RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)

    28.3.2012 - (COM(2011)0121 – C7‑0092/2011 – 2011/0058(CNS)) - *

    Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
    Rapporteur: Marianne Thyssen


    Proċedura : 2011/0058(CNS)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0080/2012

    ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)

    (COM(2011)0121 – C7‑0092/2011 – 2011/0058(CNS))

    (Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2011)0121),

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0092/2011),

    –   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

    –   wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati mressqa, skont il-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, mill-Parlament Bulgaru, il-Kamra tar-Rappreżentanti Irlandiża, il-Parlament Malti, il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-Assemblea Nazzjonali Pollakka, il-Kamra tad-Deputati Rumena, il-Parlament Slovakk, il-Parlament Svediż u l-House of Commons tar-Renju Unit, li jiddikjaraw li l-abbozz tal-att leġiżlattiv mhuwiex konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà,

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0080/2012),

    1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

    2.  Jistieden lill-Kummissjoni tibdel il-proposta tagħha kif xieraq, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

    4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

    5.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

    Emenda  1

    Proposta għal direttiva

    Premessa 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (1) Il-kumpaniji li jfittxu li jagħmlu negozju bejn il-fruntieri fi ħdan l-Unjoni jiltaqgħu ma’ ostakoli serji u tfixkil tas-suq minħabba l-eżistenza ta’ 27 sistema fiskali korporattiva differenti. Dawn l-ostakoli u tfixkil jimpedixxu l-funzjonament korrett tas-suq intern. Huma joħolqu diżinċentivi għall-investiment fl-Unjoni u jmorru kontra l-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Huma ma jaqblux ukoll mar-rekwiżiti ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna.

    (1) Il-kumpaniji li jfittxu li jagħmlu negozju bejn il-fruntieri fi ħdan l-Unjoni jiltaqgħu ma’ ostakoli serji u tfixkil tas-suq minħabba l-eżistenza ta’ 27 sistema fiskali korporattiva differenti. Dawn l-ostakoli u tfixkil jimpedixxu l-funzjonament korrett tas-suq intern. Huma joħolqu diżinċentivi għall-investiment fl-Unjoni u jmorru kontra l-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, għall-Patt Euro Plus u għall-integrazzjoni ekonomika, baġitarja u fiskali meħtieġa sabiex tiġi stabbilita ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna.

    Ġustifikazzjoni

    Aġġornament

    Emenda  2

    Proposta għal direttiva

    Premessa 1b (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (1b) Aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali tista’ twassal għal tnaqqis sinifikanti fir-rigward tal-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi għan-negozju li jopera b’mod transkonfinali fl-Unjoni.

    Emenda  3

    Proposta għal direttiva

    Premessa 2

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (2) L-ostakoli fiskali għall-kummerċ transkonfinali huma partikolarment severi għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li ħafna drabi ma għandhomx ir-riżorsi sabiex isolvu l-ineffiċjenzi tas-suq.

    (2) L-ostakoli fiskali jistgħu jkunu partikolarment severi għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li huma involuti f’negozju transkonfinali, peress li l-SMEs ħafna drabi ma għandhomx ir-riżorsi sabiex isolvu l-ineffiċjenzi tas-suq.

    Emenda  4

    Proposta għal direttiva

    Premessa 2a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (2a) Il-kompetizzjoni ġusta fir-rigward tar-rati tat-taxxa għandha tiġi mħeġġa fil-livell tal-Istati Membri u anki fil-livell reġjonali għal dawk ir-reġjuni b’setgħat fiskali u leġiżlattivi.

    Emenda 5

    Proposta għal direttiva

    Premessa 3a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (3a) It-titjib tas-suq intern hu l-fattur ewlieni li jinkoraġġixxi t-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol. L-introduzzjoni tal-BKKTK għandha ssaħħaħ it-tkabbir u twassal għal aktar impjiegi fl-Unjoni billi tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u l-burokrazija għall-kumpaniji, partikolarment għan-negozji li joperaw f'diversi Stati Membri.

    Emenda  6

    Proposta għal direttiva

    Premessa 4a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (4a) Peress li s-suq intern iħaddan I-Istati Membri kollha, Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) għandha tiġi introdotta fl-Istati Membri kollha. Madankollu, jekk il-Kunsill jonqos milli jadotta deċiżjoni unanima dwar il-proposta li tiġi stabbilita BKKTK, huwa xieraq li tibda mingħajr dewmien il-proċedura għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-BKKTK. Kooperazzjoni msaħħa bħal din għandha tinbeda mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro iżda għandha tkun miftuħa fi kwalunkwe mument għal Stati Membri oħra b'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Emenda  7

    Proposta għal direttiva

    Premessa 4b (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (4b) Ċerti forom li jispikkaw ta' kompetizzjoni fiskali, ottimizzazzjoni tat-taxxa u arbitraġġ fiskali jistgħu jnaqqsu d-dħul ta' xi Stati Membri u joħolqu distorsjonijiet dwar it-tassazzjoni bejn il-kapital, li huwa mobbli, u x-xogħol, li huwa anqas mobbli. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir imsaħħaħ u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinament u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja jesiġu li l-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li l-munita tagħhom hija l-euro, ikunu konformi ma' dixxiplina fiskali stretta, filwaqt li fl-istess ħin japplikaw kontrolli ta' nfiq u jiġġeneraw dħul suffiċjenti mit-taxxi. Għal dawn ir-raġunijiet, u minħabba li l-Patt Euro Plus miftiehem mill-Kapijiet tal-Istat jew Gvern taż-żona euro jipprevedi li l-iżvilupp tal-BKKTK "jista' jkun mod 'il quddiem għal dħul newtrali biex tiġi żgurata konsistenza fost is-sistemi fiskali nazzjonali filwaqt li tirrispetta l-istrateġiji nazzjonali tat-taxxa, u tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà fiskali u l-kompetittività tan-negozji Ewropej", huwa importanti ħafna li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma kapaċi jonoraw l-impenji baġitarji tagħhom, sabiex titħares l-istabbiltà taż-żona euro kollha kemm hi, u jaqbel li l-BKKTK tiġi applikata kemm jista' jkun malajr għall-akbar għadd ta' kumpaniji possibbli.

    Emenda  8

    Proposta għal direttiva

    Premessa 4c (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (4c) Fid-dawl tar-rwol vitali li l-SMEs għandhom fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli għall-SMEs li għandhom attivitajiet transkonfinali, strument li jtaffi l-piż amministrattiv u l-ispejjeż u li b'hekk jippermettilhom li jagħżlu li jissieħbu volontarjament fis-sistema BKKTK.

    Emenda  9

    Proposta għal direttiva

    Premessa 5

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (5) Billi d-differenzi fir-rati ta’ tassazzjoni ma joħolqux l-istess ostakoli, is-sistema (il-Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB)) mhux bilfors taffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tar-rata(i) nazzjonali tagħhom ta’ tassazzjoni għall-kumpaniji.

    (5) Billi d-differenzi fir-rati ta’ tassazzjoni ma joħolqux l-istess ostakoli, is-sistema (il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa korporattiva (BKKTK)) mhux bilfors taffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tar-rata/i nazzjonali tagħhom ta’ tassazzjoni għall-kumpaniji. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom iżommu s-setgħa wkoll li jadottaw ċerti inċentivi għan-negozji, b'mod partikolari fil-forma tal-kreditu tat-taxxa.

    Ġustifikazzjoni

    Evidenti

    Emenda  10

    Proposta għal direttiva

    Premessa 5a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (5a) Din id-Direttiva ma tikkonċernax l-armonizzazzjoni tar-rati tat-taxxa korporattivi tal-Istati Membri. Jekk, madankollu, isir evidenti li l-effiċjenza, l-effikaċja u l-ekwitabbiltà ekonomika tat-tassazzjoni korporattiva se jibbenefikaw minn armonizzazzjoni partikolari tar-rati, il-Kummissjoni għandha tqis jekk tali armonizzazzjoni hija xierqa meta tkun qiegħda teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni tad-din id-Direttiva. Dan huwa aktar importanti peress li l-evoluzzjoni tar-rati tat-taxxa korporattiva fl-Istati Membri tagħmilha ċara li l-kompetizzjoni fiskali fis-suq intern għandha impatt. Għalhekk huwa utli, fl-ispirtu tar-Rapport dwar Strateġija Ġdida għas-suq uniku (ir-rapport Monti), li jiġi determinat jekk l-impatt ta' kompetizzjoni bħal din huwa ta' benefiċċju jew ta' ħsara għall-kultura fiskali li hija adatta għas-suq intern tas-seklu 21. B'mod partikolari, għandha tingħata attenzjoni dwar jekk it-tneħħija tat-tensjoni sottostanti bejn l-integrazzjoni tas-suq u s-sovranità tat-taxxa hija wieħed mill-modi ta' kif tista' tirrikonċilja s-suq u d-dimensjoni soċjali tas-suq intern.

    Ġustifikazzjoni

    Minkejja li l-armonizzazzjoni tar-rati tat-taxxa mhijex kwestjoni bħalissa, ma rridux neskludu għal kollox il-possibbiltà tagħha fil-futur.

    Emenda  11

    Proposta għal direttiva

    Premessa 6

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (6) Il-konsolidament huwa element essenzjali ta’ tali sistema, billi l-ostakoli fiskali prinċipali li jiffaċċjaw il-kumpaniji fl-Unjoni jistgħu jiġu indirizzati biss b’dak il-mod. Huwa jelimina l-formalitajiet tal-ipprezzar tat-trasferimenti u t-taxxa doppja fi ħdan il-grupp. Barra minn hekk, it-telf li jagħmlu l-kontribwenti jiġi awtomatikament paċut kontra l-profitti ġġenerati minn membri oħra tal-istess grupp.

    (6) Il-konsolidament huwa element essenzjali ta’ tali sistema, billi l-ostakoli fiskali prinċipali li jiffaċċjaw il-kumpaniji tal-istess grupp li joperaw b’mod transkonfinali fl-Unjoni jistgħu jiġu indirizzati biss b’dak il-mod. Huwa jelimina l-formalitajiet tal-ipprezzar tat-trasferimenti u t-taxxa doppja fi ħdan il-grupp. Barra minn hekk, it-telf li jagħmlu l-kontribwenti jiġi awtomatikament paċut kontra l-profitti ġġenerati minn membri oħra tal-istess grupp.

    Emenda  12

    Proposta għal direttiva

    Premessa 6a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (6a) Il-bażi tat-taxxa wiesgħa, il-konsolidament u s-setgħat ta' diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tar-rati tat-taxxa korporattivi nazzjonali tagħhom jagħmlu l-BKKTK operazzjoni newtrali f'termini ta' taxxa.

    Ġustifikazzjoni

    Evidenti

    Emenda  13

    Proposta għal direttiva

    Premessa 6b (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (6b) Sakemm l-użu tal-BKKTK ikun qiegħed jaffettwa d-dħul mit-taxxa tal-awtoritajiet reġjonali jew lokali, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li, bi qbil mas-sistemi kostituzzjonali tagħhom u b'mod li jkun kumpatibbli ma' din id-Direttiva, jadottaw miżuri biex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni .

    Ġustifikazzjoni

    L-eżistenza ta' sistemi reġjonali tal-gvern li jispikkaw b'mod partikolari f'xi Stati Membri mhijiex ostakolu għall-introduzzjoni tal-BKKTK.

    Emenda  14

    Proposta għal direttiva

    Premessa 8

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (8) Billi sistema bħal din hija mfassla prinċipalment biex taqdi l-ħtiġijiet tal-kumpaniji li joperaw b'mod transkonfinali, hija għandha tkun skema fakultattiva, li takkumpanja s-sistemi fiskali korporattivi nazzjonali eżistenti.

