RAPPORT dwar id-definizzjoni ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ġdida mal-Amerika Latina
4.5.2012 - (2011/2286(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Ricardo Cortés Lastra
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar id-definizzjoni ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ġdida mal-Amerika Latina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-sitt samits tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-Amerika Latina u l-Karibew u l-UE li saru f’Río de Janeiro (fit-28 u d-29 ta’ Ġunju 1999), f’Madrid (fis-17 u t-18 ta’ Mejju 2002), fi Guadalajara (fit-28 u d-29 ta’ Mejju 2004), fi Vjenna (fit-12 u t-13 ta’ Mejju 2006), f’Lima (fis-16 u s-17 ta’ Mejju 2008) u f’Madrid (fis-17 u t-18 ta’ Mejju 2010),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni adottata waqt is-17-il Samit Iberoamerikan tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern, li sar f'Asunción (Paragwaj), fid-28 u l-29 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Protokoll ta’ Kjoto u r-riżultati tal-ħmistax-il Konferenza tal-partijiet tal-UNFCCC f’Kopenħagen, is-sittax-il-Konferenza f’Cancun u s-sbatax-il Konferenza f’Durban;
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Monterrey (2002), il-Konferenza dwar il-finanzjament tal-Iżvilupp ta’ Doha (2008), id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi (2005) u l-Aġenda għall-bidla ta’ Accra (2008),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti, tat-8 ta’ Settembru 2000, li fiha ġew stabbiliti l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDG) bħala kriterji miftehma flimkien mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni adottati fil-Laqgħa ta’ Livell Għoli ta’ Busan dwar l-Effiċjenza tal-Għajnuna għall-Iżvilupp, f’Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra l-proċess ta’ tħejjija għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-XIV-il laqgħa ministerjali bejn il-Grupp ta' Río u l-Unjoni Ewropea, li saret fi Praga fit-13 u l-14 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li "L-objettiv prinċipali tal-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni għandu jkun it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar. L-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp[1], u b’mod partikolari l-punt 61 tiegħu, fejn tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-Pajjiżi bi Dħul Medju għat-twettiq tal-MDGs u fejn jiġu riflessi d-diffikultajiet li jiffaċċjaw dawn il-pajjiżi flimkien ma’ dawk tal-Pajjiż bi Dħul Medju-Għoli,
– wara li kkunsidra l-kodiċi ta’ komplementarjetà u d-diviżjoni tax-xogħol tal-2007,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tat-8 ta’ Diċembru 2009 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Madrid adottat fis-Samit UE-LAC f’Mejju 2010 u s-6 temi prinċipali tiegħu: 1- Ix- Xjenza, ir-Riċerka, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija; 2- L-Iżvilupp sostenibbli; l-ambjent; it-tibdil fil-klima; il-bijodiversità; l-enerġija; 3- L-Integrazzjoni reġjonali u l-interkonnettività għall-promozzjoni tal-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali; 4- Il-Migrazzjoni; 5- L-edukazzjoni u l-impjiegi; 6 - Id-drogi
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp[2],
– wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni dwar il-programmazzjoni reġjonali għall-Amerika Latina (2007-2013) tat-12 ta’ Lulju 2007 (E/2007/1417), u l-valutazzjoni ta' nofs it-terminu tiegħu,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2009 bl-isem "L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Atturi Globali fi Sħubija’ (COM(2009)0495),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru intitolata "Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp – L-Istabbiliment ta’ qafas ta’ politika għall-approċċ uniku tal-Unjoni (COM (2009)458), il-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tas-17 ta’ Novembru 2009 dwar il-Koerenza fil-Politiki għall-Iżvilupp u l-Qafas Operattiv għall-Effikaċja tal-Għajnuna,
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2010 bl-isem 'Politika tal-iżvilupp tal-UE għall-appoġġ ta' tkabbir inklussiv u żvilupp sostenibbli - Żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE' (COM(2010)0629 finali),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla’, adottata fit-13 ta' Ottubru 2011 (COM(2011)0637),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-20 ta' Awwissu 2009 bl-isem "Il-PDG u lil hinn. Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel’ (COM(2009)0433),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem "Tħejjija tal-qafas finanzjarju multiannwali li jirrigwarda l-finanzjament tal-kooperazzjoni tal-UE għal pajjiżi tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u l-Paċifiku u l-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej għall-perjodu 2014-2020» (COM(2011)0837, SEC(2011)1459, SEC(2011)1460),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta’ Sħubija għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, (COM(2011)0843, SEC(2011)1475, SEC(2011)1476),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' Lulju 2011 bl-isem ‘Baġit għall-Ewropa 2020’ (COM(2011)0500) u d-dokument ta' ħidma bl-istess data bl-isem ‘A Budget for Europe 2020: the current system of funding, the challenges ahead, the results of stakeholders consultation and different options on the main horizontal and sectoral issues’ (SEC(2011)0868),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem "Ewropa Globali: Approċċ Ġdid għall-iffinanzjar tal-azzjoni esterna tal-UE’ (COM(2011)0865),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta’ Sħubija għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, (COM(2011)0840, SEC(2011)1469, SEC(2011)1470),
– – wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat), u b’mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet approvati fil-Ħames Sessjoni Plenarja Ordinarja tat-18 u d-19 ta’ Mejju 2011 f’Montevideo, l-Urugwaj, dwar il-prospetti għal relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina u dwar l-Istrateġiji ta’ ħarsien u ta’ ħolqien tal-impjieg, b’mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ,u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina f’termini ta’ sigurtà u difiża,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2001 dwar sħubija globali u strateġija komuni għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina, tas-27 ta’ April 2006 dwar sħubija iktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina, u tal-24 ta’ April 2008 dwar il-Ħames Samit bejn l-Amerika Latin u l-Karibew u l-Unjoni Ewropea f’Lima[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-Istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina[4], dwar i-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Amerika Latina[5], u dwar iż-żieda fl-impatt tal-politika ta' żvilupp tal-UE[6],
– wara li kkunsidra l-istudju dwar politika ġdida ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE mal-Amerika Latina: enfasi fuq il-koeżjoni soċjali, l-integrazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni bejn Nofsinhar u Nofsinhar (Diċembru 2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0159/2012),
A. Billi, kif definit fit-Trattat ta’ Lisbona, l-għan globali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp hu dak tal-qerda tal-faqar u l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, inkluż is-seħħ tal-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju (MDG) fl-2015;
B. Billi dan ir-reġjun jinsab fi grupp ta’ pajjiżi ta’ dħul medju li kiseb suċċess notevoli fit-tnaqqis tal-faqar – minn 44% għal 33% f’għaxar snin biss – u l-inugwaljanza permezz tat-tkabbir ekonomiku u politiki soċjali mtejba, iżda minkejja dan wieħed minn kull tliet Latino-Amerikani għadhom jgħixu taħt il-livell tal-faqar –180 miljun ruħ, li 52 miljun minnhom jgħixu b’inqas minn 2 euro kuljum –u li 10 pajjiżi tar-reġjun għadhom fost il-15 bl-ikbar inugwaljanza fid-dinja[7]; billi xi pajjiżi għandhom rati ta’ malnutrizzjoni akbar minn 20% u billi 28 miljun ruħ ma jafux jaqraw u jiktbu, peress li 44 miljun ruħ huma barra s-sistemi tal-protezzjoni soċjali;
C. Billi l-FMI għamel stima ta’ livell medju ta’ tkabbir tal-PDG ta’ 4.5% għall-Amerika Latina fl-2011 u li attwalment qed jiġu ffaċċjati perspettivi ta’ tnaqqis ekonomiku globali għall-2012, peress li tibqa’ tippersisti inċertezza kbira fuq l-impatt tal-kriżi ekonomika u dik globali finanzjarja fir-reġjun;
D. Billi l-pajjiżi bi dħul medju għandhom magna ta’ żvilupp u integrazzjoni reġjonali u billi kriżi f’dawn timpedixxi l-progress f’pajjiżi bi dħul baxx li jinsabu fir-reġjuni tagħhom;
