RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea

29.3.2012 - (11104/2011 – C7‑0241/2011 – 2011/0160(NLE)) - *

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Elisabeth Köstinger

Proċedura : 2011/0160(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0081/2012
Testi mressqa :
A7-0081/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea

(11104/2011 – C7-0241/2011 – 2011/0160(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11104/2011),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (11101/2011),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 207(3) u (4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0241/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0081/2012),

1.  Japprova l-konklużjoni tal-Ftehim;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarji (VPAs) u fin-negozjati u l-implimentazzjoni ta' Ftehimiet ta' Sħubija Volontarji ġodda.

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Liberja.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

F'Diċembru 2005 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja serje ta' ftehimiet ta' sħubija volontarji (VPA) ma' pajjiżi li jipproduċu u jesportaw l-injam sabiex jiġi inkoraġġit il-kummerċ ta' njam maqtugħ legalment fis-suq tal-UE u sabiex tittejjeb il-governanza tal-foresti f'pajjiżi msieħba. Dawn il-ftehimiet bilaterali huma l-bażi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ[1] għall-waqfien tal-qtugħ illegali tal-injam.

Il-VPAs jorbtu lill-pajjiżi msieħba li jinnegozjaw biss prodotti tal-injam legalment verifikati mal-UE. Sabiex tiġi vverifikata l-legalità tal-esportazzjonijiet tal-injam, il-ftehimiet jistabbilixxu l-qafas, l-istituzzjonijiet u s-sistemi ta' skema ta' liċenzjar u jistabbilixxu kontrolli tal-provvista, qafas għall-monitoraġġ tal-konformità legali u rekwiżiti ta' verifika indipendenti. Skont il-VPAs u bl-appoġġ tal-UE, pajjiżi msieħba jiżviluppaw is-sistemi tagħhom biex jivverifikaw il-legalità tal-esportazzjonijiet tal-injam tagħhom lejn l-UE.

Il-Kummissjoni bdiet in-negozjati mal-Liberja f’Marzu 2009. Il-Ftehim mal-Liberja, iffirmat fis-27 ta' Lulju 2011, huwa s-sitt ftehim ta’ dan it-tip li ġie nnegozjat wara l-ftehimiet mal-Gana, il-Kongo, il-Kamerun, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-Indoneżja. Qed jiġu nnegozjati ftehimiet ma' xi pajjiżi Afrikani u Asjatiċi oħrajn u diversi pajjiżi oħra esprimew interess li jissieħbu mal-proċess VPA.

Bħal fil-każ ta' ftehimiet ta' sħubija FLEGT preċedenti, l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew hija meħtieġa għall-konklużjoni ta' dan il-ftehim.

Il-Liberja u l-ftehim ta' sħubija volontarju FLEGT

Il-VPA UE-Liberja għandu kuntest pjuttost partikolari. Madwar 45% tal-Liberja hija koperta mill-foresti u l-pajjiż għandu aktar min-nofs tal-foresti tropikali li fadal fil-Punent tal-Afrika[2]. Il-gwerra ċivili twila (1997-2003) involviet bi kbir lis-settur tal-foresti – id-dħul mill-injam intuża sabiex jitħeġġeġ il-kunflitt – li wassal sabiex il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti impona sanzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-injam Liberjani. Dawn tneħħew fl-2006 b'segwitu għall-isforzi tal-Liberja li tirriforma s-settur tal-forestrija billi tfassal mill-ġdid il-qafas legali u ttejjeb it-trasparenza[3].

Wara l-għeluq tas-settur tal-forestrija b'konsegwenza tal-gwerra, il-gvernijiet tal-President Ellen Johnson Sirleaf stinkaw sabiex jibdlu lis-settur f'wieħed sostenibbli u responsabbli. L-impenn fil-proċess VPA FLEGT jenfasizza l-isforzi kontinwi. Il-VPA u s-sistema ta' liċenzjar tiegħu, minkejja li sofrew mil-legat tal-era tal-''injam imdemmi'', se jipprovdu lill-injam tal-Liberja b'garanzija legali u jgħinu jirriassiguraw lis-swieq internazzjonali. Il-Liberja diġà għandha fis-seħħ sistema nazzjonali għat-traċċabilità tal-injam[4]u l-VPA se jiżviluppa fuqha.

Fil-Liberja, il-proċess VPA kellu approċċ b'parteċipazzjoni għolja ta' diversi partijiet interessati u parteċipazzjoni diretta kemm tas-soċjetà ċivili u kemm tal-industrija, kif ukoll – għall-ewwel darba – tal-komunitajiet li joqogħdu fil-foresti, u t-tħassib u d-drittijiet tagħhom ġew indirizzati qatigħ fil-VPA. Filwaqt li l-parteċipazzjoni tas-settur privat iddgħajfet min-nuqqas ta' organizzazzjoni, is-soċjetà ċivili kienet attiva ħafna fin-negozjati VPA u fit-twaqqif tas-sistema.

