RAPPORT li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati rigward il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Azerbajġan

27.3.2012 - (2011/2316(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Anneli Jäätteenmäki


Proċedura : 2011/2316(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0071/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati rigward il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Azerbajġan

(2011/2316(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bejn l-UE u l-Azerbajġan dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Azerbajġan tal-10 ta' Mejju 2010, li fihom ġew adottati d-direttivi għan-negozjati,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni (PCA) bejn l-Azerbajġan u l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Żvilupp tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) adottat fl-14 ta’ Novembru 2006,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ffirmata mill-Presidenti tal-Armenja, tal-Azerbajġan u tal-Federazzjoni Russa fit-2 ta’Novembru 2008 f'Moska,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta ffirmata mill-Presidenti tal-Armenja, tal-Azerbajġan u tal-Federazzjoni Russa fit-23 ta’ Jannar 2012 f’Sochi,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa mis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar is-Sħubija tal-Lvant,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar iffirmata mill-President tal-Azerbajġan u mill-President tal-Kummissjoni fit-13 ta’ Jannar 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa mis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Varsavja fid-29-30 ta' Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Att Kostitwenti tal-Assemblea Parlamentari UE-Viċinat tal-Lvant (EURONEST) tat-3 ta’ Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan tal-20 ta’ Mejju, tas-27 ta’ Mejju u tat-12 ta’ Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-Azerbajġan, b’mod partikolari dik tat-12 ta' Mejju 2011[1],

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tal-OSCE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari tas-7 ta' Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni dwar il-kompatibilità tal-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi tar-Repubblika tal-Azerbajġan mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem li ġiet adottata mill-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa fl-14-15 ta’ Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-abbozz ta’ liġi dwar l-emendi għal-liġi dwar il-partiti politiċi tar-Repubblika tal-Azerbajġan li ġiet adottata mill-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa fis-16-17 ta’ Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-Ħtieġa għal Strateġija tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed[3] u tas-17 ta’ Jannar 2008 dwar Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed[4],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar ‘Reazzjoni ġdida għal viċinat li qed jinbidel’ tal-25 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat adottati fis-7 ta’ April 2011[5] (Dimensjoni tal-Lvant) u fl-14 ta’ Diċembru 2011[6],

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Progress tal-Kummissjoni dwar l-Azerbajġan adottat fil-25 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/518/PESK tal-25 ta’ Awwissu 2011 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u għall-kriżi fil-Ġeorġja,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru. 13/2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ir-riżultati tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) fil-Kawkasu tan-Nofsinhar,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta’ Azzjoni Nazzjonali ġdid biex tiżdied l-effettività tal-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Azerbajġan li ġie approvat mill-President tal-pajjiż fis-27 ta’ Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-Digriet ta’ Maħfra ffirmat mil-President tal-Azerbajġan fis-26 ta’ Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0071/2012),

A. billi l-Azerbajġan għandu rwol importanti fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea, u billi l-livell tat-tkabbir ekonomiku li l-Azerbajġan kellu f’dawn l-aħħar snin kien wieħed notevoli;

B.  billi s-Sħubija tal-Lvant issaħħaħ ir-relazzjonijiet multilaterali bejn il-pajjiżi involuti, tikkontribwixxi għall-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ esperjenzi dwar il-kwistjonijiet relatati mat-trasformazzjoni, ir-riforma u l-modernizzazzjoni, u tipprovdi lill-Unjoni Ewropea bi strumenti addizzjonali biex tappoġġja dawn il-proċessi;

C. billi s-Sħubija tal-Lvant tipprovdi l-qafas politiku għat-tisħiħ ta’ relazzjonijiet bilaterali permezz ta’ ftehimiet ta' assoċjazzjoni ġodda, filwaqt li tikkunsidra s-sitwazzjoni speċifika, il-benefiċċji reċiproċi u l-ambizzjonijiet tal-UE u tal-pajjiż sieħeb u l-interess strateġiku tal-UE fl-istabbiltà u l-iżvilupp demokratiku tar-reġjun;

D.  billi l-kooperazzjoni parlamentari, fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant Ewropea u b’mod bilaterali, hija element prinċipali sabiex tiġi żviluppata kooperazzjoni politika avvanzata bejn l-UE u l-Azerbajġan;

