Proċedura : 2010/2308(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0143/2012

Testi mressqa :

A7-0143/2012

Dibattiti :

PV 21/05/2012 - 17
CRE 21/05/2012 - 17

Votazzjonijiet :

PV 22/05/2012 - 6.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0207

RAPPORT     
PDF 187kWORD 151k
24.4.2012
PE 473.725v02-00 A7-0143/2012

dwar l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea

(2010/2308 (INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Rita Borsellino

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea

((2010)(2010/2308(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra, b’mod partikolari, l-Artikoli 6, 7, 8, 10(1), 11, 12, 21, 47-50, 52 u 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–   wara li kkunsidra, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Kapitoli 1, 2, 4 u 5 tat-Titlu V (Iż-Żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Frar 2010 dwar l-istabbiliment ta' Kumitat Permanenti għall-kooperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna (COSI)(1),

–   wara li kkunsidra ‘Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sikura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini’ u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ‘Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma' (COM(2010)0171),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea (‘Lejn Mudell Ewropew ta’ Sigurtà’) kif adottata mill-Kunsill fil-25 u s-26 ta’ Frar 2010,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea Kontra t-Terroriżmu kif adottata mill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament u l-Kunsill bl-isem ‘L-Istrateġija tas- Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura’ (COM(2010)0673),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bl-isem ‘L-ewwel Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE’ (COM(2011)0790),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bl-isem 'It-Tisħiħ tas-Sigurtà Kimika, Bijoloġika, Radjoloġika u Nukleari fl-Unjoni Ewropea – Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE' (COM(2009)0273),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 u l-25 ta’ Frar 2011 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea fl-azzjoni,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 u d-9 ta' Novembru 2010 dwar il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' ċiklu ta' politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bejn l-2011 u l-2013,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) tas-17 ta’ Diċembru 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura’,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE (TE-SAT 2011) ,

–   wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddid mill-Kriminalità Organizzata fl-UE (OCTA 2011),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà tal-2003(2) u r-rapport tal-2008 dwar ir-rapport ta’ implimentazzjoni tagħha(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem 'Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – il-programm ta’ Stokkolma'(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu’: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur’(7),

–   wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea u dik kostituzzjonali nazzjonali relevanti li tittratta l-kriterji ta’ proporzjonalità u l-ħtieġa biex din tiġi rrispettata mill-awtoritajiet pubbliċi f'soċjetà demokratika,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0143/2012),

A. billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona l-Unjoni kkonsolida iktar l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tas-sistemi legali u t-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri; billi l-politiki f’dan l-ispazju huma l-kompetenza komuni tal-Unjoni u l-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

B.  billi t-Trattat ta’ Lisbona, għalhekk, ffissa b’mod b’saħħtu l-politika ta’ sigurtà tal-UE ma’ stat tad-dritt tal-UE speċifiku, u stabbilixxa l-pedamenti għall-iżvilupp ta’ aġenda ta' sigurtà komuni u mill-qrib fl-UE u l-Istati Membri u soġġetta għal sorveljanza demokratika fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali; billi t-tisħiħ ta’ din il-politika għandu jkun ibbażat fuq valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

C. billi kull politika ta’ sigurtà għandha tinkludi aspett ta’ prevenzjoni, li huwa partikolarment essenzjali f’perjodu fejn l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali qed jikbru u, b'hekk, qed jipperikolaw l-effettività tad-drittijiet fundamentali;

D. billi l-Programm ta’ Stokkolma enfasizza li għandha tiġi żviluppata Strateġija ta’ Sigurtà Interna tal-UE sabiex tittejjeb aktar is-sigurtà fl-Unjoni, u għalhekk jiġu mħarsa l-ħajja u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u b'mod effettiv jiġu miġġielda l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u theddid ieħor, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, il-prinċipji tal-protezzjoni internazzjonali u l-istat tad-dritt;

E.  billi la l-Istati Membri u lanqas il-Kummissjoni għadhom ma pprevedew rwol għall-Parlament f'dan il-proċess, minkejja d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;

F.  billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna għall-perjodu tal-2010-2014 identifikat ħames żoni ta’ prijorità li fihom l-UE tista’ tipprovdi valur miżjud, jiġifieri l-ġlieda u l-prevenzjoni tal-kriminalità serja u organizzata, it-terroriżmu, u ċ-ċiberkriminalità, it-tisħiħ tal-ġestjoni ta’ fruntieri esterni u l-bini ta' reżistenza għal diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem.

