RAPPORT dwar ir-Rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza tal-Kummissjoni 2010

    27.3.2012 - (2011/2225(DEC))

    Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
    Rapporteur: Christofer Fjellner


    Proċedura : 2011/2225(DEC)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar ir-Rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza tal-Kummissjoni 2010

    (2011/2225(DEC))

    Il-Parlament Ewropew,

    –       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010[1],

    –       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2011)0473 – C7-0256/2011)[2],

    –       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3], u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri,

    –       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet bażiċi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2010 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    –       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu ta' … Mejju 2012 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III – Il-Kummissjoni[5] u r-riżoluzzjoni tiegħu bil-kummenti li hi parti integrali minn dik id-Deċiżjoni,

    –       wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    –       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2012 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010 (06081/1/2012 – C7-0053/2012),

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom,

    –       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu,

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0102/2012),

    A.     billi skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha teżegwixxi l-baġit u tamministra l-programmi u għandha tagħmel dan skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, fuq ir-responsabilità tagħha stess, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba,

    B.     billi r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jipprovdu informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' tħassib dwar l-implimentazzjoni tal-fondi u huma għalhekk utli għall-Parlament fl-eżerċizzju tar-rwol tiegħu tal-awtorità ta' kwittanza,

    C.     billi l-kummenti tiegħu dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jikkostitwixxu parti integrali tad-Deċiżjoni tiegħu ta' ... Mejju 2012 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III – Il-Kummissjoni,

    • [1]  ĠU L 64, 12.3.2010.
    • [2]  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 1.
    • [3]  ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1.
    • [4]  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 134.
    • [5]  Testi adottati ta’ dik id-data, P7_TA-PROV(2012)0000.
    • [6]  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    Parti I - Ir-Rapport Speċjali Nru 7/2010 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Verifika tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet"

    1.      Jilqa' favorevolment ir-Rapport Speċjali Nru 7/2010 dwar il-verifika tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet fl-ambitu tal-politika agrikola, minħabba r-rilevanza fundamentali għall-kwalità tal-informazzjoni li l-Kummissjoni tgħaddi lill-Parlament matul il-proċedura ta' kwittanza;

    2.      Iqis li l-konklużjoni ewlenija tar-Rapport Speċjali Nru 7/2010 tirrigwarda l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-korrezzjonijiet retrospettivi għall-kontijiet annwali permezz tad-deċiżjonijiet ta' konformità, minkejja li sadattant il-Parlament ikkonċeda l-kwittanza u minkejja r-relativizzazzjoni konsegwenti tal-informazzjoni pprovduta matul il-proċedura ta' kwittanza;

    3.      Huwa konxju mill-fatt li l-uniku rimedju sħiħ possibbli għas-sitwazzjoni jkun f'modifika tas-sistema ta' monitoraġġ fl-ambitu tal-politika agrikola, fattibbli biss permezz ta' żieda konsiderevoli tal-piżijiet fuq il-benefiċjarji tal-fondi u fuq l-awtoritajiet amministrattivi;

    4.      Jikkonċentra għalhekk ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu l-aktar fuq kif jista' jsir titjib fis-sistema eżistenti; jagħmel riferment ukoll, bl-iskop li jivvaluta l-fattibilità reali ta' din is-sistema, għar-Rapport Speċjali Nru 8/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Irkupri ta' pagamenti mhux dovuti taħt il-Politika Agrikola Komuni" u jisħaq fuq il-kritika espressa mill-Qorti tal-Awdituri rigward il-fatt li s-sistema, fit-totalità tagħha, ma tħallix lanqas li jiġu kwantifikati l-pagamenti mhux dovuti eżegwiti fl-ambitu tal-politika agrikola;

    5.      Jaqbel mat-talba tal-Qorti tal-Awdituri favur riforma tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet intiża li:

    –       tnaqqas it-tul ta' żmien tal-proċeduri ta' korrezzjoni finanzjarja billi jiġu stabbiliti skadenzi preċiżi u proċeduri ta' appell fuq diversi livelli,

    –       tiġi stabbilita relazzjoni ċara bejn l-ammonti rkuprati u l-pagamenti illegali li fil-fatt saru u tiġi eskluża l-possibilità ta' "negozjati" dwar l-ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji, billi dan huwa rkupru reali tal-pagamenti li saru bi ksur tar-regolamenti u mhux 'sanzjoni';

    6.      Iqis li, biex tkun garantita l-kredibilità tal-proċedura annwali tal-kwittanza u jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huwa fundamentali li titjieb is-sistema attwali, u jinsisti li matul il-proċedura tal-kwittanza l-Kummissjoni tipprovdi tagħrif dwar:

    –       x'ammonti, oqsma u snin ta' nfiq għad jistgħu jkunu suġġetti għal proċeduri ta' awditjar u kemm-il korrezzjoni finanzjarja (f'termini ta' ċifri minimi u massimi) tista' ssir fir-rigward ta' liema Stati Membri;

    –       liema deċiżjonijiet ta' konformità fil-fatt jirreferu għal liema snin finanzjarji u kif dawn id-deċiżjonijiet jimmodifikaw iċ-ċifri tas-snin finanzjarji li għalihom diġà ngħatat kwittanza,

    –       stima eżatta tan-numru ta' korrezzjonijiet ta' konformità meħtieġa li ma sarux u n-numru tal-korrezzjonijiet ta' konformità li mhumiex iktar possibbli li jsiru minħabba r-regola tal-24 xahar;

    7.      Jirrikonoxxi l-miżuri li l-Kummissjoni ħadet biex ittejjeb l-affidabilità tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet ta' spezzjoni tal-Istati Membri li tintuża fl-approvazzjoni tal-kontijiet; jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjoni drammatika tal-Qorti tal-Awdituri, meta tafferma li dawn l-awtoritajiet, fil-maġġoranza tal-każijiet, mhumiex kapaċi jwettqu l-miżuri tal-Kummissjoni; jitlob għaldaqstant impenn ikbar min-naħa tal-Kummissjoni biex tħarreġ lill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni takkumpanja b'mod strutturat u tippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni bejn aġenziji tal-pagamenti u korpi taċ-ċertifikazzjoni permezz tan-netwerks u s-seminars tagħhom, ixxerred l-eżempji ta' prattiki tajba u tħejji, permezz tal-interpretazzjoni, soluzzjonijiet komuni għall-kwistjonijiet ġuridiċi; iqis indispensabbli li jitwettaq awditjar abbażi tar-riskju anki fir-rigward tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni;

    8.      Iqis li t-titjib ulterjuri tad-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni maħruġa mid-diretturi tal-aġenziji tal-pagamenti u mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni huwa miżura indispensabbli għall-promozzjoni tar-rendikont; jappella għal sistema ta' kumpens għad-dikjarazzjonijiet korretti u sanzjonijiet għad-dikjarazzjonijiet ineżatti, partikolarment fil-każ ta' żbalji sistematiċi identifikati li ma ġewx iddikjarati minn qabel;

    9.      Jitlob fluss sistematiku ta' informazzjoni mill-amministrazzjonijiet eżekuttivi fl-aktar livell baxx lejn il-Kummissjoni, bil-għan li jippermettu li jitqiesu d-diffikultajiet esperjenzati fil-post fil-kuntest ta' leġiżlazzjoni semplifikata u l-interpretazzjoni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-uffiċjali tal-aġenziji tal-pagamenti nazzjonali u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma jkunux penalizzati mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom u mid-diretturi tagħhom talli rapportaw korrezzjonijiet lill-Kummissjoni;

    10.    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi lill-aġenziji tal-pagamenti u lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni meta jkun hemm tibdil rapidu tal-persunal f'awditjar ibbażat fuq ir-riskji u tinkludi komunikazzjoni lill-awtorità ta' kwittanza fir-rapport annwali ta' attività; jinsisti li ssir analiżi tal-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni u li l-awtorità ta' kwittanza tkun infurmata dwar ir-rata ta' żball għal kull Stat Membru, bl-indikazzjoni tal-kawżi prinċipali tal-iżbalji;

    11.    Jappella għal rieżami tal-proċeduri li jintużaw għad-deċiżjonijiet ta' konformità, u biex il-grupp ta' esperti jibda ħidmietu iktar malajr bl-għan tal-konċiljazzjoni u ta' użu mmirat tal-konċiljazzjoni nnifisha;

    12.    Jirrakkomanda li ċ-ċifri msemmijin fil-punt 6 jiġu inkorporati f'taqsima speċjali tar-riżoluzzjoni annwali dwar il-kwittanza u sottoposti għall-votazzjoni fil-plenarja;

    Parti II - Ir-Rapport Speċjali Nru 13/2010 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "L-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija l-Ġdid (ENPI) ġie varat b'suċċess u qiegħed jilħaq ir-riżultati fil-Kawkasu tan-Nofsinhar (l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja)?"

