RAPPORT dwar l-approċċ tal-UE rigward id-dritt kriminali

24.4.2012 - (2010/2310(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Cornelis de Jong

Proċedura : 2010/2310(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0144/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-approċċ tal-UE rigward id-dritt kriminali

(2010/2310(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u b’mod partikolari t-Tielet Parti, Titolu V, Kapitolu 4 tiegħu, intitolat “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali”,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu IV tagħha dwar il-ġustizzja,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titlu ‘Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta' implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali’ (COM(2011)0573),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar id-dispożizzjonijiet mudell, li servew ta’ gwida għad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fil-qasam tad-dritt kriminali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea[1],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009 lill-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ żona tal-UE għall-ġustizzja kriminali[2],

–   wara li kkunsidra l-istudji tiegħu fuq ‘L-armonizzazzjoni ta’ liġi kriminali fl-UE’[3] u fuq ‘L-iżvilupp ta’ żona għall-ġustizzja kriminali tal-UE’[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0144/2012),

A. billi skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma' miżuri xierqa f'dak li jirrigwarda lil, inter alia, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha;

B.  billi l-Parlament u l-Kunsill jistgħu, skont l-Artikolu 83 TFUE, jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet;

C. billi fl-istess ħin l-Artikolu 83(3) TFUE jintroduċi proċedura msejħa "brejk ta’ emerġenza" fejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li l-miżura leġislattiva proposta tolqot xi aspetti fundamentali tas-sistema ta’ ġustizzja kriminali tiegħu u b'hekk jirrikonoxxi l-fatt li l-dritt kriminali ħafna drabi jirrifletti l-valuri bażiċi, l-użanzi u l-għażliet ta’ soċjetà partikolari, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

D. billi l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, kif imsemmija fl-Artikolu 5 TUE huma għaldaqstant partikolarment relevanti fil-każ ta’ proposti leġislattivi li jirregolaw id-dritt kriminali;

E.  billi s-sistemi tad-dritt kriminali u tal-proċedimenti kriminali tal-Istati Membri evolvew matul is-sekli, billi kull Stat Membru għandu l-karatteristiċi tiegħu u partikolaritajiet speċjali tiegħu, u billi, bħala konsegwenza, l-oqsma fundamentali tad-dritt kriminali għandhom jitħallew għall-Istati Membri;

F.  billi l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku qiegħed jidħol dejjem aktar f’għadd kulma jmur akbar ta’ oqsma tal-politika, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mas-sentenzi u mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, u billi dan hu prinċipju msejjes fuq il-fiduċja reċiproka, li titlob standards minimi ta’ protezzjoni fl-ogħla livelli possibbli;

G. billi l-armonizzazzjoni tad-dritt kriminali fl-UE għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ kultura ġuridika komuni fl-UE b’rabta mat-taqbida kontra l-kriminalità, li tammonta għat-tradizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali mingħajr ma teħdilhom posthom u li għandha impatt pożittiv fuq il-fiduċja reċiproka fost l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri;

H. billi d-dritt kriminali għandu jikkostitwixxi sistema leġiżlattiva koerenti regolata minn għadd ta’ prinċipji fundamentali u standards ta’ governanza tajba, f’osservanza sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u konvenzjonijiet internazzjonali oħrajn tal-jeddijiet tal-bniedem li l-Istati Membri huma firmatarji tagħhom;

I.   billi fid-dawl tal-kapaċità ta' restrizzjoni ta' ċerti drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali ta' persuni ssusspettati, akkużati jew ikkundannati li d-dritt kriminali għandu min-natura tiegħu stess, flimkien mal-effetti eventwali ta' stigma tal-indaġni kriminali, u fid-dawl tal-fatt li l-użu eċċessiv ta’ leġiżlazzjoni kriminali jwassal għal nuqqas fl-effiċjenza, id-dritt kriminali għandu jiġi applikat bħala miżura tal-aħħar mezz assolut (ultima ratio) għal atti definiti b’mod ċar u limitati, li għalihom miżuri anqas stretti ma jistgħux jiġu applikati u li joħolqu ħsara sinifikanti għas-soċjetà jew għal individwi;

