RAPPORT dwar l-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura meta jitqies l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tal-Parlament Ewropew mal-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona

1.3.2012 - (2011/2266(REG))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Alain Lamassoure


Proċedura : 2011/2266(REG)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0039/2012
Testi mressqa :
A7-0039/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura meta jitqies l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tal-Parlament Ewropew mal-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona

(2011/2266(REG))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-President tiegħu bid-data tal-4 ta' Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 211 u 212 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0039/2012),

1.  Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;

2.  Ifakkar li dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tas-sessjoni parzjali li jmiss;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta’ informazzjoni.

Emenda  1

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 116 – paragrafu 1

Test fis-seħħ

Emenda

1. Għandu jkun hemm ħin għall-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni f'kull seduta parzjali fil-ħinijiet li jiġu deċiżi mill-Parlament fuq proposta tal-Konferenza tal-Presidenti.

1. Għandu jkun hemm ħin għall-mistoqsijiet lill-Kummissjoni f'kull sessjoni parzjali fil-ħinijiet li jiġu deċiżi mill-Parlament fuq proposta tal-Konferenza tal-Presidenti.

Ġustifikazzjoni

Il-Parlament għandu għad-dispożizzjoni tiegħu setgħat ugwali għal dawk tal-Kunsill fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja u fil-proċedura baġitarja. Fid-dawl tal-ekwilibriju istituzzjonali l-ġdid, m’għadux iġġustifikat li l-ħin għall-mistoqsijiet lill-Kunsill jinżamm fuq l-aġenda taħt is-sura li għandu bħalissa.

Emenda  2

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 116 – paragrafu 2

Test fis-seħħ

Emenda

2. Ebda Membru ma jista' jagħmel aktar minn mistoqsija waħda lill-Kunsill u mistoqsija waħda lill-Kummissjoni f'seduta parzjali waħda.

2. Ebda Membru ma jista' jagħmel aktar minn mistoqsija waħda lill-Kummissjoni f’sessjoni parzjali waħda.

Ġustifikazzjoni

Il-Parlament għandu għad-dispożizzjoni tiegħu setgħat ugwali għal dawk tal-Kunsill fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja u fil-proċedura baġitarja. Fid-dawl tal-ekwilibriju istituzzjonali l-ġdid, m’għadux iġġustifikat li l-ħin għall-mistoqsijiet lill-Kunsill jinżamm fuq l-aġenda taħt is-sura li għandu bħalissa.

Emenda  3

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 116 – paragrafu 5

Test fis-seħħ

Emenda

5. Skont il-linji gwida stabbiliti mill-Konferenza tal-Presidenti, jista' jkun hemm ħinijiet għal mistoqsijiet speċifiċi mal-President tal-Kummissjoni, mal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mal-President tal-Eurogroup.

5. Skont il-linji gwida stabbiliti mill-Konferenza tal-Presidenti, jistgħu jiġu organizzati ħinijiet għal mistoqsijiet speċifiċi mal-Kunsill, mal-President tal-Kummissjoni, mal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mal-President tal-Grupp tal-euro.

Ġustifikazzjoni

Minħabba l-kompetenzi l-oħra tal-Kunsill, partikolarment il-funzjonijiet tiegħu ta’ definizzjoni tal-politiki, ta’ koordinament u ta’ eżekuzzjoni, huwa ġġustifikat li tiddaħħal il-possibilità li jiġi organizzat ħin għall-mistoqsijiet speċifiku ma’ din l-istituzzjoni.

Emenda  4

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Anness II – parti A – paragrafu 1 – inċiż 2

Test fis-seħħ

Emenda

– ikunu jaqgħu fi ħdan il-kompetenza u l-isfera ta' responsabbilità tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u jkunu ta' interess ġenerali;

– ikunu jaqgħu fi ħdan il-kompetenza u l-isfera ta' responsabilità tad-destinatarju tagħhom u jkunu ta' interess ġenerali;

Emenda  5

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Anness II – parti A - paragrafu 1 – inċiż 2a (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

– ikunu jirrigwardaw, peress li jittrattaw kwestjonijiet speċifiċi għall-Kunsill, b'mod partikolari l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta' definizzjoni, ta’ koordinament jew ta’ eżekuzzjoni tal-politiki tal-Unjoni, jew inkella il-prerogattivi tiegħu fil-qafas ta' proċeduri ta’ nomina jew dawk marbutin mal-funzjonament tal-istituzzjonijiet, korpi jew organizzazzjonijiet tal-Unjoni jew dawk marbutin ma' reviżjoni tat-trattati,

Emenda  6

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Anness II – parti A – paragrafu 2

Test fis-seħħ

Emenda

2. Mistoqsija għandha tkun inammissibbli jekk l-aġenda tkun diġà tipprovdi għal diskusssjoni dwar is-suġġett bil-parteċipazzjoni ta' l-istituzzjoni kkonċernata.

2. Mistoqsija għandha tkun inammissibbli jekk l-aġenda tkun diġà tipprovdi għal diskusssjoni dwar is-suġġett bil-parteċipazzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata, jew jekk il-mistoqsija tkun tikkonċerna t-twettiq tal-funzjoni leġiżlattiva u dik baġitarja tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 16, l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

NOTA SPJEGATTIVA

Fl-ittra tiegħu tal-4 ta’ Marzu 2011, il-President tal-Parlament Ewropew ikkonsulta lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar il-possibilità li jiġu emendati r-Regoli ta’ Proċedura, wara d-deliberazzjonijiet li kienu saru mill-Konferenza tal-Presidenti fis-17 ta' Frar 2011.