    13.    Jilqa' pożittivament l-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri u r-rakkomandazzjonijiet li fih; jesprimi t-tħassib serju tiegħu għar-riżultati tal-awditjar, li jiżvelaw problemi gravi fl-implimentazzjoni tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) min-naħa tal-Kummissjoni;

    14.    Jinsab inkwetat ħafna bid-dgħufijiet fil-proċeduri ta' programmazzjoni żvelati mill-awditjar; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, billi tirrazzjonalizza l-proċeduri, issaħħaħ ir-rabtiet bejn id-dokumenti ta' programmazzjoni strateġiċi (pjanijiet ta' azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, Dokumenti ta’ Strateġija għall-Pajjiż u Programmi Indikattivi Nazzjonali) u trendi ż- żmien tad-dokumenti aktar koerenti, bl-għan primarju li toffri lill-pajjiżi ġirien il-prospettiva ta' relazzjoni dejjem eqreb mal-Unjoni Ewropea;

    15.    Iqis bħala inaċċettabbli l-mod li bih il-Kummissjoni tirrikorri għall-appoġġ għall-baġit fl-ambitu tal-ENPI, billi tikkunsidrah bħala l-modalità ta' għajnuna preferuta għat-tliet pajjiżi, fin-nuqqas ta' valutazzjoni dettaljata rigward l-effikaċja tal-istrumenti għad-dispożizzjoni; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-appoġġ settorjali għall-baġit spiss huwa marbut ma' viżibilità skarsa u ma' motivazzjoni okkażjonali min-naħa tal-gvernijiet u jesprimi tħassib kbir rigward il-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-idoneità ta' qasam għall-użu tal-appoġġ settorjali għall-baġit saret fattur importanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-għajnuna fil-programmi ta' azzjoni annwali għall-2007; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li tagħżel b'mod aktar selettiv l-appoġġ settorjali għall-baġit billi tqis l-għażliet disponibbli kollha fl-ENPI u tiżviluppa użu aktar ibbilanċjat tal-istrumenti differenti; jenfasizza l-bżonn li jiżdied l-aċċess tal-NGOs u tas-settur privat tal-pajjiżi benefiċjarji għall-assistenza pprovduta;

    16.    Jinsab imħasseb bis-sejbiet tal-awditjar li l-programmazzjoni u t-tfassil tal-assistenza ma kinux iggwidati biżżejjed minn djalogu strutturat mal-pajjiżi benefiċjarji, billi d-djalogu tmexxa prinċipalment mis-servizzi ċentrali tal-Kummissjoni u l-iskambju dirett ta' opinjonijiet ġie limitat għal ftit ġranet ta' missjonijiet fil-post u mingħajr ma jintwera biċ-ċar fir-rapporti dak li ġie diskuss; huwa tal-fehma li l-offerta ta' appoġġ baġitarju settorjali lil pajjiż produttur u esportatur taż-żejt, biex jagħmel użu ikbar ta' sorsi enerġetiċi rinnovabbli, ċertament ma setgħetx kienet motivazzjoni b'saħħitha għall-gvern; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-provvedimenti meħtieġa biex issaħħaħ dan id-djalogu;

    17.    Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jikkunsidraw ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri biex jipprevedu biżżejjed persunal, anki fil-post, fosthom esperti fil-qasam ta' appoġġ għall-baġit, u biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-qafas ġenerali tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi benefiċjarji permezz ta' miżuri komplementari għall-istrument tal-Ġemellaġġ;

    18.    Jilqa' l-programm pilota implimentat mill-Kummissjoni, li jimplika monitoraġġ immirat lejn ir-riżultati u li huwa espressament imfassal għall-operazzjonijiet tal-Programm ta' Appoġġ għall-Politika Settorjali u jistenna rapport ta' evalwazzjoni tal-valur miżjud rikonoxxut fit-tliet pajjiżi;

    Parti III - Ir-Rapport Speċjali Nru 14/2010 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-ġestjoni tal-Kummissjoni tas-sistema tal-kontrolli veterinarji għal importazzjonijiet tal-laħam wara r-riformi fil-leġiżlazzjoni tal-iġjene tal-2004"

    19.    Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri, ir-risposta tal-Kummissjoni u r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-effettività u l-konsistenza tal-kontrolli sanitarji u fitosanitarji fuq l-importazzjonijiet ta' ikel, għalf, annimali u pjanti (COM(2010)0785);

    20.    Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri għall-ottimizzazzjoni tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetenzi tagħha ta' superviżjoni u koordinament;

    21.    Jappella, b'mod partikolari, għal titjib fl-oqsma li ġejjin, bħala kontribuzzjoni biex tiżdied is-sikurezza tal-ikel fl-importazzjonjiet tal-laħam u b'hekk titjieb il-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej mill-importazzjonijiet tal-ikel mhux sikuri, mingħajr ma jiġu traskurati r-rakkomandazzjonijiet mhux espliċitament imsemmija fl-ittri (a) sa (e):

    (a)    fir-rigward tal-ewwel rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni hija mitluba tistinka biex twitti t-trattamenti differenti tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi, kif ukoll tieħu azzjoni kontra l-iżvantaġġi kompetittivi diskriminatorji li jirriżultaw;

    (b)    fir-rigward tat-tielet rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni hija mitluba tagħti istruzzjonijiet lill-Istati Membri sabiex jużaw b'aktar effikaċja s-sistemi informattivi eżistenti u jintegrawhom aktar flimkien, sabiex jiġi garantit koordinament aħjar bejn il-postijiet tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera (PIF) u l-awtoritajiet doganali;

    (c)    fir-rigward tar-raba' rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni hija mitluba toffri assistenza lill-Istati Membri bl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta' monitoraġġ u kontroll; huwa tal-fehma li, huwa u jżomm f'kunsiderazzjoni dovuta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandu jkun stabbilit sett bażiku ta' tipi ta' analiżijiet li jkopru l-iskoperta ta' kategoriji komuni ta' residwi ormonali (fosthom l-anaboliċi), il-kontaminanti ambjentali (dijossini u metalli tqal) eċċ. u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun obbligatorja; iqis li, bħala l-ewwel pass, jista' jingħata bidu għal sensibilizzazzjoni permezz tal-programm "għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel" (BTSF) bil-għan li jiġu sensibilizzati f'dan is-sens l-awtoritajiet ta' kompetenza tal-Istati Membri; iqis li l-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet għandu jkun objettiv ieħor;

    (d)    fir-rigward tas-seba' rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni hija mitluba tippreżenta proposta lill-Parlament u lill-Kunsill li tippermetti li jittieħdu azzjonijiet legali kontra l-Istati Membri li jiksru b'mod regolari u għal perjodu twil ir-Regolament (KE) Nru 882/2004[1], u b'hekk jikkompromettu s-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej,

    (e)    fir-rigward tat-tmien rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni hija mitluba tarmonizza l-implimentazzjoni tal-kontrolli msaħħa u tidentifika formulazzjoni preċiża u ċara tar-regoli li jirregolaw il-kontrolli msaħħa fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera; il-Kummissjoni hija wkoll mitluba tqis il-possibilità li tippreskrivi lill-Istati Membri ċertu numru ta' testijiet ta' laboratorju fl-ambitu tal-kontrolli tal-merkanzija fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera;

    22.    Josserva li l-produtturi Ewropej ta' laħam u ikel iridu jirrispettaw standards produttivi u kwalitattivi rigorużi; huwa mħasseb ħafna bil-fatt li dawn l-istandards produttivi ma japplikawx għall-produtturi tal-pajjiżi terzi li jesportaw lejn l-Unjoni, kif ikkonstatat ukoll il-Qorti tal-Awdituri; jitlob lill-Kummissjoni tittratta din il-kwistjoni u tressaq immedjatament proposti lill-Parlament u lill-Kunsill dwar modi xierqa biex jittaffew l-impatti negattivi li jirriżultaw fuq il-kompetittività tal-produtturi Ewropej tal-laħam u tal-ikel;

    • [1]  Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

    Parti IV - Ir-Rapport Speċjali Nru 1/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Id-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna esterna mill-kwartieri ġenerali tagħha rriżultat fi twassil tal-għajnuna mtejjeb?"

    23.    Jilqa' r-rapport komprensiv ħafna u analitiku mħejji mill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll iż-żmien eċċellenti li fih saret il-valutazzjoni tar-riżultati tad-devoluzzjoni;

    24.    Jappoġġa s-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri li d-devoluzzjoni wasslet b'mod ċar għal żieda fil-ħeffa li biha jinkisbu riżultati, titjib fil-kwalità u ġestjoni finanzjarja mtejba tal-għajnuna;

    25.    Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tintegra l-kriterji u ssaħħaħ il-proċeduri għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-proġetti ffinanzjati biex iżżid il-kwalità tal-għajnuna u tkompli tnaqqas in-numru tal-proġetti li ma jiksbux riżultati tajbin; jenfasizza li l-impatt tal-infiq fuq għajnuna huwa ta' importanza fundamentali għall-Parlament;

    26.    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-promozzjoni tal-konsultazzjonijiet lokali, fejn ikun possibbli, meta tiddeċiedi dwar proġetti ta' għajnuna u meta tissorvelja l-progress tagħhom;

    27.    Jistenna li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tegħleb id-dgħufijiet tas-sistemi ta' sorveljanza u ta' kontroll, notevolment fil-livell tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni;

