RAPPORT dwar il-Kummerċ għall-Bidla: L-Istrateġija Kummerċjali u ta’ Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija

    4.4.2012 - (2011/2113(INI))

    Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
    Rapporteur: Niccolò Rinaldi


    Proċedura : 2011/2113(INI)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0104/2012

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar il-Kummerċ għall-Bidla: L-Istrateġija Kummerċjali u ta’ Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija

    (2011/2113(INI))

    Il-Parlament Ewropew,

    –       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona tat-28 ta’ Novembru 1995, li stabbiliet sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar, u l-programm ta’ ħidma adottat f’dik il-konferenza,

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ottubru 2006 dwar il-Proċess ta’ Barċellona rivedut[1] u tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar is-sħubija ekonomika u kummerċjali Ewro-Mediterranja qabel it-8 Konferenza Ministerjali Euromed dwar il-Kummerċ[2],

    –       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar "Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran" (COM (2011)0200),

    –       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta’ Mejju 2011 dwar "Risposti ġodda għal viċinat fi trasformazzjoni"(COM(2011)0303 finali),

    –       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-24 ta’ Mejju 2011 dwar "Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran" (COM(2011)0292),

    –       wara li kkunsidra "l-Pjan Direzzjonali tal-Kummerċ Ewro-Mediterranju sal-2010 u Lil hinn', kif ġie adottat fit-8 laqgħa Ministerjali dwar il-Kummerċ tal-Unjoni għall-Mediterran tal-2009,

    –       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenzi Ministerjali Ewro-Mediterranji u l-konferenzi ministerjali settorjali li saru minn meta ġie mniedi l-Proċess ta’ Barċellona, u b’mod partikolari l-konklużjonijiet tad-9 Konferenza Ministerjali dwar il-Kummerċ tal-Unjoni għall-Mediterran tal-11 ta’ Novembru 2010,

    –       wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u t-Tuneżija[3], l-Iżrael[4], il-Marokk[5], il-Ġordan[6], l-Eġittu[7], il-Libanu[8] u l-Alġerija[9], min-naħa l-oħra, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Temporanju dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità u l-PLO (għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana)[10],

           wara li kkunsidra d-deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali ta' l-Unjoni Doganali (96/142/KE)[11],

           wara li kkunsidra l-ftehim dwar il-kummerċ ħieles, magħruf bħala l-Ftehim ta’ Agadir, li ġie ffirmat mill-Ġordan, l-Eġittu, it-Tuneżija u l-Marokk fil-25 ta’ Frar 2004,

    –       wara li kkunsidra l-Valutazzjoni ta' Impatt għas-sostenibbiltà taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja (FTA) imħejji mill-Istitut għall-Politika u għat-Tmexxija tal-Iżvilupp tal-Università ta' Manchester,

    –       wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija Reġjonali (2007-2013) u l-Programm Indikattiv Reġjonali għas-Sħubija Ewro-Mediterranja (2007-2013) u l-għanijiet stabbiliti fih[12] kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Lulju 2011 dwar it-tieni parti tal-Programm ta’ Azzjoni Annwali 2011 favur ir-reġjun tal-Mediterran. li għandu jiġi ffinanzjat skont l-Artikolu 19.080101 tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea[13],

    –       wara li kkunsidra l-ħidma tal-Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija, b’mod partikolari l-laqgħa ministerjali li saret fi Brussell fit-12 ta’ Lulju 2011 u r-rapport annwali tagħha għall-2010 li ġie ppubblikat fit-8 ta’ Awwissu 2011,

    –       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp tal-5 ta’ Ottubru 2011 biex jiġu allokati fondi fil-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran,

    –       wara li kkunsidra l-ħidma tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran,

    –       wara li kkunsidra l-ħidma tal-Unjoni għall-Mediterran,

    –       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2011 biex jiġu adottati direttivi ta' negozjar dwar Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi għall-Eġittu, il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija,

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura dwar l-investiment internazzjonali[14] tas-7 ta' April 2011 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat - Dimensjoni tan-Nofsinhar[15] u tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat[16],–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha adottati mill-Parlament fil-kuntest tar-Rebbiegħa Għarbija, dwar il-libertajiet tar-reliġjon, it-twemmin u l-kuxjenza bħala valuri fundamentali u universali li huma essenzjali għall-iżvilupp demokratiku u ekonomiku;

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    –       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0104/2012),

    A.     billi r-Rebbiegħa Għarbija hija l-akbar trasformazzjoni politika fil-Viċinat Ewropew mill-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin u offriet lill-UE l-opportunità biex tallinja l-politika barranija u l-interessi kummerċjali tagħha mal-valuri ewlenin tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u s-soċjeta ħielsa; billi, skont l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-UE għandha tiżviluppa relazzjoni speċjali mal-pajjiżi ġirien, bil-għan li tistabbilixxi żona ta’ prosperità u viċinat tajjeb, imsejsa fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaratterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni, li hija l-uniku metodu essenzjali possibbli għall-istabbiltà permanenti, is-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku u l-progress tal-Ewropa;

    B.     billi l-UE għandha kompetenza esklussiva fuq il-kummerċ u l-politika għall-investiment, li tippermetti lill-UE tipprovdi reazzjoni effikaċi għat-taqlib u tikkontribwixxi għall-progress ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran (SMCs);

    C.     billi t-Trattat ta’ Lisbona jiddefinixxi l-kummerċ internazzjonali bħala wieħed mit-tliet fergħat tal-Azzjoni Esterna tal-UE u jirrikjedi koerenza mal-politiki l-oħra tagħha: l-affarijiet barranin u l-iżvilupp internazzjonali; billi l-kummerċ dejjem kien pilastru ewlieni tal-Politika tal-Viċinat u dan kien enfasizzat fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni" u "Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża man-Nofsinhar tal-Mediterran";

    D.     billi fost is-soċjetajiet ċivili tal-SMCs hemm perċezzjoni li l-UE għandha tkun aktar proattiva biex tgħin it-trasformazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħhom ;

    E.     billi r-rikostruzzjoni ekonomika u politika wara r-Rebbiegħa Għarbija mhux qed tiġi ssorveljata mill-istituzzjonijiet reġjonali li jwettqu rwol simili għal dak tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OKSE) fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u fl-Asja Ċentrali;

    F.     billi ma teżisti l-ebda istituzzjoni finanzjarja Ewro-Mediterranja speċifika, filwaqt li l-esperjenza miksuba mill-BERŻ matul it-tranżizzjoni tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tul dawn l-aħħar snin għandha tippermettilu li jkollu rwol pożittiv fl-SMCs; jinnota b’dispjaċir, madankollu, li diversi Stati Membri tal-UE għadhom ma rratifikawx l-Emendi għall-Ftehim tal-BERŻ li għandhom jgħinu lill-BERŻ biex jopera bis-sħiħ fir-reġjun tal-Mediterran;

    G.     billi s’issa l-ekonomiji tal-SMCs kienu mmexxija minn mexxejja mhux demokratiċi, għall-benefiċċju ta’ ftit persuni; spiss ma tawx każ il-ħtiġijiet tal-aktar persuni vulnerabbli; billi ħafna dittaturi issa ġew destitwiti, dan joħloq opportunitajiet ġodda għall-ftuħ tal-ekonomiji tar-reġjun u għall-ħolqien ta' ekonomija tas-suq reali;

    H.     billi l-UE diġà għandha Unjoni Doganali mat-Turkija u Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs) eżistenti ma’ SMCs bl-eċċezzjoni tas-Sirja, li ma ffirmatx il-pakkett innegozjat finali, u l-Libja, li n-negozjati magħha ġew sospiżi fi Frar 2011 wara li faqqgħet il-gwerra ċivili;

    I.      billi s-sħubija mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) mhijiex prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni f’negozjati kummerċjali, kif muri mid-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-Libanu u mal-Alġerija, mill-ftehim temporanju mat-Territorji Palestinjani, min-negozjati mal-Libja li ġew sospiżi u mill-ftehim mas-Sirja li ma ġiex ratifikat;

    J.      billi ż-Żona Ewro-Mediterranja ta’ Kummerċ Ħieles, l-aktar proġett ekonomiku ambizzjuż li rriżulta mid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona, baqgħet ma seħħitx sad-data prevista tal-2010, minħabba l-kunflitti fir-reġjun u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni intrareġjonali (Nofsinhar-Nofsinhar);

    K.     billi l-kriżi ekonomika tal-2008 affettwat b’mod dirett il-muturi ekonomiċi ewlenin tal-SMCs, u billi t-taqlib soċjali u politiku li għaddew minnu t-Tuneżija, l-Eġittu, is-Sirja u l-Libja waqt ir-Rebbiegħa Għarbija komplew jikkumplikaw il-kriżi ekonomika f’dawn il-pajjiżi; billi mhux l-SMCs kollha ntlaqtu l-istess mir-Rebbiegħa Għarbija peress li ċerti pajjiżi għad għandhom reġimi qodma fil-poter, u oħrajn għadhom għaddejjin minn perjodu kontinwu ta’ inkwiet soċjali li qed idgħajjef aktar l-ekonomija tagħhom;

    L.     billi r-Rebbiegħa Għarbija kixfet id-dgħjufijiet kummerċjali u fiskali strutturali u sistematiċi tar-reġjun, b’mod partikolari suxxettibilità għal fluttwazzjonijiet 'il fuq fis-swieq tal-komoditajiet, u billi kwalunkwe strateġija kummerċjali ġdida għall-Mediterran għandha tindirizza dawn in-nuqqasijiet, trawwem is-sovranità u s-sigurtà tal-ikel u ttemm l-ispekulazzjoni finanzjarja dwar il-prodotti bażiċi tal-ikel jekk beħsiebha twettaq l-ambizzjonijiet taċ-ċittadini;

    M.    billi l-qgħad kroniku, speċjalment fost iż-żgħażagħ, u n-nuqqas ta’ diversifikazzjoni kummerċjali għadhom ta’ tħassib serju; billi l-livell tal-qgħad strutturali fit-tul u l-impjiegi informali, inkluż it-tħaddim tat-tfal, għadu għoli fil-parti l-kbira tal-SMCs u mar għall-agħar fil-pajjiżi li għaddew minn problemi soċjali diffiċli ħafna waqt ir-Rebbiegħa Għarbija; billi l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) tikkalkula li r-reġjun jeħtieġ joħloq madwar 25 miljun impjieg ġdid matul l-għaxar snin li ġejjin biex jinżamm il-livell ta' impjiegi attwali;

    N.     billi l-adoloxxenti (ta’ età ta’ bejn 10 snin u 19-il sena) jirrappreżentaw 20% tal-popolazzjoni u r-rata tal-qgħad għal dawk bejn il-15 u l-24 sena huwa ta’ madwar 25% u 30% filwaqt li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadha baxxa ħafna; billi l-qgħad huwa partikolarment għoli fost l-iggradwati universitarji u dan qed iwassal għal eżodu ta' mħuħ u għal ħela ta’ riżorsi umani;