G. billi l-ewwel rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna għaraf li l-ħames objettivi identifikati fl-2010 għadhom validi, u spjega s-sitwazzjoni attwali, il-progress li sar s’issa u t-triq ‘il quddiem;

H. billi l-Programm ta' Stokkolma ddikjara li l-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għandhom isiru waħda mill-kompiti prijoritarji tal-Kumitat Permananti għas-Sigrutà Interna [COSI];

1.  Jilqa’ x-xogħol li sar sabiex tiġi stabbilita Strateġija ta’ Sigurtà Interna u l-prinċipji ewlenin li jsostnu l-Mudell Ewropew ta’ Sigurtà kif żviluppat fl-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna, speċjalment fir-rigward tar-relazzjoni msaħħa bejn is-sigurtà, il-libertà u l-privatezza u l-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri; jenfasizza li l-miżuri ta' sigurtà u kooperazzjoni tal-UE għandhom josservaw l-obbligi tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni u għandhom jiffokaw fuq infurzar immirat tal-liġi u attivitajiet intelliġenti li taw evidenza li huma kapaċi jnaqqsu r-rati tal-kriminalità u jevitaw l-attakki terroristiċi;

2.  Jenfasizza li l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma objettivi li għandhom jintlaħqu b'mod paralleli u jemmen li l-implimentazzjoni tal-Karta tal-UE għandha tkun il-qalba ta' kwalunkwe Strateġija ta' Sigurtà Interna sħiħa; ifakkar li, sabiex jinkisbu l-libertà u l-ġustizzja, is-sigurtà għandha titfittex dejjem bi qbil mal-prinċipji tat-Trattati, l-istat tad-dritt u l-obbligi tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni;

3.  Jinnota l-progress li sar mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-kuntest taċ-ċiklu ta’ politika tal-UE dwar il-kriminalità organizzata u dik internazzjonali serja bil-ħsieb li jiġu implimentati l-objettivi strateġiċi ġenerali permezz ta’ azzjonijiet ibbażati fuq kooperazzjoni intergovernattiva fil-livell operattiv; jemmen, madankollu, li hija neċessarja diviżjoni ċara tal-kompiti ta’ bejn il-livell tal-UE u dak nazzjonali, li l-Parlament jeħtieġ li jkun parti mill-proċess fir-rigward tal-gwida għall-politiki, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riżultati, u li fl-2013 għandha ssir valutazzjoni bir-reqqa taċ-ċiklu politiku Ewropew; iqis, barra minn hekk, li fid-dawl tan-natura tiegħu ċ-ċiklu dan għandu jingħata l-isem mill-ġdid ta' 'ċiklu operattiv tal-UE'; jistieden lill-Istati Membri biex jevalwaw regolarment il-kumplimentarjetà tal-pjanijiet nazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata mal-pjanijiet li għandhom jiġu żviluppati fil-livell Ewropew, u biex janalizzaw ir-riżultati miksuba u l-prospetti futuri minn perspettiva strateġika u operattiva Ewropea li tinvolvi l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji relevanti tal-UE u l-parlamenti nazzjonali;

4.  Iqis, barra minn hekk, li huwa essenzjali li jiġu provduti riżorsi finanzjarji xierqa fil-qafas multiannwali 2014-2020 għall-implimentazzjoni ta' tali strateġija permezz tal-fond rispettiv;

5.  Ifakkar li l-kompetenza għall-politiki ta' sigurtà hija kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri, u li din hija qasam li fih is-sussidjarjetà trid tiġi rispettata; hu tal-fehm li l-qafas tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna jista' jżid mal-valur tal-isforzi tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u tal-Istati Membri f'dan il-qasam permezz ta' approċċ komprensiv u koerenti;

6.  Hu tal-fehma li analiżi komprensiva tal-UE, li tkun ibbażata fuq l-evidenza u fuq l-għarfien, dwar it-theddid li għandu jiġi indirizzat hija prerekwiżit essenzjali għal Strateġija ta' Sigurtà Interna effettiva, u li l-Europol, bl-appoġġ tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, għandha twettaq tali analizi fl-UE kollha, fuq il-bażi ta' metodoloġija iktar trasparenti u robusta għall-valutazzjoni tat-theddid u filwaqt li tistrieħ fuq kontribuzzjonijiet komprensivi mill-Istati Membri;

7.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew issa huwa attur istituzzjonali sħiħ fil-qasam tal-politika ta’ sigurtà, u huwa għalhekk intitolat li jipparteċipa b’mod attiv fid-determinazzjoni tal-aspetti u l-prijoritajiet tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna u tal-Mudell Ewropew tas-Sigurtà u fl-evalwazzjoni ta’ dawk l-istrumenti, anke permezz ta’ eżerċizzji regolari ta’ monitoraġġ fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna, li għandhom jitwettqu b’mod konġunt mill-PE, il-parlamenti nazzjonali u l-Kunsill skont l-Artikoli 70 u 71 tat-TFUE u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-COSI;