    (8) Billi din id-Direttiva hija mfassla prinċipalment għall-benefiċċju tal-kumpaniji li joperaw b'mod transkonfinali, mingħajr madankollu ma teskludi kumpaniji oħra, hija mfassla bħala sistema fakultattiva, li tippermetti l-kumpaniji kollha eliġibbli l-għażla li jkunu parti mis-sistema. Madankollu, kumpaniji Ewropej u s-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej, li huma definiti bħala kumpaniji transnazzjonali, huma kkunsidrati li għażlu li japplikaw is-sistema prevista b'din id-Direttiva minn sentejn wara d-data li fiha l-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Il-kumpaniji kollha l-oħra li jikkwalifikaw fl-ambitu ta' din id-Direttiva, għajr l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/EC1 (SMEs), għandhom ukoll japplikaw din id-Direttiva mhux aktar tard mill-aħħar tal-ħames sena li fiha l-Istati Membri japplikaw din id-Direttiva. Meta jevalwaw l-impatt tal-BKKTK, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk għandhiex ukoll issir obbligatorja għall-SMEs.

     

    ____________

     

    1 ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

    Emenda  15

    Proposta għal direttiva

    Premessa 20

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (20) Is-sistema għandha tinkludi regola ġenerali kontra l-abbużi, supplimentata b’miżuri sabiex jiġu kkontrollati tipi speċifiċi ta’ prattiċi abbużivi. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu limitazzjonijiet fuq it-tnaqqis tal-imgħax imħallas lil impriżi assoċjati residenti għal finijiet ta’ taxxa f’pajjiż ta’ taxxi baxxi barra l-Unjoni li ma jiskambjax informazzjoni mal-Istat Membru tal-kontribwent fuq il-bażi ta’ ftehim paragunabbli mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni tal-primjums tal-assigurazzjoni u regoli dwar il-kumpaniji barranin ikkontrollati.

    (20) Is-sistema għandha tinkludi regola ġenerali effikaċi kontra l-abbużi, supplimentata b’miżuri sabiex jiġu kkontrollati tipi speċifiċi ta’ prattiċi abbużivi. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu limitazzjonijiet fuq it-tnaqqis tal-imgħax imħallas lil impriżi assoċjati residenti għal finijiet ta’ taxxa f’pajjiż ta’ taxxi baxxi barra l-Unjoni li ma jiskambjax informazzjoni mal-Istat Membru tal-kontribwent fuq il-bażi ta’ ftehim paragunabbli mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni tal-primjums tal-assigurazzjoni u regoli dwar il-kumpaniji barranin ikkontrollati. L-Istati Membri ma għandhomx jinżammu milli jintroduċu u jikkoordinaw miżuri addizzjonali bejniethom sabiex inaqqsu l-effetti negattivi tal-pajjiżi b'rata ta' taxxa baxxa barra mill-Unjoni u li ma jiskambjawx l-informazzjoni fiskali neċessarja.

    Emenda 16

    Proposta għal direttiva

    Premessa 21

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (21) Il-formula għat-tqassim tal-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinkludi tliet fatturi mogħtija l-istess piż (ħaddiema, assi u bejgħ). Il-fattur tal-ħaddiema għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tas-salarji u n-numru ta’ impjegati (kull element jgħodd in-nofs). Il-fattur tal-assi għandu jikkonsisti mill-assi tanġibbli fissi kollha. L-assi intanġibbli u finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-formula minħabba n-natura mobbli tagħhom u r-riskji ta’ tidwir mas-sistema. L-użu ta’ dawn il-fatturi jagħti piż xieraq lill-interessi tal-Istat Membru tal-oriġini. Fl-aħħar nett, għandu jitqies il-bejgħ sabiex tkun assigurata parteċipazzjoni ġusta tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Dawn il-fatturi u piżijiet għandhom jassiguraw li l-profitti jiġu intaxxati fil-post fejn jinkisbu. B'eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali, fejn l-eżitu tat-tqassim ma jirrappreżentax b'mod ġust il-livell ta' attività tan-negozju, klawsola ta' salvagwardja tipprovdi għal metodu alternattiv.

    (21) Il-formula għat-tqassim tal-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinkludi tliet fatturi (ħaddiema, assi u bejgħ). Filwaqt li l-fatturi tax-xogħol u tal-assi għandu jkollhom piż ta’ 45 % kull wieħed, il-fattur tal-bejgħ għandu jkollu piż ta’ 10 %. Il-fattur tal-ħaddiema għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tas-salarji u n-numru ta’ impjegati (kull element jgħodd in-nofs). Il-fattur tal-assi għandu jikkonsisti mill-assi tanġibbli fissi kollha. L-assi intanġibbli u finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-formula minħabba n-natura mobbli tagħhom u r-riskji ta’ tidwir mas-sistema. L-użu ta’ dawn il-fatturi jagħti piż xieraq lill-interessi tal-Istat Membru tal-oriġini. Fl-aħħar nett, għandu jitqies il-bejgħ sabiex tkun assigurata parteċipazzjoni ġusta tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Dawn il-fatturi u piżijiet għandhom jassiguraw li l-profitti jiġu intaxxati fil-post fejn jinkisbu. B'eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali, fejn l-eżitu tat-tqassim ma jirrappreżentax b'mod ġust il-livell ta' attività tan-negozju, klawsola ta' salvagwardja tipprovdi għal metodu alternattiv.

    Emenda  17

    Proposta għal direttiva

    Premessa 21a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (21a) Ir-regoli komuni dwar il-kalkolu ta-BKKTK ma għandhomx iwasslu għal spejjeż ammininstrattivi sproporzjonati għall-kumpaniji, sabiex tiġi evitata ħsara għall-kompetittività tagħhom.

    Emenda  18

    Proposta għal direttiva

    Premessa 23

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (23) Gruppi ta’ kumpaniji għandhom ikunu kapaċi jittrattaw ma’ amministrazzjoni fiskali waħda (‘awtorità fiskali prinċipali’), li għandha tkun dik tal-Istat Membru li fih tkun residenti l-kumpanija holding tal-grupp (‘kontribwent prinċipali’) għall-finijiet tat-taxxa. Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi wkoll regoli proċedurali għall-amministrazzjoni tas-sistema. Hija għandha tipprovdi wkoll għal mekkaniżmu ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem. L-awditi għandhom jinbdew u jkunu kkoordinati mill-awtorità fiskali prinċipali iżda l-awtoritajiet ta’ kwalunkwe Stat Membru li fih ikun suġġett għat-taxxa membru tal-grupp jistgħu jitolbu li jinbeda awditu. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti jew stabbilit membru tal-grupp tista’ tisfida deċiżjoni tal-awtorità fiskali prinċipali fir-rigward tal-avviż ta’ għażla jew ta’ valutazzjoni emendata quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità fiskali prinċipali. Il-kwistjonijiet bejn il-kontribwenti u l-awtoritajiet fiskali għandhom jiġu ttrattati minn organu amministrattiv li jkun kompetenti biex jisma’ l-appelli fl-ewwel istanza skont il-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità fiskali prinċipali.

    (23) Gruppi ta’ kumpaniji għandhom ikunu kapaċi jittrattaw ma’ amministrazzjoni fiskali waħda (‘awtorità fiskali prinċipali’), li għandha tkun awtorità tal-Istat Membru li fih tkun residenti l-kumpanija holding tal-grupp (‘kontribwent prinċipali’) għall-finijiet tat-taxxa. Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi wkoll regoli proċedurali għall-amministrazzjoni tas-sistema. Hija għandha tipprovdi wkoll għal mekkaniżmu ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem. L-awditi għandhom jinbdew u jkunu kkoordinati mill-awtorità fiskali prinċipali iżda l-awtoritajiet ta’ kwalunkwe Stat Membru li fih ikun suġġett għat-taxxa membru tal-grupp jistgħu jitolbu li jinbeda awditu. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti jew stabbilit membru tal-grupp tista’ tisfida deċiżjoni tal-awtorità fiskali prinċipali fir-rigward tal-avviż ta’ għażla jew ta’ valutazzjoni emendata quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità fiskali prinċipali. Il-kwistjonijiet bejn il-kontribwenti u l-awtoritajiet fiskali għandhom jiġu ttrattati minn organu amministrattiv li jkun kompetenti biex jisma’ l-appelli fl-ewwel istanza skont il-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità fiskali prinċipali.

    Emenda  19

    Proposta għal direttiva

    Premessa 23a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (23a) Il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-forum dwar il-BKKTK ġdid, simili għall-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment (JTPF), li permezz tiegħu l-kumpaniji u l-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet u t-tilwim relatati mal-BKKTK. Dan il-forum għandu jkun kapaċi jagħti direzzjoni lill-kumpaniji u lill-Istati Membri.

    Emenda  20

    Proposta għal direttiva

    Premessa 27a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (27a) Din id-Direttiva fiha approċċ radikalment ġdid għal komponent essenzjali ta' tassazzjoni korporattiva. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tmexxi analiżi bir-reqqa u valutazzjoni indipendenti hekk kif dan jista' jsir b'mod sinifikanti. Minħabba ċ-ċiklu inerenti għall-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tat-tassazzjoni korporattiva, l-ebda valutazzjoni serja ma tista' ssir matul l-ewwel ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. L-analiżi u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tinkludi eżami tal-punti li ġejjin: il-karattru fakultattiv tal-BKKTK, ir-restrizzjoni tal-armonizzazzjoni fil-bażi tat-taxxa, il-formola għall-kalkolu tat-tqassim u kunsiderazzjonijiet ta' prattiċità għall-SMEs flimkien mal-impatt fuq id-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri.

    Emenda  21

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 6a (ġdid)

    +Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    Artikolu 6 a

     

    Kumpaniji Ewropej u Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej

     

    Minn ... *, Kumpaniji Ewropej u Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej eliġibbli, kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-Anness I, għandhom jiġu kkunsidrati bħala kumpaniji li għażlu li japplikaw is-sistema prevista b'din id-Direttiva minn ... *.

     

    _________________

     

    * ĠU: Jekk jogħġbok daħħal l-ewwel jum tax-xahar wara sentejn wara d-data ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    Emenda  22

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 6b (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    L-Artikolu 6b

     

    SMEs

     

    Minn ... *, kumpaniji eliġibbli minbarra impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju kif definiti fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE tal-Kummissjoni, għandhom japplikaw din id-Direttiva (SMEs).

     

    _____________

     

    * ĠU: Jekk jogħġbok daħħal l-ewwel jum tax-xahar wara ħames snin wara d-data ta 'applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    Emenda  23

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 12 – paragrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    L-ispejjeż deduċibbli għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha tal-bejgħ u l-ispejjeż wara li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud deduċibbli li jkun għamel il-kontribwent biex jikseb jew jassigura d-dħul, inklużi l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ispejjeż magħmula fil-kisba tal-ekwità jew id-dejn għall-finijiet tan-negozju.

    L-ispejjeż deduċibbli għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha tal-bejgħ u l-ispejjeż wara li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud deduċibbli li jkun għamel il-kontribwent biex jikseb jew jassigura d-dħul, inklużi l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ispejjeż magħmula fil-kisba tal-ekwità jew id-dejn għall-finijiet tan-negozju. L-ispejjeż rikorrenti relatati mal-ħarsien tal-ambjent u mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom ukoll ikunu meqjusa bħala spejjeż deduċibbli.

    Emenda  24

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 14 – paragrafu 1 – punt j

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (j) it-taxxi elenkati fl-Anness III, bl-eċċezzjoni tad-dazji tas-sisa imposti fuq il-prodotti tal-enerġija, l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, u t-tabakk immanifatturat.

    (j) it-taxxi elenkati fl-Anness III.

