RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tat-tqassim tal-ikel lill-ifqar nies fil-Komunità
8.2.2012 - (18733/1/2011 – C7‑0022/2012 – 2008/0183(COD)) - ***II
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Czesław Adam Siekierski
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tat-tqassim tal-ikel lill-ifqar nies fil-Komunità
(18733/1/2011 – C7‑0022/2012 – 2008/0183(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (18733/1/2011 – C7-0022/2012),
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati, fil-qafas tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, mill-Parlament Daniż, il-Parlament Svediż u l-House of Lords tar-Renju Unit, li jaffermaw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta’ Jannar 2011 u tat-8 ta' Diċembru 2011
– Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta' Jannar 2011[1],
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar il-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa (COM(2009)0665) - "omnibus")[3],
– wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni li ġew emendati (COM(2010)0486 u COM(2011)0634),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 72 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0032/2012),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Ir-rapporteur tiegħek jissuġġerixxi li l-Parlament għandu jaċċetta mingħajr emendi l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari adottata fit-23 ta' Jannar 2012. Fid-dawl tas-sitwazzjoni urġenti li tfaċċat minħabba l-imblokkar tal-proposta mill-Kunsill għal sentejn sħaħ, ir-rapporteur tiegħek iqis li kwalunkwe dewmien fit-tressiq tal-emendi u, għaldaqstant, il-possibbiltà ta' proċedura fit-tul fit-tieni qari, se jikkaġuna biss tbatija mtawla għall-ifqar ċittadini tal-UE li jistgħu jibbenefikaw mill-programm għat-tqassim tal-ikel.
Barra minn hekk, għandu jitqies li l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2011 kif ġiet emendata u l-pożizzjoni tal-Kunsill li qed tiġi eżaminata ikkunsidraw l-emendi sostanzjali tal-PE kollha fl-ewwel qari. B'mod partikolari:
- il-programm se jibqa' jiġi ffinanzjat bis-sħiħ mil-Unjoni. Ir-rata attwali ta' 100% finanzjament mill-UE se tinżamm fil-futur iżda, sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà baġitarja tagħha, qed jinżamm il-limitu massimu ta' EUR 500 miljun għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.
- tibdiliet sostanzjali oħra jissuġġerixxu li emendi mill-PE ġew aċċettati fil-biċċa l-kbira tagħhom, jiġifieri: il-kunċett li l-ikel joriġina mill-Unjoni; l-obbligu li l-punti ta' tqassim juri biċ-ċar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-pjan; ix-xiri tal-prodotti tal-ikel għandu jsir abbażi ta' proċeduri kompetittivi; ir-rimborż tal-ispejjeż ta' ħżin iridu jitħallsu minn organizzazzjonijiet tal-karità.
Informazzjoni fil-qosor tal-isfond
Il-proposta tal-Kummissjoni ġiet adottata fis-17 ta' Settembru 2008. Il-Parlament adotta l-ewwel qari tiegħu fis-26 ta' Marzu 2009 (skont il-proċedura ta' konsultazzjoni li kienet tapplika dak iż-żmien) abbażi tar-rapport mis-Sur Siekierski li fih 20 emenda. Il-Kummissjoni sussegwentement ħadet f'idejha, fi proposta emendata għall-ewwel darba, emendi importanti tal-PE, bħalma huwa l-finanzjament bis-sħiħ mill-UE.
Madanakollu, il-proposta baqgħet imblokkata fil-Kunsill għal sentejn sħaħ, minħabba minoranza li timblokka. Għal dik ir-raġuni l-Kummissjoni, fit-3 ta' Ottubru 2011 u skont il-proċedura leġiżlattiva, adottat it-tieni proposta emendata tagħha li bħalissa qiegħda tiġi eżaminata.
Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
Fl-14 ta' Novembru 2011, il-Kunsill rega' ddiskuta l-kwistjoni u nnota n-nuqqas ta' minoranza li timblokka. Fil-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura (KSA) tat-12 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill qabel dwar pożizzjoni ta' kompromess li l-elementi prinċipali tagħha kienu:
- l-iskema attwali għandha tibqa' għaddejja biss fl-2012 u fl-2013 u għandha titneħħa gradwalment wara t-tlestija tal-pjan annwali għall-2013;.
-retroattività: ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2012 sat-tlestija tal-pjan annwali għall-2013.
- b'eċċezzjoni, ma għandu jkun hemm l-ebda allinjament mat-Trattat ta' Lisbona (jiġifieri l-ebda applikazzjoni tal-Artikoli 290, 291 TFUE dwar l-atti delegati u implimentattivi);
il-bażi legali addizzjonali dwar il-koeżjoni soċjali (l-Artikolu 175(3) TFUE), li ddaħħlet mill-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha, għandha titħassar.
Dan il-kompromess kien ikkonfermat bl-adozzjoni formali mill-Kunsill tal-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-23 ta 'Jannar 2012. Il-pożizzjoni adottata tal-Kunsill tirrifletti totalment il-kompromess tal-Kunsill imsemmi hawn u miftiehem fit-12 ta' Diċembru 2011.
Suġġerimenti finali
Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza li l-Parlament ma għandu l-ebda marġni reali għal negozjar estensiv sabiex jemenda l-pożizzjoni tal-Kunsill, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolarment urġenti li tfaċċat minħabba l-imblokkar tal-proposta fil-Kunsill għal sentejn. Għandu jitfakkar ukoll li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011, kien talab lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżviluppaw soluzzjoni tranżitorja għas-snin li fadal tal-qafas finanzjarju multiannwali attwali sabiex jiġi evitat tnaqqis qawwi fl-għajnuna alimentari bħala riżultat tat-tnaqqis fil-finanzjament minn € 500 miljun għal € 113 miljun, u biex jiġi żgurat li n-nies dipendenti fuq l-għajnuna alimentari ma jbatux mill-faqar tal-ikel.
Fi trilogu organizzat fis-6 ta' Diċembru 2011, il-maġġoranza tat-tim tal-PE li kien qiegħed jinnegozja rrikonoxxa li, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Presidenza u mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fuq in-nuqqas ta' soluzzjoni aħjar f'din is-sitwazzjoni partikolarment diffiċli, kellu l-obbligu li jaqbel mal-kompromess tal-Kunsill bħala l-uniku mezz biex tinkiseb soluzzjoni tranżitorja għas-snin li fadal tal-qafas finanzjarju multiannwali attwali.
Fid-dawl ta' dawk l-argumenti, li qablu magħhom il-maġġoranza tal-Membri fil-laqgħa speċjali AGRI tat-12 ta' Diċembru 2011, ir-rapporteur tiegħek jissuġġerixxi li l-pożizzjoni tal-Kunsill għandha tiġi aċċettata mingħajr emendi, sabiex tkun tista' tiġi adottata finalment fil-forma attwali tagħha fil-Plenarja tal-PE (bħala hekk imsejħa t-tieni qari bikri).
PROĊEDURA
Titolu |
Tqassim tal-ikel lill-ifqar nies fil-Komunità (emenda tar-Regolament CMO Waħda) |
||||
Referenzi |
18733/1/2011 – C7-0022/2012 – 2008/0183(COD) |
||||
Data tal-1 qari tal-PE - Numru P |
26.3.2009 T6-0188/2009 |
||||
Proposta tal-Kummissjoni |
COM(2008)0563 - C6-0353/2008 |
||||
Proposta emendata tal-Kummissjoni |
|||||
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari |
2.2.2012 |
||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
AGRI 2.2.2012 |
|
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
6.2.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
24 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Liam Aylward, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Hynek Fajmon, Martin Häusling, Esther Herranz García, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Stéphane Le Foll, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mariya Nedelcheva, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Salvatore Caronna, Sandra Kalniete, Milan Zver |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Emilio Menéndez del Valle |
||||
Data tat-tressiq |
8.2.2012 |
||||