RAPPORT dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar ta' ftehim volontarju dwar sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana għall-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, governanza u kummerċ tal-injam u l-prodotti magħmulin minnu fl-Unjoni Ewropea (FLEGT)
29.3.2012 - (14034/2011 – C7‑0046 /2012 – 2011/0127(NLE)) - *
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Elisabeth Köstinger
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar ta' ftehim volontarju dwar sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana għall-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, governanza u kummerċ tal-injam u l-prodotti magħmulin minnu fl-Unjoni Ewropea (FLEGT)
(14034/2011 – C7‑0046/2012 – 2011/0127(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14034/2011),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, governanza u kummerċ tal-injam u l-prodotti magħmulin minnu fl-Unjoni Ewropea (FLEGT) (14036/2011),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 207(3) u (4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0046/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0082/2012),
1. Japprova l-konklużjoni tal-Ftehim;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarji (VPAs) u fin-negozjati u l-implimentazzjoni ta' Ftehimiet ta' Sħubija Volontarji ġodda.
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Ċentru Afrikana.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
Il-Pjan ta' Azzjoni tal-2003 tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ (FLEGT)[1] ippreveda t-twaqqif ta' sħubija ma' pajjiżi li jipproduċu u jesportaw l-injam sabiex tiġi żgurata l-kummerċjalizzazzjoni ta' njam maqtugħ b'mod legali biss u tkun promossa governanza soda tal-foresti. Hekk kif l-inizjattiva FLEGT qed tkompli tiżviluppa, l-UE kkonkludiet numru ta' ftehimiet ta' sħubija volontarji (VPA).
Il-ftehim ta' kummerċ mar-Repubblika Ċentru-Afrikana, iffirmat fit-28 ta' Novembru 2011, huwa r-raba' ftehim ta' sħubija volontarju ta' din ix-xorta li l-UE nnegozjat ma' pajjiż Afrikan, wara l-ftehimiet mal-Gana, il-Kongo u l-Kamerun. Negozjati VPA ma' żewġ pajjiżi oħra tal-baċin tal-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u Gabon, kif ukoll mal-Malasja u l-Vjetnam għadhom għaddejjin. In-negozjati mal-Indoneżja u l-Liberja ġew konklużi f'Mejju 2011.
Il-ftehim mar-Repubblika Ċentru-Afrikana, bħall-ftehimiet ta' sħubija volontarji FLEGT preċedenti, jipprovdi strument sabiex jiġi indirizzat il-qtugħ illegali tas-siġar, jgħin sabiex jittejbu r-regolamenti, il-governanza u l-infurzar tal-liġi fis-settur tal-forestrija tal-pajjiż, kif ukoll isaħħaħ l-opportunitajiet kummerċjali għall-prodotti tal-injam Ċentru-Afrikani fl-Ewropa.
Fl-istess ħin, il-VPA jorbot lill-pajjiż imsieħeb sabiex jiżviluppa qafas leġiżlattiv u sistemi għat-traċċabilità, il-verifika legali u l-liċenzjar tal-injam u prodotti magħmulin minnu li se jiġu esportati fis-suq tal-UE, u biex jistabbilixxi monitoraġġ u awditjar indipendenti.
Bħal fil-każ tal-ftehimiet ta' sħubija FLEGT preċedenti, il-konklużjoni tal-VPA teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
Is-sħubija volontarja UE-Repubblika Ċentru-Afrikana
Il-foresti jkopru madwar 54,000 km2 jew 8.7 % tal-art tar-Repubblika Ċentru-Afrikana. Is-settur tal-foresti jirrappreżenta 4 % tal-PDG tal-pajjiż u 40 % tad-dħul mill-esportazzjoni tiegħu. 60 % tal-injam Ċentru-Afrikan jiġi esportat lejn l-Ewropa. Swieq ewlenin oħra huma ċ-Ċina, l-Amerika ta' Fuq u l-Afrika (il-Kamerun u ċ-Ċad)[2].
Fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-kawżi prinċipali tad-degradazzjoni tal-foresti huma l-infurzar tal-liġi u l-monitoraġġ inadegwati li jirriżultaw min-nuqqas ta' riżorsi umani, materjali u finanzjarji, li wasslu għal sfruttar illegali, qtugħ tal-injam illegali u nirien. Fl-istess waqt, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana kienet minn tal-ewwel mill-pajjiżi tal-baċin tal-Kongo sabiex twettaq inventarji tal-foresti u tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Aktar minn 3 miljun ettaru tal-foresta tropikali Ċentru-Afrikana, fil-Lbiċ tal-pajjiż, huma suġġetti għal konċessjonijiet industrijali prinċipalment minn kumpaniji Ewropej. Il-kumpaniji tal-foresti jeħtieġu permessi għall-isfruttar u l-użu tal-art, stipulati fil-Kodiċi tal-forestrija tal-2008 tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, u jiddependu fuq pjanijiet tal-ġestjoni tal-foresti.
Il-VPA jibni fuq u jiżviluppa l-ħidma regolatorja li tkun twettqet diġà fil-livell nazzjonali. Permezz tal-ftehim, ir-Repubblika Ċentru Afrikana timpenja ruħha għall-kummerċ fl-UE ta' prodotti tal-injam verifikati legalment biss. Għal dan il-għan, se tistabbilixxi sistemi għal verifika tal-konformità legali u t-traċċabilità tul il-katina tal-provvista, minn standards għall-qtugħ għal kontrolli fuq il-merkanzija għall-esportazzjoni, u finalment għall-ħruġ ta' liċenzji għall-esportazzjoni FLEGT. Apparti d-diversi livelli ta' verifika interna, awditjar intern se jivverifika regolarment l-aspetti kollha tas-sistema għall-iżgurar tal-legalità tar-Repubblika Ċentru-Afrikana. Fl-istess waqt, l-UE se tiżgura aċċess favorevoli għas-swieq tagħha għall-prodotti tal-injam kollha mir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Il-ftehim ikopri l-prodotti kollha magħmulin mill-injam li se jiġu esportati, inklużi biċċiet tal-injam għall-fjuwil, zkuk, injam isserrat, fuljetti tal-injam u għamara magħmula mill-injam. Is-sistema tar-Repubblika Ċentru-Afrikana għall-verifika tal-legalità tal-injam u tal-prodotti magħmulin minnu għandha tapplika għall-esportazzjonijiet kollha, u mhux biss għal dawk maħsuba għall-UE. Barra minn hekk, se jkopri l-injam impurtat minn pajjiżi terzi sabiex jiġi pproċessat fir-Repubblika Ċentru-Afrikana għall-esportazzjoni. Madankollu, l-injam u l-prodotti tal-injam immirati lejn is-suq domestiku huma esklużi minn dan il-ftehim. Huma esklużi wkoll l-injam u l-prodotti tal-injam li ġejjin minn foresti tal-komunità u qtugħ artiġjanali. Il-Kodiċi tal-forestrija tal-2008 madankollu jipprevedi l-liċenzjar ta' dan tal-aħħar, u b'hekk fil-futur ikun jista' jiġi esportat lejn is-suq Ewropew.
Id-definizzjonijiet tal-legalità għall-injam Ċentru-Afrikan u l-prodotti magħmulin minnu ġew żviluppati fi proċess parteċipattiv ta' diversi partijiet interessati, li kien jinvolvi s-settur privat, is-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-gvern. Id-diversi partijiet interessati tas-settur tal-foresti involuti fin-negozjar tal-ftehim, se jkomplu jikkontribwixxu lejn il-fażijiet implimentattivi u ta' monitoraġġ permezz ta' kumitat nazzjonali magħmul minn ħafna partijiet interessati.