E. Billi t-tnaqqis fil-pajjiżi tar-reġjun mhuwiex regolari, u billi fil-Bolivja, il-Ħonduras, in-Nikaragwa u s-Surinam l-għajnuna esterna, tibqa’ tkun waħda mill-iktar mezzi importanti ta’ finanzjament għall-iżvilupp flimkien mal-kontribuzzjonijiet tar-rimessi tal-emigranti, li jirrappreżentaw madwar 6% u 25% tal-PDG ta’ dawn il-pajjiżi;
F. Billi d-definizzjoni ta’ politika ġdida ta’ kooperazzjoni trid tqis il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull pajjiż u li l-UE għandha tikkollabora mal-pajjiżi kollha tal-Amerika Latina, u speċjalment mal-MICs, meta tkun qed tmexxi l-Kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u l-ġlieda kontra l-faqar u l-iżvilupp fuq livell reġjonali u globali;
G. Billi l-koeżjoni soċjali kienet għan ewlieni tal-Assoċjazzjoni Strateġika mit-tnedija tagħha fil-Forum fi Guadalajara fl-2004, minħabba l-importanza li għandu għar-reġjun għall-kisba ta’ distribuzzjoni mill-ġdid aħjar tad-dħul u l-ġid, permezz ta’ politiki adegwati li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli u aktar ġustizzja u koeżjoni soċjali;
H. Billi r-rilevanza speċjali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba fil-Programm għall-Bidla; billi l-Amerika Latina hija kontinent fejn id-demokrazija hija normalment stabbilita, li magħha l-Ewropa taqsam valuri u prnċipji demokratiċi, u fejn hu meħtieġ tiġi appoġġjata l-governanza u l-istituzzjonalità tal-Istat, mhedda minn vjolenza u nuqqas ta’ sigurtà;
I. Billi fl-MICs se jkun aktar adegwat li l-għajnuna tiġi orjentata mill-ġdid lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u regolatorji, it-tfassil tal-politiki pubbliċi, l-appoġġ għall-atturi soċjali, kif ukoll lejn il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali lill-ODA;
J. Billi l-Amerika Latina u l-UE jiffurmaw Assoċjazzjoni Strateġika Bireġjonali bbażata fuq valuri komuni u b’konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi 2 mid-9 imsieħba strateġiċi tal-UE fid-dinja huma mill-AL (il-Brażil u l-Messiku); billi l-UE hi l-investitur ewlieni u t-tieni sieħeb kummerċjali, kif ukoll id-donatur ewlieni ta’ għajnuna għall-iżvilupp, jiġifieri qed tipprovdi 53% tat-total ta’ Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) li qed jirċievi r-reġjun;
K. Billi l-maġġor parti tan-nies f’sitwazzjoni ta’ faqar madwar id-dinja jgħixu f’dawn il-Pajjiżi bi Dħul Medju; billi dawn il-pajjiżi ta’ spiss jiffaċċjaw inugwaljanza notevoli u governanza dgħajfa li jheddu s-sostenibbiltà tal-proċess ta’ żvilupp tagħhom; billi ħafna pajjiżi bi dħul medju għandhom rwol importanti fil-kwistjonijiet ta’ politika, ta’ sigurtà u ta’ kummerċ fid-dinja, billi jipproduċu u jipproteġu l-ġid pubbliku globali, u jaġixxu bħala “pajjiżi ankra” fuq livell reġjonali; u li apparti minn perjodi ta’ ġid jibqgħu jkunu vulnerabbli għal riskji globali tat-tip ekonomiku, ambjentali, jew tas-sigurtà;
L. Billi xi pajjiżi tal-Amerika Latina bdew jiġu involuti fl-isforzi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp permezz ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni reġjonali u tal-Kooperazzjoni bejn Nofsinhar u Nofsinhar (CSS);
M. Billi l-Amerika Latina ma tistax ma tibqax tkun prijorità għall-UE, kif inhu rifless fir-relazzjonijiet bireġjonali UE- Amerika Latina li kellhom progress sinifikanti fis-snin riċenti, bħall-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali, iċ-Ċili u l-Messiku, il-ftehim kummerċjali bejn bosta partijiet kuntraenti mal-Kolombja u l-Peru, in-negozjati mal-Mercosur, il-Pjan ta' Azzjoni ta' Madrid u t-tnedija tal-Fondazzjoni UE-ALK;
N. Billi skont il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, l-appoġġ għall-pajjiżi bi dħul medju jibqa’ jkun importanti biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju;
O. Billi l-UE, permezz tal-ftehimiet stabbiliti mal-imsieħba tar-reġjun, inklużi fil-Ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u tal-għajnuna tagħha għall-iżvilupp, għandha tkompli tagħti appoġġ sinifikanti għall-proċess ta’ żvilupp u stabbilizzazzjoni tar-reġjun; u dan ifisser li l-fatt li tista’ tieqaf tagħmel dan meta jiġu kkonsolidati r-riżultati tal-imsemmi proċess iqanqal tħassib serju; Ea.
P. Billi fil-proposta attwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ICD huwa mistenni tnaqqis fl-għajnuna bilaterali tal-UE lill-pajjiżi bi dħul medju fl-Amerika Latina u li s-servizzi bażiċi m’għadhomx fuq il-lista ta’ prijoritajiet għar-reġjun;
Q. Billi l-allokazzjoni baġitarja tal-ICD attwali għall-AL turi li hija l-aktar reġjun traskurat finanzjarjament fl-istruttura tal-Kapitolu IV tal-baġit komunitarju rigward oqsma oħra li jirċievu għajnuna Ewropea;
R. Billi l-koeżjoni soċjali għandha dimensjoni wiesgħa li tinvolvi l-ġlieda kontra l-faqar, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, l-iżgurar tal-aċċess universali għas-servizzi bażiċi bħas-saħħa, l-edukazzjoni, il-pensjonijiet jew id-djar, ir-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-djalogu soċjali u tad-drittijiet tax-xogħol; billi l-ħtieġa ta’ patt fiskali li jiggarantixxi b’mod ekwu d-distribuzzjoni aħjar tar-riżorsi;
S. Billi ċ-Ċina saret it-tielet investitur fl-Amerika Latina kif ukoll is-suq prinċipali, jekk mhux l-uniku wieħed ta’ esportazzjoni għal ċerti prodotti; billi għalhekk l-UE għandu jkollha rwol iktar attiv sabiex issaħħaħ ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment tagħha mal-pajjiżi tal-Amerika Latina fi ħdan sistema tal-ODK;
T. Billi indipendentement mill-konnotazzjonijiet tal-kunċett ta’ koeżjoni soċjali fuq livell Ewropew jew fl-Amerika Latina, fiż-żewġ reġjuni jista’ jinftiehem bħala prinċipju ta’ gwida tal-politiki pubbliċi li jippermetti l-orjentazzjoni tal-istrateġiji tal-iżvilupp lejn il-kisba ta’ benesseri tal-popolazzjoni kollha, biex b’hekk tiġi evitata l-polarizzazzjoni, in-nuqqas ta’ kuntentizza u t-telf ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi;
U. Billi fost l-isfidi ewlenin tad-donaturi fir-reġjun hemm dik tal-koerenza bejn il-politiki, kif ukoll koordinazzjoni u komplementarjetà akbar fil-qafas ta’ diviżjoni aħjar tax-xogħol, li jimplika konċentrazzjoni u prevedibbiltà akbar tal-għajnuna;
V. Billi l-ħolqien tal-għana u l-ġlieda kontra l-faqar, l-inugwaljanza, l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni, speċjalment tan-nisa, taż-żgħażagħ u tal-gruppi etniċi minoritarji ‐ kif ukoll il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem għadhom prijorità ewlenija tal-assoċjazzjoni strateġika UE-Amerika Latina;
W. Billi r-reġjun joffri indikaturi kompromettenti fil-ġlieda kontra l-mortalità tat-trabi u tal-ommijiet, u billi l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-setgħa politika u ekonomika tan-nisa huma fatturi essenzjali sabiex jitnaqqas il-faqar;
X. Billi s-sistema ta’ preferenzi ġeneralizzati (SPĠ) tal-UE tikkostitwixxi strument ewlieni li jippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jipparteċipaw iżjed fil-kummerċ globali u b’hekk jiġġeneraw dħul addizzjonali mill-esportazzjoni biex jgħinu t-tkabbir ekonomiku u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-politika dwar l-iżvilupp u t-tnaqqis fil-faqar;
Y. Billi l-insuffiċjenza tal-indiċi tal-PDG bħala indikatur uniku għall-kejl tal-inugwaljanza u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ għajnuna għall-iżvilupp tal-UE bil-għan primarju li jinqered il-faqar;
Z. Billi l-pajjiżi tal-Amerika Latina jesportaw ferm inqas lejn il-ġirien tagħhom minn kemm jesportaw il-kontropartijiet tagħhom f’kontinenti oħra; l-iskambju kummerċjali relattivament baxx huwa minħabba d-distanzi importanti, it-tariffi għolja, id-dwana, il-ftehimiet kummerċjali separati u n-netwerks tal-infrastruttura inadegwati;
AA Billi titqies l-importanza vitali tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll aċċess universali għas-servizzi tas-saħħa pubblika, fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali;
AB Billi d-degradazzjoni tal-ambjent għandu impatt dirett fuq il-ġenerazzjoni tal-faqar; billi l-Amerika Latina hija r-riżerva ambjentali kbira fid-dinja peress li l-Brażil, il-Messiku, il-Perù jew il-Kolombja huma l-pajjiżi bl-akbar bijodiversità fid-dinja, iżda fl-istess ħin hija kontinent vulnerabbli b’mod sepċjali għat-tibdil fil-klima;
AC Billi t-titjib fil-ġbir tat-taxxa huwa fundamentali sabiex jinbena stat kompetenti li kapaċi jipprovdi lill-poplu tiegħu bis-servizzi bażiċi bħas-saħħa, is-sanità pubblika u l-edukazzjoni;
AD Billi l-aktar effetti devastanti tat-tibdil fil-klima u t-tisħin globali jaffettwaw fuq skala kbira lill-Amerika Latina u l-Karibew, billi huma l-pajjiżi tar-reġjun l-aktar vulnerabbli tad-dinja; billi d-diżastri naturali kkawżaw telf ta’ 54% tal-PDG reġjonali tal-Amerika Ċentrali;
