RAPPORT dwar l-istrateġija politika annwali tal-Kummissjoni għall-proċedura baġitarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni

2.3.2012 - (2012/2000(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Giovanni La Via


Proċedura : 2012/2000(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0040/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istrateġija politika annwali tal-Kummissjoni għall-proċedura baġitarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni

(2012/2000(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 313 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1] (IIA),

–   wara li kkunsidra l-ipprogrammar finanzjarju aġġornat għall-2007-2013 tal-Kummissjoni, imressaq skont il-Punt 46 tal-imsemmi IIA tas-17 ta’ Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012[2],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 dwar il-linji gwida tal-baġit għall-2013,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0040/2012),

Ir-rwol tal-baġit tal-UE fl-indirizzar tal-kriżi ekonomika u finanzjarja

1.  Jirrikonoxxi l-isforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali meħuda minn bosta Stati Membri minħabba l-kriżi finanzjarja u baġitarja; jenfasizza, madankollu, il-fatt li l-UE qatt mhu se tkun tista’ tirreaġixxi b’mod xieraq għall-kriżi ekonomika u soċjali preżenti jew tevita kriżijiet futuri mingħajr integrazzjoni politika addizzjonali, mingħajr strumenti komuni, bħal sanzjonijiet awtomatiċi u d-dritt tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni legali fi proċedura ta' defiċit, iżda wkoll programmi komuni ffinanzjati mill-UE, u r-riżorsi biex jitħaddmu; jinsisti, li l-irkupru ekonomiku jeħtieġ miżuri li jsaħħu s-solidarjetà u jagħtu spinta lit-tkabbir sostenibbli u lill-impjiegi; jilqa' l-fatt li l-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi dan fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-30 ta' Jannar 2012, iżda jinsisti dwar il-ħtieġa li jittieħdu miżuri konkreti, l-aktar billi l-baġit tal-UE jintuża bħala strument komuni; jenfasizza l-fatt li l-prijoritajiet identifikati fid-dikjarazzjoni msemmija hawn fuq huma preċiżament dawk li ddefenda l-Parlament fil-proċedura baġitarja ta’ qabel;

2.  Għadu mħasseb dwar il-kriżi globali li qatt ma dehret bħalha li kkawżat dannu serju għat-tkabbir finanzjarju u għall-istabilità finanzjarja u wasslet għal deterjorament qawwi fid-defiċit tal-gvern u fis-sitwazzjoni tad-dejn tal-Istati Membri; jifhem it-tħassib tal-Kunsill rigward il-limiti ekonomiċi u baġitarji fil-livell nazzjonali u jinsisti li l-2013 se tkun sena fundamentali għall-irkupru ekonomiku;

3.  Ifakkar li l-baġit tal-Unjoni Ewropea huwa wieħed mill-aktar strumenti importanti biex tintwera solidarjetà fost l-Istati Membri u bejn il-ġenerazzjonijiet, u li jipprovdi valur miżjud ċar, meta jitqies l-impatt straordinarju tiegħu fuq l-ekonomija reali u l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej; ifakkar li kieku l-politiki tal-Unjoni kellhom jiġu finanzjati biss mill-Istati Membri, l-ispejjeż tagħhom kienu jisplodu u li, meqjus f’dan id-dawl u jekk użat b'mod sinerġetiku, il-baġit tal-Ewropa jirrappreżenta intrinsikament iffrankar komuni ċar għall-benessri ta’ kulħadd; huwa tal-fehma li l-miżuri ta' awsterità adottati fil-livell nazzjonali m'għandhomx iwasslu għal tnaqqis ekwivalenti fil-livell tal-UE, peress li euro wieħed li jintefaq f'dan il-livell jista' jwassal għal iffrankar fis-27 Stat Membru;