J.   billi l-leġiżlazzjoni kriminali tal-UE għandha, bħala regola ġenerali, tipprevedi biss penalitajiet għal atti li jkunu saru b’mod intenzjonali jew, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, għal dawk li jinvolvu negliġenza serja, u għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ħtija individwali (nulla poena sine culpa), għad li f’ċerti każijiet jista’ jkun iġġustifikat li jkun hemm dispożizzjonijiet dwar ir-responibilità soċjetarja għal ċerti tipi ta’ reat;

K  billi skont ir-rekwiżit tal-lex certa l-elementi ta’ reat kriminali għandhom ikunu fformulati b’mod preċiż sabiex tiġi żgurata il-previdibbiltà fir-rigward tal-applikazzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni u t-tifsira tagħhom;

L.  billi fil-każ tad-direttivi, l-Istati Membri jżommu ċertu marġni ta' diskrezzjoni fuq kif jittrasponu d-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u dan ifisser li sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit tal-lex certa, għandha tkunu tal-ogħla kwalità, mhux biss il-leġiżlazzjoni tal-UE stess, iżda wkoll it-traspożizzjoni tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

M. billi l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dritt kriminali tal-UE mhijiex limitata għall-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizza iżda tista’ tikkonċerna ħafna politiki differenti;

N. billi s'issa l-Unjoni Ewropea ħafna drabi ħolqot dispożizzjonijiet ta' dritt kriminali fuq bażi ad hoc, u b'hekk inħoloq il-bżonn għal aktar koerenza;

O. billi hemm bżonn li l-Parlament jiżviluppa l-proċeduri tiegħu stess sabiex jiżgura, flimkien mal-koleġiżlatur, sistema ta’ dritt kriminali koerenti tal-ogħla kwalità;

P.  billi sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fis-settur tad-dritt kriminali bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, hemm bżonn ta’ ftehim interistituzzjonali;

Q. billi l-Artikolu 67(1) TFEU jiddisponi li l-Unjoni għandha tikkostitwixxi zona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b’rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi legali u tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri;

1.  Jenfasizza li l-proposti għal dispożizzjonijiet sostantivi fid-dritt kriminali tal-UE għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità;

2.  Ifakkar li d-dritt kriminali għandu jirrispetta b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali ta’ persuni suspettati, akkużati jew ikkundannati;

3.  Jenfasizza li f’dan ir-rigward mhux biżżejjed li jsir riferiment għal kunċetti astratti jew effetti simboliċi, iżda l-ħtieġa għal dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali materjali ġodda għandha tintwera b’evidenza neċessarja li tagħmilha ċara li:

–   id-dispożizzjonijiet kriminali jiffukaw fuq kondotta li toħloq ħsara pekunarja jew mhux pekunarja sinifikanti għas-soċjetà, individwi jew għal grupp ta’ individwi;

–   ma hemmx miżuri oħrajn, li jintervjenu anqas li jindirizzaw din il-kondotta,

–   ir-reat involut huwa wieħed ta’ natura partikolarment serja b’dimensjoni transkonfinali jew għandu impatt dirett negattiv fuq l-implimentazzjoni effettiva ta’ politika tal-Unjoni f’qasam li kien suġġett għal miżuri ta’ armonizzazzjoni,

–   hemm ħtieġa li jiġi miġġieled ir-reat ikkonċernat fuq bażi komuni, jiġifieri li jkun hemm valur prattiku miżjud fl-approċċ komuni tal-UE, filwaqt li jitqiesu , inter alia, l-estensjoni u l-frekwenza tar-reat fl-Istati Membri, u

–   b’konformità mal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, is-severità tas-sanzjonijiet proposti mhijiex sproporzjonata għar-reat;