Fil-proċess VPA ngħatat attenzjoni speċjali lis-sistema l-ġdida għall-iżgurar tal-legalità, l-awditjar indipendenti, ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-ftehim, kif ukoll lit-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni.

Il-Liberja għandha l-impenn tistabbilixxi sistema biex tagħti garanzija li l-prodotti tal-injam kollha esportati mil-Liberja huma magħmula b'mod legali. Barra minn hekk, id-definizzjoni Liberjana tal-injam legali tmur lil hinn mill-prodotti minimi koperti mill-kundizzjonijiet tal-VPA, minn biċċiet tal-injam u zkuk għal għamara tal-injam u tinkludi aspetti bħall-għoti ta' drittijiet għall-qtugħ, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-obbligi ambjentali.

Sabiex tindirizza iktar ir-riskju potenzjali ta' ħruġ fir-rigward ta' swieq internazzjonali oħra apparti l-UE – u inkluż injam impurtat minn pajjiżi terzi – il-Liberja ddeċidiet li testendi r-rekwiżiti legali għal prodotti tal-injam li jinbiegħu fis-suq domestiku. Dan jirrifletti l-impatt politiku u regolatorju pożittiv tal-proċess VPA.

L-iżvilupp tas-sistema Liberjana għall-iżgurar tal-legalità ġie skedat li jibda f'Jannar 2012. Il-Liberja tistenna li s-sistema VPA tkun totalment operattiva, inkluż għall-ħruġ ta' liċenzji FLEGT għall-esportazzjonijiet, sal-2014. It-twaqqif ta' sistema għall-iżgurar tal-legalità se jirrikjedi sforzi konsiderevoli mil-Liberja minħabba d-differenza sostanzjali fil-kapaċità tagħha, kif ukoll appoġġ internazzjonali.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni, ġie stabbilit Kumitat konġunt għall-implimentazzjoni mill-partijiet li se jissorveljaw il-ftehim. Kumitat nazzjonali għall-partijiet interessati ulterjuri, magħmul mill-gvern, l-industrija u mir-rappreżentanti tal-komunitajiet u tas-soċjetà ċivili, se jissorveljaw l-implimentazzjoni VPA. Il-VPA jintroduċi wkoll awditjar indipendenti ta' parti terza biex jiżgura li njam verifikat legalment biss jinbiegħ domestikament jew jiġi esportat.

Ir-regolament dwar l-injam tal-UE

Flimkien mal-VPAs, il-Pjan ta' Azzjoni FLEGT tal-2003 ppreveda Regolament tal-UE ġdid dwar l-injam[5]. Ir-Regolament dwar l-injam, li se jidħol fis-seħħ f'Marzu 2013, għandu l-għan li jiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni leġittima ta' prodotti tal-injam u jipprovdi kundizzjonijiet ugwali għall-parteċipanti fis-suq kollha.

Dan se jipprojbixxi l-bejgħ ta' njam maqtugħ illegalment u ta' prodotti mmanifatturati minn injam ta' din ix-xorta fl-UE, skont ir-regoli tal-pajjiż ta' oriġini. Ir-regolament jistabbilixxi obbligi ta' diliġenza fuq operaturi li jpoġġu njam jew prodotti relatati fuq is-suq tal-UE. Dan se jkopri l-katina tal-provvista tal-injam minn siti tal-qtugħ sal-konsumaturi Ewropej u b'hekk għandu l-għan jiżgura l-aċċess ta' prodotti minn sorsi legali għas-swieq tal-UE - filwaqt li fl-istess ħin iwaqqaf id-deforestazzjoni f'pajjiżi terzi.

L-adozzjoni tar-Regolament tindirizza l-għarfien dejjem akbar min-naħa tal-konsumaturi għall-qtugħ illegali u t-tiftix għal prodotti tal-injam legalment verifikati u ċertifikati. Barra minn hekk, tidher li rriżultat f'żieda fl-interess fil-proċess VPA, u b'hekk żiedet il-possibilitajiet li tittejjeb il-governanza f'dawk il-pajjiżi b'foresti tropikali li wrew interess. Billi njam b'liċenzja FLEGT minn pajjiżi VPA huwa kkunsidrat awtomatikament konformi mar-Regolament il-ġdid, dan il-ftehim jista' jagħti lill-injam tal-Liberja vantaġġ kompetittiv fuq injam mhux verifikat.