8.  Japprova, f’dan ir-rigward u fuq il-bażi tal-kooperazzjoni eżistenti bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, l-idea ta’ ‘ċiklu ta’ politika parlamentari’ – li għandu jkun sinkronizzat bir-reqqa ma', fost affarijiet oħra, ir-rapportar annwali tal-Kummissjoni f'dan il-qasam – u jikkonkludi b’rapport parlamentari annwali dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-koerenza u s-sinerġiji bejn l-aspetti interni u esterni tas-sigurtà, u jissottolinja l-importanza li jkun żgurat li l-miżuri u l-azzjonijiet li jimplimentaw l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna jkunu konformi mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat UE, u mal-objettivi tal-politika esterna tagħha kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat UE, kif ukoll mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali; jieħu nota tal-Karta Konġunta dwar it-tisħiħ tal-irbit bejn l-atturi tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) u tal-libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja u l-azzjonijiet imsemmija fil-Pjan Direzzjonali; jenfasizza l-importanza ta' skambju xieraq ta' informazzjoni, konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-atturi kollha relevanti, kif ukoll ta' soluzzjonijiet immirati lejn l-antiċipazzjoni tal-avvenimenti iktar milli r-reazzjoni tagħhom; jistenna bil-ħerqa r-riżultat tal-ħidma li saret fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma dwar il-kumplimentarjetà bejn l-azzjonijiet tal-Istati Membri u tal-UE fid-dimensjoni esterna tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, kif ukoll azzjonijiet fid-dawl tal-possibilità li l-Istrateġija ta' Sigurtà Esterna tal-UE tiġi aġġornata;

10. Jenfasizza li l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna kollha, għaż-żmien twil, għandha tikkonċentra aktar fuq ir-rabta ċara bejn it-theddid estern u n-nuqqas jew l-użu mhux effiċjenti ta’ strateġiji u miżuri li jistgħu jikkostitwixxu element qawwi ta’ prevenzjoni mit-theddid għas-sigurtà, bħall-għajnuna għall-iżvilupp immirata, l-istrateġiji ta’ tnaqqis tal-faqar jew pjanijiet ta’ rimedju għal diżastri naturali jew diżastri kkawżati mill-bniedem;

11. Jieħu nota tad-definizzjoni tal-ħames żoni ewlenin li għalihom ġew proposti azzjonijiet konkreti differenti fil-livelli tal-UE u f'dak tal-Istati Membri; Iqis li dawn l-objettivi mhumiex eżawrjenti, u li l-ordni tal-prijoritajiet seta’ kien strutturat aħjar; jenfasizza l-fatt li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata hija u għandha tibqa' prijorità ewlenija fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna; iqis li l-kwistjoni tar-reżistenza għal diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem, inklużi n-nuqqasijiet fl-infrastruttura kritika, għandhom jiġu indirizzati wkoll; jinnota, madankollu, li ma tidhirx li hi ħaġa ġġustifikata b’mod sħiħ jew li hi xierqa li tittieħed azzjoni fil-qasam tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali – kwistjoni li hija parti minn dibattitu speċifiku profond – fi ħdan il-qafas tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna;

12. Jemmen li l-kriminalità organizzata, fil-forom kollha tagħha inklużi l-mafji, tikkonstitwixxi theddida kbira għal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja għaċ-ċittadini tal-UE, u li l-ġlieda kontriha għandha tibqa' prijorità b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi ta’ data u informazzjoni speċifika dwar il-kooperazzjoni eżistenti bejn l-UE u l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-mafji, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, il-kriminalità professjonali u forom oħra ta' kriminalità organizzata;

13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipprijoritizzaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-kuntest tal-aġenda dwar is-sigurtà tal-UE, u biex jallokaw ir-riżorsi xierqa, billi jqisu li l-Programm ta’ Stokkolma (4.1) jelenka l-korruzzjoni fost it-theddid transnazzjonali li jkompli jisfida s-sigurtà interna tal-Unjoni u li jitlob tweġiba ċara u komprensiva;