E.  billi l-Azerbajġan sar fornitur importanti tal-enerġija għall-UE kif ukoll pajjiż importanti ta’ tranżitu għar-riżorsi tal-enerġija li ġejjin b’mod partikolari mill-Asja Ċentrali u billi l-UE hija suq tal-enerġija importanti għall-Azerbajġan; billi sar progress tajjeb fil-qasam tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-enerġija, li tinkludi l-appoġġ tal-Azerbajġan lill-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar;

F.  billi l-Azerbajġan għandu rwol pożittiv fil-qafas tal-PEV u jikkontribwixxi biex jiġu solvuti l-problemi tal-UE rigward is-sigurtà tal-enerġija;

G.  billi l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jikkostitwixxu l-qafas xieraq sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet permezz tat-tisħiħ tal-assoċjazzjoni politika, l-integrazzjoni ekonomika u l-approssimazzjoni legali mal-UE u permezz tal-iżvilupp ta’ relazzjonijiet kulturali, b'impatt importanti fuq il-proċess ta' demokratizzazzjoni;

H.  billi, f’dan ir-rigward, id-dimensjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant tikkumplimenta dik bilaterali u ma tistax tiġi separata minnha u għandha tiżviluppa b’mod simultanju man-negozjati tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni li qed isiru sabiex tiġi mwittija t-triq għall-implimentazzjoni sħiħa tagħhom u sabiex tiġi stabbilita l-bażi għal kooperazzjoni reġjonali ġenwina kif stipulat mill-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Politika Ewropea tal-Viċinat;

I.   billi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jwassal għal benefiċċji u opportunitajiet tanġibbli għan-nies tal-Azerbajġan u tal-Unjoni Ewropea;

J.   billi l-Unjoni Ewropea poġġiet id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt bħala aspett ċentrali tal-PEV;

K.  billi l-impenn attiv tal-Azerbajġan favur valuri u prinċipji komuni, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, it-tmexxija tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, huwa essenzjali biex il-proċess ikompli miexi u sabiex jassigura li n-negozjati u l-implimentazzjoni sussegwenti ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jkunu ta’ sinifikat iżda billi bħalissa hemm tħassib rigward ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni għall-avversarji politiċi tal-amministrazzjoni attwali;

L.  billi l-Azerbajġan mexa ’l quddiem b’mod rapidu fil-qasam tal-ICT, b’mod partikolari fir-rigward tal-governanza elettronika, li żżid it-trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika u tgħin biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u biex ikun hemm aċċess aktar faċli għas-servizzi pubbliċi u l-informazzjoni u tingħata spinta addizzjonali għad-demokratizzazzjoni tal-Azerbajġan;

M.  billi l-Assemblea Parlamentari Euronest se jkollha t-tieni Sessjoni Plenarja tagħha f’Baku f’April 2012, u b’hekk se tkun qed tipprovdi forum siewi biex jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mad-demokrazija, il-politika, l-enerġija, is-sigurtà u d-diffikultajiet soċjali;

N.  billi fir-relazzjonijiet tagħha mal-Armenja u l-Azerbajġan l-UE tirrispetta l-prinċipji ta’ sovranità u ta’ integrità territorjali u fl-approċċ tagħha għas-soluzzjoni tal-kunflitti reġjonali tappoġġja l-prinċipji bażiċi tal-Att Finali ta’ Ħelsinki; billi l-kunflitt li ma nstabitx soluzzjoni għalih ta' Nagorno-Karabakh qed idgħajjef l-istabilità u l-iżvilupp tar-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar u qed ifixkel l-iżvilupp sħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; billi fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħha dwar ‘Reazzjoni ġdida għal viċinat li qed jinbidel’ l-UE ddikjarat l-ambizzjoni tagħha li jkollha sehem aktar proattiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fin-Nofsinhar tal-Kawkasu u li ssaħħaħ l-appoġġ tagħha biex tinbena l-fiduċja u billi lesta li żżid l-involviment tagħha fil-forom fejn għad mhijiex rappreżentata, eż. il-Grupp ta’ Minsk tal-OSKE;

O.  billi r-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar għandu r-rwol importanti li jikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti fir-reġjun;