4.  Jenfasizza li, fi żminijiet ta’ kriżi aktar minn qatt qabel, l-isforzi kollettivi meħuda fil-livell tal-UE jridu jissaħħu sabiex ikun żgurat li l-azzjonijiet tagħna jiksbu r-riżultati mixtieqa; jenfasizza l-fatt li l-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea bl-effett ta’ lieva tiegħu, il-prijoritajiet fil-baġits nazzjonali kif ukoll l-istrumenti Ewropej kollha l-oħra, iridu jappoġġaw il-politiki ta’ rkupru tal-Istati Membri u jeħtieġ li jkunu allinjati mal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-Tkabbir u l-Impjiegi, u li dan huwa essenzjali għas-suċess tal-Istrateġija u sabiex tinżamm il-fiduċja fil-politiki tal-UE, speċjalment fost iċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li, meta jitqies ir-rwol tiegħu bħala katalist għall-investiment, it-tnaqqis fil-livell tal-baġit tal-UE jkollu impatt negattiv fuq il-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni;

5.  Hu tal-fehma li l-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi tirrikjedi azzjonijiet speċifiċi u sforzi baġitarji msaħħa li jappoġġaw il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-impriżi żgħar u medji (SMEs), peress li ħafna mill-potenzjal ekonomiku tal-UE jinsab fl-SMEs, li, skont l-aħħar studji li saru, ħolqu 85 % tal-impjiegi ġodda nett fl-UE bejn l-2002 u l-2010 u huma s-sinsla tat-tkabbir ekonomiku tagħna; għaldaqstant il-promozzjoni ta' mentalità imprenditorjali u l-ħolqien ta' negozji ġodda bis-saħħa ta' azzjonijiet konkreti hija ta’ importanza kbira u riżorsi adegwati għandhom ikun pprovduti f'dan ir-rigward; jirrikonoxxi għalhekk li jeħtieġ isiru sforzi sabiex jissaħħaħ l-iffinanzjar tal-UE b'appoġġ għall-isforzi ta' tkabbir;

6.  Jenfasizza li dan l-appoġġ jista’ jkun strumentali biex jiġi evitat li l-SMEs inaqqsu l-investimenti tagħhom, b'mod partikolari fir-riċerka u l-iżvilupp, waqt li fl-istess ħin jippromwovi l-impjiegi u t-taħriġ professjonali, speċjalment għaċ-ċittadini aktar żgħażagħ, u jiżgura li l-ħiliet jiġu konservati, u b'hekk il-potenzjal innovattiv tal-SMEs ikun megħjun jiżviluppa, li hu essenzjali għall-prosperità tal-UE u għall-ħolqien ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li l-proċedura ta' applikazzjoni għall-programmi ffinanzjati mill-UE tiġi ssimplifikata aktar;

7.  Jemmen li żieda fl-investimenti permezz tal-baġit tal-UE f'ekonomija sostenibbli tista’ twassal għal rata ogħla ta' ħolqien ta' impjiegi minn dik bil-baġit attwali; dawn l-investimenti jistgħu għaldaqstant jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex iġibu lill-UE lura fit-triq tat-tkabbir;

8.  Jenfasizza l-fatt li r-riżultati tal-Istrateġija Ewropa 2020 jiddependu fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq iż-żgħażagħ ta’ llum, li huma l-aktar edukati, l-aktar avvanzati teknikament u mobbli aktar minn qatt qabel, u għalhekk jikkostitwixxu u se jikkostitwixxu l-aqwa riżorsa għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE; huwa mħasseb dwar il-livell għoli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri; għaldaqstant, jenfasizza li kull sforz għandu jsir fil-livell Komunitarju u nazzjonali biex jiżgura li t-tkabbir u l-impjiegi jkunu realtà, speċjalment għaż-żgħażagħ, li jirrappreżentaw il-futur komuni tal-UE;

9.  Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li EUR 82 biljun mill-fondi li għadhom ma ġewx ipprogrammati fl-ambitu tal-fondi strutturali tal-UE (il-Fond Ewropew ta' Żvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew) jiġu minflok destinati sabiex jgħinu lill-SMEs u biex jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jitlob li jinżamm mgħarraf kif xieraq dwar din l-inizjattiva, l-implimentazzjoni tagħha u l-impatt eventwali tagħha fuq il-baġit 2013;