14. Ifakkar fl-importanza li jiġu evitati u miġġielda t-terroriżmu u l-attivitajiet relatati, anke l-finanzjament tagħhom, u jistenna bil-ħerqa l-proposta għal qafas għal miżuri amministrattivi bħall-iffriżar tal-fondi ta' persuni suspettati b'terroriżmu skont l-Artikolu 75 tat-TFUE; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu li jadottaw leġiżlazzjoni speċifika dwar il-vittmi tat-terroriżmu sabiex jirrikonoxxu l-karattru pubbliku tagħhom, u biex jinkludu dispożizzjoijiet iktar dettaljati li jiżguraw protezzjoni, appoġġ u rikonoxximent adegwat;

15. Iqisha bħala ħaġa ta' importanza kbira li tiġi miġġielda b'mod deċiżiv il-kriminalità ambjentali, ekonomika, u korporattiva, li l-impatt tagħha huwa partikolarment detrimentali għall-kondizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini tal-UE, speċjalment fi żmien ta' kriżi; jiddeploar, f’dan ir-rigward, il-miżuri li ttieħdu minn xi Stati Membri bil-għan li jdgħajfu l-pieni li jissanzjonaw reati f’dawn l-oqsma; jenfasizza wkoll id-diskrepanza bejn il-proposti f’dawn l-oqsma u l-istigmatizzazzjoni ta’ ċerti atti ta’ delinkwenza anqas importanti;

16. Jilqa' l-fatt li l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità ngħatat prijorità fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna, u jenfasizza l-importanza li wieħed jiffoka fuq il-prevenzjoni; jinnota u jappoġġa l-wegħda tal-Kummissjoni li fl-2012 tiżviluppa strateġija Ewropea soprastanti għas-sigurtà tal-internet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità;

17. Itenni li t-tkabbir tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja tal-UE, anke permezz tal-Europol u l-Eurojust kif ukoll permezz ta' taħriġ adegwat, huwa kritiku għal Strateġija ta’ Sigurtà Interna xierqa, u li dan għandu jinvolvi l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jagħmlu dan prijorità għall-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna; jitlob ukoll li jkun hemm strumenti legali xierqa u konsistenti li jiffaċilitaw l-użu tal-evidenza;

18. Jenfasizza l-kontribut tal-missjonijiet tal-PSDK għat-trawwim tar-rispett għall-istat tad-dritt, u għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tal-UE u fid-dinja kollha, biex b'hekk jgħinu biex jiġi evitat il-falliment ta’ stat u biex jiġu eliminati l-postijiet tal-kenn għall-attivitajiet kriminali u terroristiċi transnazzjonali;

19. Jiddispjaċih li, f'rabta ma' dan, l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għad m'għandhiex 'dimensjoni ta' ġustizzja'; ifakkar, b'konformità mal-Programm ta' Stokkolma, li l-fiduċja reċiproka għandha tissaħħaħ billi tiġi żviluppata progressivament kultura ġudizzjarja Ewropea bbażata fuq id-diversità tas-sistemi legali u fuq l-unità permezz tal-liġi Ewropea, u li s-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaħdmu flimkien b'mod koerenti u effettiv, bi qbil mat-tradizzjonijeit legali nazzjonali tagħhom; jemmen li l-istabbiliment ta’ sett ta’ prijoritajiet fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja għandu jitqies fil-kuntest tar-rabta mill-qrib bejn id-dimensjonijiet kollha tal-Ispazju li jinstab fit-Titlu V tat-TFUE, jiġifieri l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni xierqa tal-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja ma' pajjiżi terzi;

20. Jemmen li, fir-rigward tar-rabtiet bejn is-sigurtà interna u esterna, il-kooperazzjoni tal-UE ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra bħan-NATO u l-OSKE għandha tiġi promossa iktar;

21. Jenfasizza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija prijorità għall-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna, li l-objettivi u l-għodda tagħha għandhom jiġu evalwati b'mod xieraq kif indikat fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ‘il-linja politika tal-UE Kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur’; jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-politiki ta’ prevenzjoni u protezzjoni għandhom jingħataw prijorità akbar, flimkien mal-prosekuzzjoni u r-reazzjoni; hu tal-fehma, f'dan il-kuntest, li huwa meħtieġ iffukar aħjar fuq l-infurzar immirat tal-liġi u fuq attivitajiet tal-intelliġenza b’kapaċità ppruvata li jevitaw l-attakki terroristiċi u li jitwettqu skont il-prinċipji tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-osservanza tad-drittijiet fundamentali u fuq il-bażi ta' sorveljanza u kontabilita xierqa; ifakkar li dan hu essenzjali jekk l-UE għandha tkun attur kredibbli fil-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali kemm internament kif ukoll esternament;