    O.     billi huwa fl-ogħla interess tal-Unjoni Ewropew li timmira fl-għoli fir-rigward tal-kooperazzjoni ekonomika u tadotta strateġija li hija ta' benefiċċju reċiproku, responsabbli u flessibbli, ibbażata fuq l-appoġġ għal trażizzjoni demokratika u l-protezzjoni tad-dritttijiet tal-bniedem;

    Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    1.      Jemmen li l-Rebbiegħa Għarbija hija avveniment storiku mingħajr preċedent li ħareġ mill-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini għal-libertà, għad-drittijiet demokratiċi u għal titjib fl-istandards tal-għajxien tagħhom; jesprimi d-diqa kbira tiegħu għat-telf ta' ħajja tul il-ġlieda biex jitwaqqgħu dittatorjati korrotti;

    2.      Huwa konxju li, wara dawn is-sagrifiċċji, hemm stennija kbira fost is-soċjetajiet tal-SMCs għal appoġġ ferm akbar u iżjed ġust mill-UE għal riformi demokratiċi u għal żvilupp ekonomiku ġenwin għall-benefiċċju ta’ kulħadd;

    3.      Jinnota li l-benefiċċji tar-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija għadhom ma ġewx ikkonsolidati bis-sħiħ u li l-UE għandha taġixxi malajr biex timplimenta l-aġenda tagħha dwar il-Kummerċ għall-Bidla billi, minbarra l-benefiċċji ekonomiċi immedjati, il-kummerċ huwa mod effettiv biex tiġi kkonsolidata d-demokrazija u biex tiġi promossa l-istabilità, għaliex jgħin sabiex tiġi evitata l-korruzzjoni, jiffaċilita t-tqassim iżjed ekwu tal-ġid u jagħti s-setgħa lill-popolazzjoni ġenerali; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet ta' tranżizzjoni jiżguraw tranżizzjoni paċifika lejn demokrazija ġenwina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jirrispettaw id-dritt tal-poplu tagħhom li jipprotesta b'mod paċifiku, u jżommu lura minn kwalunkwe repressjoni vjolenti;

    4.      Jilqa', f'dan il-kuntest, it-tnedija tat-Task Force UE-Tuneżija, l-ewwel task force stabbilita ma' pajjiż tan-Nofsinhar tal-Mediterran bil-ħsieb li tiġi żgurata l-koordinazzjoni aħjar tal-appoġġ tal-UE u l-appoġġ internazzjonali għat-tranżizzjoni tal-pajjiż; jilqa' l-fatt li l-Parlament kien involut fl-ewwel laqgħa; jitlob lill-VP/RGħ u l-Kummissjoni jkomplu jinvolvu l-Parlament f'din l-inizjattiva u f'oħrajn fil-futur; jilqa' l-ħolqien fi ħdan il-Parlament ta' grupp ta' sorveljanza għan-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex tiġi sorveljata r-reazzjoni tal-UE għall-kriżijiet fil-pajjiżi tal-Mediterran;

    5.      Jilqa' l-elezzjonijiet regolari u trasparenti riċenti fit-Tuneżija, li – flimkien tar-riformi ekonomiċi, legali u soċjali – jikkostitwixxu eżempju tajjeb għall-pajjiżi l-oħra fir-reġjun; jenfasizza l-importanza ta' elezzjonijiet ħielsa u regolari fl-iżgurar tal-unità ta' dawn il-pajjiżi permezz tal-istabbiliment ta' istituzzjonijiet demokratiċi u pluralistiċi, biex b'hekk jiġu stabbiliti l-bażi għal stabbilità akbar u strutturi soċjoekonomiċi moderizzati, li min-natura tagħhom stess jikkostitwixxu kundizzjoni neċessarja sabiex jinġieb l-investiment internazzjonali u jinħoloq tkabbir sostenibbli; jenfasizza l-bżonn ta' bidliet demokratiċi li għandhom jiġu akkompanjati minn riformi ekonomiċi, legali u soċjali sabiex jinfetħu u jiġu modernizzati l-istrutturi soċjoekonomiċi ta' dawn il-pajjiżi;

    6.      Iqis id-dejn barrani pubbliku tal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani bħala dejn li għandu jiġi mistkerraħ meta jitqies li dan id-dejn inħoloq mir-reġimi dittatorjali, l-iktar permezz tat-tħaxxin tal-bwiet ta’ membri mlaħħqa fl-oqsma politiċi u ekonomiċi u permezz tax-xiri tal-armi, li spiss intużaw għall-oppressjoni tal-popli tagħhom stess; għalhekk jitlob biex dan id-dejn jerġa' jiġi kkunsidrat, u b'mod partikolari dak marbut mal-infiq għall-armi;

    7.      Jikkundanna r-rwol tal-kumpaniji Ewropej fl-esportazzjoni tal-armi u ta’ oġġetti b’użu doppju lir-reġimi ripressivi, u fl-involviment tagħhom fit-tfixkil tekonoloġiku organizzat mir-reġimi tad-dittaturi; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal linji gwida għal kumpaniji tal-UE biex jaġixxu b’mod konsistenti mal-prinċipji fundamentali tal-UE f’sitwazzjonijiet bħal dawn;

    8.      Jenfasizza li l-politika tal-kummerċ u tal-investiment hija kompetenza esklussiva tal-UE u din għandha tipprovdi strumenti innovattivi u konkreti għall-kisba tal-għanijiet ta' politika barranija tal-UE ta' demokrazija, prosperità, stabilità u paċi fir-reġjun;

    9.      Jirrikonoxxi li l-UE għandha tfassal politika koordinata fir-rigward tal-SMCs, iżda jwissi kontra approċċ wieħed komuni għar-Rebbiegħa Għarbija kollha, għaliex minkejja li l-SMCs għandhom ħafna similaritajiet, huma esperjenzaw forom differenti ta’ gvernijiet ripressivi, ivarjaw fil-livelli tal-iżvilupp ekonomiku tagħhom u jiffaċċjaw sfidi soċjali u demografiċi li huma differenti minn ta’ xulxin;

    10.    Jenfasizza li wieħed mir-rwoli ewlenin tal-Parlament Ewropew huwa t-tisħiħ tad-djalogu politiku, tal-ftehim reċiproku u tal-fiduċja bejn l-Ewropa u l-pajjiżi terzi, inkluż l-SMC, fejn il-Parlament Ewropew għandu jiffoka fuq sforzi biex ixerred u jippromwovi riformi demokratiċi, libertajiet żviluppati u l-istat tad-dritt; jissottolinja li dawn il-kompiti importanti, ibbażati fuq relazzjonijiet diretti, jistgħu jkunu wkoll mod kif jiġi vvalutat is-sodisfazzjon tal-kriterji li ġejjin (fid-dawl tal-avvenimenti u l-progress miksub) u biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa fil-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, speċjalment fl-oqsma tal-kummerċ, l-investiment jew il-finanzi;

    11.    Huwa konxju mill-fatt li fl-aħħar għaxar snin l-UE rawmet approċċ iżjed profond u komprensiv għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles mal-mexxejja ta’ ħafna mill-SMCs, dan minkejja n-nuqqas evidenti ta’ leġittimità demokratika tas-sħab fin-negozjati; jenfasizza it-tħassib immedjat dwar l-istabbilizzazzjoni tal-proċessi demokratiċi fil-bini ta’ istituzzjonijiet soċjali u politiċi ġodda, li mbagħad jistgħu jaħdmu bħala sħab leġittimi u infurmati fin-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali;

    12.    Jinnota li l-UE hija l-ikbar suq ta’ konsumaturi fid-dinja, li l-aċċess għalih għandu jingħata biss jekk il-pajjiżi msieħba jkunu serji dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ftuħ bilaterali tas-swieq, jekk il-benefiċċji tar-riformi ekonomiċi jitgawdew mill-popolazzjoni kollha tal-pajjiż imsieħeb, inkluż l-iżjed vulnerabbli, u jekk jingħataw u jitwettqu impenji politiċi, soċjali u ambjentali xierqa;

    13.    Jindika li ħafna mill-SMCs għandhom potenzjal ekonomiku enormi, b’uħud minnhom li wirtu kwantitajiet kbar ta’ assi u riżorsi naturali, li, jekk jiġu ġestit b’mod tajjeb, jipprovdu opportunità għal tkabbir ekonomiku u żvilupp fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran; jikkunsidra għalhekk li jiġu stabbiliti l-miżuri u l-mekkaniżmi meħtieġa li jiggarantixxu standards soċjali, ambjentali u fitosanitarji ekwivalenti;

    14.    Jilqa’ l-approċċ imfassal apposta minn isfel għal fuq previst mill-Kummissjoni, ibbażat fuq kundizzjonalità iktar b’saħħitha u fuq differenzazzjoni iktar qawwija fil-kuntest tar-Reviżjoni riċenti tal-PEV, u fuq il-prinċipju ta’ 'aktar għal aktar', sabiex jiżgura assistenza mmirata aħjar lill-pajjiżi ġirien kollha tal-UE u jiggarantixxi li l-finanzjament jaqbel mal-ambizzjoni politika; jemmen li l-kisbiet fir-rigward tar-riformi demokratiċi u l-libertajiet individwali għandhom jiġu riflessi permezz ta’ proċess simili fil-qasam ekonomiku u kummerċjali, u ta’ libertajiet sussegwenti, għall-ħolqien u t-treġija tan-negozju sabiex jitneħħew darba għal dejjem l-oligarkiji li tradizzjonalment kienu jiddominaw l-SMCs;

    Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles profondi u komprensivi (DCFTAs) u strumenti oħra ta’ kummerċ

    15.    jinnota li l-UE diġà għandha ftehimiet preferenzjali qawwija dwar il-kummerċ ma’ diversi SMCs skont il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni; madankollu jenfasizza li l-ebda wieħed minn dawn il-proċessi ma twettaq bis-sħiħ u jinsab konvint li għad hemm potenzjal kbir biex ir-relazzjonijiet ekonomiċi jiżviluppaw aktar, b’mod partikolari fil-qasam regolatorju, bil-mira fit-tul tal-integrazzjoni fis-suq intern tal-UE;

    16.    Għalhekk, jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza mandati għall-ftuħ ta’ negozjati DCFTA mal-Eġittu, mal-Ġordan, mal-Marokk u mat-Tuneżija hekk kif jitlestew il-proċessi preparatorji meħtieġa; jemmen li l-eżerċizzji ta’ stħarriġ sussegwenti għandhom jisiltu mill-esperjenzi tal-fażijiet preparatorji mwettqa mal-imsieħba tal-Lvant, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza politika qawwija li jiġi evitat dewmien mhux meħtieġ għal dawk l-imsieħba li huma lesti li jibdew in-negozjati; iqis li huwa indispensabbli li l-forzi soċjali kollha, speċjalment l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins, għandhom ikunu involuti u kkonsultati mill-bidu rigward kwalunwke negozjati kummerċjali;

