possibbli ta’ prodotti bl-ittikkettar “Ma ġewx sfruttati tfal”[9].

Ir-rapporteur tagħkom iqis li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata separatament f’riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, li għandha tiġi adottata flimkien ma’ dan ir-rapport sabiex tqajjem kuxjenza dwar il-problematika tat-tħaddim tat-tfal fl-art fejn jiġi kkultivat il-kawkaw.

Konklużjonijiet

Ir-Rapporteur tagħkom jemmen bis-sħiħ li l-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw se jkollu impatt pożittiv fuq il-parteċipanti kollha fl-ekonomija tal-kawkaw u jittama li dan iwassal għal benefiċċji tanġibbli fuq perjodu twil ta’ żmien għall-bdiewa żgħar u l-komunitajiet tagħhom. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rapporteur tagħkom jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal dan il-ftehim.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.1.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, María Auxiliadora Correa Zamora, Marielle De Sarnez, Christofer Fjellner, Carmen Fraga Estévez, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Gianluca Susta, Keith Taylor, Jan Zahradil, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, José Bové, George Sabin Cutaş, Mário David, Syed Kamall, Silvana Koch-Mehrin, Inese Vaidere, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Véronique De Keyser, Jutta Haug, Pier Antonio Panzeri, Traian Ungureanu