Baġit koordinat tajjeb u responsabbli għall-2013

10. Jenfasizza l-fatt li l-miżuri kollha meħuda sa issa biex jikkumbattu l-kriżi għandhom jgħinu r-ritorn għat-tkabbir; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-miżuri ta’ awsterità mfassla apposta li diġà ttieħdu jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn strumenti mmirati li jwasslu għal żvilupp ekonomiku sostenibbli; jinnota li l-baġit tal-UE għandu rwol deċiżiv f’dan il-kuntest bħala għodda li tiżgura azzjoni koordinata f’waqtha u kkoordinata tajjeb fl-oqsma kollha sabiex jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi fuq l-ekonomija reali kif ukoll bħala katalist li jagħti impetu lill-investiment, lit-tkabbir u lill-impjiegi fl-Ewropa;

11. Jenfasizza li implimentazzjoni koordinata tajjeb, koerenti u f’waqtha ta’ impenji u prijoritajiet politiċi fil-livell nazzjonali u tal-UE tirrikjedi li l-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej jaħdmu flimkien biex jagħtu prijorità lill-infiq pubbliku f'oqsma ta' tkabbir, jevalwaw ex ante l-effetti tal-azzjonijiet ippjanati, iżidu s-sinerġiji ta’ bejniethom u jiżguraw li jkollhom impatt pożittiv billi jneħħu ostakli u jibbenfikaw minn potenzjal mhux utilizzat biżżejjed; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza li jkompli jorganizza qabel is-Samit tar-Rebbiegħa, il-preżentazzjoi mill-Kummissjoni tal-abbozz ta’ baġit tagħha u l-bidu tal-proċeduri baġitarji nazzjonali fl-Istati Membri kif ukoll id-dibattiti interparlamentari dwar l-orjentazzjonijiet ekonomkiċi u baġitarji komuni tal-Istati Membri u tal-Unjoni sabiex jiżgura li jkun hemm koordinazzjoni bejn il-baġits nazzjonali u tal-UE fil-qafas ġenerali tal-attivitajiet imsaħħa tal-Parlament fis-Semestru Ewropew sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tiegħu kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika;

12. Jitlob għall-adozzjoni ta' baġit responsabbli u orjentat lejn il-kisba ta' riżultati, ibbażat fuq infiq ta' kwalità tajba kif ukoll użu ottimali u f’waqtu tal-iffinanzjar eżistenti tal-UE; fl-ispirtu tal-istqarrija tat-30 ta' Jannar 2012 mill-Membri tal-Kunsill Ewropew; jenfasizza l-bżonn li jkun hemm investiment fit-tkabbir u fl-impjiegi, speċjalment f’termini ta’ SMEs u żgħażagħ; jenfasizza l-intenzjoni tiegħu li jinvolvi ruħu, flimkien mal-kumitati parlamentari speċjalizzati, mhux biss fl-identifikazzjoni ta’ oqsma konkreti fejn l-azzjonijet jeħtieġu jissaħħu, iżda wkoll fl-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet negattivi possibbli;

13. Jenfasizza li l-baġit tal-UE jirrappreżenta investiment dirett unikament lejn politiki u azzjoni li jkunu ta' valur miżjud għall-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-baġit tal-UE – li ma jistax iġarrab defiċit – għandu effett ta’ lieva fuq it-tkabbir u l-impjiegi li huwa ħafna ogħla minn dak tal-infiq nazzjonali, kif għandha wkoll il-kapaċità tiegħu li tistimola l-investiment, toħloq stabilità fl-Ewropa u tgħin l-UE toħroġ mill-kriżi ekonomika u finanzjarja preżenti; jenfasizza madankollu l-ħtieġa ta' lieva ta' aktar investimenti sabiex proġetti ewlenin għall-irkupru ekonomiku u l-kompetittività ma jkunux fil-periklu; jenfasizza f'dan il-kuntest, il-fatt li l-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji ġodda u mtejba jistgħu jsaħħu aktar l-effett ta' lieva tan-nefqa tal-UE li tikkontribwixxi għat-tkabbir, billi jattiraw investiment privat u b'hekk jikkumpensaw għal-limitazjonijiet fil-livell nazzjonali u jtejbu n-nefqa pubblika;