    Emenda  25

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 30 – paragrafu 1 – punt c

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (c) il-provvedimenti tekniċi tal-impriżi tal-assigurazzjoni stabbiliti skont id-Direttiva 91/674KEE għandhom ikunu deduċibbli, bl-eċċezzjoni tal-provvedimenti ta’ ugwalizzazzjoni. Stat Membru jista’ jipprovdi għat-tnaqqis tal-provvedimenti ta’ ugwalizzazzjoni. Fil-każ ta’ grupp, kwalunkwe tnaqqis bħal dan fil-provvedimenti ta’ ugwalizzazzjoni għandu jiġi applikat għas-sehem imqassam tal-membri tal-grupp residenti jew sitwati f’dak l-Istat Membru. L-ammonti mnaqqsa għandhom jiġu riveduti u aġġustati fit-tmiem ta’ kull sena fiskali. Meta tiġi kkalkulata l-bażi għat-taxxa fis-snin futuri, għandhom jiġu kkunsidrati l-ammonti li jkunu diġà tnaqqsu.

    (c) il-provvedimenti tekniċi tal-impriżi tal-assigurazzjoni stabbiliti skont id-Direttiva 91/674KEE għandhom ikunu deduċibbli, bl-eċċezzjoni tal-provvedimenti ta’ ugwalizzazzjoni. Stat Membru li, f’konformità mal-Artikolu 62 tad-Direttiva 91/674/KEE, ikun għażel li jintroduċi r-rekwiżit fil-liġi kummerċjali ta' dispożizzjonijiet ta’ ekwalizzazzjoni għandu jipprovdi wkoll il-possibbiltà li tali dispożizzjonijiet jistgħu jitnaqqsu mit-taxxa Fil-każ ta’ grupp, kwalunkwe tnaqqis bħal dan fil-provvedimenti ta’ ugwalizzazzjoni għandu jiġi applikat għas-sehem imqassam tal-membri tal-grupp residenti jew sitwati f’dak l-Istat Membru. L-ammonti mnaqqsa għandhom jiġu riveduti u aġġustati fit-tmiem ta’ kull sena fiskali. Meta tiġi kkalkulata l-bażi għat-taxxa fis-snin futuri, għandhom jiġu kkunsidrati l-ammonti li jkunu diġà tnaqqsu.

    Ġustifikazzjoni

    Dawk l-Istati Membri li f’konformità mal-Artikolu 62 tad-Direttiva 91/674/KEE introduċew obbligu tal-liġi kummerċjali biex wieħed jikkostitwixxi provvediment ta’ ekwalizzazzjoni skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 91/674/KEE għandhom ukoll jirrikonoxxuh mil-lat fiskali fid-dawl tal-BKKTK. Mingħajr ir-rikonoxximent fiskali mhux aċċettabbli obbligu tal-liġi kummerċjali biex wieħed jikkostitwixxi provvediment ta’ ekwalizzazzjoni. Il-provvediment ta’ ekwalizzazzjoni, però, huwa strument ippruvat għall-iffaċċjar ta’ ħsarat kbar.

    Emenda  26

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 48

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Meta kontribwent ikun ġarrab telf qabel daħal fis-sistema prevista minn din id-Direttiva, li seta’ jiġi riportat skont il-liġi nazzjonali applikabbli iżda li jkun għadu ma ġiex paċut kontra l-profitti taxxabbli, dak it-telf jista’ jitnaqqas mill-bażi għat-taxxa safejn previst skont il-liġi nazzjonali.

    Meta kontribwent ikun ġarrab telf qabel daħal fis-sistema prevista minn din id-Direttiva, li seta’ jiġi riportat skont il-liġi nazzjonali applikabbli iżda li jkun għadu ma ġiex paċut kontra l-profitti taxxabbli, dak it-telf jista’ jitnaqqas mill-parti tal-bażi tat-taxxa ntaxxata fl-Istat Membru li fih kienet tapplika l-liġi nazzjonali applikabbli preċedenti safejn previst skont il-liġi nazzjonali.

    Emenda  27

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 73 – paragrafu 1 – punt a

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (a) taxxa fuq il-profitti, skont ir-reġim ġenerali f’dak il-pajjiż terz, b’rata statutorja ta’ taxxa korporattiva iżjed baxxa minn 40% tar-rata tat-taxxa korporattiva statutorja medja applikabbli fl-Istati Membri;

    (a) taxxa fuq il-profitti, skont ir-reġim ġenerali f’dak il-pajjiż terz, b’rata statutorja ta’ taxxa korporattiva iżjed baxxa minn 70 % tar-rata tat-taxxa korporattiva statutorja medja applikabbli fl-Istati Membri;

    Emenda  28

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 80 – paragrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    It-tranżazzjonijiet artifiċjali li jsiru għall-iskop biss li tiġi evitata t-taxxa għandhom jiġu injorati fil-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa.

    It-tranżazzjonijiet artifiċjali li jsiru prinċipalment għall-iskop li tiġi evitata t-taxxa għandhom jiġu injorati fil-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa.

    Ġustifikazzjoni

    Ir-regola ġenerali kontra l-abbuż tqis kif inhu xieraq, kemm l-aspett fattwali kif ukoll l-intenzjoni. Madankollu, ir-rapporteur hija tal-fehma li, fil-każ li jkunu qegħdin isiru tranżazzjonijiet artifiċjali (l-aspett fattwali), għandu jkun biżżejjed li hemm b'mod ċar l-intenzjoni li tevadi t-taxxa.

    Emenda  29

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 82 – paragrafu 1 – punt b

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (b) bir-reġim ġenerali fil-pajjiż terz, il-profitti jkunu taxxabbli b’rata tat-taxxa korporattiva statutorja iżjed baxxa minn 40% tar-rata tat-taxxa korporattiva statutorja medja applikabbli fl-Istati Membri, jew l-entità tkun suġġetta għal reġim speċjali li jippermetti livell konsiderevolment aktar baxx ta’ tassazzjoni minn dak tar-reġim ġenerali;

    (b) bir-reġim ġenerali fil-pajjiż terz, il-profitti jkunu taxxabbli b’rata tat-taxxa korporattiva statutorja iżjed baxxa minn 70 % tar-rata tat-taxxa korporattiva statutorja medja applikabbli fl-Istati Membri, jew l-entità tkun suġġetta għal reġim speċjali li jippermetti livell konsiderevolment aktar baxx ta’ tassazzjoni minn dak tar-reġim ġenerali;

    Emenda  30

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 86 – paragrafu 1 – parti introduttorja

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    1. Il-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinqasam bejn il-membri tal-grupp f’kull sena fiskali fuq il-bażi ta’ formula għat-tqassim. Sabiex tistabbilixxi s-sehem imqassam ta’ membru tal-grupp A, il-formula għandha tieħu l-forma li ġejja, billi tagħti piż indaqs lill-fatturi tal-bejgħ, tal-ħaddiema u tal-assi:

    1. Il-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinqasam bejn il-membri tal-grupp f’kull sena fiskali fuq il-bażi ta’ formula għat-tqassim. Sabiex tistabbilixxi s-sehem imqassam ta’ membru tal-grupp A, il-formula għandha tieħu l-forma li ġejja, billi tkopri l-fatturi tal-bejgħ, tal-ħaddiema u tal-assi:

    Emenda  31

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 86 – paragrafu 1 – formola

     

    Test propost mill-Kummissjoni

     

     

    Emenda

     

    Ġustifikazzjoni

    Formula fejn il-bejgħ, il-ħaddiema u l-assi huma stmat għal 10 %, 45 % u 45 % rispettivament tkun soluzzjoni aktar raġonevoli b’żewġ modi. Hija tiżgura li s-sistema tal-BKKTK ma tiddevjax wisq mill-prinċipju aċċettat internazzjonalment ta’ attribuzzjoni tad-drittijiet fiskali aħħarija għall-istat tas-sors. Dan jiżgura wkoll li dawk l-Istati Membri żgħar jew ta’ daqs medju bi swieq nazzjonali limitati ma jkunux fi żvantaġġ sproporzjonat fit-tqassim tal-bażi għat-taxxa.

    Emenda 32

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 110 – paragrafu 1a (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    1a. Il-format uniformi tad-dikjarazzjoni tat-taxxa għandu jkun imfassal mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri.

    Emenda  33

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 122 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    L-awtorità fiskali prinċipali tista’ tibda u tikkoordina verifiki ta’ membri ta’ grupp. Tista’ tinbeda verifika wkoll fuq talba ta’ awtorità kompetenti.

    L-awtorità fiskali prinċipali tista’ tibda u tikkoordina verifiki ta’ membri ta’ grupp. Tista’ tinbeda verifika wkoll fuq talba ta’ awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta' residenza tal-membru tal-grupp fl-Istat Membru fejn ġie stabbilit il-membru tal-grupp.

    Emenda  34

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 123a (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    Artikolu 123a

     

    Forum BKKTK:

     

    Il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-forum dwar il-BKKTK ġdid, simili għall-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment, li permezz tiegħu l-kumpaniji u l-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet u t-tilwim relatat mal-BKKTK u li għandu jagħti direzzjoni.

    Emenda  35

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 130 – paragrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar l-adozzjoni ta’ atti delegati mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe oġġezzjoni fformulata għalihom, jew ir-revoka tad-delegazzjoni tas-setgħat mill-Kunsill.

    Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar l-adozzjoni ta’ atti delegati mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe oġġezzjoni fformulata għalihom, jew ir-revoka tad-delegazzjoni tas-setgħat mill-Kunsill. Kwalunkwe valutazzjoni futura tal-istrument għandha tiġi komunikata lill-membri tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew.

    Ġustifikazzjoni

    Evidenti

    Emenda  36

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 132 a (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    Artikolu 132 a

     

    SMEs transkonfinali

     

    Sa ... *, il-Kummissjoni għandha tipprevedi strument li jippermetti lill-SMEs attivi fuq bażi transkonfinali li jagħżlu li jkunu parti minn skema tal-BKKTK fuq bażi volontarja.

     

    ______________

     

    * ĠU: Jekk jogħġbok daħħal l-ewwel jum tax-xahar wara sentejn wara d-data ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    Emenda  37

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 133

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Artikolu 133

    Artikolu 133

    Reviżjoni

    Reviżjoni

    Il-Kummissjoni għandha, ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, tirrevedi l-applikazzjoni tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwar l-operazzjoni ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu, b'mod partikolari jinkludi analiżi tal-impatt tal-mekkaniżmu mwaqqaf fil-Kapitolu XVI ta' din id-Direttiva dwar id-distribuzzjoni tal-bażijiet tat-taxxa bejn l-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni għandha, ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, teżamina l-applikazzjoni tagħha u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu fost affarijiet oħra, jinkludi analiżi, ibbażata fuq valutazzjoni indipendenti, ta'

     

    (a) l-impatt tal-mekkaniżmu mwaqqaf fil-Kapitolu XVI ta' din id-Direttiva dwar id-distribuzzjoni tal-bażijiet tat-taxxa bejn l-Istati Membri u l-impatt fuq d-dħul tagħhom mit-taxxa.

     

    (b) l-użu u l-prattikabbiltà ta' din id-Direttiva mill-SMEs;

     

    (c) il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li s-sistema ssir fakultattiva għal SMEs;

     

    (d) l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi ta' din id-Direttiva, inkluż l-impatt fuq l-operazzjonijiet globali ta' kumpaniji u fuq il-kompetittività tal-kumpaniji eliġibbli u mhux eliġibbli;

     

    (e) l-impatt fuq ġbir tat-taxxa ġusta u leali fl-Istati Membri;

    (f) il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-introduzzjoni ta' rati tat-taxxa minimi.

     

    Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta biex temenda din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-2020. Sa ...*, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konsegwenzi potenzjali ta’ din id-Direttiva fis-suq intern u, b’mod partikolari, dwar id-distorsjonijiet potenzjali fil-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji soġġetti għall-arranġamenti stipulati f'din id-Direttiva u dawk li ma jissodisfawx il-kriterji għall-finijiet tal-konsolidament.