    17.    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għadu ma pubblikax dettalji dwar il-kriterji "aktar għal aktar" li jiddeterminaw, flimkien mal-eżerċizzju ta’ stħarriġ kummerċjali, jekk pajjiż huwiex lest għal DCFTA; għalhekk, jitlob lis-SEAE tistipula dawn il-kriterji sabiex il-proċess ikun trasparenti u biex il-pajjiżi msieħba jkunu jafu minn qabel fejn jeħtieġu li jsiru aġġustamenti; jinsisti li r-rispett għall-istituzzjonijiet demokratiċi u d-drittijiet fundamentali, inklużi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta’ assoċjazzjoni, u r-rispett għal-liġijiet internazzjonal dwar ix-xogħol, il-konvenzjonijiet tal-ILO u l-konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC), għandu jkollhom importanza ċentrali f’dan l-proċess u jqis li għandu jirrejaġixxi għal titjib jew għal deterjorazzjoni sinifikanti fil-pajjiżi msieħba waqt il-fażi preparatorja u tul in-negozjati nfushom; jinsisti li l-eżerċizzju tal-evalwazzjoni tal-qasam ta’ applikazzjoni għandu jqis livell xieraq ta’ ftuħ ekonomiku kif ukoll indiċi ta’ kif il-livelli kollha tas-soċjetà jibbenefikaw mill-kummerċ u mill-investiment barrani dirett (FDI);

    18.    Ifakkar li, fihom infushom, l-FTAs mhumiex mingħajr għan u li dawn għandhom iservu għall-benefiċċju ta’ kull pajjiż; isostni li l-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ għandhom ikunu appoġġjati minn klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem imsaħħa b’monitoraġġ b'implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet imtejba, kif ukoll minn kapitolu ambizzjuż ta' żvilupp sostenibbli bi rwol ċentrali għas-soċjetà ċivili, li jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji (CSR) li għandha ssaħħaħ is-sieda konġunta tal-proċess;

    19.    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi fuq l-ostakli għall-kummerċ ta' wara l-fruntiera u l-allinjament mal-acquis tal-UE, iżda jinnota li għad hemm skop għal aktar negozjati dwar tnaqqis ta' tariffi fil-każ ta’ ċerti pajjiżi; jenfasizza li, biex DCFTAs ikunu tassew ta’ valur għall-SMCs, l-UE trid tkun lesta li tagħmel sforzi addizzjonali f’oqsma sensittivi bħall-agrikoltura u s-servizzi tal-Modalità IV; jinnota f’dan il-kuntest, li l-UE fil-fatt għandha bilanċ kummerċjali pożittiv sinifikanti ma’ dawn il-pajjiżi fil-qasam tal-agrikoltura;

    20.    Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja u tippromwovi b’mod speċifiku lill-Kummerċ Ġust u lill-inizjattivi tal-biedja organika, b’mod partikolari biex tappoġġja lill-bdiewa ż-żgħar, lill-produtturi u lill-koperattivi, bħala mod biex jiġu integrati prattiki agrikoli sostenibbli u l-iżvilupp rurali, u biex fl-istess ħin tiġi żviluppata l-katina tal-provvista sabiex il-konsumaturi Ewropej jingħataw garanzija rigward il-kwalità u t-traċċabilità tal-prodotti, kif ukoll rigward il-kredenzjali soċjali u ambjentali tagħhom;

    21.    Jenfasizza l-importanza tal-agrikoltura, li timpjega aktar minn terz tal-popolazzjoni attiva fil-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar, u l-iżvilupp rurali fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni, minħabba li dawn jikkontribwixxu, speċjalment f’kundizzjonijiet ta’ volatilità akbar fis-swieq dinjija, għal żieda fis-sigurtà tal-ikel, ġenerazzjoni u tqassim tad-dħul aktar ekwi, il-ħolqien tal-impjiegi, u l-integrazzjoni tan-nisa u tal-bdiewa żgħar fl-ekonomija;

    22.    Jilqa' għalhekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġa l-iżvilupp rurali permezz tal-programm Faċilità Ewropea tal-Viċinat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, li għandu jintegra l-appoġġ għall-investiment u jiżviluppa kapaċitajiet amministrattivi billi jibni fuq l-aħjar prattika tal-UE fl-iżvilupp ta' żoni rurali, sabiex tiġi ffaċilitata l-modernizzazzjoni tal-produzzjoni agrikola skont l-istandards dwar il-kwalità u s-sigurtà tal-ikel tal-UE;

    23.    Jilqa' wkoll l-impenn tal-Kummissjoni, iddikjarat fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħha tal-25 ta' Mejju 2011 (COM(2011)303), għall-finanzjament ta' programmi pilota għall-iżvilupp agrikolu, rurali u reġjonali, bi spunt mill-esperjenza estensiva tal-UE f'dawn l-oqsma u bl-aħjar użu possibbli tal-kooperazzjoni mill-qrib mal-FAO, il-Bank Dinji u possibilment il-BEI;

    24.    Jistieden lill-UE tappoġġa l-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola b’saħħitha kif ukoll l-iżvilupp rurali fir-reġjun bħala parti mill-ġlieda kontra l-faqar, li hija problema persistenti fil-kampanja, u sabiex issaħħaħ il-proċess ta’ stabbilizzazzjoni; jisħaq, għal dan il-għan, dwar l-importanza ta’ titjib istituzzjonali u infrastrutturali (pereżempju s-sistemi ta’ irrigazzjoni, trattament, ħżin, ippakkjar, trasport, kummerċjalizzazzjoni u l-aċċess għas-servizzi), flimkien mat-titjib teknoloġiku, u l-importanza tal-edukazzjoni u tal-programmi ta’ taħriġ, speċjalment għan-nisa, kif ukoll ta’ sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' organizzazzjoni tal-produtturi u ta' dgħufija tas-soċjetà ċivili, li qegħdin ixekklu wkoll l-iżvilupp ta’ sistema agro-alimentari effiċjenti; jenfasizza r-rwol tas-servizzi ta’ estensjoni fl-iffaċilitar tat-tifrix tal-għarfien; jenfasizza li t-tħassib globali dwar it-tibdil ambjentali u klimatiku għandu jorjenta l-appoġġ lejn il-promozzjoni ta’ użi sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-enerġija, u metodi tal-produzzjoni kompatibbli; jenfasizza li, quddiem żieda fid-domanda globali għall-ikel, għandha tiġi mħeġġa d-diversifikazzjoni fil-produzzjoni biex tiżdied ir-reżiljenza matul varjazzjonijiet fis-suq u kriżijiet ambjentali;

    25.    jitlob barra minn hekk, sabiex ma jkunx hemm dumping soċjali u ambjentali bejn il-pajjiżi konċernati kif ukoll mal-UE, li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni jippermettu li jinfurzaw l-applikazzjoni ta' azzjonijiet innovattivi għall-promozzjoni tal-għarfien prattiku lokali, it-taħriġ għall-organizzazzjoni tal-produtturi kif ukoll għall-iżvilupp tas-swieq lokali u reġjonali fil-qafas tal-iskambji ta’ prattiki tajba bejn il-pajjiżi u mal-UE kif prattikati waqt il-proċeduri ta’ qabel l-adeżjoni u fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea;

    26.    Jiġbed l-attenzjoni għall-kontribut li integrazzjoni akbar bejn il-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u l-pajjiżi Sub-Saħarjani tista' toffri, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu passi fuq livell dinji biex jiġi evitat it-tip ta’ azzjoni unilaterali li tittieħed sikwit b’rispons għall-kriżijiet tal-ikel u l-fenomeni ta’ temp estrem;

    27.    Jenfasizza li l-FDI hu ta' importanza partikolari għall-iżvilupp ekonomiku tal-SMCs, minħabba li l-livelli ta’ investiment jew mhumiex suffiċjenti jew inkella huma ffokati żżejjed fuq l-industriji ta' tħaffir ta' materja prima; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-DCFTAs u l-isforzi għall-investiment fir-reġjun ikunu kkoordinati biex tkun promossa d-diversifikazzjoni ekonomika;

    28.     Jinnota, madankollu, in-nuqqas ta' suċċess miksub mill-isforzi preċedenti għan-negozjar ta' arranġamenti settorjali skont il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni toħloq inċentivi lill-SMCs biex jinnegozjaw dwar l-investiment, u ukoll dwar "kwistjonijiet ta’ Singapor" oħra bħas-servizzi fil-kuntest ta’ DCFTAs; iqis li l-Kummissjoni għandha tapplika implimentazzjoni asimmetrika, fejn xieraq, u tkun flessibbli fir-rigward ta' setturi sensittivi tal-pajjiżi kkonċernati;

    29.    Jenfasizza l-importanza li l-ftuħ kummerċjali jiġi sostnut b'appoġġ tekniku aktar sostanzjali għall-pajjiżi msieħba u għan-negozji tagħhom sabiex ikunu jistgħu jimmassimizzaw l-opportunitajiet ipprovduti; jirrikonoxxi li l-UE diġà toffri din it-tip ta' assistenza, iżda jqis li dawn il-programmi għandhom ikunu aktar immirati lejn l-SMEs, inkluż pereżempju permezz ta’ espansjoni fl-Għajnuna għall-Kummerċ;

    30.    Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel użu minn DCFTAs biex tallinja l-istandards fil-qasam regolatorju, speċjalment rigward standards u regolamenti tekniċi, miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS), regoli ta’ trasparenza għall-akkwist pubbliku, regoli għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, l-iffaċilitar kummerċjali/doganali u t-tneħħija ta’ ostakoli non-tariffarji (ONTs); jirrimarka li din il-kooperazzjoni mhijiex qed tiġi indirizzata b’mod sodisfaċjenti fil-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u li l-livell ta’ parteċipazzjoni tal-UE jeħtieġ jiġi intensifikat;

    31.    Jilqa' b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, ir-riżorsi addizzjonali li ġew allokati għall-kooperazzjoni teknika u jinsisti li dawn għandhom ikunu magħmula disponibbli malajr kemm jista' jkun lid-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (DĠ DEVCO) tal-Kummissjoni u deċentralizzati għal delegazzjonijiet tal-UE li jinsabu fuq il-post;