4.  Jirrikonoxxi l-importanza ta’ prinċipji ġenerali oħra li jirregolaw id-dritt kriminali, bħal:

–   il-prinċipju tal-ħtija tal-individwu (nulla poena sine culpa), u għaldaqstant jippreskrivi penalitajiet biss għal atti li jkunu saru b’mod intenzjonat, jew f’każijiet eċċezzjonali, għal atti li jinvolvu negliġenza serja,

–   il-prinċipju taċ-ċertezza legali (lex certa): id-deskrizzjoni tal-elementi ta’ reat għandha tkun ifformulata b’mod preċiż b’tali mod li l-individwu jkun jista’ jipprevedi l-azzjonijiet li jagħmluh kriminalment responsabbli;

–   il-prinċipju ta' non retroattività u ta’ lex mitior: eċċezzjonijiet għall-prinċipju tar-retroattività huma permissibbli biss jekk ikunu ta’ benefiċċju għal min wettaq ir-reat,

–   il-prinċipji ta’ ne bis in idem, li jfisser li persuna misjuba ħatja jew mhux ħatja b’sentenza finali fi Stat Membru wieħed ma tkun mixlija jew ikkastigata għall-istess kwestjoni fi proċedimenti kriminali fi Stat Membru ieħor,

–   il-preżunzjoni tal-innoċenza, li tispeċifika li kull persuna akkużata b’reat kriminali għandha tiġi meqjusa innoċenti sakemm il-ħtija tagħha ma tiġix ipprovata legalment;

5   Jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni riċenti tagħha dwar il-politika tal-UE fuq id-dritt kriminali li l-ewwel fażi ta' leġiżlazzjoni fil-qasam tad-dritt kriminali għandu jikkonsisti fid-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu addottati miżuri sostanzjali fid-dritt kriminali jew le;

6.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tressaq miżuri li jiffaċilitaw infurzar aktar konsistenti u koerenti ta’ dispożizzjonijiet eżistenti fid-dritt kriminali sostantiv tal-UE fil-livell nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ta’ neċessità u sussidjarjetà;

7.  Jenfasizza li l-miżuri ta’ armonizzazzjoni għandhom ikunu proposti primarjament bl-għan li jappoġġjaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fil-prattika, aktar milli biex sempliċiment jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt kriminali armonizzat tal-UE;

8.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tinkludi fil-valutazzjonijiet ta’ impatt tagħha l-kriterju tan-neċessità u l-proporzjonalità, li tkompli tuża l-aħjar prattiki ta’ dawk l-Istati Membri b’livell għoli ta’ garanziji ta’ jeddijiet proċedurali, li tinkludi valutazzjoni msejsa fuq il-lista ta’ verifika li hija għandha dwar il-jeddijiet tal-bniedem u li ddaħħal kriterju li jispeċifika l-mod ta’ kif il-proposti tagħha jirriflettu l-prinċipji ġenerali msemmijin li jirregolaw id-dritt kriminali;

9.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li jitwaqqfu standards minimi uniformi ta’ ħarsien fl-ogħla livell possibbli għall-issuspettati u l-akkużati fi proċedimenti kriminali ħalli tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka;

10. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw ukoll miżuri nonleġiżlattivi li jikkonsolidaw il-fiduċja fost l-ordinamenti ġuridiċi differenti fl-Istati Membri, itejbu l-koerenza, u jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ kultura ġuridika komuni fl-UE b’rabta mat-taqbida kontra l-kriminalità;

11 Jenfasizza l-bżonn ta’ approċċ aktar koerenti u ta’ kwalità għolja fl-UE fil-qasam tad-dritt kriminali u jikkundanna l-approċċ frammentat li ġie segwit s'issa;

12. Jilqa’ l-eżistenza ta’ grupp ta’ koordinazzjoni bejn is-servizzi fil-qasam tad-dritt kriminali fi ħdan il-Kummissjoni u jitlob lill-Kummisjoni tipprovdi lill-Parlament b’informazzjoni aktar speċifika fuq il-mandat u l-funzjoni tiegħu;