AE Billi r-referenza espliċita għas-settur privat bħala attur ewlieni għall-ġenerazzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u l-kontribuzzjoni għall-koeżjoni soċjali inkluża fil-Programm għall-Bidla;
AF Billi l-importanza tad-djalogu bireġjonali strutturat u globali dwar il-migrazzjoni bejn l-UE u l-AL, u l-importanza li l-politiki u l-prattiki tal-migrazzjoni taż-żewġ reġjuni jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-migranti kollha;
AG billi xi pajjiżi fl-Amerika Latina huma fost l-iżjed vjolenti fid-dinja, u li l-kriminalità flimkien ma’ fenomeni bħat-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-armi u l-korruzzjoni għadhom problema gravi ħafna fir-reġjun, li hi theddida għall-iżvilupp tiegħu;
AH Billi l-proposta tal-Kummissjoni għall-Istrument ta’ sħubija tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-reġjun; billi din il-proposta tiffoka b’mod preferenzjali fuq l-imsieħba strateġiċi tagħha u l-ekonomiji emerġenti, filwaqt li jinżamm ukoll approċċ globali li jiffoka fuq l-isfidi u t-theddid globali;
AI Billi t-theddida għas-sistemi demokratiċi u s-sigurtà kollettiva tal-Amerika Latina tinvolvi l-korruzzjoni marbuta ma’ netwerks kriminali, iddedikati b’mod speċjali għad-distribuzzjoni u t-traffikar ta’ drogi, li tippenetra fl-istituzzjonijiet, tinfirex f’żoni ta’ influwenza territorjali, tikkawża danni kollaterali, u twassal għal problemi serji ta’ nuqqas ta’ stabbiltà u governanza politika;
1. Ifakkar li, għalkemm l-impatti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali fl-Amerika Latina kienu inqas gravi milli kien f’reġjuni oħra, il-livelli tal-inugwaljanza u r-rati tal-faqar għadhom għoljin ħafna, u l-progress tar-reġjun għat-twettiq ta’ sitta mit-tmien MDG (Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp) mhuwiex biżżejjed;
2. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina fil-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, b'mod speċjali l-azzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra l-faqar, il-ħolqien tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali ta' gruppi emarġinati; jenfasizza li l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju li jimmiraw lejn sħubija globali għall-iżvilupp (MDG 8) għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politika ta' kooperazzjoni mal-Amerika Latina tal-UE, b'oqsma magħżula li fihom tiġi implimentata l-istrateġija ġdida ta' "tkabbir inklużiv" f'dawn il-pajjiżi; jissottolinja l-fatt li l-Fondazzjoni UE-Amerika Latina u l-Karibew tista' tagħti kontribut kbir biex dawn l-għanijiet jintlaħqu;
3. Iqis li l-progressi ekonomiċi u teknoloġiċi ta’ wħud mill-pajjiżi tal-Amerika Latina jesiġu li jiġu riveduti l-għanijiet tal-kooperazzjoni bilaterali tal-UE għall-iżvilupp; jinsisti li għandna sfidi komuni li jeħtieġ niffaċċjaw permezz ta' tisħiħ tal-multilateraliżmu; 2. Jitlob li tintemm l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE; Jikkunsidra li l-progressi ekonomiċi u teknoloġiċi ta’ wħud mill-pajjiżi tal-Amerika Latina jesiġu li l-għanijiet tal-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp jiġu kkunsidrati; jenfasizza li r-rabtiet bejn it-tkabbir, il-kummerċ, l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar la huma sempliċi u lanqas awtomatiċi; fid-dawl ta’ dan, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni fil-kuntest tad-dibattitu dwar l-iżvilupp futur tal-politika ta’ kooperazzjoni tal-UE biex twettaq riflessjoni wiesgħa u profonda dwar il-mudell tal-iżvilupp attwali, u biex tislet il-lezzjonijiet minn deċennji li għaddew, bl-għan li ttaffi l-faqar u l-inugwaljanza b’mod effettiv mingħajr ma jitnaqqas jew jiġi limitat l-ispazju tal-politika;
4. Iqis li l-politika ta' kooperazzjoni u ta' żvilupp tal-UE għandha tkun definita b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Amerika Latina bil-għan li tinkiseb politika ta' żvilupp sostenibbli, ġusta u bbilanċjata tajjeb fil-konfront tar-reġjun;
5. Jindika li minkejja l-għajnuna tista' taġixxi bħala ingranaġġ għall-pajjiżi tal-Amerika Latina, din mhijiex biżżejjed biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli u dejjiemi; għalhekk jistieden lill-pajjiżi tal-Amerika Latina biex isaħħu u jimmobilizzaw ir-riżorsi domestiċi tagħhom, jistabbilixxu sistemi trasparenti ta’ tassazzjoni u jiffurmaw governanza fiskali li tkun mingħajr korruzzjoni u frodi, jinvolvu b’mod effettiv is-settur privat, il-gvernijiet lokali u s-soċjetà ċivili fl-aġenda UE-Amerika Latina b'mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni, l-għajnuna teknika u t-twaqqif ta' taħriġ legali u fiskali fejn l-amministrazzjonijiet lokali, u jżidu s-sjieda tagħhom tal-proġetti;
6. Iqis li l-investiment qawwi Asjatiku, speċjalment fid-depożiti ta' materja prima, fir-riżorsi tal-idrokarburi u agrikulturali ta' bosta pajjiżi tal-Amerika Latina, għandha tikkonvinċi lill-Unjoni Eworpea sabiex ma ddumx biex issaħħaħ b’mod effikaċi l-għajnuna tagħha għall-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun;
7. Huwa tal-fehma, fid-dawl tal-bżonn ta' bilanċ tal-politika ta' żvilupp bejn l-Amerika Latina u l-UE, li l-Amerika Latina trid tagħmel sforz speċjali biex tippromwovi l-integrazzjoni reġjonali tagħha f'termini politiċi, ekonomiċi u kummerċjali;
8. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jsir progress fir-relazzjonijiet mal-AL permezz ta’ politika koerenti tal-iżvilupp; iqis għalhekk li jeħtieġ li jinħolqu strumenti u għanijiet ta’ kooperazzjoni mfassla għal kull pajjiż, filwaqt li r-riżorsi jiġu kkonċentrati fuq l-iżjed vulnerabbli tal-PCD, li b’hekk jittejbu;
9. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinżamm il-volum ta’ terz tal-ammont ġeografiku totali tal-kooperazzjoni tal-ICD għall-perjodu 2014-2020 għall-Amerika Latina;
10. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-prinċipju ta’ differenzazzjoni u ta’ konċentrazzjoni tal-għajnuna propost mill-Kummissjoni; jinsisti li d-differenzazzjoni għandha ssir b’mod gradwali fil-fażi tal-programmazzjoni ‐ kemm fil-pajjiżi li jirċievu kif ukoll fl-istrumenti proprji ta’ kooperazzjoni ‐ waqt li jiġu żviluppati forom oħra ta’ kooperazzjoni iżjed adattati għall-MIC (pajjiżi ta’ dħul medju); jirrakkomanda li l-kriterji għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ differenzjazzjoni jkunu oġġettivi u l-istess fil-pajjiżi kollha;
11. Ifakkar li l-approċċ ta’ differenzjazzjoni m’għandux jirriżulta fi tnaqqis drastiku fl-importanza tar-reġjun fil-projezzjoni esterna tal-UE, li hija u għandha taġixxi bħala attur globali, peress li hi membru attiv fis-soċjetà internazzjonali u mhux biss id-donatur globali ewlieni; għall-kuntrarju ta’ dan, l-UE tista’ tikkundanna lilha nnifisha għal nuqqas ta’ importanza fir-reġjuni kollha, filwaqt li tħalli spazju miftuħ għall-involviment ta’ atturi globali oħrajn;
12. Jinsisti li kull rilokazzjoni ta’ fondi għandha tkun għall-benefiċċju tal-programmi ġeografiċi għall-qerda tal-faqar tal-LIC u tal-LMIC tal-istess reġjun;
L-importanza tal-MIC – il-ħtieġa ta’ approssimazzjoni differenzjata
13. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ severità fl-implimentazzjoni tal-kriterji eliġibbli stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni tal-ICD biex tirtira, fir-rigward ta’ ħdax-il MIC tal-LAC, l-aċċess tagħhom għall-programmi bilaterali; ifakkar li xi pajjiżi tal-Amerika Latina huma fost dawk bl-ikbar inugwaljanza fid-dinja - fid-dħul per capita - u li l-inugwaljanza persistenti teżisti f'kuntest ta' mobilità soċjoekonomika baxxa; jinsisti li huma grupp ta’ pajjiżi eteroġenji ħafna u li, minħabba f’hekk, għandha tinżamm kooperazzjoni differenzjata, ibbażata fuq il-koordinazzjoni u d-djalogu politiku;
14. Iqis li l-messaġġ imwassal mill-UE lejn ir-reġjun huwa ferm inkwetanti peress li, fil-prattika, huwa dikjarazzjoni li ma tagħtihx l-importanza li jixraqlu, minkejja diversi impenji politiċi u kummerċjali miksuba u l-interessi globali konġunti;
15. Jissottolinja l-ħtieġa, kif espress mill-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, fil-punt 66 tiegħu, sabiex tingħata attenzjoni xierqa lill-MICs, b’mod partikolari lill-pajjiżi ta’ bi dħul medju-baxx, li ħafna minnhom jiffaċċjaw problemi simili għal dawk ta’ pajjiżi bi dħul baxx;
16. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu analiżi oġġettiva u trasparenti fil-qafas tal-prinċipju tad-differenzjazzjoni bl-għan li jiġu riveduti u mwessgħin l-indikaturi użati biex jiġi valutat l-iżvilup, li tmur lil hinn mill-fattur tad-dħul finanzjarju u tinterpreta l-kriterji ekonomiċi fid-dawl ta' fatturi oħra bħall-faqar, il-vulnerabilità i l-indiċi ta' kriżi ECHO, u l-koeffiċjenti Gini u tal-inugwaljanza; javża li l-klassifikazzjoni tal-pajjiżi skont il-livell ta' dħul hija bbażata fuq kalkoli li jaħbu l-inugwaljanza u l-faqar;