14. Ifakkar li bejn l-2000 u l-2011, il-baġits nazzjonali fl-UE żdiedu b’medja ta' 62%, filwaqt li l-ħlasijiet mill-baġit tal-UE żdiedu bi ftit inqas minn 42%, filwaqt li l-UE kibret minn 15 għal 27 Stat Membru;

15. Se jagħti attenzjoni partikolari, fil-kuntest tal-proċedura baġitarja 2013, lill-implimentazzjoni tal-prijoritajiet baġitarji tas-snin preċedenti tal-PE u b’mod partikolari se jsegwi mill-qrib il-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, li hija mħaddna kompletament mill-Istati Membri, f’termini ta’ promozzjoni tal-kompetittività u l-impjiegi, kif ukoll tal-prijoritajiet settorjali l-oħra tagħha;

16. Jilqa’ l-fatt li fl-aħħar verżjoni tal-ipprogrammar finanzjarju għall-2012-13 il-Kummissjoni rrispettat il-prijoritajiet baġitarji tal-PE, kif għamlet fl-2011, billi ma mingħajr ma kkumpensat għal żidiet li saru fil-passat; jitlob sabiex l-abbozz ta' baġit 2013 isegwi l-istess direzzjoni;

17. Ifakkar li l-limiti għal bosta intestaturi, b’mod partikolari għall-Intestatura 1a (kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi) u l-Intestatura 4 (l-UE bħala attur globali) fi ħdan il-qafas finanzjarju attwali mhumiex biżżejjed sabiex jitwettqu l-politiki approvati bħala prijoritajiet mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni; ifakkar barra minn hekk, li l-approprjazzjonijiet allokati għal xi politiki kellhom jiġu riveduti bosta drabi sabiex jintlaħqu l-objettivi u l-kompiti, li wassal sabiex l-użu tal-Istrument tal-Flessibilità jsir neċessità għal kważi kull baġit annwali; jenfasizza li mhuwiex se jaċċetta li impenji politiki tal-UE li ilhom jeżistu jitqiegħdu fil-periklu; ifakkar, b’mod partikolari, li l-impenji finanzjarji mniżżla fi ftehimiet internazzjonali u/jew ftehimiet bejn l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu rrispettati u inklużi kif xieraq fl-abbozz ta' baġit;

Baġit tal-2013 orjentat lejn il-kisba tal-objettivi tal-programmi u l-prijoritajiet tal-Unjoni

18. Ifakkar li l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) 2007-2013 kien maħsub biex itejjeb il-prosperità u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna u biex jisfrutta l-potenzjal kollu tat-tkabbir, iżda madankollu mill-2008 ’l hawn l-UE esperjenzat kriżi li qatt ma rajna bħalha, li ħalliet impatt ukoll fuq kull wieħed mill-baġits annwali; jenfasizza l-fatt f'dan l-isfond li l-qafas finanzjarju 2007-2013 ma kienx rivedut biex jakkomoda ħtiġijiet ta’ finanzjament addizzjonali li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u min-naħa l-oħra marġni globali sostanzjali tħallew taħt il-limiti massimi ġenerali f’kull baġit annwali sa mill-2007 u li għalhekk il-baġits annwali kollha kienu ristretti u awsteri; jenfasizza li l-ħlasijiet korrispondenti għandhom tal-anqas għalhekk ikunu mħallsa skont iċ-ċiklu tal-baġit normali; ifakkar li fil-każ tal-programmi multiannwali, il-ħlasijiet huma maqtugħa mill-approprjazzjonijiet għall-impenji biss minħabba l-perjodu ta' żmien, qabel il-ħlas attwali tal-fondi;