    32.    Jirrikonoxxi l-fatt li d-DCFTAs għandhom ikunu l-objettiv ewlieni iżda hu konxju li, sadanittant, il-Kummissjoni qed tfittex li twettaq negozjati settorjali skont il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni eżistenti, inklużi ftehimiet dwar l-evalwazzjoni tal-konformità u l-aċċettazzjoni ta’ prodotti industrijali (ACAAs), ftehimiet dwar l-agrikoltura u s-sajd, ftehimiet dwar is-servizzi u l-investiment, u ftehimiet dwar arranġamenti għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra wkoll li taġġorna l-ftehimiet settorjali eżistenti ma’ pajjiżi fejn l-offerti jistgħu jittejbu, u fejn DCFTA mhuwiex immedjatament possibbli; jitlob lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni aħjar meta u kif dawn il-proċessi għandhom finalment jingħaqdu mad-DCFTAs futuri, u tiżgura li t-telf tas-sħubija tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (GSP) fl-2014 ma jkollux effetti negattivi fuq l-aċċess tal-SMCs għas-suq Ewropew fi kwalunkwe linja ta’ prodotti;

    33.    Jitlob lill-Kummissjoni tħejji wkoll strateġija għal dawk l-imsieħba ta' "aktar għal aktar" li jew qatt ma sar ftehim magħhom qabel jew li mhumiex fil-mira diretta ta’ DCFTAs, speċjalment dawk, bħal-Libja u l-Libanu, li għad mhumiex membri tad-WTO; jenfasizza li, filwaqt li l-għoti ta’ assistenza teknika biex il-progress ta’ dawn il-pajjiżi fis-sħubija fid-WTO jkompli bis-serjetà, dan waħdu mhuwiex biżżejjed u għandu jkun ikkumplimentat, fejn xieraq, bi ftehimiet kompatibbli mad-WTO li għandhom jiksbu benefiċċji tul il-perijodu qasir;

    L-għoti tas-setgħa lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) bħala għodda għad-demokratizzazzjoni ekonomika

    34.    Huwa konvint li strateġija kummerċjali ta’ suċċess għar-reġjun għandha ssaħħaħ ir-rwol tal-SMEs, li jipprovdu daqs 30% tal-impjiegi f’ċerti pajjiżi; jirrikonoxxi l-importanza tal-mikro-intrapriżi, li jirrappreżentaw 98.1% tal-SMEs fl-Eġittu, 97.8% fil-Marokk u 89.1% fil-Ġordan, iżda 9.2% biss fit-Tuneżija;

    35.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-numru għoli ta’ SMEs mhux irreġistrati li joperaw fis-suq iswed u dwar il-fatt li l-persentaġġ ta’ impjiegi informali (eskluż fl-agrikoltura) f’ċerti SMCs jilħaq is-70%; jinsab konvint li, jekk ir-reġjun beħsiebu jipparteċipa fi tkabbir ekonomiku serju, l-istrateġija kummerċjali tal-UE għandha tagħti inċentivi lin-negozji mhux irreġistrati sabiex dawn jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-programmi għall-bini tal-kapaċità amministrattiva, jiġifieri fir-reġistrazzjoni tan-negozji, fix-xogħol u l-affarijiet soċjali, billi tagħti attenzjoni speċjali lill-bini tal-kapaċità fis-servizzi legali, li għandhom jiżguraw tħejjija aħjar għat-tmexxija tar-riformi meħtieġa;

    36.    Jiddispjaċih li l-SMEs u l-kooperattivi għandhom aċċess limitat ħafna għall-investiment u jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġi pprovdut aċċess xieraq għall-finanzjament permezz tal-forniment ta’ skemi ta’ mikro-kreditu u ta’ kontrogaranziji affidabbli, aċċessibbli u faċli biex tużahom mill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI); jemmen li dawn l-iskemi jippermettu lill-benefiċjarji li jġeddu u jirristrutturaw b’mod li jitħallew jisfruttaw il-potenzjal tas-Suq Intern tal-UE;

    37.    Jenfasizza l-importanza li tiġi promossa l-attività intraprenditorjali billi jiġu adottati l-miżuri meħtieġa sabiex jinħoloq ambjent li jibbenefikaha u sabiex tiġi involuta s-soċjetà fiha;

    38.    Jirrikonoxxi r-rwol tal-BEI fl-għoti ta’ għajnuna lill-SMEs fin-Nofsinhar tal-Mediterran permezz tal-Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija (FEMIP); jilqa’ d-deċiżjoni li jgħolli l-limitu għall-operazzjonijiet tiegħu fir-reġjun b’EUR 1 biljun, li għandu jwassal biex l-operazzjonijiet tal-BEI fir-reġjun jitilgħu għal EUR 6 biljun tul il-tliet snin li ġejjin; itenni li l-BEI għandu jiffoka l-proġetti ta’ investiment tiegħu b’mod speċifiku lejn l-SMEs u lejn l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ infrastruttura, speċjalment tal-enerġija minħabba l-potenzjal ta’ dan ir-reġjun u l-għajnuna li tista’ tipprovdilu l-UE għall-iżvilupp u l-użu tagħha; jinsisti li l-BEI jeħtieġ li jżid il-kapaċitajiet amministrattivi tiegħu sabiex jikkontrolla l-banek intermedjarji msieħba tiegħu fit-tqassim ta’ "Self Globali" skont il-kriterji tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-UE, sabiex l-operat tiegħu jkun responsabbli bis-sħiħ lejn il-pubbliku;

    39.    Jilqa’ l-parteċipazzjoni reċenti tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) fir-reġjun tal-Mediterran u l-fondi żejda mwiegħda mill-UE u minn diversi Stati Membri individwali tal-UE għall-attivitajiet tal-Bank; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew biex jirratifikaw malajr l-Emendi għall-Ftehim tal-BERŻ li għandhom jgħinu biex il-bank jopera b’mod sħiħ fir-reġjun tal-Mediterran; iqis li għandhom jiżdiedu l-fondi totali disponibbli għall-investiment tal-BERŻ fir-reġjun u li l-SMEs għandhom ikunu l-benefiċjarji ewlenin ta’ dawn l-investimenti; iħeġġeġ lill-SMCs juru l-impenn tagħhom billi japplikaw il-prinċipji ta’ demokrazija, pluraliżmu u tal-ekonomija tas-suq sabiex ikunu jistgħu jkollhom aċċess għall-investiment kif stipulat mill-Istatut tal-Bank;

    40.    Huwa konvint li ċ-ċaqlieq flessibbli ta’ negozjanti bejn il-fruntieri huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb taż-żona ta’ kummerċ; huwa tal-fehma li l-UE għandha tfittex li tikseb koerenza akbar fil-politiki tagħha dwar l-immigrazzjoni u l-kummerċ;

    41.    Jinnota li l-iffaċilitar tal-viżi għadha problema għal ħafna rappreżentanti tan-negozji mill-SMCs li jeħtieġu jivvjaġġaw lejn l-UE għal laqgħat, taħriġ u għal raġunijiet oħra ta’ negozju; f’dan il-kuntest, jilqa’ l-komunikazzjoni riċenti "Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran", li fiha l-Kummissjoni tipprevedi ftehimiet għall-iffaċilitar tal-viża għall-appoġġ tal-mobilità, inter alia, tan-negozjanti; iqis li l-proċeduri ta’ "integrità" u ta’ "affidabilità" għall-viża għandhom jiġu ffaċilitati u jitlob lill-Kummissjoni tinnegozja ftehimiet bħal dawn b’koordinament man-negozjati kummerċjali sabiex ikun żgurat li l-implimentazzjoni tagħhom ma tkunx burokratika żżejjed għall-SMEs;

    It-tisħiħ tal-Proċess ta’ Agadir

    42.    Jiddispjaċih li ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja ma ġietx stabbilita sal-2010 u jittama li l-imsieħba kollha jużaw il-momentum maħluq mir-Rebbiegħa Għarbija biex jibqgħu għaddejjin bir-riformi meħtieġa għall-ħolqien ta' żona ta' kummerċ ħieles li tiffunzjona u żviluppata għalkollox mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni għal produtturi tal-UE.

    43.    Jipproponi li l-impatt taċ-ċaqlieq lejn politika ta' kummerċ ħieles jiġi vvalutat b'mod regolari, sabiex tinżamm sorveljanza kontinwa tar-riperkussjonijiet tal-politika fuq il-pajjiżi tal-Mediterran fin-nofsinhar tal-Ewropa, bl-għan aħħari ikun dak tal-ħolqien ta' benefiċċji għall-pubbliku u għas-sistemi ekonomiċi u produttivi tal-pajjiżi differenti kkonċernati;

    44.    Jenfasizza li, filwaqt li għandhom jintlaqgħu strateġiji kummerċjali speċifiċi għal kull pajjiż, dawn il-ftehimiet m'għandhomx ikunu ta' ħsara għall-integrazzjoni reġjonali; jiddispjaċih li l-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar għadu limitat ħafna u jinnota, f'dan ir-rigward, li fl-2009, 6% biss tal-importazzjonijiet mill-SMCs kienu ġejjin minnSMCs oħra, meta mqabbel mal-40% mill-UE; iħeġġeġ lill-gvernijiet il-ġodda eletti demokratikament biex ikunu aktar miftuħa mill-predeċessuri tagħhom għall-kummerċ mal-pajjiżi ġirien;

    45.    Jirrikonoxxi lill-Grupp ta’ Agadir bħala l-uniku eżempju ta’ sforz kollettiv favur il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar u jħeġġeġ lill-firmatarji biex iwessgħu l-ambitu u s-sħubija tar-relazzjoni kummerċjali tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja lil dan il-grupp bħala pedament li fuqu għandha tinbena l-istrateġija kummerċjali tal-UE għall-ġejjieni;

    46.    Barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi ċerti flessibilitajiet fi ħdan id-DCFTAs, li eventwalment jippermettu l-integrazzjoni ta' ftehimiet individwali fil-Ftehim ta’ Agadir għat-tiswir ta' Żona Ewro-Mediterranja ta’ Kummerċ Ħieles unika;

    47.    Jinnota b’sodisfazzjon it-tqassim imminenti tal-Mekkaniżmu tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u l-Investiment li se jservi bħala database li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi jiksbu informazzjoni aġġornata dwar il-kondizzjonijiet ta' kummerċ u investiment fir-reġjun; jinsisti li dan il-mekkaniżmu għandu jiġi promoss b’mod attiv fost in-negozji mill-SMC u biex dan jinbidel f'faċilitatur funzjonali għall-kummerċ intrareġjonali, u mhux iservi biss ta' għodda ta’ informazzjoni;

    48.    Jilqa’ l-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji li għandha tinkludi r-rispett sħiħ għall-arranġament tekniku bejn l-UE u l-Iżrael dwar il-prodotti mill-kolonji; jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi regoli tal-oriġini ġodda skont il-Konvenzjoni pan-Ewro-Mediterranja b’pass aktar mgħaġġel sa mhux aktar tard minn tmiem l-2013, meta l-SMCs jitilfu l-preferenzi tal-GSP u r-regoli favorevoli ta’ oriġini skont dik l-iskema;