17. Jenfasizza li, meta jitqiesu dawk l-indikaturi, l-UE għandha tkompli bil-kooperazzjoni bilaterali taħt il-futura DCI, mill-inqas mal-Kolombja, l-Ekwador, il-Peru u l-Paragwaj;
18. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija koerenti għat-tneħħija gradwali tal-għajnuna bilaterali lill-MICs, li jippermettilhom jikkonsolidaw is-sitwazzjoni tagħhom ta’ “gradwati” tal-għajnuna u b’hekk jiġi segwit il-prinċipju ta’ prevedibbiltà tal-għajnuna msemmi fil-Laqgħa ta’ Busan dwar l-Effiċjenza tal-Għajnuna;
19. Jitlob lill-Kummissjoni din it-tneħħija gradwali tal-għajnuna bilaterali minn meta jidħol fis-seħħ l-ICD il-ġdid, iqis il-kriterji li ġejjin:
– Rabta espliċita tal-għanijiet u l-konċentrazzjoni settorjali tal-għajnuna bilaterali għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, speċjalment permezz tal-kofinanzjament ta’ politiki u programmi attivi għat-tnaqqis tal-inugwaljanza fid-dħul u fl-opportunitajiet, kif ukoll programmi oħra iżjed avvanzati ta’ appoġġ għall-kompetittività u l-fenomenu tal-iżvilupp sostenibbli, inkluża l-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika u xjentifika u ta’ assistenza teknika; aċċess ta’ preferenza għall-programmi tematiċi, reġjonali u sottoreġjonali, u għall-Istrument ta’ Sħubija li jinkludi ammont minimu garantit; sforz qawwi favur l-għajnuna li tiġi rimburzata u l-programmi ta’ boroż ta’ studju;
– id-definizzjoni tal-prijoritajiet permezz ta’ djalogi bilaterali u bireġjonali mal-awtoritajiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili;
– iż-żamma tal-kooperazzjoni bilaterali tul perjodu ta’ tranżizzjoni adattat għall-indikaturi għall-allokazzjoni tal-għajnuna u s-sitwazzjoni ta’ kull pajjiż, tul perjodu massimu ta’ tranżizzjoni ta’ erba’ snin;
20. Jinsisti fuq il-ħtieġa għat-tisħiħ, b’iktar minn EUR 1,000 miljun, tal-Istrument ta’ sħubija għall-promozzjoni tal-mudell il-ġdid ta’ kooperazzjoni favur il-MIC u l-UMIC li jiżgura l-prevedibbiltà, il-kwantifikazzjoni u l-iskrutinju tal-fondi; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun strument li jsaħħaħ ir-rispons tal-UE għall-isfidi globali bħall-ġlieda kontra l-inugwaljanza, il-bidla fil-klima, is-sigurtà jew il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;
l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar;
21. Iqis li l-livelli għoljin ta’ inugwaljanza u n-nuqqas ta’ mekkaniżmu effettiv ta’ ħarsien soċjali huma l-ikbar xkiel għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija u għat-tkabbir ekonomiku ġust u sostenibbli tar-reġjun, u għalhekk jitlob attenzjoni ikbar fuq ir-rabta bejn il-governanza demokratika u l-koeżjoni soċjali;
22. Iqis li l-objettiv tal-koeżjoni soċjali tal-assoċjazzjoni UE-AL ma jistax jitwettaq sakemm ma jsirx livell għoli ta’ żvilupp u ta’ distribuzzjoni ekwa tad-dħul u l-ġid, u li dan il-għan jeħtieġ li jiżgura l-qerda tal-faqar permezz ta’ politiki fiskali iktar ġusti u progressivi, li jsaħħu l-kapaċità fiskali u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa;
23. Jenfasizza l-importanza tal-għajnuna għall-iżvilupp permezz tal-kummerċ; jinnota li l-iskambji kummerċjali Amerika Latina-UE huma fattur kruċjali fit-tnaqqis tal-faqar u fl-iżgurar tal-ħolqien tal-ġid fiż-żewġ kontinenti; iwissi kontra t-tendenzi protezzjonisti li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali;
24. Jisħaq fuq il-fatt li hu importanti li jinżamm l-għan ta' 20% għall-programmi ta’ edukazzjoni u saħħa u jinsisti li l-perspettiva tal-ġeneru għandha tiġi kkunsidrata fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà b’mod ġenerali; itenni li l-edukazzjoni u l-investiment fil-kapital uman huma l-pedament tal-koeżjoni soċjali u tal-iżvilupp soċjoekonomiku; jitlob li jiġu implimentati politiki effettivi u l-finanzjament adegwat għall-ġlieda kontra l-illitteriżmu li jibqa’ għoli f’ċerti pajjiżi fir-reġjun, li jaffettwa b’mod speċjali lill-bniet u n-nisa, u l-promozzjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni pubblika mingħajr ħlas (tal-primarja u s-sekondarja), ħafna drabi limitata minħabba nuqqas ta’ riżorsi adegwati f’ċerti baġits statali; jappoġġa f’dan is-sens il-proġett imħejji mill-OEI (Organizzazzjonijiet ta’ Stati Ibero-Amerikani) “Miri Edukattivi 2021: l-edukazzjoni li nixtiequ għall-ġenerazzjoni tal-biċentenarji”;
25. Jenfasizza li, għalkemm sar titjib kbir fil-kopertura u l-infiq fuq l-edukazzjoni fl-Amerika Latina tul l-aħħar deċennji, il-kwalità għadha baxxa u l-aċċess mhuwiex ekwu; jenfasizza l-ħidma mwettqa mill-Unjoni Ewropea permezz tal-programmi Erasmus, Alban u Alfa u jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm l-isforz baġitarju mwettaq sal-lum;
26. Jinsisti li d-differenzi kbar fil-prestazzjoni fl-iskejjel fl-Amerika Latina komplew jikbru f’dawn l-aħħar snin jekk wieħed iqabbel iż-żoni rurali ma’ dawk urbani, it-tip ta’ skola pubblika jew privata, is-sess jew il-livell soċjoekonomiku, għaldaqstant il-problema ta’ nuqqas ta’ koeżjoni soċjali kompliet tmur għall-agħar;
27. Jinsisti li l-koeżjoni soċjali tkun marbuta mill-qrib ma’ politiki oħra bħal dawk dwar il-kummerċ, l-investiment u l-finanzi; Iqis li l-ICD għandu jintroduċi l-għanijiet tal-koeżjoni soċjali b’mod iżjed effiċjenti fil-programmazzjoni tematika, nazzjonali u reġjonali tiegħu, waqt li jappoġġa prinċipalment politiki fiskali, tributarji u soċjali iżjed ġusti, li jippromwovu l-ugwaljanza, l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, ix-xogħol deċenti u r-riforma tas-sistema ġudizzjarja;
28. Jindika l-importanza tal-programmi bħal EuroSocial, URB-AL u AL-INVEST; COPOLA,D kif ukoll dawk għat-tisħiħ tad-Djalogu u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u l-AL għat-twaqqif ta’ mudelli ta’ ġestjoni dwar il-Migrazzjoni u l-Politika għall-Iżvilupp; iqis li fl-ICD ġdid dawn il-programmi għandhom jiġu msaħħa, billi jiġi esplorat il-potenzjal tagħhom f’termini ta’ kooperazzjoni trijangulari;
29. Jinnota l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea, permezz tal-ICD, talloka r-riżorsi neċessarji sabiex it-tfal itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom u jkunu jistgħu jiżviluppaw bis-sħiħ il-ħiliet u l-potenzjal tagħhom primarjament fi ħdan il-familja;
30. Itenni l-importanza tal-forum ta’ koeżjoni soċjali UE-Amerika Latina u jitlob li jiġi stabbilit bħala spazju għal djalogu politiku bireġjonali fil-qasam tal-koeżjoni soċjali, permezz tal-promozzjoni ta’ mekkaniżmi aktar ambizzjużi u ta’ koordinazzjoni tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam, kif ukoll li tingħata spinta lill-koeżjoni soċjali fl-aġendi tal-fora internazzjonali ewlenin;
31. Jindika li l-Fondazzjoni UE-LAC jista’ jkollha rwol rilevanti fil-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-azzjonijiet u d-dibattiti tas-soċjetà ċivili fuq ir-rwol tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali fir-reġjun;
Koerenza tal-politika għall-iżvilupp
32. Ifakkar fl-importanza tal-PCD, definita fl-Artikolu 208 tat-TFUE, għall-qerda tal-faqar, il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, il-ħarsien tal-ambjent, il-governanza tajba u għall-iżvilupp sostenibbli u inklussiv;
33. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-viżibbiltà tal-proġetti tagħha mwettqa fil-pajjiżi tal-Amerika Latina u tagħmilhom iżjed jinftiehmu miċ-ċittadini tagħhom biex b’hekk turi l-valur miżjud tal-kooperazzjoni mal-UE;
34. Jindika li l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni/Kummerċ Ħieles tal-UE m’għandhom fl-ebda ċirkostanza jkunu f’kunflitt mal-għan tal-Koerenza ta’ Politiki għall-Iżvilupp; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-bżonnijiet u t-taħssib dwar il-bilanċ jiġu riflessi b’mod xieraq fil-kapitoli relatati mal-kummerċ bħas-servizzi finanzjarji, l-akkwist mill-gvern u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, u permezz ta' mekkaniżmu b'saħħtu tiżgura l-ilħiq ta' standards komuni dwar drittijiet soċjali, ta' xogħol u ambjentali fi kwalunkwe proċess tan-negozjati li għadu għaddej jew li għad jiġi rieżaminat;
35. Jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati tinjora n-natura strateġika tar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina billi ċċaħħad lil għadd ta' pajjiżi fir-reġjun minn dan l-istrument allavolja huwa essenzjali għall-iżvilupp tar-reġjun;
36. Jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jikkonsolidaw l-isforzi tagħhom biex iwittu t-triq lejn Ftehim ta' Assoċjazzjoni sħiħ tal-futur mal-Komunità Andina, fl-interess tat-tkabbir ekonomiku u tal-iżvilupp soċjali tal-Istati Membri kostiwenti tiegħu, u konformi mal-valuri, il-prinċipji u l-objettivi tal-UE, li minn dejjem ippromovew l-integrazzjoni tal-Amerika Latina;