19. Jenfasizza li, billi l-2013 hija l-aħħar sena tal-perjodu ta' programmar attwali, se ​​jkun meħtieġ li jiġi rkuprat id-dewmien f'termini ta' ħlasijiet, bħalma dejjem kien il-każ fit-tmiem tal-perspettivi finanzjarji, minħabba l-bidu tal-proċess ta’ finalizzazzjoni tal-programmi 2007-2013 , u, f'termini ta' impenji, sabiex ikunu rrispettati l-ammonti tal-programmazzjoni finanzjarja, li huma qrib l-EUR 152 biljun għall-2013; itenni li kull qtugħ artifiċjali tal-livell ta’ ħlasijiet se jtawwal iż-żmien biex jinkisbu l-obbligi kuntrattwali u l-impenji li għaddew tal-UE u jista' jwassal ukoll għal interessi moratorji u telf tal-kunfidenza fil-politiki Ewropej u fil-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza għalhekk li d-dejn kuntrattwali għandu jitħallas kemm jista’ jkun malajr bħala kwistjoni ta’ dixxiplina baġitarja;

20. Jinnota li l-livell ta' ħlasijiet li, billi huwa sempliċement ir-riżultat ta' impenji li għaddew, għandu jkun determinat fuq il-bażi ta' kriterji tekniċi bħaċ-ċifri ta’ implimentazzjoni, il-previżjoni tal-assorbiment jew il-livell ta’ impenji pendenti (RALs), sar il-kwistjoni politika prinċipali fi ħdan il-Kunsill fil-ftit proċeduri baġitarji li għaddew; jiġbed l-attenzjoni għal-livell dejjem akbar ta’ RALs fi tmiem l-2011, li jammontaw għal EUR 207 biljun, li jirrappreżentaw kważi 7 % aktar mil-livell ta' tmiem l-2010; fid-dawl tal-laqgħa interistituzzjonali li ġejja dwar id-differenza bejn approprjazzjonijiet għal impenji u approprjazzjonijiet għal ħlasijiet, se jistabbilixxi djalogu mal-Kummissjoni sabiex jiġi ċċarat bis-sħiħ kif inhuma komposti r-RALs; jinsisti li l-Kunsill għandu jastjeni milli jiddeċiedi minn qabel il-livell ta’ ħlasijiet mingħajr ma jqis il-bżonnijiet reali u l-obbligi legali; jinnota ulterjorment li l-akkumulazzjoni ta' RALs fil-fatt iddgħajjef it-trasparenza tal-baġit tal-UE, li juri biċ-ċar kif l-impenji u l-ħlasijiet huma relatati f'sena baġitarja speċifika;

21. Jenfasizza l-fatt li approċċ sempliċement ibbażat fuq ir-rabta ‘kontributur nett tal-baġit tal-UE/benefiċjarju nett tal-baġit tal-UE’ ma jqisx kif xieraq l-effetti importanti ta’ konsegwenza li l-baġit tal-UE joħloq fost il-pajjiżi tal-UE li huma ta’ benefiċċju għall-objettivi politiċi komuni tal-UE; jinsab imħasseb sew biż-żidiet moderati ħafna fil-ħlasijiet tal-aħħar żewġ baġits, li fil-każ tal-baġit 2012 kienu saħansitra anqas mil-livell ta’ inflazzjoni, fi żmien kruċjali meta l-programmi ta’ investiment kollha għandhom iwettqu bis-sħiħ il-potenzjalità tagħhom u jimxu b’ritmu qawwi;