    28.    Jesprimi tħassib dwar il-problemi persistenti bil-persunal involut fil-politiki tal-għajnuna; iqis li r-rata għolja ta' tibdil tal-persunal fid-DĠ għall-Iżvilupp u Kooperazzjoni – EuropeAid kif ukoll għadd mhux biżżejjed ta' persunal bi kwalifiki xierqa fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandu jiġi ttrattat mingħajr dewmien; huwa tal-fehma li, meta meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tikkoopera mas-SEAE bil-għan li tiżgura, fi ħdan id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, kapaċità adegwata ta' riżorsi umani għall-ġestjoni tal-għajnuna;

    29.    Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tirrikjedi li d-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jwettqu sistematikament żjarat ta' sorveljanza teknika u finanzjarja fejn isiru l-proġetti u tikkonċentra s-sistema ta' rappurtar intern iktar fuq ir-riżultati miksuba mill-interventi ta' għajnuna;

    30.    Jistieden lill-Kummissjoni, bil-parteċipazzjoni attiva tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, tanalizza u tidentifika possibilitajiet ta' inċentivazzjoni tal-programmi ta' għajnuna fil-pajjiżi sħab bl-involviment tal-Bank Ewropew tal-Investiment kif ukoll tal-istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali Ewropej li jiffinanzjaw l-iżvilupp;

    Parti V - Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Segwitu tar-Rapport Speċjali Nru 1/2005 dwar il-ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi"

    31.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-Rapport Speċjali Nru 1/2005, billi żewġ rakkomandazzjonijiet biss mill-erbatax aċċettati mill-Kummissjoni ġew implimentati bis-sħiħ;

    32.    Jilqa' l-fatt li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jirrikorri aktar għas-setgħat investigattivi tiegħu, pereżempju billi jwettaq kontrolli fil-post u intervisti jew billi jikkonċentra fuq il-każijiet l-aktar gravi u kumplessi; japprezza l-użu aħjar tas-sistema elettronika ta' ġestjoni tal-każijiet tal-OLAF u l-introduzzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tal-ħin, jiddispjaċih, iżda, tal-fatt li t-tul ta' żmien medju tal-każijiet jibqa' 'l fuq minn sentejn u li fl-2009 l-attività investigattiva rrappreżentat biss 37 % ta' ħin l-OLAF kollu kemm hu;

    33.    Jistieden lill-OLAF itejjeb il-ġestjoni tal-ħin b'tali mod li jiggarantixxi allokazzjoni aħjar tal-kompiti, bil-għan li jitnaqqas iż-żmien iddedikat għall-kompiti tat-tip mhux investigattiv; huwa interessat jara r-riżultati reali tal-attivitajiet mhux investigattivi mwettqa, li jikkorrispondu għal 63 % tal-ħin totali;

    34.    Josserva li, skont il-figura 2 tar-Rapport Speċjali tal-Qorti Nru 2/2011, l-aspett marbut ma' "objettivi ċari u ppjanar" jirriżulta dak l-aktar dgħajjef matul investigazzjoni; jirrakkomanda għall-ġejjieni li jiġu stabbiliti b'mod xieraq objettivi ċari għal kull investigazzjoni billi jitqies il-fatt li l-bażi ta' kull investigazzjoni u l-ippjanar tar-riżorsi huma objettivi ċari;

    35.    Jirrimarka li, skont ir-Rapport Speċjali Nru 2/2011, "għad ma hemmx kontroll indipendenti dwar il-legalità ta' atti investigattivi li għadhom għaddejjin u lanqas ma hemm kodiċi li jiggarantixxi li l-atti investigattivi jsegwu kors li huwa prevedibbli" minkejja l-avviżi ripetuti tal-OLAF fl-imgħoddi; jinnota barra minn hekk li minkejja r-rieda espliċita, espressa mill-Kummissjoni fil-proposta emendata għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 (COM(2011)1359), li tintroduċi proċedura ta' reviżjoni, din mhijiex soluzzjoni li tista' tkun ekwiparata ma' kontroll indipendenti tal-legalità tal-investigazzjoni individwali, u tirriżulta saħansitra aktar dgħajfa f'dan ir-rigward mill-proposta inizjali; ifakkar li din hija talba fundamentali anki fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; iqis, għaldaqstant, li huwa indispensabbli li jiġi garantit tali mekkaniżmu ta' kontroll, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni u tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, iżda wkoll għall-ħarsien tad-drittijiet tal-investigaturi tal-OLAF mill-azzjonijiet ġudizzjarji inizjati minn dawk il-persuni jew minn dawk l-operaturi ekonomiċi; jenfasizza l-bżonn ta' mandat ċar għall-OLAF, anki fir-rigward tal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Unjoni;

    36.    Jikkondividi l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-bżonn ta' dokument komprensiv uniku li jirrifletti b'mod ċar il-prestazzjoni tal-OLAF f'diversi setturi, u jippermetti li jitkejjel il-progress sena wara sena; jenfasizza l-importanza li ssir distinzjoni bejn ir-rapporti mfassla għal użu pubbliku u dawk imfassla għal użu intern; huwa tal-fehma li rapport dettaljat għad-dispożizzjoni tal-pubbliku huwa ta' importanza enormi, għaliex dan ikun jippermetti tqabbil affidabbli tal-prestazzjoni tal-OLAF f'termini ta' żmien u bejn diversi setturi;

    37.    Jiddispjaċih mill-fatt li mhux dejjem hu possibbli li jiġu evalwati r-riżultati tal-attivitajiet tal-OLAF, peress li l-informazzjoni hija ppreżentata f'dokumenti differenti abbozzati għal skopijiet diversi u indirizzati lil destinatarji differenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema għat-tixrid ta' informazzjoni li hija unifikata, ċara u komparabbli u li tippermetti evalwazzjoni sħiħa u oġġettiva tal-attivitajiet tal-OLAF;

    38.    Jenfasizza li mill-2004 ż-żmien iddedikat lill-valutazzjoni tal-informazzjoni rċevuta rdoppja, minn 3.5 xhur għal 7.1; huwa tal-fehma li l-fażi tal-valutazzjoni inizjali għandha tkun limitata biex turi jew tirrifjuta l-veridiċità tal-allegazzjonijiet li jinsabu fl-informazzjoni inizjali; huwa tal-fehma li t-twettiq ta' attivitajiet investigattivi matul il-fażi ta' valutazzjoni inizjali, li bħala konsegwenza mhux biss jikkawża inċertezza ġuridika, iżda jgħawweġ l-istatistika dwar l-aspetti differenti tal-investigazzjonijiet, għandu jiġi evitat; jissuġġerixxi li jingħata bidu għal investigazzjoni bl-użu tal-possibilitajiet investigattivi disponibbli jekk l-informazzjoni, miġbura matul il-valutazzjoni inizjali u bl-istrumenti ġuridiċi għad-dispożizzjoni fil-fażi msemmija, ma tippermettix lill-OLAF jiddeċiedi jekk jiftaħx każ jew le;

    39.    Jaqbel mal-Qorti li perjodi iqsar ta’ investigazzjonijiet u li rapporti finali ta’ kwalità aħjar jistgħu jikkontribwixxu għal sistema ta’ sanzjoni aktar effettiva li tippermetti li jkun hemm proċeduri ta’ rkupru, proċeduri dixxiplinari jew kriminali.

    40.    Jiddispjaċih mill-fatt li, minkejja l-ftehim ta' kooperazzjoni ffirmat fl-2008 bejn l-OLAF u Eurojust, li skontu l-OLAF huwa obbligat jinnotifika lill-Eurojust dwar kull każ ta' frodi ssuspettat fost l-operaturi ekonomiċi f'aktar minn Stat Membru wieħed, l-OLAF bagħat lill-Eurojust tali notifika f'ħames każijiet biss fl-2008 u f'każ wieħed biss fl-2009, numri li juru li l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet mhijiex qed taħdem, u jitlob li jittieħdu l-miżuri kollha sabiex tiġi intensifikata l-attività f'dan il-qasam;

    41.    Iħeġġeġ lill-OLAF isaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni mal-Istati Membri fuq bażi ġuridika soda; jappoġġa f'dan ir-rigward l-idea ta' konsolidament ulterjuri tad-diversi bażijiet ġuridiċi attwali bl-iskop li tissaħħaħ il-kooperazzjoni; jaqbel mal-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri biex jiġu konklużi ftehimiet mas-servizzi investigattivi nazzjonali f'każ ta' nuqqas ta' leġiżlazzjoni speċifika sabiex jiġu ċċarati r-regoli dettaljati dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni;

    Parti VI - Ir-Rapport Speċjali Nru 3/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "L-effiċjenza u l-effettività tal-kontribuzzjonijiet tal-UE mwassla permezz ta' Organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f'pajjiżi milquta minn kunflitti"

    42.    Jilqa' pożittivament ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u jappoġġa l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preżentati mill-Qorti;

    43.    Japprezza l-fatt li l-ħidma man-Nazzjonijiet Uniti (NU) tippermetti lill-Kummissjoni tasal f'reġjuni tad-dinja fejn inkella ma tkunx tista' tasal waħedha; huwa konxju mir-riskju inerenti għoli involut mat-twassil tal-għajnuna f'reġjuni milquta mill-kunflitti; huwa, madankollu, imħasseb dwar id-dgħufijiet identifikati fir-rigward tal-effiċjenza tal-proġetti u d-dewmien fit-tlestija tagħhom; jilqa' favorevolment id-deċiżjonijiet reċenti tal-Bordijiet Eżekuttivi ta' UNICEF, UNDP, UNOPS u UNFPA li jiddivulgaw lill-Kummissjoni r-rapporti ta' awditjar intern;

