RAPPORT dwar il-ġestjoni tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea

14.2.2012 - (2011/2289(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Edward Scicluna

Proċedura : 2011/2289(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0037/2012
Testi mressqa :
A7-0037/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ġestjoni tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea

(2011/2289(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea" (COM(2011)0211),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0037/2012),

A. billi l-Eurostat ilu jeżisti mill-1953 u l-ħtieġa għas-salvagwardja tal-indipendenza tiegħu hija rikonoxxuta sew;

B.  billi statistika affidabbli u preċiża hija essenzjali għat-tfassil effettiv tal-politika ekonomika u baġitarja min-naħa tal-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni;

C. billi s-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-pakkett ta' tmexxija ekonomika, inkluż is-Semestru Ewropew, jirrikjedi statistika ta' kwalità għolja;

D. billi dawk li jużaw l-istatistika għandhom jiġu fornuti b'data rilevanti, f'waqtha u preċiża li tinġabar u tiġi kkompilata minn aġenziji nazzjonali skont il-prinċipji tal-imparzjalità, l-oġġettività u l-indipendenza professjonali;

E.  billi l-istatistika għandha tkun pubblikament aċċessibbli, li tinftiehem faċilment kemm għal dawk li jfasslu l-politika kif ukoll għaċ-ċittadini u xierqa għal tqabbil fuq bażi sena b'sena;

F.  billi l-kwalità tal-Istatistika Ewropea tiddependi fuq l-integrità tal-proċess ta’ produzzjoni kollu; billi l-modernizzazzjoni li għaddejja bħalissa tal-metodi għall-produzzjoni tal-istatistika tirrappreżenta investiment pubbliku vitali sabiex tiġi ssimplifikata l-katina ta’ produzzjoni kollha, u teħtieġ impenn kontinwu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

G. billi l-kriżi tad-dejn fiż-żona tal-euro enfasizzat il-perikli ta' ineżattezza tal-istatistika u l-frodi tal-istatistika li jirriżultaw minn nuqqasijiet kemm fil-kwalità tad-data upstream tal-kontabilità pubblika kif ukoll fl-arranġament attwali tal-governanza tal-istatistika;

H. billi l-uffiċċji tal-istatistika mhux talli għandhom ikunu statutorjament indipendenti, iżda għandu jkollhom fis-seħħ ukoll mekkaniżmi u "firewalls" biex jiżguraw li l-uffiċċji tal-istatistika huma separati mill-proċess politiku u b'hekk jevitaw nuqqasijiet sistemiċi; fl-istess ħin, madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Istat huwa responsabbli għall-korrettezza u l-awtentiċità tad-data tal-istatistika;

I.   billi r-relazzjoni bejn l-Eurostat u l-qrati tal-awdituri nazzjonali għandha tiġi msaħħa;

J.   billi l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika għandhom jiġu riformati fl-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Ewropea l-ġdida malajr kemm jista’ jkun;

K. billi madwar 350 regolament tal-istatistika li japplikaw għall-Istati Membri jimponu piż ta' konformità tal-istatistika proporzjonalment ogħla fuq l-Istati Membri ż-żgħar;

L.  billi l-Eurostat se jipprovdi l-indikaturi ekonomiċi meħtieġa għas-sorveljanza tal-politiki fiskali u t-tabella ta’ valutazzjoni dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi, flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ infurzar ġodda; billi r-riformi legali riċenti, notevolment is-‘six pack’ tal-governanza ekonomika, qiegħdu statistika robusta u affidabbli fiċ-ċentru tal-governanza ekonomika fil-livell tal-UE;

1.  Huwa tal-fehma li għandu jkun hemm approċċ sistematiku għall-kwalità, li jista' jeħtieġ riforma fil-metodu tal-produzzjoni tal-istatistika Ewropea u tranżizzjoni gradwali minn approċċ korrettiv għal approċċ preventiv għal ġestjoni tal-kwalità tal-Istatistika Ewropea b'mod ġenerali u tal-istatistika fuq il-finanzi pubbliċi b’mod partikolari; jilqa’ n-natura vinkolanti tar-regoli relatati mal-produzzjoni u l-verifika tal-preċiżjoni tal-istatistika Ewropea; iqis li, li jkun hemm korpi tal-istatistika indipendenti huwa essenzjali sabiex tinżamm il-kredibilità tad-data tal-istatistika;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza u kompetenza lill-Istati Membri biex tgħinhom jindirizzaw limitazzjonijiet ta' riċerka u ostakli metodoloġiċi kbar, bil-ħsieb li jiżguraw il-konformità u l-forniment ta' data ta' kwalità għolja;