22. Jenfasizza li finanzjament insuffiċjenti għandu jiġi evitat bħala kwistjoni ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u li l-approprjazzjonijiet jeħtieġ li jiġu allinjati ma’ stimi realtistiċi tal-kapaċità ta’ assorbiment; jinnota li t-tnaqqis artifiċjali tal-livell ta’ approprjazzjonijiet meta mqabbel mal-istimi realistiċi tal-Kummissjoni jista' min-naħa l-oħra jwaqqaf il-livell definittiv tal-implimentazzjoni baġitarja milli jikseb il-potenzjal sħiħ tiegħu; ifakkar li l-livell ta' approprjazzjonijiet għal ħlasijiet propost mill-Kummissjoni fl-abbozz ta' baġit tagħha huwa determinat l-aktar mill-previżjonijiet tal-Istati Membri nnifishom u l-kapaċità ta' implimentazzjoni tagħhom, billi l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni jimmaniġġjaw aktar minn 80% tal-fondi tal-UE;

23. Jiddispjaċih mill-fatt li, waqt li l-Kunsill f'Diċembru 2011 irrifjuta jiffinanzja ħtiġijiet addizzjonali identifikati, xi talbiet ta’ ħlasijiet li jammontaw għal aktar minn EUR 10 biljun ma setgħux jiġu onorati aktar tard lejn tmiem l-2011, u li issa dan kollu qed iħalli impatt dirett fuq il-ħlasijiet disponibbli għall-2012; jinsab imħasseb li dan irriżulta mill-fatt li l-Kunsill iddubita mid-data marbuta mal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni u l-valutazzjonijiet tagħha tal-bżonnijiet mingħajr ma ressqet ebda data jew sors alternattiv;

24. Jinsab għalhekk estremament imħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-ħlasijiet fl-2012 u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti sabiex tinsab soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr din is-sena, sabiex il-problema ma terġax tiġi posposta għall-2013; hu tal-fehma, barra minn hekk, li użu ta’ dan it-tip tal-approprjazzjonijiet tas-sena li ġejja biex jiġu ffinanzjati l-bżonnijiet attwali jikkostitwixxi ġestjoni finanzjarja ħażina u jikser il-prinċipju tal-annwalità tal-baġit; jesprimi tħassib serju li din il-prattika ddgħajjef il-prinċipju ta’ ebda dejn tal-Unjoni;

25. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill biex jevita milli jwettaq qtugħ artifiċjali fil-ħlasijiet matul il-proċedura baġitarja, u jenfasizza li dan jidher li qed iwassal għal livell mhux sostenibbli ta' ħlasijiet; jirrikjedi, fil-każ li jsiru proposti bħal dawn, li l-Kunsill b’mod ċar u pubblikament jidentifika u jiġġustifika liema mill-programmi jew proġetti tal-UE jemmen li jistgħu jiġu ttardjati jew abbandunati kompletament;

26. F’dan il-kuntest, jitlob lill-Kunsill jallinja l-pożizzjoni tiegħu ma’ waħda ta' bbaġitajr realistiku u responsabbli, u jimpenja ruħu li jkompli jissorvelja b’mod kostanti l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-2012 u, b’mod partikolari, il-ħlasijiet; jistieden lill-Kunsill jagħmel l-istess, sabiex l-awtorità baġitarja tkun tista’ taħdem fuq il-bażi ta’ data ta’ implimentazzjoni komuni u aġġornata u tagħmel estimi affidabbli tan-nefqa; għal dan il-għan, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal laqgħa interistituzzjonali li se ssir matul l-ewwel semestru tal-2012 fil-livell politiku xieraq bil-għan li jiġi ċċarat u solvut kull nuqqas ta’ ftehim possibbli fir-rigward taċ-ċifri tal-implimentazzjoni u l-ħlasijiet previsti u biex flimkien jevalwaw is-sitwazzjoni tal-ħlasijiet għas-snin baġitarji 2012 u 2013;