Matul dawk id-deliberazzjonijiet, il-Konferenza fakkret li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament sar koleġiżlatur tal-Unjoni Ewropea u li huwa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu setgħat ugwali għal dawk tal-Kunsill fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja u fil-proċedura baġitarja. Fid-dawl ta’ dan l-ekwilibriju istituzzjonali l-ġdid, il-Konferenza qieset li m'għadx hemm lok li jinżamm fl-aġenda tas-sessjoni plenarja l-ħin għall-mistoqsijiet lill-Kunsill fis-sura li għandu bħalissa, jiġifieri f’kull sessjoni parzjali. Mill-banda l-oħra, skont il-Konferenza, jeħtieġ li tinżamm kif inhi l-possibilità li jiġu organizzati ħinijiet għall-mistoqsijiet mhux biss mal-President tal-Kummissjoni iżda wkoll mal-Viċi President/Rappreżentant Għoli u mal-President tal-Grupp tal-euro.

Bil-ħsieb li din il-kwestjoni titqiegħed f’kuntest aktar wiesa’ u filwaqt li titqies id-dimensjoni kostituzzjonali tagħha, ir-rapporteur tagħkom qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kumitat AFCO dokument ta’ ħidma, li janalizza l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tal-Parlament mal-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Dan id-dokument jasal għall-konklużjonijiet li ġejjin: “It-Trattat ta’ Lisbona żied b’mod evidenti r-rwol leġiżlattiv tal-Parlament. Iżda, fl-istess ħin, ħoloq istituzzjonijiet ġodda min-naħa tal-gvernijiet: il-Kunsill Ewropew u l-President permanenti tiegħu, ir-Rappreżentant Għoli, il-Grupp tal-euro. Barra minn hekk, minħabba l-kriżijiet suċċessivi ta’ dawn l-aħħar snin, kienu dawn l-istituzzjonijiet ġodda li kellhom jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi maġġuri. Issa, fl-istess ħin, huwa biss il-Kunsill tal-Ministri li huwa l-interlokutur tal-Parlament. Jekk jiġi kkonfermat dan l-iżvilupp, l-influwenza politika tal-Parlament tkun f’riskju li tonqos hekk kif l-Unjoni tkun teħtieġ li twettaq it-trasformazzjoni demokratika tagħha.”

Fis-27 ta’ Novembru li għadda, fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tad-dokument ta' ħidma, sar dibattitu f’kumitat dwar is-suġġett.

Wara ħidmiet ta’ tħejjija u wara d-dibattitu, deher biċ-ċar li, bil-għan li jitqies l-iżvilupp tar-relazzjonijiet istituzzjonali ta' dawn l-aħħar snin, rieżami tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament irid ikollu effett wisq aktar wiesa’ minn dak previst fil-konsultazzjoni oriġinali, li tillimita ruħha għal emenda tal-Artikolu 116 tiegħu. Ir-rapporteur tagħkom jipproponi madankollu li għalissa l-konċentrazzjoni għandha tibqa' fuq it-trattament tal-unika kwestjoni mqajma fil-konsultazzjoni, jiġifieri l-ħin għall-mistoqsijiet mal-Kunsill, filwaqt li tibqa' miftuħa l-possibilità li jsir studju aktar fil-fond aktar ’il quddiem dwar l-iżvilupp tar-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali u l-emendi possibbli tar-Regoli ta’ Proċedura li dan iġib miegħu.

Fir-rigward tal-ħin għall-mistoqsijiet mal-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti hija waħda eżatta: skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill, flimkien mal-Parlament Ewropew, għandu jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji. F’dawn l-oqsma ż-żewġ istituzzjonijiet jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fuq bażi ta’ ugwaljanza. Il-Kunsill madankollu ma jeżerċitax biss funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji. Skont it-tieni sentenza tal-istess paragrafu, il-Kunsill għandu jeżerċita wkoll funzjonijiet ta' tfassil ta' politika u ta' koordinament. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 291(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, meta jkun hemm bżonn ta' kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni, dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta' implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, f’każijiet speċifiċi ġustifikati b'mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jistgħu jagħtuhom lill-Kunsill. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 299, l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li mhumiex l-Istati, ikollhom forza eżekuttiva.

L-abolizzjoni tal-ħin għall-mistoqsijiet mal-Kunsill, kif inhu maħsub sal-mument preżenti, tirrifletti t-tibdil tal-ekwilibriju istituzzjonali evokat mill-Konferenza tal-Presidenti. Madankollu, għar-raġunijiet evokati hawn fuq, jidher utli li tinżamm miftuħa l-possibilità li jsiru mistoqsijiet lill-Kunsill, fil-qafas ta’ ħin għall-mistoqsijiet speċifiku, dwar kwestjonijiet marbuta ma’ dawk tal-kompetenzi tiegħu li ma jikkonċernawx l-eżerċizzju tal-funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alfredo Antoniozzi, Andrew Henry William Brons, Andrew Duff, Ashley Fox, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Daniel Hannan, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, Jaime Mayor Oreja, Morten Messerschmidt, Paulo Rangel, Algirdas Saudargas, Søren Bo Søndergaard, Rafał Trzaskowski, Luis Yáñez-Barnuevo García

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Alain Lamassoure, Vital Moreira, Evelyn Regner, György Schöpflin, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Leonardo Domenici