     

    ________________

     

    *ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data: sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

    Emenda  38

    Proposta għal direttiva

    Anness 3 – paragrafu 15

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Versicherungsteuer

    imħassar

    Ġustifikazzjoni

    Ġeneralment wieħed jifhem li taxxa korporattiva jew taxxa simili ma tistax titnaqqas bħala spiża tal-operat. Inkella t-taxxa tnaqqas il-bażi tagħha stess. Madanakollu, fir-rigward tal-Ġermanja, pereżempju, it-taxxa fuq tranżazzjonijiet tal-assigurazzjoni hija taxxa fuq tranżazzjoni u għalhekk mhijiex komparabbli ma’ taxxa fuq id-dħul. Għaldaqstant, fil-każ tat-taxxa tal-assigurazzjoni (“Versicherungsteuer”) għandu jkun possibbli t-tnaqqis.

    NOTA SPJEGATTIVA

    Id-direttiva dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) tistipula regoli komuni għall-kalkolu tal-bażi tat-taxxa applikabbli għall-kumpaniji li joperaw fl-Unjoni Ewropea.

    Il-qafas tat-taxxa tal-UE fih ġabra sħiħa ta' regoli li jikkonsolidaw ir-riżultati fiskali individwali ta' kull kumpanija jew fergħa, li jikkonsolidaw dawk ir-riżultati (profitti u telf) meta jkun hemm membri ta' gruppi oħra u biex jiġi kkalkulat it-tqassim tal-bażi tat-taxxa kkonsolidata għall-Istati Membri kollha, jekk dan huwa pożittiv.

    Il-bażi tat-taxxa kkonsolidata għandha titqassam abbażi ta' formula fissa li fiha tliet fatturi li jġorru l-istess piż. fatturat, xogħol u assi.

    Kull Stat Membru se japplika r-rata tat-taxxa proprja tiegħu għas-sehem tal-bażi tat-taxxa assenjat għaliha. Il-kalkolu u t-tqassim tal-bażi tat-taxxa biss qegħdin jiġu armonizzati. L-Istati Membri se jżommu s-setgħa li jiffissaw ir-rati tat-taxxa.

    L-armonizzazzjoni ma tapplikax għal regoli nazzjonali jew rappurtar finanzjarju.

    Il-Kummissjoni tipproponi BKKTK li tkun fakultattiva. Il-kumpaniji kollha, kemm żgħar kif ukoll kbar u indipendentement minn jekk għandhomx operazzjonijiet transkonfinali, se jkunu jistgħu japplikaw il-BKKTK. Madankollu, l-ebda waħda minnhom mhi se jkollha tagħmel dan bilfors. Impriża li tagħżel il-BKKTK se tkun impenjata għal perjodu ta' ħames snin f'daqqa, u l-applikazzjoni tas-sistema se tiġi estiża awtomatikament għal perjodu ta' tliet snin f'daqqa sakemm l-impriża tagħżel li toħroġ minnha tliet xhur qabel ma l-perjodu ta' applikabbiltà tiskadi.

    Il-proposta tinkludi regoli kontra l-abbuż u tistipula kif l-Istati Membri għandhom jamministraw il-BKKTK skont approċċ "one-stop-shop".

    Hemm erba' suġġetti li fihom id-direttiva tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni, għal perjodu indefinit, biex tadotta atti delegati.

    Id-direttiva fiha klawsola ta' rieżami li, b'mod partikolari, tapplika b'mod espliċitu għall-operazzjoni tal-formula għat-tqassim mill-ġdid tal-bażi tat-taxxa.

    Fl-aħħar nett, fit-traspożizzjoni tad-direttiva, l-Istati Membri għandhom ifornu lill-Kummissjoni b'tabella ta' korrelazzjoni.

    Il-pożizzjoni tar-Rapporteur

    Ir-Rapporteur tagħkom temmen li l-BKKTK hija strument indispensabbli għat-tlestija tas-suq intern Ewropew minn banda u għall-integrazzjoni ekonomika Ewropea mill-banda l-oħra, li hija neċessarja għall-istabbiltà taż-żona tal-euro. Il-kriżi attwali ma għandhiex titħalla tkun ta' ostakolu: minflok, għandha tikkatalizza l-introduzzjoni tal-BKKTK.

    Għalhekk, ir-rapporteur tagħkom tinsab sodisfatta li l-konklużjonijiet ta' kull samit Ewropew jew taż-żona tal-euro li ġew qabel dan ir-rapport, isemmu b'mod espliċitu l-BKKTK. Tosserva li fit-18 ta' Awwissu 2011 il-Kanċillier Ġermaniż u l-President ta' Franza kitbu ittra konġunta lill-President tal-Kunsill Ewropew fejn appellaw biex in-negozjati għall-BKKTK jitlestew qabel tmiem l-2012 u ddikjaraw b'mod espliċitu (bħala mod kif tiġi eżerċitata pressjoni?) li kienu qegħdin jaħdmu fuq inizjattiva intergovernattiva bilaterali bejn Franza u l-Ġermanja.

    Din l-espressjoni ta' interess fil-BKKTK għandha tinżel tajjeb mal-Parlament Ewropew, partikolarment minħabba li f'dawn l-aħħar snin il-Parlament innifsu kien qiegħed ukoll jappella kontinwament għall-introduzzjoni ta' BKKTK.

    Għalhekk, bħala rapporteur nixtieq nagħti l-appoġġ bis-sħiħ tiegħi għal din il-proposta għal direttiva u nitlob lill-Kunsill ikompli jinnegozja il-proposta mingħajr ma joqgħod jaħsibha wisq u jadotta deċiżjoni pożittiva dwarha.

    Xi parlamenti nazzjonali esprimew oġġezzjonijiet, peress li jemmnu li l-Kummissjoni kienet fi ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Ir-rapporteur tagħkom ma tapprovax dawn l-oġġezzjonijiet. Diversi distorsjonijiet fis-suq intern jistgħu jiġu rrimedjati biss jekk sistema komuni tar-regoli hija adottata bi proċeduri amministrattivi komuni u sistema amministrattiva b'"one-stop shop". Għalhekk, ir-rapporteur tagħkom tappoġġa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tikkunsidrax mill-ġdid din il-proposta.

    Ir-rapporteur tagħkom tixtieq tenfasizza l-vantaġġi prinċipali marbutin mal-introduzzjoni tal-BKKTK:

    · aktar trasparenza fiskali, li se tagħmel is-sistema tat-taxxa aktar ekwitabbli u effiċjenti;

    · tnaqqis fl-ispejjeż ta' infurzar u burokrazija, li se jtejjeb il-prospetti għat-tkabbir tal-impriżi b'operazzjonijiet transkonfinali, li se jagħmel l-Unjoni Ewropea aktar attraenti għall-investituri barranin u li se jippromwovi l-aċċessibbiltà tas-suq intern għal SMEs u negozji li bħalissa għad mhumiex qegħdin joperaw b'mod transkonfinali;

    · l-antiċipazzjoni li deċiżjonijiet ta' allokazzjoni dwar is-suq intern se jittieħdu aktar fid-dawl ta' kunsiderazzjonijiet soċjali u ekonomiċi ta' natura newtrali fir-rigward tat-taxxa, milli qegħdin jittieħdu bħalissa;

    · tnaqqis f'żewġ tipi ta' problemi tat-taxxa: l-evażjoni tat-taxxa u frodi minn banda u tassazzjoni doppja mill-banda l-oħra.

    Aktar mhi se tkun kbira l-parteċipazzjoni fis-sistema tal-BKKTK, aktar se jkunu jistgħu jinħasdu benefiċċji. Ir-rapporteur għalhekk tipproponi pjan direzzjonali (pjan f'fażijiet) li permezz tiegħu l-BKKTK issir obbligatorja wara perjodu transitorju qasir:

    · • matul l-ewwel fażi, is-sistema tal-BKKTK tkun tapplika għall-kumpaniji Ewropej u l-kooperattivi Ewropej li fin-natura tagħhom joperaw bejn il-fruntieri (wara sentejn);

    · wara 5 snin, is-sistema tal-BKKTK għandha ssir obbligatorja għall-kumpaniji kollha minbarra l-SMEs. Sabiex jiġi ddeterminat x'inhu SME, id-definizzjoni mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tiġi applikata;

    · meta jasal iż-żmien għall-Kummissjoni Ewropea biex tivvaluta l-applikazzjoni tad-direttiva, għandu jitqies jekk ikunx awspikabbli, vallapena jew neċessarju wkoll li s-sistema tal-BKKTK ssir obbligatorja għall-SMEs u jekk inhu xieraq, tressaq proposta biex temenda d-direttiva.

    Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-BKKTK, għandha tiddaħħal fl-Unjoni Ewropea kollha. Madankollu, jekk il-Kunsill ma jirnexxilux jilħaq ftehim sodisfaċenti mal-Istati Membri kollha, ir-rapporteur tiegħek hija favur il-proċedura ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib għandha tinbeda mingħajr dewmien. F'dak il-każ l-objettiv matul l-ewwel fażi irid ikun li l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fiż-żona euro u jsiru parti minnha, u li l-proċedura dejjem trid tkun miftuħa wkoll għall-Istati Membri l-oħra kollha.

    Punt ieħor ta' diskussjoni hu x'livell ta' armonizzazzjoni għandu jintlaħaq Ir-rapporteur tagħkom minn banda tipperċepixxi vantaġġi jekk jonqos id-distakk bejn ir-rati (b'minimi jew firxa limitata). Mill-banda l-oħra, tirrikonoxxi li dan fil-verità mhuwiex meħtieġ biex is-suq intern jaħdem sew u li matul dan il-perjodu, meta l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qegħdin jissieltu jew biex jibbilanċjaw il-finanzi pubbliċi tagħhom jew biex iżommuhom f'qagħda tajba, mhuwiex xieraq li jsir sforz għal armonizzazzjoni radikali. Madankollu, jekk wara ċertu perjodu ta' żmien ikun evidenti li l-kompetizzjoni tat-taxxa bejn l-Istati Membri qiegħda tikkaġuna aktar ħsara milli ġid, dejjem jista' jittieħed pass ieħor 'il quddiem. Minkejja li din id-direttiva ma għandhiex, fi kwalunkwe każ, tidher li qed tanteċipa l-armonizzazzjoni tar-rati tat-taxxa korporattivi, ir-rapporteur tagħkom tipproponi li l-kwestjoni tar-rati għandha tissemma' fil-klawsola ta' rieżami.

    Ir-rapportuer tagħkom hija assolutament favur il-prinċipju ta' konsolidament, kemm fl-interessi tal-effikaċja tas-suq intern kif ukoll biex il-BKKTK issir attraenti għall-impriżi bħal fuq. B'mod partikolari minħabba li l-bażi tat-taxxa skont is-sistema tal-BKKTK hija usa' mill-bażijiet nazzjonali normali u peress li r-rati huma stipulati mill-Istati Membri nnifishom, il-konsolidament ma jistax jirrappreżenta ostakolu mil-lat tal-Istati Membri.

    Bejniethom, permezz tal-firxa tal-bażi tat-taxxa, tad-dritt sovran tal-Istati Membri li jistipulaw ir-rati tat-taxxa u tal-konsolidament il-BKKTK se tkun "newtrali fit-taxxa" f'termini tal-impatt kemm fuq in-negozju kif ukoll fuq il-finanzi.