37. Jistieden lill-UE tiżgura li r-riżorsi magħżula għall-iżvilupp ma jiġux użati;
38. Iqis li l-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-MERCOSUR tista' trawwem u żżid il-kooperazzjoni u l-iżvilupp bejn l-Amerika Latina u l-Unjoni Ewropea, sakemm tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' kummerċ ġust u r-rispett tal-ħidma internazzjonali u tal-istandards ambjentali u l-prinċipju taċ-ċertezza legali għall-investimenti, u sakemm is-sħab ukoll iġibu ruħhom b'mod li jispira l-fiduċja;
39. Jenfasizza li l-ICD l-ġdid għandu jrawwem il-proċess reġjonali ta’ integrazzjoni; f’dan ir-rigward, ifakkar li l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u ta' Kummerċ bejn bosta partijiet, jekk ikunu mmirati kif xieraq fuq li jqisu l-asimettriji, jistgħu jkunu inċentiv qawwi fl-iżvilupp tagħha u fl-integrazzjoni reġjonali, imma jsostni li l-inkoerenza bejn il-politiki tikkomprometti dan il-proċess; iħeġġeġ lill-UE biex tiżgura li kwalunkwe ftehim konkluż bilateralment ma jipperikolax il-proċess ta' integrazzjoni tal-Amerika Latina; jinnota wkoll li filwaqt li r-relazzjonijiet interreġjonali naqsu għall-benefiċċju tar-relazzjonijiet bilaterali, din il-bidla lejn il-bilateraliżmu għandha t-tendenza li żżid il-frammentazzjoni u r-rivalità fost il-blokok reġjonali tal-Amerika Latina;
40. Jinsisti fuq il-ħtieġa li fid-delegazzjonijiet tal-UE jiġu stabbiliti punti fokali għall-PCD u l-iżvilupp permezz ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ f’dan il-qasam;
41. Jenfasizza l-importanza għall-Unjoni Ewropea li tiżviluppa politika kummerċjali iktar koerenti mal-politiki tal-iżvilupp, sabiex il-kummerċ ikun jista’ wkoll iġib miegħu standards soċjali ġusti b’mod partikolari permezz tal-inklużjoni ta’ klawżoli soċjali li jkunu jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet ta’ sħubija.
42. Jenfasizza l-importanza ta’ konsistenza akbar fl-ODA u jqis li l-preżenza tal-UE u tat-tliet pajjiżi tal-Amerika Latina fil-G20, għandha tikkontribwixxi għal tqarrib tal-pożizzjonijiet li jippermettu l-PCD tkun tista’ tiġi implimentata b’mod konġunt;
43. Ifakkar fl-obbligu li jiġi rrispettat il-prinċipju inkluż fl-Artikolu 208 fuq il-PCD u li jiġu evitati l-effetti negattivi għar-reġjun tkun tfisser l-esklużjoni ta’ 11-il pajjiż tal-kooperazzjoni bilaterali tal-UE kif ukoll l-eliminazzjoni tal-preferenzi kummerċjali li ġejjin mill-iskemi tal-SPĠ+;
44. Ifakkar li s-soċjetà ċivili għandha rwol importanti fil-konsolidazzjoni tad-demokrazija u fid-definizzjoni, implimentazzjoni u skrutinju tal-politiki ta’ żvilupp fl-Amerika Latina; jikkundanna l-ftit importanza li tingħata lill-programmi attwali ta’ kooperazzjoni u l-allokazzjoni skarsa ta’ riżorsi li jingħataw;
45. Jenfasizza li fil-kuntest tas-sjieda demokratika, il-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u s-soċjetà ċivili għandhom jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex ikollhom rwol xieraq fid-definizzjoni tal-istrateġiji ta' żvilupp, biex iżommu lill-gvernijiet responsabbli għal dak li jagħmlu, jissorveljaw u jevalwaw ir-rendiment tal-passat u r-riżultati li nkisbu; jenfasizza b’mod speċjali l-importanza li tingħata iżjed setgħa lir-rwol tal-parlamentari tal-Amerika Latina fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
46. Huwa għalhekk iddiżappuntat ferm, li fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles li għadhom kif ġew innegozjati mal-pajjiżi tal-Amerika Latina, il-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili hija llimitata b’mod espliċitu għal kwistjonijiet relatati mal-kapitolu tal-Iżvilupp Sostenibbli;
47. Iqis li l-appoġġ għas-soċjetà ċivili għandu jibqa’ jirrappreżenta waħda mill-prijoritajiet tal-ICD li jmiss; jenfasizza li dan l-appoġġ għandu jiġi inkluż fl-istrateġiji tal-pajjiż u fil-programmi reġjonali tiegħu, b’enfasi fuq ir-rwol determinanti tiegħu fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza, il-korruzzjoni u l-iskrutinju tal-użu tar-riżorsi finanzjarji;
48. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju, tekniku u ta’ kompetenza lill-amministrazzjonijiet tal-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi tal-Amerika Latina fil-programmi ta’ strateġija reġjonali sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza, it-trasparenza u l-kontabilità tagħhom, li hija kruċjali biex il-parlamenti jwettqu r-rwol proprju tagħhom fil-proċessi demokratiċi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
49. Ifakkar li l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp fil-punt 18 tiegħu jistabbilixxi li “L-UE se tintensifika l-appoġġ tagħha għall-ħolqien ta’ kapaċitajiet tal-atturi mhux statali bil-għan li ssaħħaħ il-vuċi tagħhom fil-proċess tal-iżvilupp u li tavvanza d-djalogu politiku, soċjali u ekonomiku”; jiddispjaċih li l-Green Paper dwar it-titjib tal-impatt tal-politika ta’ żvilupp fl-UE, naqset sew milli tispjega kif se tkun il-parteċipazzjoni u t-taħriġ tas-soċjetà ċivili fil-politika futura ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;
Vjolenza u kriminalità
50. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt soċjali tal-livelli għoljin ta’ kriminalità u vjolenza fir-reġjun, b’mod partikolari l-femminiċidju; iqis li tinħtieġ definizzjoni ta’ strateġija ġdida u iżjed effiċjenti biex jingħeleb dan il-fenomenu kif ukoll il-kawżi ekonomiċi, soċjali u politiċi tiegħu;
51. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja bis-saħħa l-proċessi ta’ konsultazzjoni tal-komunitajiet lokali kkonċernati permezz ta’ proġetti estrattivi; jisħaq ukoll, f’dan il-kuntest, dwar l-importanza li jiġi żgurat ir-rappurtar ta’ kull pajjiż tal-industriji estrattivi, kif previst fil-proposta għad-direttiva dwar il-kontabbiltà u t-trasparenza, bħala għodda biex titnaqqas il-korruzzjoni, it-tixħim u l-evażjoni tat-taxxa;
52. Ifakkar li l-kriminalità u n-nuqqas ta’ sigurtà għandhom impatt kbir fuq il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi u demokratiċi, kif ukoll fuq is-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem;
53. Ifakkar li wieħed mill-għanijiet prijoritarji tal-azzjoni esterna tal-Unjoni huwa li jiffavorixxi l-konsolidazzjoni tas-sistemi demokratiċi u d-difiża tad-drittijiet umani fid-dinja, u konsegwentement fl-AL;
54. Juri t-tħassib tiegħu rigward l-impatt sinifikanti tal-vjolenza fuq il-bażi tas-sess li teżisti fir-reġjun;
55. Jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi l-ġlieda kontra l-impunità bħala prijorità fl-iżvilupp tagħha mal-Amerika Latina, u tippreżenta sal-aħħar tal-2012 komunikazzjoni dwar dak is-suġġett b’kapitoli dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-kooperazzjoni finanzjarja u l-iskambju tal-informazzjoni, u dwar il-ħarsien tal-vittmi;
56. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-vjolenza fuq in-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi responsabbiltajiet ċari fis-SEAE u tikkoordina l-azzjonijiet rilevanti tad-delegazzjonijiet tal-UE ma’ dawk tal-ambaxxati tal-Istati Membri fil-pajjiżi involuti sabiex jikkonvertu d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentanta Għolja Catherine Ashton dwar il-femminiċidju ta’ Ġunju 2010 f’politiki konkreti allokati b’riżorsi suffiċjenti;
57. Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ politiku u finanzjarju lill-ħidma tas-Sistema Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-kwistjoni tal-femminiċidju u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-sentenzi tagħha;
58. Iħeġġeġ lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tikkonsulta u tgħarraf lill-Parlament Ewropew dwar id-djalogi eżistenti li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem, u tikkoopera, fl-ambitu tas-sħubija bireġjonali, fit-tfittxija ta' rimedji għall-eliminazzjoni tal-femminiċidju u forom oħrajn ta' vjolenza fuq in-nisa;
59. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu sehem b’mod attiv u b’mod regolari tqajjem is-suġġett fid-djalogi politiċi, u b’mod partikolari fid-djalogi attwali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u toffri l-kooperazzjoni fit-tiftix għal rimedji li jeliminaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-femminiċidju fil-kuntest tas-sħubija bireġjonali;
It-tibdil fil-klima
60. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-iżvilupp sostenibbli, il-ħarsien tal-bijodiversità, il-qerda tal-foresti u l-produzzjoni agrikola fl-Amerika Latina;
61. Jinsisti li l-UE ma tagħmilx promozzjoni u lanqas tappoġġja l-produzzjoni agrokarburant fuq skala kbira permezz tal-kooperazzjoni tagħha għall-iżvilupp, minħabba l-impatti negattivi tagħha fuq is-sigurtà alimentari, id-deforestazzjoni, l-aċċess għall-art u l-ambjent;