    44.    Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi t-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-fondi tal-Unjoni li ntefqu min-NU fl-ambitu tal-proċedura tal-baġit annwali, tippjana aħjar in-nefqa man-NU u taċċelera l-proċeduri interni tagħha biex tilħaq riżultati aktar malajr;

    45.    Huwa tal-fehma li l-monitoraġġ korrett jiddependi inevitabbilment minn rappurtar adegwat; huwa serjament imħasseb bil-fatt li r-rappurtar għadu inadegwat minkejja l-bosta appelli biex titjieb is-sitwazzjoni min-naħa tal-Parlament f'riżoluzzjonijiet tal-kwittanza suċċessivi u l-bosta impenji meħuda mill-Kummissjoni u mill-aġenziji tan-NU biex jimplimentaw malajr il-miżuri meħtieġa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament, sa mhux aktar tard mit-tmiem ta' Marzu 2012, pjan ta' azzjoni bi stadji kuntrattwali ċari, maħsuba speċifikament bil-għan li jtejbu drastikament is-sistema ta' rappurtar għall-proġetti u l-programmi kollha ffinanzjati permezz tal-modalità tal-ġestjoni konġunta u ddelegati lill-aġenziji tan-NU;

    46.    Jistieden, fl-ambitu ta' proġetti ffinanzjati b'donaturi oħrajn permezz tal-Fond Fiduċjarju minn bosta donaturi, lill-Kummissjoni tkun taf il-perċentwal eżatt tal-proġett li jiġi ffinanzjat; huwa tal-opinjoni li sabiex ikun hemm mekkaniżmi ta' kontroll aħjar, il-flus għandhom ikunu ġestiti f'kont separat; jemmen li jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett mhumiex sodisfaċenti, il-Kummissjoni trid ikollha l-possibilità li tirrifjuta l-proġett u dan japplika bl-istess mod f'każ li r-rappreżentanti tal-Unjoni ma jkunux involuti biżżejjed fil-perjodu ta' ppjanar tal-programm;

    47.    Jikkondividi l-istess fehma bħall-Qorti tal-Awdituri li l-kontrolli tal-Kummissjoni dwar il-legalità u r-regolarità għandhom jiġu kkomplementati minn kontrolli adegwati dwar l-effikaċja u l-effiċjenza tal-proġetti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiddefinixxi, flimkien mas-SEAE, objettivi ċari li jistgħu jitkejlu u tistabbilixxi miżuri ta' kontroll adegwati; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli min-naħa tas-sieħba li jimplimentaw; ifakkar li l-Parlament talab dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni mis-sieħba li jimplimentaw u jinsisti fuq din it-talba; jitlob lill-Kummissjoni tifformalizza dawn id-dikjarazzjonijiet u tqegħedhom għad-dispożizzjoni tal-Parlament matul il-proċedura ta' kwittanza; jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni biex jitwettqu kontrolli ex ante tal-pagamenti u tal-ftehimiet kuntrattwali sabiex tiġi aċċertata l-eliġibilità tal-ispejjeż proposti u dawk pretiżi; jinsisti li d-diskussjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu ddokumentati fil-fajl; jenfasizza l-opinjoni tal-IAS li l-ispejjeż amministrattivi addizzjonali u spejjeż indiretti oħra pretiżi min-NU u mħallsa mill-Unjoni għandhom jiġu ddokumentati u ġġustifikati sew;

    48.    Jappoġġa l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri li għandhom jiġu valutati skadenzi realistiċi għall-proġetti abbażi ta' ċerti ċirkostanzi bil-għan li tiġi evitata splużjoni taż-żmien u tal-ispejjeż, kif previst fil-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv bejn il-Komunità Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti (FAFA); ifakkar lill-Kummissjoni fir-responsabilità finali tagħha fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-baġit; jitlob lill-Kummissjoni taġġorna lill-Parlament dwar l-użu tal-linji gwida riveduti Unjoni-NU dwar ir-rappurtar;

    49.    Jistieden lill-Kummissjoni tapplika mekkaniżmu ta' tqabbil tal-ispejjeż biex jiġu identifikati u evitati fatturi eċċessivi u jiġu rifjutati spejjeż indiretti addizzjonali li jirriżultaw minn subappaltar, li l-Qorti tal-Awdituri identifikat f'żewġ każijiet; jitlob lill-Kummissjoni twettaq investigazzjonijiet konġunti flimkien man-NU f'każ li jkun hemm dubji dwar il-kredibilità tal-proġetti;

    50.    Jiddispjaċih għall-fatt li huma biss ftit dawk il-proġetti eżaminati li jikkonċernaw il-Fondi Fiduċjarji minn bosta donaturi; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tippubblika rapport speċjali li jikkonċentra biss fuq il-ġestjoni ta' Fondi Fiduċjarji minn bosta donaturi;

    51.    Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tinforma lill-Parlament f'każ ta' diffikultajiet kontinwi biex jinkiseb aċċess sħiħ għad-dokumenti ta' ħidma tal-awdituri tan-NU abbażi tal-ftehim FAFA; ifakkar li l-Parlament talab il-konċessjoni ta' tali aċċess; jitlob lill-Kummissjoni, f'każ li s-servizzi tagħha jibqgħu ma jkollhomx biżżejjed aċċess għal dawn id-dokumenti, tirtira l-pagamenti futuri fir-rigward tal-fajls korrispondenti, b'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Finanzjarju li jintużaw f'każ ta' nuqqas ta' ġustifikazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni, fl-ambitu tal-eżerċizzju ta' kwittanza li jmiss, tirrapporta lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, abbażi tal-iżvolġiment tas-sitwazzjoni, kemm dwar l-aċċess għar-rapport tal-awditjar kif ukoll dwar il-kwalità tar-rappurtar; jitlob lill-Kummissjoni tastjeni milli tiddelega proġetti u programmi ġodda lill-aġenziji tan-NU f'każ li dawn il-miżuri ma jiġux implimentati.

    Parti VII - Ir-Rapport Speċjali Nru 4/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-verifika tal-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs"

    52.    Jilqa' pożittivament ir-Rapport Speċjali bħala l-ewwel analiżi ta' strument finanzjarju min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri; josserva li l-faċilità ta' Garanzija għall-SMEs (faċilità SMEG) hija kkunsidrata l-aktar programm ta' suċċess mill-programmi kollha tal-UE bi strumenti finanzjarji; jistenna d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar jekk kienx hemm modifika tal-effett multiplikatur 1:10 tal-istrument finanzjarju stabbilit fl-2009, kif ukoll tar-rata ta' telf ta' madwar 0.045 % osservat mill-Qorti fi tmiem l-2009;

    53.    Jagħraf l-utilità tal-faċilità SMEG, minkejja l-kritika ġustifikata tal-Qorti tal-Awdituri dwar in-nuqqas ta' prova ta' valur miżjud tal-Unjoni u s-sinifikat purament lokali tal-appoġġ lill-impriżi tal-artiġjanat u l-ħwienet bl-imnut; jissuġġerixxi li, minħabba l-importanza tal-SMEs għall-istruttura ekonomika tal-Istati Membri u l-Unjoni kollha, jiġu ppreżentati t-13-il pajjiż koperti mill-programm u r-riżultati tagħhom jiġu analizzati, b'tali mod li minnhom jistgħu jinsiltu konklużjonijiet għal orjentament aktar preċiż tal-faċilità SMEG;

    54.    Jistenna li l-Kummissjoni tiddiskuti u ssolvi b'mod kredibbli l-kwistjoni tal-valur miżjud tal-Unjoni u t-telf nett, billi l-intervent Ewropew ma jistax ikun limitat li jkollu, bħala objettiv, il-ħolqien ta' strutturi għall-intervent nazzjonali jew is-sostituzzjoni tiegħu; jikkunsidra bħala serji l-kritika fundamentali tal-Qorti tal-Awdituri lill-faċilità SMEG u t-tħassib tal-Qorti li skont din tali sistema ta' inċentivazzjoni għandha bażi wiesgħa wisq, u ma tiffinanzjax biss lill-SMEs b'aċċess limitat għall-kapital estern;

    55.    Jikkunsidra neċessarju dibattitu miftuħ dwar kif il-faċilità SMEG hija ffinanzjata; jiġbed l-attenzjoni fuq it-tnaqqis fil-linja tal-baġit ta' EUR 57 300 000 fl-2010 mill-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP); jitlob kjarifika dwar l-għadd ta' persunal tal-Kummissjoni u tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) involuti fil-ġestjoni tal-faċilità SMEG u l-ammont tal-ispejjeż amministrattivi; jitlob informazzjoni dwar il-kwanità ta' applikazzjonijiet fil-fatt miċħuda kuljum;

    56.    Jieħu nota tal-osservazzjonijiet ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri dwar sistema ta' ħlas imtejba u orjentata lejn ir-riżultati għas-servizzi finanzjarji pprovduti mill-FEI; jinnota li l-Kummissjoni naqset milli tagħti tagħrif dwar dan u jistenna li dan il-punt jiġi spjegat fid-dettall;