    L-iffaċilitar tal-għarfien u ta’ kuntatti diretti

    49.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jwettqu rwol aktar ambizzjuż fl-istrateġija tal-UE għall-Viċinat tan-Nofsinhar billi jipprovdu programmi ewlenin ta’ boroż ta’ studju għal studenti minn SMCs taż-żewġ sessi u mill-isfondi soċjoekonomiċi u etniċi kollha, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ekonomija, tan-negozju, tal-IT, tal-komunikazzjoni, u tal-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi-President/Rappreżentant Għoli biex jipproponu minnufih il-ħolqien ta’ programmi Euromed Erasmus u Da Vinci; josserva li atturi oħra fir-reġjun, bħall-pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), kienu effikaċi aktar fl-għoti ta' appoġġ lill-SMCs; jemmen li dawn l-iskambji jistgħu joħolqu rabtiet dejjiema ma’ msieħba kummerċjali futuri fl-SMCs;

    50.    Ifakkar fir-rwol li għandhom l-artisti, l-atturi kulturali u l-bloggers biex jippermettu lil uħud mis-soċjetajiet ċivili Għarab li jilliberaw ruħhom mid-dittatorjat u jiftħu t-triq għad-demokrazija; jistieden lill-UE biex fil-politika tagħha tal-kummerċ tintegra l-kooperazzjoni kulturali, inkluż l-inizjattivi konġunti fil-qasam tal-arti, tal-edukazzjoni, tal-midja, tal-Internet u setturi kruċjali oħra sabiex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

    51.    Jitlob għall-ħolqien b’mod imminenti ta’ Kmamar tal-Kummerċ tal-UE ma’ pajjiżi msieħba sabiex iservu ta’ mogħdijiet għall-promozzjoni ta’ attivitajiet kummerċjali konġunti u ta’ skambji reċiproċi bejn sħab ekonomiċi, inkluż seminars u fieri tan-negozju; jiddispjaċih li ma hemm l-ebda Kmamar tal-Kummerċ bilaterali tal-UE fir-reġjun, bl-eċċezzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ UE-Iżrael;

    L-immassimizzar tal-impatt ta’ azzjoni tal-UE

    52.    Isostni bil-qawwi li l-inizjattivi kummerċjali tal-Kummissjoni jeħtieġu jingħataw appoġġ minn preżenza aktar qawwija ta’ uffiċjali tal-kummerċ tal-UE fuq il-post; jiddeplora l-fatt li d-Delegazzjoni tal-UE għandha uffiċjal tal-kummerċ wieħed biss fit-Tuneżija u li ma għandha l-ebda preżenza fil-Ġordan, minkejja l-fatt li wettqet eżerċizzji ta’ stħarriġ dwar DCFTAs ma’ dawn il-pajjiżi;

    53.    Jemmen, barra minn hekk, li huwa essenzjali li l-UE tikkoordina bis-sħiħ l-attivitajiet ta’ appoġġ tagħha fl-oqsma tal-kummerċ, tal-investiment u tal-finanzjament fir-reġjun sabiex jinkiseb l-aqwa impatt pożittiv; jinsab imħasseb għall-fatt li n-numru sinifikanti ta’ atturi, internament fi ħdan l-UE u fil-pajjiżi msieħba nfushom, u atturi esterni oħrajn, jistgħu jwasslu biex jinħlew jew jiġu dduplikati sforzi kruċjali minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni;

    54.    Jenfasizza li tenħtieġ koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istrumenti ta' finanzjament tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), bħall-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat, u l-istituzzjonijiet finanzjarji reġjonali, internazzjonali u tal-UE varji fir-reġjun, inklużi l-BEI, l-BERŻ u l-Bank Dinji, sabiex tkun iggarantita l-ogħla effikaċja u koerenza massima; jitlob lill-Kummissjoni biex tmexxi l-koordinazzjoni ta’ dawn l-isforzi;

    55.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BEI, lill-BERŻ, lill-Kapijiet ta’ Stat, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u l-SMCs, u lill-Unjoni għall-Mediterran.

    • [1]           ĠU C 272E, 9.11.2006, p.570.
    • [2]           Testi adottati, P7_TA(2009)0178.
    • [3]           ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.
    • [4]           ĠU L 147, 21.6.2000, p. 3.
    • [5]           ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2.
    • [6]           ĠU L 129, 15.5.2002, p. 3.
    • [7]           ĠU L 304, 30.9.2004, p. 39.
    • [8]           ĠU L 143, 30.5.2006, p. 2.
    • [9]           ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2.
    • [10]          ĠU L 187, 16.7.1997, p. 3.
    • [11]          ĠU L 35, 13.2.1996, p. 1.
    • [12]          C(2007)672.
    • [13]          C(2011)5381.
    • [14]          Test adottat minn dik id-data P7_TA(2011)0141.
    • [15]          Test adottat minn dik id-data P7_TA(2011)0154.
    • [16]          Test adottat minn dik id-data P7_TA(2011)0576.

    NOTA SPJEGATTIVA

    PREMESSI

    1. Kummerċ u Investiment: kompetenza u opportunità esklussiva

    Ir-Rebbiegħa Għarbija hija l-akbar trasformazzjoni politika fil-Viċinat Ewropew sa mill-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin u offriet lill-UE l-opportunita biex tallinja l-politika barranija u l-interessi kummerċjali tagħha mal-valuri ewlenin tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u s-soċjetà ħielsa. Fortunatament, f’bosta pajjiżi qed tintemm il-ħtieġa ta’ negozjati ma’ dittaturi u oligarki. Sfortunatament, kemm-il darba ġara li l-UE u l-Istati Membri tagħha ma sfruttawx din l-opportunità u r-reazzjoni politika tagħhom kienet inkonsistenti, kajmana u xi drabi saħansitra marret kontra l-aspirazzjonijiet demokratiċi tan-nies.

    Kif urew il-konflitti interni dwar il-Libja, id-dgħjufija ewlenija fir-reazzjoni tal-UE kienet evidenti fil-proċess intergovernattiv għat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-UE dwar il-politika barranija. Madankollu, ir-rapporteur jixtieq jenfasizza bis-sħiħ li l-UE għandha kompetenza esklussiva fuq il-politika tal-kummerċ u tal-investiment u li tali kompetenza hija kruċjali ladarba tippreżenta lill-UE bl-opportunità li tirreaġixxi b’mod effikaċi għat-tibdil u tikkontribwixxi għall-progress ekonomiku fil-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran (SMCs). Il-kummerċ minn dejjem kien bażi ewlenija fil-Politika tal-Viċinat u r-rapporteur jilqa’ l-fatt li dan kien enfasizzat fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar "Risposti Ġodda għal Viċinat fi Trasformazzjoni u “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża man-Nofsinhar tal-Mediterran".

    2. Aktar għal Aktar

    Ir-Rapporteur jilqa’ l-kunċett ta’ “aktar għal aktar” li ġie introdott mill-Kummissjoni u jemmen li l-kisbiet dwar ir-riformi demokratiċi u l-libertajiet individwali għandhom jiġu riflessi permezz ta’ proċess ta’ “liberalizzazzjoni” simili fix-xenarju ekonomiku u kummerċjali, sabiex jitneħħew darba għal dejjem l-oligarkiji tradizzjonalment dominanti.

    L-UE hija l-akbar suq tal-konsumaturi fid-dinja u l-aċċess għalih għandu jingħata biss jekk:

    · il-gvernijiet imsieħba jkunu serji fit-tentattivi tagħhom li jipparteċipaw fil-ftuħ bilaterali tas-swieq,

    · il-benefiċċji tar-riformi ekonomiċi jitgawdew mill-popolazzjoni kollha tal-pajjiż sieħeb u mhux biss mill-ftit, u

    · il-pajjiżi msieħba jwettqu u jissodisfaw b'mod xieraq l-impenji politiċi, soċjali u ambjentali.

    3. Aktar għas-Soċjetà Ċivili

    Fil-laqgħat mas-soċjetà ċivili mill-SMCs, ir-Rapporteur kien impressjonat bil-perċezzjoni tagħhom li l-UE mhijiex attiva biżżejjed fl-appoġġ tal-proċess ta’ riforma. Minħabba li l-konsegwenzi tar-Rebbiegħa Għarbja mhumiex sorveljati minn qafas istituzzjonali internazzjonali strutturat (bħal pereżempju l-Kunsill tal-Ewropa jew l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) għall-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant), l-UE għandha responsabbiltà u opportunità akbar biex tmexxi t-tranżizzjoni tar-reġjun lejn id-demokrazija u l-integrazzjoni ekonomika, b'aktar faċilità, bl-appoġġ ta' suq ġust u ħieles, aktar u aktar minħabba li ċ-Ċina u l-Istati Uniti għandhom preżenza ekonomika relattivament baxxa fir-reġjun.

    PROPOSTI

    1. L-Investiment tal-BEI u tal-BERŻ

    Ir-Rapporteur jirrikonoxxi r-rwol tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI), bl-għajnuna tal-Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija (FEMIP), għall-għajnuna tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Madankollu, ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-BEI għandu jkollu mandat usa’ biex jipprovdi investimenti ulterjuri mmirati b’mod partikolari għall-SMEs. Dawn in-negozji għandu jkollhom l-investiment meħtieġ biex iġeddu u jirristrutturaw, b’tali mod li jkunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tas-Suq Intern tal-UE. L-UE, permezz tal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha, għandha tkun aktar attiva fl-għoti ta’ mikro-krediti fir-reġjun u għandha teżamina alternattivi ta' politika, bħal pereżempju l-għoti ta’ kontrogaranziji. L-estensjoni reċenti tal-mandat tal-BERŻ ukoll intlaqgħet tajjeb ħafna mir-Rapporteur u jittama li l-esperjenza tal-Bank fl-Ewropa tal-Lvant se jkollha riżultati tajbin fil-Viċinat tan-Nofsinhar. Madankollu, għandhom isiru żewġ kunsiderazzjonijiet importanti; għandu jkun hemm koordinament eqreb fost l-istituzzjonijiet finanzjarji differenti li jinvestu fir-reġjun (inklużi istituzzjonijiet globali bħal pereżempju l-Bank Dinji), u kwalunkwe strateġija ta’ investiment għar-reġjun għandu jkollha l-SMEs fil-qalba tagħha.

    2. Il-Kisba ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja

    Iż-Żona Ewro-Mediterranja ta’ Kummerċ Ħieles probabbilment hija l-aktar proġett ekonomiku ambizzjuż li oriġina mid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona, madankollu baqa' ma twettaqx sal-iskadenza stipulata, fl-2010.