62. Jitlob lill-awtoritajiet lokali tal-pajjiżi tal-Amerika Latina biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-investimenti li qed jiżdiedu li jistgħu jostakolaw l-iżvilupp sostenibbli u l-ekosistemi ta' pajjiż, speċjalment fil-kuntest ta' impatt negattiv tat-tibdil fil-klima;
63. Ifakkar li t-tibdil fil-klima jirrappreżenta piż żejjed għall-Amerika Latina u li jeħtieġ li jiġu ffinanzjati b’mod urġenti azzjonijiet ta’ ġlieda, taffija u adattament;
64. Jitlob il-promozzjoni tal-iskambju ta’ esperjenzi u informazzjoni bejn l-UE u l-AL fil-qafas tal-programm EuroClima u tal-Kooperazzjoni bejn Nofsinhar u Nofsinhar, skont kif miftiehem fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Madrid; ifakkar l-importanza tal-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali;
65. Jindika li, minkejja li tinvolvi 30% tar-riżorsi tal-ilma globali, id-distribuzzjoni tal-ilma fl-Amerika Latina hija irregolari ħafna u mhux ugwali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibqa’ tassisti lill-pajjiżi msieħba għal ġestjoni aħjar tal-provvista u t-titjib tar-riżorsi tal-ilma;
66. Ifakkar l-impenn tal-UE li tikkontribwixxi biex issaħħaħ ir-rwol tal-enerġija sostenibbli bħala wieħed mill-mezz għall-iżvilupp sostenibbli;
Settur privat u infrastrutturi
67. Jinnota li l-mekkaniżmi bħall-Faċilità ta’ Investiment għall-Amerika Latina huma maħsuba li jsiru iżjed importanti fil-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp, li bħala prijoritajiet għandha l-effiċjenza enerġetika, l-enerġiji rinnovabbli, it-trasport, il-ħarsien tal-bijodiversità u l-appoġġ għall-SMEs, u jenfasizza l-importanza potenzjali tar-rwol tagħha fil-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali u l-aġendi tar-reġjun għall-kompetittività internazzjonali; jenfasizza l-fatt li s-soċjetà ċivili għandha rwol ċentrali u xieraq fl-iskrutinju ta' politiki ta' żvilupp, imma jinnota li m’hemmx mekkaniżmu previst fl-istruttura tal-Faċilità ta’ Investiment għall-Amerika Latina biex jiżgura r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tal-parlamenti u tas-soċjetà ċivili jkunu garantiti sabiex jiżguraw il-monitoraġġ effettiv u s-segwitu tal-fondi tal-kooperazzjoni tal-KE għall-iżvilupp;
68. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ iżjed studju tal-esperjenzi mal-Faċilità ta’ Investiment għall-Amerika Latina u jinsisti li l-proġetti futuri għandhom jiġu soġġetti fl-implimentazzjoni tagħhom għal mekkaniżmi ta’ monitoraġġ stabbiliti b’mod ċar u trasparenti u għal studji tal-impatt soċjali u ambjentali;
69. Jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tal-appoġġ għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju minħabba l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp, it-tkabbir ekonomiku tar-reġjun u l-konsolidazzjoni soċjali u ekonomika; jenfasizza li l-SMEs huma s-sorsi ewlenin tal-ħolqien tal-impjieg; jistma li se tkun meħtieġa wkoll il-promozzjoni tal-attivitajiet ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva tal-imsieħba Ewropej tagħha bil-għan li tiffavorixxi l-għanijiet tal-politika ta’ tkabbir inklussiv tal-UE;
70. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta urġenti lill-bini ta’ infrastrutturi fl-Amerika Latina sabiex jiġu appoġġjati r-rati għolja ta’ tkabbir attwali u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali; jirrakkomanda l-użu ta’ strumenti bħall-MIAL (Mekkaniżmu ta’ Investiment tal-Amerika Latina) għall-appoġġ ta’ proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet, peress li l-investiment attwali li qed isir mill-pajjiżi Latinoamerikani f’dawn l-oqsma huwa ħafna inqas minn dak meħtieġ; ifakkar li l-użu ta’ ODA għal dawn il-proġetti għandu jkun iġġustifikat f’termini tal-kontribuzzjoni tiegħu għat-tnaqqis tal-faqar, il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u l-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità għall-popolazzjoni;
71. Jinsisti li l-KE teħtieġ li tiżviluppa linji gwida ċari dwar il-proċess trasparenti tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-għażla ta’ proġetti u tiżgura l-koerenza mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, il-prinċipju tas-sjieda tal-pajjiż u l-impenn tal-UE li tnaqqas ir-restrizzjonijiet fuq l-għajnuna tagħha;
72. Jistieden lill-Viċi-President / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna sabiex jassiguraw l-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE fil-konfront tal-Amerika Latina, kif imsemmi fit-Trattat ta' Lisbona;
73. Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-oqsma tal-faċilitajiet tat-taħlit tal-għotjiet u s-self bħal fuq skala żgħira u l-enerġija lokali u l-produzzjoni agrikola u favur l-SMEs u l-mikrointrapriżi tas-settur privat ikunu ffukati fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
Kooperazzjoni differenzjata: riċerka xjentifika u teknoloġika
74. Jitlob it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ ċerti MIC fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, fi ħdan il-programm Orizzont 2020;
75. Jittama li l-ftuħ ta’ djalogu serju dwar it-temi tax-xjenza, l-edukazzjoni għolja u t-taħriġ, teknoloġija u l-innovazzjoni jista’ jħeġġeġ il-ħolqien ta’ spazju Ewro-Latino-Amerikan ta’ innovazzjoni u għarfien u jgħin biex tiżdied il-kompetittività;
76. Iqis li għandha tiġi promossa l-mobbiltà temporanja tar-riċerkaturi u l-appoġġ għall-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka f’oqsma bħal: is-saħħa, is-sigurtà tal-ikel, ir-riċerka tal-baħar u dik marittima, l-enerġija rinnovabbli, il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-adattament għal dan;
77. Ifakkar li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti każ u tagħmel użu aħjar mill-vantaġġ kbir li għandha minħabba fil-pożizzjoni ġeostrateġika ta’ xi reġjuni ultraperiferiċi viċin l-Amerika Latina.
78. Jinnota li t-titjib fil-ħidma attwali tal-istituti tar-riċerka dwar il-prattiki agrikoli huwa fundamentali għall-iżvilupp tal-kontinent.
Promozzjoni tal-Kooperazzjoni Reġjonali, bejn Nofsinhar u Nofsinhar (CSS) u Kooperazzjoni Trijangolari
79. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti iktar kunsiderazzjoni profonda lill-inkorporazzjoni tal-CSS fil-politika ta' kooperazzjoni;
80. Ifakkar li l-AL huwa l-aktar reġjun dinamiku tad-dinja fil-qasam ta’ CSS, u b’hekk jintwera r-rwol rilevanti tal-MIC bħala dawk li jippromwovu l-integrazzjoni soċjali u l-miri internazzjonali tal-iżvilupp;
81. Ifakkar li l-UE sa issa għad m’għandhiex definizzjoni strateġika ċara dwar is-CSS [8] li jippermetti li tiġi żviluppata politika aktar attiva f’dan il-qasam; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu stabbiliti indikaturi li juru l-impatt soċjali u ekonomiku tat-tipi ta’ CSS differenti u trijangolari;
82. Itenni l-importanza tal-iskambji kummerċjali intrareġjonali u tal-kooperazzjoni trijangolari u r-rwol ewlieni tagħha għas-seħħ tal-MDG, il-qerda tal-faqar, il-promozzjoni tal-impjieg u l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni, il-koeżjoni soċjali, l-agrikoltura u l-iżvilupp sostenibbli;
83. Iqis li jeħtieġ li l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni bireġjonali, CSS u trijangolari jiġu estiżi f’setturi bħax-xjenza u r-riċerka, l-iżvilupp sostenibbli, l-ambjent, il-bidla fil-klima, l-enerġija, il-koeżjoni soċjali, l-edukazzjoni jew l-impjieg;
84. Jenfasizza l-ħtieġa li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Amerika Latina jitwessa' f'livelli differenti, bħalma huma s-Samits tal-Kapijiet ta' Stat u l-Assemblea Parlamentari EUROLAT, bħala strumenti importanti għall-iżvilupp ta' kunsens politiku; jitlob miżuri biex jiżguraw li l-impenji politiċi meħuda fis-Samits UE-Amerika Latina jkunu akkumpanjati mill-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji neċessarji;
85. Jirrakkomanda lill-Assemblea Eurolat u lill-Fondazzjoni UE-LAC biex jagħtu l-importanza strateġika li jixraq lis-CSS u l-kooperazzjoni trijangulari fl-aġenda tal-ħidma tagħha;
86. Iqis li s-CSS u l-kooperazzjoni trijangolari għandhom ikunu wieħed mill-kwistjonijiet ċentrali tas-VII Samit EU-ALK fiċ-Ċilì, ħaġa li tkompli fuq il-konklużjonijiet finali tas-Samit ta’ Madrid;
o
o o
88. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iwassal din ir-Riżoluzzjoni lill-Viċipresident/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kollha tal-Amerika Latina u tal-Karibew, lill-Fondazzjoni UE-LAC, lill-Assemblea Parlamentari Euro-Latinamerikana, lill-Parlament Latinamerikan, lill-Parlament tal-Amerika Ċentrali, lill-Parlament Andin u lill-Parlament tal-Mercosur.