    57.    Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri skont liema:

    –       il-programmi ta' sostenn għall-SMEs fil-ġejjieni għandhom ikunu bbażati fuq loġika ta' intervent espliċita,

    –       għandhom jitjiebu l-indikaturi tal-prestazzjoni biex jippermettu lill-Kummissjoni tissorvelja aħjar l-ilħuq tal-objettivi tal-istrument,

    –       għandhom jiġu definiti għanijiet aktar speċifiċi li jirriflettu aħjar l-objettivi tal-istrument finanzjarju, b'aġġornament tal-monitoraġġ biex jitkejjel il-progress f'termini ta' ilħuq ta' dawn l-għanijiet u b'miżuri xierqa biex jiġi minimizzat it-telf nett,

    jinnota b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq, u jistieden lill-Kummisssjoni tirrapporta lill-Parlament dwar il-passi li biħsiebha tieħu u/jew li diġà ħadet;

    58.    Japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li:

    –       għal kull faċilità sussegwenti, il-bażi ġuridika u l-ftehim ta' ġestjoni jiġu finalizzati ħafna qabel il-bidu effettiv tal-perjodu ta' programmazzjoni,

    –       għal kull programm suċċessur, titwaqqaf sistema ta' punteġġi għall-valutazzjoni ta' applikazzjonijiet ta' intermedjarji potenzjali, u jiġu definiti rekwiżiti minimi għall-għażla tagħhom,

    Josserva l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li teżamina ulterjorment dawk ir-rakkomandazzjonijiet, u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet tagħha u tesponi kwalunkwe azzjoni prevista biex tittratta dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

    Parti VIII - Ir-Rapport Speċjali Nru 5/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Skema ta' Pagament Uniku (L-SPS): kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati biex titjieb il-ġestjoni finanzjarja soda tagħha"

    59.    Jilqa’ r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u jaqra b’interess kbir il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha; jifraħ lill-Qorti tal-Awdituri talli ppreżentat rapport f'waqtu dwar suġġett rilevanti;

    60.    Huwa tal-fehma li l-SPS mhix qed tikkontribwixxi b'mod suffiċjenti lejn l-għanijiet tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) kif stabbiliti fit-Trattati; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-bidliet neċessarji fil-leġiżlazzjoni sabiex l-SPS tagħti kontribut tassew ottimali għall-għanijiet tal-PAK; huwa tal-fehma li l-SPS għandha tittejjeb sabiex l-għajnuna tkun immirata aħjar biex tilħaq lil bdiewa veri; iħeġġeġ lill-Kunsill jappoġġa lill-Parlament u lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħhom li jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-akbar skema unika ta' appoġġ Ewropea u b'hekk jgħin biex ikunu indirizzati aħjar il-flus tal-kontribwenti tal-Unjoni;

    61.    Huwa tal-fehma li hawn grad għoli wisq ta' flessibilità (pereżempju r-regoli dwar il-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin, KAAT) u wisq lok għall-interpretazzjoni fir-regoli bażiċi tal-SPS; jistieden lill-Kummissjoni tiggwida b'mod aktar preċiż l-implimentazzjoni tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, sabiex ikun evitat abbuż min-naħa tal-Istati Membri ta' dawn ir-regoli; jemmen, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni għandha tingħata setgħat iddelegati adegwati biex timla l-lakuni u tirrimedja n-nuqqasijiet kemm jista' jkun malajr;

    62.    Huwa tal-fehma li l-mudell storiku serva l-iskop tiegħu u, għaldaqstant, għandu jiġi abbandunat mal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss; jappoġġa s-sitt rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, li skontha l-għajnuna tal-SPS għandha tkun ibbażata fuq il-kundizzjonijiet attwali tal-biedja fir-reġjuni differenti tal-Unjoni; jemmen, barra minn hekk, li l-għoxrin mudell attwali għandhom jitnaqqsu preferibbilment għal mudell uniku tal-Unjoni applikabbli fl-Istati Membri kollha;

    63.    Ifakkar li d-dħul ta' bdiewa ġodda fis-settur agrikolu huwa ta' importanza kbira għall-innovazzjoni tas-settur; huwa għalhekk imħasseb li l-Qorti tal-Awdituri sabet li xi Stati Membri li japplikaw l-SPS (5 minn 17) ma jagħmlux użu minn għażliet possibbli mir-riżerva nazzjonali biex jiffaċilitaw l-aċċess għan-negozju ta' bdiewa ġodda bil-għan li tingħata spinta għall-bidla ġenerazzjonali fiż-żoni rurali;

    64.    Huwa tal-fehma li l-SPS attwali taħdem b'tali mod li ma tistimolax innovazzjoni suffiċjenti fis-settur agrikolu, u barra minn hekk iżżomm lura nies ġodda milli jidħlu fis-settur;

    65.    Jinsab imħasseb b'mod partikolari peress li m'hemmx rabta diretta bejn l-għajnuna tal-SPS u l-ispejjeż imġarrba mill-bdiewa biex jikkonformaw ma' kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin; jemmen li dan jirriżulta fi żbilanċ bejn il-volum tal-għajnuna u ambjent aħjar, il-benessri tal-annimali u s-sigurtà fl-ikel; madanakollu, jirrikonoxxi, li l-prinċipju ta' separazzjoni jirrestrinġi l-istabbiliment ta' tali konnessjoni;

    66.    Iqis li l-Kummissjoni, fil-proposta tagħha għall-PAK wara l-2013, għandha tiżgura li t-tqassim tal-għajnuna fost il-bdiewa jkun aktar ibbilanċjat;

    Parti IX - Ir-Rapport Speċjali Nru 6/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Kienu effettivi l-proġetti ta' turiżmu kofinanzjati mill-FEŻR?"

    67.    Jilqa' s-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri, b'mod partikolari l-fatt li l-proġetti kollha kellhom riżultati pożittivi f'forma jew f'oħra u li l-maġġoranza kellhom suċċess taħt diversi intestaturi; jinnota wkoll li nstab li l-proġetti kienu ta' benefiċċju għall-ekonomija lokali u/jew għenu biex jippreservaw elementi tal-wirt kulturali, storiku, artistiku jew ambjentali ta' reġjun;

    68.    Japprova l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-ħolqien jew iż-żamma tal-impjiegi huma fatturi ewlenin fil-mixja lejn żvilupp sostenibbli bilanċjat tal-ekonomija u tal-impjiegi;

    69.    Jinnota bi tħassib li ġew stabbiliti għanijiet għal 58 % biss tal-proġetti fil-kampjun, filwaqt li t-42 % l-oħra tal-proġetti ma kellhomx objettivi f'termini ta' prestazzjoni, u li ma sar ebda monitoraġġ tar-riżultati għall-biċċa l-kbira tal-proġetti fil-kampjun;

    70.    Jiddispjaċih mill-fatt li kien diffiċli li tkun valutata l-prestazzjoni reali tal-proġetti jew kemm kellhom valur miżjud Ewropew minħabba li l-għanijiet tal-proġetti ma ġewx stabbiliti b'mod sistematiku, ma ġewx iddefiniti l-objettivi u l-indikaturi u ma sarx monitoraġġ sussegwenti u lanqas evalwazzjoni tar-riżultati;

    71.    Japprova r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri lill-Awtoritajiet ta' Ġestjoni bl-għan li jiġi żgurat li jiġu stabbiliti objettivi, għanijiet u indikaturi adegwati (pereżempju, in-numru ta' impjiegi maħluqa, il-kapaċità tat-turiżmu addizzjonali maħluqa u ż-żieda fl-attività turistika) fl-istadji tal-applikazzjoni għal għotja u d-deċiżjonijiet dwarha sabiex ikunu jistgħu jintgħażlu l-proġetti li x'aktarx ikunu l-aktar effiċjenti, u biex tiġi żgurata l-evalwazzjoni tar-riżultati tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu din il-prattika;

    72.    Japprova r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li tistieden lill-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni tal-għajnuna fis-settur tat-turiżmu, tqis kemm din tikkostitwixxi mezz kosteffikaċi biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, u tqis jekk tali appoġġ jistax jiġi indirizzat aħjar;

    73.    Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissemplifika l-proċess ta' sussidji mill-FEŻR biex jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv imġarrab mill-promoturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress f'dan il-qasam;

    Parti X - Ir-Rapport Speċjali Nru 7/2011 bit-titolu "L-appoġġ agroambjentali huwa mfassal u ġestit tajjeb?"