Filwaqt li l-proċessi għandhom jgħinu sabiex l-UE terġa' ssir suq ewlieni għall-injam tal-Liberja – inkluż li l-UE tistinka sabiex tippromwovi aċċess favorevoli għas-suq tagħha – m'hawnx disponibbli statistiki tal-esportazzjoni affidabbli.

Konklużjonijiet

Bħal fil-każ tal-ftehimiet ta' sħubija volontarji preċedenti, dak mal-Liberja huwa ttamat li jgħin fit-titjib tal-governanza u l-infurzar tal-liġi fis-settur tal-foresti tal-pajjiż. Filwaqt li jistabbilixxi ftehim ta' sħubija li jippermetti lil-Liberja twaqqaf d-deforestazzjoni illegali u d-degradazzjoni tal-foresti li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima, il-VPA għandu jtejjeb l-opportunitajiet tas-suq għall-prodotti tal-injam tal-Liberja fis-swieq Ewropej u swieq internazzjonali oħrajn. B'hekk huwa mistenni li jikkontribwixxi wkoll b'mod pożittiv għall-iżvilupp ġenerali u t-tkabbir ġenerali tal-Liberja.

Il-VPA UE-Liberja huwa kkunsidrat li żviluppa b'mod trasparenti bl-akbar parteċipazzjoni sa issa, li jinvolvi l-partijiet interessati ewlenin kollha tal-foresti. Id-diversi partijiet interessati se jkomplu jkunu involuti fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-VPA, u b'hekk jikkontribwixxu għat-trasparenza, ir-responsabilità u l-governanza tajba fis-settur.

Madankollu, l-isfidi huma marbuta mal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effettivi. Fil-Liberja, il-ftehim qiegħed fl-istadju ta' implimentazzjoni, iżda għaddej bil-mod. Punt kritiku għal-Liberja huwa l-bini tal-kapaċità, u li jeħtieġlu l-appoġġ mill-UE u l-Istati Membri.

Fir-rigward tal-liċenzjar, id-data stabbilita għall-2014 tista' tkun wisq ambizzjuża għall-ħruġ tal-liċenzji. Qabel l-UE tista' tibda taċċetta l-liċenzji FLEGT, hemm il-ħtieġa ta' valutazzjoni bir-reqqa skont il-kriterji stabbiliti fil-VPA tal-iskema ta' liċenzjar tal-Liberja, kif ukoll tal-implimentazzjoni tar-riformi regolatorji li għaddejjin.

Barra minn hekk, l-organizzazzjonjiet tas-soċjetà ċivili esprimew tħassib dwar numru kbir ta' Permessi għall-Użu Privat għall-qtugħ li l-gvern tal-Liberja beda joħroġ dan l-aħħar, u saħqu li dawn imorru kontra l-ispirtu tal-VPA. Dawn l-iżviluppi se jeħtiġilhom monitoraġġ.

Filwaqt li tirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim, ir-rapporteur tenfasizza li kemm il-Liberja u kemm il-Kummissjoni Ewropea se jeħtiġilhom jiddedikaw biżżejjed attenzjoni għall-infurzar effettiv u f'waqtu tal-VPA, inklużi l-bini tal-kapaċità u l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali fil-Liberja.

Ir-rapporteur għalhekk ittenni s-sejħa tal-Parlament[6] għal rappurtar regolari dwar il-progress kemm fl-implimentazzjoni ta' VPAs li ntlaħqu u kemm fin-negozjar u l-implimentazzjoni ta' arranġamenti ġodda. Barra minn hekk, ir-rapporteur tistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżguraw li l-implimentazzjoni effettiva ta' numru dejjem jiżdied ta' VPAs tiġi appoġġata permezz ta' riżorsi finanzjarji adegwati.

Barra minn hekk, ir-rapporteur tindika li l-miżuri għall-implimentazzjoni ta' VPA għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[7]. Rigward l-emendar tal-annessi tal-VPA, ir-rapporteur tenfasizza l-ħtieġa ta' setgħat ta' delegazzjoni futuri possibbli biex jikkunsidraw bis-sħiħ il-prerogattivi tal-Parlament skont il-kundizzjonijiet tal-Atti Delegati (Artikolu 290 TFUE).