22. Iqisha bħala ħaġa kruċjali li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' prevenzjoni, b'mod partikolari sabiex jippermettu l-intraċċar bikri ta' sinjali ta' radikalizzazzjoni vjolenti jew theddid, inklużi theddid minn estremisti vjolenti u militanti; ifakkar fl-importanza ta' azzjonijiet diretti lejn il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti f'popolazzjonijiet vjolenti, u jistenna bil-ħerqa l-ħidma futura tan-Netwerk tal-UE għat-Tqajjim ta' Kuxjenza dwar ir-Radikalizzazzjoni, bil-missjoni tiegħu li jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-għarfien u t-tqajjim tal-kuxjenza u li jidentifika soluzzjoijiet innovattivi;

23. Jirrikonoxxi l-enfasi fuq is-sigurtà tal-fruntieri fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna, iżda jemmen li l-ġestjoni tal-fruntieri u l-mobilità tal-bniedem mhumiex biss kwistjonijiet ta’ sigurtà iżda aspetti ewlenin ta’ strateġija politika aktar wiesgħa li tinvolvi kemm id-dimensjoni ta’ sigurtà kif ukoll l-poltiki tal-immigrazzjoni, l-asil u l-impjiegi fil-livell tal-UE u politiki li jappoġġjaw l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u demokratiku u li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi; jenfasizza, barra minn hekk, li s-sigurtà għandha tiġi mħarsa fuq il-bażi ta' rispett lejn il-kisbiet tal-Unjoni, jiġifieri d-dritt tal-moviment liberu bejn il-fruntieri interni;

24. Itenni l-importanza li tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-Istati Membri rigward il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, u jenfasizza li l-kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi ġirien li jikkondividu l-fruntieri mal-UE hija essenzjali biex ikun faċilitat il-moviment liberu u jitjiebu s-solidarjetà u s-sigurtà fil-fruntieri esterni; jenfasizza li l-introduzzjoni gradwali tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għandha timmira li tiffaċilita l-ivvjaġġar;

25. Hu tal-fehma, għalhekk, li l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna għandha tirrifletti aktar il-viżjoni tal-Programm ta’ Stokkolma, u iqisha bħala ħaġa espedjenti li tinbeda reviżjoni parlamentari ta’ nofs it-terminu tal-Programm ta’ Stokkolma qabel it-tmiem tal-2013 sabiex jiġu valutati l-prijoritajiet strateġiċi, leġiżlattivi u finanzjarji tiegħu; iqis ukoll li hija meħtieġa valutazzjoni kumplimentari fir-rigward tal-aġenziji Ewropej relevanti li qed jiġu attwalment 'Lisbonizzati' (il-Europol, il-Eurojust u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew), flimkien ma' aġenziji u korpi oħrajn; ifakkar li l-azzjonijiet u l-operazzjonijiet tal-aġenziji jridu jikkonformaw mal-mandat tagħhom kif definit fid-deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-operazzjoni tagħhom, u jridu jirrispettaw il-valuri u l-prinċipji demokratiċi u l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

26. Ifakkar li l-ipproċessar u l-ġbir ta' data personali fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna f'kull ċirkostanza jridu jkunu konformi mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data tal-UE, speċjalment dawk ta’ neċessità, proporzjonalità u legalità, u mal-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE f’dan il-qasam; jilqa’ l-proposti dwar il-protezzjoni tad-data mressqa mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Jannar 2012 imma huwa tal-fehma li l-proposta għal direttiva fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja kriminali u l-infurzar tal-liġi jridu jkunu iżjed ambizzjużi u jridu jipprevedu salvagwardji iktar b’saħħithom, speċjalment fid-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-ħolqien ta' profili u l-ipproċessar awtomatiku;

27. Jafferma mill-ġdid, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa għal sorveljanza demokratika xierqa u ta' evalwazzjoni tal-ħidma tal-aġenziji tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-linja diviżorja ‘ta’ bejn il-konsulenza politika u t-tfassil attwali tal-politika’ ma tibqax ċara fir-rigward ta' dawk l-aġenziji;

28. Iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jippreżentaw il-proposta tagħhom – ippjanata għall-2011 – dwar l-implimentazzjoni tal-klawsola ta’ solidarjetà, li m'għandiex tkun duplikazzjoni tal-inizjattivi eżistenti, iżda għandha minflok tiddefinixxi l-qafas għall-użu u l-koordinazzjoni tal-istrumenti tal-UE u nazzjonali disponibbli, inkluża l-PSDK, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 222 tat-TFUE; huwa tal-fehma li huwa biss bil-medda kollha tal-possibilitajiet miftuħa permezz tal-implimentazzjoni tal-klawżola ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri kollha li l-UE ser tkun ippreparata biex tevita kwalunkwe theddida għas-sigurtà ta’ Stat Membru wieħed jew aktar u tirreaġixxi b’mod sikur u kkoordinat għaliha.