Pjattaforma għall-governanza tal-foresti magħmula minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-soċjetà ċivili se timmonitorja l-attivitajiet implimentattivi tal-VPA u se tirrapporta l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kumitat Implimentattiv Konġunt UE-Repubblika Ċentru-Afrikana sabiex jiġi ssorveljat l-ambitu kollu tal-ftehim. Sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-VPA jipprevedi l-bini tal-kapaċità u t-taħriġ fil-monitoraġġ indipendenti.
Il-foresti tropikali tar-Repubblika Ċentru-Afrikana jospitaw ħafna komunitajiet indiġeni li jiddependu mill-użu tar-riżorsi tal-foresti. Filwaqt li l-grilja tal-legalità tal-VPA għall-injam Ċentru-Afrikan tkopri d-drittijiet tal-popolazzjonijiet indiġeni, id-drittijiet tagħhom għall-art u s-sjieda tal-art għadhom iridu jiġu indirizzati u kkjarifikati permezz ta' riformi leġiżlattivi fil-livell nazzjonali. Għalkemm il-proċess VPA pprovda għal djalogu u aktar kunsiderazzjoni għall-użu tad-drittijiet kemm min-naħa tal-popolazzjonijiet indiġeni u kemm tal-komunitajiet lokali, il-proċess leġiżlattiv li għaddej jeħtieġ li jkun immonitorjat.
Ir-Regolament il-ġdid tal-UE dwar l-injam[3] li se jidħol fis-seħħ f'Marzu 2011 se jipprojbixxi l-bejgħ ta' injam maqtugħ illegalment u prodotti relatati fl-UE, u mistenni, flimkien mal-VPAs, jiskoraġġixxi l-isfruttar illegali u mhux sostenibbli tal-foresti u b'hekk jindirizza waħda mill-kawżi tad-degradazzjoni tal-foresti. Barra minn hekk, huwa ttamat li se jħaffef l-implimentazzjoni ġenerali tal-VPA li sa issa kienet pjuttost kajmana. Fil-fatt, il-proċess ta' ratifika tal-VPA ġie ffinalizzat biss fil-Gana u l-Kamerun.
Konklużjonijiet
Flimkien mat-twaqqif ta' strument ta' sħubija għat-titjib fl-istandards tal-ġestjoni, is-sostenibilità u r-responsabilità fis-settur tal-foresti, il-VPA mistenni li jikkontribwixxi b'mod pożittiv lejn l-iżvilupp ġenerali u t-tkabbir fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, inkluż billi jiġi protett id-dħul iġġenerat mill-esportazzjonijiet tal-injam lejn l-UE u swieq internazzjonali oħra. Fil-futur, l-ekonomija lokali u l-komunitajiet fir-Repubblika Ċentru-Afrikana għandhom jibbenefikaw ukoll dejjem aktar mid-dħul mit-taxxa li ġej mill-isfruttar industrijali tal-foresti.
Filwaqt li l-VPA joffri passi lejn governanza aħjar tal-foresti, u l-ftehim kellu appoġġ wiesa', l-isfidi huma marbuta mal-implimentazzjoni effettiva. Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana attwalment hija impenjata b'attivitajiet implimentattivi, inkluż l-iżvilupp tal-verifika tal-legalità, il-leġiżlazzjoni l-ġdida u l-qafas istituzzjonali, b'mod parallel mal-proċess ta' ratifika. L-appoġġ tekniku u finanzjarju tal-UE għall-implimentazzjoni tal-VPA se jkun kruċjali.
Barra minn hekk, filwaqt li l-forestrija tipprovdi parti sinifikanti mid-dħul mill-esportazzjoni tar-Repubblika Ċentru Afrikana, l-indirizzar tal-verifika legali ta' esportazzjonijiet tal-injam għandha timxi id f'id mar-regolament tas-suq domestiku. Filwaqt li r-rapporteur tapprezza li l-proċess tal-VPA għandu impatt ġenerali pożittiv fuq il-ġestjoni tal-foresti fil-pajjiż imsieħeb, xtaqet tara skeda ta' żmien fissa għall-istabbiliment tal-konformità legali fil-każ tas-suq lokali wkoll.