P. billi l-Azerbajġan qed juri li hu ferm impenjat fil-kooperazzjoni parlamentari multilaterali fl-Assemblea Parlamentari tal-Euronest u huwa l-ewwel pajjiż tas-Sħubija tal-Lvant li se jospita s-sessjoni plenarja tagħha (f’Baku fit-2-4 ta’ April 2012);

Q.  billi l-ħatra tal-Azerbajġan fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għall-perjodu 2012-2013 toffri opportunità tajba għal aktar konsultazzjoni u allinjament tal-politiki tal-pajjiż mad-dikjarazzjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) tal-UE sabiex jiġu promossi aktar paċi u stabbiltà internazzjonali;

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna: huma għandhom:

(a) jassiguraw li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jkun qafas komplet u li jħares ’il quddiem għall-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet mal-Azerbajġan, qafas li jsaħħaħ l-assoċjazzjoni politika, il-konverġenza ekonomika u l-approssimazzjoni tal-liġijiet u jirrifletti r-relazzjoni li l-Unjoni Ewropea u l-Azerbajġan iddeċidew li jiżviluppaw;

(b) jiżguraw li n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni UE-Azerbajġan u UE-Armenja, bi qbil mat-talbiet magħmula fir-Rapport tal-Parlament dwar il-ħtieġa għal strateġija tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar fl-20 ta' Mejju 2010 u mal-Prinċipji Bażiċi tal-Grupp Minsk tal-OSKE, imnaqqxa fid-dikjarazzjoni konġunta tal-'Aquila' tad-19 ta' Lulju 2009, ikollhom rabta ma' impenji kredibbli biex isir progress sostanzjali ħalli tinstab soluzzjoni għall-konflitt ta' Nagorno-Karabakh, inkluż permezz ta' miżuri biex titkattar il-fiduċja bħal pereżempju d-demilitarizzazzjoni ġenerali, l-irtirar tal-isnipers mil-linja ta' kuntatt, l-irtirar tal-forzi Armeni mit-territorji okkupati madwar Nagorno-Karabakh u r-ritorn tal-kontroll Azerbajġani, kif ukoll mekkaniżmu attiv għall-prevenzjoni tal-inċidenti u l-investigazzjoni ta' vjolazzjonijiet ta' waqfien mill-ġlied matul il-linja ta' kuntatt, id-dritt għal dawk il-persuni kollha spustati u refuġjati internament li jirritornaw lejn djarhom u l-proprjetà tagħhom u garanziji ta' sigurtà internazzjonali li jinkludu operazzjoni ta' żamma tal-paċi multinazzjonali u ġenwina sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa li jwasslu fil-futur għall-espressjoni ħielsa tar-rieda, legalment vinkolanti, dwar l-istat finali ta' Nagorno-Karabakh;

(c) jinkorporaw fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni klawsoli u punti ta’ riferiment dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fir-rigward tal-libertà tal-mezzi tax-xandir, tad-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u tal-libertà ta' għaqda, li jirriflettu l-prinċipji u d-drittijiet imnaqqxa fil-Kostituzzjoni tal-Azerbajġan u l-ogħla standards internazzjonali u Ewropej, bit-tfassil, kemm hu possibbli, fuq l-oqfsa tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE li l-Azerbajġan impenja ruħu għalihom; jistiednu lill-gvern tal-Azerbajġan biex jimplimenta dawn l-impenji; u jassiguraw li n-negozjati jikkunsidraw b’mod sħiħ il-bżonn li jitħarsu d-drittijiet u l-għajxien ta’ persuni spustati fil-pajjiż tagħhom u tar-refuġjati;

(d) iqisu li l-preżenza tal-UE fil-grupp Minsk tal-OSKE żżid l-involviment tal-UE fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Armenja u l-Azerbajġan;

(e)  jenfasizzaw fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni l-importanza li jiġu garantiti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini, inklużi d-dritt tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, u d-drittijiet tal-proprjetà privata, l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontinwa kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu politiku u l-indipendenza tal-mezzi tax-xandir u tal-ġudikatura;

(f)  jenfasizzaw, fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-importanza li r-Repubblika tal-Azerbajġan tikkonforma bis-sħiħ mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