13. Jitlob li jkun hemm awtorità koordinatriċi ċara fi ħdan il-Kummissjoni għall-proposti kollha li jkun fihom dispożizzjonijiet rigwardanti d-dritt kriminali, sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti;

14. Jilqa’ l-eżistenza ta’ Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill fuq id-Dritt Kriminali Sostantiv u jitlob lill-Kunsill jipprovdi lill-Parlament b’informazzjoni speċifika fuq kif dan jirrelata ma’ gruppi ta’ ħidma oħra tal-Kunsill li huma responsabbli minn dispożizzjonijiet ta' dritt kriminali f’oqsma tal-politika oħra li mhumiex il-ġustizzja u l-affarijiet interni;

15. Jitlob li jintlaħaq ftehim interistituzzjonali fuq il-prinċipji u l-metodi ta’ xogħol li jirregolaw proposti għal dispożizzjonijiet sostantivi futuri tal-UE fil-qasam tad-dritt kriminali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu grupp ta’ ħidma interistituzzjonali fejn dawn l-istituzzjonijiet u l-Parlament ikunu jistgħu jabbozzaw tali ftehim u jiddiskutu kwestjonijiet ġenerali, fejn ikun xieraq billi jiġu kkonsultati esperti indipendenti, bil-għan li tiġi żgurata l-koerenza fid-dritt kriminali tal-UE;

16. Jemmen li dan il-grupp ta’ ħidma interistituzzjonali għandu jgħin fid-definizzjoni tal-ambitu xieraq u l-applikazzjoni xierqa tal-pieni tad-dritt kriminali f’livell ta’ UE, kif ukoll li jeżamina l-leġiżlazzjoni eżistenti bl-iskop li jkunu ridotti l-frammentazzjoni u l-kunflitti ta' ġurisdizzjoni li jikkaratterizzaw l-approċċ ta' bħalissa;

17. Jiddeċiedi li jeżamina kif approċċ koerenti għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-dritt kriminali sostantiv jista’ jkun żgurat bl-aħjar mod fil-Parlament u jissottolinja, f’dan ir-rigward, in-nuqqas attwali ta’ kumitat ta’ koordinazzjoni kif ukoll ir-rwol importanti li s-Servizz Legali tiegħu jista' potenzjalment ikollu;

18. Jissottolinja l-importanza tat-twaqqif ta’ servizz ta’ tagħrif għall-Parlament li jista’ jappoġġja lill-Membri individwali fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum u b’hekk tiġi żgurata l-kwalità tax-xogħol tal-Parlament bħala koleġiżlatur;

19. Jissottolinja li approċċ koerenti jeħtieġ li l-Parlament, qabel ma jaddotta kwalunkwe proposta leġislattiva relatata mad-dritt kriminali sostantiv, ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu analiżi legali tal-proposta li turi jekk ir-rekwiżiti kollha msemmija f’din ir-Riżoluzzjoni ġewx sodisfatti, jew liema titjib għadu neċessarju;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.

NOTA SPJEGATTIVA

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-istruttura bil-pilastri ġiet abbandunata u nħolqot bażi għall-iżvilupp ta’ dritt kriminali bħala parti mil-liġi tal-Komunità tal-UE. Meta jitqies li fil-passat id-dritt kriminali kien ilu meqjus bħala l-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, u li kien biss bit-Trattat ta’ Maastricht fl-1992 li kien hemm l-ewwel pass lejn żvilupp għal dritt kriminali tal-UE, din tista’ titqies bħala deċiżjoni importanti.

Għalkemm formalment it-Trattat issa fih il-bażi tad-dispożizzjoniet tad-dritt kriminali tal-UE, dan ma jfissirx li d-dritt kriminali sar anqas sensittiv. Għalhekk, it-Trattat jipprevedi proċedura ta’ brejk ta’ emerġenza, ladarba Stat Membru jemmen li l-leġiżlazzjoni proposta tħalli effetti fundamentali fuq is-sistema ġudizzjarja kriminali tiegħu. Din hija proċedura li tikkostitwixxi eċċezzjoni fit-Trattat.