    Ir-Rapporteur jemmen li għandu jsir sforz ikbar ma’ dawk il-pajjiżi li huma lesti li jwettqu riformi serji u jilqa’ l-adozzjoni mill-Kunsill ta' abbozzi ta' direttivi ta' negozjar għal ftehimiet ta' kummerċ ħieles (DCFTAs) profondi u komprensivi mat-Tuneżija, l-Eġittu, il-Marokk u l-Ġordan. Dawn il-ftehimiet għandhom ikunu intiżi għal allinjament sostanzjali mal-acquis tal-UE bit-tneħħija totali tal-bqija tal-ostakoli tariffarji fir-rigward ta' beni u prodotti agrikoli, billi jiġu indirizzati l-ostakoli non-tariffarji (ONTs) u billi jitwessa’ l-ambitu tal-ftehimiet Kummerċjali biex jiġu inklużi oqsma addizzjonali bħal pereżempju l-investiment, l-akkwist pubbliku u s-servizzi. Dan l-isforz għandu jiġi sostnut b’dispożizzjonijiet ta’ appoġġ tekniku aktar effikaċi lill-pajjiżi msieħba sabiex dawn ikunu jistgħu jimmassimizzaw l-opportunitajiet ipprovduti mid-DCFTAs. F’dan ir-rigward, għandu jkun previst aktar appoġġ lill-"Għajnuna għall-Kummerċ".

    Fil-kuntest ta’ dawn in-negozjati, għandhom jiġu trattati diversi kwistjonijiet:

    · L-UE għandha tkun lesta toffri konċessjonijiet f’oqsma sensittivi, bħal pereżempju l-agrikoltura u s-servizzi tal-Modalità IV, sabiex dawn il-ftehimiet ikunu ta’ benefiċċju reali għall-SMCs. Ta’ min wieħed jinnota li l-UE fil-fatt għandha bilanċ Kummerċjali pożittiv sinifikanti fil-qasam tal-agrikoltura ma’ dawn il-pajjiżi.

    · Il-Kummissjoni għandha tqis alternattivi biex tinċentiva lill-imsieħba tagħha sabiex dawn jinnegozjaw dwar l-hekk imsejħa “kwistjonijiet ta’ Singapor” bħal pereżempju s-servizzi u l-investiment. L-investiment huwa partikolarment importanti billi l-livelli tal-investiment barrani dirett (IBD) fl-SMCs mhumiex biżżejjed u huma fattur sinifikanti li jillimita l-iżvilupp ekonomiku tagħhom. Madankollu, sforzi preċedenti biex jiġu nnegozjati arranġamenti settorjali skont il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni ma rnexxewx u għodod bħall-implimentazzjoni asimmetrika għandhom jintużaw kif xieraq.

    · Il-politika tal-Kummerċ m’għandhiex titqies b'mod individwali u hi kruċjali għal-leġittimità ta’ dawn il-ftehimiet li jkun hemm klawżoli aktar b’saħħithom dwar id-drittijiet tal-bniedem u ukoll kapitolu ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji (CSR). Għalhekk, ir-Rapporteur huwa sorpriż li ma ġewx stabbiliti minn qabel il-kriterji tal-kundizzjonalità politika biex pajjiż jniedi n-negozjati għad-DCFTA. Huwa tal-fehma li, bħala parti minn dan l-eżerċizzju, għandha tkun stipulata valutazzjoni, għal kull pajjiż, dwar kif il-benefiċċji kummerċjali huma mistennija jgħaddu għand il-popolazzjoni.

    Filwaqt li tirrikonoxxi li d-DCFTAs bħala objettiv għat-tul, il-Kummissjoni qed tkompli b’negozjati settorjali skont il-Ftehimiet ta’ Asoċjazzjoni, inklużi ftehimiet dwar il-valutazzjoni tal-konformità u l-aċċettazzjoni ta’ prodotti industrijali (ACAAs), dwar l-agrikoltura u s-sajd, dwar arranġamenti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim u oħrajn dwar is-servizzi u l-investiment. Dawn in-negozjati joffru prospett ta’ benefiċċji f’perjodu qasir ta' żmien għal dawn il-pajjiżi, għalkemm għandha tingħata kunsiderazzjoni akbar għal meta u kif dawn il-proċċssi se jkunu integrati mad-DCFTAs futuri. Hemm riskju li l-irduppjar ta' negozjati jistgħu jġebbdu l-kapaċità ristretta tal-imsieħba ta' negozjar tagħhna, peress li wħud minnhom m’għandhomx gvern li jiffunzjona bis-sħiħ u li diġà huma mgħobbijin wisq bi kwistjonijiet domestiċi.

    Għandhom jiġu eżaminati wkoll miżuri għal dawk il-pajjiżi li mhumiex fil-mira immedjata tad-DCFTAs, bħal pereżempju l-Libja u l-Libanu, u li għadhom mhumiex membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). L-għajnuna teknika għandha tkompli tgħin il-progress tagħhom lejn is-sħubija mad-WTO. Madankollu, is-sempliċi offerta ta' appoġġ permezz tal-applikazzjonijiet tad-WTO mhijiex biżżejjed u bilkemm tista' titqies bħala "Kummerċ għall-Bidla". F’dan is-sens, għandhom jitqiesu negozjati għal ftehimiet settorjali kompatibbli tad-WTO li jiġġeneraw benefiċċji f’perjodu ta’ żmien qasir . L-eżempji tad-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-Lebanon u l-Alġerija, il-ftehim interim mat-Territorji Palestinjani, in-negozjati sospiżi mal-Libja u l-ftehim mhux ratifikat mas-Sirja juru li negozjati bilaterali jistgħu jitkomplew anke mingħajr sħubija mad-WTO.

    Fl-aħħar nett, ir-rapporteur jixtieq li jinħolqu regoli tal-oriġini ġodda skont il-konvenzjoni Pan-Ewro-Mediterranja sa mhux aktar tard mill-2013, għax inkella l-SMCs se jitilfu l-preferenzi tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP) u r-regoli tal-oriġini favorevoli skont dik l-iskema.

    3. L-għoti tas-setgħa lill-SMEs bħala għodda għad-demokratizzazzjoni ekonomika

    L-SMEs jimpjegaw kważi 25% tal-forza tax-xogħol fir-reġjun. Madankollu, jeħtieġ jkun hemm ħidma akbar fir-rigward tan-numru għoli ta’ SMEs mhux irreġistrati li joperaw fis-“suq iswed”. Ċerti studji juru li l-persentaġġ ta’ impjieg informali (minbarra l-agrikoltura) f’ċerti SMCs jilħaq is-70%. Dan joriġina min-nuqqas ta’ fiduċja profonda fl-amministrazzjonijiet uffiċjali f’diversi pajjiżi, iżda, jekk ir-reġjun iwettaq tkabbir ekonomiku serju, l-istrateġija kummerċjali tal-UE għandha tinċentiva wkoll lin-negozji mhux irreġistrati biex dan jillegalizzaw l-istatus tagħhom.

    Biex iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles tiffunzjona sewwa, huwa essenzjali li jkun hemm moviment flessibbli ta’ negozjanti u r-rapporteur huwa tal-fehma li l-UE għandha tistinka għal koerenza akbar fil-politiki tagħha dwar l-immigrazzjoni u l-Kummerċ. L-iffaċilitar tal-viża tibqa’ problema għal bosta rappreżentanti Kummerċjali minn SMCs li jkollhom bżonn jivvjaġġaw lejn l-UE għal laqgħat, taħriġ u għal raġunijiet ta’ negozju oħra. Fil-komunikazzjoni reċenti tagħha dwar "Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran", il-Kummissjoni tipprevedi ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viża biex tagħti appoġġ lill-mobilità, inter alia, tan-negozjanti. Huwa importanti li dawn il-ftehimiet jiġu nnegozjati b’mod koordinat man-negozjati dwar il-kummerċ u li l-implimentazzjoni tagħhom ma tkunx burokratika żżejjed għall-SMEs.

    Huwa importanti wkoll li jiġu indirizzati l-problemi persistenti kaġun tan-nepotiżmu u l-korruzzjoni. Pereżempju, l-akkwist pubbliku għandu jiġi indirizzat b’tali mod li t-trasparenza u l-aċċess reċiproku għas-suq ikunu żgurati abbażi ta’ trattament nazzjonali. Dan għandu jgħin biex ikun hemm fiduċja akbar, aċċess aktar faċli għall-SMEs għas-swieq tal-akkwist pubbliku u anki biex jitħeġġeġ l-investiment.

    4. It-tisħiħ tal-Proċess ta’ Agadir

    M'għandhiex tintesa l-importanza tal-integrazzjoni reġjonali partikolarment peress li l-Kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar huwa ristrett ħafna. Fl-2009, sena qabel ma seħħet it-tnedija taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja, aktar minn 50% tal-esportazzjoni tar-reġjun marret lejn l-UE, filwaqt li 40% tal-importazzjonijiet oriġinaw mill-UE. B’paragun, dik l-istess sena, 6% tal-importazzjonijiet biss oriġinaw minn SMCs oħra. It-tneħħija tad-dittatorjati mill-parti l-kbira tar-reġjun għandha toħloq l-aħjar ambjent biex tingħata spinta ġdida lill-integrazzjoni tan-Nofsinhar-Nofsinhar.

    Il-Grupp ta’ Agadir jibqa’ l-uniku eżempju ta’ sforz kollettiv għall-Kummerċ tan-Nofsinhar- Nofsinhar, jekk ma jitqisux it-Turkija u l-Iżrael. Filwaqt li l-Ftehim ta’ Agadir hu pass importanti, dan jibqa’ ristrett ħafna kemm fis-sħubija fih, kif ukoll fl-ambitu tiegħu. Madankollu, dan jibqa’ pedament li fuqu tista’ tinbena l-istrateġija futura tal-Kummerċ tal-UE lejn ir-reġjun.

    Ir-rapporteur jinsab ħerqan li għat-tnedija tal-Mekkaniżmu tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u l-Investiment ippreżentat fil-Pjan Direzzjonali tal-Kummerċ Ewro-Mediterranja sal-2010 u Lil hinn. Madankollu, hu jixtieq li dan il-mekkaniżmu jiffaċilita n-negozju intrareġjonali u li ma jservix biss bħala punt ta’ informazzjoni.

    5. L-iffaċilitar tal-għarfien u ta’ kuntatti diretti

    L-UE għandha tipprovdi inċentivi biex l-Istati Membri tal-UE jkollhom rwol ħafna aktar ambizzjuż fil-forniment ta' programm ewlieni ta’ boroż ta’ studju għall-istudenti mill-SMCs, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ekonomija, negozju u Kummerċ. Atturi oħra, bħal pereżempju l-pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) qed ikunu ħafna aktar effikaċi fl-għoti ta’ dan it-tip ta’ appoġġ lir-reġjun, li huwa kruċjali għall-ħolqien ta' rabtiet dejjiema mal-imsieħba futuri fin-negozjati fl-SMC. L-UE għandha timpenja ruħha minnufih, biex toffri aktar boroż ta’ studju immirati għan-negozjanti tal-SMEs u għall-mexxejja futuri mir-reġjuni.