(g) jenfasizzaw, fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-importanza kruċjali tal-libertà ta’ espressjoni għall-avversarji politiċi u jenfasizzaw li relazzjonijiet aktar profondi mal-UE huma bbażati fuq il-kundizzjoni li l-awtoritajiet tal-Azerbajġan jirrispettaw l-istat tad-dritt, jiżguraw proċessi ġusti għall-priġunieri kollha u r-rilaxx mhux kondizzjonat ta’ dawk kollha li ġew arrestati fuq akkużi motivati politikament;

(h) jassistu kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament lill-parlament tal-Azerbajġan biex jiżviluppa b'mod sħiħ il-funzjonijiet, il-korpi u s-servizzi kostituzzjonali tiegħu inkluża interazzjoni mtejba mas-soċjetà ċivili;

(i) jappoġġjaw programmi ta’ għajnuna għall-iżvilupp li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għixien tar-refuġjati u tal-persuni spustati fl-Azerbajġan;

(j) jinkorporaw fil-ftehim klawsoli dwar il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b’konformità mal-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

(k) jagħtu viża lir-Rapporteur Speċjali tal-PACE dwar il-Priġunieri Politiċi sabiex ikun jista’ jżur lill-pajjiż bi qbil mal-mandat tiegħu;

(l)  jesprimu tħassib dwar iż-żieda fin-numru ta’ arresti ta’ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti żgħażagħ, id-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-NGOs u l-partiti politiċi fir-rigward tar-reġistrazzjoni kif ukoll l-intimidazzjoni u r-restrizzjonijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u fuq l-internet, kif ukoll jitwaqqfu kriterji ta' referenza f'dawn l-oqsma, u b'sospensjoni tal-ftehim jekk dawn il-kriterji ta' referenza ma jintlaħqux;

(m)iħeġġu lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan biex jadottaw leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità ta-ġeneri fi kwalunkwe qasam;

(n) iwasslu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni f’konformità mal-Komunikazzjoni Konġunta dwar Reazzjoni Mġedda għal Viċinat li qed Jinbidel, b’hekk jippermettu li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Azerbajġan iwettqu monitoraġġ intern tar-riformi u l-impenji tal-gvern, u jassiguraw li l-gvern jinżamm aktar responsabbli għalihom;

(o) jassiguraw il-koerenza tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-prinċipji tal-liġi internazzjonali – b’mod partikolari, dawk definiti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u fl-Att Finali ta’ Ħelsinki fosthom li jirrinunċjaw għall-użu tal-forza, l-integrazzjoni territorjali u d-dritt għall-awtrodeterminazzjoni − u li l-Ftehim, la darba jkun konkluż, japplika għat-territorju sħiħ tal-Azerbajġan;

(p) jsaħħu l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea rigward ir-riżoluzzjoni tal-konflitt u l-medjazzjoni u jadottaw rwol aktar attiv u effettiv fir-rigward tat-tkattir tal-fiduċja bejn il-partijiet fil-konflitt, inkluż billi jassistuhom permezz ta' proġetti tal-bini tal-fiduċja ffinanzjati mill-UE bl-għan li jiżdied l-appoġġ popolari għal konċessjonijiet konġunti u għal soluzzjoni paċifika; jenfasizzaw il-ħtieġa ta' aċċess mingħajr kondizzjonijiet għar-rappreżentanti tal-UE għal Nagorno-Karabakh u r-reġjuni okkupati tal-madwar; jinsistu li l-UE għandha tieħu rwol aktar b’saħħtu fis-soluzzjoni tal-kunflitt f’Nagorno-Karabakh billi tappoġġa l-implimentazzjoni ta' miżuri għat-tkattir tal-fiduċja li jqarrbu l-komunitajiet Armeni u Azerbajġani u jxerrdu l-idea ta’ paċi, rikonċiljazzjoni u fiduċja fost in-naħat kollha involuti;

(q) jilqgħu x-xogħol li sar mill-Kopresidenti tal-Grupp ta’ Minsk tal-OSKE u mill-partijiet biex isir progress lejn ftehim dwar il-Prinċipji Bażiċi u jaraw li din il-ħidma titkompla; jenfasizzaw li kemm l-Azerbajġan kif ukoll l-Armenja għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed fil-format tal-Grupp ta’ Minsk favur it-twaqqif u l-konsolidazzjoni ta’ riżoluzzjoni paċifika għall-kunflitt ta’ Nagorno-Karabakh tiġi implimentata bis-sħiħ u f’waqtha; jikkunsidraw parteċipazzjoni diretta u aktar attiva tal-UE fil-Grupp ta’ Minsk;