  • [1]  COM(2003) 251
  • [2]  http://www.efi.int/files/attachments/euflegt/liberia_vpa-briefingnote_eng.pdf
  • [3]  Inkluża l-kisba tal-konformità fl-2008, permezz tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI), bħala l-ewwel pajjiż Afrikan, u l-ewwel li nkluda fih id-dħul mill-injam
  • [4]  LiberFor, konsorzju ta' kumpaniji Ewropej u l-Awtorità għall-iżvilupp tal-forestrija tal-Liberja
  • [5]  Regolament (UE) Nru 995/2010
  • [6]  P7_TA-PROV(2011)0008
  • [7]  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (29.2.2012)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea
(11104/2011 – C7‑0241/2011 – 2011/0160(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Judith Sargentini

PA_Leg_Consent

ĠUSTIFIKAZZJONI FIL-QOSOR

L-għan tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja (VPA) bejn l-UE u l-Liberja hu li jsaħħaħ il-governanza tal-foresti, tiżdied it-trasparenza, tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u jiltwaqqaf il-qtugħ illegali tas-siġar. Il-Kumitat għall-Iżvilupp jilqa’ n-negozjar bla problemi u parteċipattiv, li involva l-partijiet kollha interessati f’dak li għandu x’jaqsam ma’ foresti u li ppermetta li jinkiseb ftehim inizjali bil-parteċipazzjoni diretta tal-komunitajiet forestali.

Minkejja dawn is-sinjali pożittivi, irridu niftakru li fl-aħħar mill-aħħar ir-riżultat dak li jgħodd u li l-implimentazzjoni effikaċi se tkun l-isfida ewlenija tal-proċess kollu. F’dan il-kuntest, il-Kumitat għall-Iżvilupp jemmen li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-ftehim se jiġu kkunsidrati bħala effikaċi jekk l-objettivi u l-impenji tal-FLEGT ikunu sostnuti b'mod effikaċi bir-rieda politika taż-żewġ naħat. B’mod partikolarti, hemm bosta kwistjonijiet li l-Kumitat DEVE jixtieq jisħaq dwarhom:

- Il-proċess tal-VPA għandu jikkonforma mal-istrumenti kollha li għandhom x’jaqsmu mal-foresti u ma’ dawk nazzjonali (liġijiet, regolamenti, eċċ) b’qafas ta’ implimentazzjoni biex jitwaqqaf il-qtugħ illegali tas-siġar fl-industrija tal-injam u titnaqqas il-korruzzjoni;

- Il-Gvern tal-Liberja jrid juri rieda politika qawwija billi jintegra l-fondi pprovduti minn donaturi oħra tal-UE sabiex jappoġġjaw il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll jadotta digriet sabiex il-Kumitat ta’ Tmexxija jsir entità legali.

- Is-settur tal-forestrija kollu jrid iqis b’mod xieraq id-drittijiet u l-interessi tal-komunitajiet li se jiġu milquta mill-qtugħ tas-siġar f’konformità mat-termini soċjali u ambjentali inklużi fil-ftehimiet iffirmati mill-komunitajiet.

- Għalkemm l-iskemi FLEGT u REDD (Emissjonijiet Imnaqqsa mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti) jittrattaw mal-użu tal-foresti, dawn huma meqjusa bħala inizjattivi separati u amministrati minn ministri differenti fil-pajjiżi sħab. Jenfasizza, għaldaqstant, li mingħajr l-insistenza fuq il-governanza tajba u r-rikonoxximent tad-drittijiet tal-komunitajiet lokali u tal-popli indiġeni, l-iskemi REDD jistgħu jevitaw il-proċessi ta' konsultazzjoni (u meta jkun il-każ, ir-riformi tal-governanza u tal-liġi) li huma parti mill-proċess FLEGT. Għal din ir-raġuni, l-iskemi REDD għandhom jinbnew fuq il-proċess ta' konsultazzjoni FLEGT u jindirizzaw il-kawżi sottostanti tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti.

Fl-aħħar nett, il-Parlament Ewropew attwalment qiegħed jikkunsidra il-pjan tal-Kummissjoni li tinkludi rappurtar pajjiż b'pajjiż fil-proposti għad-direttivi tal-UE dwar it-trasparenza u r-responsabilità diretta. Dawn il-proposti huma partikolarment ta’ importanza kbira għall-industriji ta’ estrazzjoni, inkluż l-injam, peress li jipprovdu opportunità unika għall-UE li tagħti prova tal-kapaċità ta’ tmexxija tagħha billi tadotta miżuri ambizzjużi dwar ir-rekwiżiti mandatorji ta’ żvelar pajjiż b’pajjiż għall-impriżi Ewropej u b’dan il-mod, joħduha kontra l-evażjoni fiskali u tiżdied ir-responsabilità soċjali tal-impriżi multinazzjonali.

******

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

29.2.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Ricardo Cortés Lastra, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Miguel Angel Martínez Martínez, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Eleni Theocharous, Patrice Tirolien, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Lövin, Gesine Meissner, Cristian Dan Preda, Bart Staes, Patrizia Toia

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Joseph Cuschieri, Zita Gurmai, Claudiu Ciprian Tănăsescu

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Damien Abad, Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle de Sarnez, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Mário David, Elisabeth Köstinger, Jörg Leichtfried, Jarosław Leszek Wałęsa