RAPPORT dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2013Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
8.2.2012 - (2012/2001(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Derek Vaughan
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2013,Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej[1],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2012/5/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali, biex jindirizza ħtiġijiet ta' finanzjament addizzjonali tal-proġett ITER[2],
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 23 u 79 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0030/2012),
A. billi l-limitu massimu għall-Intestatura 5 tal-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) għall-baġit tal-UE fl-2013 jammonta għal EUR 9 181 miljun fi prezzijiet kurrenti[4];
B. billi l-adeżjoni tal-Kroazja se jkollha riperkussjonijiet fuq il-baġit tal-2013, jiġifieri fir-rigward tar-riżorsi għall-Membri l-ġodda u r-reklutaġġ ta' persunal fl-istituzzjonijiet kollha;
C. billi f'kuntest ta' piż tqil tad-dejn pubbliku u trażżin fi żminijiet ta' sforzi kontinwi ta' konsolidament baġitarju nazzjonali, il-Parlament Ewropew, u l-istituzzjonijiet l-oħra, għandhom juru responsabilità baġitarja u awtokontroll, u jieħu nota tal-ittra ddatata 23 ta' Jannar 2012 mill-Kummissarju Lewandowski lill-Presidenti tal-Istituzzjonijiet Ewropej;
D. billi f'dan l-istadju tal-proċedura annwali, il-Parlament qed jistenna l-istimi tal-istituzzjonijiet l-oħra u l-proposti tal-Bureau tiegħu stess għall-baġit 2013;
Qafas ġenerali u prijoritajiet għall-baġit 2013
1. Jemmen li l-istituzzjonijiet, fil-kuntest ta' ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli u kontinwi, għandhom jiffriżaw il-baġits amministrattivi tagħhom; jenfasizza, iżda, il-bżonn ta' rispett tal-obbligi ġuridikament vinkolanti u l-possibilità ta' żidiet sussegwenti;
2. Jistieden lill-istituzzjonijiet issaħħu l-kooperazzjoni interistituzzjonali tagħhom bil-għan li jaqsmu l-aħjar prattiki, jiffrankaw fejn possibbli u b'hekk jimmodernizzaw il-politiki tagħhom fl-ambitu tar-riżorsi, l-organizzazzjoni, it-teknoloġija u l-bini;
3. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni interistituzzjonali biex l-adeżjoni tal-Kroazja tkun kemm jista' jkun bla skossi;
4. Jenfasizza l-importanza ta' tisħiħ tal-politiki fl-ambitu tan-nondiskriminazzjoni li jaġevolaw l-aċċess, ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilitajiet;
5. Jisħaq fuq il-bżonn ta' politika ambjentali effikaċi fl-istituzzjonijiet kollha;
Parlament
6. Ifakkar fl-iffrankar konsiderevoli miksub fl-ambitu tal-baġit 2012 bis-saħħa tat-tibdil strutturali u tar-riorganizzazzjoni; jinkoraġġixxi t-tkomplija tar-riformi strutturali u organizzattivi u huwa favur l-introduzzjoni ta' innovazzjonijiet f'setturi oħrajn; iqis li jista' jsir iffrankar reali billi jiġu identifikati sovrappożizzjonijiet u ineffiċjenzi fil-linji baġitarji kollha; jitlob, għaldaqstant, rapport dettaljat mis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat għall-Baġits li jkun fih ħarsa ġenerali ċara ta' dawk il-linji baġitarji li ma kinux implimentati biżżejjed fl-2011 u analiżi oġġettiva tar-raġunijiet għal dan;
7. Jemmen li biex isir iffrankar sinifikanti fit-tul, għandha titqies evalwazzjoni indipendenti tal-baġit tal-PE; jemmen li għandu jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta' grupp ta' ħidma; jistieden lis-Segretarju Ġenerali u l-Bureau jippreżentaw mill-aktar fis possibbli proposti konkreti dwar il-kostituzzjoni ta' tali grupp u jipproponu ffrankar possibbli sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-2012; jitlob ukoll implimentazzjoni rapida ta' kwalunkwe konklużjoni milħuqa mill-grupp;
8. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat għall-Baġits u l-Bureau matul il-proċedura tal-baġit annwali; jinkoraġġixxi enerġikament l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn is-Segretarju Ġenerali, il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits matul s-sena kollha biex jiġi garantit l-iżvolġiment korrett tal-proċedura tal-baġit u implimentazzjoni effikaċi tal-baġit; jistenna li l-Bureau jippreżenta abbozz tal-estimi bbażat fuq il-prudenza u il-bżonnijiet, li jieħu kont tal-possibilità ta' żidiet sussegwenti li jirriżultaw mill-obbligi ġuridikament vinkolanti; huwa tal-fehma li jeħtieġ isir kull sforz biex ikun garantit li kwalunkwe żieda oħra mmirata tkun ikkumpensata minn iffrankar identifikat f'setturi oħrajn;
9. Jappella għall-iffriżar tal-linji baġitarji relatati mal-ivvjaġġar kollu fl-2013 u l-ebda indiċizzazzjoni ta' kwalunkwe allowance individwali tal-Membri sa tmiem il-leġislatura; jistenna b'interess ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar l-ivvjaġġar, li għandu jitressaq lill-Bureau u lill-Kumitat għall-Baġits sal-31 ta' Marzu 2012;
10. Jemmen li l-iffrankar ma għandux jikkomprometti l-attività leġiżlattiva tal-PE; jinsab konvint li l-attivitajiet leġiżlattivi tal-Membri jistgħu jissaħħu permezz tat-tlestija tas-sistema ta' ġestjoni tal-għarfien (knowledge management system - KMS); jilqa' favorevolment l-informazzjoni fornuta mill-amministrazzjoni; jitlob informazzjoni aġġornata dwar l-istat ta' avvanzament tal-proġett u jistenna li s-sistema tkun totalment operattiva u aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea; jitlob impenn akbar biex tkun aċċelerata l-implimentazzjoni tal-proġett u jtenni t-talba tiegħu għal informazzjoni dwar il-possibilitajiet li jsir iffrankar wara l-implimentazzjoni tal-KMS;
11. Ifakkar ir-riżoluzzjonijiet baġitarji tal-Parlament, fosthom l-aktar riżoluzzjoni reċenti tas-26 ta' Ottubru 2011 (P7_TA(2011)0461), li fiha appella għal informazzjoni bikrija, djalogu u proċess trasparenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika tal-bini; jitlob li jkunu fornuti fuq bażi semestrali informazzjoni preċiża dwar l-istat ta' avvanzament tal-proġetti tal-bini u fuq l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom; jafferma li l-ebda proġett tal-bini ġdid u imprevist ieħor ma għandu jitwettaq matul il-leġislatura attwali;
Istituzzjonijiet oħrajn
12. Jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet kollha jwettqu, fejn possibbli, aktar iffrankar biex iżommu d-dixxiplina baġitarja u jiffriżaw il-linji baġitarji tagħhom filwaqt li jieħdu kont tal-obbligi ġuridiċi u l-isfidi finanzjarji l-ġodda bħall-adeżjoni tal-Kroazja;
13. Jieħu nota tat-talba tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (Taqsima IV) għal emenda tal-Istatut tagħha b'tali mod li jkollha riperkussjoni diretta fuq il-baġit; iqis li l-finanzjament neċessarju għandu jiġi żgurat bil-għan li tiġi garantita t-tmexxija bla skossi tal-istituzzjoni u konsegwentement protezzjoni ġudizzjarja korretta taċ-ċittadini tal-UE;
14. Jifhem l-isfidi li s-SEAE ħabbat wiċċu magħhom fit-tfassil tal-ewwel baġit tiegħu għall-2011; jitlob baġit ibbażat fuq ġestjoni finanzjarja tajba għal din l-istituzzjoni l-ġdida u jistieden lis-SEAE jeżamina d-diversi possibilitajiet li jafu aktarx joħolqu sinerġiji baġitarji mal-Istati Membri, meta dan ikun fattibbli;
oo o
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, kif ukoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u s-SEAE.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
6.2.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 2 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Isabelle Durant, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Lucas Hartong, Jutta Haug, Jiří Havel, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Claudio Morganti, Miguel Portas, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Alexander Alvaro, Frédéric Daerden, Gerben-Jan Gerbrandy, Edit Herczog, Jürgen Klute, Jan Mulder, Georgios Stavrakakis |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Georgios Papastamkos |
||||