Barra minn hekk, id-dritt kriminali huwa differenti minn kull qasam legali ieħor peress li min-natura tiegħu stess huwa jillimita ċerti drittijiet tal-bniedem u libertaijiet fundamentali tal-akkużat u/jew tal-persuna kkundannata. F’ħafna każijiet, il-libertà tal-moviment hija ristretta, iżda anke jekk r-reat huwa punibbli biss b’multi, tal-anqas id-dritt għall-proprjetà huwa ristrett. It-tali restrizzjonijiet huma fil-prinċipju legali u leġittimi, iżda għandhom bżonn ‘kriterju tan-neċessità’. Anke jekk persuna ma tkunx ikkundannata, investigazzjonijiet kriminali biss jistgħu jħallu effett ta' stigma: oħrajn jistgħu jaħsbu li ma jeżisti l-ebda duħħan mingħajr nar.

Barra minn hekk, għandhom jitqiesu numru ta’ kunsiderazzjonijiet prattiċi. Attività kbira ta’ inizjattivi ġodda fl-UE fil-qasam tad-dritt kriminali sostantiv faċilment tista’ tkun ta' piż fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Il-proposti għandhom ikunu tali li jkunu jistgħu jiġu implimentati u infurzati bis-sħiħ. Ir-riżorsi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma limitati, speċjalment waqt il-kriżi ekonomika ta’ bħalissa. Hemm il-biża’ li l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida mhux se twassal għal infurzar aħjar, u b'hekk se tnaqqas kemm il-kredibilità kif ukoll l-effiċjenza tad-dritt kriminali sustantiv tal-UE.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-UE għandha tieħu l-approċċ prudenti ħafna, meta tkun qed tifformula dispożizzjonijiet addizzjonali jew tirrevedi dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tad-dritt kriminali. Ix-xogħol tal-passat mhux perfett, hekk kif wera biċ-ċar il-grupp ta’ akkademiċi "European Criminal Policy Initiative" (inizjattiva tal-politika kriminali Ewropea). Huma semmew, inter alia, l-użu ta’ ħafna kontroriferimenti f’testi legali oħra bħala ksur tal-prinċipju tal-lex certa: il-leġiżlazzjoni għandha tkun ċara u faċli biex tifhimha sabiex kulħadd ikun jista' jipprevedi jekk att huwiex reat jew le. Dan japplika aktar u aktar għad-direttivi, peress li dawn għandhom jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali u kwalukwe nuqqas ta’ ċarezza jista’ jwassal għal interpretazzjonijiet diversi, li faċilment jistgħu jżidu l-konfużjoni flok inaqqsuha.

L-UE ma żviluppatx spazju separat għad-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali. Dawn jistgħu jinsabu fi strumenti marbuta mal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, imma jistgħu jinsabu wkoll f’ħafna aktar oqsma ta' politiki fl-Unjoni. Fl-aktar komunikazzjoni riċenti fuq il-politika kriminali tal-UE, il-Kummissjoni ssemmi, per eżempju: is-settur finanzjarju (manipulazzjoni tas-suq jew abbuż minn informazzjoni privileġġata), frodi, falsifikazzjoni, ksur serju ta’ regoli soċjali, tekniċi, tas-sigurtà u tas-suq tal-UE għat-trasport professjonali, ksur serju ta’ regoli tal-UE fuq protezzjoni tad-data, reati doganali, reati ambjentali, sajd illegali mhux rapportat u mhux regolat, u aspetti ta’ politika tas-suq intern.

Titqajjem il-kwistjoni dwar kif tista’ jiġu żgurati l-koerenza u l-kwalità għolja f'qasam tad-dritt li jidher preżenti f’ħafna oqsma ta’ politika differenti. Fuq livell nazzjonali, ta’ sikwit wieħed jara unità fi ħdan il-ministeru tal-Ġustizzja responsabbli mill-koordinazzjoni tad-dritt kriminali kollu. Dan ifisser li, irrispettivament mill-ministeru li jieħu l-inizjattiva għal-leġiżlazzjoni ġdida proposta, din dejjem tiġi kkontrollata minn din l-unità ċentrali, qabel ma jaddotta kwalunkwe abbozz ta' leġiżlazzjoni l-gvern nazzjonali .