3.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi emendi għar-Regolament 223/2009 (Regolament tal-Istatistika) sabiex jiġi stabbilit approċċ proattiv għall-monitoraġġ u evalwazzjoni tad-data tal-finanzi pubbliċi fi stadju bikri upstream sabiex tippermetti azzjoni korrettiva fil-punt l-aktar kmieni possibbli; jissekonda l-proposta biex jiġi stabbilit qafas legali mmirat biex isaħħaħ il-qafas ta' governanza, speċjalment fir-rigward tal-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u l-Eurostat, u biex l-istati Membri kollha jkollhom l-obbligu li jadottaw formalment l-impenn li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fil-livell nazzjonali biex tinżamm il-fiduċja fl-istatistika u biex isir infurzar aktar rigoruż tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposti għal leġiżlazzjoni mmirata biex iddaħħal elementi tal-Kodiċi ta' Prattika dwar l-Istatistika Ewropea riveduta fil-liġi tal-UE, bl-għan li jkun hemm distinsjoni ċara bejn ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tal-aġenziji tal-istatistika nazzjonali u dawk tal-gvernijiet tal-Istati Membri u tiġi żgurata r-responsabbiltà aktar trasparenti u kkoordinata għall-kwalità tad-data;

5.  Iħeġġeġ lill-Eurostat ikompli, b'kollaborazzjoni mal-fornituri tad-data u l-utenti tad-data ewlenin, bl-isforzi tiegħu biex jimmodernizza l-metodi ta’ produzzjoni tal-Istatistika Ewropea sabiex tinżamm il-kost-effettività;

6.  Jistieden lill-Eurostat jiżgura li jkunu stabbiliti b’mod standardizzat sistemi ta’ kontabilità pubblika fl-Istati Membri kollha u li jkunu msaħħa kemm b’mekkaniżmi ta’ verifika interni kif ukoll esterni, inkluża l-applikazzjoni tal-qafas legali rieżaminat reċentament tar-Regolament 479/2009, kif ukoll bi proposti leġiżlattivi ulterjuri kif jitqies xieraq; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti setgħat ta’ investigazzjoni akbar lill-Eurostat;

7.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li l-istatistika tkun preċiża fil-livelli kollha tal-gvern; iħeġġeġ lill-Eurostat jiżvela pubblikament jekk għandux dubji rigward din il-preċiżjoni fit-tipi kollha ta’ statistika;

8.  Iqis li l-pakkett adottat reċentament jeħtieġ standards rigward data granulari dwar kxif tas-settur pubbliku relatat mal-garanziji u r-responsabbiltajiet kontinġenti, pereżempju permezz ta' garanziji u kxif tas-settur pubbliku għal sħubiji pubbliċi-privati (PPPs); dawn għandhom jiġu żviluppati fil-pront u żvelati mill-Eurostat, fejn għandhom jitqiesu l-livelli kollha tal-gvern;

9.  Jilqa' l-azzjoni tal-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ESGAB) biex ikun hemm superviżjoni indipendenti tal-Eurostat u tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika; jistieden lill-Eurostat u lill-uffiċċji tal-istatistika l-oħra jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-ESGAB imressqa fir-rapport annwali tiegħu tal-2011;

10. Jenfasizza li l-ħtieġa li l-Eurostat jiżgura t-trasparenza fir-rigward tal-persunal tiegħu stess billi jippubblika informazzjoni dwar l-uffiċjali (li huma impjegati taċ-ċivil) u l-aġenti kuntrattwali tiegħu, u jipprovdi informazzjoni dwar il-mod li bih jintużaw l-esperti nazzjonali;

11. Jenfasizza li l-indipendenza tas-servizzi tal-istatistika għandha tkun salvagwardjata kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew mit-theddida ta’ interventi politiċi possibbli.