    Għandhom jiġu stabbiliti wkoll Kmamar tal-Kummerċ tal-UE mal-pajjiżi msieħba għall-promozzjoni ta' attivitajiet kummerċjali konġunti u għal skambji reċiproċi bejn l-imsieħba ekonomiċi. Bl-eċċezzjoni sinifikanti tal-Kamra tal-Kummerċ tal-UE-Iżrael, m’hemm l-ebda Kamra tal-Kummerċ bilaterali oħra fir-reġjun.

    Ir-rapporteur jixtieq li jsir ukoll sforz ikbar sabiex jintlaħaq ftehim dwar l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti ta’ skambju bejn il-komunitajiet tan-negozju Ewropej u dawk mill-SMCs.

    6) L-immassimizzar tal-impatt ta’ azzjoni tal-UE

    Dawn il-miżuri jinvolvu wkoll iż-żieda tal-preżenza tal-uffiċjali tal-kummerċ rilevanti tal-UE fuq il-post. Mhuwiex konċepibbli li d-Delegazzjoni tal-UE jkollhom uffiċjal responsabbli wieħed biss li jittratta l-kummerċ fit-Tuneżija, filwaqt li fil-Ġordan id-DĠ tal-Kummerċ ma għandu l-ebda rappreżentanza. Dan minkejja l-fatt li l-Kunsill approva direttivi ta' negozjar għad-DCFTAs maż-żewġ pajjiżi.

    Barra minn hekk, huwa importanti li l-UE tikkoordina bis-sħiħ il-kummerċ, l-investiment u l-finanzjament tal-attivitajiet ta’ appoġġ tagħha fir-reġjun biex ikun hemm l-ogħla impatt pożittiv. Minħabba l-ammont sinifikanti ta’ atturi interni fi ħdan l-UE, pereżempju d-Direttorati Ġenerali differenti tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-BEI, l-atturi esterni bħal pereżempju l-pajjiżi msieħba nfushom, il-BERŻ, il-Bank Dinji, l-FMI, il-Bank Iżlamiku għall-Iżvilupp, il-Bank Afrikan għall-Iżvilupp u anki l-G8, huwa ferm importanti li jkun hemm sinerġija fl-azzjoni biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet.

    DGĦJUFIJIET STRUTTURALI U LI QED JAFFETTWAW IS-SISTEMA

    Ir-Rebbiegħa Għarbija kixfet id-dgħjufijiet strutturali u sistemiċi kummerċjali tar-reġjun. Kull strateġija kummerċjali ġdida għall-Mediterran għandha tindirizza dawn in-nuqqasijiet jekk tixtieq li twettaq l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini.

    Il-profil tal-esportazzjoni ta’ bosta SMCs huwa kkaratterizzat minn esportazzjonijiet ta’ enerġija kbar minn pajjiżi b’ħafna riżorsi u minn attivitajiet ta’ manifattura simili fl-SMCs, li jinnewtralizza l-vantaġġi komparattivi tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jagħmel il-kummerċ mal-pajjiżi ġirien inqas attraenti. Madankollu, jeżistu diverġenzi fil-profil ekonomiku tagħhom. Mhux kollha, pereżempju, għandhom l-istess riżervi ta’ żejt u ta’ enerġija, filwaqt li pajjiżi bħall-Eġittu jimportaw il-biċċa l-kbira tar-riżorsi tagħhom, inkluż l-ikel. Dan jagħmilhom partikolarment suxxettibbli għal fluttwazzjonijiet fis-swieq tal-prodotti.

    Hemm ukoll differenzi fil-livelli ta’ progress fir-relazzjonijiet kummerċjali mal-UE. Hemm differenzi ukoll fil-mod u fl-effikaċja li bihom l-SMCs implimentaw il-ftehimiet eżistenti tagħhom dwar il-kummerċ ħieles (FTAs) u kif dawn onoraw l-iskadenzi għat-tneħħija tat-tariffi tagħhom. L-istrateġija Ewro-Mediterranja l-ġdida għandha tappoġġja b'mod serju d-diversifikazzjoni tal-kummerċ fir-reġjun, filwaqt li tara kif tista’ tnaqqas r-riskju ta' volatilità tas-suq permezz ta’ investimenti strutturali fil-ħżin u r-riżervi.

    Jeħtieġ ukoll li l-qgħad strutturali fit-tul fil-maġġoranza tal-SMCs ikun indirizzat. Ir-rati tal-qgħad fl-Afrika ta’ Fuq fost iż-żgħażagħ ta’ età ta’ bejn il-15-il sena u l-24 sena huma bejn il-25 u t-30%. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol ukoll għadha baxxa ħafna, filwaqt li l-qgħad fost persuni gradwati mill-università għadha pjaga serja. Iċ-ċifri tat-Tuneżija, pereżempju, jindikaw rata ta’ qgħad ta’ 45% fost iż-żgħżagħ iggradwati mill-università. L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) tikkalkula li r-reġjun irid jiġġenera madwar 25 miljun impjieg ġdid matul l-għaxar snin li ġejjin biex jinżamm il-livell attwali tal-impjiegi; Din hi sfida inkwetanti.

    KONKLUŻJONI

    Ir-Rebbiegħa Għarbija hija opportunità unika biex ikun hemm impenn serju u biex l-UE turi kapaċità ta’ tmexxija politika. Ma titlobx li bidla radikali iżda tirrikjedi sforz akbar fil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u fil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ investiment. Din l-istrateġija għandha titwettaq b'kooperazzjoni sħiħa mal-oqsma ta' politika oħrajn għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta’ taħriġ għan-negozjanti, għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE u għall-iffaċilitar tal-aċċess għall-viża.

    OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (17.2.2012)

    għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

    dwar il-Kummerċ għall-Bidla: L-Istrateġija Kummerċjali u ta’ Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija
    (2011/2113(INI))

    Rapporteur: Godelieve Quisthoudt-Rowohl

    SUĠĠERIMENTI

    Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

    A. billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li "l-Unjoni għandha tiżviluppa relazzjoni privileġġjata mal-pajjiżi ġirien tagħha, bil-ħsieb li tistabbilixxi żona ta' prosperità u ta' relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien, ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni u karatterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi li jserrħu fuq il-koperazzjoni";

    B.  billi huwa fl-ogħla interess tal-Unjoni Ewropew li timmira fl-għoli fir-rigward tal-kooperazzjoni ekonomika u tadotta strateġija li hija ta' benefiċċju reċiproku, responsabbli u flessibbli, ibbażata fuq l-appoġġ għal trażizzjoni demokratika u l-protezzjoni tad-dritttijiet tal-bniedem;

    C. wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha adottati mill-Parlament fil-kuntest tar-Rebbiegħa Għarbija, dwar il-libertajiet tar-reliġjon, it-twemmin u l-kuxjenza bħala valuri fundamentali u universali li huma essenzjali għall-iżvilupp demokratiku u ekonomiku;

    D. billi biex jiġu promossi l-kundizzjonijiet ta' tkabbir u ta' żvilupp mill-apett ekonomiku, soċjali, kummerċjali u ta' infrastruttura fin-Nofsinhar tal-Mediterran, huwa neċessarju li jiġi promoss proċess ta' integrazzjoni reġjonali tajjeb;

    1.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi espressi mill-popli ta' diversi pajjiżi fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran tal-UE; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet ta' tranżizzjoni jiżguraw tranżizzjoni paċifika lejn demokrazija ġenwina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jirrispettaw id-dritt tal-poplu tagħhom li jipprotesta b'mod paċifiku, u jżommu lura minn kwalunkwe repressjoni vjolenti;

    2.  Ifakkar fl-importanza tat-tollerenza l-iżvilupp ekonomiku, li huma essenzjali għall-istabbilità politika u soċjali fit-tul u għat-titjib fl-istandards tal-għajxien fil-pajjiżi kkonċernati, u jitlob il-pajjiżi li jinsabu fi tranżizzjoni politika jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tar-reliġjon, tal-kuxjenza u tal-ħsieb għaċ-ċittadini kollha, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, inklużi l-membri tal-komunitajiet tal-Insara Kopti; jenfasizza li l-aċċess ħieles għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni kif ukoll l-aċċess mingħajr ċensura għall-internet (il-libertà tal-internet) huma drittijiet universali li huma essenzjali għall-iżgurar tat-trasparenza u r-responsabilizzazzjoni fil-ħajja pubblika;

    3.  Jilqa' l-approċċ adattat speċifikament għall-pajjiżi sħab adottat fil-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u l-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) bit-titolu "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni"; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni, fi żmien meta l-Kummissjoni għadha kemm fetħet in-negozjati intiżi sabiex jiġu stabbiliti żoni ta' kummerċ ħieles profondi u kompresivi (DCFTAs) mal-Eġittu, il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija, jipprovdu, malajr kemm jista' jkun, aktar dettalji dwar kif se jiġu applikati fil-prattika l-prinċipji bħar-responsabbiltà reċiproka u l-kundizzjonalità ("more for more"), u jitlob lill-Parlament ikun involut bis-sħiħ fl-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjonalità stabbilita; jinsisti li l-politika kummerċjali u ta' investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran tkun akkompanjata bl-implimentazzjoni effettiva tal-klawżoli relatati mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

    4.  Jilqa', f'dan il-kuntest, it-tnedija tat-Task Force UE-Tuneżija, l-ewwel task force stabbilita ma' pajjiż tan-Nofsinhar tal-Mediterran bil-ħsieb li tiġi żgurata l-koordinazzjoni aħjar tal-appoġġ tal-UE u l-appoġġ internazzjonali għat-tranżizzjoni tal-pajjiż; jilqa' l-fatt li l-Parlament kien involut fl-ewwel laqgħa; jitlob lill-VP/RGħ u l-Kummissjoni jkomplu jinvolvu l-Parlament f'din l-inizjattiva u f'oħrajn fil-futur; jilqa' l-ħolqien fi ħdan il-Parlament ta' grupp ta' sorveljanza għan-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex tiġi sorveljata l-azzjoni tal-UE għall-kriżijiet fil-pajjiżi tal-Mediterran;

    5.  Jitlob il-konklużjoni ta' ftehimiet ambizzjużi, ibbilanċjati u ta' benefiċċju reċiproku fuq il-prodotti u s-servizzi, wara t-twettiq ta' studji ta' impatt xierqa;