Is-sitwazzjoni hija differenti fl-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Kummissjoni ħolqot grupp ta’ koordinazzjoni bejn is-servizzi fuq id-dritt kriminali li huwa maħsub li jkollu l-istess rwol tal-unità ċentrali msemmija aktar ‘il fuq fi ħdan ministeru tal-Ġustizzja fuq livell nazzjonali. Madanakollu, mhux ċar għalissa x’inhu l-mandat tal-grupp u x’jiġri jekk ikun hemm nuqqas ta’ ftehim. Huwa żgur li Kummissarji varji għandhom responsabbiltà parzjali, iżda m’hemmx Kummissarju li jikkoordina.

Fi ħdan il-Kunsill, il-Ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni jippruvaw jiżguraw il-koordinazzjoni fil-proposti leġislattivi li fihom dispożizzjonijiet kriminali. Huma ħolqu grupp ta' ħidma speċjali fuq id-dritt kriminali sustantiv, li ma jiddiskutix biss proposti tipiċi marbuta ma’ ĠAI, imma b’mod prattiku għandu kompetenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni kriminali, mingħajr l-ebda differenza tas-suġġett. Però, din l-istruttura ma kinitx kapaċi telimina l-frammentazzjoni attwali kif ukoll il-kwalità baxxa tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt kriminali tal-UE.

Sfortunatament, il-Parlament innifsu jidher li għandu l-inqas sistema żviluppata. Il-verità hi li l-Parlament għandu kumitat speċjali li jieħu ħsieb kwistjonijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, jiġifieri l-kumitat għal-Libertajiet Ċivili, iżda dan mhux kumitat ta’ koordinament u m’għandux kompetenza fuq il-proposti leġislattivi kollha li fihom dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt kriminali.

Waqt is-smigħ fuq approċċ tal-UE fuq id-dritt kriminali, fit-8 ta’ Diċembru 2011, is-Servizz Legali tal-Parlament sostna li teoretikament ikun jista’ joffri s-servizzi tiegħu sabiex jipprovdi lill-Parlament b’pariri legali fuq il-kwalità u l-koerenza tal-leġiżlazzjoni relatata mad-dritt kriminali proposta. Dan, għaldaqstant, jimplika kompitu addizzjonali ġdid, peress li attwalment is-Servizz Legali ma jwettaqx dan it-tip ta’ xogħol fuq bażi strutturali. Jekk tali kompitu jingħata lis-Servizz Legali jkun hemm il-bżonn ta' riżorsi addizzjonali.

Sabiex jiġi garantit approċċ tal-UE ta’ kwalità għolja u koerenti fuq id-dritt kriminali, mhux biss l-istrutturi interni fi ħdan kull wieħed mit-tliet istituzzjonijiet tal-UE msemmija għandhom jitjiebu, iżda għandu jkun hemm ukoll ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet fuq il-prinċipji relevanti u l-metodi ta' ħdima.

Fl-2009, il-Kunsill addotta konklużjonijiet fuq mudell ta’ dispożizzjonijiet li servew ta’ gwida għad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fuq id-dritt kriminali. Fl-2011, il-Kummissjoni preżentat il-fehmiet tagħha f’komunikazzjoni. Fir-riżoluzzjoni attwali, il-Parlament ser jikkjarifika liema prinċipji huma importanti għad-deliberazzjonijiet tiegħu stess. Għalhekk, qed nersqu qrib is-sitwazzjoni fejn it-tliet istituzzjonijiet ikunu kkjarifikaw il-pożizzjoni tagħhom, però dejjem f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċeduri leġiżlattivi interni tagħhom.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fil-futur, jidher essenzjali li l-istituzzjonijiet għandhom jaqblu fuq xi tip ta’ qafas komuni. Tali qafas jista’ jinkludi għadd ta’ prinċipji li jirregolaw kwalunkwe strument ta’ dritt kriminali. Barra minn hekk, jistgħu jiżdiedu, il-mudelli ta' dispożizzjonijiet kif inklużi, pereżempju, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2009. Tali qafas jista’ jservi bħala bażi għall-valutazzjonijiet ta' impatt preparati mill-Kummissjoni Ewropea u jkun jista’ jgħin fl-abbozz tal-analiżi legali ġusta għall-Kunsill u l-Parlament. Barra minn hekk, qafas jista’ jinkludi linji gwida preċiżi għall-proċeduri interni f’kull waħda mill-istituzzjonijiet sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti.