Il-VPA mistenni li jkun kompletament operattiv sa Jannar 2014, inkluż għall-ħruġ ta' liċenzji FLEGT. Il-partijiet qablu li fl-2013 jevalwaw il-prontezza tas-sistema u li titwettaq evalwazzjoni indipendenti dwar il-funzjonalità tal-iskema ta' liċenzjar FLEGT. Minħabba l-kalendarju taż-żmien kemmxejn ambizzjuż u l-miżuri regolatorji u tal-bini tal-kapaċità neċessarji li jitwettqu min-naħa tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, se tkun meħtieġa valutazzjoni bir-reqqa.
Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-VPAs mhumiex l-uniku proċess li għaddej sabiex tissaħħaħ is-sostenibilità tal-foresti fil-pajjiżi msieħba tal-UE. Għalhekk fir-rieżami tal-qafas legali u regolatorju tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, għandu jingħata attenzjoni lill-iżgurar tal-koerenza bejn l-impenji li ttieħdu fil-proċess FLEGT u partikolarment fil-proċess REDD (Tnaqqis ta' emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw).
Filwaqt li tirrakkomanda li l-Parlament japprova l-ftehim, ir-rapporteur tenfasizza li kemm ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u kemm il-Kummissjoni se jeħtiġilhom jiddedikaw biżżejjed attenzjoni għall-infurzar effettiv u f'waqtu tal-VPA, inkluż il-bini tal-kapaċità, il-parteċipazzjoni ta' komunitajiet lokali, il-protezzjoni tal-popolazzjonijiet indiġeni kif ukoll sabiex titqajjem kuxjenza ġenerali fost id-diversi partijiet interessati dwar il-VPA.
Ir-rapporteur ittenni s-sejħa tal-Parlament[4] għal rappurtar regolari dwar il-progress kemm fl-implimentazzjoni ta' VPAs li ntlaħqu u kemm fin-negozjar u l-implimentazzjoni ta' arranġamenti ġodda. Barra minn hekk, ir-rapporteur tistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżguraw li l-implimentazzjoni effettiva ta' numru dejjem jiżdied ta' VPAs tiġi appoġġata permezz ta' riżorsi finanzjarji adegwati.
Barra minn hekk, ir-rapporteur tindika li l-miżuri għall-implimentazzjoni tal-VPA għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[5]. Rigward l-emendar tal-annessi tal-VPA, ir-rapporteur tenfasizza l-ħtieġa ta' setgħat ta' delegazzjoni futuri possibbli biex jikkunsidraw bis-sħiħ il-prerogattivi tal-Parlament skont il-kundizzjonijiet tal-Atti Delegati (Artikolu 290 TFUE).
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (1.3.2012)
għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar ta' ftehim volontarju dwar sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana għall-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, governanza u kummerċ tal-injam u l-prodotti magħmulin minnu fl-Unjoni Ewropea (FLEGT)
(14034/2011 – C7‑0046/2012 – 2011/0127(NLE))
Rapporteur: Bart Staes
PA_Leg_Consent
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (CAR) għandha 31 % tat-territorju tagħha kopert minn foresti tropikali. L-attivitajiet ta’ forestrija jirrappreżentaw l-għajn prinċipali ta’ xogħol tas-settur privat, b’kontribuzzjoni ta’ 4 % tal-PDG u 40 % tad-dħul mill-esportazzjoni totali tal-pajjiż. Fil-qafas tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja (VPA), il-CAR biħsiebha tistabbilixxi sistema nazzjonali li tiżgura konformità legali fil-produzzjoni tal-injam, inklużi l-prodotti kollha tal-injam destinati lejn l-UE kif ukoll dawk mibjugħa fis-suq domestiku u fi swieq barra l-Unjoni Ewropea.