12. Jinnota li s-sistema għal ġestjoni ta' kwalità se teħtieġ koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Eurostat u l-korpi nazzjonali responsabbli għall-verifika tad-data upstream marbuta mal-finanzi pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti li jiżguraw indipendenza akbar u aktar koerenza fil-kompetenzi tal-qrati tal-awdituri nazzjonali fil-verifika tal-kwalità tas-sorsi użati u biex jiġi stabbiliti ċifri tad-dejn u tad-defiċit nazzjonali u t-tisħiħ tar-rwol ta' koordinament tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

13. Jenfasizza li l-ġestjoni tal-kwalità tal- istatistika finanzjarja tal-gvern kif ukoll statistika finanzjarja nazzjonali oħra kif ukoll il-preċiżjoni u r-rappurtar fil-ħin tad-data huma essenzjali sabiex is-Semestru Ewropew jiffunzjona kif suppost.

14. Jirrikonoxxi li l-provvista ta’ statistika preċiża ħafna drabi tista’ tinvolvi l-ġbir u t-tqabbil ta’ data minn sorsi numerużi; jinnota, għalhekk, li t-tqassir tal-iskedi għall-pubblikazzjoni tal-istatistika jista', f'xi każi, inaqqas l-affidabbiltà jew il-preċiżjoni tal-istatistika jew iżid l-ispiża tal-ġbir tad-data; jirrakkomanda li, meta jkunu qegħdin jitqiesu l-aħjar prassi f'dan il-qasam, il-bilanċ bejn il-waqt xieraq, l-affidabbiltà u l-ispiża ta' tħejjija jistgħu jitqiesu sew;

15. Iħeġġeġ lill-Eurostat jikkunsidra metodi biex il-pubblikazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari dawk onlajn, ikunu jistgħu jintużaw aktar faċilment miċ-ċittadin medju u dawk mhux professjonijisti speċjalment fir-rigward tal-użu tal-grafika; jemmen li l-websajt tal-Eurostat għandu jippermetti aċċess aktar faċli biex jitlesta serje tad-data fit-tul u għandu jinkludi grafiki komparattivi intuwittivi sabiex jingħata aktar valur miżjud liċ-ċittadini; iżid, barra minn hekk, li l-aġġornamenti perjodiċi tiegħu għandhom jipprovdu, fejn possibbli, informazzjoni dwar kull Stat Membru u joffru serje sena b'sena u xahar b'xahar u, fejn possibbli u utli, serje tad-data fit-tul;

16. Jenfasizza li l-provvista ta’ statistika preċiża, rilevanti u ta’ kwalità għolja hija ta’ importanza ewlenija għal żvilupp reġjonali sostenibbli u bbilanċjat; jinnota li data preċiza u eżatta tikkostitwixxi bażi għall-ksib ta’ informazzjoni dettaljata dwar oqsma individwali bħad-demografija, l-ekonomija u l-ambjent, u għalhekk għandha r-rwol ewlieni fil-proċess għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp reġjonali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tindirizza l-bżonn ta’ informazzjoni tal-istatistika affidabbli li tippermetti lill-politiki tal-UE jirreaġixxu aħjar għar-realtajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali fil-livell reġjonali;

18. Jappoġġja l-intenzjoni tal-Eurostat li jistabbilixxi qafas legali “għall-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika”; jenfasizza li l-konformità mar-regola tal-kunfidenzjalità tad-data fl-SSE (is-Sistema Statistika Ewropea), kif ukoll mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, se tgħin biex tkabbar il-fiduċja fl-aġenziji tal-istatistika;

19. Jinnota li huwa essenzjali li jitjieb il-mod ta’ kif jaħdmu s-sistemi ta’ kontabbiltà pubblika; madankollu jitlob lill-Kummissjoni tiċċara jekk l-istandardizzar tas-sistemi ta’ kontabbiltà pubbliċi fl-Istati Membri huwiex meħtieġ u possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tfassal metodoloġija komuni u timplimenta soluzzjonijiet effettivi, adattati u stabbiliti;

20. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata sistema koerenti għal riċerka fi proċessi soċjoekonomiċi f’żoni transkonfinali, inklużi dawk fir-reġjuni li jinsabu mal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, flimkien ma' statistika dwar il-makroreġjuni, sabiex tinkiseb stampa affidabbli, kompluta u preċiża tal-ekonomija f’termini ta’ żvilupp reġjonali u makroreġjonali, li tkopri kemm id-dimensjoni urbana kemm iż-żoni rurali; jemmen li l-mekkaniżmi ta’ riċerka marbuta mal-bilanċ tal-pagamenti għandhom jitjiebu; jinnota, ukoll, li l-kontijiet reġjonali u nazzjonali għandhom jiġu ssorveljati mill-qrib bħala parti minn sistema robusta ta’ ġestjoni ta’ kwalità għall-istatistika Ewropea;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (27.1.2012)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar il-ġestjoni tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea
(2011/2289(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-għoti ta’ statistika preċiża, rilevanti u ta’ kwalità għolja huwa ta’ importanza ewlenija għal żvilupp reġjonali sostenibbli u bbilanċjat; jinnota li data preċiza u eżatta tikkostitwixxi l-bażi għall-kisba ta’ informazzjoni dettaljata dwar oqsma individwali bħad-demografija, l-ekonomija u l-ambjent, u għalhekk għandha rwol ewlieni fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-iżvilupp reġjonali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tindirizza l-bżonn ta’ informazzjoni statistika affidabbli li tippermetti lill-politiki tal-UE jirreaġixxu aħjar għar-realtajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali fil-livell reġjonali;

3.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Eurostat li jistabbilixxi qafas ġuridiku għall-“Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika”; jenfasizza li l-konformità mar-regola tal-kunfidenzjalità tad-data fl-SSE (is-Sistema Statistika Ewropea), kif ukoll mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, se tgħin biex tkabbar il-fiduċja fl-aġenziji tal-istatistika;

4.  Jinnota li huwa essenzjali li jitjieb il-mod ta’ kif jaħdmu s-sistemi ta’ kontabbiltà pubblika; madankollu jitlob lill-Kummissjoni tiċċara jekk l-istandardizzar tas-sistemi ta’ kontabbiltà pubbliċi fl-Istati Membri huwiex meħtieġ u possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tfassal metodoloġija komuni u timplimenta soluzzjonijiet effettivi, adattati u stabbiliti;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata sistema koerenti għal riċerka fi proċessi soċjoekonomiċi f’żoni transkonfinali, inklużi dawk fir-reġjuni li jinsabu mal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-istatistika għall-makroreġjuni, sabiex tinkiseb stampa affidabbli, kompluta u preċiża tal-ekonomija f’termini ta’ żvilupp reġjonali u makroreġjonali, li tkopri kemm id-dimensjoni urbana kemm iż-żoni rurali; jemmen li l-mekkaniżmi ta’ riċerka marbuta mal-bilanċ tal-pagamenti għandhom jitjiebu; jinnota, ukoll, li l-kontijiet reġjonali u nazzjonali għandhom jiġu sorveljati mill-qrib bħala parti minn sistema robusta ta’ ġestjoni ta’ kwalità għall-istatistika tal-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.1.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Catherine Bearder, Victor Boştinaru, John Bufton, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Brice Hortefeux, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Vincenzo Iovine, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Ana Miranda, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Markus Pieper, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Michail Tremopoulos, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Evgeni Kirilov, Lena Kolarska-Bobińska, James Nicholson, Ivari Padar, Heide Rühle, Giommaria Uggias

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Julie Girling

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.2.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Wolf Klinz, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Arlene McCarthy, Juan Andrés Naranjo Escobar, Edward Scicluna, Peter Simon, Peter Skinner, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Corien Wortmann-Kool, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sophie Auconie, Elena Băsescu, David Casa, Sari Essayah, Vicky Ford, Enrique Guerrero Salom, Thomas Händel, Anne E. Jensen, Olle Ludvigsson, Thomas Mann