(r)  jistiednu lill-mexxejja tal-Armenja u tal-Azerbajġan biex jaġixxu b'mod responsabbli, jimmoderaw it-ton tal-istqarrijiet tagħhom u jevitaw dikjarazzjonijiet provokatorji sabiex iwittu t-triq għal djalogu ġenwin fil-livelli kollha tas-soċjetà sabiex il-pubbliku jaċċetta u jifhem b'mod sħiħ il-benefiċċji ta' ftehim komprensiv, b'hekk iwittu t-triq għal miżuri li b'mod effettiv ikattru l-fiduċja;

(s) jesprimu tħassib dwar iż-żieda tal-preżenza militari fir-reġjun u b’mod partikolari dwar l-ispejjeż militari għolja tal-Azerbajġan u jitolbu, f’dan ir-rigward, lill-Istati Membri biex ma jibqgħux jipprovdu armi u munizzjon lill-Azerbajġan u lill-Armenja, b’konformità mat-talba tal-OSKE ta’ Frar 1992 sakemm jintlaħaq u jiġi ffirmat ftehim komprensiv bejn iż-żewġ partijiet;

(t)  jenfasizzaw il-ħtieġa li għandu jkompli jsir dak kollu li huwa possibbli fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant għal tqarrib politiku u ekonomiku bejn l-Armenja u l-Azerbajġan, li għandu jinkludi fih ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt reġjonali bħala komponent integrali;

(u) jenfasizzaw li mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati u persuni spustati internament li ħarbu minn djarhom matul il-gwerra ta’ Nagorno-Karabakh jew minħabba fiha għadhom spustati u mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt li jirritornaw, id-drittijiet tal-proprjetà u d-dritt għas-sigurtà personali − dawk id-drittijiet għandhom ikunu rispettati u mogħtija mingħajr kundizzjoni jew telf ta' żmien; jitolbu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu u jestendu l-assistenza u l-appoġġ finanzjarju tal-UE lill-Azerbajġan biex ikun jista' jindirizza s-sitwazzjoni tal-persuni spustati;

(v) jenfasizzaw il-ħtieġa li jintuża l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bħala bażi biex jiġu promossi sinerġiji u kooperazzjoni reġjonali, jenfasizzaw l-interazzjoni reċiproka bejn l-iżvilupp demokratiku pluralista u r-riżoluzzjoni tal-konflitt, u jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun fih dispożizzjonijiet li jinkoraġġixxu l-faċilitajiet tal-viża għall-persuni kollha mill-pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar;

(w) jiċċaraw kif għandu jiġi sfruttat il-livell sostanzjali ta’ komplementarjetà bejn l-inizjattivi varji tal-UE fir-reġjun, jiġifieri s-Sħubija tal-Lvant u s-Sinerġija tal-Baħar Iswed;

(x)  jistiednu lit-Turkija tieħu rwol kostruttiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt ta’ Nagorno-Karabakh u fil-qadi tar-responsabbiltà tagħha f’dak ir-reġjun;

(y) jiżguraw li l-komponent tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jista' jiġi aġġornat għal Żona Komprensiva u Approfondita ta' Kummerċ Ħieles hekk kif l-Azerbajġan jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, inkluż li jingħaqad mad-WTO u jwettaq l-impenji tiegħu fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u għal dan il-għan, jipprovdu l-għajnuna teknika meħtieġa biex jippreparaw lill-Azerbajġan għan-negozjati u jinkoraġġixxu l-adozzjoni tar-riformi meħtieġa;

(z) jinsistu mal-Azerbajġan sabiex jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

(aa) jassiguraw negozjati dwar faċilitazzjoni tal-viża u ftehimiet ta’ riammissjoni sabiex jiġu promossi kuntatti bejn il-persuni u sabiex il-mobilità taż-żgħażagħ u tal-akkademiċi tiġi trattata bħala prijorità; jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, u jassiguraw li d-dispożizzjonijiet dwar l-ażil jkunu kompletament konformi mal-obbligi u l-impenji internazzjonali u mal-istandards tal-UE, b’mod speċjali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