    74.    Jirrikonoxxi l-importanza tal-miżuri agroambjentali bħala element ewlieni tal-politiki tal-Unjoni li għandhom l-għan li jtaffu l-effetti negattivi tal-agrikoltura fuq l-ambjent; jirrikonoxxi li l-pagamenti agroambjentali jikkostitwixxu mod kif "jinkoraġġixxu lill-bdiewa u amministraturi oħra tal-art biex iservu s-soċjetà fl-intier tagħha billi jintroduċu jew ikomplu japplikaw metodi ta' produzzjoni agrikola kompatibbli mal-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent, il-pajsaġġ u l-karatteristiċi tiegħu, ir-riżorsi naturali, il-ħamrija u d-diversità ġenetika"[1];

    75.    Jenfasizza, fl-istess waqt li n-nefqa pubblika għandha ssir b'tali mod li jiżgura l-massimu tal-kosteffikaċja u riżultati tanġibbli; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-impenji tal-Unjoni jitwettqu bl-aktar mod effikaċi (tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra sal-2020, l-istrateġija UE 2020 dwar il-bijodiversità, eċċ.);

    76.    Huwa mħasseb dwar is-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-politika agroambjentali mhijiex imfassla u monitorata sabiex tagħti benefiċċji ambjentali tanġibbli, inkwantu l-objettivi tal-pagamenti agroambjentali mhumiex speċifiċi biżżejjed biex ikun valutat jekk intlaħqux, il-pressjonijiet ambjentali ċċitati ma jipprovdux ġustifikazzjoni ċara tal-pagamenti agroambjentali, u s-suċċessi tal-politika agroambjentali ma jistgħux jiġu monitorjati faċilment; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta' żvilupp rurali b'objettivi ċari u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta dawk il-programmi b'mod aktar rigoruż qabel tapprovahom; jenfasizza l-importanza ta' netwerk tal-Unjoni ta' evalwazzjoni tal-iżvilupp rurali li jkun ġestit tajjeb;

    77.    Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-bdiewa ġeneralment jingħataw appoġġ tajjeb permezz ta' gwida xierqa; jinnota, madankollu, il-ħtieġa ta' titjib fit-tixrid tal-aħjar prattiki u ta' rispons dwar ir-riżultati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw aħjar l-istrutturi eżistenti għal dan l-iskop, bħan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

    78.    Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-bdiewa huma ġeneralment appoġġati tajjeb permezz ta' gwida xierqa u jinnota l-ħafna każijiet tal-aħjar prattiki identifikati mill-Qorti tal-Awdituri; huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Istati Membri ma jivvalutawx il-livell minimu ta' parteċipazzjoni meħtieġ biex jiġi żgurat li s-sottomiżuri jipprovdu l-effetti ambjentali mistennija u jekk l-ammonti ta' għajnuna humiex adegwati sabiex jintlaħaq dan il-livell minimu; huwa tal-opinjoni li l-approċċ Leader lejn l-iżvilupp rurali jista' jintuża wkoll biex jiġi implimentat approċċ kollettiv;

    79.    Huwa mħasseb dwar id-dgħufijiet fir-rigward tal-istabbiliment ta' ammonti ta' għajnuna li sabet il-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, qabel ma tapprova l-programmi, li l-elementi kollha identifikati mill-Qorti tal-Awdituri bħala neċessarji biex jiġu stabbiliti b'mod xieraq l-ammonti ta' għajnuna, jiġu kkunsidrati kif xieraq;

    80.    Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-biċċa l-kbira tan-nefqa saret fuq sottomiżuri "orizzontali" li kienu implimentati fuq iż-żona kollha tal-programm mingħajr ma dan kien dejjem iġġustifikat fil-programmi ta' żvilupp rurali; iqis li huwa inaċċettabli li l-Istati Membri jagħmlu biss użu limitat ta' proċeduri ta' objettivi u ta' għażla; iqis li n-nuqqas ta' mira għandu f'kull każ ikun iġġustifikat fil-programmi;

    81.    Huwa mħasseb sew li l-ġestjoni tal-politika agroambjentali ma tqisx biżżejjed il-ħtiġijiet ambjentali speċifiċi, u b'hekk ma tagħtix l-aħjar valur għall-flus; iqis li huwa inaċċettabli li, skont is-sejbiet tal-Qorti tal-Awditori, f'39 % tal-kuntratti awditjati, ma kien hemm l-ebda pressjonijiet ambjentali speċifiċi fiż-żona fejn kien ġie implimentat il-kuntratt, jew l-Istati Membri ma setgħux jidentifikaw problemi ta' dan it-tip; jistieden lill-Istati Membri biex jikkonċentraw fuq approċċ kollettiv fejn dan jiżgura l-effett ambjentali mixtieq;

    82.    Fil-kuntest tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, jenfasizza li biex il-pagamenti agroambjentali jiksbu l-effetti mixtieqa f'termini ta' bijodiversità, preservazzjoni u żvilupp ta' sistemi tal-biedja u tal-forestrija b'valur naturali għoli u pajsaġġi agrikoli tradizzjonali, l-ilma u t-tibdil fil-klima, hemm bżonn li l-iskemi agroambjentali jkollhom prijoritajiet aktar speċifiċi fil-mira tagħhom;

    83.    Jilqa' l-approċċ li ntgħażel fil-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (COM(2011)0627/2), li se jqiegħed iktar enfasi fuq il-monitoraġġ kontinwu u indikaturi tal-prestazzjoni għal programmi tal-Iżvilupp Rurali;

    • [1]  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1), premessa (35).

    Parti XI - Ir-Rapport Speċjali Nru 8/2011 bit-titolu "Irkupri ta' pagamenti mhux dovuti taħt il-Politika Agrikola Komuni"

    84.    Jilqa' r-Rapport Speċjali tal-Qorti u jieħu nota tas-sejbiet tal-Qorti; jenfasizza l-kritika li ilha titressaq mill-Parlament li s-sistema ta' rkupru qiegħda taħdem parzjalment biss; jenfasizza li ċ-ċifri 'li tjiebu' tal-Kummissjoni rigward l-irkupru madankollu għadhom ifissru li l-benefiċjarji jżommu b'mod illegali 60 % tal-pagamenti li ma kellhomx jitħallsu; jinnota li fuq il-bażi taċ-ċifri ppreżentati mill-Qorti tal-Awdituri, dak il-perċentwal jitla' anke sa 90 %;

    85.    Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha:

    –       titlob lill-Istati Membri jirrapportaw irregolaritajiet u rkupri oħra meta tkun tfasslet in-notifika ta' rkupru,

    –       tintroduċi limitu ta' żmien uniformi bejn l-iskoperta ta' irregolarità potenzjali u n-notifika tal-ordni ta' rkupru lid-debitur, u b'hekk jittejbu l-armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri u t-trażmissjoni ta' informazzjoni f'waqtha lill-OLAF,

    –       toħroġ regoli ċari u mhux ambigwi relatati mal-applikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar ta' imgħax fuq dejn pendenti,

    –       tiċċara ċ-ċirkostanzi li fihom djun jistgħu jiġu ddikjarati bħala irrekuperabbli, partikolarment b'rabta ma' każijiet ta' falliment, u

    –       tagħmel stima preċiża tal-flus li ma kellhomx jitħallsu lill-benefiċjarji finali kull sena, sabiex ikun stabbilit l-ammont ta' flus li kelli jkun irkuprat mingħand il-benefiċjarju finali, u tattribwixxi d-danni rkuprati b'mod preċiż skont is-sena wkoll li fiha kien hemm it-telf;

    86.    Jinnota li s-sistema tal-irkupru, globalment, tkopri biss parti żgħira mill-pagamenti u li mill-pagamenti fl-ambitu tal-PAK, stmati għal EUR 500 000 000 000, tul dawn l-aħħar 10 snin, kienu rkuprati biss EUR 5 000 000 000 (1 %) (Ir-Rapport Speċjali Nru 7/2010); jinnota wkoll li għaldaqstant tiswa iktar flus iż-żamma ta' sistema ta' kontroll li tiffunzjona milli li jitħallsu l-korrezzjonijiet finanzjarji lill-Kummissjoni;

    87.    Jinnota l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li hija dik li tkompli tikkunsidra dawn ir-rakkomandazzjonijiet, u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament liema azzjonijiet biħsiebha tieħu sabiex takkomoda dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

    88.    Jiddispjaċih li l-perċentwal ta' dejn ikkanċellat u li kellu jagħmel tajjeb għalih il-baġit tal-Unjoni kien ta' 87,8 % jew EUR 428 900 000 għall-perjodu 2006-2009; jitlob li l-Kummissjoni tapplika mekkaniżmu ta' sanzjonijiet jekk l-Istati Membri jiddikjaraw djun bħala irrekuperabbli fejn dan ma jkunx xieraq; jinsisti li dan jitlob definizzjoni ċara u prattika tal-linji gwida mingħajr ma jkun hemm lok għal interpretazzjonijiet differenti;

    89.  Japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li:

    –       il-mod kif jiġu ġestiti u rrappurtati d-djun fl-Istati Membri jittejjeb, u tiżgura trattament konsistenti ta' dawk id-djun fl-Istati Membri kollha,

    –       il-linji gwida jinħarġu f'waqthom biex jiġu indirizzati inkonsistenzi persistenti fil-kunċetti prinċipali ta' rappurtar u ta' kontabilità,

    –       l-applikazzjoni tar-regola 50/50 tiġi rriveduta, b'mod partikolari fejn jidħlu l-ammonti li potenzjalment jaħarbu l-approvazzjoni ta' konformità , u li r-regola 50/50 tiġi applikata b'mod effikaċi,

    –       ix-xogħol tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni, meta jkunu qegħdin jivverifikaw il-kontijiet tad-debituri fl-Istati Membri, ikopri r-riskji enfasizzati,

    –       proporzjon akbar ta' pagamenti li ma kellhomx isiru jiġi rkuprat mill-benefiċjarji,