    Il-formula għat-tqassim fiss prevista mid-direttiva ma taffettwax il-bażi tat-taxxa iżda biss it-tqassim tagħha fost l-Istati Membri. It-tqassim għandu jkun legalment ċert, prevedibbli, ekonomikament rilevanti u ġust. It-tliet fatturi determinanti fil-proposta ntagħżlu tajjeb f'dan ir-rigward: id-data hija magħrufa u hija evidenti mill-kotba, diffiċli li wieħed jimmanipula, u hija indikattiva tal-profitti. Il-fattur tal-impjieg inqasam tajjeb fi spejjeż tal-pagi u n-numru tal-persunal, peress li dan jikkanċella fil-biċċa l-kbira tiegħu l-impatt tad-differenzi fil-livelli tal-pagi bejn l-Istati Membri. Sabiex ikunu rrikonċiljati d-diversi perspettivi dwar il-fattur "fatturat", ir-rapporteur tiegħek naqset, permezz ta' kompromess, il-piż ta' dan il-fattur fil-formula għat-tqassim, iżda ma eliminathiex għal kollox. Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, minn banda huwa awspikabbli li t-tliet fatturi jinżammu. Mill-banda l-oħra, il-piż relattiv tal-fatturi jridu jerġgħu jiġu eżaminati bir-reqqa bil-għan li jinkiseb riżultat li huwa kemm ekonomikament rilevanti kif ukoll ġust mill-aspett tal-baġit. Għalhekk, ir-rapporteur tiegħek tappoġġa t-tqassim tal-formula soġġetta għal bidla żgħira u taqbel mal-Kummissjoni li jagħmel sens li l-formula tkun inklużi fil-klawsola ta' rieżami.

    Naturalment ir-rapporteur tagħkom tilqa' l-prinċipju "one-stop-shop" u kooperazzjoni aktar fil-qrib bejn amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali. Tistaqsi lilha nnifisha dwar jekk il-bażi għall-identifikazzjoni tal-awtorità prinċipali tat-taxxa taqbel biżżejjed mar-realtà ekonomika u jekk se tiggarantixxi firxa suffiċjenti fost l-Istati Membri.

    Fl-aħħar nett, ir-rapporteur tagħkom ma għandha l-ebda oġġezzjoni dwar il-proposta li l-BKKTK għandha tkun indipendenti minn regoli dwar il-kontabbiltà. L-alternattiva hija sistema bbażata fuq l-IFRS. F'dak il-każ, il-kalkolu tal-bażi tat-taxxa kien se jitħalla f'idejn is-settur privat u bħala riżultat setgħet titfassal sistema li forsi mhijiex tant adatta għall-SMEs.

    OPInjoni tal-kumitat għall-affarijiet legali

    Is-Sra Sharon Bowles

    President

    Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

    BRUSSELL

    Suġġett:           Opinjoni dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) (COM(2011)0121 – C7 0092/2011 – 2011/0058(CNS))

    Sinjura President,

    Permezz tal-ittra datata t-12 ta' Jannar 2012 inti tlabt lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, skont l-Artikolu 37 tar-Regoli ta' Proċedura, jagħti l-opinjoni tiegħu fuq il-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata ta' Taxxa Korporattiva (BKKTK )

    Il-Kummissjoni preżentat il-proposta fuq il-bażi tal-Artikolu 115 tat-TFUE. It-talba tiegħek hija dwar jekk għandux jiddaħħal ukoll l-Artikolu 136 tat-TFUE bħala l-bażi legali.

    Bl-ittra tat-23 ta' Jannar 2012, is-Servizz Legali tal-Parlament ta analiżi tal-mistoqsija u kkonkluda li mhux ġustifikat li tiġi emendata l-bażi legali tal-proposta billi jiżdied l-Artikolu 136 tat-TFUE, u li l-Artikolu 115 tat-TFUE hu l-bażi legali korretta.

    Kuntest

    I. Il-proposta

    Il-proposta timmira li tnaqqas l-ispejjeż tal-osservanza għall-kumpaniji fis-suq intern fiż-żona tat-tassazzjoni billi tistabbilixxi sistema għal bażi komuni għat-taxxa korporattiva. B'mod iktar speċifiku, din tipproponi BKKTK bħala sistema ta' regoli komuni għall-kalkolu tal-bażi tat-taxxa għall-kumpaniji li huma residenti għat-taxxa fl-UE u għall-fergħat li jinsabu fl-UE ta' kumpaniji ta' pajjiżi terzi. Il-BKKTK tkun sistema fakultattiva disponibbli għall-kumpaniji kollha jkun xi jkun id-daqs tagħhom. Għall-gruppi tal-kumpaniji il-BKKTK timmira li tipprovdi sett uniku ta' regoli fiskali fl-Unjoni, sabiex dawn ikollhom jipproċessaw amministrazzjoni waħda biss. Il-proposta preżenti tinkludi sett sħiħ ta' regoli għat-taxxa korporattiva. Kumpanija li tagħżel il-BKKTK ma tibqax soġġetta għall-arranġamenti tat-taxxa korporattiva nazzjonali fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha koperti mir-regoli komuni.

    II. Il-bażijiet legali kkonċernati

    1. Il-bażi legali għall-proposta tal-Kummissjoni

    Il-proposta tal-Kummissjoni hija msejsa fuq l-Artikolu 115 tat-TFUE, li jgħid kif ġej:

    "Artikolu 115

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114, il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, joħroġ direttivi għall-approssimazzjoni ta' dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li direttament jaffettwaw l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq intern."

    L-għażla tal-bażi legali hija spjegata mill-Kummissjoni fil-memorandum ta' spjegattiva kif ġej:

    Il-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa diretta taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFEU). Il-klawsola tistipula li l-miżuri legali tal-approssimazzjoni skont dak l-artikolu għandhom jingħataw il-forma legali ta’ Direttiva.

    2. Il-bidla proposta tal-bażi legali

    Inti tlabt, f'isem il-Kumitat ECON, l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar iż-żieda tal-Artikolu 136 tat-TFUE bħala bażi legali, fuq il-bażi ta' dan ir-raġunament: "Jekk l-applikazzjoni obbligatorja tal-BKKTK fis-27 Stat Membru tal-UE kollha mhijiex possibbli, hemm żewġ għażliet li jippermettu l-applikazzjoni fuq numru iżgħar ta’ Stati Membri:

    il-kooperazzjoni ordinajra aktar mill-qrib skont it-TFUE, jew

    - miżuri speċifiċi għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro, fuq il-bażi tal-Artikolu 136 tat-TFUE."

    Emenda li tbiddel il-bażi legali skont din il-ġustifikazzjoni tressqet fil-Kumitat ECON (l-Emenda 15).

    L-Artikolu 136 TFUE jgħid hekk:

    Artikolu 136

    1. Sabiex ikun assigurat il-funzjonament tajjeb ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, il-Kunsill għandu, skond il-proċedura rilevanti minn fost dawk previsti fl-Artikoli 121 u 126, bl-eċċezzjoni tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 126(14), jadotta miżuri speċifiċi għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro sabiex:

    (a) tissaħħaħ il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom;

    (b) jiġu stabbiliti l-linji gwida ta' politika ekonomika għalihom, waqt li jkun assigurat li dawn ikunu kompatibbli ma' dawk adottati għall-Unjoni kollha u li jinżammu taħt sorveljanza.

    2. Għal dawk il-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1, għandhom jieħdu sehem fil-votazzjoni biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri l-oħra tal-Kunsill għandha tiġi dddefinita skont l-Artikolu 238(3)(a)."

    L-Artikolu 121 tat-TFUE fih dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi bejn l-Istati Membri, u l-Artikolu 126 tat-TFUE jistipula l-proċedura li għandha tiġi segwuta fil-każi ta' żbilanċ eċċessiv tal-gvernijiet.

    III. Analiżi

    Tfaċċaw ċerti prinċipji mill-każistika tal-Qorti fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali. L-ewwel nett, fid-dawl tal-konsegwenzi tal-bażi legali f’termini ta’ kompetenza sustantiva u l-proċedura, l-għażla tal-bażi legali korretta hija ta’ importanza kostituzzjonali[1]. It-tieni, skont l-Artikolu 13(2) tat-Trattat UE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fi ħdan il-limiti tal-poteri konferiti lilha mit-Trattat[2]. It-tielet, skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, "l-għażla tal-bażi legali ta’ miżura Komunitarja għandha tiġi bbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal rieżami ġudizzjarju, inkluż, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-miżura[3]". Finalment, fir-rigward tal-bażijiet legali multipli, meta miżura jkollha diversi oġġettivi jew komponenti komtemporanji li jkunu marbutin ma' xulxin b'mod li ma jinħallx mingħajr ma wieħed minnhom ikun sekondarju u indirett mill-ieħor, il-miżura għandha tkun ibbażata fuq id-diversi dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat[4]. Madankollu, ir-rikors għall-bażi legali doppja huwa eskluż meta l-proċeduri previsti għal kull waħda minn dawn il-bażijiet legali huma inkompatibbli u/jew meta l-użu konġunt ta' bażijiet legali huwa ta' natura li jista' jippreġudika d-drittijiet tal-Parlament[5].

    L-objettiv ġenerali tal-proposta kkonċernata huwa "li tneħħi xi impedimenti importanti għat-tkabbir fis-Suq Waħdieni[6]" Il-kamp ta' applikazzjoni tagħha huwa definit fl-Artikolu 1 kif ġej: Din id-Direttiva tistabbilixxi sistema għal bażi komuni għat-tassazzjoni ta’ ċerti kumpaniji u gruppi ta’ kumpaniji u tistipula regoli relatati mal-kalkolazzjoni u l-użu ta’ dik il-bażi.It-TFUE fih żewġ bażijiet legali għall-"approssimazzjoni ta' dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri" fis-suq intern: L-Artikolu 114 tat-TFUE huwa applikabbli meta l-objettiv ikun "l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern", u l-Artikolu 115 meta l-miżuri kkonċernati "direttament jaffettwaw l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq intern". L-Artikolu 114(1) tat-TFUE jipprovdi għall-adozzjoni ta' "kwalunkwe miżura" mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew bi qbil mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li tirrikjedi maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill; skont l-Artikolu 115 tat-TFUE, il-Kunsill għandu jadotta direttivi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew. Fil-prattika, l-Artikolu 115 huwa relevanti speċjalment fl-oqsma li l-Artikolu 114(2) jeskludi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 114(1). Waħda minn dawn l-esklużjonijiet tikkonċerna "dispożizzjonijiet fiskali". Dan iwassal għall-Artikolu 115 bħala l-bażi legali xierqa li għandha tintagħżel għall-miżura proposta.

    Rigward il-mistoqsija jekk jiddaħħalx l-Artikolu 126 tat-TFUE bħala bażi legali, il-kriterji għal bażijiet legali multipli għandhom jiġu applikati, jiġifieri għandu jkun identifikabbli t-tieni oġġettiv jew komponent skont l-Artikolu 136 tat-TFUE li jkun marbut b'mod li ma jinħallx mal-ewwel wieħed u tal-istess valur. Il-proposta ma fiha ebda miżura speċifika għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro bil-għan li tiżgura l-funzjonament xieraq tal-unjoni ekonomika u monetarja. Barra minn hekk, il-proċeduri skont l-Artikoli 121 u 126 tat-TFUE huma kompletament differenti u, b'hekk, irrikonċiljabbli mill-proċedura ta' konsultazzjoni li skontha ġie propost l-att ikkonċernat.

    Matul il-laqgħa tiegħu tal-26 ta' Jannar 2012, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali eżamina l-kwistjoni msemmija hawn fuq. Waqt il-laqgħa tiegħu, hu ddeċieda, bi 22 vot favur u b'astensjoni waħda[7], li jirrakkomanda li l-bażi legali xierqa għall-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) għandha tkun l-Artikolu 115 tat-TFUE, u li l-Artikolu 136 tat-TFUE m'għandux jiddaħħal bħala l-bażi legali.

