RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krisztina Morvai
7.3.2012 - (2010/2285(IMM))
Kumitat dwar l-Affarijiet Legali
Rapporteur: Eva Lichtenberger
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krisztina Morvai
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Krisztina Morvai, imressqa fit-13 ta' Ottubru 2010 mill-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Pest f’Budapest (l-Ungerija) b'rabta mal-proċedimenti pendenti quddiem din il-qorti, u mħabbra fis-seduta plenarja tal-24 ta’ Novembru 2010,
– wara li sema’ lil Krisztina Morvai, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra s-sottomissjonijiet bil-miktub mill-Qorti Distrettwali Ċentrali tad-19 ta’ Diċembru 2011 bi tweġiba għat-talba tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 7(3) għal aktar informazzjoni u spjegazzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta’ Ottubru 2008, tad-19 ta’ Marzu 2010 u tas-6 ta’ Settembru 2011[1],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0050/2012),
A. billi l-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Pest talbet it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, Krisztina Morvai, b’rabta mal-proċedimenti quddiemha;
B. billi t-talba mill-Qorti tirreferi għal proċedimenti kriminali relatati mal-offiża kriminali ta’ malafama pubblika b’konnessjoni ma’ dikjarazzjonijiet magħmula minn Krisztina Morvai rigward individwu privat fl-Ungerija;
C. billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħux ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom;
D. billi l-fatti tal-każ, kif manifestat fis-sottomissjonijiet li saru mill-Qorti lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet saru fi żmien meta Krisztina Morvai ma kinitx Membru tal-Parlament Ewropew;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ Krisztina Morvai;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Ungerija u lil Krisztina Morvai.
- [1] Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure et [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament [2008] Ġabra II-2849, Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, u Kawża T-42/06 Gollnisch vs Il-Parlament (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra) u l-Kawża C-163/10 Patriciello (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra).
NOTA SPJEGATTIVA
1. Sfond
Waqt is-sedura tal-24 ta’ Novembru 2010 l-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li fit-13 ta’ Ottubru 2010 kien irċieva talba mill-Qorti Distrettwali Ċentali ta’ Pest rigward it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Krisztina Morvai b’referenza għall-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.
Il-President irrefera din it-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(2). Il-Kumitat sema’ lil Krisztina Morvai fil-25 ta’ April 2011, bi qbil mal-Artikolu 7(3), u wara dan il-Kumitat iddeċieda li jitlob aktar informazzjoni u spjegazzjonijiet, ukoll skont l-Artikolu 7(3), mill-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Pest. Il-Qorti pprovdiet l-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet mitluba f’ittra tad-19 ta’ Diċembru 2011.
L-isfond tat-tneħħija tal-immunità huwa kif ġej: Fl-14 ta’ April 2005, is-Sur János Zombori, resident tal-Ġermanja, ressaq ilment mad-Dipartiment tal-Pulizija Nazzjonali f’Budapest, l-Ungerija, kontra “awturi ta’ reati mhux magħrufa” għall-offiża ta’ malafama pubblika skont l-Artikolu 179(1) tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż, li rrefera għal numru kbir ta’ rapporti tal-midja f’artikli stampati, fuq l-internat u fuq it-televiżjoni minn Marzu sa April 2005 li fihom is-Sur Zombori allegatament abbuża fiżikament u mentalment minn ibnu. Fit-8 ta’ Mejju u l-15 ta’ Lulju 2005 l-kwerelant ippreżenta listi ta’ rapporti addizzjonali fil-midja li kien fihom allegazzjonijiet simili, u talab li l-awturi tal-artikoli, il-kompilaturi u l-edituri tar-rapporti u l-persuni li għamlu d-dikjarazzjonijiet jiġu identifikati u miżmuma responsabbli.
Wara li semgħet lill-kwerelant fis-6 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tat ordni li jingħata bidu għal investigazzjoni. Bħala riżultat ta’ din l-investigazzjoni, lista ta’ persuni li allegatament ikkommettew reat, li kienet tinkludi lil Krisztina Morvai, ġiet ippreżentata u rreġistrata fil-Qorti fit-12 ta’ Frar 2007, u l-kwerelant iddikjara fl-14 ta’ Marzu 2007 li xtaq li l-proċedimenti kontra l-persuni li allegatament ikkommettew reat ikomplu sejrin.
Il-Qorti kellha seduta ta’ smigħ fit-28 ta’ Mejju 2008, li għaliha ġew imsejħa kemm il-kwerelant kif ukoll Krisztina Morvai li taw ġustifikazzjoni għall-assenza tagħhom, fejn iddeċidiet li tissepara l-proċedimenti f’żewġ kawżi, waħda li tikkonċerna l-awturi tar-reati identifikati u oħra li tikkonċerna persuni għadhom mhux identifikati.
Minħabba n-nuqqas ta’ persuni mhux identifikati fil-kawża tal-aħħar, il-Qorti ddeċidiet fil-15 ta’ Diċembru 2008 li temm dawn il-proċedimenti. Din id-deċiżjoni ġiet appellata mill-kwerelant, u l-Qorti Muniċipali ta’ Budapest qelbet id-deċiżjoni fis-26 ta’ Frar 2009 u għalhekk il-prċedimenti reġgħu bdew.
Il-Qorti stabbiliet seduta ta’ smigħ fit-30 ta’ Settembru 2009, iżda peress li l-kwerelant ma deherx din ġiet posposta għall-4 ta’ Mejju 2010, u sussegwentement il-kwerelant ġie mistieden jikkjarifika l-akkużi. Fit-23 ta’ Ġunju 2010 l-kwerelant indika li xtaq li l-proċedimenti kriminali jitkomplu kontra żewġ awturi identifikati tar-reati li kienu għamlu dikjarazzjonijiet speċifikati fuq it-televiżjoni, li waħda minnhom kienet Krisztina Morvai.