29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 52, 3.3.2010, p. 50.

(2)

‘Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar – Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà', approvat mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell fit-12 ta' Diċembru 2003 u mfassal taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Javier Solana.

(3)

'Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà – Nipprovdu Sigurtà f'Dinja li qed Tinbidel', S407/08.

(4)

ĠU C 285E, 21.10.2010, p. 12.

(5)

Testi adottati, P7_ TA(2011)0459.

(6)

Testi adottati, P7_ TA(2011)0388.

(7)

Testi adottati, P7_ TA(2011)0577.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (14.3.2012)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea

(2010/2308(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ana Gomes

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li t-theddid komuni ewlieni identifikat fl-Istrateġija ta' Siġurtà Interna – b’mod partikolari l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, iċ-ċiberkriminalità, il-korruzzjoni u l-isfidi għall-ġestjoni tal-fruntieri – għandu dimensjonijiet esterni u interni interkonnessi, u li tinħtieġ azzjoni koordinata u koerenti fiż-żewġ oqsma biex kwalunkwe reazzjoni tkun effettiva; barra minn hekk, azzjoni kritika għal diżarm, nonproliferazzjoni, ir-riskji CBRN (riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari) u t-traffikar illegali, li primarjament huma indirizzati fi strumenti ta’ kooperazzjoni esterna, għandha implikazzjonijiet inkontestabbli fis-sigurtà interna;

2.  Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex taħdem fuq komunikazzjoni li tistabbilixxi linji gwida dwar kif l-aħjar li r-rabta bejn id-dimensjonijiet esterni u interni tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà u l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tiġi tradotta f’objettivi trasversali u politiki effettivi, filwaqt li jistenna li dan jiġi rifless fi Strateġija Ewropa ta' Sigurtà rieżaminata; jenfasizza li l-koerenza u l-kumplimentarjetà bejn l-aspetti interni u esterni tas-sigurtà tal-UE huma kruċjali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-objettivi ta’ sigurtà tagħna;

3.  Jenfasizza l-importanza ta’ approċċ komprensiv għal strateġija ta' sigurtà tal-UE, ibbażata fuq kunċett olistiku tas-sigurtà tal-bniedem imsejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-paċi;

4.  Itenni l-ħtieġa li l-UE tintegra approċċ tas-sigurtà tal-bniedem b’ambitu wiesa’ fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni, is-sigurtà marittima, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u t-traffikar tal-bnedmin, u l-ġlieda kontra l-fraġilità tal-istat jew is-sottożvilupp;

5.  Wara r-Rebbiegħa Għarbija, itenni li s-sigurtà interna tal-UE hija marbuta mill-qrib mas-sitwazzjoni ta’ sigurtà fil-viċinat tagħha; jenfasizza, b’mod partikolari, l-importanza tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Unjoni għall-Mediterran, is-Sħubija tal-Lvant, is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed) fil-politiki esterni tal-UE, u f’dan ir-rigward jitlob lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex irawmu sinerġiji bejn l-UE u l-ġirien tagħha sabiex jiġu indirizzati b’mod konġunt l-isfidi ta’ sigurtà komuni tagħna;

6.  Jikkunsidra li għandha tkompli tibqa' titħeġġeġ tal-kooperazzjoni mtejba ma’ istituzzjonijiet internazzjonali oħra responsabbli għall-istrateġija tas-sigurtà bħalma huma n-NATO u l-OSKE;

7.  Jirrikonoxxi l-progress li sar fil-koordinazzjoni tas-sigurtà interna u esterna mit-twaqqif tas-SEAE, permezz ta’ laqgħat informali regolari tad-delegati tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u tal-Kumitat Permanenti għall-Kooperazzjoni Operattiva dwar is-Sigurtà Interna (COSI), il-metodi ta’ ħidma għal kooperazzjoni aħjar rigward is-sigurtà interna u esterna, il-konklużjonijiet tal-Kunsill rigward l-aspetti interni u esterni tal-politika ta' kontra t-terroriżmu, id-dokumenti ta’ ħidma konġunti tal-Kummissjoni u s-SEAE dwar l-atturi tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u tal-qasam ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (FSJ) u dwar l-ispazju ċibernetiku, kif ukoll it-twaqqif tal-gruppi interservizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE;