    Dejjem tiegħek,

    Klaus-Heiner Lehne

    • [1]  Opinjoni 2/00 Il-Protokoll ta’ Kartaġena [2001] E.C.R. I-9713, paragrafu 5; Kawża C-370/07, Il-Kummissjoni v. il-Kunsill, il-paragrafi 46-49; Opinjoni 1/08, Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi [2009], ECR I-11129, paragrafu 110.
    • [2]  Kawża C-403/05, Il-Parlament v. il-Kummissjoni [2007] Ġabra I9045, il-paragrafu 49, u l-każistika li hemm iċċitata hemmhekk.
    • [3]  Irreferi għall-kawża l-iktar reċenti C-411/06 il-Kummissjoni v. il-Parlament u l-Kunsill [2009] ECR I-7585.
    • [4]  Kawża C-165/87, Il-Kummissjoni v. il-Kunsill [1988] ECR 5545 il-paragrafu 11; Kawża C-178/03, Il-Kummissjoni v. il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [2006] ECR I-107, il-paragrafi 43-56.
    • [5] Kawża C-178/03, Il-Kummissjoni v. il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [2006] ECR I-207, il-paragrafu 57.
    • [6]  Memorandum ta' Spjegazzjoni, paġna 1.
    • [7]  Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Klaus-Heiner Lehne (President), Raffaele Baldassarre (Viċi President), Evelyn Regner (Viċi President), Sebastian Valentin Bodu, Marielle Gallo, Eva Ortiz Vilella, Tadeusz Zwiefka, Françoise Castex, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Antonio Masip Hidalgo, Bernhard Rapkay, Alexandra Thein, Diana Wallis, Cecilia Wikström, Jiří Maštálka, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Jean-Marie Cavada, Vytautas Landsbergis, Kurt Lechner, Dagmar Roth-Behrendt, Jan Philipp Albrecht, Eva Lichtenberger.

    OPINJONI OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (25.1.2012)

    għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

    dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)
    (COM(2011)0121 – C7‑0092/2011 – 2011/0058(CNS))

    Rapporteur: Olle Schmidt

    ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

    Ir-Rapporteur jappoġġja l-proposta mill-Kummissjoni tal-UE biex fl-UE tkun introdotta Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva fuq bażi volontarja (BKKTK).

    Il-pajjiżi tal-UE għandhom bażijiet tat-taxxa differenti li fil-prattika joħolqu ostakli kummerċjali għat-tkabbir u l-impjiegi.

    Il-proposta għal BKKTK tista' twassal biex isiru bidliet importanti fit-taxxa korporattiva fl-Ewropa bil-possibilità li jinħoloq titjib għall-kumpaniji li joperaw fil-kummerċ transkonfinali billi jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi kif ukoll il-burokrazija. B'dan il-mod jista' jinħoloq suq uniku aktar effiċjenti, kompetittività akbar għall-kumpaniji tal-UE u titjieb l-attrazzjoni globali tas-suq tal-UE meta mqabbel ma' swieq oħra kbar bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina.

    Il-punti ewlenin ta' tħassib tar-Rapporteur huma:

    Il-BKKTK għandha tkun għażla libera għall-kumpaniji. Sistema obbligatorja se twassal għal spejjeż ogħla speċjalment għall-SMEs u għalhekk ma jinħolqux aktar tkabbir u kompetittività fis-suq Ewropew. Huwa importanti wkoll li jkun hemm sistemi kompetittivi u kompetizzjoni istituzzjonali. Mhux rakkomandabbli li s-sistema ssir mandatorja qabel ikun hemm esperjenza prattika u jkunu magħrufa l-effetti tas-sistema.

    1.  Il-livell tar-rata tat-taxxa għandu jibqa' deċiżjoni tal-parlamenti nazzjonali. L-għan hu li titjieb is-sistema tat-tassazzjoni tal-kumpaniji, mhux li jkunu armonizzati r-rati tat-taxxa.

    2.  L-ostakli transkonfinali għandhom jiġu eliminati. Għalhekk is-sistema għandha tippermetti li jkunu kkonsolidati l-qliegħ u t-telf sa mill-bidu nett, sabiex tkun iffaċilitata aktar attività ta' kummerċ transkonfinali.

    3.  Il-BKKTK għandha tippermetti s-simplifikazzjoni fis-sens li jkun meħtieġ li tintbagħat dikjarazzjoni waħda għall-grupp kollu, "one-stop shop". Hu essenzjali li jitnaqqsu l-piż amministrattiv u l-burokrazija għas-sistema tal-BKKTK . Dan inaqqas l-ispejjeż marbuta mal-konformità, u jagħti inċentivi biex tinħoloq sistema komuni tat-taxxa.

    4.  Is-sistema għandha tkun tant attraenti li l-kumpaniji jagħżlu li jipparteċipaw fil-BKKTK - billi jgawdu minn vantaġġi reali.

    Ir-rapporteur jipproponi l-bidliet li ġejjin:

    Bidliet lill-formola - jitneħħa l-fattur tal-bejgħ: Il-formula għat-tqassim tal-bażi tat-taxxa konsolidata għandha tkun ibbażata fuq żewġ fatturi biss: il-ħaddiema u l-assi.

    Il-bejgħ skont id-destinazzjoni jimponi bidla sinifikanti mill-prinċipju attwali fejn id-drittijiet tat-tassazzjoni aħħarin huma attribwiti lill-istat tal-oriġini. Is-sors tal-oriġini għandu pożizzjoni kunċettwali qawwija fost l-Istati Membri tal-UE u kien il-prinċipju li ggwida x-xogħol tal-OECD dwar it-tassazzjoni internazzjonali għal ħafna żmien.

    Mhux biss imma l-Istati Membri żgħar u ta' daqs medju li għandhom suq domestiku żgħir, b'din il-formula, jitilfu ammont sostanzjali ta' dħul mit-taxxa.

    Barra minn hekk, il-fattur tal-bejgħ ibbażat fuq id-destinazzjoni huwa aktar faċli li jiġi manipolat. Aġent tal-bejgħ indipendenti (ibbażat fi Stat li ma jadottax il-BKKTK) jista' jitqabbad bħala intermedjarju biex ibiegħ f'isem il-grupp fis-suq ikkonċernat, u għalhekk ibiddel id-destinazzjoni tal-bejgħ mill-istat 'intenzjonat' għall-istat magħżul. Possibilitajiet ta' ppjanar tat-taxxa bħal dawn idgħajfu l-leġittimità tal-fattur u wisq probabbli jagħtu bidu għal regoli kumplessi kontra l-evażjoni tat-taxxa.

    Forum BKKTK: L-introduzzjoni ta' Forum dwar il-BKKTK bejn l-Istati Membri għal riżoluzzoni tat-tilwim barra mill-qorti (bidliet fil-Premessa 26 u l-Artikolu 123).

    Analiżi aktar rapida: Il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva sabiex tevalwa l-effetti tal-BKKTK, (l-Artikolu 133).

    Il-valutazzjoni tal-effetti tal-BKKTK fir-reviżjoni tad-Direttiva: wara tliet snin il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li tiġi introdotta sistema obbligatorja, sabiex tinħoloq BKKTK waħda fl-UE.

    Il-Kummissjoni għandha tanalizza wkoll l-effetti tad-Direttiva fuq il-bażijiet għat-taxxa fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali inklużi l-effetti soċjoekonomiċi fuq ir-rilokazzjoni ta’ attività ekonomika u l-impjiegi fi ħdan l-UE.

    Għandu jiġi kkunsidrat li l-BKKTK tkun estiża għal entitajiet oħra minbarra korporazzjonijiet, bħalma huma ftehimiet ta' sħubija: F'xi Stati Membri ħafna impriżi jieħdu l-forma ta' ftehimiet ta' sħubija. Il-Kummissjoni għandha tanalizza jekk dawn il-ftehimiet ta' sħubija jistgħux ikunu ttrattati daqs li kieku kienu kumpaniji korporattivi.

    Il-perċentwali tal-element tat-tlestija f'kuntratti għal terminu ta' żmien twil: L-Artikolu 24 għandu jiġi mħassar minħabba li l-kumpaniji m'għandhomx ikunu obbligati jagħmlu din il-kalkolazzjoni sempliċement għall-finijiet tat-taxxa. Din mhijiex komuni għas-sistemi tal-kontabilità tal-Istati Membri u żżid il-kumplessità tas-sistema.

    Inkabbru l-attrazzjoni tal-BKKTK: id-dispożizzjonijiet tal-BKKTK għandhom ikunu ta' benefiċċju akbar għall-kumpaniji milli huma s-sistemi nazzjonali attwali.

    Ir-regoli ta' tnaqqis tal-valur għandhom ikunu aktar ġenerużi mal-kumpaniji. Fl-Artikolu 39 il-livell tar-rata ta' tnaqqis tal-valur tal-ġabra tal-assi tal-kumpanija għandu jogħla minn 25 għal 35 fil-mija.

    L-obbligu li hemm fl-Artikolu 59 li jkunu rrekordjati t-tranżazzjonijiet bejn il-gruppi jidher diskutibbli minħabba li jgħabbi lill-kumpaniji b'piż amministrattiv u spejjeż żejda.

    Kjarifika ta' Dispożizzjonijiet dwar il-verifika: fl-Artikolu 122. Sitwazzjoni li fiha awtorità kompetenti tista' tibda verifika tal-grupp kollu jew ta' parti mill-grupp irrispettivament mill-ġurisdizzjoni tat-taxxa tista' twassal għal konsegwenzi amministrattivi inaċċettabbli.

    Regola kontra l-abbuż aktar stretta: Hi meħtieġa bidla fl-Artikolu 80, sabiex it-tranżazzjonijiet artifiċjali bil-għan ewlieni li tiġi evitata t-taxxa jiġu injorati fil-kalkolazzjoni tal-bażi tat-taxxa.

    EMENDI

    Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jitlob lill-Kumitat għall-Ekonomija u l-Affarijiet Monetarji, bħala l-kumitat risponsabbli, sabiex jinkludi l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu.

    Emenda  1

    Proposta għal direttiva

    Premessa 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (1) Il-kumpaniji li jfittxu li jagħmlu negozju bejn il-fruntieri fi ħdan l-Unjoni jiltaqgħu ma’ ostakoli serji u tfixkil tas-suq minħabba l-eżistenza ta’ 27 sistema fiskali korporattiva differenti. Dawn l-ostakoli u tfixkil jimpedixxu l-funzjonament korrett tas-suq intern. Huma joħolqu diżinċentivi għall-investiment fl-Unjoni u jmorru kontra l-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Huma ma jaqblux ukoll mar-rekwiżiti ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna.

    (1) Il-kumpaniji li jfittxu li jagħmlu negozju bejn il-fruntieri fi ħdan l-Unjoni jiltaqgħu ma’ ostakoli serji u tfixkil tas-suq minħabba l-eżistenza ta’ 27 sistema fiskali korporattiva differenti. Dawn l-ostakoli u tfixkil jimpedixxu l-funzjonament korrett tas-suq intern. Huma joħolqu diżinċentivi għall-investiment fl-Unjoni u jmorru kontra l-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Hemm bżonn ta' aktar integrazzjoni tal-bażi tat-taxxa sabiex tissaħħaħ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna fl-UE.

    Emenda  2

    Proposta għal direttiva

    Premessa 3a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (3a) Il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) għandha twassal għal bażi tat-taxxa komuni għall-kumpaniji Ewropej kollha eliġibbli fl-Unjoni. Madankollu, din id-Direttiva ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala l-bidu tal-armonizzazzjoni tar-rati tat-taxxa korporattiva tal-Istati Membri.

    Emenda          3

    Proposta għal direttiva

    Premessa 3b (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (3b) It-titjib tas-suq intern hu l-fattur ewlieni li jinkoraġġixxi t-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol. L-introduzzjoni tal-BKKTK għandha ssaħħaħ it-tkabbir u twassal għal aktar impjiegi fl-Unjoni billi tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u l-burokrazija għall-kumpaniji, partikolarment għan-negozji li joperaw f'diversi Stati Membri.

    Emenda  4

    Proposta għal direttiva

    Premessa 5

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (5) Billi d-differenzi fir-rati ta’ tassazzjoni ma joħolqux l-istess ostakoli, is-sistema (il-Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB)) mhux bilfors taffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tar-rata(i) nazzjonali tagħhom ta’ tassazzjoni għall-kumpaniji.