- [1] ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
- [2] ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
- [3] ĠU C 140 E, 16.3.2002, p. 569.
- [4] ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 54.
- [5] ĠU C 12 E, 15.1.2011, p.245.
- [6] P7_TA(2011)0320.
- [7] Data mill-ECLAC u l-OECD.
- [8] Ifakkar li jeżistu linji gwida dwar dan is-suġġett b'rabta mal-ekonomiji emerġenti, iżda li dan huwa approċċ xi ftit frammentat;
NOTA SPJEGATTIVA
It-Trattat ta' Lisbona jgħid li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali se tkun ibbażata, fost l-oħrajn, fuq il-prinċipji tal-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett tad-dinjità umana u l-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà. Jindika wkoll li l-Unjoni se tfittex li tiżviluppa relazzjonijiet u toħloq assoċjazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, waqt li ssostni l-iżvilupp sostenibbli fil-livell ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan fundamentali li teqred il-faqar.
Ir-rapporteur hu konvint li l-politika tal-UE tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u, b’mod speċjali, il-koerenza bejn il-politiki tal-Unjoni għandhom rwol fundamentali biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, is-sikurezza tal-ikel u s-sostenibbiltà ambjentali.
Meta l-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ikunu qed jaħdmu fuq il-proċess tal-DCI li jmiss u tal-Qafas Finanzjarju 2014-2020, ir-rapporteur, bl-avviż bil-quddiem meħtieġ, jipproponi li jagħti, f'dan il-proċess, kontribut relatat mad-direzzjonijiet il-ġodda tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Amerika Latina.
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali qed tolqot l-ekonomiji Ewropej b’mod aħrax. Madankollu qed nosservaw li għall-Amerika Latina, il-kriżi kienet inqas serja u li saħansitra din għandha prospetti ta’ tkabbir ta’ 4.5% tul l-2012. Iżda l-FMI ukoll jitkellem ċar meta jgħid li l-inċertezza fir-rigward tal-irkupru mondjali tista’ tolqot it-tkabbir tal-Amerika Latina. Minkejja l-previżjonijiet ekonomiċi pożittivi, wieħed għandu josserva bi tħassib li qed niffaċċjaw reġjun fejn 180 miljun ruħ jgħixu taħt il-livell tal-faqar u li għaxar pajjiżi tar-reġjun għadhom fost il-ħmistax bl-ikbar inugwaljanza fid-dinja, skont id-data tal-UNDP (Programm għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti).
L-UE hi d-donatur ewlieni ta’ għajnuna għall-iżvilupp, l-investitur ewlieni u t-tieni sieħeb kummerċjali tar-reġjun. Ir-rapporteur hu konvint li l-kollaborazzjoni u l-għajnuna li l-UE tat lill-Amerika Latina tul dawn is-snin permezz tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni ffirmati u, prinċipalment, permezz tal-għajnuna tagħha għall-iżvilupp, ikkontribwiet b’mod pożittiv għall-isforzi ta’ kull pajjiż biex jikkonsolida l-Istat tad-Dritt tiegħu u jnaqqas il-problemi tiegħu ta’ faqar urġenti. Dan mhuwiex il-mument biex jiġu abbandunati: hu l-mument li jingħata bidu għal qafas ta’ inċentivi, li jibqa’ jingħata appoġġ lil dawk il-pajjiżi li l-iżjed jeħtieġuh u li ma jiġux ikkastigati bit-tneħħija tal-għajnuna dawk li jiksbu l-aħjar riżultati, iżda li għad għandhom livelli ta’ faqar u inugwaljanza intollerabbli.
F’kuntest fejn m’għamilniex iktar ħlief navvanzaw fir-relazzjonijiet bireġjonali tagħna bil-firma tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Amerika Latina, il-bidu tal-fondazzjoni UE-LAC, il-ħolqien ta’ Faċilità ta’ Investimenti għall-Amerika Latina u d-djalogi tant importanti dwar it-tibdil fil-klima, l-innovazzjoni, id-drogi jew il-migrazzjoni, ma nistgħux inwarrbu l-impenji tagħna, ħaġa li tqajjem dubji dwar il-koerenza tal-politika tagħna barra l-Unjoni.
Ir-Rapporteur jinsisti li, għall-UE, it-tisħiħ tal-preżenza tagħna fl-Amerika Latina jista’ jmexxi 'l quddiem il-ħruġ mill-kriżi. Għalhekk, ir-rapporteur jemmen fil-ħtieġa ta' orjentament ġdid tal-politika tagħna ta' għajnuna għall-iżvilupp. Tinħtieġ kooperazzjoni kkoordinata u mfassla apposta, li tqis is-sitwazzjoni ta’ kull pajjiż u li tkun ibbażata fuq indikaturi usa’ minn dawk li jkejlu l-livell tad-dħul. L-UE għandha tibqa’ tikkollabora mal-pajjiżi MIC biex jiżviluppaw il-potenzjal massimu tagħhom bħala mexxejja fil-ġlieda kontra l-faqar u favur l-iżvilupp fuq livell reġjonali.
M'għandniex ninsew li l-Assoċjazzjoni Strateġika tagħna hi bbażata fuq valuri komuni u fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Jeħtieġ li ninsistu li għandna sfidi komuni bħalma hi l-kriżi tal-ikel, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-ħruġ soċjali mill-kriżi li rridu niffaċċjaw permezz tat-tisħiħ tal-multilateraliżmu. Għalhekk, ir-rapporteur jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta strateġija koerenti ta’ tnaqqis gradwali tal-għajnuna bilaterali lill-PRM, u li ssaħħaħ l-għajnuna tagħha lill-LIC. Fl-aħħarnett ir-rapporteur jitlob li l-DCI l-ġdid jiġi pprovdut b'valur miżjud reali.
Il-proposta tal-DCI li jmiss għandha tikkontribwixxi valur miżjud
Il-kriżi ekonomika ma tistax tkun il-bojja tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp u ta’ dawk li jispiċċaw isofru t-tnaqqis ikunu l-ifqar nies tal-pjaneta. Ma nistgħux nippermettu li t-63% tat-tfal u ż-żgħażagħ li jgħixu fil-faqar fl-Amerika Latina —skont id-data tal-ECLAC— ikunu l-vittmi tal-ispekulazzjoni ħarxa li qed tħarbat lill-ekonomiji tagħna.
Servizzi essenzjali bħall-edukazzjoni, is-saħħa jew is-saħħa riproduttiva ma jistgħux jaraw ir-riżorsi tagħhom imnaqqsa meta l-qasam finanzjarju u dak bankarju qed iżidu l-piż tagħhom. Mhux aċċettabbli li fil-proposta attwali tal-KE dwar l-DCI, is-servizzi bażiċi sparixxew, b’mod espliċitu, mil-lista tal-prijoritajiet. Għalhekk, ir-rapporteur jinsisti li jinżamm l-impenn attwali li 20% tal-għajnuna tiġi orjentata lejn l-oqsma ewlenin tal-edukazzjoni, it-taħriġ u s-saħħa pubblika.
Iċ-ċiklu attwali ta’ tkabbir tal-Amerika Latina ġġenera progress soċjali u ekonomiku importanti, iżda fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi dan ma fissirx bidliet razzjonali fil-mudell tad-distribuzzjoni tad-dħul, u lanqas fil-politiki għat-titjib tal-koeżjoni soċjali jew biex jingħata iżjed piż lill-għarfien u l-innovazzjoni. Ir-rapporteur jemmen fil-ħtieġa li jingħata valur miżjud lill-proposta l-ġdida tal-DCI, mhux biss permezz ta’ żieda kwantitattiva tal-għajnuna, iżda prinċipalment b’titjib kwalitattiv tal-istrument, b’impenn sod għal politiki ridistributtivi u għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali.
Il-ġlieda kontra l-faqar tfisser ukoll ġlieda kontra l-inugwaljanza u l-esklużjoni, u huwa hawn fejn l-ICD l-ġdid għandu jagħmel l-ikbar enfasi, iħeġġeġ politiki reġjonali, fiskali u tributarji, jippromwovi s-servizzi soċjali bażiċi u l-investiment fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, il-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ sigurtà, kontra l-produzzjoni, il-konsum u t-traffikar tad-droga, kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza tas-sessi.
Ma nistgħux ninsew li huma n-nisa u l-gruppi etniċi minoritarji dawk li jsofru l-ikbar inugwaljanza u esklużjoni. L-Ekwador, pereżempju, għandu kważi 5 miljun foqra – xi 36% tal-popolazzjoni totali li minnhom 2 miljuni huma nisa li jgħixu f’faqar estrem, jiġifieri, jieklu b'mod mirakuluż darba kuljum. Barra dan, skont rapporti tal-WHO, 70% tan-nisa Ekwadorjani ta’ bejn il-15 u l-44 sena huma vittmi ta’ vjolenza maskilista.