Teoretikament, l-prinċipji b'mod partikolari jistgħu jiġu kkodifikati permezz ta’ metodu leġislattiv aktar formali, ibbażat fuq proposta tal-Kummissjoni flimkien ma’ adozzjoni formali kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament. Madanakollu, peress li ftehim fuq metodi interni ta’ xogħol ma jistax jiġi suġġett għal mod aktar formali, dan iwassal għar-riskju ta’ frammentazzjoni tal-qafas f’diversi partijiet. Għal raġunijiet prammatiċi biss, qafas interistituzzjonali għalhekk jitfassal l-aħjar fuq bażi anqas formali permezz ta’ grupp ta’ ħidma interistituzzjonali.

Ir-Rapporteur iqis li dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt kriminali qed jiġu proposti wisq faċilment minħabba l-effetti simboliċi u dissważivi tagħhom: għalhekk huma maħsuba sabiex jassiguraw mill-ġdid liċ-ċittadini Ewropej li l-UE qed tieħu s-sigurtà tagħhom bis-serjetà u sabiex jagħmluha ċara mal-kriminali potenzjali li jkunu kkastigati severament. Għaldaqstant, fil-verità mhijiex dispożizzjoni kriminali li fiha nfisha twassal għal anqas kriminalità fl-UE. Ir-ripressjoni ta’ reati hija wkoll importanti, jekk mhux aktar: il-fatt li l-UE adottat leġiżlazzjoni ġdida ma jnaqqasx l-ammont ta’ kriminalità. Huwa biss jekk id-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari kristall u jimxu mas-sistemi nazzjonali eżistenti, li l-infurzar isir effettiv. L-eżistenza ta' dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali flimkien mal-infurzar tagħhom ġeneralment għandha impatt fuq il-kriminalità.

Finalment, ma jistax ikun enfażi eċċessiva fuq l-importanza li jiġu rrispettati b’mod sħiħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u strumenti internazzjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem oħra, meta jiġu fformulati dispożizzjonijiet legali kriminali ġodda. Kontroll fuq id-drittijiet tal-bniedem għandu jsir dejjem, peress li jkun qed jiġi ttrattat wieħed mill-akar miżuri invadenti li gvern jista' jimponi fuq ċittadin. Matul ir-rapport, il-bżonn għal tali kontroll ma kienx imsemmi b’mod espliċitu, imma tqies bħala ċert li fil-kuntest tal-prinċipji li ġew imsemmija, kontroll bħal dan għandu jsir b’mod konsistenti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.4.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Sonia Alfano, Mario Borghezio, Rita Borsellino, Simon Busuttil, Philip Claeys, Carlos Coelho, Rosario Crocetta, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Ioan Enciu, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Monika Flašíková Beňová, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Juan Fernando López Aguilar, Monica Luisa Macovei, Svetoslav Hristov Malinov, Véronique Mathieu, Nuno Melo, Louis Michel, Claude Moraes, Jan Mulder, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Axel Voss, Renate Weber, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Vilija Blinkevičiūtė, Birgit Collin-Langen, Cornelis de Jong, Franziska Keller, Ádám Kósa, Antonio Masip Hidalgo, Hubert Pirker, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Bogusław Sonik

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Giles Chichester, Zita Gurmai