    –       is-segwitu tal-każijiet antiki tat-Task Force ta' Rkupru jiġi ffinalizzat u jiġi ttrattat b'mod omoġenju fl-Istati Membri kollha;

    90.    Jieħu nota tal-kjarifiki tal-Kummissjoni dwar dawk ir-rakkomandazzjonijiet, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli teżamina dawk is-suġġerimenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet tagħha, u tirrapporta jekk huwiex ippjanat li jittieħdu xi passi fil-kuntest ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

    91.    Jilqa' l-inizjattiva tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) li jistudja l-possibilità li jimmodifika r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta' somom ta' flus imħallsa bi żball b'konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni kif ukoll l-organizzazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni f'dan il-qasam[1], bl-għan tat-titjib tal-fluss u l-użu tal-informazzjoni eżistenti; jistieden lill-OLAF jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-Parlament;

    92.    Jitlob li jkun hemm trattament indaqs tad-djun pendenti (irkupri) fl-Istati Membri kollha u jinsisti li l-flus dovuti lill-Unjoni b'rabta ma' ksur tad-dritt tal-Unjoni verament jitħallsu lura, minkejja l-fatt li xi wħud minnhom qed ibatu mill-kriżijiet finanzjarji;

    93.    Jinnota li l-ammont li għandhom iħallsu l-Istati Membri skont ir-regola 50/50 (2006-2009) huwa EUR 424 000 000 u li 58 % minnu għandu jitħallas mill-Italja; jitlob li jitfassal pjan ta' azzjoni għall-Italja sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni;

    94.    Ifakkar li għad hemm nuqqas ta' trasparenza rigward il-pubblikazzjonijiet tal-ammont imnaqqas mill-Istati Membri (effettivament flus tal-kontribwenti) u l-ammonti fil-fatt irkuprati mill-benefiċjarji fir-rendikonti finanzjarji ppreżentati lill-Parlament; jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi din l-informazzjoni lill-Parlament;

    95.    Jistieden lill-Qorti tippubblika rapport dwar l-istess suġġett għall-qasam tal-fondi strutturali;

    • [1]  ĠU L 355, 15.12.2006, p. 56.

    Parti XII - Ir-Rapport Speċjali Nru 9/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Kienu effettivi l-proġetti ta' gvern elettroniku appoġġjati mill-FEŻR?"

    96.    Jilqa' r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri u l-valutazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-proġetti ta' gvern elettroniku appoġġati mill-FEŻR ikkontribwew għall-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi elettroniċi;

    97.    Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, b'mod partikolari li:

    –       l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji għall-e-Government, li jkunu bbażati fuq ħtiġijiet identifikati, ikollhom objettivi ċari u jassenjaw ir-responsabilitajiet lil korpi li jwieġbu għall-ilħuq ta' dawn l-objettivi.

    –       l-Awtoritajiet tal-Ġestjoni għandhom jagħżlu l-proġetti ta' gvern elettroniku għal appoġġ mill-FEŻR abbażi ta' valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji kwalitattivi u kwantitattivi probabbli tal-proġetti,

    –       l-Awtoritajiet ta' Ġestjoni fl-Istati Membri għandhom jiżguraw li proġetti ta' gvern elettroniku magħżula għal finanzjament FEŻR jiffokaw mhux biss fuq il-prodotti tal-proġett imma wkoll fuq il-bidliet fi proċessi jew l-organizzazzjoni meħtieġa biex jittieħed benefiċċju mis-sistemi żviluppati,

    –       l-Awtoritajiet tal-Ġestjoni għandhom ikunu inkoraġġiti japplikaw l-aħjar prattika, li hija disponibbli, pereżempju permezz tal-komunità ePractice, u jirrakkomanda l-użu ta' metodoloġija xierqa għall-ġestjoni tal-proġetti għal proġetti ta' gvern elettroniku li jkunu qed jirċievu finanzjament mill-FEŻR,

    –       il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna tkompli l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni li jippermettu l-interoperabilità trans-Ewropea, b'mod partikolari l-prinċipji tal-FEI, jiġu applikati fi proġetti li jibbenefikaw minn finanzjament mill-FEŻR,

    –       l-Awtoritajiet tal-Ġestjoni, meta jagħżlu l-proġetti tal-e-Government, għandhom jiżguraw li l-ispejjeż sinifikanti kollha, inkluża l-manutenzjoni, jkunu ġew previsti b'mod suffiċjenti fl-analiżi tal-kostijiet meta mqabbla mal-benefiċċji li għandha tkun imsejsa fuqha d-deċiżjoni ta' finanzjament,

    –       il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna tkompli l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-Awtoritajiet tal-Ġestjoni jimmonitorjaw u jevalwaw ir-riżultati u l-impatti tal-proġetti biex jintwera l-użu effikaċi tal-finanzjament tal-Unjoni u jiġu provduti opinjonijiet b'rispons sabiex jittejjeb it-tfassil ta' programmi futuri;

    Parti XIII - Ir-Rapport Speċjali Nru 10/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Huma effettivi l-Iskemi tal-Ħalib għall-Iskejjel u tal-Frott għall-Iskejjel?"

    98.    Ifakkar fir-riżultat tal-evalwazzjoni esterna tal-1999 dwar l-Iskema Ħalib għall-Iskejjel u tal-osservazzjoni li saret mill-Qorti tal-Awdituri li ebda bidliet reali ma saru fl-iskema minn dak iż-żmien 'l hawn;

    99.    Jenfasizza li t-tkomplija sempliċi tal-Iskema Ħalib għall-Iskejjel attwali tkun ħela ta' flus il-kontribwenti u l-iskema għalhekk għandha tiġi sospiża sakemm ma tkunx riformata immedjatament u b'mod komprensiv;

    100.  Jenfasizza li 10 % biss tal-iskejjel li għandhom id-dritt li jipparteċipaw fl-Iskema Ħalib għall-Iskejjel qed jieħdu vantaġġ minnha fil-preżent; għalhekk, iqis li l-Istati Membri wrew l-appoġġ tagħhom għall-programm minkejja r-rata baxxa tas-sussidju u l-effett ta' piż totali possibbli tal-programm; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta' nutrizzjoni nazzjonali għall-iskejjel, biex b'hekk l-Iskemi Ħalib għall-Iskejjel u Frott għall-Iskejjel jinbidlu ma' miżuri mmirati aħjar;

    101.  Jinsab konvint li, jekk jitkomplew, l-Iskemi Ħalib għall-Iskejjel u Frott għall-Iskejjel għandhom joperaw b'mod simili bil-għan li jkunu faċilitati l-koordinament u l-ħolqien ta' sinerġiji, peress li l-objettivi tagħhom huma l-istess;

    102.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmiraw li jilħqu t-tfal u l-istudenti li kieku jibbenefikaw l-aktar fuq bażi xjentifika (jiġifieri l-ħtiġijiet nutrizzjonali, il-faxxa tal-età, il-kundizzjoni tas-saħħa, il-grupp soċjali, eċċ) minn dawk l-iskemi; jenfasizza li l-immirar iħaffef il-kejl tal-impatt ta' dawn l-iskemi;

    103.   Hu tal-fehma li l-prodotti għandhom ikunu mqassma b'xejn, u li d-distribuzzjoni fil-kantins għandha tiġi evitata;

    104.  Jinsisti li d-distribuzzjoni ta' prodotti li jaqgħu taħt dawk l-iskemi għandhom ikunu integrati fi strateġija nazzjonali u/jew reġjonali u jenfasizza li tali strateġija għandha tinkludi wkoll miżuri ta' akkumpanjament (jiġifieri miżuri edukattivi, informattivi li jinvolvu l-ġenituri u l-għalliema);

    105.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' kofinanzjament għall-Iskema Ħalib għall-Iskejjel simili għal dik użata għall-Iskema Frott għall-Iskejjel; jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jqisu li jestendu l-kofinanzjament għall-miżuri ta' akkumpanjament; jemmen ukoll li l-pakketti finanzjarji nazzjonali mhux użati jistgħu jiġu riallokati bejn l-Istati Membri;

    106.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu sistemi effikaċi ta' monitoraġġ u ta' kontroll;

    Parti XIV - Ir-Rapport Speċjali Nru 11/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "It-tfassil u l-ġestjoni tal-iskema ta' indikazzjonijiet ġeografiċi jippermettulha li tkun effettiva?"