27. Jilqa’ l-ftehim milħuq dwar l-iffinanzjar tal-ispejjeż addizzjonali tal-ITER f’Diċembru 2011; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispetta fl-intier tagħhom il-konklużjonijiet konġunti li jinsabu f'dan il-ftehim u tressaq proposti konkreti fuq l-ammont ta' EUR 360 miljun fl-abbozz ta' baġit 2013, bl-użu sħiħ tad-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament Finanzjarju u fil-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 eskluża kull reviżjoni addizzjonali marbuta mal-ITER tal-MFF; itenni l-konvinzjoni qawwija tiegħu li l-iżgurar tal-ammont ta’ EUR 360  miljun fil-baġit 2013 ma għandux ifixkel l-implimentazzjoni ta’ suċċess ta’ politiki oħra tal-UE speċjalment dawk li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija tal-UE 2020 matul din l-aħħar sena tal-perjodu ta’ programmar u jirrikjedi speċifikament li riassenjazzjonijiet possibbli m'għandhomx jiksru dawn il-prijoritajiet baġitarji; jenfasizza li l-Kummissjoni fl-ipprogrammar finanzjarju tagħha tipprevedi marġni ta' EUR 47 miljun f'Intestatura 1a li tkopri parzjalment il-ħtiġijiet għall-ITER;

28. Jistenna, minħabba l-adeżjoni li ġejja tal-Kroazja fl-1 ta’ Lulju 2013, li r-reviżjoni tal-MFF tkun adottata malajr, f’konformità mal-Punt 29 tal-IIA ( ‘L-Aġġustament tal-qafas finanzjarju biex jaħseb għat-tkabbir’) u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha għall-approprjazzjonijiet addizzjonali korrispondenti hekk kif l-Att ta’ Adeżjoni jkun ġie ratifikat mill-Istati Membri kollha; itenni li t-tkabbir li jinkludi l-Kroazja għandu jkun akkumpanjat minn fondi addizzjonali adegwati bi flus ġodda aktar milli riassenjazzjonijiet għat-tieni parti tal-2013;

Nefqa amministrattiva

29. Jieħu nota tal-ittra tat-23 ta’ Jannar 2012 mill-Kummissarju għall-Baġits u l-Ipprogrammar Finanzjarju li tesprimi r-rieda tal-Kummissjoni li tnaqqas l-għadd ta’ postijiet fit-tabella tal-persunal b’1 % sa mill-2013 filwaqt li jitqiesu b'attenzjoni l-effetti varji fuq id-direttorati ġenerali kbar, ta' daqs medju u żgħar; bi ħsiebu janalizza mill-qrib l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas sal-2018 il-persunal fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE b'5 % meta mqabbel mal-2013, u jfakkar li dan għandu jitqies bħala objettiv ġenerali; ifakkar li kwalunkwe tibdil fil-pjan ta' stabbiliment għandu impatt dirett fuq il-baġit u m'għandu bl-ebda mod jikkomprometti l-prerogattivi baġitarji tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Parlament Ewropew; iqis li kull tnaqqis tal-persunal fuq perjodu ta’ żmien qasir u fit-tul għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni tal-impatt preliminari u jikkunsidra bis-sħiħ, inter alia, l-obbligi legali tal-Unjoni kif ukoll il-kompetenzi l-ġodda tal-istituzzjonijiet u ż-żieda fil-kompiti li joħorġu mit-trattati;

30. Ifakkar fl-importanza ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali mill-qrib u kostruttiva matul il-proċedura u jafferma r-rieda tiegħu li jikkontribwixxi bis-sħiħ għal din il-kooperazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE; jistenna li l-linji gwida preżenti jitqiesu bis-sħiħ matul il-proċedura baġitarja kif ukoll fit-tħejjija tal-abbozz tal-baġit;

○         ○

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p.1.
  • [2]  ĠU L 000, 00.00.2012, p.0.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

3

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Richard Ashworth, Reimer Böge, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Estelle Grelier, Carl Haglund, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Jan Kozłowski, Giovanni La Via, George Lyon, Barbara Matera, Claudio Morganti, Miguel Portas, Dominique Riquet, László Surján, Derek Vaughan, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Hynek Fajmon, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Peter Jahr, Jürgen Klute, María Muñiz De Urquiza, Paul Rübig, Peter Šťastný, Theodor Dumitru Stolojan, Gianluca Susta

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Hannu Takkula