8.  Jistieden madankollu lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jsaħħu l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni eżistenti bejn il-kumitati kompetenti, il-gruppi ta’ ħidma, is-servizzi u l-aġenziji fl-ispazju tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja (FSJ) minn naħa waħda, u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), inklużi missjonijiet u operazzjonijiet taħt il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) min-naħa l-oħra, fejn jittieħed vantaġġ b'mod partikolari mill-kapaċitajiet ġodda taċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni tal-UE sabiex jiġu pprovduti analiżijiet strateġiċi komuni, valutazzjonijiet tat-theddid u informazzjoni f'waqtha lill-atturi kollha involuti;

9.  Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tal-Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-PSDK u l-FSJ, adottat reċentement fil-laqgħa tal-membri tal-KPS u l-COSI;

10. Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata rabta effettiva u permanenti bejn id-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà Ewropea fi kwistjonijiet rilevanti għall-attivitajiet u l-prijoritajiet tal-PESK, bħalma huma d-diżarm globali, in-nonproliferazzjoni, ir-riskji CBRN fl-UE u barra l-UE, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni fil-fruntieri Ewropej u barra l-fruntieri Ewropej u ċ-ċibersigurtà; għalhekk, jikkunsidra li l-koordinazzjoni fost kemm id-dimensjoni interna kif ukoll dik esterna tal-istrateġija tas-sigurtà tal-UE għandha tinkludi artikolazzjoni mill-qrib u effettiva bejn servizzi, korpi, uffiċċji reġjonali u tematiċi, b’mod trasversali, u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u tas-SEAE biex tkun żgurata l-effettività u l-koerenza tagħha fid-dawl tal-PESK;

11. Iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tiżgura konsistenza fil-politika globali tal-PESK/PSDK billi tippromwovi l-koordinazzjoni bejn is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u tas-SEAE bil-ħsieb li tiġi evitata d-duplikazzjoni mhux meħtieġa ta' xogħol u rwoli, speċjalment fl-oqsma li huma direttament relatati ma’ kwistjonijiet ta’ sigurtà fl-UE u barra l-UE;

12. Iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tiżgura li t-theddid għas-siġurtà interna, fost l-oħrajn dak identifikat mill-Kunsill skont iċ-ċiklu tal-politika tal-UE rigward il-kriminalità serja u organizzata, jiġi dovutament ikkunsidrat fil-politiki u fl-istrumenti ta’ azzjoni esterna tal-UE u, fejn xieraq, jiġi indirizzat b'mod adegwat permezz tagħhom; jenfasizza li l-istrumenti ewlenin sabiex tkun indirizzata r-rabta bejn is-sigurtà interna u esterna huma djalogi politiċi regolari dwar is-sigurtà ma’ pajjiżi terzi, negozjar ta’ klawżoli ta' kooperazzjoni ta’ sigurtà fi ftehimiet internazzjonali, sistemi ta’ miżuri restrittivi, programmazzjoni strateġika ta’ strumenti ta’ assistenza esterna, presidenza permanenti tal-Kunsill Affarijiet Barranin u tal-KPS, kif ukoll tal-gruppi ta’ ħidma kollha tal-PESK; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tiżgura li l-istandards Ewropej u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt jiġu dovutament ikkunsidrati fl-istrumenti ta’ azzjoni esterna tal-UE;

13. Jenfasizza l-kontribut tal-missjonijiet tal-PSDK għat-trawwim tar-rispett għall-istat tad-dritt, u għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fil-Viċinat tal-UE u fid-dinja kollha, biex b'hekk jgħinu biex jiġi evitat il-falliment ta’ stat u biex jiġu eliminati l-postijiet tal-kenn għall-attivitajiet kriminali u terroristiċi transnazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-kontribut tal-PSDK għas-sigurtà interna billi jadottaw strateġiji nazzjonali fis-sistemi tal-pulizija u tal-ġustizzja tagħhom li jiżguraw il-parteċipazzjoni f'missjonijiet tal-PSDK, fejn dan ikun xieraq;

14. Jenfasizza l-ħtieġa li s-SEAE jaħdem flimkien mal-Europol biex jinkorpora esperti tas-sigurtà interna, b'mod partikolari pulizija u esperti tal-istat tad-dritt, u, fejn xieraq, li jagħtuhom ukoll post fid-delegazzjonijiet tal-UE, bħala mezz biex titqiegħed fil-prattika b'mod effettiv il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni aħjar bejn id-dimensjoni interna u dik esterna tal-istrateġiji tas-sigurtà tal-UE; għal dan il-għan, jenfasizza li l-iskambju ta’ informazzjoni u l-qsim ta’ riżorsi mal-aġenziji tal-FSJ – Europol, Eurojust, Frontex – ikunu tassew ta’ benefiċċju;

15. Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Kunsill jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa biex l-SEAE jkun jista' juża l-kompetenza tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Aspetti Esterni tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (COTER), b'mod li tiġi żgurata aktar korenza fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u biex iqisu t-trasferiment tal-President tal-grupp COTER għall-SEAE fil-futur; f’dan ir-rigward, jitlob ukoll kooperazzjoni u konsultazzjoni mill-qrib bejn il-President/Rappreżentant Għoli u l-Koordinatur għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu;

16. Jitlob li jkun hemm sorveljanza aktar effettiva mill-PE fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-UE; ifakkar, f'dan ir-rigward, ir-rwol li wettaq il-PE sabiex jinkixfu l-każijiet ta’ ksur ovvju tas-sigurtà u l-legalità li rriżultaw mill-kooperazzjoni tal-gvernijiet tal-UE mal-programm ta’ konsenji straordinarji imħaddem mill-Amministrazzjoni ta’ George W. Bush; jenfasizza l-iskrutinju demokratiku li l-PE jista’ jwettaq fi kwistjonijiet ta' sigurtà interna u esterna tal-UE b'mod ġenerali, f’koordinazzjoni mal-parlamenti nazzjonali;

17. Huwa tal-opinjoni li tinħtieġ aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u s-servizzi tal-informazzjoni Ewropej, li tista' tkun kruċjali għat-twaqqif f’waqtu ta’ mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u reazzjoni fil-każ ta’ theddida għas-sigurtà u s-sikurezza tal-UE jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri tagħha; f’dan ir-rigward, jissuġġerixxi li l-Parlament Ewropew għandu jwaqqaf delegazzjoni speċjali għal sorveljanza demokratika tas-servizzi ta’ informazzjoni Ewropej, flimkien mal-parlamenti nazzjonali;

18. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta' Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) "li jintegra l-kapaċitajiet ċivili u militari f'kompiti li jvarjaw mill-protezzjoni ċivili għall-għajnuna umanitarja, il-ġestjoni tal-fruntieri jew iż-żamma tal-paċi"; jitlob lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw il-proċedura ppjanata ta’qabel l-akkwist sabiex isaħħu r-rabta bejn is-sigurtà interna u esterna b’kapaċitajiet ċivili u militari sostanzjali u koerenti;

19. Itenni t-talba tiegħu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE għal reazzjoni għal diżastri naturali u dawk ikkaġunati mill-bniedem, li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-bniedem u l-infrastruttura kritika, kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE, u jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ċivili tal-UE għal dak il-għan;

20. Iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jippreżentaw il-proposta tagħhom – ippjanata għall-2011 – dwar l-implimentazzjoni tal-klawsola ta’ solidarjetà, li ma għandiex tkun duplikazzjoni tal-inizjattivi eżistenti, iżda jiddefinixxu l-qafas għall-użu u l-koordinazzjoni ta’ strumenti tal-UE u nazzjonali disponibbli, inkluż il-PSDK, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 222 tat-TFUE; huwa tal-opinjoni li huwa biss bil-medda kollha tal-possibilitajiet miftuħa permezz tal-implimentazzjoni tal-Klawżola ta’ Solidarjetà bejn l-Istati Membri kollha, li l-UE ser tkun ippreparata biex tipprevjeni – u tirreaġixxi b’mod sikur u kkoordinat – għal kwalunkwe theddida għas-sigurtà ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

11

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sir Robert Atkins, Bastiaan Belder, Frieda Brepoels, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Mário David, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols, Kristiina Ojuland, Ria Oomen-Ruijten, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Libor Rouček, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Werner Schulz, Adrian Severin, Charles Tannock, Inese Vaidere, Kristian Vigenin, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Véronique De Keyser, Barbara Lochbihler, Monica Luisa Macovei, Carmen Romero López, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Hannes Swoboda, Indrek Tarand, Ivo Vajgl

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Boulland


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.4.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Sonia Alfano, Rita Borsellino, Simon Busuttil, Philip Claeys, Carlos Coelho, Rosario Crocetta, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Ioan Enciu, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Monika Flašíková Beňová, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Juan Fernando López Aguilar, Monica Luisa Macovei, Svetoslav Hristov Malinov, Véronique Mathieu, Nuno Melo, Louis Michel, Claude Moraes, Jan Mulder, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Axel Voss, Renate Weber, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Vilija Blinkevičiūtė, Birgit Collin-Langen, Cornelis de Jong, Franziska Keller, Ádám Kósa, Antonio Masip Hidalgo, Hubert Pirker, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Bogusław Sonik

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Giles Chichester, Zita Gurmai

Avviż legali - Politika tal-privatezza