    107.  Jilqa' r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri u jieħu nota tas-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri li:

    –       id-dispożizzjonijiet legali dwar is-sistema ta' indikazzjoni ġeografika ma jistabbilixxux ir-rekwiżiti minimi dwar il-kontrolli fuq l-ispeċifikazzjonijiet ta' prodotti u ma jindirizzawx kwistjonijiet bħall-kopertura minima tal-kontrolli, il-frekwenza tagħhom, il-metodoloġija għall-għażla tagħhom u l-partijiet involuti fl-istadji differenti tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni suġġetti għall-kontroll;

    –       ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 ma jindirizzax il-kwistjonijiet tal-karattru obbligatorju u n-natura tal-kontrolli li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri sabiex jiġu evitati u jinstabu prattiki mhux permessi fir-rigward tas-sistema ta' indikazzjoni ġeografika;

    108.  Huwa mħasseb li, skont l-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri, dan iwassal għal sitwazzjoni fejn is-sistemi ta' kontroll tal-Istati Membri huma differenti f'għadd ta' elementi importanti u huwa tal-opinjoni li dawk id-differenzi għandhom jitnaqqsu fil-futur; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni (COM(2010)0733) mill-hekk imsejjaħ "pakkett ta' kwalità"; jitlob li jiġu stabbiliti struttura u sistema ta' kontroll adegwati li jiggarantixxu kwalità għolja u kostanti tal-prodotti DPO u IĠP u li jipprevjenu u jiskopru b'mod effikaċi prattiċi mhux permessi fl-Istati Membri kollha; madankollu, hu tal-opinjoni li dan ma għandux iwassal għall-ħolqien ta' livelli ta' kontroll addizzjonali, għad-definizzjoni ta' rekwiżiti ta' kontroll massimi u għal żieda ulterjuri fil-burokrazija;

    109.  Jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li jiġu inklużi l-verifiki fuq il-kontrolli imwettqa mill-Istati Membri b'konnessjoni mal-iskema ta' indikazzjoni ġeografika fil-pjan ta' verifiki regolari tal-Kummissjoni fl-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni tirreaġixxi b'mod korrispondenti;

    110.  Ifakkar fil-konstatazzjoni tal-Qorti li l-iskrutinju tal-applikazzjonijiet fil-livell nazzjonali u f'dak tal-Kummissjoni jieħu wisq żmien u jitlob lill-Kummissjoni tissemplifika u tqassar il-proċeduri ta' reġistrazzjoni burokratiċi u li jieħdu wisq żmien sabiex trendi s-sistema ta' indikazzjoni ġeografika aktar attraenti għall-applikanti potenzjali li bħalissa huma skoraġġiti minħabba l-proċeduri ta' applikazzjoni li jieħdu wisq żmien;

    111.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet fil-verifika tagħha li hemm livell baxx ta' għarfien min-naħa tal-konsumaturi u tal-produtturi dwar l-iskema ta' indikazzjoni ġeografika; huwa mħasseb ukoll dwar il-fatt li ġie kkonstatat li l-għażliet użati attwalment x'aktarx ma jippermettux is-sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-iskema ta' indikazzjoni ġeografika u mhumiex adegwati biex iħeġġu l-produtturi jipparteċipaw fiha; għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni teżamina b'mod dettaljat is-sitwazzjoni, tiżviluppa strateġija ċara u tiddefinixxi l-miżuri u l-mezzi effikaċi intiżi sabiex jindirizzaw in-nuqqas attwali ta' għarfien dwar l-iskema ta' indikazzjoni ġeografika, il-prodotti u l-logos tagħha bħal pereżempju l-organizzazzjoni ta' kampanja fuq l-inizjattiva tagħha stess eċċ.;

    112.  Jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li s-sistema ta' għajnuna reċiproka li tqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-iskema ta' indikazzjoni ġeografika għandha tiġi stabbilita;

    113.  Ifakkar li s-sistema ta' indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE tiddistingwi bejn żewġ tipi ta' ismijiet protetti: denominazzjoni protetta ta' oriġini (DPO) u indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP); jirrimarka li dawn id-deskrizzjonijiet qed iħawwdu lill-konsumaturi, peress li dawn ma jurux biċ-ċar id-differenza ta' bejniethom; jipproponi għalhekk indikaturi aktar ċari li jippermettu lill-konsumaturi jkunu jafu kif l-ismijiet protetti huma distinti f'termini tal-grad u tat-tip ta' konnessjoni li hemm bejn prodott u reġjun ġeografiku;

    114.  Huwa mħasseb dwar l-istqarrijiet għall-istampa reċenti li rrapportaw użu mhux xieraq u abbużiv tal-indikazzjonijiet ġeografiċi minn xi pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri attivi fil-protezzjoni ta' prodotti reġistrati taħt l-iskema ta' indikazzjoni ġeografika tal-Unjoni anki fil-kuntest tal-kummerċ internazzjonali u taħdem biex tilħaq ftehimiet rispettivi ma' pajjiżi terzi;

    115.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament bl-eżitu tal-azzjonijiet tagħha;

    Parti XIV - Ir-Rapport Speċjali Nru 11/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-proċeduri tal-Kummissjoni jassiguraw il-ġestjoni effettiva tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat?"

    116.  Jilqa' r-Rapport Speċjali u jappoġġa, b'mod ġenerali, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri bir-rimarki li ġejjin, u jinnota li biss tmien Stati Membri ntagħżlu għal din il-verifika;

    117.  Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni rreaġixxiet fil-pront u b'mod effikaċi għall-kriżi finanzjarja, u b'dan il-mod ikkontribwiet b'mod sostanzjali biex jiġi evitat il-falliment ta' istituzzjonijiet finanzjarji kbar li għandhom is-sede tagħhom fl-Unjoni;

    118.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta pożizzjoni aktar proattiva fir-relazzjoni tagħha mal-Istati Membri, b'mod partikolari:

    –       tagħmel aktar sforzi biex iżżid l-għarfien dwar ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat billi xxerred l-aħhar prattiki u tipprovdi gwida aktar prattika;

    –       tiżgura li, fejn japplika, l-għajnuna mill-Istat kollha tiġi nnotifikata kif jixraq, u tiżviluppa mezzi biex tiddixxiplina l-Istati Membri meta dan ma jsirx;

    –       tqiegħed għad-dispożizjoni aktar riżorsi umani għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat mingħajr aktar dewmien;

    119.  Jinnota d-dgħufijiet fir-rigward tal-ħtieġa li jitħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li tiżdied it-trasparenza tiegħu, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tillimita t-tul ta' żmien tal-proċedura ta' investigazzjoni; jinnota n-numru kbir ta' Talbiet għall-Informazzjoni mibgħuta lill-Istati Membri u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tillimitahom biex tħaffef il-proċedura; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar il-medja taż-żmien meħtieġ biex jiġu ffinalizzati l-każijiet matul l-aħħar erba' snin għal kull Stat Membru individwali;

    120.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tikkunsidra jekk il-lezzjonijiet li tgħallmet mit-trattament b'suċċess tal-kriżi finanzjarja jistgħux jintużaw ukoll biex tiġi ssemplifikata l-ħidma f'ċirkostanzi "normali" u tinforma lill-Parlament malajr kemm jista' jkun bit-tibdiliet possibbli mdaħħla qabel Settembru 2012;

    121.  Jenfasizza l-importanza li tiżgura ċ-ċertezza ġuridika għall-partijiet interessati; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni:

    –       tittratta malajr l-ilmenti mingħajr bażi,

    –       tħaffef il-proċedura tat-trattament tal-ilmenti b'mod ġenerali u talloka r-riżorsi neċessarji biex tkompli tnaqqas l-ammont ta' xogħol b'lura,

    –       tinforma kif jixraq lil min jagħmel l-ilment, lill-Istat Membru u lill-benefiċjarju dwar il-każijiet li jkunu għaddejjin u dwar l-eżitu tal-investigazzjoni;

    122.  Jinnota d-dgħufijiet fl-użu tar-riżorsi umani disponibbli, u jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timplimenta sistema mtejba għar-reġistrazzjoni tal-ħin; japprova s-suġġeriment tal-Qorti tal-Awdituri għal rappurtar tal-ġestjoni biex jiġi mmonitorjat b'mod effikaċi l-ħin imqatta' fuq każijiet partikolari u l-ammont ta' xogħol ta' dawk li jittrattaw il-każijiet; jistenna li sistema bħal din tkun operattiva sal-aħħar tal-2012;

    123.  Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ tal-għajnuna mill-Istat; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħha, kemm f'termini ta' daqs tal-kampjun u kemm f'termini ta' kamp ta' applikazzjoni;

    124.  Jinnota d-dgħufijiet fil-proċess tal-ġbir tad-data, u jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-effiċjenza u l-affidabilità tiegħu, u tirrapporta dwar il-progress fl-introduzzjoni tal-applikazzjoni SARI[1] qabel it-tmiem tal-proċedura ta' kwittanza tal-2010;

    125.  Jistieden lill-Kummissjoni twessa' l-valutazzjoni tal-impatt ex-post tagħha tal-għajnuna mill-Istat u tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fuq il-kumpaniji, is-swieq u l-ekonomija globali.

    o

    o         o

    126.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

    • [1]  L-applikazzjoni SARI hija applikazzjoni ġdida tal-bażi tad-data ċentrali li permezz tagħha l-awtoritajiet li jagħtu l-għajnuna fl-Istati Membri jistgħu jikkodifikaw direttament l-infiq fl-għajnuna tagħhom (Ir-Rapport Speċjali 15/2011, p. 60)

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    26.3.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    26

    0

    1

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Marta Andreasen, Inés Ayala Sender, Andrea Češková, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Iliana Ivanova, Bogusław Liberadzki, Monica Luisa Macovei, Jan Mulder, Eva Ortiz Vilella, Aldo Patriciello, Crescenzio Rivellini, Petri Sarvamaa, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Søren Bo Søndergaard, Michael Theurer

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Amelia Andersdotter, Zuzana Brzobohatá, Christofer Fjellner, Edit Herczog, Ivailo Kalfin, Marian-Jean Marinescu, Véronique Mathieu, Olle Schmidt, Barbara Weiler