Madankollu, xi kwistjonijiet għadhom iridu jiġu indirizzati. Il-VPA eskluda s-suq domestiku, li jinkludi għadd mhux kwantifikabbli ta’ nies li jużaw il-mannara u l-lupa tal-katina biex jaqtgħu s-siġar li spiss joperaw b'mod insostenibbli, informali jew illegali. F’dan il-kuntest huwa importanti li jkun żgurat li l-impriżi forestali żgħar li jaqdu s-suq domestiku huma professjonali, sostenibbli u jrendu profitt.
Il-pajjiż għandu wkoll popolazzjoni kbira u komunitajiet dipendenti mill-foresti meqjusa li huma l-ifqar popolazzjonijiet li għad m'għandhomx aċċess sikur għal artijiet tradizzjonali, riżorsi u servizzi pubbliċi. Komunitajiet bħall-pigmej Aka u l-Mbororo lmentaw dwar in-nuqqas ta’ bażi legali biex ikollhom pussess tal-art fuq l-istess bażi bħall-Istat, li jfixkel il-ġestjoni adegwata tal-foresti. Barra minn hekk, is-soċjetà ċivili għandha marġni żgħir ta’ manuvra biex tgħin lill dawn il-komunitajiet minħabba l-ispazju politiku limitat għal azzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
Apparti dan, atti leġiżlattivi importanti bħall-Kodiċi Ambjentali, il-Kodiċi Agro-Pastorali, l-abbozz ta’ proġett dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni ta' komunitajiet lokali u l-Kodiċi dwar Art Privata u Statali huma applikati parzjalment biss u mhumiex ikkontrollati b’mod komprensiv. Dawn in-nuqqasijiet wasslu għal kummerċ illegali tal-injam u nirien mhux kontrollati. Kemm il-komunitajiet lokali kif ukoll is-soċjetà ċivili talbu li jkun irrispettat id-dritt ta' konsultazzjoni minqux fil-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO, ratifikata mill-pajjiż fl-2010. Il-VPA se jippreżenta okkażjoni biex tkun valutata l-applikazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-popolazzjonijiet indiġeni.
Il-VPA għandu wkoll isostni l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp. L-ewwel pjan huwa bejn il-FLEGT attwali, immexxi mill-Ministeru għall-Foresti, u l-pjan Tnaqqis ta' Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti (REDD), immexxi mill-Ministeru għall-ambjent, bit-tnejn iseħħu fl-istess żmien u li jippreżentaw nuqqasijiet importanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika forestali. It-tieni għandu jikkonċentra fuq l-iskrutinju tar-rwol tad-deforestazzjoni industrijali, li l-VPA naqas milli janalizza bis-sħiħ bħala kawża kurrenti jew futura ta' deforestazzjoni, minkejja li tliet miljun ettaru diġà huma soġġetti għal konċessjonijiet ta' deforestazzjoni attiva.
Fl-aħħar nett, l-UE u s-CRA għandhom jiżguraw trasparenza u riforma f’setturi ta’ estrazzjoni oħra (eżempju s-settur tal-gomma, taż-żejt tal-palm, tal-mini u taż-żejt) li se jkollhom impatti potenzjali fuq il-proposta FLEGT attwali.
******
Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
29.2.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Ricardo Cortés Lastra, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Miguel Angel Martínez Martínez, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Eleni Theocharous, Patrice Tirolien, Gabriele Zimmer |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Isabella Lövin, Gesine Meissner, Cristian Dan Preda, Bart Staes, Patrizia Toia |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Joseph Cuschieri, Zita Gurmai, Claudiu Ciprian Tănăsescu |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT ()
Data tal-adozzjoni |
27.3.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
30 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
William (The Earl of) Dartmouth, Damien Abad, Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle de Sarnez, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Mário David, Elisabeth Köstinger, Jörg Leichtfried, Jarosław Leszek Wałęsa |
||||
Sostitut(i) skont l-Artikolu 187(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriel Mato Adrover |
||||