(a) jenfasizzaw l-importanza li jinbena u jiġi żviluppat settur taż-żgħażagħ b’saħħtu u jilqgħu f’dan ir-rigward id-diversi programmi tal-istat li joffru boroż ta’ studju għal studju barra mill-pajjiż;

(ac) iħeġġu lill-Azerbajġan biex ma jostakolax il-ħruġ ta’ viżi għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ oriġini Armena li jixtiequ jidħlu fl-Azerbajġan u biex ineħħi l-projbizzjoni fuq it-telefonati internazzjonali lejn l-Armenja;

(ad) jinkoraġġixxu kooperazzjoni settorjali wiesgħa bejn l-UE u l-Azerbajġan, u b'mod partikolari, jispjegaw il-benefiċċji u jippromwovu l-konverġenza regolatorja u jipprovdu l-għajnuna teknika meħtieġa għal dan il-għan;

(ae) iħeġġu lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan iħaffu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet Prinċipali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

(af) ikattru t-trasparenza fl-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi u titjib fil-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku sabiex jikkontribwixxu b’mod sinifikattiv favur tmexxija tajba u teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti; jilqgħu, f’dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni tal-Azerbajġan fl-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi li għandha l-għan li żżid it-trasparenza fir-rigward tad-dħul miż-żejt u l-gass u tissorvelja l-konformità tal-gvern tal-Azerbajġan mal-obbligu tiegħu li jirrilaxxa informazzjoni dwar il-finanzi pubbliċi skont il-leġiżlazzjoni dwar id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni;

(ag) jieħdu l-azzjoni neċessarja sabiex fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkorpora dispożizzjonijiet li jippermettu li l-Ażerbajġan jipparteċipa fi programmi u aġenziji tal-Komunità, bħala għodda li tippromwovi integrazzjoni Ewropea f’kull livell;

(ah) jilqgħu r-riformi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Azerbajġan fil-ġudikatura, bl-għan li tkun żgurata indipendenza ikbar tal-imħallfin, jitjiebu l-proċeduri tal-għażla u tal-ħatra, jiġu eliminati l-korruzzjoni ġudizzjarja u s-suxxettibbiltà għall-influwenza tal-eżekuttiv; jirrikonoxxu li l-liġijiet rilevanti, inkluż il-liġi dwar it-Tribunal, ikunu ġew adottati; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet responsabbli biex ikomplu jimplimentaw il-leġiżlazzjoni biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni u jiffokaw fuq każijiet ta’ korruzzjoni ta' livell għoli kif ukoll itejbu b’mod sinifikanti t-trasparenza tal-infiq pubbliku u tal-finanzjament tal-partiti politiċi; jenfasizzaw il-ħtieġa tat-titjib tal-indipendenza, l-effiċjenza u r-riżorsi tal-ġudikatura; itennu l-importanza li s-sistema tal-qorti tiffunzjona mingħajr interferenza politika; jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi stabbilit rekord konvinċenti tal-għazla u l-ħatra ta’ mħallfin u prosekuturi tal-istat ibbażati fuq l-applikazzjoni ta’ kriterji uniformi, trasparenti, oġġettivi u li japplikaw fuq livell nazzjonali u sabiex jinbena rekord ta’ infurzar ta’ prosekuzzjonijiet u kundanni li fuqu jista' jiġi mkejjel il-progress; jitolbu għall-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza sabiex tiġi żgurata sistema ġudizzjarja prevedibbli kif wkoll il-fiduċja tal-pubbliku;

(ai) jistabbilixxu programmi ta’ ġemellaġġ mar-reġjuni u l-komunitajiet lokali tal-UE b’minoranzi nazzjonali li qed jesperjenzaw livell għoli ta’ awtonomija;

(aj) jenfasizzaw il-bżonn ta’ ekonomija sostenibbli, anke bit-tisħiħ tad-diversifikazzjoni tagħha; jippromwovu aktar ftuħ u trasparenza fis-settur tal-enerġija u jassiguraw li l-iżvilupp tiegħu jiġi esegwit skont standards ambjentali internazzjonali; jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ suq tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizzaw il-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni ambjentali korrispondenti;