    (5) Billi d-differenzi fir-rati ta’ tassazzjoni jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-UE fit-totalità tagħha, is-sistema (il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)) ma għandhiex taffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tar-rata/i nazzjonali tagħhom ta’ tassazzjoni għall-kumpaniji. Għalhekk, l-Istati Membri għandu jibqa' jkollhom id-dritt li jadottaw ċerti inċentivi għan-negozji fl-ambitu fiskali.

    Emenda  5

    Proposta għal direttiva

    Premessa 6a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (6a) Il-funzjonament tal-BKKTK, skont din id-Direttiva, għandu jwassal għal impatt newtrali fuq id-dħul mit-taxxi tal-Istati Membri.

    Emenda  6

    Proposta għal direttiva

    Premessa 6b (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (6b) Jekk l-użu tal-BKKTK ikun qiegħed jaffettwa d-dħul mit-taxxa tal-awtoritajiet reġjonali jew lokali, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li, bi qbil mas-sistemi kostituzzjonali tagħhom u b'mod li jkun kumpatibbli ma' din id-Direttiva, jadottaw miżuri biex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni .

    Emenda  7

    Proposta għal direttiva

    Premessa 16

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (16) L-eliġibilità għall-konsolidament (sħubija fi grupp) għandha tiġi determinata skont test f’żewġ partijiet ibbażat fuq (i) il-kontroll (iżjed minn 50% tad-drittijiet tal-vot) u (ii) is-sjieda (iżjed minn 75% tal-ekwità) jew id-drittijiet għall-profitti (iżjed minn 75% tad-drittijiet li jagħtu dritt għall-profitt). Test bħal dan jassigura livell għoli ta’ integrazzjoni ekonomika bejn il-membri tal-grupp, kif indikat minn relazzjoni ta’ kontroll u livell għoli ta’ parteċipazzjoni. Iż-żewġ limiti għandhom jintlaħqu matul is-sena fiskali kollha; inkella, il-kumpanija għandha titlaq mill-grupp immedjatament. Għandu jkun hemm ukoll rekwiżit minimu ta’ disa’ xhur għas-sħubija fil-grupp.

    (16) L-eliġibilità għall-konsolidament (sħubija fi grupp) għandha tiġi determinata skont test f’żewġ partijiet ibbażat fuq (i) il-kontroll (iżjed minn 50% tad-drittijiet tal-vot) u (ii) is-sjieda (iżjed minn 75% tal-ekwità) jew id-drittijiet għall-profitti (iżjed minn 75% tad-drittijiet li jagħtu dritt għall-profitt). Test bħal dan jassigura livell għoli ta’ integrazzjoni ekonomika bejn il-membri tal-grupp, kif indikat minn relazzjoni ta’ kontroll u livell għoli ta’ parteċipazzjoni. Iż-żewġ limiti għandhom jintlaħqu matul is-sena fiskali kollha; inkella, il-kumpanija għandha titlaq mill-grupp immedjatament. Għandu jkun hemm ukoll rekwiżit minimu ta’ tnax-il xhar għas-sħubija fil-grupp.

    Emenda  8

    Proposta għal direttiva

    Premessa 20

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (20) Is-sistema għandha tinkludi regola ġenerali kontra l-abbużi, supplimentata b’miżuri sabiex jiġu kkontrollati tipi speċifiċi ta’ prattiċi abbużivi. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu limitazzjonijiet fuq it-tnaqqis tal-imgħax imħallas lil impriżi assoċjati residenti għal finijiet ta’ taxxa f’pajjiż ta’ taxxi baxxi barra l-Unjoni li ma jiskambjax informazzjoni mal-Istat Membru tal-kontribwent fuq il-bażi ta’ ftehim paragunabbli mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni tal-primjums tal-assigurazzjoni u regoli dwar il-kumpaniji barranin ikkontrollati.

    (20) Is-sistema għandha tinkludi regola ġenerali effikaċi kontra l-abbużi, supplimentata b’miżuri sabiex jiġu kkontrollati tipi speċifiċi ta’ prattiċi abbużivi. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu limitazzjonijiet fuq it-tnaqqis tal-imgħax imħallas lil impriżi assoċjati residenti għal finijiet ta’ taxxa f’pajjiż ta’ taxxi baxxi barra l-Unjoni li ma jiskambjax informazzjoni mal-Istat Membru tal-kontribwent fuq il-bażi ta’ ftehim paragunabbli mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni tal-primjums tal-assigurazzjoni u regoli dwar il-kumpaniji barranin ikkontrollati. L-Istati Membri ma għandhomx jinżammu milli jintroduċu u jikkoordinaw miżuri addizzjonali bejniethom sabiex inaqqsu l-effetti negattivi tal-pajjiżi b'rata ta' taxxa baxxa barra mill-Unjoni u li ma jiskambjawx l-informazzjoni fiskali neċessarja.

    Emenda  9

    Proposta għal direttiva

    Premessa 21

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (21) Il-formula għat-tqassim tal-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinkludi tliet fatturi mogħtija l-istess piż (ħaddiema, assi u bejgħ). Il-fattur tal-ħaddiema għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tas-salarji u n-numru ta’ impjegati (kull element jgħodd in-nofs). Il-fattur tal-assi għandu jikkonsisti mill-assi tanġibbli fissi kollha. L-assi intanġibbli u finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-formula minħabba n-natura mobbli tagħhom u r-riskji ta’ tidwir mas-sistema. L-użu ta’ dawn il-fatturi jagħti piż xieraq lill-interessi tal-Istat Membru tal-oriġini. Fl-aħħar nett, għandu jitqies il-bejgħ sabiex tkun assigurata parteċipazzjoni ġusta tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Dawn il-fatturi u piżijiet għandhom jassiguraw li l-profitti jiġu intaxxati fil-post fejn jinkisbu. B'eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali, fejn l-eżitu tat-tqassim ma jirrappreżentax b'mod ġust il-livell ta' attività tan-negozju, klawsola ta' salvagwardja tipprovdi għal metodu alternattiv.

    (21) Il-formula għat-tqassim tal-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinkludi żewġ fatturi mogħtija l-istess piż (ħaddiema u assi). Il-fattur tal-ħaddiema għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tas-salarji u n-numru ta’ impjegati (kull element jgħodd in-nofs). Il-fattur tal-assi għandu jikkonsisti mill-assi tanġibbli fissi kollha. L-assi intanġibbli u finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-formula minħabba n-natura mobbli tagħhom u r-riskji ta’ tidwir mas-sistema. L-użu ta’ dawn il-fatturi jagħti piż xieraq lill-interessi tal-Istat Membru tal-oriġini. Dawn il-fatturi u piżijiet għandhom jassiguraw li l-profitti jiġu intaxxati fil-post fejn jinkisbu. B'eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali, fejn l-eżitu tat-tqassim ma jirrappreżentax b'mod ġust il-livell ta' attività tan-negozju, klawsola ta' salvagwardja tipprovdi għal metodu alternattiv.

    Emenda  10

    Proposta għal direttiva

    Premessa 21a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (21a) Ir-regoli komuni dwar il-kalkolu tal-BKKTK ma għandhomx iwasslu għal spejjeż ammininstrattivi sproporzjonati għall-kumpaniji, sabiex tiġi evitata ħsara għall-kompetittività tagħhom.

    Emenda  11

    Proposta għal direttiva

    Premessa 23a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (23a) Il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-forum dwar il-BKKTK ġdid, simili għall-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment (JTPF), li permezz tiegħu l-kumpaniji u l-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet u t-tilwim relatati mal-BKKTK. Dan il-forum għandu jkun kapaċi jagħti direzzjoni lill-kumpaniji u lill-Istati Membri.

    Emenda  12

    Proposta għal direttiva

    Premessa 27a (ġdida)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (27a) L-analiżi fuq il-bażi tal-klawsola tar-reviżjoni għandha tinkludi wkoll eżami tal-karattru fakultattiv tal-BKKTK u konsiderazzjonijiet tal-prattiċità tagħha għall-SMEs.

    Emenda  13

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 12 – paragrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    L-ispejjeż deduċibbli għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha tal-bejgħ u l-ispejjeż wara li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud deduċibbli li jkun għamel il-kontribwent biex jikseb jew jassigura d-dħul, inklużi l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ispejjeż magħmula fil-kisba tal-ekwità jew id-dejn għall-finijiet tan-negozju.

    L-ispejjeż deduċibbli għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha tal-bejgħ u l-ispejjeż wara li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud deduċibbli li jkun għamel il-kontribwent biex jikseb jew jassigura d-dħul, inklużi l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ispejjeż magħmula fil-kisba tal-ekwità jew id-dejn għall-finijiet tan-negozju. L-ispejjeż rikorrenti relatati mal-ħarsien tal-ambjent u mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom ukoll ikunu meqjusa bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu.

    Emenda  14

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 24

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Artikolu 24

    imħassar

    Kuntratti fuq perjodu fit-tul

     

    1. Kuntratt fuq perjodu fit-tul huwa wieħed li jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

     

    (a) ikun konkluż għall-iskop ta’ manifattura, installazzjoni jew kostruzzjoni jew it-twettiq ta’ servizzi;

     

    (b) it-terminu tiegħu jaqbeż, jew ikun mistenni li jaqbeż, 12-il xahar.

     

    2. Minkejja l-Artikolu 18, id-dħul relatat ma’ kuntratt fuq perjodu fit-tul għandu jiġi rikonoxxut, għall-finijiet tat-taxxa, skont l-ammont li jikkorrispondi għall-parti tal-kuntratt kompletata fis-sena fiskali rispettiva. Il-perċentwali tat-tlestija għandu jiġi stabbilit b’referenza għall-proporzjon tal-ispejjeż ta’ dik is-sena mal-ispejjeż globali stmati jew b’referenza għal evalwazzjoni esperta tal-istadju tat-tlestija fit-tmiem tas-sena fiskali.

     

    3. L-ispejjeż relatati ma’ kuntratti fuq perjodu fit-tul għandhom jiġu kkunsidrati fis-sena fiskali li fiha jseħħu.

     

    Emenda  15

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 39 – paragrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    1. Assi fissi għajr dawk imsemmija fl-Artikoli 36 u 40 għandhom jiġi deprezzati flimkien fi grupp wieħed ta’ assi b’rata annwali ta’ 25% tal-bażi għad-deprezzament.

    1. Assi fissi għajr dawk imsemmija fl-Artikoli 36 u 40 għandhom jiġi deprezzati flimkien fi grupp wieħed ta’ assi b’rata annwali ta’ 35 % tal-bażi għad-deprezzament.

    Emenda  16

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 58 – paragrafu 2

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    2. Minkejja l-paragrafu 1, kontribwent għandu jsir membru ta’ grupp fid-data li fiha jintlaħqu l-limiti tal-Artikolu 54. Il-limiti jridu jintlaħqu għal mill-anqas disa’ xhur konsekuttivi, u jekk dan ma jseħħx il-kontribwent għandu jiġi ttrattat daqs li kieku qatt ma sar membru tal-grupp.

    2. Minkejja l-paragrafu 1, kontribwent għandu jsir membru ta’ grupp fid-data li fiha jintlaħqu l-limiti tal-Artikolu 54. Il-limiti jridu jintlaħqu għal mill-anqas tnax-il xhar konsekuttivi, u jekk dan ma jseħħx il-kontribwent għandu jiġi ttrattat daqs li kieku qatt ma sar membru tal-grupp.

    Emenda  17

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 80 – paragrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    It-tranżazzjonijiet artifiċjali li jsiru għall-iskop biss li tiġi evitata t-taxxa għandhom jiġu injorati fil-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa.

    It-tranżazzjonijiet artifiċjali li jsiru għall-iskop prinċipali li tiġi evitata t-taxxa għandhom jiġu injorati fil-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa.