Il-Qorti ssospendiet il-proċedimenti fit-8 ta’ Ottubru 2010 sabiex tagħmel talba lill-Parlament Ewropew biex titneħħa l-immunità parlamentari ta’ Krisztina Morvai.
Il-Qorti infurmat lill-Kumitat li l-perjodu ta’ limitazzjoni skont il-Kodiċi Kriminali Ungeriż għal offiża huwa perjodu li jikkorrispondi għal-limitu massimu tal-piena preskritta iżda mhux inqas minn tliet snin. Peress li l-piena preskritta għall-malafama pubblika hija sentejn skont il-kodiċi kriminali, il-perjodu ta’ limitazzjoni għal din l-offiża huwa għalhekk il-minimu ta’ tliet snin. Dan il-perjodu ta’ limitazzjoni huwa madankollu interrott mill-bidu ta’ proċedimenti kriminali kontra persuni li allegatament iwettqu reat.
Min-naħa tagħha, Krisztina Morvai qed tissottometti li l-Parlament għandu jsostni l-immunità parlamentari tagħha. Għalkemm hija tirrikonoxxi l-fatt li effettivament għamlet id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, hija għamlithom fil-kapaċità tagħha bħala attivista favur id-drittijiet tan-nisa, u fi kwalunkwe każ ma ġiet infurmata bl-ebda investigazzjoni jew proċedimenti kontrieha bejn l-14 ta’ April 2005, meta l-ilment oriġinali sar, u l-14 ta’ April 2008, meta l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-offiża jkun skada. Il-perjodu ta’ limitazzjoni, għalhekk, skada fit-8 ta’ Ottubru 2010, meta t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari kienet saret. Hija tqis li l-kwerelant u l-Qorti komplew bil-proċedimenti kontrieha biss wara li kienet ġiet eletta bħala Membru tal-Parlament Ewropew fl-2009.
2. Il-liġi u l-proċedura tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew
L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) tat-TFUE dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jaqraw kif ġej (enfasi miżjuda):
Artikolu 8
Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu soġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Artikolu 9
Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu, għandhom igawdu:a.
fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;b.
fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.
L-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-Membri tiegħu.
Il-proċedura fi ħdan il-Parlament Ewropew hija regolata mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet relevanti jaqraw kif ġej (enfasi miżjuda):
Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità
1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġislattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.2.
Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta' xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli. (...)
Artikolu 7 - Proċedura dwar l-immunità
1. Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skont l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.2.
Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.3.
Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar jekk l-immunità għandhiex tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor. (...)7.
Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.(...)
3. Ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni proposta
Peress li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni saru fl-2005, kienu saru qabel ma Krisztina Morvai saret Membru tal-Parlament Ewropew wara li kienet ġiet eletta fl-elezzjonijiet tal-2009 għall-Parlament Ewropew.
Kif kienet sabet il-qorti tal-Ġustizzja, il-portata tal-immunità assoluta li jipprovdi għaliha l-Artikolu 8 “għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tad-dritt Komunitarju biss”[1]. Il-Qorti reċentement iddikjarat li “dikjarazzjoni magħmula minn Membru Parlamentari Ewropew barra mill-Parlament Ewropew li tat lok għal proċeduri kriminali fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu minħabba reat ta’ kalunnja ma tikkostitwixxix opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari koperta bl-immunità stipulata f’din id-dispożizzjoni ħlief meta din id-dikjarazzjoni hija evalwazzjoni suġġettiva li għandha rabta diretta u ovvja mal-qadi ta’ tali dmirijiet.”[2] (enfasi miżjuda).
Fuq il-bażi tad-dokumenti li waslu mill-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Pest u l-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet addizzjonali pprovduti wara t-talba tal-Kumitat, jidher li l-proċedimenti kriminali kontra Krisztina Morvai ġew interrotti bosta drabi bejn l-14 ta’ April 2005, meta ngħata bidu għall-proċedimenti, u t-8 ta’ Ottubru 2010, meta t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari saret, u li l-perjodu ta’ limitazzjoni kien ilu għaddej biss għal perjodi ta’ żmien limitati ħafna meta l-kwerelant ingħata l-istruzzjoni biex jagħti notifiki jew jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-Qorti. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-offiża allegata, għalhekk, ma kienx skada fit-8 ta’ Ottubru 2010.
Quddiem dan kollu, il-Kumitat jikkunsidra li l-fatti tal-każ, kif manifestat fit-talba għat-tneħħija tal-immunità, fis-sottomissjonijiet bil-miktub lill-Kumitat u fis-seduta ta’ smigħ ta’ Krisztina Morvai, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet saru fi żmien meta ma kinitx Membru tal-Parlament Ewropew u li l-perjodu ta’ limitazzjoni tal-offiża allegata ma kienx skada wara li nbdew proċeduri kriminali.
Il-Kumitat għalhekk jikkunsidra li, meta għamlet id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, Krisztina Morvai ma kinitx qed taġixxi fil-qadi ta’ dmirijietha bħala Membru tal-Parlament Ewropew.
4. Konklużjoni
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra d-difiża tal-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari ta' Krisztina Morvai.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
1.3.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
13 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Luigi Berlinguer, Françoise Castex, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Dimitar Stoyanov, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Piotr Borys, Eva Lichtenberger, Dagmar Roth-Behrendt |
||||