(ak) jenfasizzaw l-importanza tal-Azerbajġan fid-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u tar-rotot tal-kunsinna tagħhom lill-Ewropa; ifakkru f'dan ir-rigward fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kunsinna tal-gass tat-13 ta' Jannar 2011 f'Baku mill-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso u l-President tal-Azerbajġan Ilham Aliyev bħala pass importanti fir-realizzazzjoni tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar, u jfaħħar l-isforzi tal-Azerbajġan għall-promozzjoni ta’ proġetti pijunieri bħall-pajplajns ta’ Baku-Tbilisi-Ceyhan u ta’ Baku-Tbilisi-Erzurum bħala t-twettiq tal-Proġett AGRI;

(al) jenfasizzaw l-importanza tal-pożizzjoni ġeografika unika tal-Azerbajġan li tippermetti konnessjoni ta’ tranżitu diretta u mingħajr ostakli bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali; jilqgħu l-isforzi biex tiġi żviluppata kooperazzjoni dwar it-tranżitu Transkaspjan mal-Kazakistan u biex jiġu esplorati modi sabiex tiġi stabbilita kooperazzjoni bħal din mat-Turkmenistan; jilqgħu l-mandat tal-Kunsill iffirmat fit-12 ta' Settembru 2011 biex jiġi konkluż ftehim legalment vinkolanti bejn l-UE, l-Azerbajġan u t-Turkmenistan dwar il-pajplajn Transkaspjan;

(am) jiżguraw li l-UE tagħti attenzjoni kontinwa għall-iżvilupp ta' kooperazzjoni tal-enerġija mal-Azerbajġan kif ukoll appoġġ sostenibbli; jipprovdu assistenza teknika lill-aġenzija tal-Istat tal-Azerbajġan tas-Sorsi tal-Enerġija Alternattivi u Rinnovabbli sabiex l-Azerbajġan jiġi mgħejjun jiddiversifika r-riżorsi tal-enerġija tiegħu, jippromwovi l-effiċjenza enerġetika u jsir konformi mal-objettivi tal-UE dwar it-tibdil fil-klima;

(an) isibu modi kif jinkoraġġixxu d-djalogu u l-kooperazzjoni reġjonali mal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ bħaċ-Ċentru Ambjentali Reġjonali (REC) permezz ta’ proġetti transkonfinali li jinvolvu lill-NGOs, lill-komunitajiet lokali u lill-partijiet interessati tal-Armenja, tal-Azerbajġan u tal-Ġeorġja;

(ao) jinkorporaw, fil-Ftehim ta’ Assoċazzjoni, dimensjoni parlamentari qawwija li twassal għall-involviment sħiħ tal-Milli Mejlis u tal-Parlament Ewropew u ssaħħaħ il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Euronest;

(ap) jinvolvu b’mod sħiħ lill-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni; jistabbilixxu punti ċari ta’ riferiment għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jipprovdu mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inkluż il-preżentazzjoni ta' rapporti regolari lill-Parlament Ewropew;

(aq) jipprovdu assistenza finanzjarja u teknika speċifika lill-Azerbajġan sabiex jassiguraw li hu jkun jista' jissodisfa l-impenji li ġejjin min-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, billi jkomplu joffru programmi komprensivi għall-bini tal-istituzzjonijiet;

(ar) jinkoraġġixxu lit-tim tan-negozjati tal-UE sabiex ikompli jikkoopera mal-Parlament Ewropew, billi jipprovdi informazzjoni kontinwa, sostnuta bid-dokumentazzjoni, dwar il-progress tan-negozjati, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li jiddikjara li l-Parlament għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura;

(as) ikomplu jinkoraġġixxu livell profond ta’ kooperazzjoni mas-Sħubija tal-Lvant u fi ħdanha, kif ukoll jinfurmaw lill-Parlament Ewropew dwar il-progress tagħha b’mod regolari;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Azerbajġan.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

59

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pino Arlacchi, Frieda Brepoels, Tarja Cronberg, Mário David, Michael Gahler, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Ria Oomen-Ruijten, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Fiorello Provera, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Werner Schulz, Marek Siwiec, Charles Tannock, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Nikolaos Chountis, Corina Creţu, Andrew Duff, Knut Fleckenstein, Kinga Gál, Emilio Menéndez del Valle, Nadezhda Neynsky, Marietje Schaake, Alf Svensson, Traian Ungureanu, Ivo Vajgl, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marije Cornelissen, Leonidas Donskis, Jörg Leichtfried