    Emenda  18

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 86 – paragrafu 1 – parti introduttorja

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    1. Il-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinqasam bejn il-membri tal-grupp f’kull sena fiskali fuq il-bażi ta’ formula għat-tqassim. Sabiex tistabbilixxi s-sehem imqassam ta’ membru tal-grupp A, il-formula għandha tieħu l-forma li ġejja, billi tagħti piż indaqs lill-fatturi tal-bejgħ, tal-ħaddiema u tal-assi:

    1. Il-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinqasam bejn il-membri tal-grupp f’kull sena fiskali fuq il-bażi ta’ formula għat-tqassim. Sabiex tistabbilixxi s-sehem imqassam ta’ membru tal-grupp A, il-formula għandha tieħu l-forma li ġejja, billi tagħti piż indaqs lill-fatturi tal-ħaddiema u tal-assi:

    Emenda  19

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 86 – paragrafu 1 – formola

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    * Bażi tat-taxxa komp.

    Emenda

    * Bażi tat-taxx komp.

    Emenda  20

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 95

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Artikolu 95

    imħassar

    Kompożizzjoni tal-fattur tal-bejgħ

     

    1. Il-fattur tal-bejgħ għandu jikkonsisti mill-bejgħ totali ta’ membru tal-grupp (inkluż stabbiliment permanenti li jkun meqjus li jeżisti bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) bħala n-numeratur tiegħu u l-bejgħ totali tal-grupp bħala d-denominatur tiegħu.

     

    2. Bejgħ għandu jfisser ir-rikavat tal-bejgħ kollu ta’ prodotti u fornimenti ta’ servizzi wara l-iskontijiet u l-profitti, esklużi t-taxxa fuq il-valur miżjud, taxxi u dazji oħra. Id-dħul eżentat, l-imgħax, id-dividendi, id-drittijiet dovuti għall-użu ta' proprjetà intellettwali u r-rikavat mid-disponiment ta’ assi fissi ma għandhomx jiġu inklużi fil-fattur tal-bejgħ, sakemm ma jkunx dħul miksub matul il-kors ordinarju tan-negozju jew in-negozju. Il-bejgħ ta’ prodotti u l-fornimenti ta’ servizzi fi ħdan il-grupp ma għandhomx jiġu inklużi.

     

    3. Il-bejgħ għandu jiġi stmat skont l-Artikolu 22.

     

    Emenda  21

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 96

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Artikolu 96

    imħassar

    Bejgħ skont id-destinazzjoni

     

    1. Il-bejgħ ta’ prodotti għandu jiġi inkluż fil-fattur tal-bejgħ tal-membru tal-grupp li jkun jinsab fl-Istat Membru fejn jispiċċaw il-kunsinna jew it-trasport tal-prodotti lill-persuna li tiksibhom. Jekk dan il-post ma jkunx identifikabbli, il-bejgħ tal-prodotti għandu jiġi attribwit lill-membru tal-grupp li jkun jinsab fl-Istat Membru tal-aħħar post identifikabbli tal-prodotti.

     

    2. Il-fornimenti ta’ servizzi għandhom jiġu inklużi fil-fattur tal-bejgħ tal-membru tal-grupp li jkun jinsab fl-Istat Membru fejn jitwettqu fiżikament is-servizzi.

     

    3. Meta d-dħul eżentat, l-imgħax, id-dividendi u d-drittijiet dovuti għall-użu ta' proprjetà intellettwali u r-rikavat mid-disponiment ta’ assi jiġu inklużi fil-fattur tal-bejgħ, huma għandhom jiġu attribwiti lill-benefiċjarju.

     

    4. Jekk ma jkunx hemm membru tal-grupp fl-Istat Membru fejn jitwasslu l-prodotti jew jitwettqu s-servizzi, jew jekk il-prodotti jiġu kkonsenjati jew is-servizzi jitwettqu f’pajjiż terz, il-bejgħ għandu jiġi inkluż fil-fattur tal-bejgħ tal-membri kollha tal-grupp b’mod proporzjonali mal-fatturi tagħhom tal-ħaddiema u tal-assi.

     

    5. Jekk ikun hemm iżjed minn membru wieħed tal-grupp fl-Istat Membru fejn jiġu kkonsenjati l-prodotti jew jitwettqu s-servizzi, il-bejgħ għandu jiġi inkluż fil-fattur tal-bejgħ tal-membri kollha tal-grupp li jkunu jinsabu f’dak l-Istat Membru, b’mod proporzjonali mal-fatturi tagħhom tal-ħaddiema u tal-assi.

     

    Emenda  22

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 97

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-kalkolazzjoni tal-fatturi tal-ħaddiema, tal-assi u tal-bejgħ, l-allokazzjoni tal-impjegati u l-pagi, l-assi u l-bejgħ lill-fattur rispettiv u l-istima tal-assi. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 131(2).

    Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-kalkolazzjoni tal-fatturi tal-ħaddiema u tal-assi, l-allokazzjoni tal-impjegati u l-pagi u l-assi lill-fattur rispettiv u l-istima tal-assi. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 131(2).

    Emenda  23

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 105 – paragrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    1. Meta jiġi aċċettat l-avviż tal-għażla, kontribwent waħdieni jew grupp, skont kif ikun il-każ, jistgħu japplikaw is-sistema stipulata f’din id-Direttiva għal ħames snin fiskali. Wara li jiskadi dak it-terminu inizjali, il-kontribwent waħdieni jew il-grupp għandhom ikomplu japplikaw is-sistema għal termini suċċessivi ta’ tliet snin fiskali sakemm ma jagħtux avviż ta’ tmiem. Avviż ta’ tmiem jista’ jingħata minn kontribwent lill-awtorità kompetenti tiegħu jew, fil-każ ta’ grupp, mill-kontribwent prinċipali lill-awtorità fiskali prinċipali fit-tliet xhur li jippreċedu t-tmiem tat-terminu inizjali jew ta’ terminu suċċessiv.

    1. Meta jiġi aċċettat l-avviż tal-għażla, kontribwent waħdieni jew grupp, skont kif ikun il-każ, jistgħu japplikaw is-sistema stipulata f’din id-Direttiva għal tliet snin fiskali. Wara li jiskadi dak it-terminu inizjali, il-kontribwent waħdieni jew il-grupp għandhom ikomplu japplikaw is-sistema għal termini suċċessivi ta’ tliet snin fiskali sakemm ma jagħtux avviż ta’ tmiem. Avviż ta’ tmiem jista’ jingħata minn kontribwent lill-awtorità kompetenti tiegħu jew, fil-każ ta’ grupp, mill-kontribwent prinċipali lill-awtorità fiskali prinċipali fit-tliet xhur li jippreċedu t-tmiem tat-terminu inizjali jew ta’ terminu suċċessiv.

    Emenda  24

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 122 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    L-awtorità fiskali prinċipali tista’ tibda u tikkoordina verifiki ta’ membri ta’ grupp. Tista’ tinbeda verifika wkoll fuq talba ta’ awtorità kompetenti.

    L-awtorità fiskali prinċipali tista’ tibda u tikkoordina verifiki ta’ membri ta’ grupp. Tista’ tinbeda verifika wkoll fuq talba ta’ awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta' residenza tal-membru tal-grupp.

    Emenda  25

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 123a (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    Artikolu 123a

     

    Forum BKKTK - korp għar-riżoluzzjoni tat-tilwim

     

    Il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-forum dwar il-BKKTK ġdid, simili għall-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment, li permezz tiegħu l-kumpaniji u l-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet u t-tilwim relatat mal-BKKTK u li għandu jagħti direzzjoni.

    Emenda  26

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 130

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar l-adozzjoni ta’ atti delegati mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe oġġezzjoni fformulata għalihom, jew ir-revoka tad-delegazzjoni tas-setgħat mill-Kunsill.

    Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar l-adozzjoni ta’ atti delegati mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe oġġezzjoni fformulata għalihom, jew ir-revoka tad-delegazzjoni tas-setgħat mill-Kunsill. Kwalunkwe valutazzjoni futura ta' din id-Direttiva għandha tiġi kkomunikata lill-Parlament Ewropew.

    Emenda  27

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 133

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    Il-Kummissjoni għandha, ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, tirrevedi l-applikazzjoni tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwar l-operazzjoni ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu, b'mod partikolari jinkludi analiżi tal-impatt tal-mekkaniżmu mwaqqaf fil-Kapitolu XVI ta' din id-Direttiva dwar id-distribuzzjoni tal-bażijiet tat-taxxa bejn l-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni għandha, ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, teżamina l-applikazzjoni tagħha u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jinkludi analiżi tal-impatt ta' din id-Direttiva fuq l-ekonomiji nazzjonali u l-effetti tagħha fuq baġits pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-effetti soċjoekonomiċi fuq impriżi żgħar u ta' daqs medju.

     

    Wara li tippreżenta dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-impatt u proġetti pilota bil-għan li tippreżenta proposta leġiżlattiva li tagħmel il-BKKTK obbligatorja għall-kumpaniji kollha eliġibbli sal-2020, bl-esklużjoni tal-kumpaniji mikro, żgħar u ta' daqs medju, kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003. Il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll il-possibilità li tintaxxa soċjetajiet daqslikieku kienu kumpaniji korporati.

     

    ______________

     

    1 ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

    Emenda  28

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 133 a (ġdid)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    Artikolu 133a

     

    Salvagwardji għal każijiet ta' telf ta' dħul mit-taxxi

     

    Jekk il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 133 turi telf sinifikanti ta' dħul mit-taxxa f'diversi Stati Membri, dawk l-Istati Membri jistgħu jissospendu l-BKKTK prevista fil-Kapitoli IX sa XII u XVI ta' din id-Direttiva sakemm jibqgħu dawn l-impatti negattivi.

    PROĊEDURA

    Titolu

    Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)

    Referenzi

    (COM(2011)0121 – C7-0092/2011 – 2011/0058(CNS))

    Kumitat responsabbli

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    ECON

    7.4.2011

     

     

     

    Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    IMCO

    7.4.2011

     

     

     

    Eżami fil-kumitat

    5.12.2011

     

     

     

    Data tal-adozzjoni

    25.1.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    19

    17

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Cristian Silviu Buşoi, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Cornelis de Jong, Vicente Miguel Garcés Ramón, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Eija-Riitta Korhola, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Phil Prendergast, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

    Substitute(s) preżenti għall-votazzjoni finali

    Frank Engel, Ildikó Gáll-Pelcz, Anna Hedh, Liem Hoang Ngoc, María Irigoyen Pérez, Emma McClarkin, Olle Schmidt, Kyriacos Triantaphyllides

    PROĊEDURA

    Titolu

    Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)

    Referenzi

    (COM(2011)0121 – C7-0092/2011 – 2011/0058(CNS))

    Data meta ġie kkonsultat il-PE

    6.4.2011

     

     

     

    Kumitat responsabbli

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    ECON

    7.4.2011

     

     

     

    Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    IMCO

    7.4.2011

     

     

     

    Rapporteur(s)

           Data tal-ħatra

    Marianne Thyssen

    10.5.2011

     

     

     

    Bażi legali kkontestata

           Data tal-opinjoni tal-JURI

    JURI

    26.1.2012

     

     

     

    Eżami fil-kumitat

    11.10.2011

    29.11.2011

    9.1.2012

     

    Data tal-adozzjoni

    21.3.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    35

    7

    1

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Burkhard Balz, Elena Băsescu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Syed Kamall, Othmar Karas, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Astrid Lulling, Sławomir Witold Nitras, Ivari Padar, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

    Substitute(s) preżenti għall-votazzjoni finali

    Pervenche Berès, Philippe De Backer, Herbert Dorfmann, Enrique Guerrero Salom, Sophia in ‘t Veld, Thomas Mann, Mario Mauro

    Substitute(s) Sostitut(i) skont l-Artikolu 187(2) preżenti għall-votazzjoni finali

    Veronica Lope Fontagné

    Data tat-tressiq

    29.3.2012