    6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta strateġija li ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala investitur u tieħu kont tal-programmi ta' investment diġà stabbiliti fir-reġjun billi tiżviluppa linji gwida speċifiċi għal investiment responsabbli, sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u d-differenzi territorjali u sabiex tiġi promossa d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji lokali; enfasizza li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha għandha tkun prijorità essenzjali għall-UE fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji mas-sħab tan-Nofsinhar tagħha, kif għandha tkun il-promozzjoni ta' ambjent li jwassal għal investiment li jagħti importanza lis-sigurtà u l-istabbilità legali, u jenfasizza l-importanza u n-neċessità li jiġu stabbiliti aktar sinerġiji ma' stabbilimenti finanzjarji nazzjonali u internazzjonali oħra; jilqa' x-xogħol imwettaq mill-Bank Ewropew għall-Investiment (b'mod partikolari permezz tal-Faċilità Ewro-Mediterranja ta' Investiment u Sħubija), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), il-programmi mmexxija mill-aġenziji nazzjonali fl-Istati Membri u s-Sħubija Deauville;

    7.  Jenfasizza r-rwol importanti li għandhom il-pajjiżi fil-viċinat tan-Nofsinhar fil-provvista tal-enerġija lil diversi Stati Membri u jenfasizza l-potenzjal kbir għal kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija; jinnota l-ħtieġa li jiġu promossi l-interkonnessjonijiet Ewro-Mediterranji fis-setturi tal-gass u tal-elettriku;

    8.  Jilqa' l-elezzjonijiet regolari u trasparenti riċenti fit-Tuneżija, li – flimkien tar-riformi ekonomiċi, legali u soċjali – jikkostitwixxu eżempju tajjeb għall-pajjiżi l-oħra fir-reġjun; jenfasizza l-importanza ta' elezzjonijiet ħielsa u regolari fl-iżgurar tal-unità ta' dawn il-pajjiżi permezz tal-istabbiliment ta' istituzzjonijiet demokratiċi u pluralistiċi, biex b'hekk jiġu stabbiliti l-bażi għal stabbilità akbar u strutturi soċjoekonomiċi moderizzati, li min-natura tagħhom stess jikkostitwixxu kundizzjoni neċessarja sabiex jinġieb l-investiment internazzjonali u jinħoloq tkabbir sostenibbli; jenfasizza l-bżonn ta' bidliet demokratiċi li għandhom jiġu akkompanjati minn riformi ekonomiċi, legali u soċjali sabiex jinfetħu u jiġu modernizzati l-istrutturi soċjoekonomiċi ta' dawn il-pajjiżi;

    9.  Jipproponi, fil-kuntest tat-tnedija ta' politika ta' kummerċ ħieles, it-twettiq regolari ta' studji ta' impatt għal segwitu attiv u kontinwu tal-impatti ta' din il-politika fuq il-pajjiżi tal-Mediterran fin-Nofsinhar tal-Ewropa bil-ħsieb finali li jkun hemm effetti pożittivi fuq iċ-ċittadini u fuq is-sistemi ekonomiċi u produttivi tal-pajjiżi differenti.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    6.2.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    40

    2

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Frieda Brepoels, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Ulrike Lunacek, Barry Madlener, Kyriakos Mavronikolas, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Ria Oomen-Ruijten, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Cristian Dan Preda, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Charles Tannock, Sir Graham Watson, Boris Zala

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Elena Băsescu, Tanja Fajon, Elisabeth Jeggle, Doris Pack, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Marietje Schaake, Indrek Tarand, Traian Ungureanu, Ivo Vajgl

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Marije Cornelissen, Rui Tavares

    OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (5.3.2012)

    għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

    dwar il-Kummerċ għall-Bidla: L-Istrateġija Kummerċjali u ta' Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija
    (2011/2113(INI))

    Rapporteur għal opinjoni: Spyros Danellis

    SUĠĠERIMENTI

    Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

    1.  Jinnota li l-proċess ta’ trasformazzjoni li għaddej fin-Nofsinhar tal-Mediterran, attivat permezz tar-Rebbiegħa Għarbija, għandu eżitu inċert għall-pajjiżi involuti u riperkussjonijiet mhux magħrufa għar-reġjun usa’ u l-UE; jenfasizza li l-promozzjoni u l-appoġġ għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv fir-reġjun, u b’hekk żieda fil-benesseri u fl-istandards tal-għajxien, jafu jkunu deċiżivi biex jiżguraw id-demokrazija u l-istat tad-dritt u għall-ħolqien ta' stabilità politika; jindika l-importanza tal-agrikoltura, li timpjega aktar minn terz tal-popolazzjoni attiva fil-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u l-iżvilupp rurali fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni, minħabba li dawn jikkontribwixxu, speċjalment f’kundizzjonijiet ta’ volatilità akbar fis-swieq dinjija, għal żieda fis-sigurtà tal-ikel, ġenerazzjoni u tqassim tad-dħul aktar ekwi, il-ħolqien tal-impjiegi, u l-integrazzjoni tan-nisa u tal-bdiewa żgħar fl-ekonomija;

    2.  Jilqa' għalhekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġa l-iżvilupp rurali permezz tal-programm Faċilità Ewropea tal-viċinat għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, li għandu jintegra l-appoġġ għall-investiment u jiżviluppa kapaċitajiet amministrattivi billi jibni fuq l-aħjar prattika tal-UE fl-iżvilupp ta' żoni rurali, sabiex tiġi ffaċilitata l-modernizzazzjoni tal-produzzjoni agrikola skont l-istandards dwar il-kwalità u s-sigurtà tal-ikel tal-UE;

    3.  Jilqa' wkoll l-impenn tal-Kummissjoni, iddikjarat fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħha tal-25 ta' Mejju 2011 (COM(2011)303), għall-finanzjament ta' programmi pilota għall-iżvilupp agrikolu, rurali u reġjonali, bi spunt mill-esperjenza estensiva tal-UE f'dawn l-oqsma u bl-aħjar użu possibbli tal-kooperazzjoni mill-qrib mal-FAO, il-Bank Dinji u possibilment il-BEI;

    4.  Jistieden lill-UE tappoġġa l-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola b’saħħitha kif ukoll l-iżvilupp rurali fir-reġjun bħala parti mill-ġlieda kontra l-faqar, li hija problema persistenti fil-kampanja, u sabiex issaħħaħ il-proċess ta’ stabbilizzazzjoni; jisħaq, għal dan il-għan, dwar l-importanza ta’ titjib istituzzjonali u infrastrutturali (pereżempju s-sistemi ta’ irrigazzjoni, trattament, ħżin, ippakkjar, trasport, kummerċjalizzazzjoni u l-aċċess għas-servizzi), flimkien mat-titjib teknoloġiku, u l-importanza tal-edukazzjoni u tal-programmi ta’ taħriġ, speċjalment għan-nisa, kif ukoll ta’ sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' organizzazzjoni tal-produtturi u ta' dgħufija tas-soċjetà ċivili, li qegħdin ixekklu wkoll l-iżvilupp ta’ sistema agro-alimentari effiċjenti; jenfasizza r-rwol tas-servizzi ta’ estensjoni fl-iffaċilitar tat-tifrix tal-għarfien; jenfasizza li t-tħassib globali dwar it-tibdil ambjentali u klimatiku għandu jorjenta l-appoġġ lejn il-promozzjoni ta’ użi sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-enerġija, u metodi tal-produzzjoni kompatibbli; jenfasizza li, quddiem żieda fid-domanda globali għall-ikel, għandha tiġi mħeġġa d-diversifikazzjoni fil-produzzjoni biex tiżdied ir-reżiljenza matul varjazzjonijiet fis-suq u kriżijiet ambjentali;

    5.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji biex tappoġġa n-Nofsinhar tal-Mediterran fil-kisba ta' konverġenza regolatorja f’oqsma ta’ prijorità għall-UE u r-reġjun – fosthom il-kompetizzjoni, l-investiment u standards u proċeduri relatati mal-kummerċ – kif ukoll allinjament tal-produzzjoni mal-istandards tal-UE għall-kwalità u s-sikurezza tal-ikel, il-ħarsien tal-ambjent, il-ħarsien tal-pjanti u l-benesseri tal-annimali, f'konformità mal-prinċipju ta' reċiproċità; jemmen li dawn l-iżviluppi għandhom isaħħu l-potenzjal ta' esportazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi lejn l-Unjoni Ewropea; jenfasizza madankollu, l-indispensabilità li fl-istess ħin jiġu protetti setturi sensittivi tal-agrikoltura tal-UE, speċjalment dawk tal-pajjiżi tal-Mediterran, mill-potenzjal ta’ liberalizzazzjoni sħiħa tas-swieq; jindika li intensifikazzjoni tal-kummerċ għandha ssir b’mod bilanċjat fir-rigward tal-partijiet interessati kollha, biex jiġu evitati vantaġġi unilaterali;

    6.  Jitlob barra minn hekk – sabiex ma jkunx hemm dumping soċjali u ambjentali bejn il-pajjiżi kkonċernati kif ukoll mal-UE – li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni jippermettu li jinfurzaw l-introduzzjoni ta' azzjonijiet innovattivi għall-promozzjoni tal-għarfien prattiku lokali, it-taħriġ għall-organizzazzjoni tal-produtturi kif ukoll għall-iżvilupp tas-swieq lokali u reġjonali fil-qafas tal-iskambji ta’ prattiki tajba bejn il-pajjiżi u mal-UE kif prattikati waqt il-proċeduri ta’ qabel l-adeżjoni u fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien tal-UE;

    7.  Jiġbed l-attenzjoni għall-kontribut li integrazzjoni akbar bejn il-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u l-pajjiżi Sub-Saħarjani tista' toffri, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu passi fuq livell dinji biex jiġi evitat it-tip ta’ azzjoni unilaterali li tittieħed sikwit b’rispons għall-kriżijiet tal-ikel u l-fenomeni ta’ temp estrem;

    8.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa programmi speċjali ddedikati għaż-żgħażagħ u n-nisa involuti fis-settur agrikolu u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu passi fuq livell Ewropew speċjalment sabiex iħajru żgħażagħ jagħżlu impjiegi fis-settur agrikolu;

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    29.2.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    25

    1

    4

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    John Stuart Agnew, Liam Aylward, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Iratxe García Pérez, Béla Glattfelder, Sergio Gutiérrez Prieto, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Elisabeth Köstinger, George Lyon, Mairead McGuinness, Krisztina Morvai, Mariya Nedelcheva, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Britta Reimers, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Csaba Sándor Tabajdi, Janusz Wojciechowski

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Luís Paulo Alves, Sylvie Goulard, Christa Klaß, Anthea McIntyre

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    27.3.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    25

    5

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    William (The Earl of) Dartmouth, Damien Abad, Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle de Sarnez, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Josefa Andrés Barea, Catherine Bearder, George Sabin Cutaş, Mário David, Elisabeth Köstinger, Jörg Leichtfried, Jarosław Leszek Wałęsa

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Gabriel Mato Adrover