Ukoll, b’medja annwali ta’ xi 25 omiċidju għal kull 100,000 abitant, l-Amerika Latina hija fost l-iżjed reġjuni vjolenti tad-dinja. Fl-2010, iżjed minn 18,000 persuna sfaw vittmi ta’ omiċidji fl-Amerika Ċentrali biss u l-UNDP sab li l-Gvernijiet tal-Amerika Ċentrali nefqu 4000 miljun dollaru f’sigurtà u ġustizzja. L-DCI l-ġdid jista’ jagħti prijorità mhux biss lil din il-ġlieda kontra l-vjolenza, iżda wkoll lill-bidu ta’ strateġija kontra l-korruzzjoni, kif ukoll biex isaħħaħ ir-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi.
Il-programmazzjoni l-ġdida tal-DCI għandha tkompli l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b’fondi u programmi speċifiċi, speċjalment għall-adattament tal-pajjiżi vulnerabbli tal-Amerika Latina. Il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ġlieda kontra l-qerda tal-foresti huma kwistjonijiet kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun.
Hu importanti b’mod assolut li jiġu involuti bis-sħiħ l-awtoritajiet nazzjonali u s-soċjeta ċivili fid-definizzjoni tal-prijoritajiet, kif ukoll fis-sorveljanza tal-programmi.
L-UE għandha tibqa’ fuq quddiem fir-rigward tal-isfidi globali attwali, ittejjeb l-effiċjenza tal-għajnuna tagħha, iżda fl-istess ħin timpenja r-riżorsi meħtieġa biex miljuni ta’ tfal ma jikbrux mingħajr il-possibbiltà li jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom. Dan il-għan hu mira ta’ kulħadd u jqiegħed lill-UE u lill-Ewropej kollha, minkejja l-kriżi, bħala l-proġett uman l-iżjed solidali li qatt ġie żviluppat, responsabbiltà li għandha tinqasam ma' u tiġi sostnuta mill-pajjiżi tar-reġjun, filwaqt li titħeġġeġ il-kooperazzjoni reġjonali u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn Nofsinhar u Nofsinhar.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (28.3.2012)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar id-definizzjoni ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ġdida mal-Amerika Latina
(2011/2286(INI))
Rapporteur: Laima Liucija Andrikienė
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet mill-qrib mal-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti forom ġodda ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi emerġenti u bi dħul medju fl-Amerika Latina permezz tal-Istrument għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument ta' Sħubija ġdid, b'rispett reċiproku, fuq bażi ugwali;
2. Jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati tinjora n-natura strateġika tar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina billi ċċaħħad lil għadd ta' pajjiżi fir-reġjun minn dan l-istrument allavolja huwa essenzjali għall-iżvilupp tar-reġjun;
3. Jissottolinja l-fatt li jeħtieġ li l-UE turi impenn ċar u deċiżiv għal kooperazzjoni aktar qawwija mal-Amerika Latina, bl-għan li tiġġieled il-faqar f'pajjiżi bi dħul medju b'differenzi soċjali sinifikanti;
4. Iqis li l-politika ta' kooperazzjoni u ta' żvilupp tal-UE għandha tkun definita b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Amerika Latina bil-għan li tinkiseb politika ta' żvilupp sostenibbli, ġusta u bbilanċjata tajjeb fil-konfront tar-reġjun;
5. Huwa tal-fehma, fid-dawl tal-bżonn ta' bilanċ tal-politika ta' żvilupp bejn l-Amerika Latina u l-UE, li l-Amerika Latina trid tagħmel sforz speċjali biex tippromwovi l-integrazzjoni reġjonali tagħha f'termini politiċi, ekonomiċi u kummerċjali;
6. Jissottolinja l-fatt li l-koeżjoni soċjali għandha tibqa' prinċipju fundamentali fl-istrateġija għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lejn l-Amerika Latina, mhux biss minħabba l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi tagħha, iżda wkoll minħabba l-importanza tagħha f'termini tal-konsolidament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fir-reġjun u l-Istat tad-dritt; jenfasizza l-importanza tal-espansjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni reġjonali tal-UE li jappoġġaw il-koeżjoni soċjali inkluż permezz tat-tnaqqis tal-faqar;
7. Jenfasizza li l-edukazzjoni u l-investiment fil-kapital uman jikkostitwixxu l-bażi għall-koeżjoni soċjali, il-ġenerazzjoni tal-impjiegi u l-iżvilupp soċjoekonomiku; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu żviluppati infrastrutturi ġodda sabiex jitnaqqas il-faqar assolut u relattiv u d-differenzi fost ir-reġjuni u l-gruppi soċjali u li jiġu appoġġati l-SMEs bħala pilastru importanti għal żvilupp ekonomiku sostenibbli;
8. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina fil-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, b'mod speċjali l-azzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra l-faqar, il-ħolqien tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali ta' gruppi emarġinati; jenfasizza li l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju li jimmiraw lejn sħubija globali għall-iżvilupp (MDG 8) għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politika ta' kooperazzjoni mal-Amerika Latina tal-UE, b'oqsma magħżula li fihom tiġi implimentata l-istrateġija ġdida ta' "tkabbir inklużiv" f'dawn il-pajjiżi; jissottolinja l-fatt li l-Fondazzjoni UE-Amerika Latina u l-Karibew tista' tagħti kontribut kbir biex dawn l-għanijiet jintlaħqu;
9. Jenfasizza s-sinerġiji ta' integrazzjoni reġjonali pożittivi ġejjin minn Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni komprensivi bejn l-UE u l-gruppi subreġjonali varji; iħeġġeġ li jkun hemm viżjonijiet ġodda għal kooperazzjoni bireġjonali fil-kuntest tas-7 Samit UE-Amerika Latina u Karibew tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern, li se jsir fiċ-Ċilì f'Jannar 2013;
10. Jilqa' pożittivament il-progress sinifikattiv fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Perù u l-Kolombja, u jistenna li l-Ftehim Kummerċjali konkluż matul il-Presidenza Spanjola fl-2010 jiġi ratifikat mill-Parlament Ewropew fil-futur qrib, billi dan il-ftehim se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' dawn iż-żewġ pajjiżi;
11. Jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jikkonsolidaw l-isforzi tagħhom biex iwittu t-triq lejn Ftehim ta' Assoċjazzjoni sħiħ tal-futur mal-Komunità Andina, fl-interess tat-tkabbir ekonomiku u tal-iżvilupp soċjali tal-Istati Membri kostiwenti tiegħu, u konformi mal-valuri, il-prinċipji u l-objettivi tal-UE, li minn dejjem ippromovew l-integrazzjoni tal-Amerika Latina;
12. Jisħaq fuq il-fatt li l-Unjoni Ewropea trid tagħmel dak kollu possibbli biex tikkonkludi Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Mercosur billi tenfasizza li dan jista' jrawwem u jżid b'mod konsiderevoli l-kooperazzjoni u l-iżvilupp bejn l-Amerika Latina u l-Unjoni Ewropea;
13. Josserva li l-esperti u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, partikolarment il-Kummissjoni Ekonomika għall-Amerika Latina u l-Karibew (ECLAC), jistimaw, abbażi tal-andament attwali, li sal-2015, il-kummerċ taċ-Ċina mal-Amerika Latina se jgħaddi dak tal-Ewropa;
14. Jissottolinja l-importanza tal-appoġġ tal-UE għal integrazzjoni fl-Amerika Latina; jenfasizza n-nuqqas ta' politika komprensiva tal-UE u approċċ reġjonali għall-Amerika Latina b'appoġġ għall-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tan-Nofsinhar (SSC), u n-nuqqas ta' linji gwida ċari tal-politika tal-UE dwar l-SSC u l-assoċjazzjoni interreġjonali li jimmiraw għall-ħolqien ta' spazji awtonomi għall-koordinament u l-kooperazzjoni politika fost il-pajjiżi tal-Amerika Latina mingħajr involviment Ewropew jew Nord-Amerikan;
15. Jenfasizza l-ħtieġa li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Amerika Latina jitwessa' f'livelli differenti, bħalma huma s-Samits tal-Kapijiet ta' Stat u l-Assemblea Parlamentari EUROLAT, bħala strumenti importanti għall-iżvilupp ta' kunsens politiku; jitlob miżuri biex jiżguraw li l-impenji politiċi meħuda fis-Samits UE-Amerika Latina jkunu akkumpanjati mill-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji neċessarji;
16. Iħeġġeġ lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tikkonsulta u tgħarraf lill-Parlament Ewropew dwar id-djalogi eżistenti li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem, u tikkoopera, fl-ambitu tas-sħubija bireġjonali, fit-tfittxija ta' rimedji għall-eliminazzjoni tal-femminiċidju u forom oħrajn ta' vjolenza fuq in-nisa;
17. Jistieden lill-Viċi-President / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna sabiex jassiguraw l-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE fil-konfront tal-Amerika Latina, kif imsemmi fit-Trattat ta' Lisbona;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.3.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
38 3 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Franziska Katharina Brantner, Jerzy Buzek, Tarja Cronberg, Michael Gahler, Ana Gomes, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Barry Madlener, Mario Mauro, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Werner Schulz, Marek Siwiec, Charles Tannock, Kristian Vigenin, Sir Graham Watson |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Elena Băsescu, Reimer Böge, Emilio Menéndez del Valle, Nadezhda Neynsky, László Tőkés, Renate Weber |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Peter Jahr |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
24.4.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Véronique De Keyser, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Ivo Vajgl, Anna Záborská |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Santiago Fisas Ayxela, Judith Sargentini |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sergio Gutiérrez Prieto, Emilio Menéndez del Valle, Katarína Neveďalová, Claudiu Ciprian Tănăsescu |
||||